This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0693
REPORT FROM THE COMMISSION 22ND ANNUAL REPORT ON IMPLEMENTATION OF THE STRUCTURAL FUNDS (2010)
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI IT-22 RAPPORT ANNWALI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-FONDI STRUTTURALI (2010) SEC(2011) XXX
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI IT-22 RAPPORT ANNWALI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-FONDI STRUTTURALI (2010) SEC(2011) XXX
/* KUMM/2011/0693 finali */
/* KUMM/2011/0693 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI IT-22 RAPPORT ANNWALI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-FONDI STRUTTURALI (2010) SEC(2011) XXX
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI IT-22 RAPPORT ANNWALI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-FONDI STRUTTURALI (2010) SEC(2011) XXX Dan ir-rapport huwa ppreżentat b’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali. Huwa jkopri l-attivitajiet marbuta mal-għajnuna tal-Fondi Strutturali 2000-2006 matul l-2010. Aktar tagħrif iddettaljat jista’ jinkiseb mid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (anness ma’ dan ir-rapport). 1. INTRODUZZJONI L-2010 kienet il-11-il sena li fiha ġew implimentati programmi u proġetti tal-Fondi Strutturali għall-perjodu ta’ programmar 2000-2006. B’kollox ġew ġestiti 718[1]-il programm operazzjonali fl-2010. Fl-2010 beda l-proċess ta’ għeluq għall-maġġoranza tal-programmi operazzjonali 2000-2006. Ħafna mid-dokumenti relatati ta’ għeluq kienu ppreżentati mill-Istati Membri f’Settembru 2010. Il-qafas ġenerali għall-għeluq tal-għajnuna tal-Fondi Strutturali tal-2000-2006 kien stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006)3424 fl-2006, emendata bid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2008)1362 u C(2009)960. Il-pakkett ta’ rkupru propost mill-Kummissjoni bħala reazzjoni għall-kriżi finanzjarja ppermetta li tingħata estensjoni ta’ sitt xhur (jew 12-il xahar) fuq bażi ta’ programm bi programm għal dawk l-Istati Membri li għamlu din l-għażla. Din il-flessibbiltà ppermettiet l-Istati Membri u r-reġjuni biex jimmassimizzaw l-assorbiment tal-fondi allokati billi indirizzat sfidi mhux mistennija ta' implimentazzjoni tal-programm u, konsegwentament, jiksbu l-għanijiet tal-programmi. Flimkien mal-implimentazzjoni tal-programmi u l-proġetti tal-Fondi Strutturali 2000-2006 u l-preparazzjoni għall-għeluq tagħhom, fl-2010 l-Kummissjoni kienet ukoll involuta bis-sħiħ fl-implimentazzjoni ta' 434 programm (317 mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), 117 mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE))[2] tal-perjodu 2007-2013. Sabiex tkun tista’ turi l-valur miżjud tal-politika Ewropea ta’ koeżjoni, il-Kummissjoni kompliet twettaq il-valutazzjoni ex post tal-Objettivi 1 u 2 għall-perjodu 2000-2006. Ir-rapport ta’ sinteżi tal-valutazzjoni ex post ġie ppubblikat f’April 2010[3]. Barra minn hekk, il-valutazzjonijiet ex post għall-inizjattivi Komunitarji URBAN[4] u INTERREG[5], li tnedew fl-2008, ġew ippubblikati f’Ġunju 2010. Il-valutazzjoni ex post tal-Inizjattiva Komunitarja EQUAL tnediet fil-bidu tal-2009 u r-riżultati preliminari tagħha ġew ippreżentati fil-bidu tal-2010. Fir-rigward tal-Istrument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd (SFGS), il-valutazzjoni ex post twettqet fl-2009 u ġiet ippreżentata f’Mejju 2010[6]. F’Diċembru 2010, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll il-valutazzjoni ex post ta’ Leader+[7], filwaqt li l-valutazzjoni tat-Taqsima tal-Gwida tal-Fond Agrikolu Ewropew tal-Gwida u l-Garanzija (FAEGG) għadha għaddejja. Ġie promoss it-tqassim tal-esperjenza, notevolment permezz ta’ netwerks inter-reġjonali u urbani u l-konferenza "Reġjuni għal Bidla Ekonomika: nibnu t-tkabbir sostenibbli” fl-20 u l-21 ta’ Mejju b’755 