Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0848

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI Tabella ta’ Valutazzjoni dwar l-Għajnuna mill-IstatRapport dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Istati Membri tal-UE- Aġġornament tal-Ħarifa 2011 -

    /* KUMM/2011/0848 finali */

    52011DC0848

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI Tabella ta’ Valutazzjoni dwar l-Għajnuna mill-IstatRapport dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Istati Membri tal-UE- Aġġornament tal-Ħarifa 2011 - /* KUMM/2011/0848 finali */


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

    Tabella ta’ Valutazzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat Rapport dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Istati Membri tal-UE - Aġġornament tal-Ħarifa 2011 -

    WERREJ

    Għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-kriżi ekonomika.......................................................................... 5

    1........... Għajnuna mill-Istat fl-2010.............................................................................................. 5

    2........... Tendenzi u mudelli ta’ infiq ta' għajnuna mill-Istat għal għajnuna mhux għall-kriżi fl-Istati Membri           6

    2.1........ It-tendenza tal-livelli ta' għajnuna mhux għall-kriżi mill-Istat lill-industrija u s-servizzi.......... 7

    2.2........ Għajnuna mhux għall-kriżi mill-Istat allokata għal għanijiet orizzontali ta’ interess komuni... 8

    3........... Għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u ekonomika......................................... 9

    3.1........ Tendenzi fl-approvazzjoni u l-użu ta' miżuri ta’ għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju... 9

    3.2........ L-ammonti approvati u l-ammonti li jintużaw taħt il-qafas temporanju............................... 9

    4........... It-tendenzi tal-infiq għall-għajnuna mill-Istat skont it-tip ta’ miżuri ta’ għajnuna................ 11

    4.1........ Numru ta’ miżuri ta’ għajnuna........................................................................................ 11

    4.2........ Il-volumi ta’ għajnuna - madwar 21% tal-għajnuna lill-industrija u s-servizzi hija eżentata bħala kategorija         11

    5........... L-infurzar tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat..................................................................... 11

    ANNESS................................................................................................................................... 13

    Sommarju tal-konklużjonijiet tar-Rapport

    Fl-2010, in-nefqa totali fuq għajnuna mhux għall-kriżi kienet relattivament stabbli fl-UE meta mqabbla ma’ tas-sena ta’ qabel. L-Istati Membri komplew bl-isforzi tagħhom sabiex inaqqsu l-livelli ta’ għajnuna globali tagħhom u xi wħud kienu kapaċi li jnaqqsu sostanzjalment l-infiq tagħhom ta’ għajnuna mill-Istat. Globalment, it-tendenza fuq il-perjodu 2005-2010 turi tnaqqis fuq l-infiq ta’ għajnuna mhux għall-kriżi.

    L-għajnuna allokata għal għanijiet orizzontali ta’ interess komuni baqgħet għolja filwaqt li xi Stati Membri kienu kapaċi jnaqqsu aktar l-għajnuna mogħtija għall-iżvilupp settorjali. L-għajnuna mogħtija taħt eżenzjoni ta’ kategorija żdiedet ukoll meta kkumparata mas-snin preċedenti. Globalment, l-ammont ta’ għajnuna li ġiet mogħtija jew taħt eżenzjoni ta’ kategorija jew permezz ta' skemi, kienet fuq livell għoli, filwaqt li l-livell ta’ għajnuna mogħtija individwalment, awtorizzata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni, baqa' f'volum baxx.

    L-attivitajiet biex tiġi rkuprata għajnuna mill-Istat illegali komplew u aktar għajnuna mogħtija illegalment ġie rkuprata mingħand il-benefiċjarji, filwaqt li xi każijiet ulterjuri tressqu l-qorti.

    Fl-2010 n-numru ta’ miżuri ta’ sostenn għall-kriżi finanzjarja approvat mill-Kummissjoni naqas sostanzjalment meta mqabbel mas-sentejn preċedenti. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-miżuri approvati fl-imgħoddi għadhom operattivi.

    L-ammont effettivament użat fl-2010 għal rikapitalizzazzjoni u miżuri ta’ salvataġġ tal-assi huwa ferm ikkonċentrat fi ftit Stati Membri, filwaqt li parti kbira tal-ammont użat fil-forma ta' garanziji u miżuri ta’ likwidità għadha pendenti.

    Fl-2010, kienu ftit il-miżuri ta’ għajnuna ġodda li ngħataw taħt il-Qafas Temporanju tal-Unjoni. Il-maġġoranza tal-miżuri ta’ għajnuna kienu diġà ġew approvati fl-2009 u l-Istati Membri taw b’mod sinifikanti anqas għajnuna taħt il-Qafas Temporanju tal-Unjoni fl-2010 meta mqabbel mal-2009. Barra minn hekk, l-ammont ta’ għajnuna użata baqa’ b’mod sinifikanti taħt l-ammont ta’ għajnuna approvata, prinċipalment għaliex l-iżvilupp tas-sitwazzjoni ekonomika ma kienx daqshekk prevedibbli u Stati Membri kienu kawti meta taw l-għajnuna taħt il-Qafas Temporanju tal-Unjoni billi applikaw kundizzjonijiet stretti.

    L-aġġornament tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat (“it-Tabella ta’ Valutazzjoni”) tal-ħarifa 2011 jipprovdi sinopsi tal-informazzjoni li l-Istati Membri ressqu din is-sena fir-rapport annwali tagħhom dwar l-infiq għall-għajnuna mill-istat fl-2010.

