EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0790

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja

/* KUMM/2010/0790 finali */

52010PC0790




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 14.12.2010

KUMM(2010) 790 finali

2010/0384 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. INTRODUZZJONI

Fl-1 ta’ Awwissu 2000, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-privattiva Komunitarja[1]. Il-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien ta’ privattiva unitarja Komunitarja li teżisti flimkien mal-privattivi nazzjonali mogħtija mill-uffiċċji nazzjonali tal-privattivi tal-Istati Membri u l-privattivi Ewropej mogħtija skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi (EPC) mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO). Peress li sistema ċentralizzata li tiffunzjona tajjeb fl-għoti tal-privattivi kienet diġà ġiet stabbilita fl-Ewropa mill-EPC fis-snin sebgħin, kien previst li l-privattiva Komunitarja tingħata wkoll mill-EPO. L-utenti tas-sistema tal-privattivi jkunu liberi li jagħżlu liema tip ta’ protezzjoni tal-privattiva tkun l-iktar adattata għal-ħtiġijiet tagħhom.

Il-proposta tal-Kummissjoni mmirat għall-ħolqien ta’ privattiva Komunitarja li tkun attraenti għall-utenti tas-sistema tal-privattivi fl-Ewropa, b’mod partikolari billi pproponiet arranġamenti għat-traduzzjoni simplifikati u kosteffikaċi. B’mod partikolari, il-Kummissjoni pproponiet li wara l-għoti tal-privattiva Komunitarja mill-EPO f’waħda mill-lingwi uffiċjali tal-EPO (l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż) u l-pubblikazzjoni f’dik il-lingwa flimkien ma’ traduzzjoni tat-talbiet fiż-żewġ lingwi uffiċjali l-oħra tal-EPO, il-privattiva Komunitarja tkun daħlet fis-seħħ fl-Unjoni kollha.

Il-proposta ġiet diskussa b’mod estensiv fil-laqgħat tal-Kunsill, iżda ma ntlaħqitx l-unanimità meħtieġa. Fis-26 ta’ Novembru 2001, ġie konkluż li minħabba l-aspetti differenti tal-abbozz tal-privattiva Komunitarja, "b’mod partikolari l-arranġamenti lingwistiċi", "minkejja kull sforz, ma kienx possibbli li jintlaħaq ftehim f’din il-laqgħa tal-Kunsill"[2]. Fl-20 ta’ Diċembru 2001, il-Presidenza Belġjana pproponiet kompromess dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni, iżda hija wkoll naqset milli tilħaq ftehim unanimu tal-Istati Membri[3].

Fit-3 ta’ Marzu 2003, il-Kunsill adotta approċċ politiku komuni dwar il-privattiva Komunitarja. Dan ipprovda li l-proprjetarji tal-privattivi jkollhom jipprovdu traduzzjonijiet tat-talbiet fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Istati Membri[4]. Dan l-arranġament kien ikun jiswa ferm aktar għall-proprjetarji tal-privattivi milli l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni u kien jirriżulta f’diffikultajiet prattiċi ta’ forniment ta’ ħafna traduzzjonijiet f’perjodu ta’ żmien limitat. Konsegwentement ġie rrifjutat mill-utenti kollha tas-sistema tal-privattivi bħala għoli wisq u riskjuż wisq.

Wara dan, kemm fit-28 ta’ Novembru 2003[5] kif ukoll fil-11 ta’ Marzu 2004[6], il-Kunsill ikkonkluda li minħabba l-kwistjoni tar-reġim tat-traduzzjoni ma jistax jilħaq qbil politiku dwar ir-Regolament propost dwar il-Privattiva Komunitarja, minkejja l-approċċ politiku komuni preċedenti tiegħu ta’ Marzu 2003.

Id-diskussjonijiet fil-Kunsill ġew imnedija mill-ġdid wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Insaħħu s-sistema tal-privattivi fl-Ewropa” f’April 2007[7]. Il-Komunikazzjoni kkonfermat l-impenn għall-ħolqien ta’ privattiva Komunitarja. Hija offriet ukoll li mal-Istati Membri tesplora approċċ għall-arranġamenti għat-traduzzjoni bil-ħsieb li jitnaqqsu l-kosti tat-traduzzjoni filwaqt li tiffaċilita t-tixrid ta’ informazzjoni dwar il-privattivi fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni indikat li l-proġetti kontinwi tat-traduzzjonijiet awtomatiċi jistħoqqilhom kunsiderazzjoni b’mod partikolari.

Dawn l-ideat ġew esplorati għall-ewwel darba mill-Istati Membri matul il-Presidenza Slovena fl-2008[8]. Fit-23 ta’ Mejju 2008, il-Presidenza ppreżentat proposta riveduta għal Regolament dwar il-Privattivi Komunitarji[9] fuq il-bażi tal-arranġament għat-traduzzjoni inizjali simplifikat kif propost mill-Kummissjoni fl-2000 b’ċertu elementi ġodda. Jiġifieri, kwalunkwe applikant ikun jista’ japplika għal privattiva Komunitarja fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni. Il-kosti tat-traduzzjoni ta’ din l-applikazzjoni f’waħda mit-tliet lingwi tal-EPO jiġu rimborżati mis-sistema lill-applikanti mill-Istati Membri li għandhom lingwa li mhix komuni mal-EPO. Sistema ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi tiżgura t-traduzzjoni tal-privattivi tal-UE u l-applikazzjonijiet tagħhom fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni għall-għoti ta’ informazzjoni dwar il-privattivi u mingħajr ebda effett legali. Traduzzjoni sħiħa tal-privattiva tal-UE tkun meħtieġa biss fil-każ ta’ tilwima. Dawn il-proposti ġew diskussi b’mod estensiv fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Proprjetà Intellettwali (Privattivi) matul il-Presidenzi suċċessivi fl-2008 u l-2009.

F'Diċembru 2009, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar “Sistema ta’ privattivi msaħħa għall-Ewropa”[10] u approċċ ġenerali dwar il-proposta għal Regolament dwar il-Privattivi tal-UE[11] (bidla mill-privattiva tal-“Komunità” għal dik tal-“UE” minħabba d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009). Madankollu, l-arranġamenti għat-traduzzjoni tal-privattiva tal-UE baqgħu barra mill-ambitu ta’ dawn il-konklużjonijiet tal-Kunsill minħabba l-bidla fil-bażi legali għall-ħolqien tal-privattiva tal-UE skont it-Trattat ta’ Lisbona.

Skont l-Artikolu 118(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-privattiva tal-UE bħala dritt tal-proprjetà intellettwali Ewropew tista’ tiġi stabbilita skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Madankollu, skont l-Artikolu 118(2) tat-TFUE, proċedura leġiżlattiva speċjali bl-unanimità fil-Kunsill għadha meħtieġa għall-istabbiliment tal-arranġamenti lingwistiċi ta’ dawn id-drittijiet.

Abbażi ta’ dan, fit-30 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva tal-UE[12]. Il-proposta kienet akkumpanjata minn Valutazzjoni ta’ Impatt li tanalizza l-alternattivi varji tal-arranġamenti possibbli għat-traduzzjoni. Wara analiżi bir-reqqa, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-alternattiva preferibbli tibqa’ dik tal-arranġamenti għat-traduzzjoni kif stipulat fil-proposta riveduta għar-Regolament dwar il-Privattivi Komunitarji tat-23 ta’ Mejju 2008[13]. Dan ir-reġim tal-lingwa huwa ssimplifikat u kosteffikaċi. Huwa jirriżulta fl-akbar iffrankar tal-kost għall-utenti filwaqt li jiżgura ċ-ċertezza legali. Dan ir-reġim jibni wkoll fuq is-sistema li taħdem tajjeb dwar l-EPO u jippermetti l-akbar flessibilità għall-applikanti.

