Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0149

Ir-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Unit dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 7 ta' April 2011 dwar ir-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati

ĠU C 296E, 2.10.2012, p. 85–89 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 296/85


Il-Ħamis 7 ta’ April 2011
Ir-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Unit dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati

P7_TA(2011)0149

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2011 dwar ir-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati

2012/C 296 E/12

Il-Parlament Ewropew,

billi fl-1971 in-NU għarfu l-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs) bħala “l-iktar parti fqira u dgħajfa” tal-komunità internazzjonali,

wara li kkunsidra l-kriterji stabbiliti mill-Kumitat tan-NU għall-Politika tal-Iżvilupp (CDP) biex jidentifikaw l-LDCs,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati adottata f'Settembru 1990,

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar “l-Implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni għal-LDCs għad-Deċennju 2001-2010” (A/65/80),

wara li kkunsidra r-riżultati tal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) f'Settembru 2010,

wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni ta' Brussell (BPoA) għal-LDCs adottat fit-Tielet Konferenza tan-NU dwar l-LDCs (LDC-III) fi Brussell, f’Mejju 2001,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni meħuda fl-2008 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU biex tlaqqa' r-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-LDCs (LDC-IV),

billi LDC-IV se tivvaluta r-riżultati tal-BPoA hekk kif dan joqrob lejn tmiemu u tipproponi azzjonijiet ġodda (2011-2020) maħsuba biex jinkoraġġixxu l-iskambju tal-l-aħjar prattiki u tat-tagħlimiet meħuda u jidentifikaw deċiżjonijiet ta' politika u sfidi li l-LDCs se jħabbtu wiċċhom magħhom fid-deċennju li ġej u l-azzjonijiet meħtieġa,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986,

wara li kkunsidra l-MDG li l-faqar jitnaqqas b'nofs sal-2015,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi 48 pajjiż bħalissa huma kklassifikati bħala LDCs, 33 fl-Afrika, 14 fl-Ażja u 1 fl-Amerika Latina; billi 16 minnhom huma mdawrin b'pajjiżi oħra u 12 huma gżejjer żgħar,

B.

billi 75 % mit-800 miljun abitant tal-LDCs jgħixu b'inqas minn USD 2 kuljum, u billi l-għadd ta' Pajjiżi l-Anqas Żviluppati kiber minn 25 għal 48 mindu n-NU stabbiliet din il-kategorija fl-1971, u billi kienu biss il-Botswana fl-1994, il-Kap Verde fl-2007 u l-Madive f'Jannar 2011 li ħarġu mill-istatus ta' LDC,

C.

billi l-medja tal-Indiċi tal-Iżvilupp Uman għal-LDCs telgħet minn 0,34 għal biss 0,39 bejn l-2000 u l-2010; billi fil-medja l-LDCs mistennijin jilħqu biss tnejn minn seba' MDGs,

D.

billi mil-LDC-III 'l hawn u mill-adozzjoni tal-BPoA ittieħdu xi passi pożittivi, pereżempju l-inizjattiva 'Kollox Għajr l-Armi' (EBA) u ż-żidiet fl-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA), li rduppjat bejn l-2000 u l-2008, u l-investiment dirett barrani li żdied minn USD 6 biljun għal USD 33 biljun, bir-riżultat li 19-il pajjiż laħquu rata ta' tkabbir ta' 3 %,

E.

billi r-rakkomandazzjoni tal-LDC-IV tista' tintlaħaq biss jekk jiġu indirizzati sewwa kwistjonijiet kruċjali li jaffettwaw lil-LDCs bħall-koerenza tal-politiki bejn il-kummerċ, l-iżvilupp, l-agrikolatura, is-sajd, l-investiment u t-tibdil fil-klima, u jekk jitqiegħdu fl-aġenda temi importanti, bħall-governanza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, partikolarment il-kunċett ta' “kuntratt ta' governanza” (li jinkorpora b'mod partikolari livell ta' limitu soċjali) bejn pajjiżi sħab u dawk donaturi, flimkien mal-bini ta' kapaċità umana,

F.

billi l-LDC-IV se terġa' tafferma l-impenn globali favur is-sħubija biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-LDCs; billi l-proċess li għaddej bħalissa ta' tħejjija għal-LDC-IV jinkludi konsultazzjonijiet nazzjonali, laqgħat reġjonali li jinvolvu firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, bħal parlamentari, is-soċjetà ċivili u s-settur privat,

G.

billi l-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli jimplika appoġġ għas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-promozzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li huma komponenti essenzjali tal-politika tal-iżvilupp tal-UE,

H.

billi l-qagħda fl-LDCs kompliet sejra għall-agħar minħabba l-kriżijiet dinjija reċenti tal-finanzi, tal-ikel, tat-tibdil fil-klima u tal-enerġija,

I.

billi, minkejja li l-agrikoltura tifforma l-bażi ta' bosta mill-ekonomiji tal-LDCs u tipprovdi sa 90 % tal-impjiegi, is-sigurtà tal-ikel hija mhedda,

J.