    Għal raġunijiet ta’ metodoloġija[1] u biex ma tinħoloqx stampa magħwġa tat-tendenzi fl-infiq għall-għajnuna mill-Istat, it-Tabella ta’ Valutazzjoni tiddistingwi bejn għajnuna mhux għall-kriżi min-naħa l-waħda (jiġifieri l-għajnuna kollha mogħtija taħt ir-regoli normali tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat) u għajnuna għall-kriżi min-naħa l-oħra (jiġifieri l-għajnuna kollha mogħtija lil istituzzjonijiet finanzjarji u l-ekonomija reali taħt il-miżuri temporanji ta' għajnuna mill-Istat b’reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u ekonomika) [2].

    Fir-rigward ta’ għajnuna mhux għall-kriżi, it-Tabella ta’ Valutazzjoni, minbarra sinopsi dwar l-infiq fl-2010, tipprovdi ħarsa ġenerali tat-tendenzi tal-infiq f’għajnuna mill-Istat, għall-industrija u s-servizzi (bil-perjodu 2005-2007 ikkumparat mal-perjodu 2008-2010) u t-tip ta' miżuri ta’ għajnuna, jiġifieri, għajnuna ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, skemi u miżuri individwali (kemm jekk applikazzjonijiet individwali ta’ skemi jew deċiżjonijiet ad hoc).

    Fir-rigward ta’ għajnuna għall-kriżijiet, it-Tabella ta’ Valutazzjoni tipprovdi ħarsa ġenerali dwar l-ammonti approvati (mill-1 ta’ Ottubru 2008 sal-1 ta’ Ottubru 2011) u l-ammonti użati (mill-1 ta' Ottubru 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2010) skont it-tip ta’ strument (rikapitalizzazzjoni, garanzija, assi danneġġati, miżuri ta’ likwidità). Barra minn hekk, ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar għajnuna mogħtija taħt il-Qafas Temporanju tal-Komunità għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali ("il-qafas temporanju")[3] fil-forma ta’ ammont approvat għall-għajnuna u ta’ ammont użat. It-Tabella ta’ Valutazzjoni tipprovdi wkoll aġġornament dwar il-kisbiet fil-qasam tal-infurzar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat.

    It-Tabella ta’ Valutazzjoni tikkonsisti f’żewġ partijiet: l-ewwel, rapport ta’ sinteżi, adottat mill-Kulleġġ tal-Kummissarji, li jiffoka fuq fatti ewlenin, konklużjonijiet, tendenzi u żviluppi rigward l-għajnuna mill-Istat li tingħata mill-Istati Membri u, it-tieni, Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, mehmuż mar-Rapport, "Fatti u ċifri dwar għajnuna millIistat fl-Istati Membri tal-UE" ("SWD"), li jipprovdi l-isfond fattwali.

    Wieħed jinnota li l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA tippubblika wkoll tabella ta’ valutazzjoni[4] annwali li tippubblika aġġornamenti dwar il-volum ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija fl-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.

    Għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-kriżi ekonomika

    Fl-2010, il-PDG tal-UE kiber mil-livell negattiv tiegħu tal-2009 għal riżultat li għalkemm relattivament ta’ livell baxx, bħala medja taħt il-1%, huwa pożittiv.

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ kriżi li għaddej minnha bħalissa s-settur finanzjarju, l-Istati Membri komplew jipprovdu għajnuna lill-banek sabiex jintroduċu aktar kunfidenza fis-settur u jippermettu b’mod partikolari lill-banek biex ikomplu jipprovdu kreditu lill-ekonomija reali.

    Is-sitwazzjoni ekonomika ta’ ħafna negozji gradwalment tjiebet tul l-2010, u għalhekk l-Istati Membri kellhom bżonn jagħtu anqas għajnuna għall-kriżi lill-ekonomija reali.

    Globalment, il-politika ta’ kontroll ta’ għajnuna mill-Istat tal-Kummissjoni, kienet waħda mill-fatturi ewlenin li żgurat li l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta' salvataġġ mingħajr preċedent twettqet f'manjiera kkordinata, mingħajr ma’ ħolqot tagħwiġ żejjed fil-kompetizzjoni fis-suq intern.

    1.           Għajnuna mill-Istat fl-2010

    Fl-2010, l-Istati Membri taw it-total approssimattiv ta’ EUR 73,7 biljun fis-sura ta’ għajnuna mhux għall-kriżi, jew f’termini relattivi 0,6% tal-PDG[5] tal-UE[6]. Il-miżuri relatati mal-kriżi, jiġifieri għajnuna mogħtija lis-settur finanzjarju permezz ta’ miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni u għal assi indeboliti, ammontaw għal EUR 121,3 biljun (1% tal-PDG tal-UE) filwaqt li l-volum globali tal-garanziji pendenti medji u tal-likwidità jammonta għal EUR 983,9 biljun (8% tal-PDG tal-UE). Fir-rigward ta’ għajnuna mogħtija taħt il-qafas temporanju, l-ammont użat kien madwar EUR 11,7 biljun fl-2010 jew 0,9% tal-PDG tal-UE. Fl-1 ta’ Ottubru 2011[7], l-Istati Membri kollha tal-UE-15[8] flimkien ma' Ċipru, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja, kellhom miżuri għall-kriżi finanzjarja approvati mill-Kummissjoni, u l-Istati Membri kollha, ħlief għal Ċipru, kellhom miżuri ta' għajnuna approvati skont il-qafas temporanju.

