This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0639
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL on the implementation of the remote sensing applications and on the use of the financial resources made available to it under Council Regulation (EC) No 78/2008(second interim report)
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet ta’ telerilevament u dwar l-użu tar-riżorsi finanzjarji magħmulin disponibbli għaliha skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008(it-tieni rapport interim)
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet ta’ telerilevament u dwar l-użu tar-riżorsi finanzjarji magħmulin disponibbli għaliha skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008(it-tieni rapport interim)
/* KUMM/2011/0639 finali */
/* KUMM/2011/0639 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet ta’ telerilevament u dwar l-użu tar-riżorsi finanzjarji magħmulin disponibbli għaliha skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008(it-tieni rapport interim)
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet ta’ telerilevament u dwar l-użu tar-riżorsi finanzjarji magħmulin disponibbli għaliha skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008 (it-tieni rapport interim) DAħLA Informazzjoni dettaljata dwar l-użu tal-art agrikola u l-kundizzjonijiet tal-uċuħ hija essenzjali għall-kwalità tar-rendiment u għall-previżjonijiet tal-produzzjoni agrikola. Informazzjoni bħal din hija ta’ użu partikolari għall-monitoraġġ tas-suq u l-immaniġġjar ta’ miżuri relatati mas-suq skont l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq unika. F’dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea għamlet sforzi sostanzjali biex tiżviluppa u ttejjeb teknoloġiji u mudelli innovattivi speċifikament relatati ma’ applikazzjonijiet ta’ telerilevament. L-esperjenza miġbura wriet li t-telerilevament jipprovdi informazzjoni indipendenti ta’ kwalità għolja li ma tistax tinkiseb minn statistika agrikola tradizzjonali u minn sistemi ta’ previżjoni. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008[1] jipprovdi l-qafas legali għal dawn l-attivitajiet ta’ telerilevament għall-perjodu 2008-2013. L-applikazzjonijiet ta’ telerilevament sostnuti skont dan il-qafas jipprovdu informazzjoni utli lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri interessati, lill-istituti tar-riċerka u lil utenti oħra, permezz tat-tixrid ta’ prodotti differenti. Sa mill-ħolqien tagħha, is-sistema baqgħet tittejjeb kontinwament. Minbarra l-objettiv primarju li jinkisbu previżjonijiet ta’ rendiment u ħsad, is-sistema tipprovdi wkoll ħjiel utli dwar oqsma oħra rilevanti għall-agrikoltura tal-UE bħat-tibdil fil-klima. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 78/2008 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tissottometti rapport finali mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2013 dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ telerilevament u dwar l-użu tar-riżorsi finanzjarji magħmulin disponibbli għaliha skont ir-Regolament. Dan it-tieni rapport interim qed isir minħabba l-kontinwazzjoni ta’ dawk il-miżuri fil-qafas tal-PAK wara l-31 ta’ Diċembru 2013. Ir-rapport jelabora dwar il-possibbiltà ta’ xenarju għall-kontinwazzjoni tas-sistema eżistenti ta’ previżjoni ta’ rendiment tal-uċuħ għall-UE, MARS, u ta’ estensjoni ta’ kopertura globali usa’ bl-objettivi li previżjonijiet ta’ rendimenti għall-UE jitjiebu aktar u li jkun hemm kontribuzzjoni għall-inizjattivi internazzjonali mnedijin mill-ministri tal-agrikoltura tal-G20. IS-SISTEMA TA’ PREVIżJONI TA’ RENDIMENT TAL-UċUħ, MARS Is-Sistema ta’ Previżjoni ta’ Rendiment tal-Uċuħ, MARS (MCYFS) inbdiet fl-1988 bħala proġett pilota għal għaxar (10) snin biex tagħmel previżjonijiet ta’ rendiment u ta' ħsad tal-uċuħ. L-attività, li dak iż-żmien kienet tissejjaħ Monitoraġġ tal-Agrikoltura b’Telerilevament (mqassra MARS), kienet ikkonċentrata fuq il-valutazzjoni ta’ rendimenti tal-uċuħ u ta’ volumi ta’ produzzjoni ta’ wċuħ varji fl-UE, abbażi ta’ analiżi meteoroloġika, indikaturi ta’ tkabbir ta’ wċuħ simulati agrometeoroġikament, dejta ta’ riżoluzzjoni baxxa permezz tas-satellita u analiżi ta’ statistika. Mill-1999 ’il quddiem din l-attività kienet titwettaq skont il-bażi legali tad-Deċiżjoni 1445/2000/KE għall-perjodu 1999-2003[2] u l-estensjoni tagħha għall-perjodu 2004-2007 bid-Deċiżjoni 2066/2003/KE[3]. Mill-2008 sal-2013, l-attività hija implimentata skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008. L-MCYFS titħaddem fi ħdan l-Azzjoni AGRI4CAST fl-Istitut għall-Ambjent u s-Sostenibbiltà (IES) taċ-Ċentru Konġunt Għar-Riċerka (JRC). L-MCYFS hija għodda ta’ analiżi kumplessa, integrata li tindirizza l-objettivi stabbiliti fir-Regolament, b’mod aktar speċifiku l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tal-uċuħ, tar-rendimenti u tal-produzzjoni agrikola. Is-sistema tikkonsisti f’diversi moduli indipendenti, li huma integrati biex isir monitoraġġ ta’ kif jikbru l-uċuħ u biex jinkisbu previżjonijiet ta’ rendimenti tal-uċuħ. Mil-lat tekniku, l-MCYFS tinkludi: 1) il-manutenzjoni ta’ bażi tad-dejta meteoroloġika (ara l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament); 2) l-applikazzjoni ta’ mudelli agrometeoroloġiċi (ara l-Artikolu 1(2)(d)); 3) l-ipproċessar ta’ dejta ta’ riżoluzzjoni baxxa permezz tas-satellita (ara l-Artikolu 1(2)(a)); 4) analiżi tal-istatistika u previżjonijiet tar-rendimenti tal-uċuħ ewlenin f’livell nazzjonali mal-UE kollha (ara l-Artikolu 1(2)(b)), kif ukoll għodod ta’ viżwalizzazzjoni. L-MCYFS titmexxa b’mod operazzjonali billi tkopri l-Kontinent Ewropew kollu, il-pajjiżi tal-Magreb u t-Turkija. L-uċuħ koperti mill-mudelli ta’ simulazzjoni huma l-qamħ artab, il-qamħ durum, ix-xgħir tax-xitwa u tar-rebbiegħa, il-qamħirrun, iż-żerriegħa tal-kolza, il-ġirasol, il-patata, il-pitravi, il-ħaxix tal-mergħa, ir-ross u ċereali oħra. Informazzjoni aktar dettaljata dwar is-sistema u dak li tipproduċi tista’ tinkiseb mid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan id-dokument. (1) Bażi tad-dejta meteoroloġika Dejta meteoroloġika tinġabar minn stazzjonijiet meteoroloġiċi mal-Ewropa kollha, u mbagħad tiġi eżaminata għall-kwalità u pproċessata aktar, u fl-aħħar nett tiġi analizzata. Bħala tali din id-dejta meteoroloġika tista’ tintuża biex tagħti bidu għal twissijiet ta’ riskji (eż. individwazzjoni ta’ kundizzjonijiet anormali tat-temp matul xahar partikolari). Barra minn dan, dejta dwar tbassir tat-temp miċ-Ċentru Ewropew għat-Tbassir tat-Temp fuq Terminu ta' Żmien Medju tiġi analizzata biex jitħejjew prospetti dwar kundizzjonijiet tat-temp li jaffettwaw l-art agrikola. (2) Mudelli agrometeoroloġiċi użati għas-simulazzjoni tat-tkabbir tal-uċuħ Mudelli agrometeoroloġiċi jintużaw biex id-dejta meteoroloġika tinbidel fi stimi dwar il-produzzjoni tal-bijomassa tal-uċuħ. L-għodod li jintużaw huma l-mudell CGMS (Crop Growth Monitoring System) jiġifieri l-mudell WOFOST (World Food Study) adattat fuq skala Ewropea, il-mudell LINGRA għall-mergħat u l-mudell WARM għar-ross (Water Accounting Rice Model). Biex jinħolqu s-simulazzjonijiet tintuża informazzjoni addizzjonali, bħall-parametri tal-ħamrija, il-kalendarji tal-uċuħ, il-prattiki tal-uċuħ u l-parametri tal-uċuħ. F’dan il-livell, jiġu prodotti ħafna indikaturi/predikaturi speċifiċi għall-uċuħ (eż. bijomassa potenzjali) u jiġu ttrasferiti għall-analiżi statistika għall-produzzjoni ta’ previżjonijiet ta’ rendimenti kwantitattivi. Dawn l-elementi jikkontribwixxu wkoll għall-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-uċuħ (l-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament). Ir-riżultati miksuba jinkludu mapep li jindikaw temperatura estrema fi stadju