Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011BP0140

    Estimi tad-dħul u tan-nefqa għall-2012 - Taqsima I - Il-Parlament Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta’ April 2011 dwar l-estimi tad-dħul u tan-nefqa tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2012 - Taqsima I - Il-Parlament Ewropew (2011/2018(BUD))

    ĠU C 296E, 2.10.2012, p. 226–229 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.10.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 296/226


    L-Erbgħa 6 ta’ April 2011
    Estimi tad-dħul u tan-nefqa għall-2012 - Taqsima I - Il-Parlament

    P7_TA(2011)0140

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ April 2011 dwar l-estimi tad-dħul u tan-nefqa tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2012 - Taqsima I - Il-Parlament Ewropew (2011/2018(BUD))

    2012/C 296 E/39

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar il-linji gwida għall-proċedura baġitarja 2012 – it-Taqsimiet I, II, IV, V, VI, VII, VIII, IX u X (3),

    wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau bl-għan li jitħejja l-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2012,

    wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Bureau fit-23 ta’ Marzu 2011 skont l-Artikoli 23(7) u 79(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament,

    wara li kkunsidra l-abbozz tal-estimi mħejji mill-Kumitat għall-Baġits skont l-Artikolu 79(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 79 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati (A7-0087/2011),

    A.

    billi s-sitwazzjoni finanzjarja, ekonomika u soċjali attwali tal-Unjoni tobbliga lill-istituzzjonijiet jirreaġixxu bil-kwalità u bl-effiċjenza meħtieġa u li jimpjegaw proċeduri ta’ ġestjoni stretti sabiex jiġi żgurat li jinkiseb l-iffrankar; iqis li dan l-iffrankar għandu jinvolvi linji baġitarji relatati mal-Membri tal-Parlament Ewropew,

    B.

    billi l-istituzzjonijiet għandhom ikunu pprovduti b’riżorsi biżżejjed, għalkemm fil-kuntest ekonomiku attwali dawn ir-riżorsi għandhom jiġu ġestiti b’rigorożità u b’effiċjenza,

    C.

    billi huwa partikolarment mixtieq li l-Kumitat għall-Baġits u l-Bureau jkomplu bil-kooperazzjoni msaħħa tul il-proċedura baġitarja annwali skont l-Artikoli 23 u 79 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, li jipprevedu li l-Bureau ikun responsabbli biex jieħu deċiżjonijiet finanzjarji, organizzattivi u amministrattivi dwar l-organizzazzjoni interna tal-Parlament kif ukoll biex ifassal l-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament u li l-Kumitat għall-Baġits huwa responsabbli għar-rapport lill-plenarja dwar l-estimi baġitarji tal-Parlament fil-kuntest tal-proċedura annwali,

    D.

    billi l-prerogattivi tal-plenarja biex jiġu adottati l-estimi u l-baġit finali se jinżammu għal kollox skont it-Trattat u r-Regoli ta’ Proċedura,

    E.

    billi laqgħa ta’ prekonċiljazzjoni bejn id-delegazzjonijiet tal-Bureau u tal-Kumitat għall-Baġits seħħet fil-15 u fit-22 ta’ Marzu 2011;

    F.

    billi f'ittra riċenti, il-Kummissarju responsabbli għall-baġit stieden lill-istituzzjonijiet kollha jagħmlu l-isforzi kollha possibbli biex tiġi limitata n-nefqa fit-tħejjija tal-estimi tagħhom tan-nefqa għall-Abbozz ta’ Baġit 2012;

    Il-qafas ġenerali u l-baġit globali

    1.

    Jilqa' l-kooperazzjoni bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits, li s'issa kienet tajba, matul il-proċedura baġitarja attwali u l-ftehim bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits waqt il-prekonċiljazzjoni tiegħu fit-22 ta’ Marzu 2011;

    2.

    Jinnota li l-livell tal-Abbozz Preliminari tal-Estimi għall-baġit 2012, kif issuġġerit mis-Segretarju Ġenerali lill-Bureau, jammonta għal EUR 1 773 560 543, li jirrappreżenta 20,26 % tal-intestatura 5 tal-qafas finanzjarju multiannwali (MFF); jinnota li r-rata taż-żieda ssuġġerita hija 5,20 % aktar mill-baġit 2011;

    3.

    Jilqa' l-fatt li l-Bureau kiseb iffrankar fl-Abbozz Preliminari tal-Estimi tiegħu għall-Baġit 2012, kif adottat fil-laqgħa tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2011 wara l-prekonċiljazzjoni tiegħu mal-Kumitat għall-Baġits, meta mqabbel mal-Abbozz Preliminari tal-Estimi kif propost oriġinarjament; jikkonferma l-proposta tal-Bureau u jistabbilixxi l-livell globali tal-Abbozz tal-Estimi għall-2012 fil-livell ta’ EUR 1 724 575 043, li jirrappreżenta 19,70 % tal-intestatura 5 tal-MFF; jinnota li r-rata taż-żieda ssuġġerita hija 2,30 % aktar mill-baġit 2011;

    4.