parteċipant mis-27 pajjiżi kollha. It-tmien edizzjoni ta’ ĠRANET MIFTUĦA GĦALL-PUBBLIKU ‘Ġimgħa Ewropea tar-reġjuni u l-ibliet’ organizzata mill-Kummissjoni flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni saret fl-4-7 ta’ Ottubru 2010. Ġabet flimkien 5,900 persuna Ewropea li jieħdu deċiżjonijiet lokali, reġjonali, nazzjonali u esperti fil-qasam tal-iżvilupp reġjonali u lokali. Barra minn hekk, 263 avveniment lokali ġew organizzati fi 33 pajjiż. L-avveniment hu post ta’ kooperazzjoni u netwerking, ta’ qsim ta’ għarfien u esperjenza, u joffri possibbiltà lir-reġjuni u lill-ibliet biex juru l-kisbiet tagħhom. Joffri wkoll l-opportunità ideali biex jiġu evidenzjati s-sinerġiji bejn il-politika ta’ koeżjoni u politiki oħra tal-UE. Il-Presidenza Belġjana organizzat konferenza ta’ jumejn (it-18 u d-19 ta' Novembru 2010) fuq "L-irwol tal-FSE fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali". Ġew organizzati sessjonijiet ta' ħidma matul żewġ nofs ta' nhari li jiffukaw fuq l-irwol tal-FSE bħala strument politiku fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. 2. ANALIżI TAL-IMPLIMENTAZZJONI 2.1. L-Implimentazzjoni tal-Baġit 2.1.1. FEŻR Minkejja t-tnaqqis fir-ritmu finanzjarju, l-2010 kienet sena eċċellenti f’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni baġitarja. It-rata ġenerali ta’ assorbiment laħqet 100,0 % jew EUR 1 693 miljun rimborsati lill-programmi operazzjonali. Filwaqt li l-eżekuzzjoni skont l-Objettiv 2 kienet ogħla milli inizjalment ivvutata (EUR 230 miljun minflok EUR 104 miljun), il-ħlasijiet għall-Objettiv 1 u l-programmi INTERREG kienu inqas minn dak oriġinarjament previst (għall-Objettiv 1, EUR 1 348 miljun minflok EUR 2 077 miljun u għall-INTERREG EUR 90 miljun minflok EUR 202 miljun), prinċipalment minħabba t-trasferiment ta’ approprjazzjonijiet matul it-trasferiment globali biex isaħħaħ l-approprjazzjonijiet tal-2007-2013. B’kollox għall-programmi l-oħra (Urban, Azzjonijiet Innovattivi), ġew imħallsa EUR 25 miljun. Fl-2010 beda l-proċess ta’ għeluq għall-maġġoranza tal-programmi operazzjonali tal-FEŻR tal-2000-2006. Minn 379 programm, 281 (jew 74 %) li jirrappreżentaw 90 % tal-fondi tal-FEŻR għażlu li jtawwlu d-data ta' eliġibbiltà tagħhom. Fil-31 ta’ Diċembru 2010, ġew riċevuti dokumenti ta’ għeluq għal 356 programm. Bħalissa l-unitajiet responsabbli qed janalizzaw id-Dikjarazzjonijiet ta’ Likwidazzjoni u r-rapporti Finali. Intbagħtet lill-Istati Membri proposta għall-għeluq ta’ 25 programm filwaqt li t-354 li jifdal se jingħalqu matul l-2011 u l-2012. Għall-perjodu 2000-2006 kollu, sal-31 Diċembru 2010 tħallsu EUR 123 339 miljun lill-Istati Membri. Dan jirrappreżenta rata medja ta’ assorbiment għall-Istati Membri kollha ta’ 95,2 % mill-EUR 129 600 miljun tal-allokazzjoni ġenerali. Ħafna mill-ħlasijiet li għad fadal jikkonċernaw ħlasijiet tal-bilanċi finali għall-programmi ta’ għeluq. Fit-tmiem tal-2010, impenji minn snin preċedenti li fuqhom kellhom isiru ħlasijiet (RAL) ammontaw għal EUR 6 719-il miljun għall-FEŻR meta mqabbla ma' EUR 8 400 miljun fi tmiem l-2009. Dan jirrappreżenta 5,2 % tal-ammont totali impenjat għall-FEŻR. Aktar tnaqqis tal-RAL huwa mistenni mal-ħlas tal-bilanċi finali meta jingħalqu l-programmi. Fl-2010, bħas-sena ta’ qabel, l-hekk imsemmija regola tal-‘n+2’ ma kinitx tapplika. Bħala regola ġenerali, l-aħħar porzjon tal-impenji (jiġifieri l-2006) se jiġi wżat biex jiġu eżegwiti ħlasijiet finali ladarba jintlaħaq ftehim dwar l-għeluq bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni Skont dan, l-ammont li għandu jiġi diżimpenjat se jkun ikkalkulat biss fl-istadju tal-għeluq tal-programmi operazzjonali[8]. 