EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0123

L-effiċjenza u l-effikaċja tal-finanzjament tal-UE fil-qasam tad-dekummissjonar tal-impjanti nukleari fl-Istati Membri l-ġodda Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta’ April 2011 dwar l-effiċjenza u l-effikaċja tal-finanzjament tal-UE fil-qasam tad-dekummissjonar tal-impjanti nukleari fl-Istati Membri l-ġodda (2010/2104(INI))

ĠU C 296E, 2.10.2012, p. 19–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 296/19


It-Tlieta 5 ta’ April 2011
L-effiċjenza u l-effikaċja tal-finanzjament tal-UE fil-qasam tad-dekummissjonar tal-impjanti nukleari fl-Istati Membri l-ġodda

P7_TA(2011)0123

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ April 2011 dwar l-effiċjenza u l-effikaċja tal-finanzjament tal-UE fil-qasam tad-dekummissjonar tal-impjanti nukleari fl-Istati Membri l-ġodda (2010/2104(INI))

2012/C 296 E/03

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 4 tat-Trattat ta’ Adeżjoni dwar l-impjant nukleari ta’ Ignalina fil-Litwanja, u l-Protokoll Nru 9 dwar l-Unitajiet 1 u 2 tal-impjant nukleari Bohunice V1 fis-Slovakkja, u l-Artikolu 30 tal-Protokoll li jikkonċerna l-kundizzjonijiet u l-arranġamenti għall-ammissjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll 4 dwar l-impjant nukleari ta’ Ignalina fil-Litwanja (1), dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll 9 dwar l-Unitajiet 1 u 2 tal-impjant nukleari Bohunice V1 fis-Slovakkja (2) u dwar l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni fir-rigward tad-diżattivazzjoni tal-Unitajiet 1 sa 4 tal-Impjant Nukleari ta’ Kozloduy fil-Bulgarija (Programm Kozloduy) (3),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu ta’ riżorsi finanzjarji allokati għad-dekommissjonar ta’ stallazzjonijiet nukleari (COM(2007)0794) u d-dokument “Data tal-UE dwar il-finanzjament għad-dekummissjonar” li jakkumpanjaha (SEC(2007)1654),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji għad-dekummissjonar tal-installazzjonijiet nukleari (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0054/2011),

A.

billi meta l-Litwanja, is-Slovakkja u l-Bulgarija kienu għadhom pajjiżi kandidati tal-UE, kienu jħaddmu impjanti nukleari qodma li dwarhom kien intlaħaq qbil li jingħalqu, u n-negozjati ta’ adeżjoni wasslu għall-iffissar ta’ dati għall-għeluq tat-tliet impjanti kkonċernati,

B.

billi l-UE rrikonoxxiet li l-għeluq bikri u d-dekummissjonar sussegwenti ta’ dawn l-unitajiet fit-tliet impjanti kien ifisser piż finanzjarju u ekonomiku sinifikanti li ma setgħux jidħlu għalih kollu kemm hu l-Istati Membri kkonċernati, u għaldaqstant it-Trattat ta’ Adeżjoni, kif ukoll ir-Regolamenti sussegwenti tal-Kunsill għall-implimentazzjoni ta’ dawn it-Trattati, ipprevedew assistenza finanzjarja lill-Istati Membri rispettivi; billi, madankollu, ma kienx ġie deċiż b'mod ċar jekk l-għajnuna kellhiex tkopri n-nefqa sħiħa tad-dekummissjonar jew tikkumpensa għall-konsegwenzi ekonomiċi kollha; jinnota li kemm il-Bulgarija kif ukoll is-Slovakkja għadhom s'issa esportaturi netti tal-elettriku,

C.

