EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IE1010

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol u r-relazzjoni tal-UE mal-Asja Ċentrali u l-kontribut tas-soċjetà ċivili”

ĠU C 248, 25.8.2011, p. 49–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/49


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol u r-relazzjoni tal-UE mal-Asja Ċentrali u l-kontribut tas-soċjetà ċivili”

2011/C 248/08

Relatur: is-Sur PEEL

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu tal-15 u s-16 ta’ Settembru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

ir-rwol u r-relazzjoni tal-UE mal-Asja Ċentrali u l-kontribut tas-soċjetà ċivili

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tas-16 ta’ Ġunju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’112-il vot favur, 5 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Għall-kuntrarju tal-Ewropa, m’hemmx sens ta’ affinità reġjonali ġenwina bejn il-ħames pajjiżi tal-Asja Ċentrali. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex ikomplu jaħdmu biex ikun hemm sens aktar qawwi ta’ identità u integrazzjoni reġjonali, u jħeġġeġ lil kull pajjiż biex jaħdem aktar mill-qrib mal-ġirien tiegħu, biex jonqsu l-problemi etniċi u l-problemi relatati mal-fruntieri, kif ukoll biex titwitta t-triq għal iktar żvilupp ekonomiku u soċjali aktar sostenibbli.

1.1.1   Il-Kumitat jemmen bis-sħiħ li hemm bżonn kbir ta’ strateġija komprensiva, koeżiva u koordinata tal-UE għall-iżvilupp u l-istabbiliment ta’ kuntatt effettiv bejn is-soċjetà ċivili tal-UE u dik fl-Asja Ċentrali. Attwalment, ftit li xejn jeżisti dan it-tip ta’ kuntatt. Qabel xejn hemm bżonn ta’ livell ħafna ogħla ta’ rappreżentanza diplomatika tal-UE.

1.1.2   Huwa importanti li jintuża kemm jista’ jkun l-għarfien espert kollu fl-istituzzjonijiet tal-UE, b’konformità mal-Artikolu 11 tat-Trattat ta’ Lisbona, u għaldaqstant nitolbu lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jinvolvi lill-Kumitat kull fejn possibbli, speċjalment fil-bini tal-kapaċitajiet abbażi tal-esperjenza tagħna fi bnadi oħra (pereżempju l-Balkani, l-Amerika Latina).

1.1.3   Għaldaqstant, nirrakkomandaw li jiġi stabbilit mekkaniżmu formali permezz tas-SEAE, li jinvolvi lill-KESE, l-ewwel nett biex ikun hemm identifikazzjoni aktar ċara tal-interlokuturi maġġuri eżistenti tas-soċjetà ċivili f’kull pajjiż, inklużi msieħba indipendenti effettivi mill-intrapriża u t-trejdjunjins, u t-tieni nett biex jiġu identifikati organizzazzjoniijet ġodda u emerġenti tas-soċjetà ċivili u biex jiġu appoġġjati fl-iżvilupp tagħhom. Biex dawn l-għanijiet jiżviluppaw iktar, delegazzjoni żgħira tal-KESE għandha żżur l-Asja Ċentrali.

1.1.4   Il-Kumitat jappoġġja bil-qawwa l-proċess ta’ djalogu tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem li huwa strutturat tajjeb, u li huwa frott bikri u pożittiv tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali; iżda jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li s’issa ma ġiex inkluż. Ir-rettifikazzjoni ta’ dan għandha tkun waħda mill-ogħla prijorità.

1.1.5   Dawn l-isforzi biex jinħolqu rabtiet ħafna aktar b’saħħithom bejn in-nies għandhom jinkludu rabtiet edukattivi u relatati maż-żgħażagħ aktar stretti, peress li l-maġġoranza tal-popolazzjoni hija taħt il-25 sena, u għandhom iżidu b’mod aktar rapidu l-użu tal-programm Erasmus Mundus miż-żewġ naħat. Dan għandu jinkludi l-faċilitazzjoni tal-viża għal finijiet edukattivi, it-tneħħija tal-miżati għall-aktar studenti bravi mill-Asja Ċentrali, il-promozzjoni tal-kotba tal-lingwa bl-Ingliż, l-iskejjel tas-sajf, u s-sħubijiet fil-livell universitarju u dak tal-iskejjel sekondarji.

1.2   Il-kwistjoni iktar ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem hija marbuta mill-qrib mal-promozzjoni ta’ parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili. Dan huwa qasam prinċipali fejn l-Ewropa tista’ u qiegħda toffri għajnuna effettiva lill-pajjiżi tal-Asja Ċentrali li qed isegwu t-triq indipendenti tagħhom. Madankollu, l-attenzjoni fil-fatt għandha tiffoka fuq in-negozjar u s-sensibbiltà kulturali. Minkejja l-problemi li għadhom għaddejjin, kull wieħed mill-ħames pajjiżi rratifika t-tmien konvenzjonijiet prinċipali tal-ILO (b’żewġ eċċezzjonijiet li jissemmew f’punt 5.4.1). L-identifikazzjoni ta’ kif u fejn l-Ewropa tista’ tgħin lill-Asja Ċentrali biex twettaq dawn l-impenji u oħrajn hija mezz prattiku biex tinbena fiduċja reċiproka.

1.2.1   Il-Kumitat jappoġġja wkoll bis-sħiħ il-progress lejn il-possibbiltà ta’ ftehimiet kummerċjali ma’ kull wieħed mill-ħames pajjiżi. B’konformità ma’ ftehimiet kummerċjali reċenti oħra tal-UE, f’dan il-kuntest nissuġġerixxu li f’kull każ jitwaqqaf Forum tas-Soċjetà Ċivili, li għandu jinkludi l-iżvilupp sostenibbli, biex ikun hemm skambju tal-għarfien espert tal-Kumitat.

