This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0429
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS A European terrorist finance tracking system: available options
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Sistema Ewropea ta' traċċar ta' finanzjament tat-terroriżmu: l-alternattivi disponibbli
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Sistema Ewropea ta' traċċar ta' finanzjament tat-terroriżmu: l-alternattivi disponibbli
/* KUMM/2011/0429 finali */
/* KUMM/2011/0429 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Sistema Ewropea ta' traċċar ta' finanzjament tat-terroriżmu: l-alternattivi disponibbli
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Sistema Ewropea ta' traċċar ta' finanzjament tat-terroriżmu: l-alternattivi disponibbli INTRODUZZJONI Meta l-Kunsill qabel mal-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċesar u t-trasferiment ta' Dejta dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjmanent tat-Terroriżmu (Ftehim dwar TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti)[1], huwa stieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex, fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim (l-1 ta' Awwissu tal-2010), lill-Parlament u lill-Kunsill tressqilhom "qafas legali u tekniku għall-estrazzjoni ta' dejta fit-territorju tal-UE"[2]. Il-Parlament Ewropew ukoll talab b'mod konsistenti li għat-tul għandha tiġi prevista soluzzjoni Ewropea dejjiema u legalment soda dwar il-kwistjoni tal-estrazzjoni ta' dejta mitluba mit-territorju tal-UE[3]. Il-Komunikazzjoni "L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura" diġà ddikjarat ukoll li fl-2011 il-Kummissjoni ser tiżviluppa politika għall-UE dwar l-estrazzjoni u l-analiżi tad-dejta dwar messaġġi finanzjarji miżmuma fuq it-territorju tagħha stess[4]. Meta titqies l-effikaċja ppruvata tat-TFTP tal-Istati Uniti, is-sistema Ewropea mistennija tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-isforzi biex lit-terroristi jingħalqilhom l-aċċess għal finanzjament u għal materjali, u biex it-tranżazzjonijiet tagħhom ikunu jistgħu jiġu segwiti. Tista' ssir ukoll referenza għall-Artikolu 11 tal-Ftehim dwar TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti, li jiddikjara li matul il-perjodu ta' dan il-Ftehim, il-Kummissjoni Ewropea ser twettaq studju dwar l-introduzzjoni possibbli ta' sistema tal-UE ekwivalenti li tippermetti għal trasferiment aktar iffokat ta' dejta. Din il-Komunikazzjoni hija l-ewwel stadju tat-tweġiba tal-Kummissjoni għal dan l-Artikolu u għall-istedina tal-Kunsill. Hija tiddeskrivi l-passi differenti li l-Kummissjoni ħadet biex tistabbilixxi dan il-"qafas legali u tekniku", u tippreżenta l-alternattivi differenti li qegħdin jiġu kkunsidrati biex jinkiseb dan il-għan. F'dan l-istadju ma tindika l-ebda alternattiva ppreferita – madanakollu hija tippreżenta l-punti relevanti li għandhom jitqiesu fir-rigward tal-alternattivi kkunsidrati. Minħabba l-importanza politika ta' din il-kwistjoni u l-kumplessità legali u teknika tagħha, il-Kummissjoni tixtieq tgħarraf lill-Kunsill u lill-Parlament dwar il-qagħda attwali filwaqt li tagħti lok għall-ftuħ ta' dibattitu. Il-Kummissjoni tqis li, qabel ma tressaq proposti konkreti abbażi ta' Valutazzjoni tal-Impatt, ikun utli li jsir dibattitu ulterjuri. F'dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li din il-Komunikazzjoni ma tippreġudikax il-proposta li ser titressaq mill-Kummissjoni. Kwalunkwe proposta ġejjiena ser tikkunsidra d-diskussjonijiet imsemmija hawn fuq u kif ukoll il-Valutazzjoni tal-Impatt, li ser ikun ibbażat fuq studju li ġie kkuntrattat mill-Kummissjoni fit-tieni nofs tal-2010. Meta jitqies l-impatt tal-proposta leġiżlattiva fuq id-drittijiet fundamentali, u b'mod partikolari fuq il-protezzjoni tad-dejta, il-Valutazzjoni tal-Impatt ser tagħti attenzjoni partikolari għall-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' kwalunkwe miżura li tista' tiġi proposta mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan il-Kummissjoni ser issegwi l-gwida fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-istrateġija għall-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet fundamentali.[5] Barra minn hekk, il-Valutazzjoni tal-Impatt ser tipprovdi l-isfond tekniku neċessarju, u kif ukoll valutazzjoni ddettaljata tal-alternattivi kollha li huma disponibbli. Dawn il-kwistjonijiet diġà ġew diskussi ma' ħafna partijiet interessati f'dan il-qasam, fosthom anke awtoritajiet tal-Istati Membri, awtoritajiet responsabbli mill-protezzjoni tad-dejta, il-Europol u l-fornitur maħtur. Ir-riżultati aħħarija tal-istudju msemmi hawn fuq ser ikunu disponibbli biss sa tmiem din is-sena. Bħala appoġġ għat-tħejjija ta' Valutazzjoni tal-Impatt, il-Kummissjoni Ewropea organizzat tliet laqgħat ta' esperti mal-istess partijiet interessati, u kif ukoll l-awtoritajiet mill-Istati Uniti li huma involuti fit-tħaddim tat-TFTP. L-alternattivi diskusssi f'din il-Komunikazzjoni jibnu fuq ir-riżultati preliminari tal-istudju u fuq id-diskussjonijiet f'dawn il-laqgħat ta' esperti. L-GħANIJIET TAL-ħOLQIEN TA' SISTEMA TAL-UE TA' TRAċċAR TA' FINANZJAMENT TAT-TERRORIżMU Hemm żewġ raġunijiet ewlenin li jiġġustifikaw il-ħolqien ta' sistema tal-UE ta' traċċar ta' finanzjament tat-terroriżmu (TFTS): - is-sistema għandha tipprovdi kontribut effettiv fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu fl-Unjoni Ewropea; - is-sistema għandha tikkontribwixxi sabiex l-ammont ta' dejta personali ttrasferita lejn pajjiżi terzi jiġi limitat. Is-sistema għandha tipprovdi għall-ipproċessar tad-dejta meħtieġa li tingħadda mit-territorju tal-UE, skont il-prinċipji u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta. Fl-Istati Uniti, il-Programm dwar it-Traċċar ta' Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP) wera li huwa ta' valur miżjud