billi l-għajnuna tipprevedi miżuri fl-oqsma li ġejjin:

id-dekummissjonar (xogħol ta’ tħejjija għall-għeluq, sostenn lir-regolatur, it-tfassil tad-dokumentazzjoni meħtieġa għad-dekummissjonar u għal-liċenzjar, il-manutenzjoni u s-sorveljanza sikuri wara l-għeluq, it-trattament tal-iskart, il-ħżin u d-dekontaminazzjoni tal-iskart u tal-fjuwils użati, u xogħol ta’ żarmar),

l-enerġija (il-modernizzazzjoni u t-titjib ambjentali tal-faċilitajiet eżistenti, is-sostituzzjoni tal-kapaċità ta’ produzzjoni tal-unitajiet li jingħalqu, it-titjib tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u tal-effiċjenza enerġetika u ta’ miżuri oħra li jikkontribwixxu għar-ristrutturar u l-modernizzazzjoni meħtieġa tal-infrastruttura enerġetika),

il-konsegwenzi soċjali (l-appoġġ għall-persunal tal-impjanti biex jinżamm livell għoli ta’ sikurezza fiż-żmien qabel ma jiżżarmaw l-impjanti wara li dawn jingħalqu, u t-taħriġ mill-ġdid tal-istaff għall-inkarigi l-ġodda ta’ dekummissjonar),

D.

billi l-għajnuna bdiet qabel l-adeżjoni u qabel ma ngħalqu l-unitajiet rispettivi, u l-fondi akkumulaw fi ħdan il-Fondi Internazzjonali ta’ Appoġġ għad-Dekummissjonar (IDSF) sakemm komplew it-tħejjijiet amministrattivi,

E.

billi d-dekummissjonar tal-faċilitajiet nukleari u l-immaniġġjar tal-iskart tagħhom huma operazzjonijiet teknikament kumplessi li jeħtieġu ħafna riżorsi finanzjarji u jinvolvu responsabilitajiet ambjentali, tekniċi, soċjali u finanzjarji,

1.

Jinnota li l-Litwanja, is-Slovakkja u l-Bulgarija ssodisfaw l-impenji tagħhom tat-Trattat ta’ Adeżjoni li jagħlqu l-unitajiet rispettivi fit-tliet impjanti nukleari fiż-żmien maħsub: L-Unità 1 tal-impjant ta’ Ignalina ngħalqet fil-31 ta’ Diċembru 2004 u l-Unità 2 fil-31 ta’ Diċembru 2009; L-Unità 1 tal-impjant Bohunice V1 ngħalqet fil-31 ta’ Diċembru 2006 u l-Unità 2 fil-31 ta’ Diċembru 2008; L-Unitajiet 1 u 2 tal-impjant ta’ Kozloduy ingħalqu fil-31 ta’ Diċembru 2002 u l-Unitajiet 3 u 4 fil-31 ta’ Diċembru 2006;

2.

Jinnota wkoll li t-tliet Stati Membri kollha ppruvaw jinnegozjaw mill-ġdid l-impenji politiċi tagħhom rigward l-għeluq tar-reatturi u dan wassal għal dewmien fil-proċess;

3.

Jinnota l-eżistenza ta’ bażi legali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja; Jinnota li l-ammonti huma stabbiliti annwalment permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, ibbażata fuq dokumenti annwali individwali ta’ programmazzjoni konġunta, li jippermettu li jkun hemm kontroll fuq l-iżvilupp u l-finanzjament tal-proġetti approvati;

4.

Jinnota li minħabba l-esperjenza u d-dejta limitata tal-UE fil-qasam tad-dekummissjonar, l-għajnuna finanzjarja ġiet deċiża mingħajr il-possibilità li jiġi definit limitu massimu finanzjarju; jinnota li ma kien għad hemm l-ebda kundizzjoni ċara għall-ispeċifikazzjoni dwar limiti massimi anki wara li kienu tfasslu l-pjanijiet u l-istrateġiji għad-dekummissjonar, li kien ifisser li l-għoti ta’ aktar għajnuna finanzjarja kellu jiġi deċiż billi ssir kunsiderazzjoni stadju bi stadju u każ b'każ;

5.

