Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XC1023(02)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 287, 23.10.2010, p. 16–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/16


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2010/C 287/09

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“ACEITE CAMPO DE CALATRAVA”

Nru tal-KE: ES-PDO-0005-0642-11.09.2007

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem:

“Aceite Campo de Calatrava”

2.   Stat membru jew pajjiż terz:

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.5

Żjut u sustanzi xaħmin

3.2.   Id-deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem f'punt 1:

Iż-żejt taż-żebbuġa extra verġni huwa prodott mill-frott tas-siġra taż-żebbuġ (Olea europea L.) tal-varjetà Cornicabra (mill-inqas 80 %) issupplimentat mit-tieni varjetà rikonoxxuta, Picaul, iż-żewġ varjetajiet huma dejjem preżenti fiż-żjut Campo de Calatrava. Iż-żejt huwa prodott permezz ta' proċessi mekkaniċi u permezz ta' mezzi fiżiċi oħra li bl-ebda mod ma jbiddlu ż-żejt u li jippreżervaw it-togħma, l-aroma u l-karatteristiċi tal-frott li hu magħmul minnhom.

Iż-żebbuġ jinqata' direttament minn fuq is-siġra meta l-grad ta' maturità tiegħu jkun bejn 3 u 6.

Valuri massimi permessi għaż-żjut taż-żebbuġa extra verġni bid-denominazzjoni tal-oriġini “Aceite Campo de Calatrava”:

Kontenut minimu ta' aċidu olejku: 70 %

Aċidità: Mhux iktar minn 0,5

Kontenut ta' perossidi: Mhux iktar minn 15 mEq O2/kg

K232: massimu 2

K270: mhux iktar minn 0,15

Evalwazzjoni organolettika:

Medjan ta' difetti: Md = 0

Medjan tal-kontenut fruttat: Mf > 3

Indewwa: mhux iktar minn 0,1 għal 100

Impuritajiet: mhux iktar minn 0,1 għal 100

Minn perspettiva organolettika, iż-żjut jirriflettu l-kontribut ta' kull varjetà protetta, li joffri profili sensorjali b'togħmiet fruttati kumplessi u intensi nettament perċepibbli. Dan jirrifletti li t-togħma fruttata taż-żjut taż-żebbuġa Campo de Calatrava għandu jkollha intensità minima ta' 3 punti. It-togħmiet morri u pikkanti huma distingwibbli u bbilanċjati; l-intensità tagħhom tvarja bejn 3 u 6 punti u ma jnaqqsux b'iktar minn 2 punti t-togħma fruttata.

Iż-żjut taż-żebbuġa extra verġni prodotti fir-reġjun ta' Campo de Calatrava huma ġeneralment ikkaratterizzati mill-preżenza konsiderevoli tat-togħma fruttata taż-żebbuġ aħdar u ta' frott frisk ieħor – li bħala minimu, dawn id-deskritturi pożittivi għandhom ikunu preżenti.

Il-kontenut tal-aċidu xaħmi olejku taż-żjut Campo de Calatrava huwa 79,64 % filwaqt li d-dejta kkomunikata minn żoni oħra ta' produzzjoni jvarjaw bejn 56,9 % u 78,4 % (Uceda, Cultivo del Olivo). Il-valur minimu aċċettat huwa 70 %.

3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   Il-passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata:

3.6.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.:

