Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0123

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-EWWEL RAPPORT DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA 2000/9/KE, dwar l-installazzjonijiet tal-funikular iddisinjati għat-trasport ta' persuni

    /* KUMM/2011/0123 finali */

    52011DC0123

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-EWWEL RAPPORT DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA 2000/9/KE, dwar l-installazzjonijiet tal-funikular iddisinjati għat-trasport ta' persuni /* KUMM/2011/0123 finali */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 16.3.2011

    KUMM(2011) 123 finali

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    L-EWWEL RAPPORT DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA 2000/9/KE, dwar l-installazzjonijiet tal-funikular iddisinjati għat-trasport ta' persuni

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    L-EWWEL RAPPORT DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA 2000/9/KE, dwar l-installazzjonijiet tal-funikular iddisinjati għat-trasport ta' persuni

    INTRODUZZJONI

    Id-Direttiva 2000/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Marzu 2000 dwar l-installazzjonijiet tal-funikular iddisinjati għat-trasport ta' persuni[1] (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva") għandha tistabbilixxi ċ-ċirkolazzjoni libera fis-suq intern tal-komponenti tas-sikurezza u tas-sottosistemi ta' installazzjonijiet tal-funikular filwaqt li jibqa' jinżamm livell għoli u uniformi ta' sikurezza .

    Id-Direttiva daħlet fis-seħħ fit-3 ta' Mejju 2000 u ilha tapplika fl-intier tagħha mit-3 ta' Mejju 2004 fil-pajjiżi membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), jiġifieri fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fl-Islanda, fil-Liechtenstein u fin-Norveġja.

    Dan ir-rapport jiddeskrivi l-avvenimenti ewlenin tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Huwa kien ippreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva.

    Dan ir-rapport iqis ir-riżultati tal-konsultazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u mal-partijiet kollha interessati fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Il-konsultazzjoni twettqet matul l-2010 permezz ta' kwestjonarju dwar l-aspetti differenti tal-implimentazzjoni tad-Direttiva.

    ID-DIRETTIVA 2000/9/KE: ELEMENTI ESSENZJALI U ASPETTI SPEċIFIċI

    Id-Direttiva hija bbażata fuq l-Artikoli 47, 55 u 95 tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija (issa, l-Artikoli 53, 62 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea).

    Id-Direttiva hija msejsa fuq il-prinċipji tal-Approċċ il-Ġdid, skont liema, l-armonizzazzjoni hija limitata għall-ħtiġijiet essenzjali tas-sikurezza, tas-saħħa tal-bniedem, tal-ħarsien tal-ambjent u tal-ħarsien tal-konsumaturi. Dawk il-prodotti li jilħqu r-rekwiżiti essenzjali previsti fid-Direttiva biss jistgħu jitqiegħdu fis-suq.

    Il-konformità mal-istandards armonizzati li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li ġew trasposti fl-istandards nazzjonali, trodd preżunzjoni ta' konformità mal-ħtiġijiet essenzjali previsti mid-Direttiva. B'danakollu, mhijiex obbligatorja l-applikazzjoni tal-istandards armonizzati, u l-manifatturi jistgħu jagħżlu wkoll li jużaw soluzzjonijiet tekniċi oħrajn, dejjem u f'kull każ sakemm tibqa' garantita l-konformità mar-rekwiżiti previsti mid-Direttiva.

    Filwaqt li d-Direttiva hija bbażata fuq dawn il-prinċipji ġenerali, tistipula wkoll xi aspetti speċifiki marbutin mal-karatteristiċi tal-installazzjonijiet tal-funikular. L-installazzjonijiet tal-funikular huma kollha, bl-eċċezzjoni biss tal-iżgħar fosthom, prodotti uniċi li jkunu adattati għall-kundizzjonijiet lokali, u huma infrastrutturi fissi u fl-istess ħin magni li jiċċaqilqu.