    L-għajnuna mhux għall-kriżi tista’ terġa’ tinqasam f'għajnuna għall-industrija u s-servizzi, li ammontat għal total ta’ madwar EUR 61 biljun jew 0,5% tal-PDG[9] tal-UE fl-2010, u għajnuna għall-agrikoltura, li ammontat għal madwar EUR 10,3 biljun jew 0,08% tal-PDG tal-UE, għas-sajd li ammontat għal madwar EUR 0,18-il biljun jew 0,001% tal-PDG tal-UE, u għat-trasport li ammontat għal għal madwar EUR 3,2 biljun jew 0,02% tal-PDG tal-UE.

    L-Istati Membri rrapportaw li l-għajnuna lill-ferroviji[10] ammontat għal EUR 27,2 biljun jew 0,2%[11] tal-PDG tal-UE fl-2010[12].

    L-aktar ħames pajjiżi li taw għajnuna mhux għall-kriżi ħarġu madwar EUR 45,7 biljun, li jirrappreżenta madwar żewġ terzi tat-total tal-għajnuna mhux għall-kriżi. Il-Ġermanja tat ammont ta’ madwar EUR 15,9 biljun, jew 21,6% mit-total tal-għajnuna mhux għall-kriżi, segwita minn Franza (madwar EUR 15,4 biljun jew 20,8%), Spanja (EUR 5 biljun jew 6,8%), ir-Renju Unit (EUR 4,8 biljun jew 6,5%) u l-Italja (EUR 4,6 biljun jew 6,2%). Madankollu, toħroġ stampa differenti meta l-volum tal-għajnuna huwa rrappurtat bħala persentaġġ tal-PDG. L-Ungerija tat għajnuna li tirrappreżenta kważi 2,3% tal-PDG nazzjonali tagħha, Malta 1,4%, il-Finlandja 1,1%, is-Slovenja 1,1% u l-Irlanda 1,0%.

    2.           Tendenzi u mudelli ta’ infiq ta' għajnuna mill-Istat għal għajnuna mhux għall-kriżi fl-Istati Membri

    Il-figura 1[13]: It-total tal-għajnuna mill-Istat (għajnuna mhux għall-kriżi) bħala % tal-PDG (fl-UE-27; dejta mill-1992)

    Il-livell ġenerali tal-għajnuna mill-Istat, meta wieħed jarah minn perspettiva fit-tul, ilu li qabad tendenza 'l isfel sa mit-tmeninijiet. Minn madwar 2% tal-PDG tal-UE matul it-tmeninijiet, niżel għal madwar 1% tal-PDG tal-UE fid-disgħinijiet u reġa’ naqas għal madwar 0,5% sa 0,6% tal-PDG tal-UE bejn is-snin 2004 – 2008, bl-eċċezzjoni tal-2006, fejn għola. Sa mill-2008, il-livell ta’ għajnuna beda juri żieda moderata, u kien ta’ madwar 0.6% tal-PDG tal-UE fl-2010. Dwar ir-raġunijiet għall-aħħar tnaqqis fl-infiq għall-għajnuna mill-Istat, issir referenza għar-Rapporti ta’ Valutazzjoni preċedenti[14].

    Fuq terminu ta’ żmien qasir, il-livell tal-infiq għall-għajnuna mill-Istat kien bejn wieħed u ieħor stabbli sa mill-2008, li jidher ukoll mit-tendenza sottostanti, jiġifieri minn madwar 0,062%[15] sa 0,60%[16] tal-PDG tal-UE. Jidher li jindika li, filwaqt li l-Istati Membri ġeneralment kienu ddixxiplinati fl-għajnuna tagħhom mill-Istat, it-tweġiba tagħhom għall-kriżi finanzjarja u ekonomika kkontribwiet għal livell ta’ għajnuna kemmxejn ogħla fir-rigward tal-għajnuna mhux għall-kriżi fl-2010. Barra minn hekk, dan juri wkoll li l-Istati Membri żammew politika mmirata u bbilanċjata sew dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ miżuri li mhumiex relatati mal-kriżi.

    Minħabba l-elementi partikolari assoċjati mal-għajnuna għall-agrikoltura, is-sajd u t-trasport, it-taqsimiet li ġejjin dwar il-livelli u l-orjentazzjoni tal-għajnuna mhux għall-kriżi (‎2.1 u ‎2.2), jittrattaw biss l-għajnuna lill-industrija u s-servizzi.

    2.1.        It-tendenza tal-livelli ta' għajnuna mhux għall-kriżi mill-Istat lill-industrija u s-servizzi

    Miżuri ta’ għajnuna għall-kriżi, li huma diskussi separatament fil-kapitolu 3, ma ġewx ikkunsidrati meta ġiet analizzata l-għajnuna mogħtija lill-industrija u s-servizzi; dan sar sabiex tiġi evitata stampa deformata ħafna dwar in-nefqa fl-għajnuna lill-industrija u s-servizzi. Barra minn hekk, il-metodoloġija differenti għall-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna mogħti lill-istituzzjonijiet finanzjarji, ġġustifika din l-esklużjoni.

    It-tendenza fin-nefqa għall-għajnuna lill-industrija u s-servizzi fl-UE wriet żieda moderata fil-perjodu 2008-2010 meta mqabbla mal-perjodu preċedenti 2005-2007. Bħala medja, l-infiq għall-għajnuna ammonta għal madwar EUR 59,9 biljun jew 0,49% tal-PDG tal-UE, filwaqt li kien ta’ EUR 52,8 biljun jew 0,43% tal-PDG tal-UE fil-perjodu preċedenti. Dan l-ewwel juri li apparentement, il-kriżi finanzjarja u ekonomika kellha xi impatt fuq l-infiq għall-għajnuna għal miżuri ta’ għajnuna mhux għall-kriżi li permezz tagħhom l-Istati Membri taw aktar appoġġ partikolarment għall-iżvilupp reġjonali, u r-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (“R&D&I”). F’dan l-istadju, ikun kmieni wisq biex jiġi konkluż li ż-żieda fit-tendenza, li tidher l-ewwel wara li l-livelli ta’ għajnuna niżlu, hija parti minn tendenza fit-tul li għadha fil-bidu, jew li tirrifletti s-sitwazzjoni partikolari tal-kriżi finanzjarja u ekonomika li matulha livelli ogħla ta’għajnuna jistgħu jkunu mistennija għal perjodu qasir.

