Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0005

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Eżami ta' nofs it-terminu tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita

    /* KUMM/2011/0005 finali */

    52011DC0005




    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 18.1.2011

    KUMM(2011) 5 finali

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Eżami ta' nofs it-terminu tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Eżami ta' nofs it-terminu tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita

    Introduzzjoni

    Dan ir-rapport huwa r-rapport annwali u l-eżami ta' nofs it-terminu previsti fl-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008 (aktar 'il quddiem "ir-Regolament"). Huwa jagħti ħarsa lill-istat ta' żvilupp tal-programmi u tippreżenta l-isfidi li jmiss.

    Iċ-ċifri msemmija f'dan ir-rapport relatati mal-perjodu ta' wara l-2013 huma pprovduti biss għall-informazzjoni. Huma bla ħsara għad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kontenut jew tal-istruttura finali tal-programmi. Dwar dan il-punt, fl-2011 il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva fil-kuntest tat-tħejjija tal-qafas finanzjarju multiannwali futur.

    Iċ-ċifri ppreżentati jissoponu wkoll li s-sistemi se jkunu mibnija sabiex is-servizzi kollha jingħataw b'mod konformi mar-Regolament (KE) Nru 683/2008. Soluzzjonijiet alternattivi se jkunu analizzati fil-qafas tal-istudju tal-impatti qabel il-proposta leġiżlattiva relatata mal-programmi.

    Il-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita tnedew aktar minn 10 snin ilu bl-ambizzjoni politika li tiġi żviluppata u uzata sistema li tkopri d-dinja kollha li tippermetti lill-Unjoni Ewropea (aktar 'il quddiem l-"UE") tibbenefika mill-vantaġġi strateġiċi u ekonomiċi, tikseb l-awtonomija tagħha fir-rigward tas-sistema Russa u dik Amerikana, u tipprovdi servizzi ta' radjunavigazzjoni bis-satellita li huma perfettament adattati għall-użi ċivili.

    Waqt ir-riforma deċiżiva tal-programmi li saret fl-2007, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iddeċidew li jwaqqfu n-negozjati dwar is-sħubija pubblika-privata, tennew il-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema Ewropea ta' radjunavigazzjoni bis-satellita permezz ta' finanzjament u ġestjoni tar-riskji taħt ir-responsabbiltà totali tas-settur pubbliku, enfasizzaw l-importanza tagħha fuq il-livell strateġiku u insistew fuq il-valur miżjud tagħha fuq il-livell ekonomiku. L-iżgurar tal-indipendenza u l-awtonomija tal-UE f'settur daqshekk deċiżiv huwa rekwiżit ambizzjuż.

    Tali impenn pubbliku favur is-servizzi ta' radjunavigazzjoni bis-satellita ta' prestazzjonijiet għolja jwassal għal stenniji kbar min-naħa tal-utenti u ta' dawk li jipprovdu servizzi fuq livell dinji. Il-ġenerazzjonijiet il-ġodda ta' dawn is-servizzi joffru perspettivi konsiderevoli għall-oqsma kollha tal-attivitajiet, flimkien ma' ħolqien ta' bosta impjiegi marbuta mal-espansjoni tas-swieq li kibru b'ritmu annwali ta' 30 % matul dawn l-aħħar snin. Huwa meqjus li, minn issa, minn 6 sa 7 % tal-PGD tal-pajjiżi tal-punent, jiġifieri EUR 800 biljun fl-Unjoni Ewropea, jiddependu fuq ir-radjunavigazzjoni bis-satellita. Il-promozzjoni ta' din it-teknoloġija, li hija mezz qawwi biex tintemm il-kriżi, tintegra ruħha tajjeb fil-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020 u tal-politiki tal-iżvilupp sostenibbli. Il-Kummissjoni għalhekk qed tintalab, fil-qafas tal-inizjattiva ewlenija "politika industrijali fl-era tal-globalizzazzjoni" tal-Ewropa 2020, biex "tiżviluppa politika effettiva tal-ispazju li tipprovdi l-istrumenti li jindirizzaw għadd mill-isfidi globali ewlenin u partikolarment it-tlestija ta' Galileo".

    Ir-riforma tal-governanza tal-2007 li hija innovazzjoni magħrufa fl-istorja tal-bini tal-Ewropa, minn naħa tat lill-UE l-propjetà tal-infrastrutturi li rriżultaw mill-programmi Galileo u EGNOS, li huma parti integrali tan-netwerks trans-Ewropej, u min-naħa l-oħra tat lill-Kummissjoni, li tirrappreżenta lill-UE, il-ġestjoni ta' dawn il-programmi. Meta jitqiesu l-importanza u l-impatt tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, kemm f'termini ta' sigurtà kif ukoll fil-livelli internazzjonali, finanzjarju jew industrijali, l-għażla tal-Kummissjoni, istituzzjoni pubblika responsabbli fil-livell politiku, kienet dik evidenti.

    Minħabba l-missjoni tagħha, il-Kummissjoni tqis li għandha biżżejjed elementi biex tinforma b'mod utli lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress tal-proġetti permezz ta' dan ir-rapport.

    1. L-evoluzzjoni tal-programmi mill-2007

    Meta, fl-2008, il-Kummissjoni ħadet f'idejha l-ġestjoni tal-programmi Galileo u EGNOS, dawn kellhom dewmien u spejjeż żejda sinifikattivi, u kellhom ukoll diffikultajiet serji ta' governanza. F'dawn l-aħħar tliet snin saru żviluppi sinifikattivi minkejja d-diffikultajiet inerenti fil-ġestjoni ta' tali proġetti, bis-saħħa tal-azzjoni tal-partijiet interessati diversi, inklużi l-imsieħba industrijali, u għas-sostenn tal-Istati Membri, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    Il-kumitat interistituzzjonali Galileo akkumpanja l-proċess u ppermetta kollaborazzjoni stretta bejn il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill, li tilħaq l-isfidi li jiffaċċjaw il-programmi. Dan il-kumitat, kif ukoll il-kumitati parlamentari diversi, ġew infurmati b'mod regolari bl-istat ta' żvilupp tal-proġetti. Meta jitqiesu l-implikazzjonijiet, u anke jekk il-Kummissjoni tibqa' responsabbli tal-ġestjoni, it-tliet istituzzjonijiet għandhom jaħdmu bħala msieħba u jaqsmu in fine r-responsabbiltà politika.

    1.1. Il-kisbiet ewlenin

    1.1.1. L-istabbiliment tal-qafas ġdid ta' governanza

    Ir-Regolament jistabbilixxi qafas ta' governanza u ta' finanzjament ċar, li jippermetti ġestjoni effikaċi tal-fażijiet attwali tal-programmi. Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-ġestjoni tagħhom, inklużi "l-aspetti kollha marbuta mas-sigurtà tas-sistemi". Iż-żewġ atturi ewlenin l-oħra huma l-Aġenzija Spazjali Ewropea (aktar 'il quddiem l-"ESA") u l-aġenzija tal-GNSS[1] Ewropea (aktar 'il quddiem l-"aġenżija tal-UE").

    Ir-rwol ta' amministratur tal-programmi industrijali l-kbar li jwasslu għall-istabbiliment ta' infrastrutturi spazjali, pubbliċi u strateġiċi, huwa ġdid għall-Kummissjoni. Sabiex twettaq dan il-kompitu ta' prijorità, kellha tikseb il-kompetenza meħtieġa u torganizza mill-ġdid xi wħud mis-servizzi tagħha. Kif kienet wegħdet, hija talbet ukoll l-għajnuna ta' tim ta' esperti indipendenti fil-qasam tal-ġestjoni tal-proġetti. Barra minn hekk, b'mod konformi mal-Artikolu 15 tar-Regolament, hija adottat qafas strateġiku[2] li jinkludi l-azzjonijiet ewlenin, il-baġit ta' previżjoni u l-kalendarju li jikkorrispondi li huma meħtieġa għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fir-Regolament.

    L-Istati Membri kienu involuti ħafna fil-ġestjoni tal-proġetti permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kumitat tal-programmi GNSS Ewropej u f'diversi gruppi ta' ħidma, bħall-grupp ta' esperti dwar is-sigurtà tas-sistemi Ewropej.

    Ir-rwol tal-ESA, li n-know-how tekniku tagħha huwa uniku fi ħdan l-UE, ġie speċifikat permezz ta' żewġ konvenzjonijiet ta' delegazzjoni konklużi bejn l-UE u din l-aġenzija, waħda biex jitlestew ix-xogħlijiet industrijali tal-fażi ta' skjerament ta' Galileo, u l-oħra biex tiġi indirizzata l-obsolexxenza tal-infrastruttura EGNOS u biex tittejjeb din is-sistema b'mod kostanti.

    Fl-aħħar nett, ir-Regolament (CE) Nru 912/2010 il-ġdid jipprovdi qafas għall-attivitajiet tal-Aġenzija tal-UE b'mod konformi mar-Regolament. Kompiti daqshekk importanti bħall-akkreditazzjoni tas-sigurtà tas-sistemi jew il-ġestjoni taċ-ċentru ta' sigurtà issa għandhom bażi soda.

    1.1.2. Il-ġestjoni dettaljata ta' kull programm

    1.1.2.1. Il-Programm EGNOS

    L-EGNOS, li jirrifletti n-know-how tal-UE fir-rigward tar-radjunavigazzjoni bis-satellita, huwa sistema separata li se jkollha teżisti għal żmien twil flimkien ma' Galileo. Diġà hija ta' benefiċċju għal bosta komunitajiet kbar ta' utenti, fl-agrikoltura, fl-avjazzjoni ċivili, fir-rigward tal-għajnuna għall-persuni, il-ġeolokalizzazzjoni fit-telefonija ċellulari, il-kartografija, eċċ.

    Fl-1 ta' April 2009 l-UE, irrappreżentata mill-Kummissjoni, kisbet il-proprjetà tal-assi tanġibbli u mhux tanġibbli marbuta mal-programm EGNOS u li s'issa kienu miżmuma mill-ESA. Dan l-akkwist kien indispensabbli li jsir qabel ma tibda tintuża s-sistema.

    Is-servizz miftuħ tal-EGNOS sar uffiċjalment operattiv fl-1 ta' Ottubru 2009. Minn dak iż-żmien, is-sistema qed taħdem b'mod konformi mal-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa. Din hija mħaddma minn fornitur ta' servizzi (aktar 'il quddiem "ESSP") b'kuntratt tal-Kummissjoni. L-għotja tas-servizz miftuħ u tas-servizz "Safety of Life" (aktar 'il quddiem "SoL") mingħajr waqfien huwa l-għan ewlieni ta' dan il-kuntratt.

    Diġà tlesta stadju importanti f'Lulju 2010 biċ-ċertifikazzjoni tal-ESSP b'applikazzjoni tar-regolamenti tal-Ajru Uniku Ewropew. Il-perjodu għall-finalizzazzjoni tas-sistema EGNOS għandu jispiċċa dalwaqt u d-dikjarazzjoni tas-servizz SoL għall-ħtiġijiet tal-avjazzjoni ċivili għandha ssir fil-bidu tas-sena 2011.

    Barra minn hekk, huwa previst li tiġi estiża b'mod gradwali ż-żona ta' kopertura tas-servizzi tal-EGNOS għall-pajjiżi kollha tal-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili. Qed jitkomplew ukoll studji għall-estensjoni ta' din iż-żona fl-Afrika, fil-pajjiżi Għarab u fil-pajjiżi li qegħdin fil-Lvant tal-Unjoni Ewropea.

