Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AR0168

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-kooperazzjoni territorjali fil-baċir tal-Mediterran permezz tal-makroreġjun Adrijatiku-Joniku” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 9, 11.1.2012, p. 8–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.1.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 9/8


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-kooperazzjoni territorjali fil-baċir tal-Mediterran permezz tal-makroreġjun Adrijatiku-Joniku” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    2012/C 9/03

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jenfasizza li strateġija makroreġjonali ma tistax tħaddan is-setturi kollha ta’ intervent iżda għandha tiffoka fuq l-isfidi u l-kwistjonijiet tal-makroreġjun ikkonċernat li għandhom jiġu identifikati wara valutazzjoni konġunta mill-imsieħba, u jfakkar li makroreġjun, bħala żona funzjonali, m’għandux konfini definiti minn qabel, u d-definizzjoni tiegħu hija strettament marbuta mal-isfidi komuni li jridu jiġu ffaċċjati;

    iqis li dan l-approċċ jista’ jkun strument importanti biex jintlaħaq l-għan tal-koeżjoni territorjali;

    jenfasizza li valur miżjud importanti tal-istrateġija makroreġjonali tal-Adrijatiku-Joniku huwa l-fatt li tenfasizza l-attenzjoni min-naħa tal-UE lejn il-Balkani tal-Punent, tikkostitwixxi fattur importanti ta’ rikonċiljazzjoni bejn it-territorji u tikkontribwixxi għall-progress tagħhom lejn l-integrazzjoni Ewropea;

    ifakkar li ż-żona ġeografika affettwata mill-istrateġija tħaddan tliet Stati Membri (l-Italja, il-Greċja u s-Slovenja), żewġ pajjiżi kandidati (il-Kroazja u l-Montenegro), u tliet pajjiżi kandidati potenzjali (l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina u s-Serbja); jenfasizza li minbarra d-dimensjoni marittima, l-approċċ makroreġjonali għandu jqis kull kwistjoni fundamentali li llum tolqot lill-makroreġjun Adrijatiku-Joniku, mill-protezzjoni u l-konservazzjoni ambjentali sal-enerġija, mit-tibdil fil-klima, sar-riċerka u l-innovazzjoni;

    ifakkar li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tar-rifjut triplu – l-ebda regolament ġdid, l-ebda istituzzjoni ġdida u l-ebda fond ġdid – fir-rigward tal-iżvilupp tal-istrateġiji makroreġjonali għandu wkoll ikun akkumpanjat minn tliet affermazzjonijiet: l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ konġunti tar-regoli li jeżistu fil-makroreġjuni, il-ħolqien ta’ pjattaforma, netwerk jew raggruppament territorjali ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali u l-użu miftiehem tar-riżorsi finanzjarji eżistenti;

    Relatur

    Is-Sur Gian Mario SPACCA (IT/ALDE), President tar-Reġjun tal-Marche

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Kummenti ġenerali

    1.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill Ewropew, f’Ottubru 2009, tal-istrateġija Ewropea għall-makroreġjun tal-Baħar Baltiku li fetħet triq li permezz tagħha xi reġjuni Ewropej, fl-istrument tal-istrateġija makroreġjonali, sabu jew qed isibu soluzzjoni għall-problemi ta’ żvilupp bilanċjat u sostenibbli;

    2.

    ifakkar fir-rwol tiegħu, sa mill-bidu nett, fit-tħejjija tal-istrateġiji makroreġjonali Ewropej, peress li jippermettu l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, sakemm juru valur miżjud għall-UE;

    3.

    bi pjaċir jinnota li fl-okkażjoni tal-Forum oranizzat fit-13 ta’ April 2010 dwar it-tema “Il-makroreġjuni Ewropej – l-integrazzjoni permezz tal-kooperazzjoni territorjali”, bosta reġjuni Ewropej ikkonfermaw l-interess tagħhom f’dan l-argument u d-dibattitu u t-tagħlimiet promossi fl-okkażjoni tal-Forum tal-KtR jikkonfermaw li l-makroreġjun jista’ jkun mod innovattiv ta’ kooperazzjoni territorjali fil-livell interreġjonali u transnazzjonali, li kapaċi jsaħħaħ il-koerenza u l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet politiċi f’diversi setturi, jirrazzjonalizza l-użu tar-riżorsi finanzjarji u jippromovi r-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali skont il-prinċipji tal-governanza f’diversi livelli, b’involviment sew mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