sinifikanti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, u kien ta' benefiċċju mhux biss għall-awtoritajiet tal-Istati Uniti, iżda wkoll għall-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u għal pajjiżi terzi. L-analiżi reċenti tal-Ftehim dwar TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti[6] kkonfermat li minn meta ġie stabbilit it-TFTP fl-Istati Uniti, ġew kondiviżi aktar minn 2500 rapport mal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi, li fil-parti l-kbira tagħhom (1700) ġew kondiviżi mal-Unjoni Ewropea. Kemm il-programm tal-Istati Uniti kien effettiv, u kemm kien siewi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu ġie kkonfermat wkoll fiż-żewġ rapporti ppreżentati mill-Imħallef Bruguière, li fl-2008 nħatar mill-Kummissjoni Ewropea biex janalizza l-programm. It-TFTP kiseb informazzjoni li ngħatat mill-awtoritajiet tal-UE li kienet tinkludi ħjiel sinfikanti dwar għadd ta' attakki terroristiċi (attentati) bi profil għoli, bħall-attakki ta' Madrid u Londra, il-konfoffa tal-2006 biex jitwaqqgħu xi titjiriet transatlantiċi permezz ta' splussiv likwidu, u l-attentati ta' attakki fuq interessi tal-Istati Uniti fil-Ġermanja fl-2007. It-Tim ta' Analiżi tal-UE kkonkluda wkoll li kienu ngħatawlu "indikazzjoni konvinċenti dwar il-valur miżjud tat-TFTP fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu". Meta jitqiesu dawn l-esperjenzi, hemm raġunijiet sodi li jindikaw li TFTS tal-UE wkoll tkun tipprovdi valur miżjud sinifikanti għall-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu. Filwaqt li ma ntefa' ebda dell ta' dubju fuq l-effikaċja tat-TFTP tal-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, tqajjem tħassib serju dwar il-konsegwenzi tiegħu fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini. Dan it-tħassib idur l-aktar mal-fatt li l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti jinkludi l-għoti ta' ammonti kbar ta' dejta personali ("bulk data") lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti – il-maġġoranza l-kbira ta' din id-dejta hija dwar ċittadini li ma għandhomx xejn x'jaqsmu mat-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu. Id-dejta tingħata f'ammonti kbar (abbażi tal-kategoriji ta' dejta relevanti) u mhux fuq bażi individwali (fi tweġiba għal talba dwar individwu wieħed jew aktar), minħabba l-fatt li l-fornitur ta' din id-dejta ma għandux il-kapaċità teknika li jipprovdi d-dejta fuq bażi individwali. Barra minn hekk, sabiex il-fornitur jipprovdi dejta fuq bażi individwali, ikun hemm il-ħtieġa li tiġi stabbilita funzjoni apposta għat-tiftix u l-analiżi, li mhijiex meħtieġa mill-proċessi kummerċjali tagħha u għaldaqstant ikollha implikazzjonijiet sinfikanti b'rabta ma' riżorsi. Mhux hekk biss, id-dejta li tintalab fuq bażi individwali tkun tfisser li l-fornitur ikun effettivament konxju dwar liema individwi jkunu qegħdin jiġu investigati fil-kuntest ta' investigazzjonijiet dwar terroriżmu u r-relazzjonijiet finanzjarji tagħhom. Dan jista' jkollu impatt fuq l-impatt tal-effikaċja ta' investigazzjonijiet bħal dawn. Bħala bilanċ għall-għoti ta' dejta f'ammonti kbar, iddaħħlu fis-seħħ salvagwardji sinifikanti biex jiġi żgurat li ma jsir l-ebda użu ħażin mid-dejta, fosthom li d-dejta li tingħata tkun tista' titfittex u tintuża biss għall-għanijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu. Analiżi reċenti tal-Ftehim dwar TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti kkonfermaw li dawn is-salvagwardji huma tassew implimentati skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim. Madanakollu, saru argumenti li l-għoti ta' ammonti daqshekk kbar ta' dejta personali lil Stat terz jikkostitwixxi ksur mhux f'loku tad-drittijiet fundamentali ta' dawn iċ-ċittadini, meta jitqiesu l-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' dan il-ksur. Għal din ir-raġuni l-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti dwar il-ħolqien ta' "sistema ta' estrazzjoni ta' dejta li ssir fit-territorju tal-UE" – l-għan ġenerali huwa li jiġi żgurat li l-ipproċessar ta' tali dejta jsir skont il-leġiżlazzjoni u l-prinċipji tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta, u skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. F'dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat li l-ġbir u l-ipproċessar ta' dejta finanzjarja minn awtoritajiet pubbliċi jaffettwa d-dritt għall-protezzjoni ta' dejta personali, li jinsab imnaqqax fl-Artikolu 16 TFUE u fl-Artikolu 8 tal-Karta. Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kwalunkwe restrizzjoni ta' dawn id-drittijiet fundamentali għandha tiġi prevista fil-liġi, bir-reqqa u l-kwalità meħtieġa sabiex ikun hemm il-prevedibbiltà u r-rispett tal-essenza ta' dawn id-drittijiet. Din għandha tiġi limitata għal dak li huwa neċessarju filwaqt li tkun proporzjonali biex tissodisfa l-għan leġittimu rikonoxxut mill-Unjoni. Għaldaqstant, dawn il-prinċipji għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss meta tittieħed id-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tiġi stabbilita TFTS tal-UE jew le, iżda wkoll fir-rigward tal-alternattivi differenti li huma disponibbli għall-implimentazzjoni tas-sistema. Għalhekk, dawn il-prinċipji jaffettwaw bl-istess mod l-għażliet li jistgħu jsiru fir-rigward ta' kwistjonijiet bħal dawn bħal mhuwa l-ambitu tas-sistema, il-perjodi applikabbli dwar it-tul ta' żmien li din id-dejta tista' tinżamm, id-drittijiet tal-individwi fir-rigward tal-aċċess u t-tħassir eċċ. Dawn il-kwistjonijiet mhumiex indirizzati fid-dettall f'din il-Komunikazzjoni. Dawn ser jiġu analizzati bis-sħiħ fil-Valutazzjoni tal-Impatt. Naturlament, il-ħolqien possibbli ta' sistema għall-estrazzjoni tad-dejta fit-territorju tal-UE jkollu konsegwenzi fuq il-Ftehim eżistenti dwar TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti, kif inhuwa rikonoxxut fl-Artikolu 11 (3) tal-Ftehim li