EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AR0066

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport”

ĠU C 9, 11.1.2012, p. 74–79 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/74


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport”

2012/C 9/14

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali minn dejjem irrikonoxxew u użaw il-potenzjal edukattiv tal-isport, billi inkorporawh f'politiki tal-edukazzjoni u miżuri sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja, inkluż f'termini ta’ saħħa pubblika;

jilqa' b'sodisfazzjon, b'mod partikolari, il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ħadet azzjoni biex tappoġġja l-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni fil-qasam tal-isport;

jenfasizza l-valuri etiċi tal-isport u b'mod partikolari l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu mgħallma jifhmu l-“valur f'li wieħed jitlef” u l-prinċipju ta’ “logħob ġust”, ibda b'dawk li jħarrġu u t-tekniċi li jridu jgħallmu bl-eżempju, sabiex jitwaqqfu inċidenti mhux xierqa jew li jmorru kontra l-prinċipji edukattivi;

jenfasizza l-valur soċjetali ta’ inizjattivi sportivi bħall-Olimpijadi Speċjali u l-Para-Olimpijadi, li jżidu aktar l-inklużjoni soċjali ta’ persuni b'diżabilitajiet, jikkontribwixxu fuq livelli varji għall-indipendenza personali tagħhom;

jipproponi li jiġu appoġġjati inizjattivi innovattivi sabiex tiġi inkoraġġuta l-attività fiżika fl-iskejjel, preferibbilment bejn l-età ta’ erba' snin u erbatax-il sena, fil-qafas tat-tagħlim tul il-ħajja;

jappella li l-opportunitajiet li joffri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jintużaw kemm jista' jkun biex jiġu appoġġjati l-infrastruttura u l-attivitajiet sportivi u li l-opportunitajiet li joffri l-Fond Soċjali Ewropew jintużaw biex jitjiebu l-ħiliet u l-impjegabbiltà tal-ħaddiema fis-settur tal-isport.

Relatur

Is-Sur Roberto PELLA (IT/PPE), Membru tal-Kunsill ta’ Valdengo, Membru tal-Kunsill Eżekuttiv tal-belt ta’ Biella

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport

COM(2011) 12 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kuntest ġenerali

1.

Jesprimi l-apprezzament ġenerali tiegħu għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport (1), li ssegwi l-White Paper dwar l-Isport (2) u li tikkwota l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) bħala l-bażi legali għal azzjoni tal-UE. Il-Komunikazzjoni tindirizza 15-il prijorità, raggruppati flimkien f'erba' taqsimiet ewlenin, jiġifieri r-rwol tal-isport fis-soċjetà; id-dimensjoni ekonomika tal-isport; l-organizzazzjoni tal-isport u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ għaqdiet internazzjonali fil-qasam tal-isport.

2.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-konferma tal-Kummissjoni Ewropea tal-prinċipji mfissra fil-White Paper dwar l-Isport, jiġifieri li sabiex tiġi implimentata strateġija ta’ suċċess, il-miżuri fil-qasam tal-isport iridu jkunu koordinati mal-miżuri fis-setturi relatati: saħħa, edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ, żvilupp u koeżjoni reġjonali, inklużjoni soċjali, impjieg, ċittadinanza, ġustizzja, affarijiet interni, riċerka, suq intern u kompetizzjoni.

3.

Jenfasizza li l-Artikolu 165 tat-TFUE jirriferi wkoll għat-“tmexxija 'l quddiem tal-kwistjonijiet Ewropej tal-Isports”, fuq liema bażi l-Kummissjoni Ewropea setgħet tikkunsidra wkoll it-tressiq ta’ arranġamenti ġodda għall-infiq taħt il-Perspettivi Finanzjarji attwali, bħal programm tal-isports tal-UE ta’ sentejn.

4.

Itenni l-punt tal-Kummissjoni Ewropea li l-Artikolu 165 tat-TFUE jirrikonoxxi n-natura speċifika tal-isport, rikonoxxut ukoll fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u jitlob biex it-tfassil u l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE jqisu n-natura speċifika tal-isport.

5.

Jenfasizza b'sodisfazzjon li l-Artikoli 6 u 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħtu rwol ta’ appoġġ, ta’ koordinazzjoni u komplementari lill-UE fil-qasam tal-isport; dan jagħti spinta ġdida biex tiġi żviluppata dimensjoni Ewropea tal-isport. Filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-awtonomija tal-istrutturi li jirregolaw l-isport, l-azzjonijiet Ewropej jagħtu valur miżjud Ewropew lill-inizjattivi tal-isport tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala katalisti għal impatt dejjem iżjed qawwi tal-azzjonijiet fil-qasam tal-isport.

6.

Jenfasizza li l-isport u l-organizzazzjonijiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali li jiġġestixxu l-qasam u jirregolawh (il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, il-kumitati Olimpiċi nazzjonali, u l-assoċjazzjonijiet tal-isport kif ukoll l-organizzazzjonijiet tal-isport għall-persuni b'diżabbiltà u tal-isport għal kulħadd) jistgħu jagħtu kontribut effettiv sabiex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi fit-tul tal-UE, b'mod partikolari l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, u biex jinħolqu prospetti ġodda għall-impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ.

7.

Jenfasizza r-rwol tal-isport fil-ħolqien ta’ identità Ewropea, kif ukoll fil-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija.

8.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li ġew rikonoxxuti l-kumplessità u l-importanza li l-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (il-Kunsill) jagħtu lill-proposti għal azzjoni konġunta fil-qasam tal-isport u għal kooperazzjoni informali bejn l-Istati Membri sabiex jiġi żgurat skambju kontinwu ta’ prattika tajba u tixrid ta’ informazzjoni dwar ir-riżultati li ntlaħqu.

9.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill (3) li jipprovdu appoġġ għal gruppi ta’ esperti informali fil-qasam tal-isport li l-Istati Membri jixtiequ joħolqu u li għandhom jirrapportaw lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Isport; jitlob biex dawn il-gruppi jinkludu lill-KtR.

10.

Jagħti valur lill-fatt li d-DĠ MARKT tal-Kummissjoni Ewropea nieda studju indipendenti dwar il-finanzjament tal-livelli l-iżjed bażiċi tal-qasam tal-isport fl-Ewropa, sabiex jiġu valutati s-sistemi ta’ finanzjament differenti (bħalma huma l-finanzjament statali, reġjonali u lokali, il-kontribuzzjonijiet tal-familji, tal-attivitajiet tal-volontarjat, tal-isponsorships, id-dħul li jiġi mill-mezzi tax-xandir u d-dħul mill-organizzazzjoni ta’ servizzi onlajn u servizzi oħra konnessi mal-logħob tal-flus), u li ser janalizza wkoll firxa wiesgħa ta’ politiki tas-suq intern li għandhom impatt dirett fuq dawn is-sistemi ta’ finanzjament; jitlob lill-Kummissjoni biex tinvolvi b'mod dirett lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fi proġetti ta’ studju attwali u futuri billi huma l-awtoritajiet li jippromovu jew l-awtoritajiet li huma eqreb tal-partijiet interessati.

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

11.

Jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol fundamentali fl-iżvilupp ta’ dimensjoni Ewropea tal-isport billi, fil-limiti tal-mandat istituzzjonali tagħhom, huma jgħinu biex il-pubbliku jingħata s-servizzi fil-qasam tal-isport. Minn perspettiva amministrattiva, dawn is-servizzi huma strumenti importanti biex tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali u tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni.

12.

Jenfasizza wkoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol fundamentali biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tal-isport u l-faċilitajiet li jeħtieġu. Barra minn hekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-isport u – fejn ikunu jeżistu – mal-fergħat reġjonali tal-kumitati Olimpiċi nazzjonali, jaqdu rwol fundamentali biex jimmotivaw lin-nies biex jibdew jipprattikaw l-isport. Apparti minn dan, huwa favur li fil-pajjiżi li għad m'għandhomx fergħat bħal dawn jinħolqu strutturi reġjonali għall-isport li jaqdu rwol importanti fit-tħeġġiġ u l-promozzjoni tal-isport fil-livell reġjonali.

13.

Ifakkar fir-rwol vitali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-koordinazzjoni tal-partijiet interessati kollha fil-qasam li huma involuti fis-settur tal-isport f'diversi modi, b'mod partikolari billi jipprovdu appoġġ lill-assoċjazzjonijiet u lill-voluntiera fil-qasam.