Sabiex ikunu kkonservati l-karatteristiċi tipiċi tal-prodott fl-istadji kollha u biex tkun żgurata l-kwalità taż-żjut koperti bid-denominazzjoni protetta, il-proċessi tal-ibbottiljar għandhom isiru fiż-żona ġeografika rikonoxxuta. L-entitajiet ta' kontroll jistgħu jikkontrollaw totalment il-produzzjoni u jiżguraw li l-produtturi esperjenzati tar-reġjun jieħdu ħsieb it-trattament finali tal-prodott. Dawn huma l-persuni li jafu l-aħjar kif dawn iż-żjut jirreaġixxu għall-metodi tal-ibbottiljar, li jvarjaw fir-rigward taż-żmien u tal-metodu tad-dekantazzjoni, fl-użu ta' filtri u ta' materjali li jiffiltraw (xoqqa magħmula mit-tessuti, fibri, karta, ċelluloża, ħamrija li tiffiltra, perlajt u ħamrija bit-dijatomi), it-temperaturi tal-ibbottiljar, ir-reazzjoni għall-kesħa u l-ħżin. L-għan huwa li jkunu ppreżervati l-karatteristiċi intrinsiċi tal-prodott. Filtrazzjoni korretta tippermetti li l-konsumatur ikun ippreżentat prodott kummerċjalment konformi u li jkunu mtejba l-kundizzjonijiet ta' preżervazzjoni filwaqt li jkunu eliminati r-residwi solidi mill-qiegħ u l-indewwa li l-preżenza tagħha ma tippermettix l-użu korrett taż-żejt għall-finijiet kulinari u li twassal għall-formazzjoni ta' traċċi ta' fermentazzjonijiet anaerobiċi ta' karboidrati u proteini.

Il-bottiljatur għandu jiddisponi mis-sistemi li jippermettu l-ibbottiljar taż-żjut koperti mid-DPO indipendentement miż-żjut l-oħra li jista' jkollu biex jibbottiljahom.

Il-bottiljatur għandu wkoll ikollu sistemi korrispondenti għall-kejl taż-żejt.

L-ibbottiljar għandu jsir f'reċipjenti tal-ħġieġ, PET, metall miksi jew ċeramika vitrifikata.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

It-tikketti mwaħħlin fuq ir-reċipjenti taż-żejt għandhom jinkludu, minbarra l-isem tal-prodott għall-bejgħ, il-logo tad-denominazzjoni tal-oriġini bil-kliem “Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini” (jew D.P.O) “Aceite Campo de Calatrava”.

Ir-reċipjenti użati għall-kummerċjalizzazzjoni taż-żejt kopert bid-denominazzjoni protetta se jkunu pprovduti b'tikketti u b'tikketti għan-naħa ta' wara tar-reċipjent bir-referenza denominazzjoni protetta tal-oriġini. It-tikketti tan-naħa ta' wara tar-reċipjent għandhom ikunu nnumerati, ipprovduti u kkontrollati mill-entità ta' kontroll b'mod li ma jkunux jistgħu jerġgħu jintużaw. L-għadd ta' tikketti nnumerati li huwa distribwit lill-produtturi taż-żejt mill-entità ta' kontroll, huwa limitat għall-kwantità ta' żejt taż-żebbuġa ċċertifikat u nnotifikat għall-ibbottiljar.

It-tikkettar huwa konformi mar-regolamentazzjoni ġenerali fil-qasam tat-tikkettar.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona ta' produzzjoni, tal-ipproċessar u l-ibbottiljar tinsab fin-naħa t'isfel ta' Castille-La Manche u tokkupa ż-żona ċentrali tal-provinċja ta' Ciudad Real sabiex tifforma unità morfoloġika, ġeografika u storika totalment omoġena. Din iż-żona hija komposta mill-muniċipalitajiet ta' Aldea del Rey, Almagro, Argamasilla de Calatrava, Ballesteros de Calatrava, Bolaños de Calatrava, Calzada de Calatrava, Cañada de Calatrava, Carrión de Calatrava, Granátula de Calatrava, Miguelturra, Moral de Calatrava, Pozuelo de Calatrava, Torralba de Calatrava, Valenzuela de Calatrava, Villanueva de San Carlos u Villar del Pozo.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Campo de Calatrava tinsab fil-parti tan-nofsinhar tal-peniżola Iberika b'altitudnijiet medji ta' 600 m.

L-okkorrenza importanti u frekwenti fiż-żoni ta' pressjoni għolja, flimkien mal-effetti ta' lokalità kontinentali għandha influwenza deċiżiva fuq it-temperaturi; meta fix-xitwa jkun hemm l-antiċikluni, dawn jirriżultaw f'temperaturi baxxi ħafna u meta jseħħu fis-sajf, jirriżultaw f'temperaturi għoljin ħafna.