    1.1.2.2. Il-programm Galileo

    Fir-rigward tal-fażi ta' żvilupp, iż-żewġ satelliti sperimentali, Giove A u Giove B, qed jaħdmu b'mod sodisfaċenti ħafna. Huma ppermettew li jiġu vvalidati t-teknoloġiji tas-satelliti li jmiss u li jiġi garantit l-użu tal-frekwenzi mogħtija lill-programm Galileo mill-awtoritajiet internazzjonali.

    Barra minn hekk, l-immuntar tal-ewwel erba' satelliti tal-kostellazzjoni futura, li se jiġu varati fl-2011-2012, kif ikkonfermat l-ESA, qiegħed jitlesta. Fl-istess ħin qed jitkompla l-ħolqien tal-element terrestri tal-infrastruttura, li jinvolvi l-għażla ta' siti u l-bini ta' għadd kbir ta' stazzjonijiet mifruxa f'bosta pajjiżi u reġjuni tad-dinja: il-Belġju, Franza, l-Italja, il-Ġermanja, Spanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit, il-Kaledonja Ġdida, Réunion, il-Gujana Franċiża, Tahiti, l-Isvezja, in-Norveġja, l-Istati Uniti, l-Antartika (Troll, Adélie Land), eċċ.

    Ix-xogħlijiet tal-fażi ta' skjerament tnedew fl-2008 u qed jitkomplew b'mod attiv. Dawn ix-xogħlijiet tqassmu prinċipalment f'sitt lottijiet li kull wieħed minnhom huwa soġġett għal kuntratt ta' appalt. Id-djalogi kompetittivi mal-impriżi offerenti huma element kruċjali tal-proċeduri mibdija.

    B'hekk fl-2010 setgħu jiġu allokati l-ewwel erba' kuntratti għal ammont totali ta' madwar EUR 1250 miljun, li jikkonċernaw rispettivament il-lottijiet "sostenn għall-inġinerija tas-sistema", "il-bini tas-satelliti" bl-ewwel ordni ta' 14-il satellita, "lanċaturi" għall-varar ta' 10 satelliti iżda b'għażliet għal varar addizzjonali, u "operazzjonijiet". Iż-żewġ lottijiet l-oħra, relatati mal-infrastruttura fl-art, se jiġu allokati fl-2011. Jeħtieġ ukoll, matul din l-istess sena, li jiġu allokati l-kuntratti tal-faċilitajiet u t-tagħmir addizzjonali. Meta l-kuntratti kien ikollhom natura kompetittiva, seta' jsir tfaddil b'paragun mal-istimi tal-bidu; u dan ma setax isir fis-sitwazzjonijiet ta' monopolju.

    Ix-xogħlijiet li bdew fil-qafas ta' dawn il-kuntratti ta' appalt diġà jimplikaw mijiet ta' impriżi li jinsabu fil-maġġoranza tal-Istati Membri, li għal dan l-iskop jimpjegaw eluf ta' persuni bi kwalifiki għolja. Barra minn hekk il-Kummissjoni għamlet mezz li tosserva l-perċentwal ta' 40 % msemmi fl-Artikolu 17.3.c) tar-Regolament, li għandu l-għan li jagħti lil parti kbira tan-nisġa industrijali tal-UE l-possibbiltà li tieħu sehem fil-programmi. Għaldaqstant, minħabba li ma ġewx allokati l-lottijiet kollha u li s-sottokuntratturi mhumiex magħrufa kollha, mhuwiex possibbli f'dan l-istadju li jingħataw iċ-ċifri preċiżi. Fi kwalunkwe każ, nisġa industrijali kbira u bosta komunitajiet xjentifiċi madwar l-UE issa huma attivament implikati fl-attivitajiet kollha marbuta mar-radjunavigazzjoni bis-satellita, inkluż f'dawk assoċjati mas-swieq downstream.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-servizz pubbliku regolat (aktar 'il quddiem il-"PRS"), il-Kummissjoni ressqet proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-arranġamenti ta' aċċess għal dan is-servizz, li jiffokaw fuq il-kwistjonijiet ta' sigurtà. Huwa essenzjali li ssir l-adozzjoni tagħha qabel ma jkun jista' jiġi pprovdut is-servizz. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Aġenzija tal-UE, se tistabbilixxi proġetti pilota li jippermettu li jiġu ttestjati u vvalidati fuq każijiet konkreti, magħżula wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, il-proċeduri u mekkaniżmi previsti mill-proposta ta' deċiżjoni.

    1.1.3. L-azzjonijiet orizzontali

    Fir-rigward tat-taqsima internazzjonali, il-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà tas-sistemi huma fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet kumplessi maċ-Ċina, l-Istati Uniti, ir-Russja, l-Indja u l-Ġappun, kif ukoll fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti. Fir-rigward taċ-Ċina, il-kwistjoni tas-sovrappożizzjoni tal-frekwenzi hija problema ewlenija għas-sigurtà tal-UE u tal-Istati Membri li, minkejja l-impenn tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, għadha ma ġietx riżolta u s-soluzzjoni mhijiex se tinsab mingħajr is-sostenn politiku ta' dawn tal-aħħar u tal-Parlament Ewropew.

    Għall-programmi Ewropej, is-sistemi dinjija u reġjonali żviluppati mill-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina, il-Ġappun u l-Indja huma sfida mhux biss f'termini ta' kompatibbiltà u interoperabbiltà tal-frekwenzi, iżda wkoll ta' kompetittività issa li huwa importanti li dawn il-programmi jwasslu malajr għall-provvista ta' servizzi ta' livell għoli ta' kwalità biex jidħlu b'mod effikaċi fis-swieq.

    Fil-qafas taż-Żona Ekonomika Ewropea, mill-2010 n-Norveġja qed tibbenefika minn trattament li jista' jitqabbel ma' dak ta' Stat Membru tal-UE. Għaddejjin in-negozjati mal-Isvizzera wkoll.

    Fir-rigward tal-iżvilupp tas-swieq downstream, f'Ġunju 2010 il-Kummissjoni adottat "Pjan ta' azzjoni dwar l-applikazzjonijiet tal-GNSS" bl-għan li jiffavorixxi l-użu tar-radjunavigazzjoni bis-satellita fl-oqsma ta' attivitajiet li jitqiesu li għandhom prijorità. Huwa importanti li dan jiġi implimentat sabiex ma tiġix stabbilita infrastruttura mingħajr utenti, li tista' tiffavorixxi ż-żamma ta' dipendenza tal-Unjoni fuq is-sistemi barranin u militari permezz tal-applikazzjonijiet.

    Is-sistemi dinjija ta' radjunavigazzjoni bis-satellita jippermettu li tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-pożizzjonament u s-sinkronizzazzjoni fid-dinja kollha. Dawn huma l-qalba ta' bosta attivitajiet ekonomiċi, sorsi ta' ħolqien ta' ġid. Huwa hekk b'mod partikolari fl-oqsma li ġejjin: il-mobbiltà tal-persuni; l-avjazzjoni ċivili, b'mod partikolari fl-ajruporti reġjonali u l-ħeliports; il-protezzjoni ċivili; is-servizzi ta' emerġenza, b'mod partikolari f'każ ta' għargħar, terremoti jew attakki terroristiċi; l-għajnuna umanitarja; il-monitoraġġ tal-bastimenti, tal-materjal ferrovjarju, tat-trakkijiet, tal-kontejners; l-għajnuna għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa; il-lokalizzazzjoni ta' żoni perikolużi; l-agrikoltura ta' preċiżjoni; is-servizzi ta' tfittxija u salvataġġ; il-monitoraġġ ta' materjali perikolużi; is-surveying u l-immarkar tal-konfini, b'mod partikolari għall-Politika Agrikola Komuni; is-sinkronizzazzjoni tan-netwerkes tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija; il-protezzjoni tal-infrastrutturi sensittivi; iż-żamma tad-data preċiża tat-tranżazzjonijiet finanzjarji. Barra minn hekk, għas-sorveljanza tal-konfini marittimi u terrestri tal-UE fil-qafas tal-EUROSUR, huwa previst li jiġi stabbilit servizz operattiv li juża s-satelliti ta' osservazzjoni tad-dinja (il-programm GMES). Wieħed jista' jieħu vantaġġ mill-użu ta' Galileo u EGNOS sabiex ikun jaf il-pożizzjoni eżatta tat-timijiet ta' spezzjoni.

    Upstream, il-bini u l-użu tas-sistemi Ewropej jiġġeneraw benefiċċji diretti għal mijiet ta' kumpaniji madwar l-UE u joħolqu eluf ta' impjiegi ta' kwalifiki għolja. Downstream, l-espansjoni tal-applikazzjonijiet marbuta mar-radjunavigazzjoni bis-satellita tirrappreżenta opportunità unika għat-tkabbir għall-impriżi. Il-vantaġġi soċjoekonomiċi indiretti huma deskritti fil-punt 2.2.5 hawn taħt u huma mogħtija fid-dettall fl-Anness.

    Dan il-pjan ta' azzjoni jinkludi b'mod partikolari, minbarra xi miżuri regolamentari, miżuri ta' inċentiv għar-riċerka u l-innovazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-SMEs, u azzjonijiet ta' normalizzazzjoni, ta' koordinazzjoni u ta' akkreditazzjoni, fost oħrajn għall-avjazzjoni u t-trasport fuq il-baħar. Jinkludi wkoll azzjonijiet ta' informazzjoni fir-rigward tal-industrijalisti u tal-utenti. Huwa importanti pereżempju li tiġi aġġornata b'mod regolari d-dokumentazzjoni teknika li tippermetti li jinbnew ir-riċevituri Galileo. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tipprevedi li mill-2014, b'mod partikolari permezz tal-ftehim ta' interoperabbiltà mal-GPS, mill-inqas 80 % tar-riċevituri GNSS operattivi fid-dinja jkunu qed jużaw is-sistema Ewropea ta' radjunavigazzjoni bis-satellita.

    Fir-rigward tal-attivitajiet ta' żvilupp tal-applikazzjonijiet u tat-teknoloġiji tar-riċevituri, tnedew tliet sejħiet għall-proposti fil-qafas tas-Seba' Programm Qafas dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku għal ammont totali ta' madwar EUR 120 miljun. L-ewwel tnejn ippermettew li jiġu ffinanzjati madwar mitt proġett li r-riżultati preliminarji tagħhom ġew ippreżentati f'Marzu 2010. It-tielet u l-aħħar sejħa hija miftuħa bħalissa.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-iżvilupp tat-teknoloġiji għall-infrastrutturi futuri, l-ESA qed tkompli xi xogħlijiet fil-qafas ta' programm mhux obbligatorju speċifiku.

    1.2. L-esperjenza miksuba: l-evalwazzjoni tal-iżvilupp kollu li sar

    Il-missjoni fdata lill-Kummissjoni permezz tar-Regolament tmur ferm lil hinn mill-attivitajiet normali tagħha fir-rigward tal-proġetti industrijali, tal-infrastruttura jew tar-riċerka, li għalihom hija tieħu sehem b'mod ġenerali fil-forma ta' sussidji biss u li għalihom ma taġixxix bħala attur ewlieni.