14.

Jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali minn dejjem irrikonoxxew u użaw il-potenzjal edukattiv tal-isport, billi inkorporawh f'politiki tal-edukazzjoni u miżuri sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja, inkluż f'termini ta’ saħħa pubblika.

15.

Jaħseb li huwa vitali għall-Kummissjoni Ewropea li tirrispetta l-awtonomija ta’ strutturi governattivi tal-isport bħala prinċipju fundamentali relatat mal-organizzazzjoni tal-isport u mar-rispett tal-kompetenzi tal-Istati Membri f'dan il-qasam, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

16.

Huwa tal-fehma li huwa essenzjali jiġu indirizzati sfidi bħall-vjolenza u n-nuqqas ta’ tolleranza assoċjati ma’ avvenimenti sportivi u li tittieħed azzjoni leġislattiva inċiżiva sabiex jiġu ffaċċjati sfidi transnazzjonali li jolqtu lill-isport Ewropew, bħall-frodi, il-logħob mixtri u d-doping.

17.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħti lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, lill-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-isport u – fejn ikunu jeżistu – lill-fergħat reġjonali tal-kumitati tal-kumitati Olimpiċi nazzjonali rwol iżjed inċiżiv fl-istadji tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni ta’ politiki tal-isport.

18.

Jenfasizza l-kapaċità tal-isport li joħloq relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi, l-assoċjazzjonijiet, il-federazzjonijiet, il-klabbs u organizzazzjonijiet oħra, u jemmen li jeħtieġ li jinħolqu netwerks li jiffaċilitaw u jħaffu l-iskambju tal-għarfien espert u fil-qasam tal-isport u l-impatt soċjetali tiegħu. F'dan ir-rigward, il-ħolqien tan-netwerks tal-korpi pubbliċi li jaħdmu fil-livell lokali jkun ifisser progress kbir għall-iżvilupp tar-rwol tal-muniċipalitajiet fil-promozzjoni tal-impatt soċjetali tal-isport u jippermettilhom li jikkontribwixxu għat-titjib tal-isport fil-livell Ewropew.

19.

Jitlob lill-Kummissjoni, bħala estensjoni ta’ miżuri li huma ta’ inċentiv u ta’ appoġġ għal proġetti tal-isport jew programmi li diġà jeżistu f'oqsma bħall-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja, is-saħħa pubblika, iż-żgħażagħ, iċ-ċittadinanza, ir-riċerka, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra r-razziżmu, biex tinvolvi b'mod attiv lill-KtR f'diskussjonijiet li jikkumpanjaw il-preparazzjoni għall-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss.

20.

Jaħseb li huwa essenzjali għall-Kummissjoni Ewropea li tinvolvi lill-Kumitat tar-Reġjuni mill-bidu nett fl-azzjonijiet preparatorji attwali u futuri kollha u f'avvenimenti speċifiċi.

21.

Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġja azzjonijiet speċifiċi għal proġetti li jappoġġjaw il-promozzjoni ta’ attività volontarja fl-isport, kif propost direttament mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tal-isport u – fejn jeżistu – il-fergħat reġjonali tal-kumitati Olimpiċi nazzjonali, il-klabbs tas-servizzi u entitajiet li jippromovu l-isport.

Ir-rwol l-isport fis-soċjetà

22.

Jagħti valur lill-importanza li l-Kummissjoni Ewropea tat lill-ħtieġa li jitwaqqaf id-doping b'mod effikaċi, mhux biss fl-isport kompetittiv billi dan issa huwa mifrux b'mod aktar sinifikanti fil-qasam tad-dilettanti, li joħloq problema serja li tista' tkun ta’ periklu għas-saħħa.

23.