    4.

    itenni li l-approċċ makroreġjonali lejn il-modi u l-ambiti tal-intervent jistgħu jintrabtu b’mod koerenti ma’ politiki strateġiċi oħra tal-Unjoni bħall-Istrateġija Ewropa 2020, il-politika ta’ koeżjoni u l-politika marittima integrata;

    5.

    jenfasizza li l-istrateġija makroreġjonali, meta jitqiesu l-karatteristiċi tagħha, ma tistax tħaddan is-setturi kollha ta’ intervent iżda għandha tiffoka fuq l-isfidi u l-kwistjonijiet tal-makroreġjun ikkonċernat li għandhom jiġu identifikati wara valutazzjoni konġunta mill-imsieħba, filwaqt li tgħaqqad il-prinċipji tal-kooperazzjoni mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

    6.

    jenfasizza li l-makroreġjun, bħala żona funzjonali, m’għandux konfini definiti minn qabel u d-definizzjoni tiegħu hija strettament marbuta mal-kwalità u l-kwantità tal-isfidi komuni li jridu jiġu ffaċċjati; għalhekk, l-applikazzjoni tiegħu għandha tkun ibbażata fuq kriterji konkreti (ibbażati fuq l-interkonnettività ġeografika) sabiex il-kooperazzjoni tkun imsejsa fuq kwistjonijiet li jistgħu jiġu solvuti; permezz ta’ hekk għandu jkun possibbli li tiġi żgurata interkonnessjoni aħjar ma’ żoni ġeografiċi oħrajn, bħall-Ewropa ċentrali, l-Alpi u r-Reġjun tad-Danubju;

    7.

    jisħaq li minn dan il-lat, l-istrateġija makroreġjonali tista’ ssir strument importanti biex jintlaħaq l-għan tal-koeżjoni territorjali sostnuta ħafna fit-Trattat ta’ Lisbona u biex jissaħħu l-proċeduri għad-dħul fl-Unjoni Ewropea tal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali, minħabba l-effett ta’ lieva fuq l-interessi komuni tar-reġjuni, li huma parti mill-Istati Membri “antiki” u “ġodda”, kif ukoll minn pajjiżi terzi, kif diġà juru l-eżempji tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tal-Baħar Baltiku u l-Istrateġija għar-reġjun tad-Danubju;

    8.

    jenfasizza li valur miżjud importanti tal-istrateġija makroreġjonali tal-Adrijatiku-Joniku huwa l-fatt li tenfasizza l-attenzjoni min-naħa tal-UE lejn il-Balkani tal-Punent, hekk kif ġara fil-passat sabiex jiġu integrati t-territorji tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant;

    9.

    jinnota li l-istrateġija makroreġjonali tal-Adrijatiku-Joniku tikkostitwixxi fattur importanti ta’ rikonċiljazzjoni bejn it-territorji fil-lvant tal-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Joniku, u fl-istess ħin, tirrikonoxxi u qed terġa’ tiskopri l-valuri komuni, li tul is-sekli, għaqqdu ż-żewġ xtut;

    10.

    jenfasizza li valur ieħor tal-istrateġija makroreġjonali nħoloq mill-opportunità li tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali f’territorju li jagħmel ukoll parti miż-żona vasta tal-Meditteran u li tikkontribwixxi għall-progress tagħhom lejn l-integrazzjoni Ewropea;

    11.

    jenfasizza li l-makroreġjun mhuwiex livell istituzzjonali ieħor fi ħdan l-Unjoni Ewropea, iżda netwerk, mod operattiv jew anzi azzjoni komuni li tinvolvi lil diversi atturi Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali – diversi politiki u diversi programmi ta’ finanzjament. Għaldaqstant, tkun ħaġa tajba li jiġi stabbilit netwerk bejn l-atturi, l-għodod u l-inizjattivi kollha kkonċernati, b’mod flessibbli u mingħajr burokrazija;

    Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Adrijatiku Joniku: il-kuntest

    12.