2.1.2. FSE Għall-perjodu ta’ programmar 2000-2006, il-konsum tal-krediti tal-ħlasijiet matul l-2010 laħaq EUR 319-il miljun. Dan jikkorrispondi għal 26,42 % tal-allokazzjoni tal-krediti ta' ħlasijiet annwali. Dan huwa minħabba li ħafna mill-programmi laħqu l-limitu ta’ 95 % u l-bilanċ li jifdal se jitħallas biss fil-kuntest ta’ għeluq tal-programmi li bħalissa għadhom għaddejjin. It-total tal-impenji pendenti (RAL) fit-tmiem tal-2010 kien ta’ EUR 3 004 miljun (imqabbel ma’ EUR 4 700 miljun fl-2009). Dan jirrappreżenta 4,38 % tal-impenji totali għall-perjodu 2000-2006. L-RAL ġew ikkonsmati minn ħlasijiet temporanji, minn xi ftit ħlasijiet finali u mid-diżimpenn awtomatiku tal-RAL mhux użati li ġew ipproċessati għal ammont ta’ EUR 1 460 miljun skont l-eżerċizzju ta’ għeluq. Fl-2010, bħas-sena preċedenti, l-hekk imsemmija regola tal-‘n+2’ ma kinitx tapplika u l-RAL ikkonċernati tnaqqsu bid-diżimpenji għall-perjodu ta’ programmar 2000-2006 fl-għeluq tal-programmi operazzjonali skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 105(3) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006. Għall-perjodu kollu, sa tmiem l-2010 tħallsu EUR 64 118-il miljun lill-Istati Membri. Dan jirrappreżenta rata ta’ assorbiment għall-Istati Membri kollha ta’ 93,47 % tal-allokazzjoni ġenerali ta’ EUR 68 600 miljun. B’kollox minn 229 programm li se jingħalqu fl-2010, id-dokumenti kollha tal-għeluq ġew ippreżentati fid-data ta’ skadenza stipulata u diġà ġew magħluqa 10 programmi. 2.1.3. FAEGG L-ammont totali mħallas fl-2010 kien ta’ EUR 168,3 miljun jew 30,7 % tal-baġit disponibbli fl-aħħar tas-sena (somma ta’ EUR 13,9 miljun ġiet trasferita matul is-sena lil linji baġitarji oħra barra mill-FAEGG). Ir-rata ta’ eżekuzzjoni rigward il-baġit inizjali għall-approprjazzjonijiet tal-ħlasijiet se tkun ta’ 29,9 %. F’termini assoluti, l-ammont imħallas fl-2010 huwa ħafna inqas mill-ammont imħallas fl-2009 (bi EUR 300 miljun). Hemm tliet raġunijiet prinċipali wara dan it-tnaqqis: - Il-programmi tal-iżvilupp rurali ffinanzjati mill-Gwida tal-FAEGG segwew ritmu għoli ħafna ta’ implimentazzjoni fis-snin preċedenti. Fi tmiem l-2009, 94 % tal-kontribuzzjoni tal-Gwida tal-FAEGG ipprogrammat għall-perjodu kollu diġà kienu tħallsu, u numru sostanzjali ta’ programmi (112 minn total ta’ 152), kienu diġà laħqu l-limitu ta’ 95 % għal ħlasijiet temporanji. F’dawn il-każijiet, l-ebda ħlasijiet ulterjuri ma kienu possibbli fl-2010 sal-għeluq. - Fl-2010 beda l-għeluq tal-programmi 2000–2006 tal-Gwida tal-FAEGG u sa tmiem is-sena ġew magħluqa 19-il programm (minn total ta’ 152 programm). - In-nefqa baxxa tal-Gwida tal-FAEGG fl-2010 kienet fil-biċċa l-kbira tagħha kkumpensata bi EUR 11,12 biljun ta’ nefqa tal-FAEŻR skont l-ipprogrammar għall-iżvilupp rurali għall-2007-2013 (li hu EUR 2,91 biljun aktar mis-sena 2009). L-impenji pendenti (RAL) tal-Gwida tal-FAEGG fi tmiem l-2010 ammontaw għal EUR 1 183,3 miljun, ekwivalenti għal 5,3 % tal-allokazzjoni totali 2000-2006. Dan l-ammont huwa EUR 171,3 miljun inqas mill-EUR 1 354,6 miljun RAL fi tmiem l-2009. 2.1.4. SFGS Ir-rata ġenerali tal-assorbiment għall-ħlasijiet kienet ta’ 100 %, b’EUR 10 miljun li tħallsu lill-Istati Membri. Rigward il-livell ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjoni tal-ħlasijiet, ġew imħallsa EUR 10 miljun taħt l-Objettiv 1. Ma kien hemm l-ebda ħlas barra l-Objettiv 1. L-RAL totali għall-SFGS fi tmiem l-2010 laħqu l-EUR 296,44 miljun (meta mqabbel mal-EUR 306,41 miljun fl-2009). Dan jirrappreżenta 7,5 % tal-impenji totali għall-perjodu 2000-2006. Għall-perjodu kollu, sa tmiem l-2010, tħallsu EUR 3 639 miljun lill-Istati Membri. Dan jirrappreżenta rata ta’ assorbiment għall-Istati Membri kollha ta’ 92,5 % tal-allokazzjoni ġenerali ta’ EUR 3 935 miljun. 2.2. Implimentazzjoni tal-Programm 2.2.1. Objettiv 1 Il-programmi tal-Objettiv 1 jiffukaw fuq proġetti ta’ infrastruttura bażika (40,2 %), bi kważi nofs l-investiment f’din il-kategorija li ntefaq fuq infrastruttura tat-trasport (49,9 %). Aktar minn terz (34,9 %) tar-riżorsi tal-Objettiv 1 ġew investiti fl-ambejnt produttiv fejn l-iffukar jibqa’ jkun biex jiġu megħjuna Intrapriżi Żgħar u ta’ daqs Medju (SME) u s-settur artiġjanali (26,6 %) filwaqt li l-proġetti appoġġati minn riżorsi umani jieħdu 22,5 % tar-riżorsi. 