Jemmen li miżura effettiva tkun waħda li tifhem aħjar il-prattika mifruxa tad-doping fl-isport tad-dilettanti u sussegwentement, fuq il-bażi tal-provi disponibbli, li l-ewwel jiġu introdotti kontrolli sistematiċi u strateġiji ta’ intervent maħsuba biex inaqqsu d-doping u l-użu tas-sustanzi projbiti oħrajn f'ambjenti mhux professjonali u mbagħad li jiħraxu l-pieni, bħalma hu l-każ għal sustanzi narkotiċi. Dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu koordinati u mmirati lejn l-introduzzjoni u l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba fl-istrateġiji ta’ kontra d-doping fl-oqsma kollha. Fir-rigward tat-traffikar ta’ sustanzi li joħolqu effett ta’ doping, jitlob biex l-UE tiffirma l-Konvenzjoni Ewropea kontra d-doping li tirrikonoxxi r-rwol globali tal-Aġenzija Dinjija Kontra d-Doping (WADA – World Anti-Doping Agency).

24.

Jenfasizza l-problema maħluqa minn differenzi bejn il-perjodi ta’ żmien rikonoxxuti mis-sistemi tal-ġustizzja tal-isport u dawk ordinarji, u jargumenta li l-Kummissjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni leġislattiva xierqa biex tindirizza dan billi ssaħħaħ il-miżuri ta’ liġi kriminali kontra l-kummerċ f'sustanzi li joħolqu effett ta’ doping.

25.

Jipproponi l-introduzzjoni ta’ sistema uniformi kontra d-doping fil-pajjiżi tal-UE, anke permezz tat-twettiq ta’ għadd minimu ta’ kontrolli kemm matul kif ukoll qabel u wara l-kompetizzjonijiet.

26.

Jenfasizza l-ħtieġa urġenti biex tiġi eliminata il-marda tal-imħatri illegali fuq avvenimenti sportivi, li ddgħajjef ir-rwol soċjali u edukattiv tal-isport, u jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni diġà ħadet azzjoni biex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata.

27.

Jilqa' b'sodisfazzjon, b'mod partikolari, il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ħadet azzjoni biex tappoġġja l-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni fil-qasam tal-isport, billi ġġib dawn l-attivitajiet taħt il-kappa tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill Ewropew 2003/568/JHA dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat fi ħdan pakkett usa' kontra l-korruzzjoni li se jitressaq fl-2011.

28.

Jenfasizza l-importanza ta’ azzjoni mill-Kummissjoni Ewropea biex jiġu promossi sħubijiet li jiffaċilitaw sistemi ta’ twissija bikrija sabiex jiġu evitati każi ta’ frodi u skandli assoċjati ma’ logħbiet mixtrija u sabiex tiġi miġġielda l-interferenza possibbli tal-kriminalità organizzata fl-isport Ewropew u biex l-Istati Membri jitħeġġu jieħdu miżuri drastiċi kontra r-reat ta’ frodi relatati mal-isport u biex jiġu armonizzati l-pieni kontra dan ir-reat.

29.

Jenfasizza l-valuri etiċi tal-isport u b'mod partikolari l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu mgħallma jifhmu l-“valur f'li wieħed jitlef” u l-prinċipju ta’ “logħob ġust”, ibda b'dawk li jħarrġu u t-tekniċi fi ħdan is-sistema edukattiva, li jridu jgħallmu bl-eżempju, sabiex jitwaqqfu inċidenti mhux xierqa jew li jmorru kontra l-prinċipji edukattivi, li sfortunatament iseħħu ta’ sikwit matul avvenimenti sportivi.

30.

Jaqsam mal-Kummissjoni Ewropea l-fehma li trid titrawwem ir-rabta bejn l-isport u l-edukazzjoni, sabiex jintużaw il-benefiċċji tal-isport biex jittejjeb il-benesseri tan-nies billi jiġu evitati problemi tas-saħħa, inklużi problemi patoloġiċi, b'mod speċjali l-obeżità u kundizzjonijiet kardjovaskulari, u dan jista' jgħin biex jitnaqqas l-infiq fit-tul fuq is-saħħa, li juża sehem kbir ħafna tal-baġits reġjonali.

31.

Jenfasizza l-importanza li titqajjem kuxjenza fost l-etajiet kollha, inklużi t-tfal kif ukoll iż-żgħażagħ u l-adulti, dwar il-ħtieġa li wieħed jipprattika l-isports kuljum, u jemmen ukoll li hu importanti immens li jiġi applikat il-kunċett tal-“isport għal kulħadd” u li l-attività fiżika regolari ssir dejjem aktar popolari.

32.