billi ma jista' jkun hemm l-ebda żvilupp sinifikanti mingħajr rwol sinifikanti tal-Istati abbażi ta' kapaċità mtejba għall-iżvilupp ekonomiku, il-ħolqien tal-għana u t-tqassim mill-ġdid tal-għana b'mod ġust, is-sħubijiet bejn il-privat u l-pubbliku u investimenti barrani ppjanat sewwa li jirrispetta għalkollox l-istandards tal-qofol tal-ILO dwar ix-xogħol u l-protezzjoni tal-ambjent; billi l-Istat jeħtieġlu jerfa' r-responsabbiltà li jipprovdi stabbiltà u qafas legali,

K.

billi kull LDC jeħtieġlu jidentifika prijoritajiet u soluzzjonijiet f'lokhom fil-kuntest nazzjonali tiegħu, abbażi tal-parteċipazzjoni demokratika tal-popolazzjoni fil-proċessi deċiżjonali,

L.

billi s-suċċess tal-konferenza ta' Istanbul jiddependi fuq riżultati konkreti (eż. kuntratt ta' governanza, livell ta' limitu soċjali, tnaqqis tad-dejn, għajnuna għall-iżvilupp, finanzjament innovattiv) u l-kwalità tal-kontributi mill-parteċipanti,

1.

Iqis li l-LDC-IV għandha tkun orjentata lejn ir-riżultati, abbażi ta' indikaturi ċari u bl-objettiv li l-LDCs jitnaqqsu bin-nofs sal-2020, flimkien ma' monitoraġġ effiċjenti u trasparenti u mekkaniżmi ta' segwitu;

2.

Jenfasizza li l-għajnuna tal-UE lil-LDCs għandha tkun orjentata primarjament lejn il-ħolqien tal-għana u l-żvilupp ta' ekonomija tas-suq, li huma prirekwiżiti bażiċi għall-eliminazzjoni tal-faqar;

3.

Jitlob li jingħata prijorità t-tkabbir ekonomiku bħala element ewlieni għall-iżvilupp u għat-tnaqqis ġenerali tal-faqar fl-LDCs;

4.

Jemmen li LDC-IV għandha tiffoka fuq il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp bħala fattur importanti fit-tibdil tal-politiki, fil-livell nazzjonali u f'dak internazzjonali; jitlob għalhekk li t-tfassil tal-politiki fl-oqsma kollha – bħall-kummerċ, is-sajd, l-ambjent, l-agrikoltrua, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, l-investiment u l-finanzi – isir b'tali mod li jirfdu l-ħtiġijiet tal-LDCs biex ikunu jistgħu jiġġieldu kontra l-faqar u jiggarantixxu dħul u għajxien deċenti;

5.

Iħeġġeġ lill-UE tirrispetta l-impenji tagħha f'dak li jirrigwarda l-aċċess għas-swieq u t-taffija tad-djun; jerġa’ jafferma l-importanza li tintlaħaq il-mira li l-ODA tikber għal 0.15 - 0.20 % sabiex l-LDCs jimmobilizzaw, għal dan il-għan, ir-riżorsi domestiċi u, bħala miżura komplementarja, mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi;

6.

Ifakkar fil-mira tal-ħruġ mill-kategorija ta’ LDC, u jiġbed l-attenzjoni għall-qafas stabbilit mil-Laqgħa Għolja tal-MDG f’Settembru 2010 bil-għan jħaffef l-eradikazzjoni tal-faqar, joħloq żvilupp ekonomiku sostenibbli li jkollu l-għan li jtejjeb il-livell tal-għajxien tal-popolazzjoni tal-LDCs, jistabbilixxi governanza tajba u jrawwem il-bini tal-kapaċitajiet;

7.

Jenfasizza l-bżonn ta’ miżuri ġodda biex jintegraw l-LDCs fl-ekonomija globali u jetjbulhom l-aċċess għas-swieq Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-għajnuna tagħha relatata mal-kummerċ sabiex tgħin il-pajjiżi l-aktar fqar jindirizzaw il-kompetizzjoni li tirriżulta mil-liberalizzazzjoni tas-suq;

8.

Ifakkar li l-paċi u s-sigurtà huma vitali għall-effikaċja ta’ politiki tal-iżvilupp u li l-UE għandha tikkoordina l-approċċ tagħha aħjar sabiex tindirizza kwistjonijiet ta’ stabbilità f'LDCs u tappoġġja sforzi sabiex jinkisbu l-kapaċitajiet għall-bini ta' stati paċifiċi, demokratici u inklussivi;

9.

Ifakkar fil-ħtieġa li jingħataw prijorità s-sigurtà tal-ikel, l-agrikultura, l-infrastrutturi, il-bini tal-kapaċità, it-tkabbir ekonomiku inklussiv, l-aċċess għat-teknoloġiji kif ukoll l-iżvilupp uman u soċjali fl-LDCs;

10.

Jitlob l-istabbiliment ta' regoli kummerċjali ġusti u ekwi u l-implimentazzjoni ta' politiki integrati f'firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali biex jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli;

11.