    Konsegwentement, id-Direttiva hija bbażata fuq id-distinzjoni bejn il-komponenti tas-sikurezza, fuq is-sottosistemi u fuq l-installazzjonijiet, u tipprevedi sistemi differenti, minn naħa waħda, għall-komponenti tas-sikurezza u s-sottosistemi, u minn naħa l-oħra, għall-installazzjonijiet. Il-komponenti tas-sikurezza u s-sottosistemi huma soġġetti għar-regoli dwar iċ-ċirkolazzjoni libera tal-oġġetti, u għall-valutazzjoni ta' konformità u dikjarazzjoni ta' konformità, filwaqt li, l-installazzjonijiet, għaliex huma fissi, jibqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u l-permessi li jinħarġulhom huma għall-bini u għat-tħaddim tagħhom, li jinħarġu mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti.

    Din id-distinzjoni bejn il-komponenti tas-sikurezza, is-sottosistemi u l-installazzjonijiet għaldaqstant tirrifletti d-differenza bejn l-installazzjonijiet tal-funikular u prodotti oħrajn tal-industrija mekkanika. Hija wkoll ir-raġuni għaliex il-leġiżlaturi jistgħu jagħżlu li jadottaw leġiżlazzjoni speċifika għas-settur tal-istallazzjonijiet tal-funikular, li tkun differenti mill- acquis tal-armonizzazzjoni Ewropea tal-prodotti tal-industrija mekkanika, u b'mod partikulari, mid-Direttiva 2006/42/KE dwar il-makkinarju[2].

    IS-SUQ TAL-INSTALLAZZJONIJIET TAL-FUNIKULAR

    L-installazzjonijiet tal-funikular huma mezz ta' trasport fil-parti l-kbira pubbliċi, u għaldaqstant is-sikurezza tagħhom hija ta' importanza kbira kemm għan-nies li jużawhom kif ukoll għall-impjegati li għandhom x'jaqsmu mat-tħaddim u ż-żamma tagħhom fi stat tajjeb għall-użu.

    Ta' min wieħed jenfasizza wkoll, li speċjalment f'żoni fejn hemm il-muntanji, l-installazzjonijiet tal-funikular normalment jintużaw għal għanijiet turistiċi, u l-użu tagħhom għandu rwol ekonomiku kruċjali.

    Is-suq tal-installazzjonijiet tal-funikular huwa kkaratterizzat minn speċjalizzazzjoni mmarkata fis-settur industrijali. Jiddependi minn xerrejja professjonali li jagħżlu kuntrattur li jibni l-installazzjoni tal-funikular wara sejħa għall-offerti pubblika jew privata.

    L-industrija Ewropea għandha tradizzjoni ta' pożizzjoni ewlenija fis-suq tal-installazzjonijiet tal-funikular, mhux biss fl-Unjoni Ewropea, iżda anki barra minnha. B'mod partikolari l-għaqdiet ta' dawn l-aħħar snin ipproduċew żewġ gruppi industrijali kbar Ewropej li għandhom impatt kbir fuq is-suq Ewropew u dak dinji. Sadattant, l-impriżi żgħar u medji li jaħdmu f'dan is-settur ma tantx huma numerużi.

    Billi ġġib flimkien il-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità tal-komponenti tas-sikurezza u tas-sottosistemi, u billi tippromwovi l-istabbiliment ta' standards armonizzati f'livell Ewropew, id-Direttiva ppermettiet l-istabbiliment tal-ekonomiji tal-kobor permezz tal-istandardizzazzjoni tal-prodotti.

    Iżda fuq kollox, l-adozzjoni tad-Direttiva rnexxielha ttejjeb il-pożizzjoni u l-viżibbiltà tas-settur industrijali kkonċernat, filwaqt li ntwera li hi strument pożittiv anki barra l-Unjoni Ewropea.

    L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA 2000/9/KE

    B'mod ġenerali, ma kienx hemm problemi partikolari għat-traspożizzjoni tad-Direttiva għal-livell nazzjonali u ma kellu jitwettaq ebda proċediment dwar ksur kontra l-Istati Membri.