partikolari tal-uċuħ, simulazzjonijiet ta’ bijomassa u produzzjoni ta’ qamħ, stimi tar-riżerva attwali tal-umdità fil-ħamrija, l-istadju tal-iżvilupp tal-uċuħ f’xahar partikolari, u d-diverġenza mill-medja fuq perjodu ta' żmien twil f’deċennju partikolari jew f’perjodu fl-istaġun tat-tkabbir għal kwalunkwe indikatur agrometeoroloġiku. (3) Dejta ta’ riżoluzzjoni baxxa permezz tas-satellita L-applikazzjonijiet ta’ telerilevament jiddaħħlu fis-sistema fil-livelli kollha u jikkontribwixxu biex jitjiebu l-mudelli ta’ previżjoni agrikola, kif ukoll biex jiġu stabbiliti mudelli abbażi tar-reġjuni. Informazzjoni minn satelliti meteoroloġiċi tintuża b’żieda mad-dejta mwassla minn stazzjonijiet meteoroloġiċi (eż. radjazzjoni mkejla minn satelliti fil-livell ta’ riżoluzzjoni ta’ 5 km). L-informazzjoni b’telerilevament tiġi pproċessata biex jiġu prodotti indikaturi “mkejla” ta’ veġetazzjoni, li jkunu jistgħu jitqabblu mal-indikaturi agrometeoroloġiċi u jintużaw għall-analiżi statistika. Jintużaw rilevamenti bis-satellita ta’ riżoluzzjoni li tvarja minn baxxa sa medja: Veġetazzjoni SPOT/NOAA-AVHRR (riżoluzzjoni ta’ madwar 1 km) u MODIS (riżoluzzjoni ta’ madwar 300-500 m)[4]. (4) Analiżi statistika L-indikaturi miksubin mill-bażi tad-dejta meteoroloġika, mill-bażi tad-dejta agrometeoroloġika u mill-bażi tad-dejta ta’ telerilevament jitqabblu mas-serje kronoloġika tar-rendimenti u jiġu analizzati b’metodi statistiċi (eż. regressjoni jew analiżi ta’ xenarju). Ir-riżultati finali jkunu previżjonijiet kwantitattivi ta’ rendimenti li, flimkien mal-analiżi ta’ dak li jirriżulta kif imsemmi hawn fuq, jiġu ppubblikati fil-bullettini MARS. Dejta disponibbli fis-sistema tkopri perjodu twil ta’ żmien, li jibda mill-1975. (5) Għodod ta’ viżwalizzazzjoni u ta' tixrid tar-riżultati Il-bażijiet tad-dejta (informazzjoni meteoroloġika, informazzjoni agrometeoroloġika, informazzjoni ta’ telerilevament) jistgħu jkunu esplorati minn min jużahom permezz tal-mezzi ta’ informazzjoni. AGRI4CAST iżżomm portal fuq l-internet fejn dejta ta’ telerilevament tista’ tintwera fuq skrin u titniżżel, u portal fejn wieħed jista’ jara u jniżżel l-informazzjoni meteoroloġika u agrometeoroloġika fil-forma ta’ mapep elettroniċi. Huwa possibbli wkoll li titniżżel l-analiżi dwar il-kundizzjonijiet tal-uċuħ u l-istimi tar-rendimenti. L-elementi kollha elenkati hawn fuq jintużaw għat-tħejjija ta’ bullettini u għal studji speċifiċi dwar kundizzjonijiet klimatiċi (ara l-Artikolu 1(2)(c)). Dawn jipprovdu l-analiżi tal-qagħda tal-uċuħ f’reġjuni differenti tal-UE, mapep tat-temp u indikaturi tal-uċuħ u aspettattivi ta’ rendimenti. Il-Bullettin MARS jiġi ppubblikat regolarment fuq il-karta u fuq l-internet matul l-istaġun ewlieni ta’ tkabbir. IMPLIMENTAZZJONI Implimentazzjoni ġenerali Għall-kontinwazzjoni tas-servizzi operazzjonali mill-2008 sal-2013 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008, tnieda proġett ġdid, imsejjaħ MARSOP3. Dan jiffoka fuq il-provvediment ta’ prodotti operazzjonali kważi f’ħin reali lill-JRC għall-monitoraġġ tal-produzzjoni u r-rendiment agrikolu fl-Ewropa. F’Awwissu 2007 kienet ippubblikata sejħa għall-offerti (Attivitajiet operazzjonali għal azzjonijiet MARS -MARSOP3- 2008-2013, Avviż tal-Kuntratt Nru 2007/S 154-191094) fis-suppliment ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Wara l-evalwazzjoni tal-offerta għal-Lott I (dejta meteoroloġika) u għal-Lott II (akkwiżizzjoni u pproċessar ta’ dejta permezz tas-satellita) u wara l-opinjoni favorevoli tal-Grupp Konsultattiv dwar l-Akkwist Pubbliku, ġie ffirmat kuntratt ma’ konsorzju mmexxi minn Alterra BV. Abbażi tal-prodotti operazzjonali kkonsenjati skont dan il-kuntratt, il-JRC janalizza l-kundizzjonijiet tal-uċuħ tar-raba’ u jħejji stimi ta’ rendimenti u produzzjoni. Din l-informazzjoni ssir disponibbli lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri u liċ-ċittadini tal-UE. Implimentazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008 L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008 jistabbilixxi l-objettivi għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ telerilevament (l-Artikolu 1(1)) u jagħti dettalji dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu (l-Artikolu 1(2)). Għal referenza aktar faċli, id-deskrizzjoni tal-implimentazzjoni tal-miżuri ssegwi l-istruttura tal-Artikolu 1. Għanijiet tal-miżuri implimentati (l-Artikolu 1(1)) L-Artikolu 1(1)(a): mmaniġġjar ta’ swieq agrikoli L-attività twassal previżjonijiet ta’ rendimenti tal-uċuħ b’mod indipendenti, f’waqthom, xjentifiċi u traċċabbli għall-Istati Membri kollha u għall-pajjiżi ġirien tal-UE għall-uċuħ li jinħadmu magħżulin. Din l-informazzjoni tintuża mis-servizzi tal-Kummissjoni għall-finijiet ewlenin li ġejjin: 1) aġġornament tal-karti tal-bilanċi tal-provvista tal-uċuħ; 2) valutazzjoni ta’ kundizzjonijiet klimatiċi u impatti potenzjali ta’ avvenimenti partikolari tat-temp fl-Istati Membri jew fir-reġjuni (eż. l-impatt ta’ ġlata li tasal tard); 3) monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tal-uċuħ f’pajjiżi terzi. Jiġu pprovduti wkoll previżjonijiet ta’ rendimenti tal-AGRI4CAST lis-Sistema ta’ Stima Bikrija tal-Eurostat. L-indipendenza u l-affidabbiltà tar-riżultati kif imħejjijin minn AGRI4CAST jitqiesu bħala assi importanti mis-servizzi tal-Kummissjoni. L-analiżi statistika mwettqa bl-indikaturi tat-tkabbir tal-uċuħ hija trasparenti, traċċabbli u maħżuna għas-simulazzjonijiet kollha tal-uċuħ u għas-snin kollha. Hemm ipprovdut sett ta’ indikaturi statistiċi (eż. valur kwadratiku medju tal-iżball għal intervalli differenti ta’ kunfidenza, devjazzjoni standard) għal kull wieħed mill-mudelli. Fi tmiem il-kampanja ta’ previżjoni, analiżi tal-iżbalji tqabbel il-previżjonijiet ta’ rendimenti tal-uċuħ mar-rendimenti attwalment osservati biex jiġi kkwantifikat l-iżball fil-previżjonijiet u biex tiġi evalwata l-prestazzjoni tal-previżjonijiet. Għall-informazzjoni, l-iżball globali, imkejjel bħala l-iżball perċentwali assolut medju tal-previzjoni fi tmiem il-kampanja għall-UE-27 għax-xhur kollha u għaċ-ċereali kollha flimkien, kien ta’ 1.6 % għall-2007, -3.3 % għall-2008, -1.2 % għall-2009 u 1.2 % għall-2010, rispettivament, b’valuri negattivi li jindikaw sottostima, u b’valuri pożittivi li jindikaw sovrastima ta’ rendimenti rrapportati (rendimenti rrapportati tal-2009 u tal-2010 għadhom preliminari). L-Artikolu 1(1)(b): monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tal-uċuħ u stimi Minbarra l-previżjonijiet ta’ rendimenti, jiġu mmonitorjati mill-qrib il-kundizzjonijiet tal-uċuħ matul l-istaġun tat-tkabbir. Informazzjoni meteoroloġika u ta’ telerilevament tiġi analizzata u relatata ma’ informazzjoni rilevanti dwar l-uċuħ abbażi tar-riżultati ta’ mmudellar bijofiżiku (eż. l-impatt ta’ mewġa tas-sħana, perjodu ta’ nixfa jew ta' kesħa f’ċerti stadji tal-iżvilupp tal-uċuħ). Barra minn dan, ir-riżultati mill-mudell tat-tkabbir tal-uċuħ jintużaw direttament biex ikunu vvalutati kundizzjonijiet tal-uċuħ (eż. simulazzjoni tal-indiċi tal-erja tal-weraq jew tal-bijomassa). Dan il-monitoraġġ ikopri lill-UE u japplika għall-uċuħ inklużi kollha. L-Artikolu 1(1)(c): promozzjoni tal-aċċess għall-istimi Aċċess miftuħ għall-prodotti varji kollha huwa ggarantit mill-JRC u mill-konsorzju tal-MARSOP3. Il-websajt tal-MARSOP toffri firxa wiesgħa ta’ informazzjoni (riżultati mill-miżuri applikati tat-telerilevament, prodotti tal-mudelli tat-tkabbir tal-uċuħ, konnessjonijiet mal-bullettini). Dejta u immaġnijiet mis-satellita jinġabru f’server ta’ immaġnijiet fejn wieħed ikun jista' jara u jniżżel id-dejta. Huwa possibbli wkoll li tintalab u titniżżel dejta meteoroloġika mill-websajt tal-MARSOP. L-Artikolu 1(1)(d): l-iżgurar ta' segwitu