    Meta jingħad li l-Istati Membri setgħu ġeneralment ikomplu bl-isforzi tagħhom sabiex iżommu l-livelli ta’ għajnuna taħt kontroll, dan jista’ jiġi sostnut bil-fatt li 11-il Stat Membru naqqsu l-livelli ta' għajnuna tagħhom meta kkumparati mat-tendenza medja tal-UE[17]. Fir-rigward tal-Istati Membri l-oħra għal-liema kienet identifikata żieda fil-livell ta’ għajnuna, il-parti l-kbira taż-żidiet tista' tiġi ġġustifikata bħala għajuna allokata għal għanijiet orizzontali, filwaqt li l-għajnuna settorjali naqset aktar fl-2010.

    Iċ-ċaqliqa żgħira ’l isfel fin-nefqa tal-għajnuna mill-Istat għall-industrija u s-servizzi, li naqset b’madwar 0,01% bejn l-2009 u l-2010, tista’ tiġi prinċipalment spjegata permezz taż-żieda fin-nefqa għall-iżvilupp reġjonali u għanijiet orizzontali oħra. Pereżempju, il-Greċja, il-Litwanja u r-Rumanija taw aktar għajnuna reġjonali. Franza, il-Lussemburgu u r-Renju Unit allokaw aktar għajnuna għal għanijiet orizzontali oħra. F’dan l-istadju madankollu, għadu kmieni wisq biex ikun magħruf jekk din iċ-ċaqliqa ’l isfel fuq żmien qasir tan-nefqa għall-għajnuna mill-Istat għall-industrija u s-servizzi tirrappreżentax il-bidu ta’ bidla fit-tendenza fit-tul. Madankollu, din tindika li l-Istati Membri kienu kapaċi jwieġbu b'mod flessibbli għall-ħtiġijiet ekonomiċi li qed jinbidlu. Aktar żieda fl-għajnuna mogħtija taħt l-eżenzjoni ta’ kategorija[18] u l-użu kontinwat ta’ skemi minn Stati Membri jindikaw li dawn l-għodod ippermettew lill-Istati Membri jagħtu għajnuna lil għadd kbir ta' impriżi mingħajr aktar notifiki individwali lill-Kummissjoni.

    2.2.        Għajnuna mhux għall-kriżi mill-Istat allokata għal għanijiet orizzontali ta’ interess komuni

    Ta’ min ifakkar li l-kunċett ta’ għajnuna orizzontali, li jkopri għajnuna li mhix mogħtija lil setturi speċifiċi tal-ekonomija, ġej mit-Trattat[19]; dan iħalli spazju lill-Kummissjoni biex l-għażliet ta' politika tagħmilhom skont liema għajnuna mill-Istat tista’ tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq intern sabiex tipprovdi appoġġ effettiv għal għanijiet ta’ politika komuni. L-aktar prominenti hija l-għajnuna allokata għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni ("R&D&I"), għall-ħarsien tal-ambjent u t-trawwim tal-konservazzjoni tal-enerġija, u għall-promozzjoni tal-użu tal-enerġiji rinnovabbli; u warajha hemm l-żvilupp reġjonali, l-għajnuna lill-SMEs, il-ħolqien tal-impjiegi u l-promozzjoni tat-taħriġ.

    Fl-2010, total ta’ madwar EUR 51,9 biljun, jew 0,42% tal-PDG tal-UE, ngħata fil-forma ta’ għajnuna allokata taħt l-għanijiet orizzontali, li kien jirrappreżenta 85% tal-għajnuna totali għall-industrija u s-servizzi. L-aktar tliet għanijiet prominenti, l-iżvilupp reġjonali (24,3% tal-għajnuna totali għall-industrija u s-servizzi), il-ħarsien ambjentali (23,7%) u l-R&D&I (17,4%) flimkien ammontaw għal madwar żewġ terzi tal-għajnuna totali għall-industrija u s-servizzi. Dan il-volum għoli ta’ għajnuna allokata għall-għajnuna orizzontali huwa wkoll konsistenti mat-tendenza ġenerali, li żdiedet b’madwar 2,2% bejn il-perjodi 2005-2007 u 2008-2010. Barra minn hekk, f’19-il Stat Membru l-livell ta’ għajnuna allokata għall-għanijiet orizzontali qabeż il-medja tal-UE, filwaqt li kien taħt il-50% f’żewġ Stati Membri biss.

    Dwar l-għajnuna settorjali tal-2010, li tinkludi għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar, il-volum tal-għajnuna rrappreżenta 15% tal-għajnuna totali għall-industrija u s-servizzi; dan kompla jonqos għal EUR 9,1 biljun jew 0,07% tal-PDG tal-UE. Ir-raġuni ewlenija għal dan l-iżvilupp hija li qed tiġi mogħtija anqas għajnuna kemm lis-setturi tal-manifattura kif ukoll dawk mhux tal-manifattura.

    Globalment, din it-tendenza fit-tul turi li l-Istati Membri komplew bl-isforzi tagħhom biex l-għajnuna jimmirawha lejn għanijiet orizzontali ta’ interess komuni.