Il-proposta ġiet diskussa fil-Gruppi ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Proprjetà Intellettwali (Privattivi) fl-14 ta’ Lulju, fit-28 ta’ Lulju u fis-7-8 ta’ Settembru 2010. Fl-ewwel laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma, deher li diversi delegazzjonijiet kellhom tħassib fundamentali rigward il-proposta. Xi delegazzjonijiet għamluha ċara li kompromess ma kienx possibbli. Delegazzjoni waħda ppreżentat proposta alternattiva[14] li rċiviet ftit appoġġ minn delegazzjonijiet oħrajn.

Il-Presidenza Belġjana madankollu għamlet kull sforz possibbli biex tilħaq ftehim unanimu dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva tal-UE. Fid-29 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill tal-Kompetittività informali kellu l-ewwel skambju ta’ fehmiet dwar il-proposta tal-Kummissjoni fejn ġew diskussi l-elementi possibbli għall-kompromess propost mill-Presidenza. Għalkemm maġġoranza kbira tal-Istati Membri appoġġjaw il-proposta tal-Kummissjoni u l-elementi għall-kompromess, diversi delegazzjonijiet baqgħu opposti bil-qawwi. Fis-6 ta’ Ottubru 2010, il-Presidenza pproponiet, għall-adozzjoni mill-Kunsill, abbozz ta’ orjentazzjoni politika [15] li inkluda elementi għal soluzzjoni ta’ kompromess. Is-soluzzjoni ta’ kompromess kienet ibbażata fuq il-proposta tal-Kummissjoni u kkunsidrat elementi mill-proposta alternattiva.

Fil-11 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill ma rnexxilux jilħaq ftehim rigward l-arranġamenti għat-traduzzjoni fuq il-bażi tal-abbozz tal-orjentazzjoni politika. Madankollu, il-Presidenza kompliet taħdem fuq soluzzjoni li tista’ tkun aċċettabli għall-Istati Membri kollha. Fuq il-bażi ta’ diskussjonijiet bilaterali mad-delegazzjonijiet, il-Presidenza pproponiet it-tieni sett ta’ elementi għall-kompromess fit-8 ta’ Novembru 2010[16]. Elementi ulterjuri għall-kompromess ġew miżjuda mal-abbozz tal-orjentazzjoni politika fid-9 ta’ Novembru 2010[17].

L-abbozz tal-orjentazzjoni politika kien l-uniku punt fuq l-aġenda tal-Kunsill ta’ Kompetittività straordinarju msejjaħ mill-Presidenza fl-10 ta’ Novembru 2010. Minkejja l-isforzi kollha mill-Presidenza u l-konċessjonijiet magħmula minn għadd ta’ delegazzjonijiet, bosta Stati Membri ma setgħux jaċċettaw il-kompromess finali propost u ma setgħatx tintlaħaq l-unanimità.

Matul il-laqgħa tal-Kunsill tal-11 ta’ Ottubru 2010, bosta Stati Membri indikaw li huma kienu lesti li jikkunsidraw il-possibbiltà li jistabbilixxu privattiva unitarja fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa, jekk il-Kunsill ma jkunx jista’ jilħaq ftehim qabel tmiem l-2010. Din l-intenzjoni ġiet ikkonfermata fid-9 ta’ Novembru 2010 meta ħames delegazzjonijiet bagħtu ittra lill-Kummissjoni li tgħid li jekk in-negozjati dwar il-reġim tat-traduzzjoni xieraq għall-privattiva tal-UE jibqgħu jkunu ostakolati fil-laqgħa tal-Kunsill tal-10 ta’ Novembru, ikun ċar li l-kumpaniji Ewropej se jkunu mċaħħda minn dritt unitarju tal-privattivi tal-UE għall-futur prevedibbli. Dawk l-Istati Membri talbu li l-Kummissjoni tikkunsidra l-fattibilità li tipproponi kooperazzjoni msaħħa f’dan il-qasam, jekk il-Kummissjoni tkun ippreżentata b’talbiet biex tipproponi din il-kooperazzjoni fil-futur qrib. Fil-laqgħa tal-Kunsill ta’ Kompetittività tal-25 ta’ Novembru 2010, għadd ta’ Stati Membri esprimew l-interess tagħhom biex jimxu ’l quddiem fil-qafas ta' kooperazzjoni msaħħa, filwaqt li oħrajn esprimew l-oppożizzjoni tagħhom.

Fil-laqgħa tal-Kunsill ta’ Kompetittività tal-10 ta’ Novembru 2010, ġie rreġistrat li ma kien hemm l-ebda unanimità biex ir-Regolament propost tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva tal-UE jimxi ’l quddiem.[18] Kien ikkonfermat fil-laqgħa tal-Kunsill ta’ Kompetittività tal-10 ta’ Diċembru 2010 li kienu jeżistu diffikultajiet li ma jistgħux jingħelbu, u li jagħmlu t-teħid ta’ deċiżjoni li teħtieġ l-unanimità impossibbli issa u fil-futur prevedibbli. Minn dan isegwi li l-għanijiet tar-Regolamenti proposti sabiex tiġi stabbilita protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-Unjoni Ewropea kollha ma jistgħux jintlaħqu fi żmien raġonevoli bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattati.

Tnax-il Stat Membru (id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, is-Slovenja, l-Isvezja u r-Renju Unit) indirizzaw talbiet formali lill-Kummissjoni li jindikaw li jixtiequ jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja u li l-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill għal dak il-għan.

Din il-proposta hija t-tweġiba tal-Kummissjoni għal dawk it-talbiet.

2. BAŻI LEGALI GĦALL-KOOPERAZZJONI MSAĦĦA

Il-kooperazzjoni msaħħa hija rregolata mill-Artikolu 20 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 326 sa 334 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Din il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja hija bbażata fuq l-Artikolu 329(1) tat-TFUE.

3. MIŻURI LI JIMPLIMENTAW IL-KOOPERAZZJONI MSAĦĦA

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill titratta l-awtorizzazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien tal-protezzjoni tal-privattiva unitarja. Proposti għal miżuri speċifiċi ta’ implimentazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa ser jitressqu ladarba l-kooperazzjoni msaħħa tiġi awtorizzata mill-Kunsill.

Madankollu, huwa xieraq li jiġu deskritti xi elementi ewlenin tal-miżuri ta’ implimentazzjoni previsti. Peress li l-ħolqien ta’ protezzjoni ta’ privattiva unitarja mhux possibbli mingħajr ftehim dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni applikabbli, kemm id-dispożizzjonijiet sostantivi applikabbli għall-privattiva unitarja (l-Artikolu 118(1) tat-TFUE) kif ukoll l-arranġamenti għat-traduzzjoni (Artikolu 118(2) tat-TFUE) għandhom ikunu parti mill-miżuri previsti ta’ implimentazzjoni.

Il-miżuri previsti ta’ implimentazzjoni għandhom, għalhekk, jinkludu l-elementi li ġejjin:

1. Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li joħloq protezzjoni tal-privattiva unitarja. Dik il-proposta tista’ tkun ibbażata fuq it-test miftiehem (approċċ ġenerali) fil-Kunsill fl-4 ta’ Diċembru 2009[19] kif ukoll ċertu elementi tal-abbozz tal-orjentazzjoni politika propost mill-Presidenza Belġjana, b’mod partikolari:

2. Il-protezzjoni tal-privattiva unitarja għandha tkun fakultattiva għall-utenti tas-sistema tal-privattivi u għandha teżisti flimkien mal-privattivi nazzjonali u Ewropej. Il-privattiva unitarja għandha tkun kategorija speċifika ta’ privattiva Ewropea, mogħtija mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, li tinnomina lill-Istati Membri parteċipanti fil-kooperazzjoni msaħħa fuq bażi unitarja.