    jinnota li t-territorji tal-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Joniku huma baċir marittimu u reġjun internazzjonali. Kemm jekk jitqies mil-lat storiku, ġeografiku, ekonomiku, ambjentali jew soċjali, l-interazzjonijiet bejn il-pajjiżi minn dejjem kienu karatteristika ewlenija ta’ dan ir-reġjun. Il-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Joniku huma (eko)reġjuni marittimi u tal-baħar importanti fl-Ewropa, li huma kontigwi u li jitfgħu fiż-żona ċentrali tal-baħar Mediterran, li huwa baħar nofsu magħluq b’rata baxxa tat-tiġdid tal-ilma;

    13.

    jenfasizza li l-makroreġjun Adrijatiku-Joniku jħaddan l-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi kandidati jew kandidati potenzjali li jmissu ma’ dawn l-ibħra. Huwa żona ferm eteroġena f’termini ekonomiċi, ambjentali u kulturali. Fi ħdan il-proċess attwali ta’ adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, il-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Joniku mhux biss ser jaqsmu wirt komuni iżda ser jintlaqtu iktar u iktar mill-moviment ħieles tan-nies, il-prodotti u s-servizzi.

    14.

    ifakkar li ż-żona ġeografika konċernata mill-istrateġija tħaddan tliet Stati Membri (l-Italja bir-reġjun Adrijatiku u r-reġjun Joniku, il-Greċja u s-Slovenja), żewġ pajjiżi kandidati (il-Kroazja u l-Montenegro), u tliet pajjiżi kandidati potenzjali (l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina u s-Serbja), minbarra s-superfiċje tal-baħar, ta’ ftit inqas minn 450 000 kilometru kwadru fejn jgħixu madwar 60 miljun persuna. Reġjun li jestendi ’l barra mill-baċir marittimu u li, min-natura tiegħu stess iservi ta’ pont bejn it-territorji u ta’ ħolqa li torbot il-popli u l-istituzzjonijiet, huwa iktar adatt għall-iżvilupp ta’ strateġija komuni kapaċi toħloq opportunità għal żvilupp sostenibbli u biex jottimizza l-iskambju tal-ideat, tal-persuni, tal-prodotti u tas-servizzi;

    15.

    jenfasizza li l-baċir Adrijatiku Joniku jirrappreżenta “baħar nofsu magħluq” u eventwalment ser ikun dejjem iktar “baħar intern” tal-Unjoni Ewropea. Huwa baċir li jippreżenta analoġiji maż-żona tal-Baltiku, fejn fiż-żewġ każi huma ibħra, bi problemi u sfidi simili, kif ukoll “rabtiet” bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, u fl-istess ħin ħruġ marittimu naturali miż-żona tad-Danubju;

    16.

    jenfasizza li ż-żoni kollha Ewropej huma konnessi bejniethom, u għalhekk, ir-rabta mixtieqa taż-żona Baltika u ż-żona tad-Danubju maż-żona Adrijatika-Jonika tirrappreżenta l-estensjoni naturali tagħhom u t-tisħiħ tal-politika Ewropea ta’ kooperazzjoni territorjali;

    17.

    jinnota li r-reġjun Adrijatiku Joniku sa mill-aħħar tas-snin 70 interessa lil diversi organizzazzjonijiet u inizjattivi; l-iktar importanti fosthom huma:

    il-Forum tal-bliet fuq l-ibħra Adrijatiku u Joniku fejn l-enfasi tiċċentra fuq il-qsim ta’ mudell komuni amministrattiv, għal żvilupp iktar bilanċjat tat-territorji amministrati (madwar 50),

    il-Forum tal-Kmamar tal-Kummerċ fejn l-aspetti soċjoekonomiċi u l-protezzjoni tar-riżorsi għandhom rilevanza partikolari (madwar 30),

    il-Forum tal-Universitajiet “Uniadrion”, fejn il-punt tat-tluq huwa t-twettiq ta’ rabta permanenti bejn l-Universitajiet u ċ-ċentri tar-Riċerka taż-żona Adrijatika u ż-żona Jonika għal produzzjoni multimedjali konġunta (madwar 32),