2.2.2. Objettiv 2 Il-punt fokali tal-programmi fir-reġjuni ta’ Objettiv 2 jibqa’ jkun fuq l-investimenti produttivi, b’aktar minn nofs ir-riżorsi finanzjarji kollha allokati għal din il-kategorija (55,4 %) b’mira partikolari għas-settur artiġjanali u l-SME. It-tieni qasam b’aktar appoġġ huwa l-infrastruttura bażika, b’29,2 % tar-riżorsi kollha ta’ Objettiv 2. Fil-kategorija ta’ riżorsi umani fejn 10,5 % tar-riżorsi huma allokati għaliha, il-flessibbiltà tal-forza tax-xogħol u l-attività intraprenditorjali, l-innovazzjoni, l-informazzjoni u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni huma l-oqsma prinċipali ta' investiment. 2.2.3. Objettiv 3 L-implimentazzjoni tal-programm tal-FSE fl-2010 kompliet tiffoka fuq l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi, b’mod partikolari fuq il-miżuri mmirati lejn it-titjib tal-impjegabbbiltà fis-suq tax-xogħol (30,9 % tan-nefqa ċertifikata), it-tagħlim tul il-ħajja (attivitajiet li jiżviluppaw it-taħriġ edukattiv u vokazzjonali kienu jirrappreżentaw 31,2 % tan-nefqa ċertifikata), l-inklużjoni soċjali (13,3 % tan-nefqa ċertifikata), l-opportunitajiet indaqs (5,2 % tan-nefqa ċertifikata) u l-attivitajiet intraprenditorjali, l-innovazzjoni, l-informazzjoni u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni (19,05 %). 2.2.4. Is-sajd barra mill-Objettiv 1 In-nefqa tal-programmi tal-iSFGS barra l-Objettiv 1 kienet tiffoka fuq l-ipproċessar, u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tas-sajd (26,7 %). It-tieni miżura l-aktar importanti kienet l-aġġustament tal-isforz tas-sajd (17,8 %), segwita mir-rinnovazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-flotta tas-sajd (17,5 %), il-faċilitajiet tal-portijiet tas-sajd (16,9 %) u l-azzjonijiet minn professjonisti (taħriġ vokazzjonali, sajd kostali żgħir) (12,8 %). 2.2.5. Inizzjattivi Komunitarji 2.2.5.1. INTERREG Sa tmiem l-2010 il-81 programm tal-INTERREG III jew dawk marbuta mal-viċinat kienu għażlu madwar 19 000 proġett u netwerks bl-għan li jnaqqsu l-effetti tal-fruntieri nazzjonali, l-ostakli lingwistiċi u d-differenzi kulturali u jiżviluppaw iż-żoni qrib il-fruntieri, jappoġġaw l-iżvilupp strateġiku u l-integrazzjoni territorjali f’żoni akbar tal-UE u integrazzjoni aħjar mal-ġirien tagħha. L-effikaċja tal-politiki u l-istrumenti tal-iżvilupp reġjonali ġiet ukoll sostnuta permezz tal-qsim tal-aħjar prattiki u l-iskambju ta’ esperjenza. Sa tmiem l-2010, ir-rata ta’ assorbiment ta’ ħlas kienet ta' madwar 92 %. Minħabba n-natura aktar speċifika u diffikultuża tal-programmi ta’ kooperazzjoni, id-diżimpenji tal-proġetti minħabba r-regola ta’ ‘n+2' ma setax jiġi evitat għal ċerti programmi. B’kollox EUR 135 miljun kienu diżimpenjati matul il-perjodu ta’ programmar minħabba r-regola tad-diżimpenn awtomatiku. Fl-2010, il-proċess ta’ għeluq għall-81 programm tal-INTERREG III jew dawk marbuta mal-viċinat kien beda u għal tliet programmi l-għeluq kien iffinalizzat. 2.2.5.2. EQUAL Il-programmi tal-Inizzjattiva Komunitarja EQUAL kienu amministrattivament magħluqa fl-2008 fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Ftit kienu dawk li talbu estensjoni tad-data finali tal-eliġibbiltà sal-2009 biex jiksbu rata ogħla ta' assorbiment bl-azzjonijiet għall-integrazzjoni. Fl-2010 tkompla l-proċess amministrattiv tal-għeluq u sa tmiem ir-raba’ sena tlestew il-programmi Operazzjonali ta’ għeluq EQUAL. 