    Bl-għajnuna ta' espert, u wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati f'dan is-settur, il-Kummissjoni ppreparat Gwida għall-Applikazzjoni tad-Direttiva. Il-Gwida, li ġiet ippubblikata fl-2006, inħalqet bl-għan li tkun ta' għajnuna fl-interpretazzjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva[3] għall-atturi kollha kkonċernati.

    Definizzjonijiet u kamp ta' applikazzjoni (l-Artikolu 1)

    L-installazzjonijiet fl-ambitu tad-Direttiva huma l-funikular, l-istrutturi għat-trasport ta' materjali bil-funikular (cableways), il-kabini tal-funikular, is-siġġijiet tal-funikular u l-iskilifts. Id-Direttiva hija applikabbli għall-installazzjonijiet mibnijin u mdaħħlin fl-użu mit-3 ta' Mejju 2004, u għas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza mqiegħda fis-suq minn din id-data wkoll.

    Fir-rigward ta' tibdiliet fuq installazzjonijiet diġà eżistenti, jiġifieri l-installazzjonijiet mibnijin u fl-użu qabel it-3 ta' Mejju 2004, id-Direttiva tipprevedi li dawk it-tibdiliet biss li jeħtieġu awtorizzazzjoni ġdida biex jintużaw iridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet essenzjali, sakemm ma jkunux saru wkoll tibdiliet oħrajn magħhom li jidħlu fl-ambitu tad-Direttiva. F'dan ir-rigward, ta' min wieħed jinnota li l-applikazzjoni tad-Direttiva fejn jikkonċerna tibdiliet fl-installazzjonijiet eżistenti mhijiex dejjem faċli, għaliex skont ir-regolamenti differenti tal-Istati Membri xi drabi jkun diffiċli li jiġu identifikati t-tibdiliet li jeħtieġu awtorizzazzjoni ġdida għall-użu.

    Il-paragrafu 6 tal-Artikolu 1 jeskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva, fost oħrajn, il-lifts fit-tifsira tad-Direttiva 95/16/KE[4], it-tramways mibnija tradizzjonalment, il-ferroviji bl-ingranaġġ u l-installazzjonijiet fil-parks tad-divertiment. Fl-ewwel snin ta' wara s-seħħ tad-Direttiva deher li kienet tinħtieġ definizzjoni aktar preċiża tal-ambitu ta' applikazzjoni tad-Direttiva mqabbla mad-Direttiva 95/16/KE fir-rigward tal-lifts, u b'mod partikolari, fejn din tikkonċerna l-lifts inklinati. Fl-istess ħin, mhijiex dejjem ovvja d-distinzjoni bejn l-installazzjonijiet fil-parks tad-divertiment li jkunu maħsubin għad-divertiment u l-installazzjonijiet tal-funikular li jintużaw għat-trasport tal-persuni, u li għaldaqstant huma soġġetti għad-Direttiva.

    Rekwiżiti essenzjali u standards armonizzati (l-Artikoli 2 u 3 u l-Anness II)

    L-applikazzjoni u s-sodisfazzjon tar-rekwiżiti essenzjali previsti fid-Direttiva assiguraw livell ta' sikurezza għolja ħafna tal-installazzjonijiet tal-funikular fl-Istati Membri kollha. Għalhekk wieħed jista' jinnota li l-adozzjoni tad-Direttiva b'mod speċjali kkontribwiet biex tgħolli l-livell tas-sikurezza tal-installazzjonijiet tal-funikular fl-Istati Membri li qatt qabel ma kellhom tradizjoni f'dan il-qasam.

    Barra minn hekk, l-adozzjoni tad-Direttiva tat spinta għat-twettiq ta' proċess ta' standardizzazzjoni fuq livell Ewropew. Fis-sena 2000 il-Kummissjoni tat il-mandat tal-Istandardizzazzjoni M300, fil-qasam tal-installazzjonijiet tal-funikular li jittrasportaw lill-persuni, lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) [5] u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) [6]. Il-programm ta' standardizzazzjoni twettaq mill-Kumitat Tekniku tas-CEN responsabbli mill-installazzjonijiet tal-funikular bejn is-sena 2000 u l-2005. Fil-preżent hemm 23 standard armonizzat fil-qasam tal-installazzjonijiet tal-funikular. Ir-referenzi tagħhom huma ppubblikati regolarment f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea[7] u l-lista hija disponibbli fuq is-sit tad-DĠ għall-Intrapriża u l-Industrija[8].