1.3   F’dan il-kuntest, fost il–kwistjonijiet diffiċli ta’ rilevanza partikolari nsibu dawk marbuta mas-sigurtà tal-provvista tal-ikel, is-sigurtà tal-ilma u l-provvista tal-ilma. Nirrakkomandaw li l-UE taqdi rwol akbar biex tħeġġeġ lill-ħames pajjiżi jaħdmu flimkien biex jindirizzaw dawn il-problemi serji b’mod olistiku. Il-Kummissjoni għandha tiċċara kemm dawn l-isfidi huma relatati. Fir-rigward tas-sigurtà tal-ilma u tal-provvista tal-ikel, l-Ewropa għandha esperjenza pożittiva bis-saħħa tal-għajnuna li toffri lill-pajjiżi l-oħra u din l-esperjenza għandha tintuża bis-sħiħ biex tissaħħaħ aktar il-fiduċja.

1.4   Kif diġà ħeġġeġ li jsir (1), il-Kumitat jirrakkomanda li fil-każ ta’ negozjati kummerċjali futuri, il-Kummissjoni tuża s-27 konvenzjoni elenkati fis-sistema tagħha għal arranġament ta’ inċentiv speċjali għal żvilupp u governanza tajba (GSP Plus) bħala bażi għal żvilupp ta’ kummerċ usa’ u mhux relatat mal-enerġija mal-Asja Ċentrali u li tuża l-miżuri ta’ għajnuna teknika relatata mal-kummerċ (Trade Related Technical Assistance (TRTA)), fejn ikun hemm bżonn.

1.5   Il-Kumitat jirrakkomanda li l-iżvilupp tar-rabtiet tal-UE mal-Asja Ċentrali għandu jkun marbut mill-qrib u b’mod reċiproku mal-involviment tal-UE mar-Russja, iċ-Ċina u t-Turkija, iżda mhux mal-Iran sakemm jibqgħu japplikaw is-sanzjonijiet.

1.6   Il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali għandhom ammont konsiderevoli ta’ riżervi potenzjali tal-enerġija li joffru lill-Ewropa sorsi addizzjonali u komplementari (minflok alternattivi) ta’ enerġija, għalkemm huma kumplikati minħabba kwistjonijiet ta’ tranżitu u trasport. Huwa importanti li l-vijabbiltà ta’ rabtiet bħal dawn tkun ibbażata fuq raġunijiet prattiċi u ekonomiċi.

1.7   L-Asja Ċentrali m’għandhiex tkun il-venda tal-linji tat-trasport/tranżitu tal-Ewropa iżda għandha tiġi kkunsidrata bħala waqfa fir-rotta lejn iċ-Ċina u lil hinn. Il-kuruturi tat-trasport proposti taċ-Ċina u tal-UE għandhom jiġu armonizzati. Ir-“Rotta tal-Ħarir” antika għandha tiġi żviluppata bħala triq kummerċjali u tal-enerġija.

2.   Introduzzjoni

2.1   Għalkemm il-Każakistan huwa d-disa’ l-akbar pajjiż f’termini ta’ erja, il-ħames pajjiżi fl-Asja Ċentrali (il-Każakistan, il-Kirgiżistan, l-Uzbekistan, it-Turkmenistan u t-Taġikistan) f’daqqa għandhom popolazzjoni ta’ 61 miljun persuna – l-istess daqs tar-Renju Unit, Franza jew l-Italja waħedhom.

2.2   Huwa essenzjali li wieħed jirrealizza li effettivament dawn huma pajjiżi ġodda li għadhom qed jissawru. Għalkemm indipendenti u kompletament rikonoxxuti, huma frott id-diżintegrazzjoni tal-USSR. Fl-ebda pajjiż minnhom ma kien hemm “moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali” importanti. F’kull wieħed minnhom, l-elit politiku sovjetiku preċedenti baqa’ fil-poter bħala l-elit indipendenti l-ġdid. Madankollu, dan l-isfond komuni ta’ bejniethom jibqa’ fattur pożittiv fit-tħeġġiġ tal-koeżjoni reġjonali, li hija dgħajfa u ’l bogħod mil-livell ta’ koeżjoni fl-Ewropa; il-koeżjoni reġjonali hija kunċett li l-UE qed tibda trawwem f’dan ir-reġjun.

2.3   Barra minn hekk, huma qed joperaw fi ħdan fruntieri li m’għażlux huma stess jew li huma bbażati fuq fruntieri naturali. Dan ġew definiti minn barranin u saru repubbliki kostitwenti tal-USSR, li wassal għal tensjonijiet etniċi kif juri l-każ reċenti tal-Kirgiżistan meta l-komunità fil-minoranza Uzbeka sfat vittma ta’ tensjonijiet. Dan joffri opportunità maġġuri għall-UE biex tuża l-esperjenza tagħha biex tindirizza t-tensjonijiet nazzjonali.

2.4   Dawn il-pajjiżi wirtu ekonomiji ppjanati ċentralment: mudelli konvenjenti għall-eliti attwalment fil-poter. Din l-intransiġenza fundamentali kkumplikat ruħha minħabba li reġgħu nibtu r-rivalitajiet strateġiċi internazzjonali u antiki (fost l-oħrajn minħabba l-prossimità mal-Afganistan u l-Iran), iżda li issa saru rivalitajiet ekonomiċi wkoll peress li nstabu sorsi naturali tal-enerġija, b’mod partikolari sorsi tal-gass u ż-żejt, li s’issa għadhom ma ġewx ikkwantifikati, speċjalment fir-rigward tal-gass fit-Turkmenistan.

2.4.1   Diġà rajna li ħarġu fid-dieher kwistjonijiet ta’ poter li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra f’din iż-żona (b’mod partikolari fil-Każakistan). L-infrastruttura amministrattiva antika tan-Nomenklatura Sovjetika issa tista’ tiġi deskritta aħjar bħala nomenklatura tal-klann/familja. Dan huwa qasam potenzjali ieħor fejn l-UE tista’ tgħin permezz tal-programmi tagħha għas-soċjetà ċivili u l-governanza billi tappoġġja miżuri favur it-trawwim ta’ servizz ċivili aktar newtrali.