3. Konsegwentement, proċedura unika bi qbil mal-EPC tkun tapplika għall-privattivi unitarji u għall-privattivi Ewropej l-oħra kollha. Sal-mument tal-għotja, l-applikanti jkollhom l-għażla bejn (i) privattiva Ewropea valida fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti li għalihom din il-privattiva jkollha natura unitarja, (ii) privattiva Ewropea valida fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti li għalihom din il-privattiva jkollha natura unitarja iżda wkoll li tinnomina ċertu Stati Kontraenti magħżula oħra tal-EPC, jew (iii) privattiva Ewropea li tinnomina biss Stati Kontraenti magħżula tal-EPC.

4. Il-privattiva unitarja għandha tkun ta’ natura awtonoma u tipprovdi protezzjoni ugwali fit-territorji kollha tal-Istati Membri parteċipanti. Din tista’ tingħata, tiġi trasferita, tiġi revokata jew tiskadi biss fir-rigward ta’ dawk it-territorji fit-totalità tagħhom.

5. Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva unitarja. Din il-proposta se titratta l-elementi ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva tal-UE[20] kif ukoll ċertu elementi tal-abbozz tal-orjentazzjoni politika propost mill-Presidenza Belġjana, b’mod partikolari:

6. Huwa maħsub li l-ispeċifikazzjoni tal-privattiva unitarja tiġi ppubblikata mill-EPO skont l-Artikolu 14(6) tal-EPC. Bla ħsara għal kwalunkwe arranġamenti tranżitorji meqjusa neċessarji, ma jkunu meħtieġa l-ebda traduzzjonijiet oħra. Kwalunkwe rekwiżiti ta’ traduzzjoni addizzjonali skont dawn l-arranġamenti tranżizzjonali jkunu proporzjonali u meħtieġa biss fuq bażi temporanja u ma jkollhomx valur legali b’hekk tiġi żgurata ċertezza legali għall-utenti tas-sistema tal-privattivi. Fi kwalunkwe każ, l-arranġamenti tranżizzjonali jintemmu meta jkunu disponibbli traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ kwalità għolja, suġġetta għal evalwazzjoni oġġettiva tal-kwalità.

7. It-traduzzjonijiet ma għandux ikollhom valur legali b’hekk jiżguraw iċ-ċertezza legali għall-utenti tas-sistema tal-privattivi.

8. Fil-każ ta’ tilwima dwar privattiva unitarja, jkollha tiġi pprovduta traduzzjoni manwali sħiħa tal-ispeċifikazzjoni tal-privattiva mill-proprjetarju tal-privattiva bi spejjeż tiegħu:

9. f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn jew seħħ il-ksur allegat jew inkella fejn huwa domiċiljat dak li allegatament wettaq il-ksur (fuq l-għażla ta’ dak li allegatament wettaq il-ksur); u

10. fil-lingwa tal-proċedimenti tal-qorti li tisma l-kawża (fuq talba tal-qorti).

11. Għandha tiġi stabbilita skema ta’ kumpens għall-kosti tat-traduzzjoni tal-applikazzjonijiet għall-privattivi ppreżentati b’lingwa uffiċjali tal-Unjoni f’lingwa uffiċjali tal-EPO fil-bidu tal-proċedura għall-applikanti bbażati fl-Istati Membri li għandhom lingwa uffiċjali differenti minn waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO, minbarra dak li huwa attwalment fis-seħħ għal privattivi Ewropej oħra, inkluż għajnuna finanzjarja u teknika għall-preparazzjoni ta’ dawk it-traduzzjonijiet.

4. VALUTAZZJONI TAL-KUNDIZZJONIJIET LEGALI GĦAL KOOPERAZZJONI MSAĦĦA

4.1. Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni bħala l-aħħar għażla u l-parteċipazzjoni ta’ mill-inqas disa’ Stati Membri

L-Artikolu 20(2) tat-TUE jistipula li deċiżjoni li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa tista’ tiġi adottata mill-Kunsill bħala l-aħħar għażla biss, meta jkun stabbilit li l-objettivi ta’ dik il-kooperazzjoni ma jistgħux jitwettqu fi żmien raġonevoli mill-Unjoni bħala entità sħiħa, u li mill-inqas disa’ Stati Membri jipparteċipaw fiha.

Fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Kompetittività tal-10 ta’ Novembru 2010 ġie rreġistrat li ma kien hemm l-ebda unanimità sabiex il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva tal-UE timxi ’l quddiem[21]. Fil-laqgħa tal-Kunsill tal-10 ta’ Diċembru 2010 ġie kkonfermat li kienu jeżistu diffikultajiet li ma jistgħux jingħelbu, li jagħmlu t-teħid ta’ deċiżjoni li jeħtieġ unanimità impossibbli attwalment u fil-futur prevedibbli.

Filwaqt li l-arranġamenti għat-traduzzjoni huma meħtieġa għall-ħolqien ta’ protezzjoni ta’ privattiva unitarja, ġie stabbilit li l-għanijiet tar-Regolament dwar il-privattiva tal-UE ma jistgħux jintlaħqu fi żmien raġonevoli bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattati. Minn dan isegwi li ma tista’ tinstab ebda soluzzjoni oħra għall-ħolqien ta’ protezzjoni għall-privattivi unitarja għall-Unjoni bħala entità sħiħa u li bħala riżultat, il-kooperazzjoni msaħħa hija l-aħħar għażla.

Il-Kummissjoni rċeviet talbiet minn tnax-il Stat Membru li jindikaw li jixtiequ jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja. Dawn l-Istati Membri kkonfermaw t-talbiet tagħhom fil-laqgħa tal-Kunsill ta’ Kompetittività fl-10 ta’ Diċembru 2010.

4.2. Qasam kopert mit-Trattat

L-Artikolu 329(1) tat-TFUE jistipula li kooperazzjoni msaħħa tista’ tiġi stabbilita “f’wieħed mill-oqsma koperti mit-Trattati”. L-istabbiliment ta’ miżuri għall-ħolqien ta’ drittijiet Ewropej ta’ proprjetà intellettwali huwa espressament imsemmi fl-Artikolu 118 tat-TFUE. Il-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja huwa suġġett omoġenju u strutturat biżżejjed biex jikkostitwixxi qasam definit tajjeb, skont it-tifsira tat-Trattati, li fih tista’ tiġi stabbilita l-kooperazzjoni msaħħa.

L-Artikolu 20(1) tat-TUE jistipula li l-kooperazzjoni msaħħa tista’ tiġi stabbilita biss "fil-qafas tal-kompetenzi mhux esklussivi tal-Unjoni”. Il-protezzjoni tal-privattiva unitarja mhix inkluża fil-lista tal-kompetenzi esklussivi stabbilita fl-Artikolu 3(1) tat-TFUE. Il-bażi legali għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (Artikolu 118 tat-TFUE) taqa’ taħt il-kapitolu ta’ approssimazzjoni tal-liġijiet u tagħmel referenza speċifika għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, li hija waħda mill-kompetenzi kondiviżi tal-Unjoni (Artikolu 4 tat-TFUE). Il-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja b’arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni għalhekk taqa’ fil-qafas tal-kompetenzi mhux esklussivi tal-Unjoni. Il-konsiderazzjoni li l-Unjoni biss tista’ tistabbilixxi protezzjoni ta’ privattiva unitarja fl-Unjoni ma tagħmilx l-istabbiliment ta’ din il-protezzjoni tal-privattiva unitarja kwistjoni ta’ kompetenza esklussiva. Kwalunkwe argument kuntrarju jfixkel il-kunċetti tal-għoti tal-poter (li f’dan il-każ huwa poter li jistabbilixxi miżuri għall-ħolqien ta’ drittijiet Ewropej tal-proprjetà intellettwali biex tiġi pprovduta protezzjoni uniformi madwar l-Unjoni) u l-mod kif il-poter jiġi eżerċitat mill-Unjoni.