Ix-xita mhix partikolarment abbundanti minħabba li r-reġjun jinsab l-pożizzjoni marġinali relattiva għaż-żona li jgħaddu minnha fronti u depressjonijiet mil-Lbiċ jew mill-Istrett ta' Ġibiltà u li jiġġeneraw il-biċċa l-kbira tax-xita. F'Campo de Calatrava, ġeneralment ix-xita ma tilħaqx iktar minn 500 mm.

Il-ħamrija għandha fond medju u hija ta' kwalità bażika.

Il-materjali volkaniċi tat-territorju tagħna huma bażiċi. Din il-karatteristika pedagoġika partikolari filwaqt, li hija element supplimentari li jiddistingwi din iż-żona minn żoni oħra ta' produzzjoni, għandha effett fuq il-kompożizzjoni taż-żjut partikolari tagħha.

Il-kulur skur tal-ħamrija tar-reġjun Campo de Calatrava jassorbi kwantità ikbar ta' radjazzjoni tax-xemx li jgħolli t-temperatura tal-ħamrija; minħabba dan il-fatt, minn perspettiva agronomika, dan jiffavorixxi l-kultivazzjoni bikrija taż-żebbuġ.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Il-karatteristiċi tal-“Aceite Campo de Calatrava” huma dawn li ġejjin:

tal-inqas 80 % taż-żejt ikun ġej miż-żebbuġ tal-varjetà Cornicabra;

ikollu kontenut għoli ta' aċidu olejku li l-ammont minimu tiegħu għal dawn iż-żjut huwa ta' 70 %;

ikollu togħma fruttata ogħla minn 3, bil-preżenza ta' deskritturi tat-togħma fruttata taż-żebbuġ aħdar u ta' frott frisk ieħor – talinqas, dawn id-deskritturi għandhom ikunu preżenti;

ikollu profil sensorjali tond b'togħmiet morri u pikkanti li jvarjaw bejn 3 u 6 li ma jvarjawx b'iktar minn 2 punti mit-togħma fruttata;

Dan iż-żejt jiddistingwi ruħu minn żjut oħra bid-denominazzjoni tal-oriġini minħabba li huwa l-uniku żejt prodott biss mill-varjetajiet Cornicabra u Picual.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Il-ħamrija bil-ġir li għandha profondità medja, il-materjali volkaniċi, il-kontenut baxx tal-ilma flimkien mal-ammont baxx ta' xita, is-sjuf sħan, il-perjodi twal ta' kesħa fix-xitwa u l-ħamrija li tisħon malajr, minn perspettiva agronomika jiffurmaw ekosistema li għandha xejra arida li matul is-sekli, żammet, permezz ta' għażla naturali, il-varjetajiet Cornicabra u Picual; dawn adattaw ruħhom perfettament għall-ambjent u jipproduċu prodott finali b'katteristiċi distinti li jagħmluhom differenti minn prodotti li ġejjin minn reġjuni oħra li jikkultivaw iż-żebbuġ. Dawn il-kundizzjonijiet pedoklimatiċi joħolqu konċentrazzjoni għolja ta' grass olejku (Civantos, 1999), li l-ammont massimu tiegħu jogħla sa 70 %, u li jagħti liż-żejt stabbiltà ossidattiva ikbar.

Minħabba l-ħamrija xotta u bażika u l-ammont baxx ta' xita, iż-żejt Campo de Calatrava għandu profili sensorjali fruttati (togħma ta' żebbuġ aħdar fruttat u ta' frott frisk ieħor) talanqas ta' 3 punti.

In-nuqqas ta' ilma fil-fażi tal-maturazzjoni tal-frott, ikkawżat min-nuqqas ta' xita, jagħti togħma morra u pikkanti konsiderevoli u bbilanċjata, li l-intensità tagħha tvarja bejn 3 u 6 punti li ma jvarjawx b'iktar minn 2 punti mit-togħma fruttata.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(l-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

http://docm.jccm.es/portaldocm/verDisposicionAntigua.do?ruta=2007/08/13&idDisposicion=123061987650950829


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top