2.5   Qabel ma waqgħet taħt il-ħakma Russa fis-seklu dsatax, l-Asja Ċentrali kienet magħmula minn kanati (khanates) u emirati musulmani indipendenti ħafna, b’ismijiet eżotiċi, inklużi Bokhara u Khiva. Iżda dawn kienu wkoll imbiegħda minħabba ż-żona vasta ta’ deżert madwarhom. Tamurlane bena l-imperu kbir ħafna tiegħu bbażat fuq Samarkand u l-popolazzjoni hija parzjalment dixxendenti tal-armati ta’ Gengkhiz Khan u tal-“Ħażna tad-Deheb”. Ta’ min jinnota wkoll it-tradizzjoni xjentifika b’saħħitha f’din iż-żona, b’mod partikolari fil-qasam tal-astronomija miż-żmien tal-Osservatorju li waqqaf Ulugh Beg, in-neputi ta’ Tamurlane, fl-1420. Illum il-ġurnata, il-Każakistan huwa involut ħafna fil-programm spazjali.

3.   Logħba Kbira ġdida?

3.1   Minkejja l-pożizzjoni inospitabbli tagħha, l-Asja Ċentrali saret ta’ importanza strateġika ewlenija. B’riflessjoni tal-“Lobgħa l-Kbira” tas-seklu dsatax (meta l-Asja Ċentrali kienet ix-xena ta’ rivalitajiet bejn l-ambizzjonijiet Britanniċi u Russi), għal darb’oħra l-Asja Ċentrali, bl-eċċezzjoni tal-Asja tal-Lvant, probabbilment hija l-unika żona fid-dinja fejn hemm it-theddida ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-ħafna interessi maġġuri.

3.2   Peress li kienet taħt il-ħakma tar-Russi għal aktar minn seklu ovvjament l-influwenza Russa għadha qawwija ħafna f’din iż-żona. Ir-Russu huwa l-lingwa komuni, ir-rabtiet ekonomiċi għadhom b’saħħithom u r-Russja temmen li din iż-żona taqa’ b’mod naturali fl-isfera ta’ influwenza tagħha. Fl-2010, il-Każakistan daħal f’Unjoni Doganali mar-Russja (u l-Bjelorussja) u hemm pajjiżi oħra li qed juru interess. Għall-Kirgiżistan, bħala l-uniku membru tad-WTO f’din iż-żona, din tkun problema kbira. Madankollu, l-Uzbekistan u t-Turkmenistan b’mod partikolari huma aktar xettiċi mill-oħrajn dwar il-ħolqien mill-ġdid ta’ rabtiet mar-Russja.

3.3   Iċ-Ċina hija involuta ħafna wkoll fl-iżvilupp u dan esprimietu b’mod formali permezz tas-sħubija tagħha fl-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni ta’ Shanghai (li fiha huma msieħba wkoll ir-Russja u l-Iran). Iċ-Ċina għandha interessi strateġiċi fil-qasam tal-enerġija; fl-2010, inbena pipeline fi żmien qasir ħafna li jibda mit-Turkmenistan, jaqsam l-Uzbekistan u l-Każakistan u li dalwaqt ser ikun imqabbad kompletament man-netwerk intern tal-enerġija taċ-Ċina. Iċ-Ċina għandha interessi kbar ukoll fil-bini ta’ kuruturi strateġiċi tal-ferroviji u t-toroq lejn il-Punent li jgħaddu mill-Asja Ċentrali, iżda s’issa dawn għadhom ma ġewx allinjati mal-kuruturi tat-trasport Ewropej fil-Lvant. Din is-sitwazzjoni għandha titranġa. Ir-“Rotta tal-Ħarir” antika, li diġà hija itinerarju turistiku, tista’ tiġi żviluppata wkoll b’mod li jrendi l-qligħ bħala awtostrada kummerċjali u fil-qasam tal-enerġija.

3.4   L-Iran u l-Afganistan huma involuti mill-qrib, billi huma ġirien qrib xulxin, il-popolazzjoni tagħhom titkellem lingwa relatata mal-Persjan (bħat-Taġikistan), u dan l-aħħar esperjenzaw episodji ta’ fundamentaliżmu Iżlamiku. Il-ħerqa reliġjuża bħalissa qed tiġi kkontrollata b’mod strett minn kull pajjiż tal-Asja Ċentrali, però qed tikber. It-tixwix Iżlamiku kien fattur fil-gwerra ċivili li faqqgħet fit-Taġikistan fid-disgħinijiet, u ħafna jibżgħu li dan jista’ jerġa’ jseħħ. Minħabba s-sanzjonijiet relatati mal-kwistjoni nukleari, għall-Iran ir-rabtiet mat-Turkmenistan huma ta’ importanza kbira, bħalma hu l-bini ta’ pipeline strateġiku gdid. Il-kwistjoni tat-traffikar tad-drogi barra mill-Afganistan kulma jmur qed issir aktar preokkupanti, iżda din hija aktar problema marbuta mal-użu finali fil-Punent: it-trażżin u l-kontroll tas-suq illegali fl-Ewropa (u fl-Istati Uniti) għandhom jagħmlu parti wkoll mis-soluzzjoni u l-uffiċjali foqra u li jistgħu jiġu korrotti fl-Asja Ċentrali għandhom jintalbu b’ħerqa kbira jiġġieldu kontra t-traffikar tad-droga.

3.5   It-Turkija għandha influwenza qawwija wkoll f’din iż-żona b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-popli kollha, apparti dawk mit-Taġikistan, huma Turkiċi b’lingwi interkonnessi. It-Turkija kienet involuta sew wara l-kollass tal-Unjoni Sovjetika u wara xi xkiel inizjali qed terġa’ żżid l-influwenza tagħha f’din iż-żona. It-Turkija ser tkun ukoll punt ewlieni għall-pipelines tal-enerġija mal-Punent.