    l-Inizjattiva Adrijatika-Jonika, li bħala membri għandha l-pajjiżi tal-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Greċja, l-Italja, il-Montenegro, is-Slovenja u s-Serbja, inħolqot fi tmiem il-kunflitt ta’ Dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava, f’Mejju 2000 f’Ancona, bil-għan li tiżgura s-sigurtà u l-kooperazzjoni fiż-żona Adrijatika u ż-żona Jonika,

    l-Ewroreġjun Adrijatiku, li skont ir-regola jgħaqqad l-istituzzjonijiet, fil-livell eżatt taħt il-livell tal-Istat, fuq iż-żewġ naħat tal-Baħar Adrijatiku għal djalogu u l-koordinazzjoni bejn il-prijoritajiet rispettivi tal-programmi;

    li magħhom jingħaqdu bosta netwerks għall-infrastruttura (bħan-North Adriatic Port Association N.A.P. A.), il-kultura, l-edukazzjoni u t-taħriġ;

    18.

    ifakkar li barra minn hekk, din iż-żona tibbenefika minn interventi importanti tal-Unjoni Ewropea, finanzjati mill-programmi tematiċi (it-trasport, l-enerġija, l-ambjent, eċċ.), mill-programmi nazzjonali u reġjonali tal-politika ta’ koeżjoni Ewropea (Objettivi 1 u 2), u minn dawk tal-politika Ewropea dwar il-kooperazzjoni territorjali bħall-programmi IPA CBC għall-kooperazzjoni transkonfinali fl-Adrijatiku u l-programmi korrispondenti għall-kooperazzjoni transkonfinali (pereżempju bejn l-Italja u s-Slovenja, il-Greċja u l-Italja) u għall-kooperazzjoni transnazzjonali (Programm tal-Ewropa Ċentrali – CE, il-Programm għax-Xlokk tal-Ewropa – South East Europe SEE, il-Programm Mediterran – MED u l-Programm għaż-Żona Alpina – Alpine Space), permezz tal-fondi tal-FEŻR u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni – IPA. L-importanza u l-valur miżjud ta’ strateġija tal-Unjoni Ewropea għall-makroreġjun jinstabu sewwa sew fil-benefiċċji ta’ integrazzjoni b’saħħitha bejn dawn il-progammi u dawk li jitwettqu fuq skala nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll l-investimenti mill-Bank Ewropew tal-Investiment, mis-sistema tal-kreditu lokali u mill-atturi privati. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jenfasizza li proċess simili ma jistax jiġi limitat għal approċċ intergovernattiv iżda jeħtieġ l-applikazzjoni immedjata tal-lieva politika u istituzzjonali u l-kompetenza teknika tal-istituzzjonijiet tal-UE;

    19.

    jisħaq li dan in-netwerk vast ta’ relazzjonijiet jirrappreżenta punt ta’ referenza importanti u l-bażi neċessarja għall-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea tal-politiki lokali u reġjonali; is-sostenn għas-sistemi ta’ sħubija transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali jsir strateġiku fil-livell territorjali u jikkontribwixxi għall-istrutturar tas-sistemi tad-djalogu u l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali, ir-reġjuni u l-amministrazzjoni ċentrali, b’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona;

    20.

    iqis li minħabba l-karatteristiċi li jiddistingwuha u b’mod partikolari minħabba l-interessi li l-pajjiżi membri tagħha għandhom fis-suġġetti marbuta mal-ħarsien tal-ilmijiet marittimi u l-kosti, l-Inizjattiva Adrijatika-Jonika tista’ tagħti dimensjoni iktar Mediterranja. Fl-istess ħin, minħabba l-vokazzjoni ġeografika speċifika tagħha u s-suġġetti marbuta magħha, l-Inizjattiva Adrijatika-Jonika hija destinata li tagħti valur miżjud għall-proċessi ta’ stabilizzazzjoni fiż-żona u b’mod partikolari għad-dinamiċi tal-integrazzjoni fiż-żona Ewropea mingħajr ma tkun superfluwa għall-istituzzjonijiet oħra b’kopertura u rilevanza differenti;

    21.

    ifakkar li fil-5 ta’ Mejju 2010 f’Ancona, il-Kunsill Adrijatiku-Joniku, magħmul mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi assoċjati mal-Inizjattiva Adrijatika-Jonika, adotta stqarrija li permezz tagħha jaderixxi għall-proposta ta’ strateġija makroreġjonali għaż-żona Adrijatika-Jonika u jistieden lill-Istati Membri (l-Italja, il-Greċja, is-Slovenja) jibdew jaħdmu għall-approvazzjoni mill-istituzzjonijiet Komunitarji;