jiddikjara li l-ħolqien ta' sistema tal-UE ibiddel b'mod sostanzjali l-kuntest ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw sabiex jiddeċiedu dwar jekk ikunx hemm il-ħtieġa ta' aġġustamenti fuq il-Ftehim jekk l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li toħloq sistema bħal din. Għaldaqstant l-alternattivi kollha jkollhom impatt fuq l-implimentazzjoni ġejjiena u l-aġġustament konsegwenti tal-Ftehim dwar TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti. IL-FUNZJONIJIET EWLENIN TA' SISTEMA TAL-UE TA' TRAċċAR TA' FINANZJAMENT TAT-TERRORIżMU Waħda mill-ewwel kwistjonijiet li joħorġu mid-diskussjonijiet mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq hija li, fil-parti l-kbira tagħhom, dawn il-partijiet interessati huma tal-fehma li jekk tiġi stabbilta sistema tal-UE ta' traċċar ta' finanzjament tat-terroriżmu (TFTS tal-UE), din għandha tiġi stabbilita fl-interess tas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE. Din is-sistema ma tiġix stabbilita biss biex tipprovdi informazzjoni relevanti lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti – l-awtoritajiet tal-Istati Membri ukoll għandhom interess reali fir-riżultati ta' sistema bħal din. Dan l-approċċ jimplika wkoll li filwaqt li t-TFTP tal-Istati Uniti ċertament tkun ta' ispirazzjoni dwar kif għandha tiġi stabbilita sistema bħal din, sistema Ewropea ekwivalenti mhux neċessarjament tikkopja l-elementi kollha tat-TFTP tal-Istati Uniti. Barra minn hekk, is-sistema tal-UE għandha tiġi stabbilita b'kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċità tal-qafas legali u amministrattiv tal-UE, fosthom ir-rispett tad-drittijiet fundamentali applikabbli kif inhu indikat aktar 'il fuq. Madanakollu, kull sistema li jkollha l-għan li tittraċċa l-finanzjament tat-terroriżmu skont l-għanijiet ewlenin enfasizzati aktar 'il fuq ikollha tipprevedi l-implimentazzjoni tal-funzjonijiet ewlenin li ġejjin: - it-tħejjija u l-ħruġ (legalment validu) ta' talbiet lill-fornitur(i) maħtur ta' servizzi ta' messaġġi finanzjarji biex id-dejta mhux ipproċessata tingħata lil riċevitur jew riċevituri awtorizzati. Dan jinvolvi t-teħid ta' deċiżjoni dwar liema kategoriji ta' messaġġi għandhom jintalbu, dwar kull meta għandhom jintbagħtu messaġġi bħal dawn, u dwar il-kuntatti mal-fornituri dwar dawn il-kwistjonijiet; - il-monitoraġġ u l-awtorizzazzjoni lill-fornitur(i) maħtur(a) għal tali dejta mhux ipproċessata. Dan jinvolvi l-verifikazzjoni dwar jekk it-talibet għal din id-dejta mhux ipproċessata jkunux tħejjew skont il-limitazzjoni applikabbli; - il-wasla u l-ħżin (l-ipproċessar) ta' dejta mhux ipproċessata mill-fornitur(i) maħtur(a), fosthom l-implimentazzjoni ta' sistema adegwata ta' sigurtà fiżika u elettronika tad-dejta; - it-tiftix attwali fuq id-dejta mogħtija jsir f'konformità mal-qafas legali applikabbli; abbażi ta' talbiet għal tali tiftix mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-Istati Uniti jew Stati terzi abbażi ta' kundizzjonijiet u salvagwardji definiti b'mod ċar, jew fuq inizjattiva proprja tal-awtorità (jew awtoritajiet) fdati bl-ipproċessar tad-dejta; - il-monitoraġġ u l-awtorizzazzjoni biex isir tiftix fid-dejta li tingħata; - l-analiżi tar-riżultati tat-tiftix, permezz tat-tlaqqigħ ta’ dawn ir-riżultati ma' informazzjoni jew intelligence oħra li tkun disponibbli; - id-distribuzzjoni tar-riżultati tat-tiftix (mingħajr analiżi ulterjuri) jew ir-riżultati tal-analiżi lil riċevituri awtorizzati; - l-implimentazzjoni ta' sistema xierqa ta' protezzjoni tad-dejta, fosthom il-perjodi ta' żamma applikabbli, l-obbligi ta' lloggjar, il-ġestjoni ta' talbiet għal aċċess, korrezzjoni u tħassir, eċċ. Dawn il-funzjonijiet ewlenin ikollhom jiġu stipulati fi strumenti legal xierqa fil-livell tal-UE, fil-livell nazzjonali, jew fiż-żewġ livelli, skont l-alternattiva li tintgħażel. IL-PRINċIPJI EWLENIN FIL-KUNSIDERAZZJONI TAL-ALTERNATTIVI DISPONIBBLI Minbarra l-kunsiderazzjonijiet fir-rigward tal-funzjonijiet ewlenin imsemmija hawn fuq, l-għażla bejn l-alternattivi disponibbli ser tiddependi, fil-parti l-kbira tagħha, fuq ir-riżultati li jiksbu f'għadd ta' kwistjonijiet ewlenin, li bħalissa qegħdin jiġu kkunsidrati fil-Valutazzjoni tal-Impatt u qegħdin jiġu diskussi aktar ' il quddiem. L-effikaċja L-effikaċja mistennija mill-alternattivi differenti li jissodisfaw l-għan ewlieni tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu hija fattur ewlieni. L-alternattivi li jżidu l-possibbiltajiet għal skambju u analiżi ta' dejta fil-livell internazzjonali għandhom ikunu ppreferuti minn din il-perspettiva, għaliex tali skambju u analiżi ta' dejta jżidu l-effikaċja u jipprovdu aktar valur miżjud. B'mod partikolari, l-għażla tal-organizzazzjoni(jiet) li għandhom jiġu fdati bl-analiżi tad-dejta, u kif ukoll mill-forniment tar-riżultati tal-analiżi lill-awtoritajiet xierqa, ser ikollha impatt sinifikanti fuq l-effikaċja globali tas-sistema, u kif ukoll fuq l-ammont ta' dejta li jiġi ttrasferit. Madanakollu, skont il-prattika attwali, l-Istati Membri għandu jibqa' jkollhom kontroll sħiħ dwar jekk l-informazzjoni jew l- intelligence tagħhom tiġix kondiviża ma' awtoritajiet oħrajn. Il-protezzjoni tad-dejta L-iskambju u l-analiżi internazzjonali ta' informazzjoni u intelligence jistgħu jsiru biss fi ħdan qafas ta' protezzjoni tad-dejta b'saħħtu u żviluppat sew. L-effikaċja ta' qafas bħal dan mhuwiex dipendenti biss fuq id-dispożizzjonijiet legali li huma applikabbli, li jippermettu lis-suġġetti tad-dejta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħall-pereżempju r-rimedju ġudizzjarju, iżda wkoll fuq id-disponibbiltà ta' persunal b'esperjenza, bħal pereżempju uffiċjal indipendenti dwar il-protezzjoni tad-dejta u awtorità ta' kontroll tal-protezzjoni tad-dejta b'esperjenza. Uħud mill-organizzazzjonijiet li jistgħu jiġu involuti fil-ħolqien possibbli ta' TFTS tal-UE diġà