Jisħaq li billi l-attività sportiva inklużiva hija daqshekk importanti, għandhom jinħolqu l-opportunitajiet biex l-isportivi u l-istudenti b'diżabbiltajiet ikunu jistgħu jipprattikaw l-isport kuljum kemm fl-iskola kif ukoll barra mill-iskola, u għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-iżvilupp u l-appoġġ tal-isport għall-persuni b'diżabbiltà;

33.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali jiffaċilitaw il-prattika ta’ kuljum tal-isport f'kull skola mingħajr ħlas, billi jipprovdu infrastruttura adegwata.

34.

jappoġġja miżuri li jsaħħu d-dimensjoni tal-isport fil-kurrikuli tal-iskejjel inklużi dawk ta’ qabel il-primarja.

35.

Jitlob li l-edukazzjoni fiżika tibda mill-kindergarten u li l-Istati Membri joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-edukazzjoni sportiva fl-iskejjel li tikkunsidra l-ħtiġiet pedagoġiċi, fiżiċi u psikoloġiċi tat-tfal u ż-żgħażagħ; barra minn hekk, iqis ukoll li l-edukazzjoni sportiva hija parti kruċjali mill-edukazzjoni olistika.

36.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi approvat taħriġ vokazzjonali “parallel” għall-atleti żgħażagħ u b'mod speċjali għall-isportivi ż-żgħar; dan it-taħriġ jeħtieġ monitoraġġ strett u regolari sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tiegħu; barra minn hekk, huwa tal-fehma li dan ser jikkomunika wkoll valuri morali u edukattivi, kif ukoll valuri importanti għall-isport professjonali.

37.

Jippromovi aktar mobilità għall-ħaddiema, l-għalliema u dawk responsabbli mit-taħriġ fis-settur sportiv ibbażata fuq standards komuni u aċċettati li jkunu rikonoxxuti reċiprokament fost ir-reġjuni u l-Istati Membri.

38.

Jipproponi li jiġi stabbilit u promoss ir-rwol ta’ ambaxxaturi Ewropej tal-isport għal atleti ta’ livell għoli, kemm matul kif ukoll meta tintemm il-karriera kompetittiva tagħhom.

39.

Jenfasizza n-nuqqas, fil-Komunikazzjoni, li tinġibed l-attenzjoni b'mod dirett u fid-dettall għad-dinja tal-volontarjat fl-isport, li tikkostitwixxi l-potenzjal reali li għandu l-isport biex iħalli impatt fuq is-soċjetà.

40.

Għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jitfgħu l-attenzjoni tagħhom kontinwament fuq il-volontarjat fl-isport li jista' jagħti appoġġ effettiv għall-edukazzjoni fil-livelli kollha, isaħħaħ il-programmi ta’ tagħlim u jservi ta’ għodda utli għat-tagħlim tul il-ħajja. Fl-istess mod, jista' jiggarantixxi appoġġ sostanzjali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u għall-assoċjazzjonijiet sportivi fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti li permezz tagħhom in-nies ikunu eqreb tal-isport, fi spirtu li jenfasizza l-fatt li jaħdmu mingħajr qligħ.

41.

Jenfasizza li attivitajiet sportivi volontarji jridu jippromovu l-Prinċipju tas-Solidarjetà u għaldaqstant għandha ssir distinzjon bejnhom u attivitajiet sportivi professjonali fejn il-ħlas hu għoli ħafna.

42.

Jesprimi x-xewqa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex iżidu l-valur soċjetali tal-isport, jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li l-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tipprovdi għall-użu tal-aspetti relatati mal-isport tal-Fondi Strutturali, u l-appoġġ mogħti lill-proġett tal-Bliet Ewropej għall-Volontarjat fl-Isport; iqis li huwa tajjeb li l-isport jintuża bħala mezz siewi għall-prevenzjoni tat-tensjonijiet soċjali u għat-trawwim tal-integrazzjoni soċjali, billi jitwaqqfu faċilitajiet żgħar għall-isport biex jintużaw bla ħlas (mini-pitches), speċjalment f'żoni soċjalment jew ġeografikament żvantaġġati u b'mod partikolari f'villaġġi żgħar u iżolati.

43.