Iqis li l-għan tal-assistenza tal-Kummissjoni huwa li tkun ta’ appoġġ lil dawn it-tliet Stati Membri biex huma jlaħħqu mal-piż finanzjarju u ekonomiku minħabba d-dati fissi u bikrin għall-għeluq, biex tkopri l-ispejjeż tal-ħafna attivitajiet importanti tad-dekomissjonar, tinvesti fi proġetti tal-enerġija bil-għan li tonqos id-dipendenza fuq l-enerġija u tgħin biex jittaffa l-impatt soċjali tad-dekummissjonar tal-impjanti; jinnota, madankollu, li fit-tliet każijiet l-ispiża tad-dekummissjonar tal-impjanti qabżet l-għajnuna ppjanata tal-UE, u aktarx taqbeż ukoll l-istimi inizjali; jinnota wkoll li parti kbira mill-fondi ntużat għal proġetti tal-enerġija u mhux għall-għan ewlieni tal-għajnuna finanzjarja, jiġifieri d-dekummissjonar tal-impjanti nukleari;

6.

Jemmen li l-kunċett ta’ solidarjetà tal-Unjoni Ewropea effettivament jikkontribwixxi biex jittaffew il-konsegwenzi ekonomiċi tal-għeluq bikri fis-settur tal-enerġija; jinnota, madankollu, li fiż-żmien meta tħejja dan ir-rapport, id-dekummissjonar innifsu kien għadu fl-istadju inizjali tiegħu;

7.

Jinnota li d-dekummissjonar tal-impjanti tal-enerġija nukleari konċernati għandu jingħata l-ogħla prijorità fl-interess tas-sikurezza u s-saħħa tal-popli kollha tal-Ewropa;

8.

Jibża' li nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji għall-miżuri ta’ dekomissjonar se jdewwem id-dekummissjonar tal-impjanti tal-enerġija nukleari u jhedded l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem;

9.

Jenfasizza li l-kwistjoni tas-sikurezza hija tal-ogħla importanza għad-dekummissjonar tal-unitajiet magħluqa kmieni fit-tliet impjanti nukleari kkonċernati; jistieden, għaldaqstant, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżommu dan f'moħħhom meta fil-ġejjieni jiġu għal deċiżjonijiet dwar id-dekummissjonar nukleari, b'mod ġenerali, u dwar dawn it-tliet programmi ta’ dekummissjonar, b'mod partikulari; jistieden lill-Kummissjoni biex torganizza koordinazzjoni xierqa mal-Istati Membri u biex tistabbilixxi skedi ta’ żmien preċiżi għat-tlestija tal-proġetti;

10.

Jinnota b'ċertu tħassib li l-pjanijiet dettaljati dwar id-dekummissjonar tat-tliet programmi ta’ dekummissjoni kkonċernati għadhom ma ġewx finalizzati u, b'riżultat ta’ dan, m'hemmx biżżejjed informazzjoni dwar il-kalendarji, dwar in-nefqa ta’ proġetti partikulari, u dwar is-sorsi ta’ finanzjament għalihom; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-entitajiet nazzjonali relevanti biex jiffinalizzaw il-pjanijiet, u lill-Kummissjoni biex tirrapporta dwar dan il-proċess u tipprovdi ppjanar finanzjarju dettaljat u fit-tul tal-proġetti ta’ dekomissjonar; jistieden lill-Kummissjoni biex tiddeskrivi biċ-ċar l-ambitu tal-iffinanzjar tal-UE meħtieġ biex jitwettqu dawn il-pjanijiet;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja modi kif jinbidlu l-metodi ta’ finanzjament tal-UE għall-operazzjonijiet ta’ dekummissjonar fid-dawl tal-istrateġiji użati fl-Istati Membri u l-istrutturi amministrattivi nazzjonali tagħhom, u kif jiġu ssimplifikati r-regoli dwar il-ġestjoni tal-fondi b'tali mod li dawn ma jaffettwawx is-sikurezza u s-sigurtà tal-operazzjonijiet ta’ dekummissjonar;

12.

Jinnota n-nuqqas ta’ tqassim ċar ta’ responsabilità fost il-parteċipanti fl-iffinanzjar u l-parteċipanti fil-proċess ta’ dekummissjonar; jemmen li l-Kummissjoni għandu jkollha r-responsabilità ewlenija għall-implimentazzjoni tal-assistenza tal-UE, u li għandu jitwaqqaf immaniġġjar konġunt mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD);

13.