3.6   L-Istati Uniti huma preżenti ħafna fir-reġjun fost l-oħrajn minħabba l-gwerra fl-Afganistan.

3.7   Dan kollu jwassal għall-mistoqsija dwar il-livell ta’ involviment tal-UE, u għandu jiġi nnutat ukoll il-fatt li l-ebda Stat Membru tal-UE m’għandu rabtiet kolonjali ma’ dan ir-reġjun. Il-bżonnijiet tal-UE għandhom jitqiesu għat-tul u għandhom jiġu kkunsidrati bis-sħiħ ir-relazzjonijiet usa’ tal-UE.

3.7.1   L-UE diġà qed twettaq negozjati maġġuri mar-Russja u ċ-Ċina, li magħhom l-UE għandha Sħubija Strateġika. Għaddejjin taħditiet dwar l-adeżjoni mat-Turkija, għalkemm il-progress huwa bil-mod ħafna. Madankollu, għad hemm l-impressjoni li r-rabtiet tal-UE mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali huma ttrattati b’mod kompletament indipendenti minn dawn il-pajjiżi l-oħra – li għalina ma jagħmilx sens. L-iżvilupp tar-rabtiet tal-UE mal-Asja Ċentrali għandhom ikunu marbuta mill-qrib u b’mod reċiproku mal-involviment tal-UE mar-Russja, iċ-Ċina u t-Turkija; bl-istess mod, ir-relazzjonijiet tagħna mal-Asja Ċentrali m’għandhomx jiġu żviluppati b’tali mod li jxekklu r-relazzjonijiet strateġiċi tagħna ma’ dawn l-imsieħba prinċipali. Peress li bħalissa qed jiġu applikati sanzjonijiet kontra l-Iran ikun prematur li l-Iran jiġi involut ukoll, iżda anke f’dan il-każ, il-formula Iran/Asja Ċentrali għandha titqies.

4.   L-involviment tal-UE fl-Asja Ċentrali

4.1   F’Lulju 2007, l-UE nediet l-istrateġija tagħha stess għall-Asja Ċentrali, strateġija spirata mill-Presidenza Ġermaniża. Dan jista’ jiġi kkunsidrat pjuttost bħala mġiba paternalistika, iżda l-livelli baxxi ħafna ta’ kummerċ għad iridu jiżdiedu. Apparti l-Każakistan, li fl-2009 (bħal fl-2007) irrappreżenta 0,9 % tal-importazzjonijiet u 0,5 % tal-esportazzjonijiet tal-UE, l-ebda pajjiż ieħor ma qabeż 0,1 % tal-kummerċ tal-UE. Minkejja dawn iċ-ċifri, l-UE għadha msieħba kummerċjali essenzjali għal kull wieħed minn dawn il-pajjiżi, speċjalment għall-Każakistan, li għalih l-UE hija, f’termini ta’ volum ta’ kummerċ, imsieħeb kummerċjali aktar importanti mir-Russja jew iċ-Ċina.

4.2   Huwa pertinenti ħafna li l-UE turi interess mill-qrib fl-Asja Ċentrali, speċjalment fid-dawl tal-Programm tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku. Dawn jinvolvu b’mod effettiv (flimkien mat-Turkija) lill-pajjiżi kollha li kienu jagħmlu parti minn dik li qabel kienet il-USSR, bl-eċċezzjoni tar-Russja li magħha l-UE qed tinnegozja relazzjoni strateġika ġdida u awtonoma. Xi Stati Membri tal-UE, b’mod partikolari l-Litwanja u dejjem aktar il-Ġermanja, diġà għandhom rabtiet b’saħħithom ħafna mal-Asja Ċentrali, filwaqt li, għal ħafna, l-Azerbajġan huwa konness aktar mill-qrib mal-Asja Ċentrali milli mal-Kawkasu għal bosta raġunijiet inklużi l-enerġija u r-reliġjon.

4.2.1   Waħda mill-kwistjonijiet prinċipali hija l-enerġija. Il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali għandhom ammont konsiderevoli ta’ riżervi potenzjali tal-enerġija li joffru lill-Ewropa sorsi addizzjonali u komplementari ta’ enerġija, għalkemm huma kumplikati minħabba kwistjonijiet ta’ tranżitu u trasport. Huwa essenzjali li l-UE tibqa’ realistika dwar il-provvista potenzjali ta’ enerġija mir-reġjun u li l-vijabbiltà ta’ rabtiet bħal dawn tkun ibbażata fuq raġunijiet prattiċi u ekonomiċi. Huwa importanti wkoll għall-pajjiż ospitanti li dawn is-sorsi ta’ enerġija naturali jitqiesu bħala komplementari għall-provvisti eżistenti u bħala sors ta’ u mhux bħala provvisti alternattivi possibbli, jew bħala pedina biex jiġu influwenzati r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi oħra fir-reġjun.

4.3   Minkejja t-ton ottimist tar-Rapport ta’ Progress ta’ Ġunju li għadda, ir-rabtiet tal-UE mal-ħames pajjiżi tal-Asja Ċentrali huma partikolarment dgħajfa. L-UE għandha missjoni waħda biss fil-Każakistan, filwaqt li dan l-aħħar għadhom kif infetħu delegazzjonijiet fil-Kirgiżistan u t-Taġikistan. Fl-Uzbekistan u t-Turkmenistan, l-UE hija rrappreżentata biss permezz ta’ “Europa Houses” li l-persunal tagħhom huma prinċiplament konsulenti kuntrattwali. Skont is-CEPS (2), 18-il Stat Membru għandhom ambaxxati fil-Każakistan, 10 fl-Uzbekistan u huma ftit li għandhom ambaxxati bnadi oħra. Il-Ġermanja u Franza għandhom ambaxxati fil-ħames pajjiżi kollha, ir-Renju Unit għandu 4 ambaxxati. Disa’ Stati Membri m’għandhom l-ebda rappreżentanza. Biex tirnexxi, l-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali ser tiddependi minn livell akbar ta’ rappreżentanza tal-UE li ser tipprovdi test preliminari għas-Servizz Ewropew il-ġdid għall-Azzjoni Esterna (SEAE), minkejja l-limitazzjonijiet baġitarji severi tiegħu. Azzjoni konġunta permezz tas-SEAE dwar kwistjonijiet ewlenin bħall-viża (tal-anqas għall-pajjiżi tax-Schengen) ser tkun fost dawn it-testijiet.