Jenfasizza l-valur soċjetali ta’ inizjattivi sportivi bħall-Olimpijadi Speċjali u l-Para-Olimpijadi, li jżidu aktar l-inklużjoni soċjali ta’ persuni b'diżabilitajiet, jikkontribwixxu fuq livelli varji għall-indipendenza personali tagħhom u jagħmluhom atturi ewlenin u membri attivi tas-soċjetà.

44.

Itenni l-importanza li jiġu promossi attivitajiet atletiċi ta’ kuljum fost in-nies b'diżabilitajiet ukoll, pereżempju permezz ta’ kontributi lil assoċjazzjonijiet tal-isport li jwettqu inizjattivi sportivi għal persuni b'diżabilità fiżika, intellettwali jew tas-sensi, biex jagħmlu tajjeb għall-ispiża tax-xiri jew is-sostituzzjoni ta’ tagħmir individwali speċjalizzat meħtieġ għal din it-tip ta’ attività sportiva, kif ukoll l-eliminazzjoni totali ta’ aspetti arkitettoniċi li jxekklu l-aċċess għal faċilitajiet fejn l-isport huwa pprattikat jew fejn joqogħdu l-ispettaturi waqt avvenimenti sportivi importanti. B'mod partikolari fil-kuntest tal-iżvilupp demografiku, il-faċilitajiet u l-attivitajiet sportivi għandhom ikunu dejjem iktar attrezzati għall-bżonnijiet tal-persuni anzjani.

45.

Jappella biex tiġi appoġġjata l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-isports billi jinħolqu opportunitajiet ugwali fl-isports individwali u f'tim, jiġu introdotti regolamenti, u jiġi żgurat l-aċċess ugwali għall-finanzi għall-isport tan-nisa u li l-avvenimenti sportivi tan-nisa jiġu koperti b'mod ugwali fil-mezzi tax-xandirgħall-etajiet kollha. Jappella wkoll biex is-suċċessi sportivi tan-nisa fid-diversi oqsma tal-isport jingħataw l-istess rikonoxximent bħal dawk tal-irġiel, u jenfasizza l-bżonn ta’ regoli mhux diskriminatorji għall-kompetizzjonijiet li jistabbilixxu l-istess premjijiet ta’ flus għan-nisa u għall-irġiel.

46.

Jirrakkomanda lill-Kummissjoni Ewropea biex ma tinsiex ir-rwol fundamentali li jaqdu l-universitajiet, l-assoċjazzjonijiet u l-klabbs taż-żgħażagħ, li jridu jkunu involuti sabiex l-isport jingħata l-valur proprju tiegħu.

Id-dimensjoni ekonomika tal-isport

47.

Jenfasizza li madwar 2 % tal-PDG globali huwa ġġenerat mis-settur tal-isport u jirrimarka li l-isport, l-industrija sportiva u t-turiżmu tal-isport, kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi għandhom impatt pożittiv fuq l-ekonomija, b'mod partikolari fuq is-setturi tat-turiżmu u tal-impjiegi. Barra minn hekk jenfasizza li dawn l-elementi għandhom importanza kbira għall-ħolqien ta’ impjiegi u għall-valur miżjud tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

48.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea, permezz tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, li l-impatt ekonomiku tal-isport jitkejjel permezz ta’ kont satellita għall-isport, li jservi ta’ filter għall-kontijiet nazzjonali għal attivitajiet rilevanti għall-qasam tal-isport sabiex jiġi estratt il-valur miżjud kollu relatat mal-isport jew li jinkiseb minn attivitajiet ekonomiċi assoċjati.

49.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġi stabbilit dan il-kont satellita, billi huma jistgħu jinvolvu b'mod dirett kemm id-dinja tal-isports kif ukoll l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u Ewropej u d-dinja akkademika.

50.

Jargumenta li huwa essenzjali li miżuri fil-qasam tal-isport jiġu ffinanzjati mill-FEŻR, mill-FSE u mill-programmi qafas eżistenti tal-UE relatati mal-isport u li, għall-perjodu tal-baġit tal-UE li jmiss, jitwaqqaf programm qafas tal-UE ssuġġerit dwar l-Isport; għalhekk jappella li l-opportunitajiet li joffri l-FEŻR jintużaw kemm jista' jkun biex jiġu appoġġjati l-infrastruttura u l-attivitajiet sportivi u li l-opportunitajiet li joffri l-FSE jintużaw biex jitjiebu l-ħiliet u l-impjegabbiltà tal-ħaddiema fis-settur tal-isport.