Iqis li, għall-għan tal-għoti ta’ kuntratti, ikun mixtieq li jiġi applikat kriterju tar-reċiproċità tal-Komunità għall-benefiċċju tal-impriżi Ewropej, bl-applikazzjoni b'mod partikolari tal-prinċipji stipulati fl-Artikolu 58 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkordina l-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw, fost l-oħrajn, fis-settur tal-enerġija;

14.

Jinnota li l-assistenza finanzjarja totali mill-Unjoni Ewropea lit-tliet Stati Membri sal-aħħar tal-2013 jammontaw għal EUR 2 847,78 miljun; jinnota li, għalkemm jeżistu differenzi bejn l-impjanti nukleari, speċjalment rigward il-ħżin tal-fjuwil, fil-prinċipju l-programmi għandhom l-istess teknoloġija; jinnota, madankollu, li hemm differenzi konsiderevoli fl-ammonti allokati: Ignalina (2 unitajiet): EUR 1 367 miljun; Ignalina (2 unitajiet): EUR 613 miljun; u Ignalina (4 unitajiet): EUR 867,78 miljun;

15.

Jinnota, skont id-dejta disponibbli fl-aħħar tal-2009, is-sitwazzjonijiet differenti fost l-Istati Membri fir-rigward tal-ammonti mogħtija: Ignalina: total ta’ EUR 1 367 miljun, b'impenn ta’ EUR 875,5 miljun (64,04 %), u b'EUR 760,4 miljun (55,62 %) mogħtija; Bohunice: total ta’ EUR 613 miljun, b'impenn ta’ EUR 363,72 miljun (59,33 %), u b'EUR 157,87 miljun (25,75 %) mogħtija; Kozloduy: total ta’ EUR 867,78 miljun, b'impenn ta’ EUR 567,78 miljun (65,42 %), u b'EUR 363,149 miljun (41,84 %) mogħtija, dovuti l-aktar għaż-żmien differenti tal-għeluq;

16.

Iqis li huwa meħtieġ li l-fondi jkunu mmaniġġjati u li r-riżorsi tagħhom jintużaw bi trasparenza assoluta; jirrikonoxxi l-importanza ta’ mmaniġġjar sod u trasparenti tar-riżorsi finanzjarji, b'superviżjoni esterna xierqa ħalli tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-enerġija; jirrakkomanda t-trasparenza u l-parteċipazzjoni pubblika f'dan il-qasam;

17.

Jieħu nota tal-verifiki u l-valutazzjonijiet kompluti li ġejjin: “Valutazzjoni Intermedja tal-Assistenza għad-Dekummissjonar għal-Litwanja u s-Slovakkja” (2007); il-verifiki interni tal-Kummissjoni Ewropea tat-tliet programmi kollha fl-2007; il-verifiki tal-Aġenzija ċentrali tal-immaniġġjar tal-proġetti (CPMA) fl-2008 u fl-2009 mwettqa mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-impjant ta’ Ignalina; il-verifika tal-QEA għat-tfassil tad-dikjarazzjoni ta’ affidabilità (DAS) tal-2008; l-istudju ta’ fattibilità tal-2009 tal-QEA; u jqis ukoll attivitajiet li qed jitwettqu bħalissa: il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni mistennija kmieni fl-2011; il-verifika finanzjarja esterna tal-Fond Internazzjonali ta’ Appoġġ għad-Dekummissjonar ta’ Bohunice (BIDSF), imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea; u l-verifika sħiħa tal-prestazzjoni għat-tliet programmi kollha;

18.

Iqis li, meta jitqiesu l-ammonti kbar ta’ flus involuti, l-aspetti ġodda tal-użu tal-fondi, il-fatturi mhux magħrufa li ħarġu mill-proċess, u l-għadd numeruż ta’ tibdiliet, adattamenti u l-allokazzjoni ta’ ammonti addizzjonali sussegwenti, l-għadd u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-verifiki mwettqa jidhru li mhumiex biżżejjed; jiddispjaċih li l-Valutazzjoni Intermedja tal-assistenza għad-dekummissjonar lil-Litwanja u s-Slovakkja ta’ Settembru 2007 tal-Kummissjoni ma koprietx il-Bulgarija (li diġà kienet qed tirċievi l-assistenza dak iż-żmien);

19.

Jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ rapporti annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar l-użu ta’ riżorsi finanzjarji allokati għad-dekummissjonar tal-impjanti tal-enerġija nukleari; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex timmoniterja u tirrapporta kull sena lill-Parlament dwar it-titjib fl-użu tal-fondi u dwar il-prospetti li l-fondi akkumulati għad-dekummissjonar ta’ dawn l-unitajiet speċifiċi fit-tliet impjanti nukleari jkunu assorbiti matul it-tliet snin li ġejjin;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi biex taċċerta li l-possibilità li jingħataw fondi lill-proġetti ta’ dekummissjonar li jitwettqu sal-2013 għadha teżisti, speċjalment peress li l-liċenzji għad-dekummissjonar se jinħarġu għal Bohunice f'Lulju 2011 u għal Kozloduy fl-aħħar tal-2011 u fl-aħħar tal-2012;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni komparattiva dwar l-implimentazzjoni tal-kalendarji inizjali u riveduti għall-istadji differenti tal-proċessi ta’ dekummissjonar, kif ukoll dwar il-miżuri fil-qasam tal-enerġija u soċjali, qabel kull allokazzjoni ulterjuri ta’ fondi tal-UE;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar it-titjib partikulari li ġej lill-istabbiliment, fl-2007, ta’ Kumitat ta’ Ġestjoni fil-livell tal-Istati Membri bil-għan li jgħinha fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ assistenza, u biex tagħti rendikont tal-bidliet proċedurali li seħħew minn dakinhar;

23.

Jinnota li l-verifika tal-QEA għadha għaddejja; jissuġġerixxi li din għandha tgħin biex timmanifesta l-objettivi tal-użu tal-fondi u l-effikaċja tagħhom, kif ukoll dwar proposti vijabbli fil-ġejjieni, u tivvaluta l-fondi addizzjonali meħtieġa sabiex jitwettaq id-dekummissjonar; jissuġerixxi li, billi hija verifika kompleta tal-prestazzjoni, hija għandha tikkjarifika dan li ġej:

jekk il-fondi ntużawx għall-għanijiet li għalihom kienu maħsuba,

jekk il-proċeduri ta’ akkwist tfasslux kif xieraq u ġewx rispettati,

jekk il-flus allokati kkontribwewx biex tiżdied is-sikurezza fl-attività tad-dekummissjonar;

jekk il-proċeduri ta’ akkwist żgurawx li l-kumpaniji involuti kienu se jipprovdu sikurezza ta’ standards tal-UE,

jekk kienx hemm attivitajiet li fihom kien involut l-OLAF,

jekk kienx hemm koordinazzjoni xierqa fost it-tliet programmi eżistenti, biex isir użu effiċjenti mill-esperjenza miksuba u mill-proġetti preċedentement imħejjija u ffinanzjati, u kemm kien hemm duplikazzjoni fil-programmi ta’ dekummissjonar (minħabba li, pereżempju, hemm diversi proġetti simili li jirrigwardaw il-ħżin, il-kwalifiki personali, eċċ., li setgħu jiġu adattati minn impjant għall-ieħor, b'mod li jiġu ffrankati r-riżorsi);

24.

Iqis li, fir-rigward tal-attivitajiet tal-ġejjieni li jridu jiġu ffinanzjati mill-ammonti allokati mill-UE fil-perjodu 2007-2013, jeħtieġ li jiġu ċċarati l-kwistjonijiet li ġejjin:

jekk il-pjanijiet u l-istrateġiji li diġà jeżistu humiex kompleti u jekk għadx hemm il-possibilità li jiżdiedu attivitajiet ġodda u, għaldaqstant, fondi addizzjonali,

jekk il-kapaċità ta’ ħżin temporanju ġenerali u l-proċedura biex jintgħażel sit tal-iskart domestiku final għall-iskart radjuattiv finali humiex kompleti jew le,

jekk għadx hemm il-ħtieġa li jkunu allokati fondi addizzjonali għall-proġetti tal-enerġija jew jekk hemmx il-ħtieġa li wieħed jiffoka fuq il-proġetti ta’ dekummissjonar,

jekk, sakemm dan ma kienx il-każ s'issa, l-esperjenza miksuba u l-proġetti mwettqa għal impjant nukleari partikolari għandhom jintużaw għall-oħrajn ukoll;

25.

Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta’ tim ta’ koordinaturi u esperti tal-UE tat-tliet proġetti kollha, li setgħu ppermettew il-programm ta’ dekummissjonar li jkun trattat bħala pakkett sħiħ ibbażat fuq l-esperjenza tal-UE, biex b'hekk ikun hemm sinerġiji bejn it-tliet każijiet;

26.

Jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni msaħħa bejn it-tliet programmi sabiex jiġi assigurat ippjanar aħjar tal-attivitajiet u l-iskambju tal-esperjenza miksuba; iqis li l-Unjoni Ewropea fis-sħuħija tagħha tista' wkoll tibbenefika minn din l-esperjenza għax ir-reatturi jitwaqqfu mis-servizz fl-aħħar tal-ħajja ekonomika tagħhom; għalhekk jistieden lill-partijiet kollha involuti jiżviluppaw u jiġbru l-aħjar prattiki ta’ dekummissjonar u biex jassiguraw l-aħjar użu tal-esperjenza u tal-informazzjoni miksuba fost l-Istati Membri l-oħra li għandhom impjanti tal-enerġija nukleari;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf Tim ta’ Koordinazzjoni, li għandu jkun responsabbli:

mis-superviżjoni tat-tfassil ta’ pjan finali b'kalendarju ċar,

mis-superviżjoni tal-użu tal-flus allokati s'issa,

li jistabbilixxi jekk hemmx aktar ħtieġa ta’ rwol tal-UE u jekk hu hekk, jiddeċiedi l-livell eżatt tal-involviment tal-UE,

li jiddeċiedi dwar ir-responsabilitajiet, inkluż ir-rwol tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u jissorvelja l-finalizzazzjoni tal-proċess tad-dekummissjonar;

28.

Jinnota li l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas għandu jiġi applikat għall-finanzjament tal-operazzjonijiet tad-dekummissjonar u li l-operaturi nukleari għandhom jiżguraw li jinżammu biżżejjed riżorsi finanzjarji biex ikopru l-ispejjeż tad-dekummissjonar futuri matul il-ħajja produttiva tal-istallazzjonijiet nukleari;

29.

Jinnota li l-għeluq bikri tar-reatturi ma ħalliex issir l-akkumulazzjoni ppjanata tal-ammonti meħtieġa fil-fondi nazzjonali rispettivi maħsuba biex ikopru l-ispejjeż kollha marbuta mad-dekummissjonar tal-impjanti;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni, billi jitqiesu l-istrateġiji varji użati mill-Istati Membri, biex tesplora mezzi possibbli biex jiġu armonizzati l-approċċi għall-iffinanzjar tad-dekummissjonar fl-UE sabiex tiġi żgurata l-akkumulazzjoni fil-ħin ta’ riżorsi finanzjarji meħtieġa mingħajr ma jiġu kompromessi s-sikurezza u s-sigurtà tal-proċess tad- dekummissjonar;

L-impjant nukleari ta’ Ignalina

31.

Jilqa' l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-proġetti tal-programm ta’ Ignalina dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-provvista tal-elettriku fiż-żgur jinsabu fil-fażi ta’ implimentazzjoni jew diġà ġew implimentati;

32.

Jinnota bi tħassib li kien hemm dewmien serju fil-proġetti ewlenin fil-qasam tal-ġestjoni tal-infrastrutturi tal-iskart (proġett għall-ħżin ta’ fjuwils użati u għat-tqegħid tal-iskart f'depożiti) li wassal għal spejjeż żejda apparti l-istimi oriġinali; jinnota li l-marġini disponibbli fis-sistema kważi nħela kollu u li kwalunkwe dewmien li jista' jkun hemm jista' jolqot ir-rotta kritika tal-pjan sħiħ ta’ dekummissjonar, biż-żidiet fl-ispiża li jmorru miegħu; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar ir-riżultati tar-rieżami tal-kalendarju tal-proġett;

33.