    Jitlob li jsir rieżami fit-tul tal-baġit tal-Parlament; jitlob li jiġi identifikat iffrankar potenzjali ġejjieni biex jitnaqqsu l-ispejjeż u jinħolqu riżorsi għat-tħaddim fuq perjodu twil ta’ żmien tal-Parlament bħala parti mill-awtorità leġiżlattiva;

    5.

    Jerġa' jafferma li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u baġitarji diffiċli fl-Istati Membri, il-Parlament għandu juri r-responsabilità baġitarja u l-awtokontroll tiegħu billi jibqa' taħt ir-rata ta’ inflazzjoni attwali (4); skont l-orjentament interistituzzjonali, il-ħtiġijiet relatati mat-tkabbir għandhom jiġu integrati permezz ta’ ittra ta’ emenda jew ta’ baġit emendatorju; anke l-ħtiġijiet għat-18-il MPE ġdid b'segwitu għat-Trattat ta’ Lisbona se jiġu intergrati permezz ta’ ittra ta’ emenda jew ta’ baġit emendatorju;

    6.

    Barra minn hekk iħeġġeġ lill-amministrazzjoni biex tippreżenta valutazzjoni oġġettiva tal-baġit tal-Parlament bl-għan li jiġi identifikat l-iffrankar kollu possibbli u biex tippreżenta din il-valutazzjoni lill-Kumitat għall-Baġits biżżejjed qabel it-tmiem tal-proċedura baġitarja;

    7.

    Ifakkar li l-limitu massimu għall-intestatura 5 tal-MFF għall-baġit tal-UE fl-2012 huwa EUR 8 754 miljun;

    8.

    Huwa tal-fehma li l-Parlament u l-istituzzjonijiet l-oħra għandhom juru responsabilità baġitarja u awtokontroll fil-kuntest ta’ kriżi ekonomika u tal-piż tqil tad-dejn pubbliku, kif ukoll trażżin fi żminijiet ta’ sforzi ta’ konsolidazzjoni baġitarja nazzjonali li għadhom għaddejjin, mingħajr ma jdgħajfu l-għan tal-eċċellenza leġiżlattiva;

    Kwistjonijiet speċifiċi

    9.

    Iħeġġeġ lill-Bureau japplika approċċ strett rigward il-ġestjoni tar-riżorsi umani qabel l-istabbiliment ta’ karigi ġodda fil-Parlament;

    10.

    Jikkunsidra li l-isforzi li għaddejjin bħalissa biex jiġu mmodernizzati u rrazzjonalizzati l-amministrazzjoni u l-proposti għall-2012 għandhom jikkontribwixxu għal tnaqqis fil-forniment ta’ servizzi esterni u jistenna li hawn isir iffrankar sinifikanti sabiex jinkiseb livell ta’ nfiq komparabbli mill-inqas għal dak tal-2010;

    11.

    Jilqa' l-proposta tas-Segretarju Ġenerali li titkompla l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali tal-Parlament, li tinbeda kampanja ta’ informazzjoni, li jingħata appoġġ għall-istrateġija multiannwali tal-ICT u li tkompli tiġi mmodernizzata u rrazzjonalizzata l-amministrazzjoni;

    12.

    L-isforzi biex tiġi mmodernizzata u rrazzjonalizzata l-amministrazzjoni għandhom jinkludu wkoll is-sigurtà tal-Parlament; jitlob riżerva ta’ EUR 3 miljun, li tiġi rilaxxata fuq preżentazzjoni ta’ kunċett vijabbli għal titjib u pjani tal-ispejjeż; ifakkar mir-riżoluzzjoni hawn fuq imsemmija tad-9 ta’ Marzu 2011, li għandu jiġi implimentat rieżami bir-reqqa dwar jekk id-dritt għal libertà ta’ aċċess għaċ-ċittadini Ewropej biex jiltaqgħu mar-rappreżentanti Ewropej tagħhom jistax jitqabbel b'mod aktar effikaċi mal-ħtieġa urġenti li tiġi provduta sigurtà għal dawk li jaħdmu fl-istituzzjonijiet; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta rapport ta’ dan it-tip sat-30 ta’ Ġunju 2011;

    13.

    Ifakkar fl-importanza tal-punti kollha msemmija fil-linji gwida għall-baġit 2012 bħall-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-applikazzjonijiet tas-softwer inklużi l-istrateġija diġitali b'rabta mal-għodda Web 2.0 u n-netwerks soċjali, is-sistema tal-“cloud computing” u l-Wifi, il-politika tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, is-sistema tal-ġestjoni tal-għarfien, it-traduzzjoni u l-interpretazzjoni, il-politika ambjentali u l-EMAS u politika attiva ta’ kontra d-diskriminazzjoni;

    14.