    Biex tiġi żgurata b'mod sodisfaċenti t-tkomplija tal-programmi, il-Kummissjoni, permezz tal-isforzi li għamlu s-servizzi diversi tagħha u minkejja n-natura riġida tar-regoli li hija meħtieġa li ssegwi, fasslet soluzzjonijiet adattati għall-ġestjoni ta' proġett industrijali. L-esperjenza miksuba mill-2007 tippermettilha ttejjeb aktar il-ġestjoni tal-programmi u tal-elementi imprevedibbli tagħhom kif ukoll il-ġestjoni tar-riskji.

    1.2.1. Il-ġestjoni tal-programmi

    Fil-livell intern, il-Kummissjoni stabbilixxiet malajr, fi ħdan is-servizzi tagħha, struttura li tippermetti l-ġestjoni tal-programmi fil-fażi attwali tagħhom. B'mod partikolari hija ħadet lura l-parti kollha tal-persunal tal-Aġenzija tal-UE li kellha l-kompetenza meħtieġa għat-twettiq tal-missjoni l-ġdida tagħha sabiex tiżgura kontinwità fit-tmexxija tal-proġetti. Hija integrat dawn it-timijiet kollha sabiex tkun tista' tikkontrolla l-aspetti kollha tal-programmi b'mod konformi mar-Regolament. Hija stabbilixxiet ukoll ftehim ta' delegazzjoni mal-ESA u pjan ta' ġestjoni li jirregola r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet u rnexxilha toħloq is-sinerġiji meħtieġa bejn is-servizzi tagħha stess, dawk tal-ESA u tal-Aġenzija tal-UE. Barra minn hekk hija talbet l-għajnuna ta' gruppi ta' esperti tal-Istati Membri.

    Wieħed għandu jinnota li l-Kummissjoni kellha tipprovdi impjiegi ta' kwalifiki għolja meħtieġa għal ġestjoni tajba tal-programmi. Madankollu, il-possibbiltajiet ta' riorganizzazzjoni interna kienu limitati minħabba n-natura tal-attivitajiet u l-proċeduri ta' reklutaġġ estern kienu strettament ikkontrollati. Il-parti l-kbira tal-persunal li fl-aħħar ġie impjegat għandu status ta' aġent temporanju limitat sal-2013. Huwa indispensabbli li dan jinżamm lil hinn minn din l-iskadenza minħabba li l-preservazzjoni tal-kompetenza miksuba hija essenzjali għat-tkomplija tal-programmi.

    Il-qafas baġitarju tal-UE, ibbażat fuq il-perspettivi finanzjarji li għandhom limitu, diffiċilment jawtorizza t-trasferiment minn perjodu għall-ieħor u ma jiffaċilitax l-ippjanar fuq żmien twil, li għaldaqstant huwa indispensabbli għall-proġetti li huma twal għexieren ta' snin. Il-Kummissjoni tqis li għandu jiġi previst l-istabbiliment ta' mekkaniżmi u ta' strumenti baġitarji li jippermettu li tiffaċċja din is-sitwazzjoni.

    Fil-livell estern, jinqalgħu l-kwistjonijiet dwar ir-rwol tal-ESA u l-impatt tad-deċiżjonijiet fir-rigward tas-sigurtà tas-sistemi.

    L-ewwel nett fir-rigward ta' Galileo, l-ESA kellha tadotta rwol ġdid ta' implimentatur wara d-dekummissjonar tal-konsorzju ESNIS. It-tqassim il-ġdid tal-kompetenzi, wara li l-ESA fil-fatt saret aġenzija ta' implimentazzjoni li taġixxi f'isem l-UE, jagħti riżultati tajbin, iżda għandu jiġi adattat għall-iżvilupp tal-programmi u għall-isfidi futuri tat-tħaddim.

    Fir-rigward tal-EGNOS, it-tħaddim attwali jinkludi l-intervent tal-Kummissjoni bħala amministratur tal-programm, l-ESA bħala l-aġent tekniku responsabbli għat-tfassil u l-iżviluppi tas-sistema, u l-ESSP bħala fornitur tas-servizz. Mudell integrat ta' ġestjoni jkun jista' jippermetti li jipperpetwa t-timijiet attwali f'qafas aktar ċentralizzat sabiex jiġu identifikati aħjar ir-riskji inerenti fil-provvista tas-servizzi tal-EGNOS u jiġu kkoordinati aktar l-attivitajiet industrijali li bħalissa huma mqassma bejn l-ESA u l-ESSP.

    Huwa importanti wkoll li fl-iżviluppi futuri tas-sistema jiġu integrati l-esperjenzi tal-komunitajiet diversi ta' utenti, b'mod partikolari dik tas-settur tal-ajru, billi jitqiesu x-xogħlijiet tal-impriża komuni SESAR u dawk tal-programm ta' żvilupp tal-ESA.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sigurtà, wieħed għandu jfakkar li anke jekk il-Kummissjoni hija responsabbli għall-ġestjoni tas-sigurtà tas-sistemi f'termini tar-Regolament, il-libertà tagħha f'dan il-qasam hija ristretta b'żewġ modi.

    - L-ewwel nett, fir-realtà huma l-Istati Membri li jistabbilixxu l-ħtiġijiet fir-rigward tas-sigurtà. It-theddid li jista' jaffettwa s-sigurtà tal-infrastrutturi sensittivi bħal dawk tar-radjunavigazzjoni bis-satellita, ivarja l-ħin kollu. It-tfassil tas-sistemi għalhekk għandu jadatta ruħu b'mod kostanti għall-iżvilupp tiegħu. L-Istati Membri huma responsabbli biex ikopru parti minn dawn ir-riskji.

    - It-tieni nett, ir-Regolament jagħti l-kompitu ta' akkreditazzjoni tas-sigurtà tas-sistemi lill-Aġenzija tal-UE. Is-separazzjoni b'dan il-mod tal-funzjonijiet ta' ġestjoni u ta' akkreditazzjoni hija prattika ta' governanza tajba u hija prattika komuni u essenzjali għal dan it-tip ta' proġett.

    Fiż-żewġ każijiet, l-għażla jew id-deċiżjonijiet meħuda jistgħu jkollhom impatt konsiderevoli fuq il-kosti u l-iskadenzi tal-programmi.

    1.2.2. L-elementi imprevedibbli tal-programmi

    Huwa importanti li wieħed jenfasizza li l-eżistenza ta' elementi imprevedibbli hija inerenti għal dan it-tip ta' programmi kumplessi. Hija timponi l-istabbiliment ta' sistema effikaċi ta' ġestjoni tar-riskji u tista' twassal għat-teħid ta' deċiżjonijiet delikati.

    L-ewwel nett fir-rigward tal-fażi ta' żvilupp[3] ta' Galileo, it-trasferiment tar-rwol ta' implimentatur lill-ESA, wara l-falliment tal-konsorzju industrijali ESNIS, wassal għal dewmien u spejjeż żejda minħabba l-ħtieġa li jiġu negozjati mill-ġdid ċerti kuntratti u l-ħtiġijiet tal-istabbiliment effettiv tal-iskema l-ġdida. Barra minn hekk, sabiex jinżamm l-użu tal-frekwenzi allokati fil-qafas tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni, huwa meħtieġ il-varar ta' satellita sperimentali oħra. Fl-aħħar nett, il-kunsiderazzjoni tar-restrizzjonijiet tekniċi, li għandhom x'jaqsmu l-aktar mal-iżvilupp ta' ċerti elementi marbuta mas-sigurtà, u d-dewmien marbut mal-istabbiliment tal-kuntratti marbuta mal-fażi ta' skjerament, wasslu għal reviżjoni tal-kalendarju u tal-kosti.

    Iż-żieda fl-ispejjeż tal-fażi ta' żvilupp tammonta għal total ta' madwar EUR 500 miljun. Fuq talba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni aċċettat li tħallashom sabiex tiggarantixxi t-tkomplija tal-programm. Fil-fatt, il-"validazzjoni fl-orbita" hija l-punt ċentrali tal-programm Galileo u nuqqas ta' finanzjament kien ifixkel it-tkomplija tiegħu, b'telf tan-know-how industrijali u tat-tagħmir mibni parzjalment.

    Fir-rigward tal-fażi ta' skjerament, l-għażla tal-proċedura ta' djalogu kompetittiv kienet pożittiva. Il-kompetizzjoni ppermettiet li tinżamm pressjoni kompetittiva fuq l-offerenti. Għaldaqstant, fil-każ kuntrarju, is-sitwazzjoni ta' monopolju li fiha sabu rwieħhom ċerti atturi wasslet għal żieda fil-prezzijiet. Pereżempju, il-prezz tas-servizzi ta' varar wassal għal spiża addizzjonali ta' aktar minn EUR 500 miljun meta mqabbla mal-baġit inizjali[4].

    Barra minn hekk, l-eżiġenzi tas-servizz SoL ta' Galileo jaffettwaw il-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-programm, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-infrastruttura terrestri. Qegħdin jitwettqu studji ta' definizzjoni mill-ġdid ta' dan is-servizz biex jiġi adattat għall-ħtiġijiet il-ġodda tal-utenti u għall-iżviluppi teknoloġiċi l-ġodda. Jeħtieġ ukoll li tiġi ssimplifikata s-sistema, li jitnaqqsu r-riskji u l-kosti, u li tiżdied il-kompatibbiltà mal-GPS. Id-deċiżjonijiet f'dan ir-rigward għandhom jittieħdu fis-snin li ġejjin.

    Fir-rigward tal-EGNOS, il-ħtiġijiet tal-manutenzjoni u tal-iżvilupp tas-sistema wasslu għal żieda fin-nefqa filwaqt li għad trid tiġi żgurata kopertura ġeografika tajba taż-żona Ewropea.

    Fil-qosor, l-istimi inizjali tal-kosti ma ġewx rispettati, għaliex ċerti riskji, marbuta l-aktar ma' kwistjonijiet tekniċi, mal-eżiġenzi tas-sigurtà jew mas-sitwazzjoni tas-swieq, seħħew matul il-fażijiet kumplessi ħafna tal-programm.

    L-azzjoni tal-Kummissjoni madankollu setgħet tillimita l-impatt ta' dawn id-diffikultajiet. Fil-fatt, l-għanijiet finali ma ntlaqtux, għaliex il-baġit disponibbli diġà jippermetti l-bini u l-varar ta' 18-il satellita, bl-infrastruttura terrestri assoċjata, u l-provvista tal-ewwel servizzi mill-2014-2015. Huwa jkopri wkoll it-tħaddim inizjali tas-servizzi tal-EGNOS. Studji li qed jitwettqu għandhom l-għan li jidentifikaw l-aħjar soluzzjonijiet biex jitlestew il-programmi b'koerenza mal-baġits futuri. L-ewwel elementi ta' dawn l-istudji huma ppreżentati fil-Kapitolu 2.2.