għandhom strutturi fis-seħħ, filwaqt li oħrajn ikollhom jistabbilixxuhom. Għaldaqstant, l-implikazzjoni fuq il-protezzjoni tad-dejta ta' kull waħda mill-alternattivi differenti għandha tiġi vvalutata bir-reqqa skont il-prinċipji ġenerali dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali msemmija fil-Parti 2 ta' din il-Komunikazzjoni. Is-sigurtà tad-dejta Id-dispożizzjonijiet b'saħħithom dwar il-protezzjoni tad-dejta għandhom jitlaqqgħu ma' infrastruttura u teknoloġija avvanzati dwar is-sigurtà tad-dejta. Il-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà tad-dejta jippuntaw lejn id-direzzjoni li jiġi limitat l-għadd ta' postijiet fejn isir l-ipproċessar ta' din id-dejta, u kif ukoll li tiġi limitata kwalunkwe sura ta' aċċess minn barra għal din id-dejta. L-aktar soluzzjoni sikura tkun dik li d-dejta tinħażen f'post wieħed mingħajr ebda aċċess minn barra. Il-parti l-kbira tal-organizzazzjoni li jistgħu jiġu involuti fit-tħaddim tat-TFTS diġà għandhom fis-seħħ teknoloġiji sikuri dwar l-ipproċessar ta' dejta, iżda mhux kollha kemm huma għandhom il-kapaċità li jamministraw dejta kklassifikata lil hinn mil-livell ta' "Ristrett għall-UE". Iż-żamma tad-dejta Id-dejta għandha tinżamm jew fil-livell nazzjonali jew f'dak tal-UE. Fil-livell tal-UE, id-dejta li tasal mingħand fonitur(i) maħtur(a) tista' tinżamm għand il-Europol jew għand korp ieħor tal-UE, bħall-Aġenzija għall-ġestjoni operazzjonali ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fiż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (Aġenzija tal-IT)[7], li qiegħda tiġi stabbilita bħalissa. Billi ż-żamma tad-dejta ma tistax tinfired minn mal-kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-dejta u s-sigurtà tad-dejta, l-għażla tal-organizzazzjoni responsabbli miż-żamma tad-dejta għandha tkun marbuta mill-qrib mas-sistema ta' protezzjoni tad-dejta u sigurtà tad-dejta li tista' tingħata minn dawn l-organizzazzjonijiet. L-użu ta' strutturi u strumenti eżistenti Safejn ikun possibbli, l-alternattivi kollha għandhom jagħmlu użu mill-istrutturi eżistenti. Dan jillimita l-ispejjeż, u jagħmilha possibbli li jsir użu mill-esperjenza li tinkiseb, u kif ukoll minn infrstruttura eżistenti. Dan l-użu ta' strumenti eżistenti jitlob li l-kompiti ġodda li jiġu fdati lil organizzazzjoni eżistenti jkunu konformi mal-mandat eżistenti ta' dik l-organizzazzjoni. Pereżempju, il-Europol, il-Eurojust jew l-awtoritajiet ġudizzarji nazzjonali, jistgħu jiġu kkunsidrati biex ikollhom rwol fil-verifika u l-awtorizzazzjoni tat-talbiet biex jagħtu dejta indirizzata lill-fornitur(i) maħtur(a). Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli L-alternattivi mfissra hawn taħt joffru gradi differenti ta' kooperazzjoni u ta' skambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet nazzjonali, u bejn l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej. Stati Membri differenti stabbilixxew modi differenti dwar kif l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom jikkoperaw fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u kwalunkwe azzjoni fil-livell Ewropew għandha tirrispetta l-limitazzjoni stabbiliti mill-Artikolu 72 TFUE dwar il-prerogattivi tal-Istati Membri fir-rigward taż-żamma tal-liġi u l-ordni u s-salvagwardja tas-sigurtà interna. Għaldaqstant, kwalunkwe TFTS tal-UE għandha tippermetti livell sinifikanti ta' kontroll, mill-Istati Membri, fuq l-informazzjoni u l- intelligence li jkunu lesti li jikkondividu fil-kuntest ta' sistema bħal din. L-organizzazzjonijiet differenti msemmija hawn taħt żviluppaw approċċi differenti għal din il-kwistjoni. Xi approċċi minnhom jistgħu jiġu applikati direttament għas-sistema li għandha tiġi stabbilita. L-ewwel ħarsa ġenerali tal-impatt finanzjarju possibbli tal-alternattivi differenti Il-kostijiet globali tal-ħolqien ta' TFTS tal-UE, u d-distribuzzjoni tagħhom bejn il-livell tal-UE u dak nazzjonali fil-parti l-kbira tiegħu ser jiddependi fuq l-għażla tal-alternattiva ta' politika. Fi kwalunkwe każ, il-kostijiet ser jinvolvu: - kostijiet relatati mat-trasferiment u ż-żamma sikuri tad-dejta li tasal mingħand il-fornitur(i) maħtur(a); - kostijiet relatati mal-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-softwer meħtieġ biex isir it-tiftix u biex jiġu pprovduti r-riżultati tat-tiftix; - kostijiet relatati mad-distribuzzjoni tar-riżultati tat-tiftix jew l-analiżi lil riċevituri awtorizzati; - kostijiet ta' persunal għall-persunal li jagħmel it-tiftix u l-analiżi u li jiddistribwixxi r-riżultati; - kostijiet ta' persunal għall-persunal responsabbli minn funzjonijiet ta' monitoraġġ u awditjar; - kostijiet ta' persunal għall-persunal responsabbli mill-protezzjoni tad-dejta u mid-drittijiet taċ-ċittadini. Għalkemm f'dan l-istadju għad ma hemmx stimi ddettaljati tal-kostijiet, il-kalkoli inizjali jindikaw li l-kostijiet tal-approċċ purament tal-UE u l-alternattivi ibridi differenti diskussi hawn taħt ikunu jammontaw għal madwar bejn 33 u 47 miljun Euro f'kostijiet ta' twaqqif inizjali, b'bejn 7 u 11-il miljun Euro meħtieġa għal kostijiet annwali ta' tħaddim. Fil-Parti 6 ta' din il-Komunikazzjoni hemm deskrizzjoni ta' xi alternattivi differenti. L-Alternattiva 3 tkun l-aktar għażla li tiswa, b'kostijiet ta' twaqqif li jlaħħqu l-EUR 43 miljun għall-UE u EUR 3,7 miljuni għall-Istati Membri (flimkien), u EUR 4,2 miljuni f'kostijiet annwali relatati mat-tħaddim għall-UE u EUR 6,8 miljuni għall-Istati Membri (flimkien). L-Alternattiva 2 tkun l-orħos alternattiva, b'kostijiet ta' twaqqif ta' EUR 33 miljun għall-UE, u EUR 3,5 miljuni f'kostijiet annwali ta' tħaddim fil-livell tal-UE, u kif ukoll EUR 3,3 miljuni f'kostijiet annwali ta' tħaddim għall-Istati Membri (flimkien). L-Alternattiva 1 tkun tirrekjedi EUR 40,5 miljun f'kostijiet ta' twaqqif għall-UE, u EUR 4 miljuni f'kostijiet annwali ta' tħaddim fil-livell tal-UE, u kif ukoll EUR 5 