2.2.5.3. URBAN Fl-2010, il-programm URBACT I kien magħluq. Il-Programm URBACT irrapporta total ta’ nefqa eliġibbli ta’ EUR 25 043 714 li minnhom intalbu total ta’ EUR 15 386 591 għall-FEŻR. Dan jirrappreżenta nuqqas ta' nfiq tal-FEŻR ta’ EUR 2 644 526 jew ta’ 14,67 %. Il-programm URBACT II, il-Programm ta’ Netwerk għall-Iżvilupp Urban skont l-Objettiv tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, huwa programm ta’ skambju u tagħlim għall-ibliet ibbażat fuq l-esperjenzi tajbin mal-programm URBACT I. Fl-2010 tkompliet il-ħidma fuq il-ġestjoni tal-programm URBACT II permezz ta' kumitati ta' monitoraġġ u proċeduri ta' rappurtar. 2.2.5.4. LEADER+ L-Inizjattiva Komunitarja Leader+ kienet magħmula minn tliet attivitajiet: l-implimentazzjoni ta’ strateġiji lokali ta’ żvilupp permezz ta’ sħubija pubblika u privata, il-kooperazzjoni bejn territorji rurali u netwerking. Ġew approvati 73 programm tal-Leader+ għall-UE-15 għall-perjodu 2000-2006. L-Istati Membri tal-UE li ssieħbu wara l-1 ta’ Mejju 2004 kellhom l-għażla li jintegraw miżuri tat-tip Leader+ fil-programmi tagħhom tal-FAEGG tal-Objettiv 1. Sa tmiem l-2010, ingħalqu 14-il programm LEADER+ u ntbagħtu tmien ittri ta’ qabel l-għeluq lill-Istati Membri. 2.2.6. Azzjonijiet innovattivi 2.2.6.1. FEŻR Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali mexxa wkoll 181 Programm Reġjonali ta’ Azzjonijiet Innovattivi (sal-31 ta’ Diċembru 2010, ingħalqu 171, 24 minnhom matul l-2010) li jgħinu fil-promozzjoni ta’ innovazzjoni strateġika fir-reġjuni billi jesperimentaw b’metodi u prattiki innovattivi maħsuba biex itejbu l-livell ta’ innovazzjoni u l-kwalità tal-għajnuna tal-UE taħt tliet temi: l-għarfien u l-innovazzjoni teknoloġika, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli. 2.2.6.2. FSE Il-proġetti ta’ Azzjonijiet Innovattivi li kien fadal għall-2005 u l-2006 tlestew kif kien ippjanat u ġew magħluqa fl-2010. 3. KONSISTENZA U KOORDINAZZJONI 3.1. Konsistenza ma’ linji politiċi Komunitarji oħra Ir-rapporti preċedenti għandhom żviluppi rilevanti dettaljati fir-rigward tal-iżgurar tal-konsistenza bejn il-politika ta’ koeżjoni u prijoritajiet politiċi oħra tal-UE bħall-għanijiet tal-politika ta’ kompetizzjoni, tas-suq intern, tal-ambjent, tat-trasport u tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Ma kienx hemm tibdil speċifiku fir-rekwiżiti jew fl-aspettattivi dwar l-awtoritajiet tal-ġestjoni hekk kif il-programmi tal-2000-2006 daħlu fil-fażi ta’ għeluq. 3.2. Koordinazzjoni tal-istrumenti 3.2.1. Il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni Fl-2000-2006, il-25 Stat Membru kollha bbenefikaw mill-appoġġ tal-Fondi Strutturali, filwaqt li 13-il Stat Membru bbenefikaw ukoll mill-Fond ta’ Koeżjoni li jgħin lill-pajjiżi inqas għonja. Il-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali ġew ikkoordinati bir-reqqa, kif ukoll fir-rigward il-Fond ta’ Koeżjoni (b’mod partikolari l-FEŻR), bex tiġi evitata d-duplikazzjoni fil-proġetti appoġġati. 3.2.2. Il-Fondi Strutturali u l-BEI/FEI Matul il-perjodu 2000-2006 il-Kummissjoni u l-BEI u l-FEI saħħew il-kooperazzjoni tagħhom billi waqqfu tliet inizjattivi JASPERS, JEREMIE u JESSICA. Dettalji dwar din il-kooperazzjoni ġew ipprovduti fir-rapporti preċedenti. Mindu l-perjodu ta’ implimentazzjoni għall-2000-2006 daħal fl-2010 fil-fażi ta’ għeluq, ma hemm xejn xi jsir rapport fuqu. 4. VALUTAZZJONIJIET Fl-2010, il-Kummissjoni kompliet twettaq il-valutazzjonijiet biex tappoġġa t-teħid tad-deċiżjonijiet skont il-Politika ta' Koeżjoni. FEŻR Fl-2010, il-Kummissjoni lestiet il-valutazzjoni ex post dwar l-interventi tal-FEŻR fir-reġjuni tal-Objettiv 1 u 2. Ir-rapport ta’ sinteżi tax-xogħol kollu li sar kien ippubblikat u ppreżentat lill-pubbliku f’April 2010. Il-valutazzjonijiet ex-post tal-Inizjattivi Komunitarji URBAN u INTERREG tlestew ukoll fl-2010. Barra dan, fl-2010 il-Kummisjoni nediet valutazzjonijiet fuq l-appoġġ lill-intrapriżi u l-innovazzjoni u r-riċerka tal-Politika ta’ Koeżjoni. Barra minn hekk, tnedew ukoll tliet studji tematiċi li jikkonċernaw il-Politika