    1.2.3. Ir-riskji involuti

    Il-Kummissjoni tat importanza ewlenija fix-xogħlijiet tagħha lill-kwistjoni tal-ġestjoni tar-riskji, li l-importanza tagħha ġiet enfasizzata waqt ir-riforma tal-governanza li saret fl-2007. Ir-riskji kollha tal-programmi huma ċċentralizzati f'reġistru li jintegra rispettivament lil dawk marbuta mal-katina tal-provvista industrijali, mal-ESA, mal-Aġenzija tal-UE, mal-fatturi esterni bħall-influwenza tal-awtoritajiet politiċi u tal-eżiġenzi ta' sigurtà, mal-fatturi interni bħall-organizzazzjoni tal-programmi. Għal kull riskju ġiet allokata probabbiltà ta' seħħ u livell ta' impatt. Ir-reġistru tar-riskji jinkludi wkoll lista ta' azzjonijiet bl-għan li jnaqqsu din il-probabbiltà. Ir-riskji huma kklasifikati kif ġej:

    - Riskji teknoloġiċi: in-navigazzjoni bis-satellita fil-fatt tuża teknoloġiji avvanzati li l-validazzjoni tagħhom għad għandha ssir u li l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom jiżviluppaw il-ħin kollu.

    - Riskji industrijali: l-istabbiliment tal-infrastrutturi jimplika bosta atturi industrijali f'diversi pajjiżi, u huwa importanti li x-xogħol tagħhom jiġi kkordinat b'mod effikaċi biex dan iwassal għal sistemi affidabbli u integrati b'mod perfett, b'mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà.

    - Riskju tas-suq: wieħed għandu jevita li l-prestazzjonijiet tekniċi sekondarji għal dawk imħabbra jkollhom impatt negattiv mal-utenti fid-dinja u li l-infrastruttura għalhekk ma tintużax. Barra minn hekk, wieħed għandu jiggarantixxi d-disponibbiltà tar-riċevituri affidabbli mill-2014-15 għas-servizzi diversi inizjali ta' Galileo, b'mod partikolari dawk tal-PRS.

    - Riskju tal-kalendarju: kull dewmien ta' implimentazzjoni tpoġġi f'periklu l-ambitu ta' opportunità u tkun tista' toħloq kosti żejda.

    - Riskju ta' governanza: il-governanza tal-programmi timplika entitajiet diversi li jaħdmu flimkien u huwa importanti li wieħed jiggarantixxi stabbiltà u organizzazzjoni adegwati. Minbarra hekk, wieħed għandu jqis id-differenzi fl-opinjonijiet tal-atturi diversi, u b'mod partikolari tal-Istati Membri, fuq bosta suġġetti importanti. F'dan il-kuntest, għandu jiġi previst it-tqassim ta' ċerti riskji, b'mod partikolari r-riskji finanzjarji u dawk marbuta mas-sigurtà, bejn l-atturi li l-aktar jistgħu jieħdu l-piż tagħhom.

    - Riskju marbut mar-responsabbiltà: bħal kull infrastruttura, iż-żewġ sistemi Ewropej jistgħu jikkawżaw direttament jew indirettament ħsara lill-utenti tagħhom jew lil terzi. Mill-eżami li għamlet il-Kummissjoni jirriżulta li l-istatus attwali tal-liġi applikabbli ma joffrix qafas legali rilevanti li jiżgura bilanċ ġust bejn l-interessi tal-vittmi u dawk tal-proprjetarji u dawk li jħaddmu s-sistemi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita. Għalhekk, kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq skala dinjija, wieħed għandu jieħu l-inizjattivi xierqa biex jirrimedja għal din is-sitwazzjoni qabel l-2014. Rigward dan, il-Kummissjoni qed tkompli twettaq l-istudji xierqa b'konsultazzjoni ma' awtoritajiet internazzjonali oħra.

    Fir-rigward ta' dawn ir-riskji, il-Kummissjoni, fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha, hija favur ir-rispett tal-iskadenza tal-2014 għall-provvista kostanti tal-ewwel servizzi ta' Galileo. Fuq żmien aktar fit-tul, l-għan finali f'dan l-istadju jibqa' l-provvista ta' servizzi ta' kwalità kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament u l-ħtiġijiet tal-utenti, u simili jew aħjar minn dawk tas-sistemi l-oħra. Dwar il-kwistjonijiet tas-sigurtà, id-deċiżjonijiet jittieħdu b'kollaborazzjoni stretta mal-Istati Membri.

    1.3. Taqsira finanzjarja

    Il-kontribuzzjoni tal-UE lill-programmi Galileo u EGNOS għall-perjodu 2007-2013 tammonta għal EUR 3,4 biljun, li magħhom wieħed għandu jżid kontribuzzjoni min-Norveġja fost oħrajn. Dan il-baġit tqassam bejn it-tliet attivitajiet ewlenin, jiġifieri t-tlestija tal-fażi ta' żvilupp ta' Galileo għal madwar EUR 600 miljun, il-fażi ta' skjerament ta' Galileo għal EUR 2,4 biljun u t-tħaddim ta' EGNOS għal madwar EUR 400 miljun.

    Rigward il-fażi ta' skjerament, madwar żewġ terzi tal-baġit diġà ntużaw l-aktar fil-qafas tal-kuntratti relatati mal-proċedura ta' offerti ffirmati fl-2010. Minbarra r-riżerva ta' kontinġenza, il-baġit li jibqa' jippermetti li jiġu allokati l-aħħar żewġ lottijiet relatati mal-infrastruttura fl-art.

    Rigward b'mod aktar preċiż ir-riżerva ta' kontinġenza, il-ħtiġijiet li għandhom jiġu koperti huma soġġetti għal evalwazzjoni dettaljata. Il-żewġ linji baġitarji li għandhom jiġu provduti jiddependu fuq l-ordni ta' prijorità tar-riskji li għandhom jiġu indirizzati jew is-seħħ tagħhom. Ir-riskji ewlenin identifikati jirriżultaw minn tnaqqis ta' prestazzjoni sinifikattiv fil-każ li l-użu ta' kostellazzjoni limitata għal 18-il satellita jkompli[5], minn nuqqas ta' disponibbiltà tas-servizzi ta' varar, minn impossibbiltà li jintużaw ċerti siti magħżula, minn nuqqas ta' infrastrutturi żejda fl-art jew minn difetti ta' tfassil u ta' integrazzjoni. Se jkun hemm il-ħtieġa li jingħataw kuntratti għas-servizzi ta' manutenzjoni u li jinxtara tagħmir ta' sostituzzjoni sabiex jiġu minimizzati l-ħsarat u tiġi indirizzata l-obsolexxenza tas-sistema.

    Fir-rigward tal-EGNOS, il-baġit allokat intuża l-aktar għall-kuntratt mal-ESSP u għad-delegazzjoni mal-ESA sabiex tiġi żgurata l-provvista tas-servizzi u l-kontinwità tas-sistema.

    L-ammonti allokati għall-programmi Galileo u EGNOS fil-qafas finanzjarju attwali huma miġbura fil-qosor fit-tabella li ġejja:

    [pic]

    2. L-isfidi li ġejjin

    Il-missjoni assenjata lill-Kummissjoni bir-Regolament tikkonsisti fl-istabbiliment ta' infrastrutturi ta' radjunavigazzjoni bis-satellita li jipprovdu servizzi ta' kwalità fuq skala dinjija u reġjonali bħala żieda mas-servizzi eżistenti. Dan l-għan finali għadu ma ġiex affettwat għaliex kull dubju dwar il-kwalità tas-servizzi jista' jwassal minnufih għal fraġilità tal-programm u għal nuqqas ta' interess tas-swieq.

    Madankollu, huwa importanti li wieħed ifakkar li dawn is-swieq qed jikbru ħafna u li l-fatturat dinji annwali tagħhom għandu jilħaq madwar EUR 240 biljun fl-2020. Barra minn hekk, minħabba l-vantaġġi tagħhom meta mqabbla mas-sistemi kompetituri l-oħra, Galileo u EGNOS għandhom jiġġeneraw benefiċċji ekonomiċi u soċjali ta' bejn EUR 60 biljun u EUR 90 biljun[6] fl-20 sena li ġejjin.

    Għaldaqstant dan jista' jseħħ biss wara li titlesta l-infrastruttura kompluta ta' Galileo u li t-tħaddim tas-sistemi tippermetti provvista affidabbli tas-servizzi. Minħabba l-ispejjeż żejda rreġistrati fil-fażijiet ta' żvilupp u ta' skjerament (ara l-punt 1.2.2 hawn fuq), il-Kummissjoni tqis li pakkett baġitarju addizzjonali ta' EUR 1,9 biljun huwa meħtieġ biex titlesta l-infrastruttura (ara l-punt 2.2.1 hawn taħt). Il-kosti stmati tat-tħaddim jammontaw għal medja ta' madwar EUR 0,8 biljun kull sena (ara l-punt 2.2.2 hawn taħt). Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' finanzjament adattati.

    Meta jitqies dan il-kuntest, il-Kummissjoni[7] s'issa ma pproponietx l-allokazzjoni ta' fondi supplementari għall-programmi fil-qafas finanzjarju attwali. Dan se jwassal għal dewmien possibbli ta' erba' snin għat-tlestija tal-infrastruttura kompluta tal-programm Galileo u għal kosti żejda.

    Fin-nuqqas ta' fondi supplementari qabel l-2014, l-istrateġija ta' skjerament tal-programmi għandha tiġi definita mill-ġdid filwaqt li jiġi integrat minn naħa, l-kompromess bejn il-prestazzjonijiet tas-servizzi u l-kosti assoċjati u min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġi provdut servizz ta' kwalità tajba biżżejjed biex jinżamm post fis-swieq.

    2.1. Il-ġestjoni fuq perjodu qasir tal-programmi

    Biex jiġu ssodisfati l-istennijiet tas-swieq, il-Kummissjoni żviluppat approċċ adattat: tiġi żgurata t-tnedija tas-servizzi kemm jista' jkun malajr u titħejja l-fażi operattiva.

    2.1.1. Il-ħtieġa li jitnedew l-ewwel servizzi mill-2014-2015

    Il-fatturat annwali tal-prodotti u s-servizzi direttament marbuta mar-radjunavigazzjoni bis-satellita kien stmat għal madwar EUR 130 biljun fid-dinja fl-2010. Is-swieq korrispondenti għandhom jerġgħu jkollhom rata ta' tkabbir b'żewġ ċifri waqt is-snin li ġejjin. Skont l-esperti, huma għandhom jaqbżu l-EUR 240 biljun fl-2020[8]. Dan it-tkabbir sinifikanti seħħ kemm minħabba l-iżvilupp fit-teknoloġija tar-riċevituri u wkoll minħabba abbundanza ta' użi ġodda li jiġġeneraw domanda kbira mill-konsumaturi.

    Dan it-tkabbir sinifikanti tas-swieq dinjija s'issa ġej mill-unika sistema Amerikana, GPS. Għaldaqstant, sistemi oħra globali ta' navigazzjoni bis-satellita (aktar 'il quddiem "GNSS"), b'mod partikolari s-sistemi Russi u Ċiniżi, għandhom jibdew jaħdmu f'perjodu ta' żmien medju. Huwa importanti ħafna li s-sistema Ewropea timponi ruħha malajr kemm jista' jkun bħala s-sistema GNSS il-kbira l-oħra ta' referenza, flimkien mal-GPS, b'mod partikolari fir-rigward tal-fabbrikanti ta' riċevituri.

    2.1.2. Il-fażi operattiva inizjali

    Il-kuntratti pubbliċi li diġa ġew konklużi jippermettu lill-Kummissjoni tadatta l-approċċ tagħha biex tissodisfa l-iskadenza tal-2014. Għalhekk, il-fażijiet ta' żvilupp u ta' skjerament se jkomplu għaddejjin flimkien sal-2012, id-data tat-tlestija tal-fażi ta' żvilupp, u l-fażi ta' tħaddim tal-ewwel servizzi se tibda fl-2014.