teknoloġiku tas-sistema agrometeoroloġika Il-JRC iwettaq segwitu tekniku kostanti biex jiżgura l-kontinwazzjoni tas-sistema u biex jiggarantixxi li l-metodoloġiji applikati jkunu robusti xjentifikament. Dawn il-metodoloġiji jinkludu l-interpolazzjoni tad-dejta meteoroloġika għal fuq raster, id-derivazzjoni tal-miżuri tat-telerilevament biex jiġi deskritt kif jikbru l-uċuħ jew l-analiżi statistika mwettqa biex jinkisbu l-istimi tar-rendimenti tal-uċuħ. Miżuri li għandhom jiġu implimentati (L-Artikolu 1(2)) L-Artikolu 1(2)(a): ġbir u xiri ta’ dejta meteoroloġika u dejta mis-satellita Il-ġbir u x-xiri ta’ dejta meteoroloġika jinkludu aktar minn 3500 stazzjon li jwasslu informazzjoni dwar parametri tat-temp, li jiddaħħlu fl-MCYFS kuljum. Dan is-servizz jinżamm b’mod permanenti. Barra minn hekk dejta ta’ telerilevament disponibbli mingħajr ħlas minn satelliti ta’ riżoluzzjoni baxxa u medja (riżoluzzjoni ta’ pixels minn 1 km sa 300 m) biex tintuża għall-monitoraġġ tal-veġetazzjoni, tinkiseb, tinħażen u tiġi pproċessata u analizzata ulterjorment. L-Artikolu 1(2)(b): infrastruttura u websajt tad-dejta spazjali L-infrastruttura tad-dejta spazjali tinkludi t-teknoloġija, l-istandards, ir-riżorsi umani u l-attivitajiet relatati meħtieġa biex tinkiseb, tiġi pproċessata, titqassam, tintuża, tinżamm u tinħażen id-dejta spazjali. Din l-infrastruttura tlestiet flimkien mal-MCYFS, u kienet tinvolvi timijiet mill-JRC u kienet skont il-kuntratt tal-MARSOP3. Din tkopri settijiet ta' dejta spazjali għall-Ewropa kollha fi skali differenti. Id-dejta tiġi pproċessata biex taqdi l-ħtiġijiet ta’ monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tal-uċuħ u ta’ previżjoni tal-produzzjoni tal-uċuħ. Ir-riżultati u l-informazzjoni mis-sorsi differenti (eż. it-telerilevament) ikunu disponibbli permezz ta’ websajts u portals differenti fuq l-internet. L-infrastruttura hija konformi mal-qafas stabbilit mid-Direttiva dwar l-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE)[5]: Id-dejta spazjali tingħata referenza ġeografika skont il-projezzjoni tal-INSPIRE, id-deskrizzjoni tal-metadejta ssegwi l-prinċipji tal-INSPIRE u se tiġi armonizzata aktar. L-Artikolu 1(2)(c): studji speċifiċi dwar kundizzjonijiet klimatiċi Is-sistema tippermetti t-tħejjija ta’ studji speċifiċi dwar il-kundizzjonijiet klimatiċi permezz ta’ serje kbira ta’ informazzjoni disponibbli li tkopri l-aspetti rilevanti kollha. L-istudji speċifiċi li ġejjin tħejjew minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008: - Analiżi tal-impatt tan-nixfa fir-rebbiegħa u s-sajf u tax-xita abbundanti f’Awwissu 2008 fuq il-produzzjoni taċ-ċereali tax-xitwa fil-Latvja - Analiżi tal-impatt fuq l-agrikoltura ta’ kundizzjonijiet estremi tat-temp matul diversi jiem f’Lulju u f’Awwissu 2008 fis-Slovenja - Disponibbiltà ta' ilma għat-tkabbir tar-ross fi Spanja fl-2008 (analiżi ta’ nżul akkumulat ta’ xita) - Analiżi tal-impatt tal-ġlata li seħħet fix-xitwa tal-2009 fuq ċereali tax-xitwa fl-Ewropa - Analiżi tal-kundizzjonijiet tat-temp matul ir-rebbiegħa u s-sajf tal-2010 u tal-impatt li seta’ kellhom fuq il-produzzjoni agrikola fil-Belġju - Analiżi tal-kundizzjonijiet tat-temp matul il-ħarifa u x-xitwa tal-2009/10 u tal-impatt li seta’ kellhom fuq il-produzzjoni agrikola fi Spanja - Analiżi tal-kundizzjonijiet tat-temp matul ir-rebbiegħa u s-sajf tal-2010 u tal-impatt li seta’ kellhom fuq il-produzzjoni agrikola fl-Ungerija - Analiżi tal-kundizzjonijiet tat-temp tal-ħarifa u x-xitwa tal-2009/10 u tal-impatt li seta’ kellhom fuq il-produzzjoni agrikola fl-Italja - Analiżi tal-kundizzjonijiet tat-temp matul ix-xitwa u r-rebbiegħa tal-2010 u tal-effett li seta’ kellhom fuq il-produzzjoni agrikola fil-Litwanja - Analiżi tal-kundizzjonijiet ta’ nżul ta’ xita fl-2010 u tal-impatt li seta’ kellhom fuq il-produzzjoni agrikola fir-Rumanija - Analiżi tal-kundizzjonijiet