    3.           Għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u ekonomika

    3.1.        Tendenzi fl-approvazzjoni u l-użu ta' miżuri ta’ għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju

    It-taqlib fis-swieq finanzjarji li ġie kkawżat mill-kriżi finanzjarja tal-2008 sejjaħ għal intervent estensiv mill-gvernijiet Ewropej sabiex jitrażżnu l-effetti negattivi tax-xokk. L-għajnuna mill-Istat lill-istituzzjonijiet finanzjarji kienet kruċjali bħala mezz li jerġa’ jqajjem kunfidenza fis-settur finanzjarju bl-għan li tiġi evitata kriżi sistemika.

    Fil-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Ottubru 2008[20] u l-1 ta’ Ottubru 2011 il-Kummissjoni approvat għajnuna għas-settur finanzjarju għall-ammont globali ta’ EUR 4506,5 biljun (36,7% tal-PDG tal-UE). Il-parti l-kbira tal-għajnuna ġiet awtorizzata fl-2008, meta EUR 3457 biljun (27,7% tal-PDG tal-UE) ġew approvati, prinċipalment taħt forma ta’ garanziji fuq bonds tal-banek u obbligazzjonijiet għal perjodu qasir. Sa mill-2008 in-numru ta’ interventi mill-Istat sottomessi għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni gradwalment naqas, filwaqt li safejn l-istrumenti kienu kkonċernati, l-għajnuna approvata wara l-2008 aktar iffokat fuq ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek u s-salvataġġ tal-assi indeboliti milli fuq il-garanziji.

    Fil-perjodu 2008-2010[21], il-volum ta’ għajnuna effettivament użata mill-Istati Membri kien ta’ EUR 1608 biljun[22], li jammonta għal 13,1% tal-PDG tal-UE. Il-garanziji u l-miżuri ta’ likwidità jammontaw għal EUR 1199 biljun jew 9,8% tal-PDG tal-UE. Il-bqija tal-għajnuna użata tirreferi għar-rikapitalizzazzjoni u għall-miżuri dwar l-assi indeboliti li jammontaw għal EUR 409 biljun (3,3% tal-PDG tal-UE).

    L-għajnuna għall-kriżi finanzjarja approvata/użata fl-2010

    Fl-2010, il-Kummissjoni awtorizzat għajnuna għall-ammont globali ta’ EUR 383,8 biljun, li jirrappreżenta 3,1% tal-PDG tal-UE. L-għajnuna l-ġdida approvata hija kkonċentrata fi ftit pajjiżi u tinvolvi r-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 183,9 biljun, garanziji għal EUR 55,4 biljun, is-salvataġġ tal-assi indeboliti għal EUR 77,9 biljun u miżuri ta’ likwidità għal EUR 66,7 biljun.

    Il-volum totali ta’ għajnuna użata fl-2010 għar-rikapitalizzazzjoni u għall-assi indeboliti kien ta' EUR 121,3 biljun (1% tal-PDG tal-UE). Injezzjonijiet ta’ kapital ġdid ammontaw għal EUR 87,8 biljun (0.7% tal-PDG tal-UE) filwaqt li miżuri ta’ salvataġġ għall-assi indeboliti ammontaw għal EUR 33,6 biljun (0.3% tal-PDG tal-UE). Fir-rigward ta’ garanziji u miżuri ta’ likwidità l-medja tal-ammont pendenti għas-sena 2010 kien ta’ EUR 983,9 biljun (8% tal-PDG) li minnhom EUR 922 biljun (7.5% tal-PDG tal-UE) jirrigwardaw il-garanziji filwaqt li EUR 61,9 biljun (0.5% tal-PDG tal-UE) jirrigwardaw miżuri ta’ likwidità.

    3.2.        L-ammonti approvati u l-ammonti li jintużaw taħt il-qafas temporanju

    Il-kuntest u l-ambitu

    Fis-17 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni adottat il-Qafas Temporanju bħala tweġiba għall-issikkar fl-aċċess għall-kreditu li l-kumpaniji ffaċċjaw bħala riżultat tal-kriżi finanzjarja. Għamlet enfasi, l-ewwel, fuq li l-kumpaniji jibqa’ jkollhom aċċess għall-finanzjament u, it-tieni, fuq il-preparazzjoni ta’ bażi għal tkabbir sostenibbli fit-tul billi jkunu mħeġġa l-investimenti. Barra minn hekk, uħud mir-regoli tal-linji gwida eżistenti ġew ssimplifikati, pereżempju billi ġew introdotti limiti ogħla għal investimenti fil-kapital ta’ riskju. Il-qafas temporanju hu miftuħ biex jappoġġja lis-setturi kollha tal-ekonomija, iżda jeskludi l-għajnuna li tirrimedja l-problemi strutturali diġà eżistenti u b’hekk ma japplikax għall-kumpaniji li kienu f'diffikultà qabel il-kriżi.

    Il-qafas temporanju għandu jitqies bħala parti mit-tweġiba usa’ tal-Kummissjoni għall-kriżi ekonomika, jiġifieri l-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku[23].

    Quddiem il-volatilità qawwija tas-swieq finanzjarji, flimkien mal-inċertezza fuq il-perspettiva ekonomika, il-Kummissjoni ddeċidiet fi tmiem l-2010 li testendi ċerti miżuri stipulati fil-qafas temporanju għal sena, filwaqt li tneħħi gradwalment il-possibbiltà li tingħata għajnuna kumpatibbli limitata fl-ammont ta’ EUR 500,000 għal kull kumpanija, u tissikka l-kundizzjonijiet li fuqhom l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna taħt il-Qafas Tempornaju[24].