miljuni f'kostijiet annwali ta' tħaddim għall-Istati Membri (flimkien). Naturlament, tali kostijiet jitnaqqsu jekk isir użu minn persunal ta' organizzazzjonijiet eżistenti, jew isir użu minn infrastruttura eżistenti, u kif ukoll minn softwer u ħardwer. Il-kostijiet tat-twaqqif u tat-tħaddim ta' sistema nazzjonali indipendenti jogħlew b'mod sinifikanti (EUR 390 miljun f'kostijiet ta' twaqqif, EUR 37 miljun f'kostijiet ta' ġestjoni annwali), għaliex l-Istati Membri jkun jeħtiġilhom jistabbilixxu sistemi ta' pproċessar ta' dejta ta' sikurezza għolja u jimpjegaw persunal biex iħaddmu s-sistema. Dawn l-ammonti huma preliminari u ser ikollhom jiġu analizzati aktar filwaqt li jingħataw f'aktar dettal fid-dawl tar-riżultat tal-Valutazzjoni tal-Impatt. IL-KWISTJONIJIET LI JRIDU JITQIESU Irrispettivament mill-għażla bejn l-alternattivi differenti għat-twaqqif u t-tħaddim ta' TFTS tal-UE, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati għadd ta' kwistjonijiet relevanti fir-rigward tal-ambitu ta' TFTS tal-UE li possibbilment tinħoloq. Dawn huma diskussi hawn taħt. It-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, jew aktar minn hekk? L-aċċess għal dejta dwar messaġġi finanzjarji mhijiex biss utli fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu. Ftit li xejn hemm dubju li dan l-aċċess ikun ukoll strument siewi fil-ġlieda kontra forom oħra ta' kriminalità serja, partikolarment il-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus. Madanakollu, fil-kuntest tal-Ftehim dwar TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti, il-kunsiderazzjonijiet dwar il-proporzjonalità wasslu għal limitazzjoni preċiża dwar l-użu tad-dejta għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu. Id-diskussjonijiet preliminari li saru sa issa jindikaw li hemm kunsens mifrux li tali kunsiderazzjonijiet dwar il-proporzjonalità jippuntaw ukoll fid-direzzjoni li l-istess ambitu jintuża wkoll għal sistema ekwivalenti Ewropea, f'konformità mal-kunsiderazzjoni ġenerali dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali diskussi fil-Parti 2 ta' din il-Komunikazzjoni. Aktar minn fornitur wieħed? Bħalissa l-Ftehim dwar TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti huwa limitat li jitlob dejta mingħand fornitur wieħed ta' servizzi ta' messaġġi finanzjarji internazzjonali. Għalkemm huwa ċar li dan il-fornitur huwa l-aktar fornitur dinji importanti ta' servizzi ta' messaġġi bħal dawn, hemm fornituri oħrajn li joperaw f'dan is-suq. Il-kunsiderazzjoni tal-effiċjenza u li jinħoloq ambjent ekwu għall-atturi kollha fis-suq turi li għandha tinħoloq sistema li tkun applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi ta' messaġġi finanzjarji internazzjonali. Fi kwalunkwe każ, il-piż amministrattiv għall-kumpaniji li jipprovdu servizzi ta' messaġġi finanzjarji għandu jitqies fl-għażla tal-alternattivi disponibbli. Servizzi ta' messaġġi internazzjonali biss, jew dawk nazzjonali wkoll? Il-Ftehim dwar TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti bħalissa huwa limitat għal talbiet għal dejta minn fornituri ta' servizzi ta' messaġġi finanzjarji internazzjonali, jiġifieri servizzi ta' messaġġi għal tranżazzjonijiet tranżnazzjonali, inkluż bejn l-Istati Membri tal-UE iżda bl-esklużjoni tad-dejta dwar messaġġi finanzjarji relatata maż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA). TFTS tal-UE ser ikollha tikkunsidra wkoll l-alternattiva jekk jiġux inklużi wkoll is-servizzi ta' messaġġi finanzjarji skambjati bejn l-Istati Membri jew jekk din tkunx limitata għal skambju internazzjonali ta' servizzi ta' messaġġi finanzjarji. Bħalissa s-servizzi ta' messaġġi finanzjarji nazzjonali biss (li jintużaw biss fil-kuntest ta' tranżazzjonijiet finanzjarji nazzjonali) huma esklużi mill-ambitu tal-Ftehim dwar TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti. L-aċċess għal tali servizzi ta' messaġġi finanzjarji internazzjonali jkun ta' interess fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u ta' forom oħra ta' kriminalità. Madanakollu, anke jekk ma tiġix ikkunsidrata l-kwistjoni dwar jekk l-aċċess għal tranżazzjonijiet purament nazzjonali għandux jiġi rregolat fil-livell Ewropew, diskussjonijiet preliminari kkonfermaw li dan l-aċċess huwa kkunsidrat minn bosta partijiet bħala wieħed sproporzjonat, u għaldaqstant għandu jiġi eskluż mill-ambitu ta' sistema tal-UE. X'tip ta' dejta dwar messaġġi finanzjarji għandu jiġi kopert? Jeżistu ħafna tipi differenti ta' dejta dwar messaġġi finanzjarji li jitnużaw fis-sistema bankarja internazzjonali. Bħalissa l-Ftehim dwar TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti huwa limitat għal tip wieħed partikolari ta' dejta dwar messaġġi finanzjarji. L-aċċess għal tipi oħrajn ta' dejta dwar messaġġi finanzjarji jkun ta' interess fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, u possibbilment ta' forom oħra ta' kriminalità. Madanakollu, f'dan il-każ ukoll, il-kunsiderazzjonijiet tal-proporzjonalità u r-rispett tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini jippuntaw lejn il-limitazzjoni tal-ambitu tat-tipi ta' messaġġi li għandhom jiġu koperti mis-sistema. Aktar dettalji dwar din il-kwistjoni teknika ser jiġu inklużi fil-Valutazzjoni tal-Impatt. L-ALTERNATTIVI GħAL TFTS TAL-UE Bħalissa l-alternattivi deskritti hawn taħt qegħdin jiġu eżaminati mill-Kummissjoni bħala parti mill-Valutazzjoni tal-Impatt li tinsab għaddejja. Dawn mhux neċessarjament ikunu restrittivi u, fi kwalunkwe każ, ma jippreġudikawx il-Valutazzjoni tal-Impatt finali jew l-għażla li ssir mill-Kummissjoni abbażi ta' dan. Waħda mill-alternattivi li dejjem titqies fil-proċess tat-tħejjija ta' inizjattivi ġodda u fil-Valutazzjonijiet tal-Impatt tagħhom hija l-alternattiva li jinżamm l-istatus quo – li f'dan il-każ ikun ifisser li jinżamm fis-seħħ il-Ftehim dwar TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti, u