4.3. Tisħiħ tal-għanijiet tal-Unjoni, il-protezzjoni tal-interessi tagħha u r-rinfurzar tal-proċess ta’ integrazzjoni tagħha

4.3.1. It-tisħiħ tal-għanijiet tal-Unjoni

Żewġ għanijiet tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 3(3) TUE huma ta’ relevanza partikolari fil-qasam tal-privattivi:

- l-istabbiliment ta’ suq intern; u

- il-promozzjoni ta’ avvanz xjentifiku u teknoloġiku.

Stabbiliment ta’ suq intern

Is-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri interni u li b’mod partikolari jiġi żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija (Artikolu 26(2) tat-TFUE). Għal dak il-għan, l-Unjoni għandha tadotta miżuri bil-għan li jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern (Artikolu 26 (1) tat-TFUE). Miżura waħda minn dawn hija l-ħolqien ta’ "drittijiet Ewropej ta’ proprjetà intellettwali". L-Artikolu 118(1) tat-TFUE jiddikjara espressament li drittijiet bħal dawn għandhom jinħolqu "fil-qafas tal-istabbiliment u tal-funzjonament tas-suq intern".

Is-sistemi attwali nazzjonali tal-privattivi tal-Istati Membri u s-sistema Ewropea tal-privattivi jwasslu għal sistema frammentata għall-protezzjoni tal-privattiva fl-Ewropa. Ir-raġuni prinċipali hija li l-privattivi nazzjonali u privattivi Ewropej jipprovdu protezzjoni limitata territorjalment mingħajr ma jkopru s-suq intern fit-totalità tiegħu, fuq bażi unitarja, minħabba dan li ġej:

- il-protezzjoni mogħtija minn privattiva nazzjonali hija limitata għat-territorju tal-Istat Membru li fih ingħatat;

- l-ambitu territorjali ta’ privattiva Ewropea jiddependi fuq id-deċiżjoni tal-proprjetarju tal-privattiva biex jivvalida l-privattiva Ewropea fi Stat Membru wieħed jew aktar minn wieħed fejn il-privattiva għandha l-effett ta’ privattiva nazzjonali (li jimplika amministrazzjoni mill-uffiċċju nazzjonali tal-privattivi u l-infurzar quddiem il-qrati nazzjonali).

Hemm ħafna evidenza li, fil-prattika, il-proprjetarji tal-privattivi attwalment ifittxu biss il-protezzjoni tal-privattiva għall-invenzjonijiet tagħhom fi ftit Stati Membri[22]. Dawn jidhru li joqogħdu lura milli jfittxu l-protezzjoni tal-privattiva f’żoni kbar fl-Unjoni minħabba l-kosti kbar u l-kumplessità kkawżata mill-kosti tat-traduzzjoni, ir-rekwiżiti ta’ validazzjoni, miżati uffiċjali (miżati ta’ pubblikazzjoni u ta’ tiġdid annwali) u r-rekwiżiti ta’ rappreżentazzjoni professjonali (ara t-Taqsima 5.2.2 hawn taħt).

Il-ħolqien ta’ privattiva unitarja għal grupp ta’ Stati Membri timplika titjib fil-livell ta’ protezzjoni tal-privattiva permezz tal-ħolqien ta’ titolu li jagħti protezzjoni uniformi fit-territorji kollha tal-Istati Membri parteċipanti. Fit-territorji ta’ dawk l-Istati Membri, l-utenti tas-sistema tal-privattivi Ewropej ikollhom aċċess għal privattiva li tipprovdi protezzjoni tal-privattiva unitarja u telimina l-kosti u l-kumplessità. Privattiva unitarja għalhekk issaħħaħ l-għan tal-Unjoni biex tiżgura l-funzjonament tas-suq intern, anke jekk jipparteċipaw biss numru limitat ta’ Stati Membri.

Fl-Istati Membri li jagħżlu li ma jipparteċipawx f’kooperazzjoni msaħħa, il-qafas legali li jirrigwarda l-privattivi ma jkunx affettwat. Dan ifisser li l-inventuri li jfittxu l-protezzjoni tal-privattiva fi Stati Membri mhux parteċipanti jkollhom bżonn li jivvalidaw il-privattiva Ewropea tagħhom għal dawk it-territorji bil-kosti li jirriżultaw tat-traduzzjoni u ta’ tranżazzjonijiet oħra. Il-privattiva Ewropea għat-territorji tal-Istati Membri parteċipanti, li għalihom ikollha natura unitarja, tista’ tinnomina wkoll Stati Membru magħżula mhux parteċipanti. Għalhekk, ikun possibbli li tinkiseb protezzjoni ta’ privattivi madwar l-Unjoni.

Barra minn hekk, l-inventuri stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni tal-privattiva uniformi fil-qasam kopert mit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti (spjegat f’aktar dettal fit-Taqsima 4.6). Bħala riżultat, il-ksib tal-protezzjoni tal-privattiva madwar l-Unjoni jkun simplifikat u l-kosti għal din il-protezzjoni jitnaqqsu drastikament għall-inventuri li ġejjin kemm minn Stati Membri parteċipanti kif ukoll minn Stati Membri mhux parteċipanti. Konsegwentement, huwa mistenni li ħafna iktar inventuri se jfittxu l-protezzjoni tal-privattiva madwar l-Unjoni milli huwa l-każ attwalment.[23] Dan ikun ta’ benefiċċju għall-funzjonament tas-suq intern.

Il-promozzjoni tal-avvanz xjentifiku u teknoloġiku

Huwa ġeneralment rikonoxxut li l-aċċess faċli għall-protezzjoni tal-privattiva jistimula Riċerka u Żvilupp (R&Ż):[24] il-propensità tal-inventuri individwali, SMEs innovattivi u negozji kbar biex jinvestu fir-R&Ż jiddependi fil-maġġor parti fuq il-possibbiltà ta’ garanzija ta’ dritt esklussiv għal kwalunkwe invenzjoni magħmula, sabiex jiġi żgurat qligħ ġust fuq l-investiment tagħhom. Aċċess faċli għal sistema ta’ privattivi aktar kosteffikaċi, sempliċi u legalment sikura għalhekk huwa ta’ importanza kbira għall-promozzjoni tal-avvanz xjentifiku u teknoloġiku fl-Unjoni.

Il-sistema attwali frammentata tal-privattivi fl-Ewropa ma twassalx għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet xierqa ta’ qafas għall-istimolu tar-R&Ż. Is-sistema eżistenti tal-privattivi hija pperċepita min-negozji - speċjalment mill-SMEs – bħala għalja u kumplessa wisq[25].

Il-ħolqien ta’ privattiva unitarju se jġib vantaġġi konsiderevoli għall-utenti tas-sistema tal-privattivi f’termini ta’ aċċess aktar faċli, kosteffettività aħjar, aktar simplifikazzjoni u titjib fiċ-ċertezza legali. Mhux biss se jkun aktar faċli u irħas biex tinkiseb protezzjoni tal-privattiva għat-territorji tal-Istati Membri parteċipanti, iżda jkun ukoll iktar faċli u irħas li tinkiseb protezzjoni tal-privattiva għall-Unjoni kollha, kif spjegat hawn fuq. Dawn il-kundizzjonijiet ta’ qafas imtejba se jikkontribwixxu għall-istimolu ta’ investimenti tar-R&Ż u b’hekk jippromwovu l-avvanz xjentifiku u teknoloġiku madwar l-Unjoni. Peress li l-utenti fi Stati Membri mhux parteċipanti jibbenefikaw ukoll mill-protezzjoni tal-privattiva unitarja, jistgħu ugwalment ikunu mistennija effetti pożittivi fuq attivitajiet tar-R&Ż fi Stati Membri mhux parteċipanti.