4.4   Madankollu, l-UE nnegozjat Ftehimiet ta’ Sħubija u Kooperazzjoni mal-ħames pajjiżi. Il-ftehimiet mal-Każakistan, il-Kirgiżistan u l-Uzbekistan daħlu fis-seħħ fl-1999, għalkemm il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni mal-Uzbekistan ġie parzjalment sospiż mill-2005 sal-2008 wara l-massakru ta’ Andijan. Il-ftehim mat-Taġikistan (li dam biex jiġi konkluż minħabba l-gwerra ċivili) ġie rratifikat biss fl-2009, filwaqt li l-ftehim mat-Turkmenistan għad irid jiġi rratifikat minħabba kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem.

4.5   Il-Każakistan b’mod partikolari jidher li huwa l-attur prinċipali fir-reġjun. Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Każakistan qed jiżviluppaw b’mod sinifikanti, u qed jingħataw spinta ’l quddiem permezz ta’ interess dejjem jikber fir-relazzjoni miż-żewġ naħat. Jidher ċar li l-Każakistan huwa l-aktar pajjiż aċċessibbli fir-reġjun għall-UE u permezz tal-parteċipazzjoni attiva u ta’ suċċess tiegħu fil-Presidenza tal-OSKE (3) ta sinjal ċar tax-xewqa tiegħu li jaqdi rwol prinċipali. Il-fatt li Każakistan daħal fl-Unjoni Doganali mar-Russja u l-Bjelorussja u li qed juri interess ċar biex jissieħeb fid-WTO, possibbilment flimkien mar-Russja, joħroġ fid-dieher ix-xewqa tiegħu li jipparteċipa aktar fi kwistjonijiet oħra b’mod ġenerali. Sinjal ieħor huwa t-tkabbir ta’ klassi intraprenditorjali ta’ żgħażagħ, li tinsab lesta u mħeġġa tistudja barra mill-pajjiż, flimkien mal-ħolqien ta’ kultura tas-soċjetà ċivili u l-parteċipazzjoni tagħha.

4.6   Xewqa simili għal vizibbiltà internazzjonali akbar għad trid tiġi espressa mill-Uzbekistan, li għad għandu approċċ magħluq u awtoritarju, bħal fil-każ tat-Turkmenistan. Oriġinarjament, l-Uzbekistan deher li kien l-aktar kandidat li seta’ jiżviluppa rabtiet mal-Ewropa, iżda dik it-tama sfaxxat fix-xejn, b’mod partikolari wara dak li ġara f’Andijan, filwaqt li l-Każakistan ħareġ bħala possibbiltà oħra.

4.7   Madankollu, minkejja t-tħassib qawwi relatat mall-kunflitti etniċi li seħħew fl-2010, il-Kirgiżistan huwa soċjetà iktar miftuħali għandha parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili. Dan huwa wkoll il-każ tat-Taġikistan, fejn ir-rabtiet mal-UE huma partikolarment dgħajfa. It-Taġikistan huwa aktar fraġli; għadda minn gwerra ċivili kbira fid-disgħinijiet, li tista’ terġa sseħħ u l-pajjiż qed jiffaċċja kriżi tal-ikel.

5.   Ir-rwol tas-soċjetà ċivili u d-drittijiet tal-bniedem

5.1   Ir-rwol tas-soċjetà ċivili huwa intermittenti u jvarja ħafna bejn il-ħames pajjiżi. Fil-Kirgiżistan hemm l-ogħla livell ta’ parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili filwaqt li fil-Każakistan u t-Taġikistan qed tiżviluppa kultura tas-soċjetà ċivili.

5.1.1   Madankollu, is-soċjetà ċivili qdiet rwol ċar fil-proċess ta’ djalogu tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, proċess strutturat tajjeb u li kien wieħed mill-ewwel riżultati tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali f’dawn it-tliet pajjiżi. B’hekk żdiedu l-laqgħat annwali fil-livell uffiċjali, b’seminars separati tas-soċjetà ċivili li jinvolvu lill-avukati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u lill-NGOs lokali, fil-preżenza tal-uffiċjali tal-UE. Dawn il-laqgħat għandhom aġenda standardizzata iżda s’issa mhemmx benchmarking effettiv biex jitkejlu r-riżultati.

5.1.2   Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ dan il-proċess iżda jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li s-SEAE għadu ma ħasibx biex jinkludi l-KESE fih. Inħeġġu lis-SEAE biex jirretifika dan mill-aktar fis possibbli għaliex aħna msieħeb tad-djalogu u pont għas-soċjetà ċivili usa’, b’għarfien fil-fond u prattiku u kompetenza esperta rikonoxxuta b’mod mifrux.

5.2   Dan il-livell ta’ parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili mhuwiex rifless la fl-Uzbekistan (fejn ġew stabbiliti NGOs organizzati mill-gvern) u lanqas fit-Turkmenistan fejn s’issa m’hemm l-ebda soċjetà ċivili indipendenti.

5.2.1   Huwa importanti li jitfakkar li qabel l-indipendenza, fl-ebda pajjiż minn dawn ma kien hemm tradizzjoni jew fehim tas-soċjetà ċivili bħala intermedjarju bejn l-Istat u ċ-ċittadini; lanqas il-kunċett tal-NGOs ma kien magħruf. It-trejdjunjins, il-komunità, u l-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk professjonali lkoll kienu jagħmlu parti mill-istruttura tal-istat, bi ftit kuntatt ma’ influwenzi esterni biex jgħinuhom isawru istituzzjonijiet ġodda ta’ wara l-indipendenza. Madankollu, ħafna minnhom adottaw stil aktar indipendenti flimkien ma’ intrapriżi privatizzati tal-Istat, trejdjunjins indipendenti u assoċjazzjonijiet professjonali, b’mod partikolari fil-Każakistan u l-Kirgiżistan u, sa ċertu punt, fit-Taġikistan.