    Miżuri approvati taħt il-qafas temporanju

    Fl-2010, il-Kummissjoni awtorizzat 6 skemi ġodda u miżura ġdida ta’ għajnuna ad hoc, u estendiet 10 skemi taħt il-qafas temporanju[25], li ammontaw għall-volum totali approvat ta’ għajnuna ta’ EUR 1,6 biljun (0.01% tal-PDG tal-UE). Hija awtorizzat skema waħda għal għajnuna sa EUR 500,000 għal kull kumpanija (Stat Membru wieħed), skema waħda ta’ garanzija ssussidjata (Stat Membru wieħed), skema waħda ta’ kapital ta’ riskju (Stat Membru wieħed) u tliet Stati Membri ffaċilitaw l-attivitajiet tal-esportazzjoni permezz ta’ tliet skemi ta’ kreditu għall-esportazzjoni. Barra minn hekk, għaxar miżuri ġodda ta’ għajnuna ngħataw taħt il-qafas temporanju lill-bdiewa. Fir-rigward tal-iskemi estiżi, hija awtorizzat tliet skemi (tliet Stati Membri), żewġ miżuri ta’ garanzija sussidjata (żewġ Stati Membri), żewġ skemi ta’ sussidji fuq imgħaxijiet tas-self (żewġ Stati Membri) u tliet skemi li jiffaċilitaw l-attivitajiet ta’ esportazzjoni.

    Sa mid-dħul fis-seħħ tal-qafas temporanju, il-volum totali approvat li l-Kummissjoni awtorizzat taħt id-dispożizzjonijiet tagħha ammonta għal madwar EUR 82,9 biljun[26].

    L-ammont ta’ għajnuna użata fl-2010

    Fl-2010, l-ammont ta’ għajnuna użata taħt il-qafas temporanju kien ta’ madwar EUR 11,8 biljun, jew 0.09% tal-PDG tal-UE.

    Il-parti l-kbira tal-Istati Membri ppreferew li jużaw l-għodda tal-ammont limitat ta' għajnuna (madwar EUR 5,3 biljun), segwita mill-garanziji ssussidjati (EUR 2,9 biljun), mis-self b’rata tal-imgħax issussidjata (EUR 2,7 biljun) u mill-għajnuna għal kapital ta’ riskju (EUR 0,77 biljun). Self b’rata tal-imgħax issussidjata ma kienx użat għall-produzzjoni ta’ prodotti ekoloġiċi.

    L-ammont totali tal-għajnuna użata taħt il-qafas temporanju minn mindu daħal fis-seħħ huwa ta’ madwar EUR 32,8 biljun.

    Għal aktar dettall dwar l-għajnuna mogħtija taħt il-qafas temporanju, ara l-kapitolu 3.2 tal-SWD.

    4.           It-tendenzi tal-infiq għall-għajnuna mill-Istat skont it-tip ta’ miżuri ta’ għajnuna

    4.1.        Numru ta’ miżuri ta’ għajnuna

    Fl-2010, l-għadd ta’ miżuri ġodda ta’ għajnuna eżentati bħala kategorija introdotti mill-Istati Membri waqa’ b’mod sinifikanti, bi kważi n-nofs meta mqabbel mal-2009. Madankollu, il-proporzjon ta’ għajnuna mogħtija permezz ta’ skemi ta’ eżenzjoni ta’ kategorija u ta’ għajnuna individwali baqgħet stabbli. Ir-raġuni ewlenija l-għala n-numri naqsu huwa l-fatt li l-Istati Membri ħolqu miżuri ġodda ta’ għajnuna taħt ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa ("GBER"), li daħal fis-seħħ f’Settembru 2008, u fil-biċċa l-kbira ssostitwixxa miżuri ta’ għajnuna eżistenti li kienu parti mit-tneħħija gradwali tar-regolamenti preċedenti għall-eżenzjoni ta’ kategorija tal-għajnuna għall-impjiegi, tal-għajnuna għat-taħriġ u tal-għajnuna lill-SMEs u parzjalment anki l-għajnuna reġjonali. Restrizzjonijiet baġitarji nazzjonali fl-2010 setgħu kienu fattur ulterjuri fir-riluttanza tal-Istati Membri biex joħolqu miżuri ta’ għajnuna ġodda taħt l-eżenzjoni ta’ kategorija.

    4.2.        Il-volumi ta’ għajnuna - madwar 21% tal-għajnuna lill-industrija u s-servizzi hija eżentata bħala kategorija

    L-għajnuna eżentata bħala kategorija kompliet tiżdied b’madwar EUR 1 biljun biex waslet għal madwar EUR 12,6 biljun, jew 0,1% tal-PDG tal-UE, li jirrappreżenta 21% tal-għajnuna totali għall-industrija u s-servizzi fl-2010. Il-kontributuri ewlenin għaż-żieda fl-għajnuna eżentata bħala kategorija fl-2010 kienu l-għajnuna reġjonali, l-R&D&I u l-għajnuna għall-impjiegi, filwaqt li l-għajnuna eżentata bħala kategorija allokata għall-SMEs u t-taħriġ kienet qiegħda tonqos, iżda madankollu ma kinitx qed tikkumpensa għaż-żieda totali fl-għajnuna eżentata bħala kategorija. Ta’ min ifakkar li l-Istati Membri komplew ineħħu gradwalment il-miżuri ta’ għajnuna li kienu mogħtija qabel taħt ir-regolamenti għal eżenzjoni settorjali sħiħa, u ssostitwewhom bil-miżuri korrispondenti GBER, fejn l-ambitu l-ġdid tal-miżura kien spiss estiż kif issa huwa permess skont ir-regoli tal-GBER.