ma ssir l-ebda proposta għal TFTS tal-UE. Din l-alternattiva ma tkunx twieġeb għas-sejħa tal-Kunsill u l-Parlament biex il-Kummissjoni tressaq proposta li tissottometti "qafas legali u tekniku għall-estrazzjoni ta' dejta fit-territorju tal-UE" msemmi fil-Parti 1 ta' din il-Komunikazzjoni. Barra minn hekk, din l-alternattiva ma tkunx tikkontribwixxi għar-restrizzjoni fuq l-ammont ta' dejta personali li jiġi ttrasferit lejn pajjiż terz u ma tkunx tipprovdi għall-ipproċessar ta' dejta fit-territorju tal-UE, skont il-prinċipji u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta. L-alternattivi l-oħrajn diskussi f'aktar dettall hawn taħt kollha jippreżentaw modi possibbli biex jinħoloq TFTS tal-UE. Teoretikament, il-funzjonijiet ewlenin kollha ta' TFTS tal-UE li ġew identifikati fil-Parti 3 ta' din il-Komunikazzjoni jkunu jistgħu jiġu implimentati kemm fil-livell tal-UE jew inkella fil-livell nazzjonali. Il-funzjonijiet jistgħu jiġu attribwiti wkoll lil organizzazzjoni waħda jew aktar, f'konformità mar-responsabbiltajiet eżistenti tagħhom, jew inkella jistgħu jinħolqu organizzazzjonijiet ġodda li jwettquhom. Tali organizzazzjonijiet jistgħu jkunu organizzazzjonijiet Ewropej jew nazzjonali. Dan jimplika li – ukoll teoritikament – huwa possibbli approċċ li jkun esklussivament Ewropew , fejn il-funzjonijiet ewlenin kollha jkunu attribwiti lil organizzazzjonijiet fil-livell tal-UE, bħal ma huwa possibbli wkoll approċċ esklussivament nazzjonali, fejn il-funzjonijiet kollha jitwettqu fil-livell nazzjonali. F'sens ġenerali, għandu jitqies ukoll li l-alternattivi għal sistema ċentralizzata, deċentralizzata jew ibrida f'dan il-każ partikolari mhumiex neċessarjament l-istess bħall-alternattivi fir-rigward ta' inizjattivi oħrajn li jinvolvu pproċessar ta' dejta fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata - kull inizjattiva f'dan il-qasam għandha tiġi ġġudikata skont il-merti tagħha. Kemm l-approċċ purament ċentralizzat, u kif ukoll dak purament nazzjonali, għandhom żvantaġġi sinifikanti. Pereżempju, approċċ eklussivament Ewropew ikun ibati minn nuqqas ta' konnessjoni mal-organizzazzjonijiet tal-infurzar tal-liġi u tal- intelligence u minn mal-prattiki tal-Istati Membri, u għaldaqstant ma tantx ikun wieħed effettiv. Mingħajr kontribut mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-ġestjoni ta' kwistjonijiet bħal dawn, ikun kważi impossibbli li tittieħed deċiżjoni akkurata dwar liema kategoriji ta' dejta jkollhom jintalbu mill-fornitur(i) maħtur(a). L-utilità ta' din is-sistema tonqos ukoll jekk it-talbiet għal informazzjoni mill-bażi tad-dejta jsiru biss abbażi tal- intelligence disponibbli fil-livell tal-UE - fil-livell attwali ta' integrazzjoni tal-UE, tali intelligence tkun, fil-parti l-kbira tagħha, disponibbli biss fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, huwa improbabbli li l-Istati Membri jaċċettaw approċċ fil-livell tal-UE biss, għaliex dan ma jkun tal-ebda valur miżjud għall-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu. Matul il-konsultazzjonijiet, l-Istati Membri indikaw ukoll li, minħabba raġunijiet legali u operazzjonali, ikun politikament diffiċli li tiġi aċċettata din l-alternattiva. Fl-estrem l-ieħor, hemm ir-riskju li approċċ purament nazzjonali jiġi implimentat b'mod differenti fi Stati Membri differenti, u aktar riskju ta' ksur tas-sigurtà tad-dejta, minħabba l-ħtieġa li ssir 27 kopja tad-dejta li tingħata. Approċċ purament nazzjonali jkun jimplika wkoll diffikultajiet fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' qafas armonizzat dwar il-protezzjoni tad-dejta, kif ukoll approċċ armonizzat (għall-kontroll) tar-restrizzjonijiet neċessarji l-oħrajn, bħar-restrizzjoni tat-terroriżmu u tal-finanzjament tiegħu. Barra minn hekk, b'approċċ purament nazzjonali ma jkunx ċar liema Stat Membru jkun responsabbli mill-ġestjoni ta' talbiet għal tiftix minn pajjiżi terzi, u l-benefiċċju miżjud ta' analiżi tar-riżultati tat-tiftix fil-livell Ewropew jintilef għalkollox. Barra minn hekk, kif inhu indikat aktar 'il fuq, il-kostijiet assoċjati ma' din l-alternattiva jkunu jiswew ferm aktar, għaliex l-Istati Membri jkollhom jistabbilixxu sistemi ta' pproċessar tad-dejta sikuri ħafna u jimpjegaw persunal biex iħaddem is-sistema. Għaldaqstant, il-ħidma ta' tħejjija mal-partijiet interessati ma damitx ma stabbilixxiet li s-soluzzjonijiet fit-truf estremi tal-alternattivi li huma possibbli ma kellhomx appoġġ – u ħareġ kunsens li soluzzjoni ibrida, li tinkludi d-distribuzzjoni tal-funzjonijiet differenti fuq organizzazzjonijiet differenti fl-UE u fuq il-livell nazzjonali, x'aktarx toffri l-aħjar riżultati possibbli fir-rigward taż-żewġ għanijiet ewlenin. Għalkemm dan il-kunsens jgħin biex tiġi identifikata l-aktar alternattiva xierqa, l-approċċ ibridu xorta waħda jippreżenta għadd kbir ta' għażliet li għandhom isiru. It-taqsimiet ta' hawn taħt jiddeskrivu t-tliet alternattivi ibridi li ħarġu mill-ħidma ta' tħejjija kurrenti bħala l-aktar alternattivi plawżibbli f'aktar dettall - l-alternattivi qegħdin jiġu ppreżentati wkoll f'forma tabulari fl-Anness. Is-servizz ta' koordinazzjoni u analiżi tat-TFTS tal-UE (alternattiva 1) Din l-alternattiva tkun tinvolvi l-ħolqien ta' unità ċentrali ta' TFTS tal-UE, fejn il-parti l-kbira tal-kompiti u l-funzjonijiet tagħha jkunu implimentati mil-livell tal-UE. Il-ħruġ ta’ talbiet għal dejta "mhux ipproċessata" lill-Fornitur(i) Maħtur(a), il-verifika ta' dawn it-talbiet, it-trattament tat-talbiet għal tiftix u t-tiftix innifsu, il-ġestjoni tar-riżultati tat-tiftix u l-għoti tar-rapporti lil dawk li jkunu talbu t-tiftix isir kollu fil-livell tal-UE. Madanakollu, it-tħejjija tat-talbiet lil Fornitur(i) Maħtur(a) tkun tista' ssir f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri, u l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu li jissekondaw l-analisti