    F'dawn l-ewwel snin tal-applikazzjoni tad-Direttiva, kien hemm oġġezzjoni formali waħda biss min-naħa ta' Stat Membru kontra standard armonizzat, li saret skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 2(7) tad-Direttiva. Minħabba l-opinjonijiet li esprimew il-Kumitat Konsultattiv Permanenti għad-Direttiva u l-Kumitat Permanenti għad-Direttiva 98/34/KE[9], l-oġġezzjoni formali ma ntlaħqitx għaliex l-ebda element ma wera li l-istandard armonizzat ikkonċernat ma setax jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stipulati fid-Direttiva, u għaldaqstant ir-referenza għall-istandard armonizzat inżammet fil-lista tal-istandards ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea[10].

    Fl-ambitu tal-mandat tal-istandardizzazzjoni mogħti mill-Kummissjoni, il-Kumitat Tekniku tas-CEN responsabbli mill-installazzjonijiet tal-funikular dan l-aħħar nieda l-ewwel proċess ta' reviżjoni tal-istandards armonizzati eżistenti bil-għan li jagħmel it-tibdiliet u jaġġornahom skont il-ħtieġa.

    Analiżi tas-sikurezza u rapport dwar is-sikurezza (l-Artikolu 4 u l-Anness III)

    Id-Direttiva tistipula li kull proġett ta' installazzjoni trid issirlu analizi tas-sikurezza li tqis l-aspetti kollha marbuta mas-sikurezza tas-sistema u tal-ambjent tiegħu fil-qafas tad-disinn, il-bini u l-funzjonament, u b'hekk tippermetti li jiġu identifikati l-perikli li jistgħu jinqalgħu waqt l-użu.

    L-analiżi tas-sikurezza twassal għal rapport ta' sikurezza li għandu jirrikkmanda l-miżuri maħsuba biex jieħdu ħsieb kull periklu, u għandu jinkludi lista tal-komponenti tas-sikurezza u tas-sottosistemi.

    L-analiżi tas-sikurezza hija kunċett innovattiv introdott fid-Direttiva li wriet ruħa bħala element fundamentali tal-implimentazzjoni tagħha. B'danakollu jrid jiġi enfasizzat li d-Direttiva tipprevedi biss li l-analiżi tas-sikurezza titwettaq fuq talba tal-operatur tal-installazzjoni jew ta' rappreżentant tiegħu. Għalhekk mhemmx definit min għandhu jwettaq l-analiżi, iżda biss min ikun talab li ssir. Bl-istess mod, dwar il-metodu li għandu jintuża għall-preparazzjoni tal-analiżi tas-sikurezza d-Direttiva tiddefinixxi biss li jrid jintuża metodu magħruf li jqis l-aħħar żviluppi tekniċi ġodda f'dan il-qasam, tal-kumplessità tal-installazzjoni u tal-użi li hi maħsuba għalihom. F'dan ir-rigward ta' min jinnota li l-għażla tal-kliem pjuttost ġenerali kultant ikkawżat id-diffikultajiet fl-interpretazzjoni fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

    Il-komponenti tas-sikurezza, is-Sottosistemi u l-Installazzjonijiet (l-Artikolu 1 u l-Anness I)

    Kif issemma iżjed 'il fuq, id-Direttiva hi bbażata fuq id-distinzjoni bejn il-komponenti tas-sikurezza, is-sottosistemi u l-installazzjonijiet.