Jinnota li l-parti l-kbira tal-fondi kienu allokati lil proġetti tal-enerġija, li għad hemm ħtieġa ta’ finanzjament konsiderevoli għad-dekummissjonar u li l-fondi nazzjonali mhumiex biżżejjed biex ikopru dawn l-ispejjeż: il-Fond Nazzjonali għad-Dekummissjonar tal-impjant nukleari ta’ Ignalina s'issa akkumula kemmxejn aktar minn EUR 100 miljun (filwaqt li l-ispejjeż tekniċi tad-dekummissjonar biss ilaħħqu għal bejn EUR 987 miljun u EUR 1 300 miljun), u parti sostanzjali minn dawn intużaw għal proġetti li m'għandhomx x'jaqsmu mad-dekummissjonar; jappella biex jittieħdu miżuri adegwati f'dan ir-rigward, partikolarment mill-Istat Membru;

L-impjant nukleari ta’ Bohunice

34.

Jilqa' l-progress li twettaq dwar il-programm ta’ Bohunice;

35.

Jinnota li, filwaqt li huwa previst li jkun hemm għajnuna għad-dekummissjonar tal-faċilitajiet nukleari, partikolarment għar-reatturi tal-impjant V1, kif ukoll għas-sigurtà tal-provvista, il-Fond Nukleari nazzjonali ma warrab l-ebda sors speċifiku għall-finanzjament tal-proġett ta’ dekummissjonar tal-impjant A1, li għaddej bħalissa;

36.

Jirrimarka li ċerti proġetti ta’ dekummissjonar, bħall-bini mill-ġdid tas-sistema protettiva fiżika taż-żona, il-proġett tat-trattament tal-iskart storiku, u l-bini ta’ ħażna proviżorja għall-iskart radjuattiv fis-sit ta’ Bohunice, kellhom dewmien sinifikanti fl-implimenetazzjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-parti Slovakka jieħdu passi biex jevitaw li jkun hemm dewmien u biex jevitaw li jipperikolaw il-progress skedat tax-xogħlijiet ta’ dekummissjonar;

L-impjant nukleari ta’ Kozloduy

37.

Jilqa' l-prestazzjoni teknika u finanzjarja, li ġeneralment kienet tajba, tal-programm ta’ Kozloduy, u r-reviżjoni tal-istrateġija ta’ dekummissjonar għall-Unitajiet 1 sa 4, li nbidlet minn strateġija ta’ żarmar diferit għal strateġija ta’ żarmar immedjat u kontinwu;

38.

Jinnota bi tħassib li, fejn tidħol id-distribuzzjoni tal-fondi pubbliċi allokati, il-perċentwali tal-proġetti dwar l-enerġija huwa pjuttost għoli; jistieden lill-Kummissjoni timmoniterja l-implimentazzjoni tal-bqija tal-proġetti tal-enerġija u biex tirrapporta dwar ir-riżultati; jappella għal żieda fil-proporzjon ta’ proġetti li jirrigwardaw id-dekummissjonar u l-iskart fil-bqija tal-perjodu tal-programm ta’ Kozloduy;

39.

Jenfasizza l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni amministrattiva komprensiva bejn l-Impriża Statali għall-Iskart Radjuattiv (SERAW) u l-impjant nukleari ta’ Kozloduy, li llum huma responsabbli mill-Unitajiet 1-2 u l-Unitajiet 3-4, rispettivament; jistieden lill-parti Bulgara tanalizza u timplimenta minnufih il-miżuri ta’ titjib meħtieġa fir-rigward ta’ din il-ġestjoni maqsuma, u/jew biex tiġbor l-Unitajiet 1-4 taħt ġestjoni komuni;

*

* *

40.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet tal-Bulgarija, tal-Litwanja u tas-Slovakkja.


(1)  ĠU L 411, 30.12.2006, p. 10.

(2)  ĠU L 131, 23.5.2007, p. 1.

(3)  ĠU L 189, 13.7.2010, p. 9.

(4)  ĠU L 330, 28.11.2006, p. 31.


Top