    5.           L-infurzar tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat

    Għajnuna mhux skont il-liġi[27]

    Fil-perjodu 2000-2010, il-Kummissjoni ħadet 980 deċiżjoni dwar għajnuna li ma kinitx skont il-liġi. F'madwar 22% tal-każijiet tal-għajnuna li ma kinitx skont il-liġi[28], il-Kummissjoni interveniet billi ħadet deċiżjoni negattiva dwar miżura ta' għajnuna mhux kompatibbli. Dawn id-deċiżjonijiet negattivi normalment jitolbu lill-Istat Membru kkonċernat biex jirkupra l-għajnuna li jkun ta kontra l-liġi. Fi 3% ta’ każijiet oħra ta’ għajnuna mhux skont il-liġi[29], il-Kummissjoni rabtet kundizzjonijiet mad-deċiżjonijiet. Din ir-rata ta' intervent ta' madwar 25% għall-għajnuna mhux skont il-liġi hi madwar għaxar darbiet ogħla mir-rata ta' deċiżjonijiet negattivi u kondizzjonali f'każijiet debitament notifikati. Aktar min-nofs tal-interventi saru fis-settur tal-industrija u s-servizzi, ftit inqas minn kwart saru fl-agrikoltura, u l-kumplament fis-sajd, fit-trasport u fil-faħam.

    L-irkupru tal-għajnuna

    Sar aktar progress fit-twettiq ta' deċiżjonijiet dwar l-irkupru pendenti. L-ammont totali ta’ każijiet pendenti ta’ rkupru kien ta’ 55 każ (meta mqabbel ma’ 94 każ fl-aħħar tal-2004). L-ammont ta’ għajnuna illegali u li mhix kompatibbli rkuprata sa mis-sena 2000 kompla jiżdied u kien ta' EUR 11,5 biljun fit-30 ta' Ġunju 2011. Dan ifisser li l-perċentwal tal-għajnuna illegali u li mhix kompatibbli li għad trid tkun irkuprata niżel minn 75% fi tmiem l-2004 għal madwar 18,6% fit-30 ta' Ġunju 2011.

    L-infurzar tal-Liġi dwar l-Għajnuna mill-Istat: Kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali

    Fis-segwitu għall-Avviż dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar l-Għajnuna mill-Istat mill-Qrati Nazzjonali tal-2009[30], l-isforzi ta’ appoġġ ġew intensifikati: pakkett ta’ informazzjoni ġie ppubblikat fil-websajt tad-DĠ Kompetizzjoni[31], u ktejjeb[32] ġie mqassam fuq medda wiesgħa sabiex jassisti lill-imħallfin fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Taħriġ speċifiku għall-imħallfin nazzjonali ġie wkoll organizzat[33].

    Monitoraġġ ex post

    Bid-dħul fis-seħħ tal-GBER, għadd ferm akbar ta' miżuri ta' għajnuna mhumiex aktar suġġetti għall-obbligu ta' notifika. Ir-riżultati wrew li b’mod ġenerali, il-parti tal-arkitettura eżistenti tal-għajnuna mill-Istat li tippermetti l-approvazzjoni tal-iskemi ta' għajnuna u li tawtorizza lill-Istati Membri li jimplimentaw il-miżuri ta' għajnuna taħt il-GBER u l-BERs għadha taħdem b'mod raġonevoli. Madankollu, numru ta’ kwistjonijiet individwali u orizzontali li għandhom jiġu segwiti mal-Istati Membri kienu identifikati.

    ANNESS

    Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Fatti u ċifri dwar l-għajnuna mill-Istat fl-Istati Membri tal-UE"

    [1]               Filwaqt li f'edizzjonijiet preċedenti tat-Tabella tal-Ħarifa ċifra waħda wriet il-volum ta’ għajnuna f'valur assolut u f'valur relattiv (% tal-PDG), ir-rapport ta’ din is-sena jiddistingwi bejn għajnuna mhux għall-kriżi, għajnuna għall-kriżi lis-settur finanzjarju u għajnuna mogħtija taħt il-Qafas tal-Komunità Temporanju u tipprovdi ċifri separati (f'termini assoluti kif ukoll relattivi) skont il-ħtieġa. Għal aktar dettall dwar il-metodoloġija fin-nota korrispondenti tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż ma' dan ir-Rapport.

    [2]               Biex tiġi kkalkulata l-għajnuna għall-kriżi, din it-Tabella ta’ Valutazzjoni, skont id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-effetti tar-regoli temporanji għall-għajnuna mill-Istat adottati fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u ekonomika (http://ec.europa.eu/competition/publications/reports/temporary_stateaid_rules_en.html), tuża biss żwġ kunċetti: l-ammont impenjat għall-għajnuna u l-ammont użat għall-għajnuna. L-ammont impenjat (il-volum ta’ għajnuna mirhuna) jirrappreżenta l-ammont massimu globali ta' miżuri għall-għajnuna mill-Istat mwaqqfa mill-Istati Membri u approvati mill-Kummissjoni. L-ammont tal-għajnuna użat jesprimi l-volum effettiv tal-miżura ta’ għajnuna li Stati Membri implimentaw. Il-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-għajnuna għall-kriżi hija spjegata aktar fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni. Għal kull għajnuna oħra, b’żieda mal-ammonti approvati u l-ammonti użati, l-Istati Membri, bħal f’Tabelli ta’ Valutazzjoni preċedenti, irrapportaw ukoll l-element ta’ għajnuna u n-nefqa totali espressi kif xieraq, kemm f’volum assolut u kemm f’% tal-PDG, sabiex jippreżentaw sett komparabbli ta’ informazzjoni.