    F'dak li jirrigwarda l-komponenti tas-sikurezza, d-Direttiva tiddefinixxihom bħala kull komponent bażiku, kull ġrupp ta' komponenti, sottokompożizzjoni jew kompożizzjoni sħiħa ta' tagħmir, u kull apparat li jagħmel parti mill-installazzjoni li l-għan tiegħu huwa s-sikurezza u li jiġi identifikat fl-analiżi tas-sikurezza.

    L-installazzjonijiet huma s-sistema sħiħa mibnija fil-post, u jinkludu l-infrastruttura u s-sottosistemi kollha. L-infrastruttura hija ddisinjata individwalment għall kull installazzjoni u tqis, fost oħrajn, it-tqassim tal-linja, il-binjiet tul il-linja, l-istazzjonijiet u l-pedamenti. F'dak li jikkonċerna s-sottosistemi, id-Direttiva ma tipprevedix definizzjoni eżatta, iżda tagħti lista: fost l-elementi elenkati, wieħed jista' jsemmi, fost oħrajn, il-kejbils u l-konnessjonijiet tagħhom, il-magni u l-brejkijiet, il-vetturi, l-apparat mekkaniku, elettrotekniku u tas-salvataġġ.

    Id-Direttiva tipprevedi li l-komponenti tas-sikurezza u s-sottosistemi għandu jkollhom ċirkolazzjoni libera fis-Suq Intern, u għal dan l-għan huma soġġetti għal proċedura ta' valutazzjoni u ta' dikjarazzjoni ta' konformità; iżda l-installazzjonijiet jibqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri, u għalhekk kull Stat Membru jiddefinixxi l-proċeduri ta' awtorizzazzjoni għall-bini u t-tħaddim tal-installazzjonijiet mibnija fit-territorju tiegħu.

    Iċ-ċarezza u l-koerenza fid-definizzjoni tal-komponenti tas-sikurezza, tas-sottosistemi u tal-installazzjonijiet għalhekk huma kruċjali għall-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva. B'danakollu, fl-applikazzjoni tad-Direttiva, id-distinzjonijiet, partikolarment bejn il-komponenti tas-sikurezza u s-sottosistemi, u bejn is-sottosistemi u l-infrastruttura mhumiex dejjem ċari.

    Valutazzjoni u dikjarazzjoni ta' konformità tal-komponenti tas-sikurezza (l-Artikolu 7 u l-Annessi IV u V)

    Qabel ma jitqiegħdu fis-suq, il-komponenti tas-sikurezza jridu jitressqu għal proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità mill-manifattur jew minn rappreżentant tiegħu stabbilit fl-Unjoni Ewropea.

    Il-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità stipulata mid-Direttiva dwar il-komponenti tas-sikurezza tirreferi għal moduli differenti li huma ttrattati fid-Deċiżjoni 93/465/KEE[11]. Din tittratta l-Modulu B ( Test tat-"Tip tal-KE" ) ikkombinat mal-Modulu D ( Assikurazzjoni tal-kwalità tal-produzzjoni ) jew mal-Modulu F ( Verifikazzjoni tal-prodotti ); il-Modulu H ( Assikurazzjoni sħiħa tal-kwalità ); u l-Modulu G ( Verifikazzjoni ta' kull unità ). Il-moduli differenti jistgħu jintagħżlu mill-manifattur jew mir-rappreżentant tiegħu u dejjem għandhom jitwettqu minn partijiet terzi: il-korpijiet notifikati. La titlesta l-proċedura tal-valutazzjoni għall-konformità, il-manifattur jew ir-rappreżentant tiegħu jpoġġilhom il-marka tal-konformità KE u jimla d-dikjarazzjoni ta' konformità tal-KE.

    L-implimentazzjoni tad-Direttiva wriet li l-għażla tal-moduli li tapplika għalihom il-valutazzjoni tal-konformità tal-komponenti tas-sikurezza hija relevanti ħafna. Intwera li hu xieraq ħafna li d-Direttiva tipprevedi li l-valutazzjoni tal-konformità trid bilfors titwettaq minn korp notifikat, u ma kien hemm ebda problema speċifika li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-moduli differenti.