    L-ewwel stadju se jikkonsisti fl-attivazzjoni parzjali tal-infrastruttura ("Initial Operational Capability" jew "IOC") mill-2014-2015 u l-provvista tas-servizz miftuħ, tas-servizz ta' tfittxija u salvataġġ u tal-PRS. Madankollu, il-preċiżjoni u d-disponibbiltà mhux se jilħqu l-livell ottimali tagħhom f'dan l-istadju.

    Dan l-ewwel stadju huwa biżżejjed biex jiġu ttestjati s-servizzi, iżda għandu jkun qasir kemm jista' jkun għaliex ma jippermettix li wieħed jibbenefika mill-potenzjal kollu tas-sistema u ma jissodisfax l-eżiġenzi tal-utenti kollha. Għalhekk, huwa meħtieġ li din il-fażi tintrabat ma' impenn strett mill-Unjoni fir-rigward tat-tlestija tal-infrastruttura b'koerenza mal-għanijiet tal-programm Galileo, sabiex tkabbar il-fiduċja tal-utenti u tħeġġiġhom jinvestu.

    Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li s-sistema EGNOS tiġi adattata sabiex tittejjeb ukoll il-preċiżjoni tas-servizz miftuħ tas-sistema li ġejja mill-programm Galileo bl-istess mod li qed tittejjeb bħalissa dik tal-GPS. L-EGNOS hija l-unika sistema li se jkollha l-UE biex toffri servizz SoL matul is-snin li ġejjin.

    2.2. Il-programmazzjoni fuq perjodu twil

    Meta mqabbla mas-sistemi l-oħra GNSS, is-sistema Ewropea għandha vantaġġ importanti: hija l-unika mfassla għal użi ċivili u taħt kontroll ċivili. Għandha vantaġġi potenzjali oħra li mhumiex negliġibbli bħas-servizz kummerċjali tagħha li jista' jippermetti li jiġu awtentikati s-sinjali u li tittejjeb aktar il-preċiżjoni tas-servizz miftuħ. Fl-aħħar nett, is-servizz miftuħ tagħha huwa kumplimentari u interoperabbli mal-GPS Amerikan. Għalhekk l-użu taż-żewġ sistemi flimkien se joffri livell ta' affidabbiltà u ta' preċiżjoni li tista' tissodisfa l-maġġoranza tal-ħtiġijiet tal-utenti fid-dinja fis-suq tal-applikazzjonijiet tal-massa.

    Għaldaqstant, ħafna minn dawn il-vantaġġi se jseħħu biss wara t-tlestija tal-infrastruttura kollha.

    2.2.1. It-tlestija tal-infrastruttura

    Kif kien indikat qabel fil-punt 1.2.2., is-somma ta' EUR 3 400 miljun mhijiex biżżejjed biex titlesta l-infrastruttura li tirriżulta mill-programm Galileo minħabba ż-żieda fl-ispejjeż tal-fażi ta' żvilupp, iż-żieda fil-prezz tal-lanċaturi, in-nuqqas ta' kompetizzjoni għall-allokazzjoni ta' ċerti lottijiet, spejjeż addizzjonali marbuta mal-programm EGNOS u konsegwenzi tar-rapport tal-finanzjament lil hinn mill-2013[9].

    Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-ESA[10], wettqet diversi studji biex tevalwa l-kosti tas-sistemi. Dawn l-evalwazzjonijiet huma bbażati fuq is-sitwazzjonijiet diversi possibbli fir-rigward taċ-ċikli tax-xiri, ta' skjerament u ta' tħaddim tal-infrastrutturi, inklużi l-manutenzjoni u t-tiġdid, fuq il-prezzijiet tal-offerti attwali u fuq l-esperjenza tas-sistemi l-oħra tal-ispazju. Minn dawn jirriżulta li t-tlestija tal-infrastruttura tal-programm Galileo se teħtieġ kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali ta' madwar EUR 1900 miljun. Din is-somma tkun tista' tippermetti l-istabbiliment ta' sistema li toffri servizzi bħal dawk definiti fir-Regolament u li tibbaża ruħha fuq kostellazzjoni ta' 30 satellita.

    Din is-somma hija neċċessarja għall-finanzjament tas-satelliti u l-lanċaturi meħtieġa biex il-kostellazzjoni Galileo ssir kompluta u biex titlesta l-infrastruttura terrestri għall-provvista tas-servizzi kollha. Skont il-prattika li normalment tintuża f'dan it-tip ta' proġetti industrijali b'riskju għoli, provvista ta' madwar 20 % ġiet inkluża wkoll biex tilqa' l-elementi imprevedibbli potenzjali tal-programmi, b'mod partikolari r-riskji tekniċi tal-fażi finali ta' integrazzjoni. It-tabella hawn taħt tiġbor fil-qosor dawn il-ħtiġijiet finanzjarji.

    Wieħed għandu jinnota li qed jitwettqu analiżijiet kumplimentari sabiex tiġi eżaminata l-possibbiltà li jiġu limitati l-ħtiġijiet finanzjarji, b'mod partikolari permezz ta' dħul bilmod tal-provvista tas-servizzi u aġġustament tas-servizz SoL.

    [pic]

    2.2.2. Il-kosti tat-tħaddim

    Il-kosti tat-tħaddim tas-sistemi jkopru l-ġestjoni operattiva tal-infrastrutturi, il-ġestjoni tas-servizzi, is-sostituzzjoni u t-tiġdid tal-komponenti li għandhom ħajja limitata[11]. Dawn jinkludu wkoll it-titjib permanenti tas-sistemi sabiex jiġu adattati s-servizzi mal-iżvilupp tal-ħtiġijiet tal-utenti.

    L-ammonti stmati jinkludu riżerva ta' kontinġenza bbażata fuq ir-riskji inerenti għall-programmi li għandhom kontenut għoli ta' teknoloġija. Għaldaqstant, ċerti riskji li s-seħħ tagħhom jista' jkollu impatt fuq il-baġit ma tqisux, minħabba li l-probabbiltà li jseħħu hija baxxa. L-istess jgħodd għall-iżvilupp tal-kuntest ta' sigurtà, il-problemi ta' interoperabbiltà mas-sistemi l-oħra jew ir-riskji teknoloġiċi bħall-ħajja tal-arloġġi. Sabiex ma jiġux mobilizzati l-fondi korrispondenti, huwa importanti li wieħed jistudja l-mekkaniżmi adattati.

    Nuqqas ta' finanzjament ta' dawn il-kosti ta' tħaddim jirriżulta minnufih fi tnaqqis tal-kwalità, jew inkella għajbien totali tas-servizzi li huma inkompatibbli mar-rispett tal-missjonijiet ta' servizz pubbliku assenjati lis-sistemi.

    Il-kosti tat-tħaddim kienu soġġetti għal evalwazzjoni b'kollaborazzjoni mal-ESA u li r-riżultati tagħha ġew ivvalidati minn esperti tal-Istati Membri u esperti indipendenti oħra[12]. Minn din l-evalwazzjoni jirriżulta li l-kosti medji annwali tat-tħaddim jammontaw għal madwar EUR 800 miljun, li 110 miljun minnhom imorru għall-EGNOS, f'valur tal-2010 mhux indiċjat u bbażat fuq ċiklu ta' ħajja tas-satelliti standard ta' 12-il sena.

    Wieħed għandu jinnota li fl-ewwel snin tat-tħaddim, wara l-2014-2015, dawn il-kosti se jkunu minimi minħabba li s-servizzi jkunu mdaħħla bilmod skont it-tlestija tal-infrastruttura. Għalhekk dawn se jkopru biss l-ispejjeż tat-tħaddim tajjeb u tal-manutenzjoni tal-infrastrutturi, tal-provvista tas-servizzi u tas-sostituzzjoni tal-ewwel satelliti fi tmiem il-ħajja tagħhom. Ma' dawn aktar tard jiżdiedu l-kosti marbuta mal-iżvilupp u l-attivazzjoni tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda tas-sistemi.

    It-tabella li ġejja tiġbor fil-qosor il-linji ewlenin marbuta mal-kosti medji ta' tħaddim ta' infrastruttura kompluta.

    [pic]

    2.2.3. Il-kosti marbuta mar-riċerka u l-iżvilupp

    L-espansjoni tas-suq downstream tal-GNSS hija punt ċentrali tal-ħolqien tal-valur miżjud indirett ta' Galileo u EGNOS. L-iżvilupp u l-promozzjoni ta' applikazzjonijiet ġodda għandhom jiġu ffinanzjati biex jiġi żgurat dħul biżżejjed u teħid ta' pożizzjoni soda tal-impriżi Ewropej fis-swieq tal-oġġetti u s-servizzi marbuta mal-pożizzjonament bis-satellita. Il-fondi meħtieġa jistgħu jiġu mobilizzati permezz ta' strumenti bħall-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp jew is-suċċessur tal-programm CIP.

    2.2.4. Il-finanzjament u l-kalendarju mbassra

    Kif ġie indikat hawn fuq, l-istimi mwettqa s'issa jindikaw li pakkett baġitarju ta' madwar EUR 1 900 miljun se jkun meħtieġ għall-perjodu 2014-2019 biex titlesta l-infrastruttura assoċjata mal-programm Galileo. Ma' din il-kontribuzzjoni għandhom jiżdiedu l-kosti tat-tħaddim tas-sistema malli din tkun operattiva, jiġifieri mill-2014-2015.

    Minkejja l-użu ta' proċeduri ta' kuntratt ta' akkwist, fil-prattika kienet diffiċli minn naħa li wieħed jirrispetta l-baġits previsti għax-xogħlijiet diversi, u min-naħa l-oħra li jinkisbu prezzijiet realment fissi mill-industrijalisti implikati fil-programmi. Ir-raġuni ta' dan hija l-kumplessità u n-natura partikolari tas-sistemi uniċi li l-komponenti tagħhom huma żviluppati u mibnija b'mod speċifiku għall-ħtiġijiet tal-UE biss minn numru ristrett ħafna ta' produtturi. Minbarra dan, l-integrazzjoni ta' dawn il-komponenti hija sors ta' diffikultajiet potenzjali. F'dan il-kuntest, sabiex jiġu limitati l-abbużi finanzjarji, huwa importanti l-aktar li jitnaqqsu r-riskji u li tiġi adattata l-governanza biex tiġi żgurata ġestjoni effikaċi tal-programmi.

    Għal dan il-għan, il-Kummissjoni saħħet is-sistema tagħha ta' ġestjoni tar-riskji kif indikat qabel, kif ukoll il-kontroll tagħha fir-rigward tal-kosti u tar-rispett tal-kalendarju. Jidher li huwa essenzjali li tingħata aktar sens ta' responsabbiltà lill-partijiet interessati kollha fil-programmi sabiex jiġi żgurat is-suċċess tagħhom.

    Barra minn hekk, il-bażijiet ta' struttura ta' governanza li taħdem tajjeb, li fil-ġejjieni tista' tikkontrolla aħjar it-theddid ta' żbalji, huma żviluppati fil-punt 2.2.6. hawn taħt.