    22.

    jenfasizza li fit-23 ta’ Mejju 2011, fi Brussell, il-Kunsill Adrijatiku-Joniku adotta dikjarazzjoni oħra fejn jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-13 ta’ April 2011 li jistieden lill-Istati Membri jkomplu bill-ħidma għall-makroreġjuni futuri, u jikkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-appoġġ tal-istrateġija makroreġjonali għaż-żona Adrijatika u ż-żona Jonika biex din titwettaq b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u bil-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

    23.

    jenfasizza li matul it-VIII u d-IX Konferenza, li saru rispettivament f’Bari (l-Italja) fid-29 ta’ April 2010 u f’Budva (il-Montenegro) fil-11 ta’ April 2011, il-Presidenti tal-parlamenti nazzjonali membri tal-Inizjattiva Adrijatika-Jonika adottaw dikjarazzjonijiet finali speċifiċi li bihom il-parlamenti impenjaw ruħhom li jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jikkontribwixxu għall-proċess ta’ adeżjoni fl-UE tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent li huma membri tal-Inizjattiva u talbu lill-istituzzjonijiet Ewropej biex, fil-parti tax-Xlokk tal-Ewropa, jiżviluppaw strateġija makroreġjonali għall-baċir Adrijatiku-Joniku;

    24.

    ifakkar li t-territorji involuti fl-istrateġija huma dawk li jaqdu funzjoni fil-baħar Adrijatiku jew fil-baħar Joniku fejn id-differenzi fil-pajsaġġ u l-ambjent bejn iż-żewġ kosti tal-baċir Adrijatiku huma importanti minħabba l-karatteristiċi ġeomorfoloġiċi tagħhom, il-pressjoni għolja tal-iżvilupp urban u d-differenzi demografiċi. Barra minn hekk, din iż-żona għandha rabtiet qawwija ma’ xi territorji tal-Awstrija t’Isfel u l-Mediterran Ċentrali u tal-Lvant;

    25.

    fil-fehma tiegħu, xi wħud miż-żoni kostali ntlaqtu minn livell għoli ta’ urbanizzazjoni, l-iktar madwar iż-żoni tal-manifattura kif ukoll iż-żoni b’rata għolja ta’ turiżmu. Il-pressjoni eċċessiva tal-użu produttiv, id-domanda lokalizzata u t-trasformazzjonijiet konsegwenti tal-ħabitat kostali wasslu għal konġestjoni mifruxa u tnaqqir kontinwu tal-ambjent naturali. Minkejja dan, jeżistu siti ambjentali u żoni protetti nazzjonali u reġjonali eċċellenti;

    26.

    iqis li xi żoni kostali jippreżentaw kontinwità ta’ pajsaġġ u wirt ambjentali li dejjem qed jiġu mhedda iktar mill-proċessi tal-iżvilupp. Fost il-problemi identifikati għal din iż-żona nsibu n-nuqqas ta’ sistemi tad-dranaġġ u r-rimi tal-iskart, urbanizzazzjoni tal-kosta dejjem tiżdied, u emissjonijiet atmosferiċi kontinwi tal-pollutanti mit-trasport, mill-proċessi industrijali u mill-produzzjoni tal-enerġija;

    27.

    jenfasizza li fuq livell iktar ġenerali, l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun Adrijatiku-Joniku beħsiebha tkun strument prezzjuż mhux biss għat-territorji kkonċernati iżda għall-UE kollha kemm hi, billi tiffoka kompletament li tikseb il-linji strateġiċi tal-UE fl-iżvilupp intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u b’mod partikolari l-Istrateġija Ewropa 2020. Il-perjodu ta’ ppjanar strateġiku għandu jibda fl-2012 jew fl-2013, b’tali mod li jkun possibbli l-konformità u l-garanzija tal-ikbar koerenza mal-prijoritajiet tal-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss, mal-oqfsa strateġiċi komuni u mal-programmi operattivi relatati;

    28.