tagħhom stess mal-unità ċentrali biex jipparteċipaw fit-tiftix. Bil-kontra tal-alternattiva totalment ċentralizzata, l-Istati Membri jistgħu jitolbu li t-tiftix isir f'isimhom, bħal ma jsir fil-proċedura fis-seħħ bħalissa fit-TFTP mal-Istati Uniti, jew li inkella jsir mill-analisti tagħhom stess. L-Istati Membri jkollhom jiskambjaw informazzjoni mal-unità ċentrali ta' TFTS tal-UE, biex 'jissostanzjaw' it-talba u r-rabta mat-terroriżmu qabel ma tinbeda tiftixa, jew inkella jaraw li t-talbiet tagħhom jiġu "preawtorizzati" mill-awtoritajiet nazzjonali. Dawn l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, pereżempju, ikunu prosekuturi nazzjonali ingaġġati fil-ġlieda kontra t-terroriżmu jew imħallfin investigattivi – u jekk dawn jawtorizzaw tiftixa partikolari fuq id-dejta pprovduta, imbagħad l-unità ċentrali ta' TFTS tal-UE tkun tista' taċċetta li tagħmel din it-tiftixa mingħajr aktar verifiki. F'dan ix-xenarju, ma jkun meħtieġ li tingħata l-ebda intelligence oħra lill-unità ċentrali ta' TFTS tal-UE. L-unità ċentrali ta' TFTS tal-UE tibgħat ir-riżultati tat-tiftix u l-analiżi tagħhom, u tkun tista' tipprovdi wkoll informazzjoni spontanja. L-Istati Uniti u pajjiżi terzi oħrajn ikollhom iressqu talba biex isir it-tiftix, wara li jgħaddu minn proċess simili. Il-monitoraġġ tal-konformità mas-salvagwardji u l-kontrolli jkun ċentralizzat ukoll, u possibbilment ikun jinvolvi sorveljanza minn partijiet interessati esterni, pereżempju minn dawk li jirrapreżentaw il-Fornitur(i) Maħtur(a) u dawk maħtura bħala kontrolluri indipendenti. Il-protezzjoni tad-dejta, l-integrità u s-sigurtà jiġu żgurati wkoll fil-livell ċentrali. Il-korpi ewlenin involuti fis-sistema jkunu l-Europol u l-Eurojust. F'dak il-każ, il-kompiti li jkunu ser jiġu eżegwiti mill-Europol u l-Eurojust jkollhom ikunu konformi mal-missjonijiet tagħhom kif stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Barra minn hekk, ikollhom jiġu stabbiliti l-emendi meħtieġa għall-istrumenti legali li jirregolaw l-iffunzjonar tagħhom bħalissa. Jekk l-Europol tintgħażel bħala l-awtorità ċentrali tal-UE għat-TFTS, tkun hi li tieħu ħsieb ukoll it-talbiet min-naħa tas-suġġetti tad-dejta għall-aċċess, ir-rettifika u l-imblukkar, kollox f'konformità mal-qafas legali eżistenti u mad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta. L-unità ċentrali ta' TFTS tal-UE twettaq dmirijietha skont il-qafas legali eżistenti, u każijiet ta' rimedju u appelli jiġu indirizzati skont id-dispożizzjonijiet legali eżistenti wkoll. Fil-livell nazzjonali, l-awtoritjiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi jkunu involuti fil-verifika u l-awtorizzazzjoni ta' talbiet għal tiftix. Tista' tiġi prevista l-possibbiltà tal-ħolqien ta' korpi nazzjonali ġodda, iżda jkun aħjar li din l-għażla titħalla f'idejn l-Istati Membri abbażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà[8]. Is-servizz ta' estrazzjoni ta' TFTS tal-UE (alternattiva 2) Bl-istess mod bħal fl-ewwel alternattiva ta' politika, din tkun tinvolvi l-ħolqien ta' unità ċentrali ta' TFTS, li l-kompiti tagħha jkunu jinkludu l-ħruġ ta' talbiet għal dejta "mhux ipproċessata" lil Fornitur(i) Maħtur(a), il-verifika ta' dawn it-talbiet, it-tiftix, il-ġestjoni ta' talbiet għal tiftix. Madanakollu, skont din l-alternattiva, l-unità ta' TFTS tal-UE ma titħalliex tanalizza r-riżultati tat-tiftix u tqabbilhom ma' informazzjoni jew intelligence oħra li jkunu disponibbli meta t-tiftix isir fuq talba tal-awtoritajiet tal-Istati Membri – f'każi bħal dawn ir-rwol tagħha jkun limitat għat-tħejjija u d-distribuzzjoni tar-riżultati tat-tiftix b'mod preżentabbli. Bħal ma jiġri fl-alternattiva 1, it-talbiet għal dejta "mhux ipproċessata" li jkunu ser jinħarġu lil Fornitur(i) Maħtur(a) jitħejjew f'konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, li jgħarrfu lill-unità ċentrali ta' TFTS bil-ħtiġiet speċifiċi tagħhom, li min-naħa tagħha tanalizzahom u tifformula t-talba/talbiet fuq il-bażi ta' dik l-analiżi. L-awtoritajiet tal-Istati Membri jagħmlu talba biex isir tiftix f'isimhom. Kemm dawn it-talbiet ikunu ssostanzjati u x'konnessjoni jkollhom mat-terroriżmu jiġu vverifikati u vvalidati fil-livell nazzjonali. L-unità ċentrali ta' TFTS tal-UE tagħmel it-tiftix u tirritorna sett sħiħ ta' riżultati, organizzat b'mod preżentabbli, lill-Istati Membri. L-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu l-uniċi entitajiet li jagħmlu l-analiżi ta' dan it-tiftix, u jkunu jistgħu wkoll jagħmlu l-għażla ta’ għoti spontanju ta' informazzjoni. L-unità ċentrali ta' TFTS tal-UE tkun responsabbli mit-tiftix u mill-analiżi tar-riżultati f'isem l-istituzzjonijiet tal-UE, tal-Istati Uniti u ta' pajjiżi terzi. Hija tkun tista' wkoll tipprovdi informazzjoni b'mod spontanju abbażi ta' dan. Bl-istess mod bħal fl-alternattivi ta' qabel, il-monitoraġġ tal-konformità mas-salvagwardji u l-kontrolli jkun ċentralizzat, u possibbilment ikun jinvolvi sorveljanza minn partijiet interessati esterni, pereżempju minn dawk li jirrapreżentaw il-Fornitur(i) Maħtur(a) u dawk maħtura bħala kontrolluri indipendenti. Il-protezzjoni tad-dejta, l-integrità tad-dejta u s-sigurtà tad-dejta jiġu żgurati wkoll fil-livell ċentrali. Għal darba oħra, bl-istess mod bħal fl-alternattiva ta' qabel, il-korpi ewlenin involuti fis-sistema jkunu l-Europol u l-Eurojust. Fil-livell nazzjonali, il-korpi ewlenin involuti jkunu l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi jew l-awtoritajiet tal- intelligence . Bħal qabel, il-ħolqien ta' korpi nazzjonali ġodda jitħalla f'idejn l-Istati Membri abbażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. L-unitajiet tal-Europol u/jew l-unitajiet nazzjonali jkunu responsabbli mill-ġestjoni tat-talbiet għal aċċess miċ-ċittadini tal-UE, mir-rettifika u t-tħassir, u jinvolvu kemm l-Awtoritajiet nazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u kif