    Valutazzjoni u dikjarazzjoni ta' konformità tas-sottosistemi (l-Artikolu 10 u l-Annessi VI u VII)

    Qabel ma jitqiegħdu fis-suq, is-sottosistemi wkoll iridu jitressqu għal proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità mill-manifattur jew minn rappreżentant tiegħu stabbilit fl-Unjoni Ewropea.

    Iżda l-proċedura ta' valutazzjoni għall-konformità stipulata mid-Direttiva dwar is-sottosistemi ma tirreferix għal moduli speċifiċi kif tagħmel dik stipulata dwar il-komponenti tas-sikurezza.

    Tabilħaqq, dwar is-sottosistemi, id-Direttiva tipprevedi proċedura ta' ttestjar tal-KE li titwettaq mill-korp notifikat magħżul mill-manifattur jew mir-rappreżentant tiegħu, fuq talba tal-manifattur jew tar-rappreżentant tiegħu. Malli titlesta l-proċedura, il-manifattur jew ir-rappreżentant tiegħu jimla d-dikjarazzjoni tal-konformità KE: ma hemmx għalfejn titwaħħal il-marka tal-KE.

    F'dan ir-rigward, irid jiġi enfasizzat li n-nuqqas ta' moduli fil-proċedura tat-test tal-KE tas-sottosistemi xi drabi tat lok għal interpretazzjonijiet u prattiċi li varjaw wieħed mill-ieħor.

    Miżuri ta' salvagwardja (l-Artikoli 14 u 15).

    Id-Direttiva tirregola l-proċedura ta' salvagwardja li għandha tkun segwita f'każ fejn Stat Membru jinduna li komponent tas-sikurezza, sottosistema, jew installazzjoni jkunu ta' periklu għas-saħħa u s-sikurezza tal-persuni u, fejn hu relevanti, tal-proprjetà. Din il-proċedura, li dwar l-utilità tagħha mhemmx dubju, qatt ma ġiet applikata f'dawn l-ewwel snin tal-implimentazzjoni tad-Direttiva.

    Korpi notifikati (l-Artikolu 16 u l-Anness VIII)

    Bosta Stati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-korpi inkarigati li jwettqu, skont id-Direttiva, il-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità tal-komponenti tas-sikurezza u tas-sottosistemi[12].

    Huwa ċarament kruċjali li l-awtoritajiet tal-Istati Membri differenti japplikaw b'mod strett u koerenti l-kriterji previsti mid-Direttiva għall-valutazzjoni tal-korpi li se jkunu notifikati.

    F'dak li jikkonċerna l-koordinazzjoni tal-korpi notifikati kif stipulat fid-Direttiva, il-Grupp Settorjali tal-Korpi Notifikati għall-Installazzjonijiet tal-Funikular ġie stabbilit u beda l-attivitajiet tiegħu fl-2004. It-twaqqif tal-Grupp laħaq il-mira doppja li joħloq il-kooperazzjoni fost il-korpi notifikati tas-settur u li jiffavorixxi armonizzazzjoni tal-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità li jitwettqu skont id-Direttiva.

    Il-Grupp Settorjali tal-korpi notifikati għall-installazzjonijiet tal-funikular sa issa adotta ħames rakkomandazzjonijiet (Rakkomandazzjonijiet għall-użu – RfUs) [13].

    Il-kooperazzjoni stabbilita mill-2004 'l hawn fost il-korpi notifikati ta' dan is-settur kienet ħaġa pożittiva: iżda tista' tkun iżjed effikaċi. L-armonizzazzjoni tal-proċeduri ta' valutazzjoni għall-konformità għadha mhijiex lesta, u l-RfUs adottati mhumiex numru kbir u jikkonċernaw primarjament kwistjonijiet formali u amministrattivi u mhux bilfors dawk tekniċi.