tat-temp matul l-istaġun tal-uċuħ fl-2009/2010 u tal-impatt li seta’ kellhom fuq l-agrikoltura fil-Lussemburgu L-Artikolu 1(2)(d): aġġornament ta’ mudelli agrometeoroloġiċi u ekonomiċi Minbarra t-tmexxija operazzjonali tas-sistema, mudelli u bażijiet tad-dejta relatati jiġu aġġornati kontinwament. Il-bażi tad-dejta bħalissa fiha tliet terra bytes ta’ informazzjoni. Minn meta r-Regolament tal-Kunsill daħal fis-seħħ, kien hemm titjib kbir: In-netwerk tal-istazzjon meteoroloġiku ġie ddensifikat biex tiġi żgurata sistema ta’ monitoraġġ aħjar; ir-riżoluzzjoni tal-grilja ta’ 50 km x 50 km li kien hemm qabel għall-analiżi spazjali ttejbet għal 25 km x 25 km; twettqu kalibrazzjonijiet ġodda tal-uċuħ; u ġew irrilaxxati verżjonijiet ġodda tal-bażi tad-dejta u tas-softwer. PRODOTTI MISTENNIJA U RIżULTATI Il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u partijiet interessati oħra jirċievu l-prodotti differenti mistennija (deliverables); ir-rapporti u l-bullettini minn naħa waħda u s-servizzi ta’ informazzjoni u dejta min-naħa l-oħra. Il-prodotti kollha huma disponibbli b’mod elettroniku (l-Artikolu 2 tar-Regolament) u parzjalment f’format fuq il-karta. Rapporti u Bullettini Il-bullettin ta’ monitoraġġ tal-uċuħ għall-Ewropa joffri, kważi f’ħin reali u f’kuntest operazzjonali, informazzjoni u analiżi dwar monitoraġġ ta’ tkabbir tal-uċuħ u previżjoni ta’ rendiment. Il-pajjiżi koperti huma dawk tal-UE u r-reġjuni fil-qrib (il-Magreb, iż-żona tal-Baħar l-Iswed). L-uċuħ koperti huma l-qamħ artab, il-qamħ durum, ix-xgħir tax-xitwa, ix-xgħir tar-rebbiegħa, il-qamħirrun, iż-żrieragħ tal-kolza, il-ġirasol, il-pitravu u l-patata. Analiżi sħiħa tiġi ppubblikata fuq l-internet sitt darbiet fis-sena u ssupplimentata bi stimi aġġornati ta’ rendimenti darbtejn jew tliet darbiet fis-sena. Għall-mergħat u r-ross fl-UE jitħejjew bullettini speċjali. Aġġornamenti u analiżi ta’ kundizzjonijiet agrometeoroloġiċi jiġu pprovduti bejn il-bullettini sħaħ ta’ analiżi (minn għaxar (10) darbiet sa 12-il darba fis-sena). Dawn il-pubblikazzjonijiet kollha huma disponibbli fuq l-internet jew f’format fuq il-karta meta jintalbu. Servizzi ta’ informazzjoni u dejta Varjetà kbira ta’ informazzjoni dwar l-istaġun kurrenti ta’ produzzjoni agrikola fl-Ewropa u f’żoni agrikoli oħra importanti fid-dinja tiġi offruta fuq il-web viewer u fuq il-paġni elettroniċi tal-MARSOP. Il-prodotti disponibbli jinkludu graffijiet u mapep ta’ indikaturi tat-temp ibbażati fuq osservazzjonijiet u mudelli numeriċi tat-temp, graffijiet u mapep ta’ indikaturi tal-uċuħ ibbażati fuq mudelli agrometeoroloġiċi u graffijiet u mapep ta’ indiċijiet ta’ veġetazzjoni ta’ materja niexfa akkumulata bbażati fuq immaġnijiet ta’ telerilevament. UżU TAR-RIżORSI TAL-BAġIT Tabella 1. Użu tar-riżorsi finanzjarji skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008 fl-2008, l-2009, l-2010 u l-2011 (krediti ta' pagamenti, f'EUR; * = impenjati, ** = mħallsin sal-mument tal-kitba) |2008 | |2009 | |2010 | |2011 (preliminari) | | | |Ammont |Deskrizzjoni qasira |Ammont |Deskrizzjoni qasira |Ammont |Deskrizzjoni qasira |Ammont |Deskrizzjoni qasira | |LOTT 1 / fażi 1 | | | 1 016 084 |Pagament interim u finali | | | | | |LOTT 1 / fażi 2 | | | 283 185 |Pagament interim | 424 777 | Pagament finali | | | |LOTT I / fażi 3 | | | | | 288 707 | Pagament interim | 433 061 | Pagament finali | |LOTT 1/ l-ewwel fażi ta' tiġdid 3 | | | | | | | 302 544* | Pagament interim | |Stazzjonijiet meteoroloġiċi addizzjonali għall-LOTT 1 | | | 67 800 |Stazzjonijiet kważi f’ħin reali (aktar minn 250) | 0 | NRT u stazzjonijiet tal-arkivji | 21 600** | Stazzjonijiet tal-arkivji | |LOTT 2 / fażi 1 | | | 387 720 |Pagament interim u finali | | | | | |Lott 2 / fażi 2 | | | 137 989 |Pagament interim | 206 984 | Pagament finali | | | |Lott 2 / fażi 3 | | | | | 135 143 | Pagament interim | 202 715 | Pagament