Ifakkar fil-ħtieġa li jittieħdu miżuri affikaċi dwar il-volatilità tal-prezzijiet, it-trasparenza. kif ukoll dwar swieq finanzjarji rregolati aħjar, għall-protezzjoni tal-LDCs għat-tnaqqis tal-vunerabbilta tagħhom;

12.

Ifakkar fil-ħtieġa li jingħata kontribut għall-iżvilupp tas-sistemi nazzjonali tat-taxxa u ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa, u jistieden lin-NU jistabbilixxu mekkaniżmi adegwati f'dan ir-rigward;

13.

Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex jiddiskutu l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi innovattivi ta' finanzjament tal-iżvilupp fl-LDC-IV bħalma hija taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji; jenfasizza li l-impenji tal-ODA u l-mekkaniżmi innovattivi ta' finanzjament iridu jiġu mifhuma bħala essenzjali u komplementari fil-ġlieda kontra l-faqar;

14.

Iħeġġeġ lin-NU u lill-UE jindirizzaw bis-serjetà l-impatti ħżiena tal-akkwist tal-artijiet agrikoli, bħalma huma l-esproprju tal-bdiewa ż-żgħar u użu mhux sostenibbli tal-art u tal-ilma;

15.

Ifakkar li l-għan fit-tul tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp għandu jkun li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp ekonmiku sostenibbli u għat-tqassim mill-ġdid tal-għana b'mod ġust; jenfasizza għalhekk il-bżonn tal-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u l-istrateġiji tal-LDCs, tad-diversifikazzjoni tal-kummerċ billi jissedqu prezzijiet ġusti għall-produzzjoni tal-LDCs u bit-trattament ta' fatturi min-naħa tal-provvista b'tali mod li jitqawwew il-kapaċità l-kapaċità tal-LDCs għall-kummerċ u dik li jattiraw l-investiment li jkun skont l-istandards tal-qofol tal-ILO dwar ix-xogħol u l-protezzjoni tal-ambjent;

16.

Jagħraf li l-EBA ma’ laħqitx għalkollox il-miri oriġinali tagħha u, għalhekk, il-kwalità u l-volum ta’ kummerċ minn LDCs għas-suq tal-UE baqa' ma laħaqx il-livell mistenni, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ infrastutturi adegwati portijiet f'konnessjoni mal-kummerċ; huwa favur l-iżvilupp ta’ tali infrastrutturi, li jibqa' l-muftieħ għat-tkattir tal-kapaċitajiet kummerċjali;

17.

Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb l-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp, skont id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi u l-Aġenda ta’ Accra;

18.

Jenfasizza r-rwol tal-Parlament Ewropew u r-rwol deċiżiv tiegħu fl-approvazzjoni tal-baġit tal-UE għall-iżvilupp; għalhekk huwa konvint li l-Parlament għandu jkun involut aktar mill-qrib fit-tħejjija tal-istrateġija tal-UE għall-iżvilupp; iqis li huwa essenzjali, barra minn hekk, li jkun implimentat mekkaniżmu ta' rappurtar;

19.

Iqis li l-adozzjoni tal-Liġi ġdida tal-Istati Uniti “Minerali ta' Kunflitt” hija pass enormi 'l quddiem fil-ġlieda kontra l-estrazzjoni u l-kummerċ illegali tal-minerali fl-Afrika, li jitma' l-gwerer ċivili u l-kunflitti; huwa tal-fehma li n-NU għandhom joħroġu bi proposta simili biex tiżgura t-traċċabbiltà tal-minerali importati fis-suq dinji;

20.

Jitlob li ssir valutazzjoni sistematika tar-riskju tat-tibdil fil-klima rigward l-aspetti rilevanti kollha tal-pjanifikazzjoni tal-politika tal-iżvilupp, inklużi l-kummerċ, l-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel, u jitlob li l-eżitu ta' din il-valutazzjoni jintuża għat-tfassil ta' linji gwida ċari għall-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp;

21.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-possibilità dejjem ikbar ta' diżastri ambjentali li jikkawżaw migrazzjonijiet tal-massa, li tagħmilha essenzjali li din il-kategorija l-ġdida ta' persuni spustati tingħata għajnuna ta' emerġenza;

22.

Jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni u integrazzjoni reġjonali, u jitlob li jissaħħu l-oqfsa reġjonali li primarjament iħallu lill-pajjiżi ż-żgħar jiġbru riżorsi, għarfien u kompetenzi;

23.

Jenfasizza li n-nuqqas ta' progress fir-rigward tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi għadu jiskwalifika l-parti l-kbira ta' dawn il-pajjiżi milli jirċievu għajnuna baġitjarja, fattur essenzjali fil-proċess tal-bini tal-kapaċità ta' kull pajjiż;

24.

Jisħaq fuq l-importanza għal-LCDs li jiżviluppaw il-kooperazzjoni trilaterali, b'mod partikolari ma' pajjiżi emerġenti, bil-għan li jimxu fid-direzzjoni ta' kooperazzjoni komprensiva għall-ilħiq ta' benefiċċji reċiproċi u żvilupp komuni;

25.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.


Top