4.3.2. Il-protezzjoni tal-interessi tagħha u r-rinfurzar tal-proċess ta’ integrazzjoni tagħha

Il-protezzjoni tal-interessi tal-Unjoni

Minħabba l-frammentazzjoni tas-suq intern li jirriżulta mill-kosti għoljin assoċjati mal-protezzjoni tal-privattiva fl-Unjoni, l-inventuri tal-Unjoni ma jistgħux igawdu l-benefiċċji sħaħ tas-Suq Uniku. Dan huwa partikolarment il-każ jekk dawn l-inventuri jfittxu protezzjoni ottima għall-Unjoni bħala entità sħiħa. Dan jikkompara b’mod negattiv ma’ ekonomiji ewlenin oħrajn bħall-Istati Uniti, il-Ġappun jew iċ-Ċina. B’mod partikolari, jista’ jkun aktar attraenti għal inventur li jfittex protezzjoni tal-privattiva f’ekonomiji bi swieq tal-konsumaturi u sistemi ta’ protezzjoni unitarji kbar, bħall-Istati Uniti. Din is-sitwazzjoni għandha impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-Unjoni peress li l-attivitajiet relatati mal-innovazzjoni jiġġeneraw kapital uman li għandu t-tendenza li jkun aktar mobbli milli f’oqsma oħra. Il-kondizzjonijiet qafas attwali anqas vantaġġjużi għall-innovazzjoni jagħmlu lill-Unjoni post inqas attraenti għall-ħolqien u l-innovazzjoni, kemm għall-inventuri Ewropej kif ukoll dawk mhux Ewropej. Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-protezzjoni tal-privattiva unitarja għal grupp ta’ Stati Membri għalhekk tipproteġi l-interessi tal-Unjoni peress li ttejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tagħha u l-attrazzjoni tagħha għall-bqija tad-dinja.

Rinfurzar tal-proċess ta’ integrazzjoni tal-Unjoni

Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-protezzjoni tal-privattiva unitarja fost grupp ta’ Stati Membri żżid ukoll il-livell ta’ integrazzjoni bejn l-Istati Membri parteċipanti u wkoll bejn Stati Membri parteċipanti u Stati Membri mhux parteċipanti kif imqabbel mas-sitwazzjoni attwali.

Minflok 27 qafas legali ta’ validazzjoni differenti u rekwiżiti ta’ manutenzjoni fil-fażi wara l-għotja, l-utenti jistgħu jagħżlu bejn privattiva unitarja suġġetta għal sistema legali waħda u privattiva Ewropea jew nazzjonali suġġetta għal sistemi legali nazzjonali, u b’hekk iwasslu għal armonizzazzjoni akbar fil-qasam tal-privattivi u r-rinfurzar tal-proċess ta’ integrazzjoni fl-Istati Membri parteċipanti.

Minħabba l-kosti u l-kumplessità inerenti fis-sistema attwali, il-privattivi Ewropej bħala medja huma vvalidati f’ħames Stati Membri. Dan joħloq “fruntieri” ta’ drittijiet tal-privattivi fi ħdan l-Unjoni. Bi privattiva unitarja, il-fruntieri interni tad-drittijiet tal-privattivi fost l-Istati Membri parteċipanti jisparixxu. Barra minn hekk, peress li l-kosti globali u l-kumplessità tal-kisba ta’ protezzjoni tal-privattiva madwar l-Unjoni se jitnaqqsu b’mod sinifikanti, jista’ jkun mistenni li aktar inventuri jfittxu l-protezzjoni tal-privattiva permezz ta’ privattiva Ewropea wkoll fl-Istati Membri li ma jipparteċipawx fil-kooperazzjoni msaħħa[26].

Dan huwa saħansitra aktar probabbli peress li l-inventuri jkollhom interess li jiksbu l-protezzjoni tal-privattiva madwar l-Unjoni sabiex jipproteġu l-invenzjonijiet kontra prodotti minn pajjiżi terzi li jiksru l-privattivi tagħhom biex ma jidħlux fis-suq intern. Attwalment, qbid ta’ prodotti bħal dawn fil-fruntieri esterni tal-Unjoni skont ir-Regolament tal-Fruntieri Doganali tal-UE mhuwiex possibbli jekk dawn il-prodotti jkunu importati permezz ta’ Stati Membri fejn id-detentur tal-privattiva ma jkunx ivvalida l-privattiva tiegħu. Dan ixekkel serjament il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet ta’ prodotti li jiksru l-privattivi minn pajjiżi terzi. Jista’ jkun mistenni li ladarba l-kosti globali jkunu mnaqqsa b’mod sinifikanti, iktar detenturi ta’ privattivi li jbatu minn dan se jfittxu protezzjoni aktar wiesgħa. Konsegwentement, il-kooperazzjoni msaħħa ssaħħaħ l-integrazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-privattiva fl-Unjoni.

Il-protezzjoni tal-privattiva unitarja għalhekk tirrinforza l-integrazzjoni bejn l-Istati Membri parteċipanti billi tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni tal-privattivi bejn il-fruntieri tal-Istati Membri parteċipanti. Billi tipprovdi protezzjoni tal-privattiva uniformi fl-Istati Membri parteċipanti, il-privattiva unitarja se tipprovdi għal żona mingħajr “lakuni ta’ privattivi” fejn l-effetti mhux mixtieqa bħall-frammentazzjoni tas-suq intern u l-“free-riding” minn kontravvenjenti jistgħu jiġu opponuti. Safejn hija kkonċernata l-integrazzjoni bejn Stati Membri parteċipanti u Stati Membri mhux parteċipanti, jistgħu wkoll jiġu mistennija peress li l-utenti minn Stati Membri mhux parteċipanti jibbenefikaw ukoll mill-privattiva unitarja u l-aċċess għall-protezzjoni ta’ privattiva uniformi fl-Istati Membri parteċipanti. Dan jikkontribwixxi biex jintensifika l-attivitajiet ekonomiċi transkonfinali bejn Stati Membri parteċipanti u Stati Membri mhux parteċipanti wkoll.

4.4. Konformità mat-Trattati u l-liġi tal-Unjoni

Skont l-Artikolu 326 tat-TFUE, il-kooperazzjoni msaħħa għandha tkun konformi mat-Trattati u l-liġi tal-Unjoni. Fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja, il-kooperazzjoni msaħħa tkun tirrispetta l-acquis eżistenti.

L-ewwel, il-kooperazzjoni tkun stabbilita f’żona li hija koperta mill-kompetenzi kondiviżi tal-Unjoni (Artikolu 4(2) tat-TFUE – ara t-Taqsima 4.2 hawn fuq).

It-tieni, sal-lum hemm biss numru limitat ta’ atti legali tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 288 tat-TFUE u ebda minnhom ma jkopru l-ħolqien ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali Ewropea li jipprovdi protezzjoni uniformi madwar l-Unjoni.

Bl-eċċezzjoni tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ invenzjonijiet bijoteknoloġiċi[27], ma teżisti l-ebda approssimazzjoni tal-liġi tal-privattivi sostantiva fuq il-livell tal-Unjoni. Din id-Direttiva, b’mod partikolari, tipprovdi kriterji tal-privattivibbiltà armonizzati u eċċezzjonijiet minn privattivibbiltà għal invenzjonijiet bijoteknoloġiċi. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ppromulga leġiżlazzjoni dwar estensjonijiet tat-terminu tal-privattivi għal tipi speċifiċi tas-suġġetti privattivi. L-istrumenti relevanti huma r-Regolament (KE) Nru 1610/96 dwar il-ħolqien ta’ kull ċertifikat supplimentari ta’ ħarsien għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti[28] u r-Regolament (KE) Nru 469/2009 dwar il-ħolqien ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali [29].

Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-privattivi ma tikkawżax diskriminazzjoni. L-aċċess għall-privattiva unitarja se jkun miftuħ għall-utenti tas-sistema tal-privattivi minn madwar l-Unjoni kollha, tkun xi tkun in-nazzjonalità, ir-residenza jew il-post ta’ stabbiliment tal-applikanti. Min-naħa loħra, l-utenti se jkomplu jkunu jistgħu jiksbu protezzjoni tal-privattiva fi Stati Membri mhux parteċipanti billi jinnominaw dawk l-Istati Membri flimkien mal-ħatra unitarja tat-territorji tal-Istati Membri parteċipanti.

Barra minn hekk, l-utenti kollha jkollhom il-possibbiltà li jivvalidaw il-privattiva Ewropea tagħhom għat-territorji tal-Istati Membri parteċipanti u għall-Istati Membri mhux parteċipanti taħt l-istess kundizzjonijiet. L-istess privattiva għall-istess invenzjoni għalhekk tingħata mill-EPO mingħajr ebda piż amministrattiv addizzjonali u mingħajr kosti addizzjonali. L-utenti ser iħallsu l-miżati relevanti għall-għoti tal-privattiva tagħhom lill-EPO u jżommu l-għażla tat-territorji li għandhom jiġu koperti sal-għotja, jiġifieri l-għażla bejn (i) privattiva valida Ewropea fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti li għalihom din il-privattiva jkollha natura unitarja, (ii) privattiva valida Ewropea fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti li għalihom din il-privattiva jkollha natura unitarja iżda jinnominaw ukoll Stati Kontraenti oħra magħżula tal-EPC, jew (iii) privattiva Ewropea li tinnomina biss Stati Kontraenti magħżula tal-EPC.

4.5. Rispett tas-suq intern jew tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; l-ebda ostakolu jew diskriminazzjoni fil-kummerċ; l-ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni

4.5.1. Il-kooperazzjoni msaħħa m’għandhiex iddgħajjef is-suq intern jew il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

L-Artikolu 326 tat-TFUE jirrikjedi li l-kooperazzjoni msaħħa ma tikkompromettix is-suq intern jew il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

Kif spjegat hawn fuq, il-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja għal grupp ta’ Stati Membri jikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq intern[30]. Il-protezzjoni tal-privattiva unitarja b’effett uniformi fl-Istati Membri parteċipanti se tnaqqas il-problemi attwali kkawżati mis-sistema frammentata tal-privattivi fl-Istati Membri parteċipanti. B’mod partikolari, il-proprjetarji tal-privattivi se jkunu jistgħu jimpedixxu lill-oġġetti u l-prodotti ta’ ksur minn pajjiżi terzi milli jidħlu fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti u biex jadattaw il-produzzjoni, liċenzjar u prattiċi kummerċjali fis-swieq tal-Istati Membri parteċipanti.

Il-funzjonament tas-suq intern jitjieb ukoll fir-rigward ta’ Stati Membri mhux parteċipanti peress li, kif spjegat hawn fuq, huwa probabbli li aktar inventuri jfittxu l-protezzjoni tal-privattiva madwar l-Unjoni.

Barra minn hekk, kif spjegat f’aktar dettall fit-Taqsima 4.6. hawn taħt, l-aċċess ugwali għall-protezzjoni tal-privattiva unitarja se jkun assigurat għad-detenturi tal-privattivi kollha kemm jekk dawn jiġu minn Stati Membri parteċipanti kif ukoll jekk jiġu minn Stati Membri mhux parteċipanti. Il-protezzjoni tal-privattiva unitarja li tkopri t-territorji tal-Istati Membri parteċipanti tkun strument addizzjonali disponibbli għad-detenturi kollha ta’ privattivi fl-Unjoni u tista’ ttejjeb biss l-istat attwali tal-funzjonament tas-suq intern. Dan għandu jikkontribwixxi wkoll biex tittejjeb il-koeżjoni ekonomika.

B’mod aktar ġenerali, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali ma tkunx affettwata ħażin mill-protezzjoni tal-privattiva unitarja peress li, b’mod partikolari, il-post ta’ stabbiliment ta’ operatur ekonomiku se jkun immaterjali għall-aċċess għal protezzjoni tal-privattiva unitarja (u l-benefiċċji assoċjati ta’ simplifikazzjoni u l-iffrankar tal-kosti).

4.5.2. Il-kooperazzjoni msaħħa m’għandhiex toħloq xkiel jew diskriminazzjoni fil-kummerċ bejn Stati Membri u lanqas m’għandha tgħawweġ il-kompetizzjoni bejniethom

L-Artikolu 326 tat-TFUE jirrikjedi li l-kooperazzjoni msaħħa m’għandhiex toħloq xkiel jew diskriminazzjoni fil-kummerċ bejn l-Istati Membri u lanqas tgħawweġ il-kompetizzjoni bejniethom.

Kif spjegat hawn fuq, il-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fit-territorji ta’ grupp ta’ Stati Membri jikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq intern u, partikolarment, għall-moviment liberu tal-merkanzija. Il-frammentazzjoni tal-lum fejn jeżistu l-“fruntieri” tad-drittijiet tal-privattivi bejn l-Istati Membri (minħabba l-ambitu territorjali limitat tad-drittijiet eżistenti tal-privattivi) jispiċċaw fost Stati Membri parteċipanti. Safejn huwa kkonċernat il-kummerċ bejn Stati Membri parteċipanti u Stati Membri mhux parteċipanti, is-sitwazzjoni x’aktarx li titjieb ukoll peress li huwa probabbli li aktar inventuri jfittxu protezzjoni madwar l-Unjoni milli attwalment huwa l-każ[31].

Barra minn hekk, (u kif spjegat aktar ’il quddiem fit-Taqsima 4.6 hawn taħt) il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-protezzjoni tal-privattiva unitarja ma toħloqx xkiel għal, jew diskriminazzjoni fil-kummerċ bejn l-Istati Membri. Is-sistema unitarja tal-privattivi se tkun miftuħa peress li l-inventuri u l-kumpaniji innovattivi minn Stati Membri mhux parteċipanti se jkollhom aċċess għall-protezzjoni tal-privattiva unitarja meta jkunu qed ifittxu l-protezzjoni tal-privattiva fl-Istati Membri parteċipanti fuq l-istess livell bħall-kontrapartijiet tagħhom minn Stati Membri parteċipanti. Safejn hija kkonċernata l-protezzjoni tal-privattiva fi Stati Membri mhux parteċipanti, l-ebda xkiel għal, jew diskriminazzjoni fil-kummerċ ma hu ser jinħoloq peress li l-utenti kollha huma meħtieġa li jivvalidaw il-privattiva Ewropea tagħhom f’dawk l-Istati jew jiksbu privattivi nazzjonali, kemm jekk ikunu ġejjin minn Stati Membri parteċipanti kif ukoll jekk jiġu minn Stati Membri mhux parteċipanti.

Rigward ir-rekwiżit li l-kooperazzjoni msaħħa ma twassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-kompetizzjoni ma tkunx mgħawwġa la bejn l-Istati Membri u lanqas bejn l-operaturi ekonomiċi.