    Fil-komunikazzjoni tagħha tad-19 ta' Ottubru 2010[13], il-Kummissjoni ppreżentat għażla li skontha l-proġetti l-kbar bħall-ITER jew Galileo għandhom ikunu soġġetti għal kontribuzzjoni fissa tal-baġit tal-UE fil-forma ta' ammont annwali determinat minn qabel, filwaqt li kwalunkwe qbiż possibbli tal-ħtiġijiet ikun kopert minn sorsi oħra ta' finanzjament.

    Fir-rigward ta' Galileo, il-Kummissjoni se tkompli l-eżami tal-mekkaniżmi diversi ta' finanzjament li jistgħu jsiru, filwaqt li tqis b'mod partikolari l-metodi ta' ħidma tal-Kummissjoni, il-konsegwenzi ta' kull alternattiva fuq l-aspetti diversi tal-programmi u l-ħtieġa li jiġi żgurat il-kontroll tal-kosti u t-tkomplija tajba tal-attivitajiet.

    Is-soluzzjonijiet eżaminati għandhom ukoll iqisu li l-kosti tal-programmi jistgħu jinġabru fi tliet kategoriji kbar:

    - l-ewwel nett, il-kosti tal-bini tas-sistemi u l-ispejjeż assoċjati mal-manutenzjoni u t-tħaddim tagħhom. Dawn tal-aħħar jistgħu jiġu stmati b'mod pjuttost preċiż meta titlesta l-fażi ta' skjerament;

    - it-tieni nett, il-kosti relatati mal-elementi imprevedibbli inerenti f'dan it-tip ta' programmi kumplessi, li jistgħu jiġu koperti minn "marġni għal nefqa mhux imbassra" b'mod konformi mal-prattiki normali. Il-kontroll tal-kosti fil-fażijiet diversi u r-responsabbilizzazzjoni tal-partijiet involuti kollha għandhom jippermettu li jiġu minimizzati dawn l-elementi każwali;

    - it-tielet nett, il-kosti marbuta mas-seħħ ta' riskji sinifikanti indipendenti mill-ġestjoni tal-programmi, bħal dawk li jirriżultaw minn problemi tekniċi sinifikanti fil-ħolqien jew kontestazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali. Dawn ir-riskji għandhom probabbiltà baxxa li jseħħu iżda jekk iseħħu l-kosti assoċjati magħhom ma jkunux jistgħu jiġu koperti mill-marġnijiet previsti.

    F'dan il-kuntest, hemm tliet alternattivi possibbli.

    - L-ewwel waħda tikkonsisti fit-tkomplija tal-iżgurar tal-finanzjament tal-programmi kollha mill-baġit tal-UE biss.

    - Bit-tieni alternattiva, l-ewwel żewġ kategoriji tal-kosti msemmija hawn fuq xorta jkunu ffinanzjati mill-baġit tal-UE, iżda l-Istati Membri jkunu responsabbli għar-riskji indipendenti mill-ġestjoni tal-programmi.

    - It-tielet soluzzjoni hija bbażata fuq allokazzjoni fissa tal-baġit tal-UE, filwaqt li l-Istati Membri jkunu responsabbli għall-finanzjament tal-bilanċ possibbli.

    Dawn l-alternattivi se jiġu eżaminati fid-dettall fi studju tal-impatt u s-soluzzjoni li tintgħażel fl-aħħar mill-Kummissjoni tkun imsemmija fil-proposta leġiżlattiva li jmiss bl-għan li jiġi emendat ir-Regolament.

    F'dan l-istadju u skont il-konklużjonijiet tal-analiżijiet imsemmijin hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li mhuwiex xieraq li l-baġit tal-UE biss jiffinanzja l-kosti u r-riskji kollha assoċjati mal-programmi. Fil-fatt, meta wieħed iqis id-daqs tal-baġit tal-UE, din is-soluzzjoni tista' tipperikola l-finanzjament mill-UE ta' proġetti jew programmi prijoritarji oħra. Barra minn hekk, meta titqies l-esperjenza miksuba, l-alternattiva magħżula għandha timmira lejn responsabbilizzazzjoni akbar tal-partijiet interessati kollha fir-rigward tal-kontroll tal-kosti.

    Għal dak li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni tal-programm Galileo, it-tabella li ġejja tiġbor fil-qosor il-kalendarju nominali, mingħajr marġnijiet, tat-tlestija tal-infrastruttura u tat-tħaddim tagħha.

    It-tlestija sħiħa tal-infrastruttura (FOC) hija prevista għall-2019-2020. Dan jista' jinbidel skont id-disponibbiltajiet ta' finanzjament, il-problemi tekniċi u l-prestazzjonijiet industrijali.

    [pic]

    2.2.5. Il-perspettivi ta' redditu u l-benefiċċji indiretti

    Il-perspettivi ta' dħul finanzjarju diretti ġġenerati mit-tħaddim tas-sistemi huma limitati ħafna għall-UE, kif intwera waqt in-negozjati mwettqa fl-2004-2007 għal sħubija pubblika-privata. Dan il-potenzjal żgħir ta' dħul żgur li kkontribwixxa għall-falliment ta' dawn in-negozjati.

    - Is-servizzi miftuħa tal-EGNOS u ta' Galileo mhumiex u mhux se jkunu soġġetti għal kwalunkwe pedaġġ, b'mod konformi mar-Regolament u b'mod simili għas-sistemi l-oħra li diġa huma operattivi jew li għandhom jibdew. Dawn is-servizzi huma maħsuba għall-applikazzjonijiet tal-massa u huwa importanti li numru kemm jista' jkun kbir ta' utenti jadottawhom sabiex jiġu ottimizzati l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali mistennija, u b'konformità mal-missjoni tas-servizz pubbliku tas-sistemi. Ikun kontra dan il-għan li wieħed jistabbilixxi miżata fuq iċ-ċipep li jużaw is-sinjali ta' Galileo jew tal-EGNOS kif kien previst. Kieku, id-dħul dirett li jiġi minn dan ikun ħafna aktar baxx mit-telf f'termini ta' dħul indirett li jirriżulta għall-UE.

    - Is-servizz ta' tfittxija u salvataġġ tas-sistema li ġejja mill-programm Galileo, kontribuzzjoni Ewropea għas-sistema COSPAS-SARSAT, għandu wkoll ikun bla ħlas. Ma jeżistux drittijiet assoċjati mal-użu tas-segment tal-ispazju jew għar-riċezzjoni ta' twissijiet COSPAS-SARSAT.

    - Lanqas is-servizz SoL tal-EGNOS, li fil-bidu kien imfassal l-aktar għall-avjazzjoni ċivili, ma għandu jiġġenera dħul fuq perjodu ta' żmien twil. Fil-fatt, hemm riskju kbir li l-istabbiliment ta' kwalunkwe forma ta' pedaġġ jkun deterrent għall-utenti potenzjali minħabba li sistemi simili, bħad-WAAS fl-Istati Uniti, huma offruti bla ħlas. Madankollu jista' jkun differenti fil-ġejjieni għas-servizz SoL tas-sistema li ġejja mill-programm Galileo minħabba li, minn naħa, id-disinn tekniku tiegħu se jkun ir-riżultat ta' konsultazzjoni mal-utenti biex jintlaqgħu ħtiġijiet speċifiċi u, min-naħa l-oħra, dan is-servizz u l-ipprezzar tiegħu se jikkorrispondu ma' dawk tal-GPS.

    B'mod definittiv, f'dan l-istadju, is-servizzi kummerċjali u governattivi offruti mis-sistema li ġejja mill-programm Galileo biss jistgħu jiġġeneraw dħul li l-ammont annwali tiegħu jista' jiżdied bilmod biex jilħaq medja ta' madwar EUR 70 miljun f'perjodu ta' żmien twil. Il-massimizzazzjoni ta' dan id-dħul jista' jseħħ biss fuq perjodu ta' żmien twil. Barra minn hekk, id-dħul iġġenerat mis-servizz governattiv jiddependi fuq għażliet eminentement politiċi.

    Id-dħul finanzjarju dirett iġġenerat mis-sistemi jidher pjuttost limitat, iżda l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali indotti minn dawn iż-żewġ infrastrutturi pubbliċi, simili f'ċertu mod għal dawk li jirriżultaw mill-ġeneralizzazzjoni bla ħlas tal-internet, huma kbar u stmati għal somma ta' bejn EUR 60 biljun u EUR 90 biljun akkumulati fil-perjodu 2010-2027[14]. Dawn il-benefiċċji jirriżultaw mit-tkabbir tas-swieq downstream, mill-effetti pożittivi f'termini ta' utilità pubblika, bħal żieda fl-effikaċja tat-trasport jew it-tnaqqis tal-inċidenti, u mill-konsegwenzi tal-investimenti permessi għall-qasam kollu tal-ispazju. Billi t-tħaddim tas-sistemi huwa servizz pubbliku, huwa fl-interess tal-UE li tottimizza dawn il-benefiċċji ekonomiċi u soċjali milli tipprova timmassimizza d-dħul finanzjarju dirett. Jeħtieġ wkoll li wieħed ifakkar li Galileo u EGNOS se jkollhom impatt pożittiv sinifikattiv fuq l-iżvilupp ekonomiku u se jħeġġu t-tkabbir.

    2.2.6. Il-governanza tal-programmi

    2.2.6.1. Il-fażi ta' skjerament ta' Galileo

    L-għan ewlieni tar-Regolament GNSS, li dan l-aħħar ġie ssupplimentat bir-Regolament (KE) Nru 912/2010, kien li jiġi stabbilit qafas ta' governanza stabbli u effikaċi għall-ġestjoni tal-fażijiet ta' żvilupp u ta' skjerament, ibbażat fuq mudell integrat li jinkludi delegazzjonijiet għall-ESA. Minbarra l-fatt li dan il-qafas kien sodisfaċenti s'issa, anke jekk jista' jittejjeb aktar, huwa xieraq li jiġi mmodifikat b'mod konsiderevoli fuq perjodu ta' żmien qasir u medju.

    Minħabba li l-iskjerament mhux se jitlesta qabel it-tmiem ta' dawn l-għaxar snin, bidla sostanzjali tal-kundizzjonijiet tal-governanza qabel din l-iskadenza żgur li tkun ta' riskju għat-tmexxija bla xkiel tal-programm. L-istabbiltà tiżgura l-kontinwità u l-koerenza, minn naħa fir-rigward tal-azzjonijiet tal-partijiet interessati diversi, u min-naħa l-oħra għad-deċiżjonijiet diversi meħuda matul it-tmexxija tal-programmi. Barra minn hekk, hija tiżgura l-kredibbiltà tal-programmi fir-rigward ta' terzi.

    Fir-rapport tagħha ppubblikat fl-2009, il-Qorti tal-Awdituri wriet l-inkonvenjenzi tal-bidliet ta' spiss wisq fil-ġestjoni qabel l-2007.

    2.2.6.2. It-tħaddim tal-infrastrutturi

    Il-ġestjoni tat-tħaddim, li tinkludi l-manutenzjoni u t-tiġdid tal-infrastrutturi, hija magħmula minn erba' elementi: it-tfassil, il-bini, l-operazzjonijiet u l-provvista tas-servizzi. Mill-esperjenza miksuba bl-EGNOS jirriżulta li l-ġestjoni ta' dawn l-erba' elementi ma tistax tinqasam u, bil-kontra, wieħed għandu jiffavorixxi l-mudell ta' ġestjoni integrata.