ta’ Koeżjoni u l-iżvilupp lokali, reġjuni b’karatteristiċi ġeografiċi sepċifiċi u attivitajiet innovattivi. FSE Il-valutazzjoni ex post tal-interventi tal-FSE għall-perjodu 2000-2006 tlestiet fl-2010. Hija tikkonsisti fi studju preparatorju, żewġ studji tematiċi (- l-appoġġ tal-FSE għall-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni fil-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali u - L-impatt tal-FSE fuq il-funzjonament tas-suq tax-xogħol u l-investiment fl-infrastruttura tal-kapital uman permezz tal-appoġġ lis-sistemi u lill-istrutturi), u żewġ valutazzjonijiet prinċipali fuq l-FSE u l-EQUAL. Ir-rapporti ta' valutazzjoni ġew ippubblikati kollha. Ħames valutazzjonijiet u studji oħra tlestew fl-2010 filwaqt li tnedew tlieta oħra matul is-sena. FAEGG Il-valutazzjoni ex post tal-Leader+ tlestiet fl-2010. Din il-valutazzjoni tkopri l-programmi Leader+, kif speċifikat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/99, u t-tip ta’ miżuri Leader+ inklużi fil-programmi tranżitorji tal-iżvilupp rurali għall-perjodu 2004-2006 (l-UE-10). Il-valutazzjoni kkonkludiet li l-Leader+ kien kompliment importanti għall-politiki ġenerali u ta kontribut għad-diversifikazzjoni ekonomika, għall-kwalità tal-ħajja u għall-valorizzazzjoni tal-ambjent naturali u mibni fiż-żoni rurali. Fl-2010 il-Kummissjoni nediet il-valutazzjoni ex post 2000-2006 tal-programmi ta’ żvilupp rurali. Il-valutazzjoni se tevalwa ir-rilevanza, il-koerenza, l-effikaċja u l-effiċjenza tal-miżuri u l - programmi differenti. Hija se tkun lesta matul l-2011. 5. KONTROLLI Informazzjoni ddettaljata dwar ir-riżultati tal-kontrolli hi disponibbli fir-Rapporti Annwali tal-Attività tad-Direttorati Ġenerali rispettivil[9]. 5.1. FEŻR Il-funzjonament effikaċi tas-sistemi tal-ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri kienu s-suġġett ta’ numru vast ta’ verifiki mill-2004 fejn ikopru elementi ewlenin ta’ ġestjoni u kontroll. F’termini ta’ kopertura, il-programmi verifikati jirrappreżentaw 43 % tan-numru ta' programmi prinċipali u 76 % tal-kontribuzzjoni deċiża tal-FEŻR. Fir-rigward ta’ INTERREG, tnediet inkjesta ta’ verifika separata fl-2006 u ġiet konkluża fl-2010 għat-23 programm eżaminat (28 % tat-total ta' programmi) li jirrappreżentaw 54 % tal-kontribuzzjoni deċiża. Inkjesta preparatorja estensiva mwettqa mill-2007 sal-2010 biex tirrevedi l-korpi ta’ likwidazzjoni (WUB) sabiex tivverifika l-assigurazzjoni li tista’ titpoġġa fuq ix-xogħol ta’ għeluq tagħhom imsejjes fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ likwidazzjoni (WUD), biex tivverifika l-preparazzjoni tal-Istati Membri għall-għeluq u biex tidentifika u ttaffi r-riskji relatati. It-42 verifika mwettqa skont din l-inkjesta, flimkien mal-missjonijiet ta’ verifika magħmula fuq il-korp ta’ likwidazzjoni bħala parti mis-sistemi regolari ta’ verifiki li bdew fl-2004, irriżultaw f’kopertura tal-korpi ta’ likwidazzjoni li jieħdu ħsieb bejn wieħed u ieħor 85 % tal-ammont deċiż tal-programmi tal-2000-2006. Barra minn hekk, matul l-2010, twettqu erbgħa missjonijiet ta’ verifika biex ikunu segwiti sistemi ta’ verifiki qabel il-FEŻR (prinċipalment l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet korrettivi ta’ azzjoni wara li ġew individwati nuqqasijiet fis-sistemi) fi tliet pajjiżi: fi Spanja (1), il-Ġermanja (1) u l-Italja (2). Xogħol ieħor ta’ verifika mwettaq fl-2010 għall-perjodu ta’ programmar 2000-2006 kien jinkludi l-eżaminar tas-86 rapport tas-sistemi ta’ verifika minn awdituri nazzjonali, 11-il rapport annwali ta’ kontroll skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 438/2001 (l-2009 kienet l-aħħar sena fejn kien obbligatorju s-sottomissjoni ta’ rapport annwali ta’ kontroll li jagħti taqsira tax-xogħol kollu ta’ verifika mwettaq matul is-sena, qabel is-sottomissjoni tad-dokumenti tal-għeluq mill-Istati Membri għal biċċa l-kbira tal-programmi fl-2010). Ittri ta' evalwazzjoni ġew mibgħuta lill-Istati Membri kollha b'osservazzjonijiet u, fejn ikun hemm bżonn, b’talba għal informazzjoni addizzjonali sabiex tkun tista tittieħed kemm jista’ jkun assigurazzjoni mir-riżultati tax-xogħol ta’ verifika nazzjonali. 