finali | |Lott 2 / l-ewwel fażi ta' tiġdid 3 | | | | | | | 141 620* | Pagament interim | |Bażi tad-dejta MARS u appoġġ b’teknoloġija tal-informazzjoni (IT) | 97 298 |Bażi tad-dejta MARS u manutenzjoni u żvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni | 477 562 |Bażi tad-dejta MARS u manutenzjoni u żvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni | 359 239 |Bażi tad-dejta MARS u manutenzjoni u żvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni | 333 196* | Bażi tad-dejta MARS u manutenzjoni u żvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni | | TOTAL |97 298 | |2 370 340 | |1 414 851 | |1 443 608* | | | Il- Lott 1 ikopri l-akkwist ta’ dejta ta’ tbassir meteoroloġiku u tat-temp (inkluża d-densifikazzjoni ta’ netwerk ta’ stazzjonijiet meteoroloġiċi). Ikopri t-tmexxija operazzjonali u ż-żamma tal-mudelli ta’ tkabbir tal-uċuħ mħaddmin fl-MCYFS. Riżultati fl-għamla ta’ aġġornamenti ta’ bażijiet tad-dejta u mapep jitwasslu fil-bażi tad-dejta fil-JRC kuljum jew kull għaxart ijiem. Jinżammu u jiġu żviluppati għodod adattati għall-isfruttament tar-riżultati. Iż-żamma u t-titjib tal-websajt tal-MARSOP jagħmlu parti wkoll minn dan il-lott flimkien ma’ koordinazzjoni u mmaniġġjar globali. Il- Lott 2 ikopri l-ipproċessar tad-dejta ta’ telerilevament. Il-ħidma li ssir tkopri l-passi kollha ta’ tisħiħ tad-dejta minn meta jinkisbu l-immaġnijiet mhux ipproċessati sal-konsenja tal-immaġnijiet komposti kull għaxart (10) ijiem (tidħil tad-dejta, kalibrazzjoni, eċċ.). Bażi tad-dejta Mars u appoġġ tal-IT : L-MCYFS titlob il-provvediment ta’ servizzi tal-IT biex tiġi żgurata l-produzzjoni f’waqtha tal-bullettini. il-ħidma li ssir tkopri l-immaniġġjar u l-manutenzjoni tal-bażi tad-dejta bid-dejta kollha tat-telerilevament, id-dejta meteoroloġika u l-indikaturi agrometeoroloġiċi. L-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-għodod tal-analiżi u l-websajts jagħmlu parti minn dan il-komponent. RIMARKI KONKLUSSIVI U L-ġEJJIENI TAL-ATTIVITÀ Is-Sistema MARS ipprovdiet informazzjoni effettiva u f'waqtha u dejta oġġettiva b’appoġġ għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet biex il-Politika Agrikola Komuni (PAK) tiġi mobilizzata. Lil hinn mill-objettiv primarju li jsiru previżjonijiet dwar rendiment ta’ ħsad u produzzjoni, is-sistema tagħti ħjiel utli wkoll lil oqsma oħra rilevanti għall-agrikoltura tal-UE bħall-kwistjonijiet ta’ tibdil fil-klima. Barra dan, is-sistema agrometeoroloġika MARS u l-applikazzjonijiet ta’ telerilevament ipprovdew informazzjoni utli mhux biss lill-Kummissjoni Ewropea iżda wkoll lill-Istati Membri interessati, lill-istituti tar-riċerka u lill-utenti l-oħra, permezz tat-tixrid tal-prodotti. Il-possibbiltà ta’ kontinwazzjoni tas-Sistema ta’ Previżjoni ta’ Rendimenti tal-Uċuħ, MARS tista’ tinkludi attivitajiet ġodda biex isegwu l-ħtiġijiet tal-PAK, li tevolvi u tadatta għal ambjent ekonomiku globali li qed jinbidel. F’dan il-kuntest, informazzjoni indipendenti u ta’ min joqgħod fuqha f’livell dinji hija rekwiżit bażiku biex jiġi żgurat il-proċess korrett u effettiv tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE. L-attivitajiet il-ġodda jkunu jinkludu: 1. MCYFS mkabbra għal żoni oħra ewlenin ta’ produzzjoni fid-dinja u għal uċuħ rilevanti addizzjonali; 2. Għodda ta’ mudellar estiża għal uċuħ tal-UE minbarra dawk diġà koperti (eż. għas-segala, il-ħafur, il-qamħ tas-segala ( Triticosecale ); 3. Mudellar aktar komplet ta’ sistemi ta’ mergħat li jkun jista’ jipprovdi stimi kwantitattivi ta’ produzzjoni tal-bijomassa. Fir-rigward tal-punt 1, fl-2011 id-DĠ AGRI nieda proġett imsejjaħ GLOBCAST (GLOBal Crop Monitoring and ForeCASTing) permezz ta’ Arranġament Amministrattiv mal-JRC li għandu jintemm fl-2013. L-għan tal-proġett GLOBCAST huwa li jiġi studjat it-tkabbir tal-MCYFS għal żoni oħra fid-dinja (ir-Russja u l-pajjiżi