5.2.2   Fid-disgħinijiet ġew żviluppati inizjattivi bbażati fuq komunitajiet rurali lokali u gruppi ta’ għajnuna awtonoma (self-help groups) ibbażati fuq il-komunità lokali tradizzjonali u l-gruppi ta’ għajnuna awtonoma tal-klann hashar/ashar. Dawn il-gruppi ġew żviluppati biex jindirizzaw it-tħarbit tas-sistemi tas-sigurtà soċjali Sovjetiċi imma huma differenti ħafna mill-NGOs li huma rikonoxxuti internazzjonalment. Dawn l-NGOs ħarġu fid-dieher iżda kienu limitati għaż-żoni urbani ewlenin u sikwit kienu jiddependu minn ammont sinfikanti ta’ appoġġ finanzjarju estern (inkluż mill-Istati Uniti). Kull pajjiż żviluppa b’mod differenti u ffaċċja problemi diversi imma wara r-rivoluzzjonijiet “tal-kulur” fil-Ġeorġja, l-Ukraina u l-Kirgiżistan, l-NGOs (ikkunsidrati minn ħafna bħala barranin u mħallsa żżejjed meta mqabbla mal-pagi lokali) kienu soġġetti għal restrizzjonijiet severi fl-Uzbekistan u fil-fatt għabu għalkollox fit-Turkmenistan. Dan l-aħħar, kien hemm żieda dejjem akbar fid-disparitajiet bejn iż-żoni urbani u dawk rurali kif ukoll fl-influwenza u l-attività ta’ natura Iżlamika.

5.3   Bejn is-soċjetà ċivili tal-UE u dik tal-Asja Ċentrali jidher li ftit hemm kontribut formali jew kuntatt mill-qrib. Din mhijiex ħaġa tal-għaġeb meta wieħed iqis in-nuqqas ta’ kuntatti interpersonali bejn iċ-ċittadini tal-UE u dawk tal-Asja Ċentrali. Qabel ma s-soċjetà ċivili fl-Asja Ċentrali tkun tista’ taqsam jew anke tidentifika mal-valuri tagħna jeħtieġ li l-ewwel ninfurmawha dwarhom u niżguraw li jiġu mifhuma b’mod mifrux mingħajr ma jiġu imposti. Il-Każakistan jista’ jservi ta’ pont f’dan il-każ b’mod partikolari minħabba l-kuntatti mtejbin tiegħu bejn l-intrapriżi u l-unjins.

5.3.1   Il-Kumitat jemmen li hemm bżonn kbir ta’ strateġija komprensiva, koeżiva u koordinata tal-UE għall-iżvilupp ta’ kuntatt bejn is-soċjetà ċivili mal-Asja Ċentrali. Il-Kumitat jinsab f’pożizzjoni tajba biex imexxi ’l quddiem dan il-proġett – l-isfida prinċipali hija li jinstab l-aħjar mod biex jitħeġġu aktar id-djalogu u l-kuntatti interpersonali, jiġu identifikati s-suġġetti ta’ interess komuni u gruppi emerġenti tas-soċjetà ċivili u tiġi promossa l-prattika tajba biex dan kollu jwassal għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu aktar formali għat-trawwim ta’ kuntatt tas-soċjetà ċivili aktar effettiv.

5.3.2   Il-ħidma attwali tas-SEAE fir-reġjun għandha tintlaqa’. Madankollu, huwa essenzjali li jiġi massimizzat l-użu tal-għarfien espert kollu li huwa disponibbli fl-istituzzjonijiet tal-UE u għaldaqstant, bħal fil-każ tal-proċess ta’ djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, nitolbu lis-SEAE biex tinvolvi lill-Kumitat kull fejn possibbli, biex nappoġġjaw it-tisħiħ tal-kapaċitajiet abbażi tal-esperjenza prinċipali tagħna bnadi oħra.

5.3.3   Għal dan il-għan jidher li hemm tliet possibbiltajiet. L-ewwel nett, il-Kumitat stess, bl-għajnuna tas-SEAE, għandu jidentifika b’mod ċar l-interlokuturi prinċipali. Għandhom jiġu identifikati intrapriżi indipendenti effettivi u msieħba indipendenti tat-trejdjunjins u għandhom jiġu stabbiliti rabtiet sodi fil-ħames pajjiżi flimkien ma’ msieħba rilevanti oħra tas-soċjetà ċivili. L-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ Min Iħaddem m’għandha l-ebda membru fl-Asja Ċentrali, għalkemm għandha kuntatti fil-Każakistan. Għal dan il-għan huwa rrakkomandat li delegazzjoni żgħira tal-KESE żżur l-Asja Ċentrali (kif ukoll biex tippromovi din l-Opinjoni).

5.3.4   Wara, huwa essenzjali li organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili li qed jiżviluppaw jiġu identifikati, imħeġġa u jingħataw appoġġ prattiku hekk kif ikunu qed jiżviluppaw. F’dan il-każ ukoll nitolbu lis-SEAE biex jinvolvi lill-Kumitat kull meta u kull fejn dan ikun adatt.

5.3.5   Il-Kumitat jappoġġja wkoll bis-sħiħ il-progress lejn il-possibbiltà ta’ ftehimiet kummerċjali ma’ kull wieħed mill-ħames pajjiżi. B’konformità ma’ ftehimiet kummerċjali reċenti oħra tal-UE, nirrakkomandaw li jiġi introdott forum tas-soċjetà ċivili f’kull pajjiż, biex ir-rabtiet mas-soċjetà ċivili fir-reġjuni jkunu fformalizzati aktar. Dan jippermetti wkoll li l-għarfien espert tal-Kumitat dwar l-iżvilupp sostenibbli jinqasam mar-rappreżentanti rilevanti tas-soċjetà ċivili.