    [3]               It-test konsolidat tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Qafas Temporanju tal-Komunità għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali ; ĠU C 83, 7.4.2009, p. 1; kif emendat fil-ĠU C 261, 31.10.2009, p. 1 u l-ĠU C 303, tal-15.12.2009, p. 6.

    [4]               Ara http://www.eftasurv.int/press--publications/tabelli/state-aid-scoreboards/

    [5]               It-total ikopri għajnuna għall-manifattura, għas-servizzi, għall-faħam, għall-agrikoltura, għas-sajd u parti mis-settur tat-trasport, iżda jeskludi, minħabba n-nuqqas ta’ dejta paragunabbli, għajnuna għas-settur ferrovjarju u għajnuna għall-kumpens ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. L-ammonti ta’ għajnuna jirreferu għall-element ta’ għajnuna (jew l-ekwivalenti għas-sussidju gross fil-każ ta' garanziji jew self) li jinsab f’miżura ta’ għajnuna mill-Istat sakemm ma jingħadx mod ieħor (għal aktar dettalji ara n-nota metodoloġika tal-SWD).

    [6]               L-UE tfisser l-Istati Membri kollha tal-UE.

    [7]               Sabiex tingħata stampa sħiħa tal-għajnuna għall-kriżi, il-perjodu sħiħ li jibda mid-data tal-adozzjoni tal-miżuri tal-Kummissjoni għall-kriżi sad-data tal-għeluq tal-1 Ottubru 2011, huwa użat bħala l-perjodu ta’ referenza għal din il-parti tar-rapport.

    [8]               L-UE-15 tikkonsisti fl-Istati Membri li ssieħbu fl-UE qabel l-2004.

    [9]               Il-faħam, bħala parti mill-għajnuna settorjali, u għaldaqstant inkluż fl-għajnuna għall-industrija u s-servizzi, ammonta għal EUR 2,9 biljun li rrappreżenta 4,9% mill-għajnuna totali lill-industrija u s-servizzi.

    [10]             Filwaqt li informazzjoni dwar l-għajnuna lill-industrija u s-servizzi hija miġbura mill-Istati Membri skont l-Anness III A tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1), l-informazzjoni dwar l-għajnuna lill-ferroviji hija miġbura skont kunċett differenti li għalhekk ma jippermettix li din id-dejta tingħaqad ma’ xi totali oħra.

    [11]             Waqt l-abbozzar ta’ dan ir-rapport, informazzjoni dwar sussidji lill-ferroviji ġiet sottomessa mill-Awstrija, il-Belġju d-Danimarka, l-Estonja, Spanja, il-Finlandja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Litwanja, il-Latvja, il-Portugall u l-Isvezja.

    [12]             Għal aktar dettall dwar l-għajnuna lis-settur tat-trasport ara l-paragrafu 2.3.5 tal-SWD.

    [13]             Sors: DĠ Kompetizzjoni; Ċifri tal-PDG: Eurostat.

    [14]             Aġġornament tal-Ħarifa 2010, COM (2010) 701; Aġġornament tal-Ħarifa 2009, COM (2009) 661 finali. Kopja tista’ titniżżel mill-websajt tad-DĠ Kompetizzjoni: http://ec.europa.eu/competition/state_aid/studies_reports/archive/scoreboard_arch.html.

    [15]             Il-perjodu 2005-2007.

    [16]             Il-perjodu 2008-2010.

    [17]             Ara l-figura 6 fl-SWD.

    [18]             Għal aktar dettall ara l-kapitolu 4.

    [19]             Pereżempju, l-Artikolu 107(3)(a) fir-rigward tal-għajnuna reġjonali, l-Artikolu 107(3)(b) dwar l-eżekuzzjoni ta’ proġett importanti ta' interess komuni Ewropew.

    [20]             Iċ-ċifri tal-2008 fihom il-baġit approvat għar-rikapitalizzazzjoni tan-Northern Rock fl-2007.

    [21]             Iċ-ċifri tal-2008 fihom il-baġit użat għar-rikapitalizzazzjoni tan-Northern Rock fl-2007.

    [22]             Inkluża l-għajnuna ġdida kif ukoll il-medja ta’ ammonti dovuti.

    [23]             Adottat f’Novembru 2008.

    [24]             Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Qafas temporanju tal-Unjoni għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali; ĠU C 6, 11.1.2011, p.5.

    [25]             Għal aktar dettall ara l-Kapitolu 3.2 tal-SWD.

    [26]             Id-data tal-għeluq hija l-1 ta’ Ottubru 2011.

    [27]             L-Artikolu 108(3) tat-TFUE jobbliga lill-Istati Membri mhux biss li jinnotifikaw il-miżuri tal-għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni qabel l-implimentazzjoni tagħhom, iżda wkoll li jistennew ir-riżultati tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni qabel ma jimplimentaw il-miżuri nnotifikati. Meta wieħed minn dawn l-obbligi ma jiġix irrispettat, il-miżura tal-għajnuna mill-Istat titqies bħala mhux awtorizzata.

    [28]             217-il każ.

    [29]             31 każ.

    [30]             Avviż tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati Nazzjonali (ĠU C 85, 9.4.2009, p. 1).

    [31]             http://ec.europa.eu/competition/court/state_aid.html

    [32]             http://ec.europa.eu/competition/publications/state_aid/national_courts_booklet_en.pdf

    [33]             Permezz tal-punt ta’ kuntatt, ec-amicus-state-aid@ec.europa.eu ġew trattati bosta talbiet minn imħallfin nazzjonali għal informazzjoni u pariri.

    Top