    Iqis li fl-implimentazzjoni tal-baġit 2012 għandu jintlaħaq aktar iffrankar billi jitnaqqas il-konsum, b'mod partikolari tal-ilma, tal-elettriku u tal-karti u li għandu jsir sforz biex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport relatati mal-missjonijiet u mal-ivvjaġġar uffiċjali;

    15.

    Jenfasizza l-ħtieġa ta’ tagħrif kostanti u mqassam b'mod indaqs liċ-ċittadini Ewropej u jitlob l-amministrazzjoni tiegħu tissorvelja b'mod kostanti l-postijiet eżistenti u potenzjali għall-uffiċċji ta’ informazzjoni tiegħu, b'mod partikolari fejn l-akkomodazzjoni tiġi offruta mingħajr ħlas;

    16.

    Jirrikjedi li jitwettaq rieżami metikoluż tar-rabtiet attwali bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali bil-ħsieb li jinkixef kif jistgħu jitjiebu l-kuntatti settorjali bejn il-kumitati parlamentari fil-Parlament Ewropew u l-Istati Membri biex jinħoloq djalogu aktar sostantiv u sodisfaċenti;

    Bini li qed jinbena

    17.

    Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu, espressa fir-riżoluzzjoni hawn fuq imsemmija tad-9 ta’ Marzu 2011; iqis li ħlas bikri, bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ finanzjament, jibqa' waħda mill-prijoritajiet ewlenin għall-ġejjieni; jitlob f'dan il-kuntest li jsir l-aħjar użu possibbli mir-riżorsi baġitarji, mill-iżvilupp ta’ strateġija fuq perjodu medju u twil ta’ żmien li tfittex li ssib l-aħjar soluzzjoni kif ukoll jitqies il-bżonn li jkunu valutati possibilitajiet diversi u possibilitajiet ta’ finanzjament alternattivi filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tat-trasparenza u tal-ġestjoni finanzjarja soda;

    18.

    Ifakkar li l-Parlament Ewropew se jikkunsidra finanzjament addizzjonali biss fuq il-bażi ta’ tagħrif meħtieġ marbut ma’ (1) l-ammont u s-sorsi tal-mezzi mistennija ta’ finanzjament, (2) it-tagħrif addizzjonali dwar l-implikazzjonijiet legali, u sakemm (3) id-deċiżjonijiet kollha marbuta mal-proġett ikunu soġġetti għal proċedura ta’ teħid tad-deċiżjonijiet xierqa li tiżgura dibattitu miftuħ u trasparenti; jieħu nota tal-istima tal-ispiża totali għat-twaqqif tad-Dar tal-Istorja Ewropea, l-istima tal-ispejjeż kurrenti u l-ħtiġijiet ta’ persunal; jitlob lill-Bureau jnaqqas l-istima tal-ispejjeż kurrenti; jitlob - sabiex jinżamm djalogu trasparenti u li jħalli l-frott mal-partijiet involuti - li jiġi ppreżentat bi pjan kummerċjali li jispjega l-istrateġija kummerċjali fit-tul tad-Dar tal-Istorja Ewropea u jitlob li jiġi mgħarraf malajr kemm jista' jkun dwar il-proġett tal-bini skont l-Artikolu 179(3) tar-Regolament Finanzjarju; jipproponi riżerva ta’ EUR 2 miljun sakemm jirċievi dak il-pjan kummerċjali;

    19.

    Ma jappoġġax il-ħolqien ta’ linja baġitarja ġdida f'dan l-istadju speċifikament għad-Dar tal-Istorja Ewropea; jitlob għalhekk li l-EUR 1 miljun li diġà ġie allokat għall-partita l-ġdida “3247” (Dar tal-Istorja Ewropea) jiġi ttrasferit fil-kapitolu 101 (riżerva ta’ kontinġenza); iqis madankollu li kwalunkwe ħolqien ta’ tali linja għandu jkun parti minn proċedura trasparenti u għandu jkun approvat mill-awtorità tal-baġit;

    Kunsiderazzjonijiet aħħarin

    20.

    Jadotta l-estimi għas-sena finanzjarja 2012 u jfakkar li l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar l-Abbozz tal-Baġit, kif modifikat mill-Kunsill, se sseħħ f’Ottubru 2011, skont il-proċedura stipulata fit-Trattat;

    *

    * *

    21.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-estimi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (2)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    (3)  Testi adottati, P7_TA(2011)0088.

    (4)  Stqarrija għall-istampa tal-Eurostat 41/2011, 16 ta’ Marzu 2011.


    Top