    iqis li jekk ser tiġi definita missjoni għall-istrateġija tal-Adrijatiku-Joniku, din ser tkun “toħloq rabtiet u tipproteġi”: toħloq rabtiet bejn it-territorji tal-makroreġjun biex tħeġġeġ l-iżvilupp sostenibbli tiegħu filwaqt li tipproteġi l-ambjent fraġli marittimu, kostali u dak intern. Iż-żewġ makrostrateġiji Ewropej għall-Baltiku u d-Danubju, flimkien mal-istrateġija għall-makroreġjun Adrijatiku-Joniku u l-istrateġiji futuri tal-UE (1) jistgħu joħolqu dawn l-interkonnessjonijiet u s-sinerġiji inklużi dawk infrastrutturali, imsemmija fil-punt 18 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali tat-13 ta’ April 2011. Dawn l-istrateġiji għandhom iservu bħala strument ideali bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Ewropa, u f’dan il-kuntest, il-makroreġjun Adrijatiku-Joniku għandu jservi biex isaħħaħ u jnaqqas il-konġestjoni tal-aċċess tax-Xlokk tal-Ewropa għall-bqija tad-dinja, b’tali mod li tkun tista’ tinkludi wkoll iż-żona tal-Mediterran Ċentrali u tal-Lvant; billi jitwal il-kuritur bejn il-Baltiku u l-Adrijatiku previst fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2011) 500 tad-29 ta’ Ġunju 2011 u l-konnessjoni tiegħu man-netwerks intermodali. Minħabba li jista’ jkun hemm duplikazzjonijiet ġeografiċi qawwijin bejn l-Istrateġija tal-Adrijatiku-Joniku u dik tar-Reġjun tad-Danubju, il-Kummissjoni Ewropea għandha tipprevedi l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni meħtieġa;

    Baħar, kosta u intern: makroreġjun li jgħaqqad, jipproteġi u jiżviluppa

    29.

    iqis li baċir marittimu fih innifsu huwa riżorsa komuni li tgħaqqad il-pajjiżi u r-reġjuni li għandhom fruntiera miegħu, kif ukoll ass komuni li għandu jkun protett. Iżda l-baħar jeħtieġ ukoll interventi konġunti sabiex jiġġenera l-ġid u l-iżvilupp. Barra minn hekk, huwa sistema fraġli u dan huwa minnu b’mod partikolari fil-każ tal-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Joniku, li huma ibħra b’rata baxxa tat-tiġdid tal-ilma, konnessi mal-Mediterran, li hu stess huwa baħar nofsu magħluq. Sabiex jiġi ppriservat l-ambjent Adrijatiku u Joniku, fl-Istrateġija Adrijatika-Jonika għandhom jiddaħħlu wkoll strateġiji tal-baħar adegwati;

    30.

    jinnota li minn dan il-lat, il-makroreġjun Adrijatiku-Joniku jista’ jitqies bħala komunità marittima. Għalhekk, l-Istrateġija ser iġġib magħha mhux biss dokumenti tal-ippjanar, iżda azzjonijiet – konkreti u viżibbli – biex jingħelbu l-isfidi li qed jiffaċċja r-reġjun. L-Istati, ir-reġjuni u l-partijiet oħra konċernati għandhom jieħdu r-responsabbiltà li jiggwidaw is-setturi prinċipali speċifiċi u l-proġetti ewlenin ibbażati fuq approċċ integrat tal-politika marittima, tal-politika tat-trasport u tal-portijiet fl-ambitu tal-kurituri pan-Ewropej;

    31.

    jenfasizza li minbarra d-dimensjoni marittima, l-approċċ makroreġjonali għandu jqis kull kwistjoni fundamentali li llum tolqot lill-makroreġjun Adrijatiku-Joniku, mill-protezzjoni u l-konservazzjoni ambjentali sal-enerġija, mit-tibdil fil-klima, sar-riċerka u l-innovazzjoni, mill-preservazzjoni tal-ilma sottomarin sar-riżorsi kulturali, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi, il-kummerċ, il-loġistika u t-taħriġ ta’ maniġers pubbliċi taż-żona Adrijatika-Jonika;

    32.