Il-protezzjoni tal-privattiva unitarja maħluqa taħt il-kooperazzjoni msaħħa, b’mod partikolari, ma tinfluwenzax il-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri għall-investimenti minn kumpaniji innovattivi. Il-kundizzjonijiet qafas għan-negozji innovattivi jitjiebu madwar l-Unjoni kollha minħabba l-iffrankar ta’ kosti tal-privattivi kif deskritt hawn fuq. Peress li l-post ta’ stabbiliment ta’ operatur ekonomiku se jkun immaterjali għall-aċċess għal protezzjoni tal-privattiva unitarja (u l-iffrankar tal-kosti assoċjati), jekk Stat Membru jipparteċipax jew le f’kooperazzjoni msaħħa ma jkunx deċiżiv għal deċiżjoni ta’ investiment favur jew kontra dak l-Istat Membru.

Fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi minn Stati Membri parteċipanti u mhux parteċipanti, il-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja se jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ qafas għan-negozji innovattivi madwar l-Unjoni. L-għadd ta’ privattivi validi kemm fit-territorji ta’ Stati Membri parteċipanti fik ukoll fit-territorji ta’ Stati Membri mhux parteċipanti x’aktarx jiżdied, peress li l-proprjetarji tal-privattivi jistgħu jixtiequ li jiksbu privattiva unitarja għall-Istati Membri parteċipanti, filwaqt li jużaw l-iffrankar tal-kosti li jirriżulta mill-użu tal-privattiva unitarja biex jiksbu privattivi Ewropej għat-territorji tal-Istati Membri mhux parteċipanti. Kif spjegat hawn fuq, dan huwa partikolarment probabbli f’dawk is-setturi ekonomiċi li huma affettwati mill-importazzjonijiet ta’ prodotti li jiksru privattivi Ewropej minn pajjiżi terzi peress li hija biss il-protezzjoni sħiħa fil-fruntieri esterni kollha tal-Unjoni li tippermetti li l-proprjetarji tal-privattivi jużaw b’mod effettiv ir-Regolament tal-Fruntieri Doganali tal-UE u li jkollhom dawn il-prodotti maqbuda fuq il-fruntieri esterni kollha.

4.6. Rispett tad-drittijiet ta’ Stati Membri mhux parteċipanti

L-Artikolu 327 tat-TFUE jirrikjedi li kull kooperazzjoni msaħħa tirrispetta l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fiha.

Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-privattivi tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet ta’ Stati Membri mhux parteċipanti. L-aċċess għall-privattiva unitarja jkun miftuħ għall-utenti tas-sistema tal-privattivi minn madwar l-Unjoni kollha, irrispettivament min-nazzjonalità, ir-residenza jew il-post ta’ stabbiliment tal-applikanti. Min-naħa loħra, l-utenti jkomplu jkunu jistgħu jiksbu protezzjoni tal-privattiva fi Stati Membri mhux parteċipanti billi jiksbu privattiva Ewropea fit-territorji ta’ dawk l-Istati Membri jew, anqas probabbli, billi jiksbu privattivi nazzjonali. Għalhekk, l-aċċess tal-inventuri u l-kumpaniji innovattivi minn Stati Membri mhux parteċipanti għall-privattiva unitarja jkun identiku għal dawk mill-Istati Membri parteċipanti.

L-Istati Membri parteċipanti għalhekk joħolqu protezzjoni tal-privattiva unitarja fit-territorju kollu tal-kooperazzjoni msaħħa. Id-dritt ta’ Stati Membri mhux parteċipanti li jżommu r-rekwiżiti għall-protezzjoni tal-privattiva fit-territorji tagħhom għalhekk mhuwiex affettwat. Dawn jistgħu, pereżempju, jkomplu jitolbu traduzzjonijiet ta’ privattivi Ewropej bħala prerekwiżit għal validazzjoni fit-territorju nazzjonali tagħhom.

Għandu jiġi enfasizzat li privattiva unitarja ma tiddiskriminax bejn utenti li ġejjin minn Stati Membri parteċipanti u minn Stati Membri mhux parteċipanti: l-utenti minn Stati Membri mhux parteċipanti jkollhom aċċess għal protezzjoni tal-privattiva unitarja meta jfittxu l-protezzjoni tal-privattiva (u għalhekk l-aċċess għall-prodotti innovattivi tagħhom fis-swieq) fl-Istati Membri parteċipanti fuq l-istess livell bħall-utenti minn Stati Membri parteċipanti. Safejn hija kkonċernata l-protezzjoni tal-privattiva fi Stati Membri mhux parteċipanti, l-utenti kollha se jkunu meħtieġa li jivvalidaw il-privattiva Ewropea tagħhom f’dawk l-Istati jew li jiksbu privattivi nazzjonali.

Applikanti mill-Istati Membri mhux parteċipanti ser ikunu jistgħu wkoll jibbenefikaw mill-kumpens tal-kosti għat-traduzzjonijiet tal-applikazzjonijiet ppreżentati b’lingwa nazzjonali f’waħda mil-lingwi ta’ ħidma tal-EPO bl-istess mod bħall-applikanti mill-Istati Membri parteċipanti. Barra minn hekk, dawk li allegatament ikunu ħatja ta' ksur minn Stati Membri mhux parteċipanti jibbenefikaw ukoll mir-rekwiżit li tiġi pprovduta traduzzjoni manwali sħiħa fil-każ ta’ tilwima. Konsegwentement, ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn l-utenti mill-Istati Membri parteċipanti u dawk li mhumiex parteċipanti.

Fl-aħħarnett, huwa osservat li l-kooperazzjoni msaħħa dwar il-protezzjoni tal-privattiva unitarja ma tqajjem ebda kwistjonijiet rigward l-eżawriment tad-drittijiet tal-privattivi. Ma jkun hemm l-ebda impatt fuq il-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri parteċipanti u l-Istati Membri mhux parteċipanti. Skont il-każistika permanenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-eżawriment tad-dritt tal-privattiva jew kwalunkwe dritt tal-proprjetà intellettwali jew industrijali ieħor jeħtieġ li l-oġġett protett ikun tqiegħed fis-suq fi ħdan l-Unjoni (jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea) mid-detentur tad-dritt innifsu jew bil-kunsens tiegħu. F’dak li jirrigwarda l-privattivi, il-Qorti tal-Ġustizzja tabilħaqq iddeċidiet li r-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, inklużi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36 tat-TFUE, għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu l-proprjetarju tal-privattivi li jbiegħ prodott fi Stat Membru wieħed fejn dan il-prodott huwa protett bi privattiva, u mbagħad ibiegħu hu stess fi Stat Membru ieħor fejn ma jkunx protett, milli jirrikorri għad-dritt ikkonferit mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru biex ma jsirx bejgħ f’dak l-Istat tal-preparazzjoni msemmija importata mill-Istat Membru l-ieħor[32].

4.7. Konklużjoni dwar it-twettiq tal-kundizzjonijiet legali

Abbażi ta’ dak imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjonijiet legali kollha stabbiliti mit-Trattati għall-kooperazzjoni msaħħa huma sodisfatti.