    Fi kwalunkwe każ u meta titqies l-esperjenza miksuba fil-ġestjoni tal-programmi, diġà jidher li l-governanza tat-tħaddim, minbarra l-integrazzjoni tal-erba' elementi li tinkludi, għandha tirrispetta l-prinċipji li ġejjin:

    - tkun kompatibbli mar-rwol tal-UE bħala proprjetarja tas-sistemi u dak tal-Kummissjoni bħala dik responsabbli għall-ġestjoni tal-programmi, bil-Kummissjoni bħala l-unika awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet;

    - tkun ibbażata fuq mudell sempliċi, integrat u li joffri approċċ ċar u uniku mis-settur pubbliku;

    - tiżgura qafas stabbli fuq perjodu ta' żmien twil; ikollha ċerta flessibbiltà f'termini ta' ġestjoni finanzjarja u ġestjoni tal-persunal; tkun organizzata fuq bażi effikaċi, affidabbli u trasparenti; ikollha proċeduri ċari li jippermettu teħid ta' deċiżjonijiet malajr;

    - tkun tista' tippreserva n-know-how kollu u l-għarfien akkumulat matul il-programmi, filwaqt li b'mod partikolari tissalvagwardja l-kompetenzi tal-ESA;

    - issaħħaħ ir-responsabbiltà tas-settur industrijali u tal-implimentatur;

    - tiggarantixxi l-indipendenza tal-attivitajiet ta' akkreditazzjoni tas-sigurtà tas-sistemi;

    - tqis kif xieraq in-natura pubblika tas-servizzi offruti;

    - tippermetti l-koordinazzjoni, fuq skala Ewropea, tal-miżuri ta' protezzjoni tas-sistemi meta dawn ikollhom natura sensittiva ħafna.

    Dan jimplika li r-responsabbiltà tal-ġestjoni tat-tħaddim tingħata lil struttura ta' appoġġ taħt il-kontroll tal-Kummissjoni. F'dan ir-rigward diversi alternattivi huma possibbli.

    Fir-rigward tal-EGNOS, l-istruttura ta' appoġġ tista' tkun l-ESA, l-Aġenzija tal-UE, entità pubblika ġdida jew entità operattiva tal-Eurocontrol. Il-Kummissjoni tipproponi li tiddiskuti l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' kull waħda mill-għażliet qabel ma tressaq proposta dettaljata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-2012. L-arranġament magħżul għandu jiġi stabbilit qabel l-2014.

    Fir-rigward ta' Galileo, il-fażi ta' tħaddim tal-ewwel servizzi se tibda bilmod mill-2014. Jirriżulta li matul perjodu ta' xi ħames snin, il-fażijiet ta' skjerament u ta' tħaddim se jkunu għaddejjin flimkien. Matul dan il-perjodu, il-governanza tal-programmi għandha tiġi adattata bilmod għall-ħtiġijiet ġodda li jirriżultaw mill-provvista tal-ewwel servizzi.

    Jeħtieġ ukoll li wieħed jenfasizza li l-operatur għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiġi ċċertifikat bħala fornitur tas-servizz tan-navigazzjoni fl-ajru b'mod konformi mar-regolamenti tal-Ajru Uniku Ewropew.

    Il-Kummissjoni, fuq il-bażi tad-dibattiti li għandhom isiru dwar il-qafas finanzjarju, fiż-żmien xieraq se tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill alternattivi differenti fir-rigward tal-governanza li għandha tiġi stabbilita għall-ġestjoni tat-tħaddim wara t-tlestija totali tal-infrastruttura.

    Konklużjoni

    Il-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita jaqbżu l-kapaċitajiet finanzjarji u tekniċi ta' Stat Membru wieħed biss u għalhekk jaqaw totalment taħt il-kompetenza tal-UE. Barra minn hekk, meta jitqiesu b'mod partikolari l-eżiġenzi tagħhom fir-rigward tas-sigurtà, l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom ikunu implikati f'dawn il-programmi.

    Mir-riforma tal-governanza tagħhom li saret fl-2007, il-Kummissjoni kellha bosta suċċessi: l-EGNOS sar operattiv bi prestazzjonijiet eċċellenti, u l-iskjerament ta' Galileo qed jimxi. Fl-istess ħin, twettqu bosta azzjonijiet orrizontali li jakkumpanjaw l-iskjerament tal-infrastrutturi fir-rigward tar-regolamenti, tal-aspetti internazzjonali u għall-użi futuri.

    Madankollu, il-programmi iżda qed jiffaċċjaw sfidi ġodda li jirriżultaw mis-seħħ ta' ċerti riskji li ġew identifikati qabel mill-Kummissjoni u l-organizzazzjoni tal-programmi għad għandha tiġi rfinata biex tiżdied l-effikaċja. Il-proġett kellu spejjeż żejda, b'mod partikolari minħabba ż-żieda fl-ispejjeż tal-fażi ta' żvilupp, iż-żieda fil-prezz tal-lanċaturi, in-nuqqas ta' kompetizzjoni għall-allokazzjoni ta' ċerti lottijiet u spejjeż addizzjonali marbuta mal-programm.

    Barra minn hekk, is-sitwazzjoni ekonomika tal-UE u tal-Istati Membri tagħha ġiegħlet lill-Kummissjoni toqgħod lura, s'issa, milli talloka riżorsi addizzjonali fi ħdan il-qafas finanzjarju multiannwali attwali, anke jekk minħabba f'hekk kien hemm xi dewmien fit-tlestija tal-iskjerament totali ta' Galileo u żieda fil-kosti globali.

    Għandha tiġi stabbilita bażi ta' ħidma ġdida għall-programmi ta' radjunavigazzjoni bis-satellita Ewropej sabiex jitkompla l-iżvilupp mingħajr ma jiġu kompromessi l-għanijiet stabbiliti mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Għalhekk, l-approċċ rakkomandat jipprevedi, għal mill-inqas 10 snin, iż-żamma u t-titjib tal-organizzazzjoni attwali, li madankollu se jkollha tiżviluppa skont il-ħtiġijiet tal-fażi ta' tħaddim.

    Fuq il-livell politiku, għad għandhom jittieħdu bosta deċiżjonijiet. Għalhekk, f'kuntest fejn l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Ewropa jiddependi ħafna mill-kontroll u l-użu ta' teknoloġiji avvanzati bħal dawk li jikkonċernaw pereżempju l-fużjoni nukleari, l-ispazju, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u x-xjenzi tal-ħajja, jeħtieġ li wieħed jiddeċiedi dwar il-mezzi, b'mod partikolari dawk baġitarji, biex jintlaqgħu r-riskji inerenti f'dawn it-teknoloġiji. Jeħtieġ ukoll li jsiru l-konklużjonijiet għall-iżvilupp tal-baġit tal-UE u għat-tqassim tar-riskji bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha. Għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-prinċipji baġitarji u finanzjarji tat-tkomplija tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita, skont dawk relatati mal-qafas tal-governanza. Dan tal-aħħar għandu jipprova jagħmel lill-atturi kollha aktar konxji mir-responsabbiltajiet tagħhom sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni tajba lejn skema ta' governanza futura, filwaqt li jissaħħaħ il-kontroll tal-proġett u tal-kosti assoċjati tiegħu.

    L-adozzjoni ta' tali deċiżjonijiet ta' natura politika teħtieġ iż-żmien u l-ħsieb. Xi proposti dettaljati se jiġu mfassla aktar tard mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjonijiet li se jistabbilixxu l-Parlament Ewropew u l-Kunsill fid-dawl ta' dan ir-rapport.

    Anness

    Tabella sommarja tal-użi u l-konsegwenzi previsti tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita

    Qasam | Deskrizzjoni | Effetti |

    Trasport tat-triq | - titjib tas-sigurtà fit-triq, b'mod partikolari fis-sitwazzjonijiet ta' emerġenza, għall-karozzi, il-coaches u t-trasport ta' oġġetti perikolużi - ġestjoni aħjar tat-toroq u t-tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku, għajnuna lix-xufiera permezz ta' informazzjoni dak il-ħin dwar il-vjaġġ, it-toroq u t-traffiku - titjib tal-pedaġġi u tal-ħlas elettroniku tal-miżati - livell aħjar ta' servizz lill-vjaġġaturi | Tnaqqis fil-ħin tal-vjaġġ u tal-konsum tal-fjuwil |

    Loġistika | - ġestjoni aktar effikaċi tal-kontejners fil-portijiet jew l-istazzjonijiet ferrovjarji - livell aħjar ta' servizz lill-klijenti | Tnaqqis fil-ħin tat-trasport |

    Trasport marittimu | - ġestjoni aħjar tat-traffiku, b'mod partikolari fil-portijiet jew ir-rotot b'ħafna traffiku - aktar sigurtà tat-traffiku marittimu - titjib tas-sorveljanza tat-trasport marittimu mis-servizzi tal-pulizija, b'kontrolli aktar malajr - għajnuna lill-bastimenti fil-periklu | Titjib tal-kapaċità ta' pproċessar tal-portijiet Tnaqqis tal-piż amministrattiv u tad-dewmien |

    Trasport tal-ajru | - użu aktar faċli tal-ajruporti b'inqas tagħmir mill-avjazzjoni ċivili - kontribuzzjoni għall-għanijiet ġenerali tal-politika dwar l-Ajru Uniku u tas-SESAR - titjib tal-ġestjoni tat-traffiku u tas-sigurtà fl-ajruporti | Tnaqqis tan-numru tat-titjiriet ikkanċellati, kapaċità aħjar tal-ajruporti, u b'mod partikolari tal-ajruporti ż-żgħar |

    Agrikoltura | - tfassil u aġġornament aħjar tar-reġistru tal-artijiet - possibbiltà li tiġi pprattikata l-agrikoltura ta' preċiżjoni u monitoraġġ tal-produzzjoni - kontroll aħjar tal-użu tas-sussidji Ewropej | Żieda ta' 10 % sa 20 % tal-produttività tal-bdiewa, tnaqqis tal-kosti tal-implimentazzjoni tal-PAK |

    Sajd | - sorveljanza tal-bastimenti | Tnaqqis tal-piż amministrattiv u tad-dewmien |

    Għajnuna għall-pajjiżi terzi | - provvista lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta' infrastruttura b'manutenzjoni faċli biex tkopri l-ħtiġijiet bażiċi, b'mod partikolari fit-trasport | Għodda ta' politika barranija addizzjonali |

    Komunikazzjonijiet mobbli | - żieda fin-numru u fil-kwalità tas-servizzi offruti fuq il-handsets | Offerta ta' servizzi ġdida |

    Attivitajiet marittimi | - titjib tal-operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ | Tnaqqis tan-numru ta' vittmi |

    Sigurtà | - għajnuna lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità u l-immigrazzjoni illegali | Tisħiħ tas-sigurtà |

    Persuni b'diżabbiltà, morda u anzjani | - titjib tal-għodod ta' għajnuna għall-ivvjaġġar tal-anzjani, tal-persuni b'diżabbiltà u tal-morda, b'mod li tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tagħhom | Kwalità ta' ħajja aħjar |

    Sajd u trasport marittimu | - sorveljanza tal-bastimenti - monitoraġġ tal-operazzjonijiet ta' salvataġġ | Possibbiltà ta' sorveljanza Limitazzjoni tal-frekwenza u tal-gravità tat-tixrid taż-żejt fil-baħar |

    Enerġija | - monitoraġġ tat-trasport ta' enerġija - parteċipazzjoni fis-sigurtà tal-faċilitajiet ta' produzzjoni tal-enerġija | Ottimizzazzjoni tan-netwerk |

    Protezzjoni tal-ambjent u protezzjoni ċivili | - titjib tal-ġestjoni tal-kriżijiet, inklużi dawk fil-pajjiżi terzi - żieda fis-sigurtà tat-timijiet ta' salvataġġ | Tnaqqis fil-ħin ta' intervent Tisħiħ tal-monitoraġġ |

    Glossarju – Lista tal-akronimi

    Aġenzija tal-UE: Aġenzija tal-GNSS Ewropea

    - Il-kompiti tagħha huma ffokati l-aktar fuq l-akkreditazzjoni fir-rigward tas-sigurtà u t-tħejjija għat-tqegħid fis-suq tas-sistemi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita (Il-bażi legali l-ġdida ta' din l-Aġenzija hija r-Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta’ strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta’ radjunavigazzjoni bis-satellita u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

    ESA: L-Aġenzija Spazjali Ewropea.