ukoll il-Korp ta' Kontroll Komuni tal-Europol. Il-każi ta' rimedju u appelli jiġu indirizzati skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli fil-livell nazzjonali jew tal-UE[9]. Is-servizz ta' koordinazzjoni tal-Unità ta' Intelligence Finanzjarja (UIF) (alternattiva 3) Din l-alternattiva ta' politika tkun tinvolvi l-ħolqien ta' Pjattaforma mtejba tal-UIF, magħmula mill-UIF kollha tal-Istati Membri. L-awtorità ad-hoc fil-livell tal-UE toħroġ talbiet għal dejta "mhux ipproċessata" lil Fornitur(i) Maħtur(a), billi tikkumpila l-ħtiġiet speċikati mill-UIFs f'talba waħda, li tiġi vverifikata u awtorizzata wkoll fil-livell ċentrali. Full UIF tkun responsabbli mit-tiftix u mill-ġestjoni tar-riżultati tat-tiftix f'isem l-Istat Membru tagħha, u kif ukoll mit-twettiq ta' analiżi u milli tgħaddi r-rapporti lil dawk li hija tikkunsidra li għandhom jirċevuhom. Kemm dan it-tiftix ikun issostanzjat u x'konnessjoni jkollu mat-terroriżmu jiġu vverifikat u vvalidat fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE. L-UIF jkunu responsabbli wkoll mill-għoti spontanju ta' informazzjoni. Il-Pjattaforma mtejba tal-UIF tkun tista' tagħmel tiftix u tanalizza r-riżultati f'isem l-istituzzjoni tal-UE u pajjiżi terzi oħrajn li jkunu kkonkludew ftehim mal-UE. Din tkun tista' wkoll tipprovdi informazzjoni b'mod spontanju. Il-monitoraġġ tal-konformità mas-salvagwardji u l-kontrolli jkun ċentralizzat, u possibbilment ikun jinvolvi sorveljanza minn partijiet interessati esterni, pereżempju minn dawk li jirrapreżentaw il-Fornitur(i) Maħtur(a) u dawk maħtura bħala kontrolluri indipendenti. Il-protezzjoni tad-dejta, l-integrità u s-sigurtà jiġu żgurati wkoll fil-livell ċentrali. Il-Pjattaforma mtejba tal-UIF tingħata status legali formali bi rwoli u responsabbiltajiet definiti b'mod ċar. Fil-livell nazzjonali, il-korpi ewlenin involuti jkunu l-UIF u l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet tal- intelligence . Awtorità fil-livell tal-UE tkun tista' tieħu ħsieb il-ġestjoni ta' talbiet għal aċċess miċ-ċittadini tal-UE, mir-rettifika u t-tħassir, filwaqt li l-każi ta' rimedju u appelli jiġu indirizzati skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli fil-livell nazzjonali jew tal-UE. KONKLUżJONI Abbażi tal-ħidma ta' tħejjija li saret mill-Kummissjoni sa issa, u skont ir-riżultati tal-Valutazzjoni tal-Impatt, din il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-alternattivi differenti li huma possibbli għall-ħolqien għal "qafas legali u tekniku għall-estrazzjoni ta' dejta fit-territorju tal-UE" fil-kuntest ta' sistema ta' traċċar ta' finanzjament tat-terroriżmu. L-alternattivi differenti identifikati f'din il-Komunikazzjoni juru li għad iridu jsiru għażliet u jittieħdu deċiżjonijiet importanti, inkluż fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali, u għadd kbir ta' kwistjonijiet legali, tekniċi u organizzazzjonali u finanzjarji ser ikollhom jiġu indirizzati f'aktar dettall matul il-ħidma ta' tħejjija li għad trid issir. Meta jitqiesu dawn l-isfidi sinifikanti, il-Kummissjoni tqis li jeħtieġ li jingħata biżżejjed żmien biex issir aktar ħidma ta' tħejjija u għal dibattitu mal-Kunsill u l-Parlament. * * * Anness: Ħarsa ġenerali tabulari tal-alternattivi ibridi Servizz ta' koordinazzjoni u analiżi tat-TFTS tal-UE (alternattiva 1) | Servizz ta' estrazzjoni ta' TFTS tal-UE (alternattiva 2) | Servizz ta' koordinazzjoni tal-Unità ta' Intelligence Finanzjarja (UIF) (alternattiva 3) | Tħejjija u ħruġ ta' talbiet għal "dejta mhux ipproċessata" | Unità Ċentrali ta' TFTS tal-UE f'koordinazzjoni mal-SM | Unità Ċentrali ta' TFTS tal-UE f'koordinazzjoni mal-SM | Pjattaforma mtejba tal-UIF | Monitoraġġ u awtorizzazzjoni ta' talbiet għal "dejta mhux ipproċessata" | Il-Eurojust jew korp eżistenti ieħor | Il-Eurojust jew korp eżistenti ieħor | Il-Eurojust jew korp eżistenti ieħor | Wasla u żamma tad-"dejta mhux ipproċessata", sigurtà tad-dejta | Il-Europol jew korp ieħor tal-UE bħall-Aġenzija tal-IT | Il-Europol jew korp ieħor tal-UE bħall-Aġenzija tal-IT | Il-Europol jew korp ieħor tal-UE bħall-Aġenzija tal-IT | Tiftix f'"dejta mhux ipproċessata" | Unità Ċentrali ta' TFTS tal-UE, analisti ssekondati mill-SM jew taħlita tat-tnejn | Unità Ċentrali ta' TFTS tal-UE | UIF, Pjattaforma mtejba ta' UIF | Monitoraġġ u awtorizzazzjoni għat-tiftix | Kontrolluri indipendenti, possibbilment awtoritajiet nazzjonali | Kontrolluri indipendenti, awtoritajiet nazzjonali | Kontrolluri indipendenti | L-analiżi tar-riżultati tat-tiftix | Unità Ċentrali ta' TFTS tal-UE, analisti ssekondati mill-SM jew taħlita tat-tnejn | Awtoritajiet nazzjonali għal tiftix nazzjonali, tiftix tal-Unità Ċentrali ta' TFTS tal-UE u ta' pajjiżi terzi | Pjattaforma mtejba tal-UIF, UIF nazzjonali | Id-distribuzzjoni tar-riżultati tat-tiftix | Analisti tal-Europol jew analisti ssekondati mill-SM | Awtoritajiet nazzjonali għal tiftix nazzjonali, tiftix tal-Unità Ċentrali ta' TFTS tal-UE u ta' pajjiżi terzi | Pjattaforma mtejba tal-UIF, UIF nazzjonali | L-implimentazzjoni ta' sistema xierqa ta' protezzjoni tad-dejta | Il-Europol jew korp ieħor tal-UE bħall-Aġenzija tal-IT | Il-Europol jew korp ieħor tal-UE bħall-Aġenzija tal-IT | Il-Europol jew korp ieħor tal-UE bħall-Aġenzija tal-IT | [1] ĠU L 195, 27.7.2010, p.5 [2] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-13 ta’ Lulju 2010, ĠU L 195, 27.7.2010, p.3 [3] Ara pereżempju r-Riżoluzzjoni P7_TA(2010)0143, u l-Memorandum ta' Spjegazzjoni għar-Rakkomandazzjoni A7-0224/2010. [4] COM(2010) 673 finalI, 22.11.2010. Ara Azzjoni 2 taħt l-Għan 2, p. 8. [5] COM(2010) 573 finali, 19.10.2010. [6] SEC (2011) 438 finali, 30.3.2011 [7] COM (2010) 93 finali, 19.3.2010. [8] F'dan l-istadju, għadhom mhumiex magħrufa l-konsegwenzi għall-baġits tal-aġenziji tal-UE li jista' jkollhom rwol fl-implimentazzjoni tas-sistema. [9] Ara n-nota f’qiegh il-paġna nru 8.