5.2. FSE Matul il-perjodu ta’ programmar 2000-06, ix-xogħol imwettaq mid-direttorat tal-verifiki kien jinkludi l-evalwazzjoni tad-deskrizzjonijiet tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, analiżi tar-rapporti ta' verifika tas-sistema nazzjonali u rapporti annwali ta' kontroll fil-kuntest ta' laqgħat ta' koordinament bilaterali annwal, u tliet inkjesti prinċipali ta’ verifika. Meta jitqies l-istadju ta' implimentazzjoni tal-perjodu ta' programmar 2000-2006 ta’ Programmi Operazzjonali, l-ebda verifika ulterjuri tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll ma ġew organizzati fl-2010. Minflok, ix-xogħol ta' verifika ffoka biex ikunu segwiti l-irregolaritajiet u r-riservi maħruġa fir-Rapport Annwali ta’ Attività għall-2009 u fuq l-analiżi tad-dikjarazzjonijiet ta’ Likwidazzjoni. 5.3. FAEGG B’kollox, fi tmiem l-2010, 103 programmi mill-152 ġew soġġetti għall-verifika (67,8 %), li jkopru EUR21,7 biljun (96,4 %) tal-approprjazzjonijiet totali ta’ impenji. In-numru totali ta’ programmi li ġew soġġetti segwitu għall-verifika kien ta’ 44. Matul l-2010 dawk il-verifiki kollha ngħalqu. Sal-31 ta’ Diċembru 2010, l-eżaminar tad-dikjarazzjonijiet ta’ likwidazzjoni ppreżentati mill-Istati Membri ġie ffinalizzata fir-rigward ta' 78 programm, li jirrappreżentaw 51,3 % tan-numru totali ta' programmi. 5.4. SFGS Sa mill-bidu tal-perjodu ta’ programmar 2000-2006, id-DĠ MARE wettaq total ta’ 58 missjoni ta’ verifika li jkopru l-programmi kollha tiegħu minn fond wieħed (18-il programm li jirrappreżentaw kontribuzzjoni tal-baġit inizjali ta’ EUR 3 608,73 miljun - 87,4 % tal-baġit totali tal-2000-2006) kif ukoll 18-il programm minn fondi differenti li jirrappreżentaw kontribuzzjoni ta’ EUR 374,58 miljun - 9,2 % tat-total tal-baġit inizjali tal-2000-2006. B’kollox, il-verifiki tas-sistemi tad-DĠ MARE koprew programmi li jirrappreżentaw 96,6 % tal-kontribuzzjoni inizjali totali tal-SFGS għall-2000-2006. Għall-programmi li għad fadal, l-assigurazzjoni tinkiseb minn xogħol ta’ verifika u/jew verifiki nazzjonali oħra tad-DĠ tal-Fondi Strutturali. Sa tmiem l-2010, ġew analizzati 17-il dikjarazzjoni ta’ Likwidazzjoni: disgħa ġew aċċettati, għal tmienja minnhom l-analiżi ġiet interrotta u ntalbet informazzjoni addizzjonali u għat-43 li fadal l-analiżi kienet għadha għaddejja. Mid-disgħa li ġew aċċettati, l-opinjoni għal tmienja minnhom ma kinitx kwalifikata u għal waħda kienet kwalifikata (u li għaliha se tiġi proposta korrezzjoni finanzjarja). 5.5. OLAF Fl-2010, l-OLAF wettaq 53 missjoni fl-Istati Membri marbuta ma’ miżuri kofinanzjati mill-Fondi Strutturali. Matul dawn il-missjonijiet twettqu kontrolli fuq il-post[10] fuq 52 operatur ekonomiku u sitt tipi ta' missjonijiet oħra twettqu biex jiġbru t-tagħrif jew biex jgħinu lill-amministrazzjoni nazzjonali jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji. L-istess kien il-każ fi snin preċedenti, problemi tipiċi identifikati mill-OLAF matul l-2010 kienu jinkludu dikjarazzjonijiet foloz, kontijiet foloz u nuqqas ta’ osservazzjoni tar-regoli ta’ akkwist pubbliku kif ukoll istanzi speċifikati ta’ konflitt ta’ interess f’ċerti proċeduri ta’ offerti. Fl-2010 l-Istati Membri infurmaw lill-Kummissjoni, b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1681/94[11]2 kif emendat[12] u r-Regolament (KE) Nru 1828/2006[13] kif emendat[14], b’madwar 6,910[15] notifika ta’ irregolaritajiet li jinvolvu EUR 1 546 biljun li jaffettwaw miżuri kofinanzjati tal-perjodi ta’ programmar tal-1994-99, l-2000-2006 u l-2007-2013. 