    - L-Aġenzija Spazjali Ewropea li hija organizzazzjoni internazzjonali, tirrappreżenta aċċess għall-ispazju għall-Ewropa. Il-missjoni tagħha tikkonsisti fit-tfassil tal-attivitajiet ta' żvilupp tal-kapaċitajiet spazjali Ewropej u l-iżgurar li ċ-ċittadini Ewropej jibbenefikaw mill-investimenti mwettqa fil-qasam tal-ispazju.

    CS: " Commercial Service" .

    - Is-servizz kummerċjali (jew CS għal Commercial Service) huwa kriptat bi preċiżjoni sa kull ċentimetru, u dan jippermetti l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet għal finijiet professjonali jew kummerċjali permezz ta' prestazzjonijiet imtejba u dejta ta' valur miżjud ogħla minn dik miksuba mis-"servizz miftuħ".

    Cospas-Sarsat:

    - Il-Programm Cospas-Sarsat jipprovdi twissijiet ta' periklu u dejta ta' lokalizzazzjoni preċiżi u affidabbli sabiex l-awtoritajiet ta' tfittxija u salvataġġ (SAR) ikunu jistgħu jmorru jgħinu lill-utenti fil-periklu, l-aktar fis-settur marittimu u dak tal-ajru.

    - L-għan tas-sistema huwa li tnaqqas kemm jista' jkun iż-żmien meħtieġ biex it-twissijiet ta' periklu jaslu għand is-servizzi tal-SAR, u l-ħin meħtieġ biex jiġi lokalizzat il-periklu u tingħata l-għajnuna. Dan il-ħin ta' reazzjoni għandu impatt dirett fuq il-probabbiltà ta' sopravvivenza ta' persuna f'sitwazzjoni ta' periklu fil-baħar jew fl-art.

    EGNOS: " European Geostationary Navigation Overlay Service " jiġifieri Servizz Ewropew ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja.

    - Dan huwa l-ewwel pass tal-Ewropa fil-qasam tan-navigazzjoni bis-satellita. Dan ġie żviluppat bl-għan li jiżdiedu l-affidabbiltà u l-preċiżjoni tan-navigazzjoni bis-satellita flimkien mas-sistema Amerikana tal-GPS.

    - EGNOS itejjeb is-servizzi eżistenti ta' navigazzjoni bis-satellita għall-applikazzjonijeit kritiċi bħall-pilotaġġ u l-inżul ta' ajruplan jew il-qsim ta' kanal fuq dgħajsa.

    ESSP: " European Satellite Services Provider ".

    - Din il-kumpanija, li ġiet stabbilita fl-2001, għandha l-għan li tiżgura t-tħaddim tas-sistema EGNOS.

    FOC: " Full Operational Capability ".

    - Kapaċità operattiva totali, li se tintlaħaq meta l-infrastruttura terrestri u spazjali ta' Galileo tkun lesta kollha.

    Galileo:

    - Galileo huwa s-sistema globali ta' radjunaviazzjoni bis-satellita li ġiet żviluppata mill-Unjoni Ewropea. Huwa magħmul minn kostellazzjoni ta' satelliti fl-orbita u mill-infrastruttura terrestri assoċjata.

    - Dan se jipprovdi informazzjoni ta' pożizzjonament bi preċiżjoni u affidabbiltà bla paragun. Bil-mod kif se jiġi ssettjat, Galileo se jkopri d-dinja kollha, b'kull punt speċifiku kopert fi kwalunkwe ħin minn sitta sa tmien satelliti. Dan jippermetti li tinkiseb dejta ta' pożizzjonament kompluta u preċiża ħafna għad-dinja kollha.

    GNSS: " Global Navigation Satellite System ".

    - Dan it-terminu jirrappreżenta l-isem ġeneriku tas-sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita li jipprovdu kopertura globali ta' ġeopożizzjonament. B'estensjoni, dan jinkludi wkoll is-sistemi reġjonali ta' żieda bħall-EGNOS jew l-ekwivalenti Amerikan tiegħu, id-WAAS.

    GPS: " Global Positioning System ".

    - Il-GPS huwa s-sistema Amerikana ta' ġeolokalizzazzjoni bis-satellita li jaħdem fuq skala dinjija.

    IOC: " Initial Operational Capability ".

    - Konfigurazzjoni minima tas-sistema Galileo għall-provvista tal-ewwel servizzi. Dan l-istadju huwa mistenni meta l-ewwel 18-il satellita jkunu operattivi.

    OS: " Open Service ".

    - Is-servizz miftuħ (jew OS għal Open Service) għandu preċiżjoni ta' pożizzjonament sa kull metru, għandu aċċess ħieles, huwa indirizzat lis-suq tal-massa u huwa maħsub għan-navigazzjoni tal-karozzi u għas-servizzi ta' pożizzjonament fuq it-telefowns ċellulari. Huwa bla ħlas għall-utenti u jipprovdi informazzjoni ta' pożizzjonament u ta' sinkronizzazzjoni. Huwa maħsub għall-applikazzjonijiet tal-massa tar-radjunavigazzjoni bis-satellita.

    PRS: " Public Regulated Service ".

    - Is-servizz pubbliku regolat (jew PRS għal Public Regulated Service), riżervat għall-utenti awtorizzati mill-gvernijiet, għall-applikazzjonijiet sensittivi li jirrkjedu livell għoli ta' kontinwità ta' servizz, se jiġi kriptat u se jkun aktar b'saħħtu permezz tal-mekkaniżmi kontra l-interferenza u tas-sistema affidabbli tiegħu għall-iżvelar ta' ħsarat. Dan is-servizz huwa maħsub għas-settur tas-sikurezza u tal-infrastrutturi strateġiċi (pereżempju: l-enerġija, it-telekomunikazzjonijiet, il-finanzi).

    Ir-Regolament: Ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo).

    - Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli relatati mal-implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita, inklużi dawk relatati mal-governanza u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità.

    SAR: " Search and Rescue "

    - Is-servizz ta' tfittxija u salvataġġ (jew SAR għal Search and Rescue Service) dinji ta' Galileo se jgħin fit-trasferiment tas-sinjali ta' periklu lejn ċentru ta' koordinazzjoni tas-salvataġġi, billi jidentifika s-sinjali ta' emerġenza maħruġa minn bagi ta' sinjalar u jittrasferixxi messaġġi lura lil dawn.

    SESAR: " Single European Sky Air Traffic Management Research ".

    - SESAR huwa l-isem tal-programm bl-għan li jipprovdi lill-Ewropa sistemi li jaħdmu tajjeb ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru sabiex jiġu modernizzati s-sistemi attwali. Dan il-programm huwa l-pilastru teknoloġiku tal-programm tal-Ajru Uniku.

    SoL: " Safety of Life ".

    - Is-servizz ta' sikurezza tal-ħajja (jew SoL għal Safety of Life Service) se jinforma b'mod awtomatiku lill-utenti, fi ftit sekondi, bi kwalunkwe ħsara tas-satellita jew bi kwalunkwe problema simili li taffettwa l-prestazzjoni. Dan is-servizz se jkun disponibbli għall-applikazzjonijiet kritiċi fir-rigward tas-sigurtà, bħall-użu tal-ferroviji, il-gwida tal-karozzi, in-navigazzjoni u l-avjazzjoni. Dan is-servizz jissodisfa wkoll l-eżiġenzi ta' kontinwità, ta' disponibbiltà u ta' preċiżjoni imposti f'ċerti setturi u jinkludi funzjoni ta' integrità li tippermetti li jiġi mwissi l-utent f'każ ta' disfunzjoni tas-sistema.

    -

    [1] GNSS: Sistema dinjija ta' radjunavigazzjoni bis-satellita.

    [2] C(2008) 8378 tat-12.12.2008.

    [3] Ir-Regolament jiddefinixxi l-fażi ta' żvilupp bħala waħda li tinkludi "il-bini u l-varar tal-ewwel satelliti, l-istabbiliment tal-ewwel infrastrutturi fuq l-art u x-xogħlijiet u l-operazzjonijiet kollha meħtieġa għall-validazzjoni tas-sistema fl-orbita".

    [4] Fil-qafas ta' komunikazzjoni futura tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tal-politika industrijali Ewropea għall-ispazju, din is-sitwazzjoni dwar is-swieq u l-konsegwenzi tagħha se jiġu indirizzati b'mod aktar globali.

    [5] Minħabba t-telf ta' satelliti meta jiġu varati jew fl-orbita.

    [6] Sors: Studji dwar is-swieq tal-Aġenzija tal-UE (għodod ta' sorveljanza u ta' tbassir tas-swieq GNSS – ċifri tal-2010). Il-valur totali tal-benefiċċji netti ġġenerati minn Galileo u EGNOS fil-perjodu 2010-2027 se jkun skont id-data tal-attivazzjoni operattiv fis-sħiħ ta' Galileo. Kull sena ta' dewmien tnaqqas il-valur tal-benefiċċji minn 10 % sa 15 % kemm minħabba t-telf fid-dħul iġġenerat kif ukoll minħabba l-iżvilupp tas-soluzzjonijiet alternattivi u tas-sistemi kompetituri.

    [7] COM(2010)700 tad-19.10.2010.

    [8] Sors: L-Aġenzija tal-UE (2010) GNSS market monitoring report.

    [9] Dawn l-elementi kollha jirrappreżentaw ammont ekwivalenti għall-ħtiġijiet ta' finanzjament addizzjonali.

    [10] Ġew organizzati diversi laqgħat bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u dawk tal-ESA l-aktar matul is-sajf tal-2010.

    [11] Is-satelliti huma mfassla biex ikollhom ħajja ta' 12-il sena. Il-ħajja tal-infrastrutturi fl-art hija iqsar.

    [12] Dawn il-konsultazzjonijiet saru matul is-sajf tal-2010 fil-qafas tal-istudju dwar it-tħaddim tal-programmi mwettqa minn konsulenti indipendenti.

    [13] COM(2010)700.

    [14] L-ammont ta' dawn il-benefiċċji hija korrelatata mad-data tat-tlestija tal-fazi ta' skjerament. Id-dewmien tal-aħħar għalhekk kellu effett negattiv fuq id-dħul mistenni mis-sistemi (ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 6).

    Top