51.

Japprezza u jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li l-assoċjazzjonijiet tal-isport jiżviluppaw mekkaniżmi għall-bejgħ kollettiv tad-drittijiet tal-mezzi tax-xandir sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni adatta tad-dħul, jitnaqqas id-distakk bejn “sports sinjuri” u “sports fqar”, f'konformità mar-regoli tal-UE filwaqt li jiġi rispettat id-dritt tal-pubbliku għall-informazzjoni, permezz ta’ mekkaniżmi ta’ solidarjetà finanzjarja.

L-organizzazzjoni tal-isport

52.

Jitlob biex jiġu ddikjarati u appoġġjati inizjattivi b'impatt dirett fuq l-Ewropej kollha, irrispettivament mil-livell ta’ parteċipazzjoni tagħhom fl-isports, bħal Sena Ewropea għall-Isport, festivals Ewropej tal-isport deċentralizzati, Jum Ewropew tal-Isport. Dawn l-inizjattivi għandhom jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politika Ewropea dwar l-isport.

53.

Huwa favur il-ħtieġa li jissaħħaħ, permezz ta’ appoġġ finanzjarju speċifiku Komunitarju, il-kunċett tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Isport, li ilha ġestita minn ċittadini privati minn mindu tnediet fl-1991 u li qed tikber fl-impatt u l-profil tagħha fl-Ewropa, fuq il-mudell li diġà jintuża għall-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura, il-Belt Kapitali Ambjentali Ewropea, il-Belt Kapitali Ewropea taż-Żgħażagħ, u b'hekk tkun tista' tirċievi appoġġ mill-UE sabiex tkun tista' tiżviluppa fil-ġejjieni taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

54.

Jaqbel ma’ kampanji promozzjonali u/jew avvenimenti sportivi li jappoġġjaw sfidi ewlenin li jolqtu lis-soċjetà, bħall-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, l-isfruttar tal-minorenni, id-delinkwenza fost iż-żgħażagħ, il-ġlieda kontra kull forma ta’ kriminalità organizzata jew kwistjonijiet kbar dwar id-drittijiet tal-bniedem, fejn l-isport jista' jippromovi valuri Ewropej speċifiċi u komuni permezz tal-parteċipazzjoni ta’ atleti ewlenin minn ġenerazzjonijiet differenti.

55.

Jenfasizza l-effettività – li wara kollox kienet diġà ġiet osservata – ta’ sistema għal kooperazzjoni internazzjonali bejn l-awtoritajiet tal-pulizija responsabbli għall-infurzar tal-liġi f'avvenimenti tal-isport ewlenin.

56.

Jenfasizza l-ħtieġa biex tiġi implimenta din il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u biex tiġi applikata b'mod effikaċi u obbligatorju fl-avvenimenti tal-isport ewlenin li jseħħu fl-UE, anke jekk jinvolvu mhux biss lill-Istati Membri iżda wkoll il-pajjiżi kandidati, il-kandidati potenzjali jew pajjiżi terzi.

57.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li xi wħud mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-isport adottaw miżuri li għandhom l-għan li jsaħħu l-“fair play” finanzjarju fil-futbol Ewropew filwaqt li jiġi żgurat li jiġu rrispettati iktar ir-regoli tas-suq intern u l-istandards tal-kompetizzjoni.

58.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill biex jistudjaw il-fatturi li jikkontribwixxu biex tiġi solvuta l-kwistjoni ta’ logħbiet mixtrija.

59.

Jitlob biex jiġi kkonsultat matul il-konsultazzjoni li ġejja tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-forniment ta’ servizzi onlajn tal-imħatri.

60.

Jitlob għal approċċ effiċjenti u inċiżiv għal kwistjonijiet relatati ma r-regoli dwar it-trasferimenti tal-aġenti sportivi.

61.

Jitlob biex jiġu evalwati b'mod pożittiv il-konsegwenzi ta’ regoli eventwali dwar plejers lokali f'dixxiplini sportivi li jinvolvu timijiet, fid-dawl tal-ispeċifiċità rikonoxxuta tal-attività sportiva.

Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ għaqdiet internazzjonali

62.

Jappella li jiġi identifikat b'mod iżjed ċar l-ambitu tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-isport, b'enfasi fuq pajjiżi, pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali tal-Unjoni Ewropea ul-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa.

63.

Jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li għandhom modi ta’ komunikazzjoni stabbiliti u ġemellaġġi ma’ dawn il-pajjiżi f'kuntesti varji, jistgħu jaqdu rwol prijoritarju fl-ottimizzar tal-kooperazzjoni permezz ta’ relazzjonijiet li diġà ġew konsolidati mal-milja taż-żmien.

Konklużjonijiet

64.

Jenfasizza l-ħtieġa biex jissaħħaħ l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali abbażi ta’ aġenda komuni mal-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill u l-awtoritajiet nazzjonali tal-isport.

65.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-referenza fil-Komunikazzjoni għad-dimensjoni reġjonali u lokali, inkluż l-appoġġ għall-infrastruttura tal-isport u attivitajiet sportivi sostenibbli.

66.

Jenfasizza l-lat ambjentali tal-isport, jiġifieri l-bżonn għal azzjoni tal-UE u reġjonali sabiex jitħeġġeġ l-iżvilupp adatt ta’ faċilitajiet tal-isport fil-kampanja u fl-ambjent bl-użu ta’ tekniki u materjali tal-bini li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u f'konformità ma’ regoli iktar stretti fuq l-użu effiċjenti tal-enerġija. Jipproponi li kull fejn huwa possibbli jiġu promossi inizjattivi sportivi li għandhom impatt ambjentali baxx, l-iktar permezz tal-użu tat-trasport pubbliku u t-trasport mhux mekkanizzat (li juża l-enerġija tal-bniedem), u jiġu offerti diversi tipi ta’ kumpens sabiex jitnaqqas jew jiġi eliminat l-impatt fuq il-klima tal-ivvjaġġar tal-massa.

67.

Jappella biex il-Fondi Strutturali jintużaw biex jappoġġjaw programmi u inizjattivi tal-isport, sakemm dawn ikunu marbutin mill-qrib mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 (tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv). B'hekk ikun jista' jiġi massimizzat il-valur miżjud tal-isport bħala strument għall-iżvilupp lokali u reġjonali, ir-riġenerazzjoni urbana, l-iżvilupp rurali, l-inklużjoni soċjali, l-impjegabilità u l-ħolqien tal-impjiegi. Bħala riżultat ta’ dan, l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jaqdu rwol ewlieni fl-iffinanzjar u l-għoti ta’ aċċess għall-isport għandhom ikunu involuti iktar mill-qrib f'diskussjonijiet fil-livell tal-UE dwar din il-kwistjoni.

68.

Jipproponi biex issir ħidma permezz tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiġi appoġġjat netwerk ta’ universitajiet għall-promozzjoni tal-isport.

69.

Jipproponi li jiġu appoġġjati inizjattivi innovattivi sabiex tiġi inkoraġġuta l-attività fiżika fl-iskejjel, preferebbilment bejn l-età ta’ erba' snin u erbatax-il sena, fil-qafas tat-tagħlim tul il-ħajja.

70.

Jitlob għall-involviment dirett tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f'evalwazzjoni tal-impatt ekonomiku ta’ avvenimenti sportivi billi tiġi stabbilita sistema ta’ monitoraġġ tal-isport u bażi tad-data sabiex tiġi studjata u miġbura data dwar firxa ta’ avvenimenti.

71.

Isejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tinvolvi iktar mill-qrib lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-fergħat reġjonali tal-organizzazzjoni nazzjonali tal-isport u – fejn ikunu jeżistu – il-fergħat reġjonali tal-kumitati Olimpiċi nazzjonali fl-organizzazzjoni tal-Forum tal-Isports tal-UE u laqgħat annwali oħrajn, billi dawn il-laqgħat servew bħala l-bażi għall-integrazzjoni tal-isport fil-fondi, il-programmi u l-inizjattivi tal-UE.

Brussell, 12 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  COM(2011) 12.

(2)  COM (2007) 391.

(3)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport għall-2011-2014.


Top