5.3.6   Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jitħeġġu aktar il-kuntatti u l-iskambji maż-żgħażagħ u li jintuża ħafna aktar il-Programm Erasmus Mundus biex jitħeġġu rabtiet edukattivi aktar fil-fond kif ukoll il-mobbiltà fil-qasam tal-edukazzjoni miż-żewġ naħat. Dan għandu jinkludi l-iffaċilitar tal-viża għal finijiet edukattivi, it-tneħħija tal-miżati għall-aktar studenti bravi mill-Asja Ċentrali, il-promozzjoni tal-kotba tal-lingwa bl-Ingliż, l-iskejjel tas-sajf, u s-sħubijiet fil-livell universitarju u dak tal-iskejjel sekondarji. Nilqgħu b’sodisfazzjon il-fatt li l-baġit rdoppja għal EUR 10 miljun fis-sena, iżda kif jindika r-Rapport ta’ Progress, il-maġġoranza tal-popolazzjoni fl-Asja Ċentrali għandha inqas minn 25 sena (u b’hekk ma tiftakarx iż-żminijiet tal-Unjoni Sovjetika).

5.3.7   Is-soċjetà ċivili għandha rwol prinċipali x’taqdi biex tħeġġeġ koeżjoni u integrazzjoni reġjonali akbar, li huma importanti għat-tiswir ta’ ambjent ekonomiku u soċjali li fih is-swieq jistgħu joperaw b’mod effettiv, għall-promozzjoni tal-ħolqien ta’ impjiegi deċenti, għall-iżvilupp ta’ SMEs, it-tisħiħ tal-infrastruttura lokali u t-tnaqqis tal-faqar, bl-appoġġ ta’ istituzzjonijiet robusti b’termini ta’ referenza ċari. L-esperjenza tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi Baltiċi fost l-oħrajn ser tkun partikolarment utli f’dan ir-rigward.

5.3.8   Dan għandu jkun ibbażat fuq impenn politiku, paċi u sigurtà, l-istat tad-dritt, aktar demokrazija, governanza tajba u stabbiltà makroekonomika.

5.4   Madankollu, il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem, li bilkemm qed timxi ’l quddiem, hija marbuta mill-qrib mal-kwistjoni tal-promozzjoni ta’ parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili, speċjalment fl-Uzbekistan u t-Turkmenistan. Bi storja twila ta’ tmexxija awtokratika u nuqqas ta’ kwalunkwe tradizzjoni ta’ drittijiet tal-bniedem, jeħtieġ li l-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem taqdi rwol akbar jekk l-UE u s-soċjetà ċivili tal-UE trid tiżviluppa relazzjoni ta’ ħidma effettiva mal-Asja Ċentrali. Id-drittijiet tal-bniedem jiddefinixxu l-Ewropa u l-istorja tagħha u dan huwa qasam ewlieni fejn bir-raġun l-Ewropa tħoss li tista’ toffri għajnuna.

5.4.1   Madankollu, l-attenzjoni fil-fatt għandha tiffoka fuq in-negozjar u s-sensibbiltà kulturali. Kull wieħed minn dawn il-pajjiżi qabel b’mod volontarju mad-Drittjiet Universali tal-Bniedem billi ssieħeb fin-Nazzjonijiet Uniti u l-istituzzjonijiet assoċjati (pereżempju l-ILO). Għall-kuntrarju ta’ ħafna msieħba kummerċjali oħra tal-UE, kull pajjiż tal-Asja Ċentrali diġà rratifika t-tmien konvenzjonijiet qafas tal-ILO, bl-eċċezzjoni tal-Uzbekistan li ma rratifikax il-konvenzjoni Nru 87 dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni u t-Turkmenistan li ma rratifikax il-Konvenzjoni Nru 138 dwar l-età minima. It-Turkmenistan iffirma l-Konvenzjoni Nru 182 dwar it-Tħaddim tat-Tfal f’Novembru 2010, u l-Uzbekistan iffirma l-Konvenzjoni dwar l-Età minima fl-2009. L-infurzar huwa kwistjoni oħra. Għaldaqstant, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-ILO, tagħmel enfasi ikbar fuq l-identifikazzjoni ta’ kif u fejn l-Ewropa tista’ tgħin bl-aħjar mod lill-Asja Ċentrali biex twettaq bis-sħiħ dawn l-impenji.

5.4.2   Dan joffri triq prattika ’l quddiem biex tinbena fiduċja reċiproka. Għalkemm l-ebda dritt fundamentali m’huwa iktar importanti minn ieħor, għad hemm problemi kruċjali fir-rigward tal-libertajiet bażiċi tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-libertajiet ta’ assemblea, assoċjazzjoni u espressjoni. L-UE diġà kisbet riżultati tajbin billi trattat kwistjonijiet bħad-diżabbiltà b’mod pożittiv.

5.4.3   Madankollu, għad hemm tħassib u problemi prinċipali u l-ġrajjiet reċenti fl-Afrika ta’ Fuq iservu ta’ tfakkira kemm tal-importanza tat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili kif ukoll tal-urġenza li jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet bażiċi b’mod pożittiv. Il-Kumitat jixtieq jiżviluppa kuntatti b’saħħithom u effettivi kif ukoll relazzjoni ta’ ħidma tajba mas-soċjetà ċivili fl-Asja Ċentrali. Il-bojkotts jew l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet stretti ħafna bbażati fuq il-progress mhumiex possibbiltà realistika. Is-sitwazzjoni hawnhekk tqabblet ma’ dik fil-Bjelorussja fejn, f’Jannar 2011, wara rewwixti b’segwitu tal-elezzjoni presidenzjali, 158 uffiċjal importanti ġew projbiti milli jivvjaġġaw lejn l-UE u l-kontijiet tal-banek fl-UE kollha tagħhom ġew ffriżati - eżempju li jeħtieġ li l-ħames pajjiżi jżommu quddiem għajnejhom.