6. KUMITATI LI JGħINU LILL-KUMMISSJONI 6.1. Il-Kumitatat ta’ Koordinazzjoni tal-Fondi (COCOF) L-unika attività tal-COCOF fl-2010 li tikkonċerna l-implimentazzjoni tal-perjodu 2000-2006 kienet il-konsiderazzjoni ta’ żewġ Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni: - Abbozz DEĊIŻJONI tal-Kummissjoni li teżenta ċerti każijiet ta’ irregolarità li ġejjin minn operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006 mir-rekwiżiti ta’ rappurtar speċjali stipulati mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1681/94 u mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/94, u - Abbozz DEĊIŻJONI tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-konsegwenzi finanzjarji għall-baġit tal-Unjoni li teżenta ċerti każijiet ta’ irregolarità li ġejjin minn operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006 mir-rekwiżiti ta’ rappurtar speċjali stipulati mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1681/94 u mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/94. Il-Kumitat ta opinjoni favorevoli għaż-żewġ proposti. 6.2. Il-Kumitat tal-FSE Fl-2010 kien hemm tliet Sessjonijiet Plenarji u sitt laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma Teknika iżda, ma kellomx x’jaqsmu ma l-ebda kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-perjodu 2000-2006. 6.3. Il-Kumitat dwar l-Istrutturi Agrikoli u l-Iżvilupp Rurali (STAR) Il-Kumitata STAR iltaqa’ sitt darbiet fl-2010 u ta opinjoni favorevoli fuq żewġ deċiżjonijiet: - Abbozz DEĊIŻJONI tal-Kummissjoni li teżenta ċerti każijiet ta’ irregolarità li ġejjin minn operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006 mir-rekwiżiti ta’ rappurtar speċjali stipulati mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1681/94 u mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/94, u - Abbozz DEĊIŻJONI tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-konsegwenzi finanzjarji għall-baġit tal-Unjoni li teżenta ċerti każijiet ta’ irregolarità li ġejjin minn operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006 mir-rekwiżiti ta’ rappurtar speċjali stipulati mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1681/94 u mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) No 1831/94. 6.4. Il-Kumitat dwar l-Istrutturi għas-Sajd u l-Akkwakultura (CSFA) Il-Kumitat dwar l-Istrutturi għas-Sajd u l-Akkwakultura (CSFA) iltaqa' darbtejn fl-2010. Il-punti prinċipali li ġew diskussi fil-laqgħat jinkludu l-evalwazzjoni ex post u l-għeluq tal-SFGS. [1] 226 fl-Objettiv 1 u l-Objettiv 2, 47 fl-Objettiv 3, 12 SFGS (barra l-Objettiv 1), 81 INTERREG, 71 URBAN, 27 EQUAL, 73 LEADER+ u 181 programm ta’ Azzjonijiet Innovattivi. [2] Ara l-Komunikazzjoni dwar ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji u l-programmi għall-perjodu ta’ programmar 2007-2013. [3] ippubblikat fi: http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/evaluation/expost_reaction_en.htm [4] Ippubblikat fi http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/evaluation/expost2006/urban_ii_en.htm [5] Ippubblikat fi: http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/evaluation/expost2006/interreg_en.htm [6] Ippubblikat fi: http://ec.europa.eu/fisheries/documentation/studies/fifg_evaluation/index_en.htm [7] Ippubblikat fi: http://ec.europa.eu/agriculture/eval/reports/leaderplus-expost/index_en.htm [8] L-Artikolu 105(3) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006. [9] Ippubblikat f’http://ec.europa.eu/atwork/synthesis/aar/index_en.htm [10] Regolament (KE) Nru 2185/1996, ĠU L 292, 15.10.1996, p. 2 [11] ĠU L 178, 12.07.1994, p. 43 [12] Regolament (KE) Nru 2035/2005, ĠU L 328, 15.12.2005, p, 8 [13] ĠU L 371, 27.12.2006, p, 1 [14] Regolament (KE) Nru 846/2009, ĠU L 250, 23.09.2009, p. 1 [15] 2009: għadd ta’ każijiet ikkomunikati 4 858, ammont ġenerali relatat mal-komunikazzjonijiet EUR 1.161.865.730