    Il-Kumitat (l-Artikolu 17)

    Id-Direttiva tipprevedi li l-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat Konsultattiv Permanenti, li jikkonsisti f'rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u ppreseduti minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

    F'dawn l-ewwel snin tal-implimentazzjoni tad-Direttiva, il-Kumitat iltaqa' bħala prinċipju darba fis-sena, u qatt ma kellu jadotta permezz ta' votazzjoni formali ebda miżura implimentattiva tad-Direttiva. Għall-kuntrarju, il-Kumitat iżjed ħadem fuq kwistjonijiet ta' interpretazzjoni marbutin mal-applikazzjoni tad-Direttiva u mat-traspożizzjoni f'livell nazzjonali, u billi għamel hekk ta spinta lill-kooperazzjoni u lid-djalogu fost l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

    F'dan il-kuntest, il-preżenza fil-laqgħat bħala osservaturi, tal-partijiet interessati tas-settur (OITAF[14], IARM[15], FIANET[16],) u atturi oħrajn involuti fl-applikazzjoni tad-Direttiva (il-Kumitat Tekniku tas-CEN li huma kkonċernati mill-installazzjonijiet tal-funikular u l-Grupp Settorjali tal-korpi notifikati għall-installazzjonijiet tal-funikular), kienet utli ħafna.

    Is-sorveljanza tas-suq u l-Grupp ADCO

    Is-sorveljanza tas-suq hija prinċipju essenzjali tal-Approċċ il-Ġdid u qegħda fil-kompetenza tal-Istati Membri. Wara l-adozzjoni tad-Direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali ntalbu jagħmlu sorveljanza fuq is-suq fis-settur tal-installazzjonijiet tal-funikular biex jiżguraw li l-prodotti li jitqiegħdu fis-suq jissodisfaw ir-rekwiżiti ewlenin stipulati mid-Direttiva.

    Biex tkun rinforzata s-sorveljanza fuq is-suq jeħtieġ ukoll li tiġi stabbilita l-kooperazzjoni amministrattiva fost l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-sorveljanza tas-suq. B'dan l-għan fl-2008 twaqqaf il-Grupp ADCO (Kooperazzjoni Amministrattiva) dwar id-Direttiva.

    Sa mit-twaqqif tiegħu l-Grupp ADCO ltaqa' b'konkomitanza mal-laqgħat tal-Kumitat. Il-Grupp jirrappreżenta forum ta' diskussjoni fejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-sorveljanza tas-suq fil-qasam tal-installazzjonijiet tal-funikular jistgħu jpartu l-informazzjoni u l-prattika tajba. Fil-preżent, il-ħidma tal-Grupp b'mira li titwaqqaf kooperazzjoni effikaċi fost l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati, tidher promettenti.

    L-Innovazzjoni

    L-Artikolu 11(3) tad-Direttiva tipprevedi li, jekk ikun hemm komponenti tas-sikurezza jew sottosistemi innovattivi, Stat Membru jkun jista' jissoġġetta l-bini u t-tħaddim tal-installazzjonijiet għal kundizzjonijiet partikolari: l-Istat Membru kkonċernat jinforma l-Kummissjoni dwar il-komponenti jew is-sottosistemi innovattivi, u din tirreferi l-kwistjoni lill-Kumitat.

    F'dawn l-ewwel snin tal-implimentazzjoni tad-Direttiva, din il-proċedura għadha qatt ma ntużat. Għaldaqstant għadu mhuwiex ivverifikat jekk din id-dispożizzjoni tistax twassal għal valur miżjud imqabbel mal-proċeduri ta' valutazzjoni u ta' ċertifikazzjoni oħrajn previsti mid-Direttiva.

    KONKLUżJONIJIET U PROSPETTIVI GħALL-ĠEJJIENI

    Bl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva, l-għan li jkun stabbilit Suq intern għall-komponenti tas-sikurezza u għas-sottosistemi tal-installazzjonijiet tal-funikular, filwaqt li jkun żgurat livell ta' sikurezza għolja u uniformi fl-Istati Membri, intlaħaq.