    ifakkar fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ssostni l-prinċipju tar-rifjut triplu – l-ebda regolament ġdid, l-ebda istituzzjoni ġdida u l-ebda fond ġdid – fir-rigward tal-iżvilupp tal-istrateġiji makroreġjonali; min-naħa tiegħu, itenni li dan il-prinċipju għandu wkoll ikun akkumpanjat minn tliet affermazzjonijiet: l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ konġunti tar-regoli li jeżistu fil-makroreġjuni; il-ħolqien ta’ pjattaforma, netwerk jew raggruppament territorjali ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali u Stati Membri bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u taħt ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE; l-użu miftiehem tar-riżorsi finanzjarji eżistenti tal-Unjoni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali;

    33.

    jinsisti li minn hawn u l-2012/2013, il-Kunsill Ewropew għandu jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tfassal strateġija makroreġjonali tal-Adrijatiku-Joniku. Sadattant, id-dibattitu jkun juri li din tkun deċiżjoni responsabbli min-naħa tal-istituzzjonijiet Komunitarji, għax b’hekk ikun jista’ jintlaħaq kunsens, u fl-istess ħin jinstab approċċ prammatiku bejn it-tliet sisien tal-istrateġija makroreġjonali fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020;

    34.

    jinnota li b’rabta mal-kwistjoni tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, huwa possibbli, l-istess kif sar għall-Baħar Baltiku u għar-Reġjun tad-Danubju, li anke għaż-żona Adrijatika-Jonika tiġi identifikata strateġija Ewropea li, billi tuża l-bosta netwerks ta’ kooperazzjoni li jeżistu diġà, tisfrutta l-firxa ta’ inizjattivi, programmi u proġetti li għaddejjin diġà, tadatta u tikkoordina d-diversi strumenti disponibbli għad-diversi atturi, tikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni tal-proċess ta’ integrazzjoni kemm bejn l-Istati kif ukoll fi ħdanhom stess, permezz ta’ parteċipazzjoni qawwija mis-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-implimentazzjoni ta’ miżuri konkreti;

    35.

    jenfasizza li dawn il-kundizzjonijiet iwasslu biex l-istrateġija makroreġjonali għaż-żona Adrijatika-Jonika sservi bħala eżempju eċċellenti ta’ “governanza f’diversi livelli” fil-prattika, billi hija toħloq l-opportunitajiet biex jiġu kkwalifikati u definiti l-kooperazzjoni u l-interazzjoni tal-partijiet kollha affettwati mill-isfidi kbar li jeżistu f’dan ir-reġjun;

    36.

    ifakkar li f’din il-fażi, fejn il-maġġoranza tal-miżuri huma bbażati fuq il-leġislazzjoni relatata mal-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri, għall-bidu l-Kummissjoni għandha tillimita lilha nnifisha li tipproponi azzjonijiet speċifiċi li mbagħad jiġu żviluppati bil-kooperazzjoni tal-livelli kollha ta’ gvern interessati skont il-kompetenzi u r-responsabbiltà rispettivi sabiex wara jassumu rwol ta’ koordinazzjoni, monitoraġġ, implimentazzjoni u segwitu tal-istrateġija; sabiex dan il-għan jintlaħaq, il-Kummissjoni għandha tuża kemm jista’ jkun l-istrutturi adegwati li diġà jeżistu.

    Konklużjonijiet

    37.

    josserva li fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet adottati mill-Kunsill Adrijatiku-Joniku (il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Inizjattiva Adrijatika-Jonika) u fid-dawl tal-problemi urġenti u l-isfidi attwali, għandha tinbeda minnufih it-tħejjija ta’ strateġija Ewropea għaż-żona Adrijatika-Jonika u għalhekk jistieden lill-Kunsill Ewropew jafda lill-Kummissjoni bit-tħejjija ta’ din l-istrateġija;

    38.

    jitlob lill-Parlament Ewropew, abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-Konferenzi tal-Presidenti tal-Parlamenti Nazzjonali msieħba fl-Inizjattiva Adrijatika-Jonika u b’kunsiderazzjoni tal-valur strateġiku għat-tlestija tal-proċess ta’ adeżjoni mal-UE, sabiex jadotta inizjattiva politika b’saħħitha għat-tnedija ta’ strateġija tal-Unjoni Ewropea għall-makroreġjun Adrijatiku-Joniku;

    39.