5.4.4   Fl-Opinjoni tiegħu dwar “l-Ewropa Globali” (4) il-Kumitat ħeġġeġ li l-Kummissjoni tuża s-27 konvenzjoni (inklużi t-8 konvenzjonijiet qafas tal-ILO) li diġà huma elenkati mis-sistema attwali ta’ arranġament ta’ inċentiv speċjali għal żvilupp u governanza tajba (GSP Plus) bħala bażi għall-ftehimiet ta’ kummerċ futuri tal-UE. Dan il-għan għandu jiġi ripetut f’dan il-każ bħala bażi għall-iżvilupp ta’ kummerċ usa’ u mhux relatat mal-enerġija mal-Asja Ċentrali, flimkien mal-miżuri ta’ għajnuna teknika relatata mal-kummerċ (TRTA), fejn ikun hemm bżonn, filwaqt li titħeġġeġ is-sħubija fid-WTO. Il-Kirgiżistan biss huwa membru tad-WTO però s-sħubija tiegħu fl-1998 issa titqies bħala prematura.

5.5   L-Appendiċi A tinkludi sommarju qasir tal-kwistjonijiet attwali b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem f’kull wieħed mill-ħames pajjiżi.

6.   Kwistjonijiet ambjentali

6.1   Il-GSP Plus) jinkludi konvenzjonijiet ambjentali ewlenin. Ta’ rilevanza partikolari għall-Asja Ċentrali huma l-kwistjonijiet relatati tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel, is-sigurtà tal-ilma u l-provvista tal-enerġija, u l-UE tista’ taqdi rwol prinċipali biex tħeġġeġ lill-ħames pajjiżi jaħdmu flimkien biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet b’mod olisitiku. L-Istrateġija tal-UE ma turix b’mod ċar kemm dawn il-kwistjonijiet huma relatati peress li l-kwistjoni tal-ilma hija indirizzata separatament kemm bħala parti mill-enerġija kif ukoll bħala parti mis-sostenibbiltà ambjentali u s-sigurtà tal-provvista tal-ikel hija indirizzata bħala problema maġġuri fiha nnifisha.

6.2   Fl-2008, il-FAO elenkat lit-Taġikistan bħala wieħed mis-17-il pajjiż fi “kriżi tal-ikel” – l-unika pajjiż fl-Asja. Is-sigurtà tal-ilma hija wkoll kwistjoni ta’ importanza fundamentali għar-reġjun b’mod ġenerali, kif juru t-tnaqqis fid-daqs tal-Baħar Aral, il-problemi dejjem jiżdiedu ta’ xmajjar li qed jisparixxu, u l-fatt li l-qoton huwa pjanta li tirrikjedi ħafna ilma. L-esperjenza tal-UE biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tgħin ukoll biex titrawwen aktar fiduċja u kunfidenza fl-Asja Ċentrali.

6.2.1   It-Taġikistan, flimkien mal-Kirgiżistan, għandu provvista tal-ilma kważi tul is-sena kollha (għalkemm ġestjoni ħażina u sistemi tad-distribuzzjoni bil-ħsara wasslu għal livell partikolarment għoli ta’ ħela u konsegwentement nuqqas ta’ ilma), filwaqt li l-ġirien tiegħu jbatu minn nuqqas ta’ ilma, b’mod partikolari l-Uzbekistan (li jiddependi ħafna minn ilma minn bnadi oħra għall-uċuħ tar-raba’ tar-ross u l-qoton li jirrikjedu ħafna ilma, u għax-xorb). It-Taġikistan għandu wkoll riżorsi limitati ħafna ta’ forom oħra ta’ enerġija, iżda jbati l-iktar minn nuqqas ta’ sigurtà tal-provvista tal-ikel. Jiddependi ħafna mill-ġirien tiegħu għall-provvisti tal-enerġija u tal-ikel.

6.2.2   Fl-2008, aktar minn 2 miljun persuna (aktar minn terz tal-popolazzjoni) kienet ikkunsidrata bħala f’pożizzjoni ta’ nuqqas ta’ sigurtà tal-provvista tal-ikel u 0,75 miljun persuna bħala f’pożizzjoni ta’ “nuqqas sever ta’ sigurtà tal-provvista tal-ikel”. 64 % tal-popolazzjoni tinsab taħt il-livell tal-faqar; 7 % tal-art biss tintuża għal finijiet agrikoli.

6.2.3   Sfortunatament, l-Uzbekistan u t-Taġikistan ma kinux ġirien tajbin u dan wassal għal ċiklu vizzjuż ta’ deprivazzjoni u kontradeprivazzjoni peress li ġew imposti projbizzjonijiet ta’ esportazzjoni fil-qasam tal-enerġija u tal-ilma. Dawn il-projbizzjonijiet laqtu lill-provvisti tal-elettriku għall-użu domestiku, li f’Dushanbe kien disponibbli biss għal sagħtejn kuljum fi żminijiet ta’ kesħa kbira.

6.3   Din il-kriżi wriet kemm hija importanti strateġija olistika b’użu ambjentali tajjeb ta’ riżorsi naturali, it-tnaqqis tal-faqar u, qabel kollox, is-sigurtà tal-provvista tal-ikel biex jiġi promoss tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-Asja Ċentrali b’mod ġenerali. Madankollu, il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-UE diġà hija involuta ħafna biex tgħin lit-Taġikistan u lill-ġirien tiegħu biex jindirizzaw kriżijiet bħal dawn.

Brussell, 16 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 211, 19.8.2008, p.82

(2)  Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej.

(3)  Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, l-unika rabta politika internazzjonali u istituzzjonali li tgħaqqad lill-Ewropa ma’ dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika.

(4)  COM(2006) 763 finali.


Top