    Fl-istess ħin, bl-applikazzjoni tad-Direttiva ħarġu fil-beraħ għadd ta' problemi speċifiċi. Il-Kummissjoni se tistudja dawn il-problemi u r-rimedji possibbli għalihom bl-għan li ssir reviżjoni tad-Direttiva, li tkun ukoll l-okkażjoni li d-Direttiva tinġab taqbel mad-Deċiżjoni 768/2008/KE[17], li kienet adottata fil-qafas tal-Qafas Ġdid Legali għal-leġiżlazzjoni tal-Approċċ il-Ġdid.

    [1] ĠU L 106, 3.5.2000, p. 21.

    [2] Id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (riformulat) (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24) – Id-Direttiva 2006/42/KE rrevokat id-Direttiva 98/37/KE preċedenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-makkinarju (ĠU L 207, 23.7.1998, p. 1)

    [3] Il-Gwida ġiet ippubblikata bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż, u hija disponibbli wkoll fil-verżjoni elettronika bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż u bit-Taljan fuq is-sit tal-internet tad-DĠ għall-Intrapriża u l-Industrija: http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/mechanical/documents/guidance/cableways/index_en.htm

    [4] Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/16/KE tad-29 ta’ Ġunju 1995 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-lifts (ĠU L 213, 7.9.1995, p. 1).

    [5] Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni

    [6] Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika

    [7] L-iżjed pubblikazzjoni riċenti tar-referenzi tal-istandards armonizzati fil-qasam tal-installazzjonijiet tal-funikular kienet fil-Ġurnal Uffiċjali C 51, 4.3.2009, p. 9

    [8] http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/mechanical/documents/standardization/cableways/index_en.htm

    [9] Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37). Id-Direttiva emendata bid-Direttiva 98/48/KE (ĠU L 217, 5.8.1998, p. 18).

    [10] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2008 dwar in-non revokazzjoni ta' numru ta' referenza tal-istandard EN 12929-2:2004 "Preskrizzjonijiet dwar is-sigurtà għall-installazzjonijiet tal-funikular għat-trasportazzjoni tal-persuni - Dispożizzjonijiet Ġenerali – It-Taqsima 2: Preskrizzjonijiet komplementari għall-istrutturi tal-funikular b'żewġ kejbils li jmorru min-naħa għall-oħra u lura mingħajr brejkijiet tal-vaguni" ippubblikati f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva 2000/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill – (C(2008) 7289 finali)

    [11] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE tat-22 ta' Lulju 1993 dwar il-moduli għall-fażijiet diversi tal-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità u r-regoli għat-twaħħil u għall-użu tal-marka ta' konformità CE li huma maħsubin sabiex jintużaw fid-direttivi ta' armonizzazzjoni teknika (ĠU L 220, 30.8.1993, p. 23) – Id-Deċiżjoni 93/465/KEE ġiet irrevokata mid-Deċiżjoni 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 (ara n-nota nru 17)

    [12] Il-lista aġġornata tal-korpi notifikati hija disponibbli fuq is-sit tal-internet tad-DG għall-Intrapriża u l-Industrija: http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/mechanical/documents/legislation/cableways/notified-bodies/index_en.htm

    [13] It-test tar-Rakkomandazzjonijiet għall-Użu qiegħed ippubblikat fis-sit tal-internet tad-DG għall-Intrapriża u l-Industrija: http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/mechanical/documents/legislation/cableways/notified-bodies/index_en.htm

    [14] Organizzazione Internazionale Trasporti a Fune (l-Organizzazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bil-Funikular), li tiġbor flimkien il-partijiet interessati kollha tas-settur tal-installazzjonijiet tal-funikular (manifatturi, operaturi u awtoritajiet nazzjonali)

    [15] International Association of Ropeway Manufacturers (l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Manifatturi tal-Installazzjonijiet tal-Funikular)

    [16] Fédération Internationale des Associations Nationales d'Exploitants de Téléphériques, funiculaires et autres installations de transport par câbles pour voyageurs (Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-istrutturi tal-funikulari u ta' installazzjonijiet oħrajn għat-trasport tal-vjaġġaturi bil-kejbil)

    [17] Id-Deċiżjoni 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).

    Top