tas-CIS, l-Arġentina, il-Brażil, iċ-Ċina, l-Indja, l-Awstralja, il-Kanada u l-Istati Uniti tal-Amerika) u għal uċuħ oħra ta’ interess, bħall-fażola tas-sojja u l-kannamiela. Fl-ewwel sena l-JRC għandu jerġa’ jagħti ħarsa lejn id-dejta eżistenti u għandu jadatta s-softwer u l-għodod ta’ mmudellar biex jorganizza u jimplimenta s-sistema preoperazzjonali għall-ġejjieni fis-snin 2012 u 2013. Skont il-valutazzjoni tal-proġett GLOBCAST, l-attivitajiet li jirriżultaw, wara jkunu jistgħu jiġu inklużi fil-programm MARS għall-previżjonijiet tar-rendimenti. Il-proġett GLOBCAST għandu l-għan li jipprovdi kontribuzzjoni kbira tal-UE għall-inizjattiva reċenti tal-G-20 dwar is-sigurtà alimentari u l-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel, b’mod partikolari għas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar is-Suq Agrikolu (AMIS), inkluża fil-"Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Volatilità tal-Prezzijiet tal-Ikel u l-Agrikoltura"[6] adottat mill-Ministri tal-Agrikoltura tal-G-20. Sistema ta’ Previżjoni ta’ Rendimenti tal-Uċuħ, MARS, li tkun estiża għandha tikkontribwixxi għall-AMIS permezz tal-Grupp għall-Osservazzjoni tad-Dinja (GEO), li għandu bħala objettiv ir-rinforz tal-kapaċità li jsiru u jinxterdu f’waqthom u b’mod preċiż previżjonijiet ta’ produzzjoni tal-uċuħ fuq skala nazzjonali, reġjonali u globali. Il-KE hija impenjata li tipparteċipa f’dawk l-inizjattivi b’dejta u informazzjoni dwar swieq, stokkijiet u produzzjonijiet. Prodotti mistennija tal-MCYFS eżistenti implimentata skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008 u riżultati tal-proġett GLOBCAST huma diġà u jistgħu jibqgħu kontribuzzjonijiet għas-sistema AMIS. Hemm rabtiet mill-qrib bejn l-attivitajiet tas-Sistema ta’ Previżjoni ta’ Rendimenti tal-Uċuħ, MARS u l-Programm ta’ Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES). Il-possibiltajiet ta’ tisħiħ ta’ sinerġiji bejn attivitajiet tal-GMES u tas-Sistema ta’ Previżjoni ta’ Rendimenti tal-Uċuħ, MARS qed jiġu diskussi, b’mod partikolari fir-rigward tal-akkwist u l-ipproċessar minn qabel ta’ dejta permezz tas-satellita li tista’ tibbenefika mid-dejta u l-informazzjoni tal-GMES. [1] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008 tal-21 ta’ Jannar 2008 dwar il-miżuri li l-Kummissjoni għandha twettaq għall-perjodu 2008-2013 bl-użu tal-applikazzjonijiet ta' telerilevament implimentati fil-qafas tal-politika agrikola komuni, Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea , L 25 tat-30 ta’ Jannar 2008, p. 1. [2] Id-Deċiżjoni 1445/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2000 dwar l-appplikazzjoni ta’ stħarriġ mill-ajru u metodi ta’ teknika ta’ remote-sensing għal statistiċi agrikoli għal 1999 sa 2003, Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej L 163 tal-4 ta’ Lulju 2000, p. 1. [3] Id-Deċiżjoni 2066/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Novembru 2003 dwar it-tkomplija tal-applikazzjoni fl-istatistiċi agrikoli mill-2004 sal-2007 ta' tekniċi ta' stħarriġ għal żoni u ta' remote sensing u li temenda d-Deċiżjoni 1445/2000/KE, Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 309 tas-26 ta’ Novembru 2003, p. 9. [4] It-taqsira SPOT hija għal "Satellite Pour l'Observation de la Terre" [Satellita għall-Osservazzjoni tad-Dinja], NOAA hija għal National Oceanic and Atmospheric Administration [Amministrazzjoni Nazzjonali għall-Oċeani u l-Atmosfera] u AVHRR għal Advanced very high Resolution Radiometer [Radjometru Avvanzat ta’ Riżoluzzjoni għolja ħafna]; MODIS hija għal Moderate Resolution Imaging Spectroradiometer [Spettroradjometru ta' Immaġnijiet ta' Riżoluzzjoni Moderata]. [5] Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire), Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 108 tal-25 ta’ April 2007, p. 1. [6] http://agriculture.gouv.fr/IMG/pdf/2011-06-23_-_Action_Plan_-_VFinale.pdf