    jistieden lill-Parlament Ewropew, li bħalissa qiegħed iħejji dokumenti importanti rigward it-twettiq tal-politika marittima integrata, il-ġestjoni tal-ilmijiet territorjali u l-politika tat-trasport, biex iqis id-dimensjoni makroreġjonali Adrijatika-Jonika;

    40.

    jenfasizza li l-istrateġija makroreġjonali tal-Adrijatiku-Joniku hija perfettament kompatibbli mal-iżvilupp tal-Ewroreġjuni li jiffokaw fuq il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni transkonfinali jew l-iżvilupp ta’ strutturi Ewropej fil-kuntest ta’ proġetti transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali li legalment jiffurmaw ir-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT);

    41.

    jirrakkomanda li l-politiki tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu wara l-2013, tinkludi bis-sħiħ l-istrateġiji makroreġjonali fost is-setturi proprji ta’ kooperazzjoni territorjali (l-iktar rigward il-kooperazzjoni transkonfinali u transnazzjonali), b’tali mod li l-programmi operattivi reġjonali tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss (2014-2020) ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġiji makroreġjonali;

    42.

    jistieden lill-Kummissjoni biex, b’konformità mal-punt 21 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali tat-13 ta’ April u mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2011, u b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-istituzzjonijiet nazzjonali u lokali ilhom jaħdmu fuq abbozz ta’ strateġija makroreġjonali, twettaq minnufih monitoraġġ dettaljat tal-proġetti strateġiċi li għaddejjin bħalissa, li huma approvati jew li jinsabu fi triqthom li jiġu approvati li jaqgħu taħt it-territorji Adrijatiċi-Joniċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta “tliet affermazzjonijiet”, kif issemmew fil-punt 32 ta’ din l-opinjoni;

    43.

    iqis li huwa neċessarju u urġenti li r-rwol u l-funzjonament tal-makroreġjuni jiġu eżaminati u definiti iktar fi Green Paper, kif diġà ntalab fir-riżoluzzjoni dwar il-programm leġislattiv u ta’ ħidma 2010 tal-Kummissjoni Ewropea;

    44.

    jenfasizza li l-istrateġija għaż-żona Adrijatika-Jonika hija bbażata fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Hija ser tindirizza kwistjonijiet u problemi li ma jistgħux jiġu solvuti esklużivament fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali;

    45.

    jisħaq li din l-istrateġija għandha titħejja fil-qafas ta’ konsultazzjoni pubblika wiesgħa u għandha titwettaq b’kooperazzjoni stretta man-netwerks u l-organizzazzjonijiet eżistenti fiż-żona u mal-Kumitat tar-Reġjuni bħala rappreżentant tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u msieħba oħra importanti, abbażi tal-esperjenza tal-istrateġija tal-UE għar-reġjun tal-Baħar Baltiku u l-istrateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju;

    46.

    ifakkar li skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tat-13 ta’ April 2011, dwar it-trasparenza, il-viżibbiltà u l-iskambju tal-aħjar prattika bejn l-istrateġiji tal-makroreġjuni, is-sħubija tal-makroreġjun Adrijatiku-Joniku, matul l-Open Days 2011, organizzat analiżi tal-kwistjonijiet makroreġjonali, fejn saret enfasi speċjali fuq il-proposta ta’ strateġija makroreġjonali għaż-żona Adrijatika-Jonika, permezz ta’ dibattitu bejn ir-rappreżentanti mit-13-il reġjun u belt tas-sħubija, kif ukoll permezz ta’ workshop tas-sħubijiet pubbliċi-privati u bil-preżentazzjoni ta’ proġetti speċifiċi fil-fażi tat-twettiq;

    47.

    jitlob lill-President iressaq din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja quddiem il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Presidenza attwali tal-Kunsill u l-imsieħba tagħha fit-trio presidenzjali.

    Brussell, 11 ta’ Ottubru 2011.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Mercedes BRESSO


    (1)  Xi strateġiji li qegħdin jitfasslu: l-Istrateġija dwar il-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż, l-Istrateġija dwar iż-Żona Alpina, l-Istrateġija dwar iż-Żona Atlantika, l-Istrateġija dwar il-Baħar l-Iswed, eċċ.


    Top