5. VALUTAZZJONI TAL-IMPATTI TA’ KOOPERAZZJONI MSAĦĦA

5.1. Is-sitwazzjoni attwali

Is-sitwazzjoni attwali li tirriżulta minn privattivi nazzjonali u Ewropej li jipprovdu biss protezzjoni tal-privattiva territorjalment limitata twassal għal-“lakuni” fl-Unjoni li jista’ jkollhom bosta mill-effetti mhux mixtieqa li ġejjin:

- Jintilfu opportunitajiet għan-negozju: il-proprjetarji tal-privattivi jkollhom it-tendenza li jiffukaw fuq xi swieq nazzjonali fil-protezzjoni tal-privattiva tagħhom u fil-produzzjoni, il-liċenzjar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom; opportunitajiet għan-negozju fi swieq oħra - kemm jekk iżgħar kif ukoll aktar imbiegħda - huma anqas probabbli li jiġu segwiti; dan jonqos milli jkun sodisfatt suq intern veru u dan jista’ jdgħajjef ukoll il-koeżjoni fi ħdan l-Unjoni;

- Il-kumpaniji innovattivi jkunu fi żvantaġġ: il-partijiet terzi li jipproduċu u jbiegħu prodotti bi privattiva fi Stati Membri fejn il-protezzjoni tal-privattiva ma tkunx ġiet assigurata jkollhom vantaġġ kompetittiv fuq proprjetarji tal-privattivi li għandhom bżonn jirkupraw investimenti tar-R&Ż; speċjalment SMEs innovattivi li ma żgurawx protezzjoni tal-privattiva madwar l-Unjoni minħabba l-kosti għoljin assoċjati mal-kisba ta’ din il-protezzjoni;

- Il-valur tal-privattivi huwa mdgħajjef: il-proprjetarji tal-privattivi ma jistgħux jiddependu fuq ir-Regolament tal-Fruntieri Doganali tal-UE[33] sabiex jimpedixxu oġġetti u prodotti ta’ ksur minn pajjiżi terzi milli jidħlu fis-suq intern permezz ta’ Stati Membri li fihom m’hemm l-ebda protezzjoni tal-privattiva; dawn l-oġġetti u l-prodotti ta’ ksur għandhom jiġu rilaxxati mill-awtoritajiet doganali u għalhekk jistgħu jiċċirkolaw liberament fis-suq intern; fil-prinċipju, dawn ma jistgħux jidħlu fi Stati Membri fejn il-protezzjoni tal-privattiva tkun ġiet żgurata, iżda fil-prattika – peress li l-kontrolli tal-fruntieri m’għadhomx aktar fis-seħħ fis-suq intern – dawn l-oġġetti jew il-prodotti jistgħu jiċċirkolaw b’mod ħieles fi ħdan l-Unjoni[34].

5.2. Valutazzjoni tal-impatti

Il-ħolqien ta’ titolu tal-privattivi unitarju għal grupp ta’ Stati Membri jimplika vantaġġi tanġibbli immedjati għall-utenti tas-sistema tal-privattivi fl-Ewropa. Il-karatteristiċi li ġejjin ta’ protezzjoni ta’ privattivi unitarji għandhom jiġu enfasizzati:

- L-aċċess imtejjeb għall-protezzjoni tal-privattiva

- Tnaqqis u simplifikazzjoni tal-kosti

5.2.1. Aċċess imtejjeb għall-protezzjoni tal-privattiva

Il-privattiva unitarja għaż-żona koperta mill-kooperazzjoni msaħħa għandha tiżgura aċċess aktar faċli għall-protezzjoni tal-privattiva għall-utenti kollha tas-sistema tal-privattivi fl-Ewropa. Dan japplika kemm għall-applikanti mill-Istati Membri parteċipanti kif ukoll għal dawk mill-Istati Membri mhux parteċipanti. Iż-żona għall-kooperazzjoni msaħħa tkun tkopri suq li huwa ħafna ikbar minn kwalunkwe suq ta’ Stat Membru wieħed, li jirriżulta f'kosti mnaqqsa ta’ protezzjoni relattivament mal-kobor tal-ekonomija.

L-effett tal-kosti relattivi tal-privattivi fuq id-domanda għall-protezzjoni tal-privattiva ġie investigat fi studju reċenti mwettaq għall-Kummissjoni[35]. Dak l-istudju qabbel il-kosti tal-privattivi, filwaqt li qies id-daqs tas-suq u l-għadd ta’ talbiet fi privattiva medja għal territorju partikolari, u wera li kosti għoljin ħafna fl-Ewropa jwasslu għal domanda ħafna iżgħar ta’ applikazzjonijiet għall-privattivi ppreżentati fl-EPO. L-istudju juri wkoll li l-Ftehim ta’ Londra[36] għandu impatt sostanzjali fuq it-tnaqqis tal-kosti, iżda privattiva Ewropea tibqa’ diversi drabi aktar għolja minn privattiva tal-Istati Uniti.

Billi tipprovdi għal titolu tal-privattivi unitarju li jkopri żona mdaqqsa tal-Unjoni, l-ispiża għal kull talba per capita għall-protezzjoni tal-privattiva tonqos. Studji wrew li l-elastiċità tal-miżata hi -0.4[37]; żieda fil-miżata ta’ 10 % twassal għal waqgħa fil-preżentazzjoni tal-privattivi ta’ madwar 4 %. Permezz tat-tnaqqis tal-protezzjoni tal-privattiva per capita, territorju mkabbar għall-protezzjoni tal-privattiva għandu għalhekk iwassal għal domanda akbar għall-privattivi. Dan iġib miegħu opportunitajiet ġodda għall-SMEs fejn il-kosti relattivament għolja attwalment jagħmlu l-protezzjoni barra s-suq domestiku tagħhom prattikament inaċċessibbli.

5.2.2. Tnaqqis u simplifikazzjoni tal-kosti

Il-protezzjoni tal-privattivi unitarji maħluqa taħt il-kooperazzjoni msaħħa tirriżulta fi tnaqqis u simplifikazzjoni sinifikanti tas-sistema għall-utenti minħabba l-amministrazzjoni ċentrali tal-privattiva unitarja u r-rekwiżiti ta’ traduzzjonijiet simplifikati.

5.2.2.1. Amministrazzjoni ċentrali tal-privattiva unitarja

L-amministrazzjoni ċentrali tal-privattiva unitarja ġġib magħha titjib sinifikanti f’termini ta’ tnaqqis u simplifikazzjoni tal-kosti. Il-vantaġġi li ġejjin ikunu notevoli:

- Ħlas ċentrali ta’ miżati ta’ tiġdid annwali (għall-kuntrarju tal-ħlas attwali ta’ miżati ta’ tiġdid annwali lill-uffiċċji tal-privattivi nazzjonali f’kull Stat Membru fejn il-proprjetarju tal-privattiva jixtieq iżomm il-privattiva fis-seħħ): għal darb’oħra, il-proprjetarji tal-privattiva se jibbenefikaw minn tnaqqis sinifikanti fil-kosti:

- safejn huma kkonċernati l-miżati uffiċjali, il-proprjetarji tal-privattivi jkunu meħtieġ jħallsu biss miżata ta’ tiġdid annwali waħda biss għall-privattiva unitarja, pjuttost milli jkollhom iħallsu miżati ta’ tiġdid annwali f’kull Stat Membru fejn hija maħsuba ż-żamma tal-privattiva nazzjonali jew Ewropea;

- safejn huma kkonċernati l-kosti ta’ rappreżentazzjoni, il-proprjetarji tal-privattivi jkunu jistgħu jew iħallsu huma stess il-miżati ta’ tiġdid annwali għall-privattiva unitarja direttament lill-EPO jew inkella jinkarigaw rappreżentant professjonali wieħed biss biex jagħmel dan il-ħlas, pjuttost milli jkollhom jinkarigaw rappreżentanti professjonali bi ħlasijiet f’kull Stat Membru fejn hija maħsuba il-manutenzjoni[38].

- Reġistrazzjoni ċentrali ta’ informazzjoni legali dwar il-privattivi, bħal liċenzji, trasferimenti, limitazzjonijiet, skadenzi, rinunċji (għall-kuntrarju tar-rekwiżiti nazzjonali attwali dwar ir-reġistrazzjoni fl-uffiċċji tal-privattivi nazzjonali): dan għandu jsaħħaħ bil-kbir iċ-ċertezza legali billi jippermetti aċċess faċli għall-informazzjoni legali relatata mal-privattivi; b’mod partikolari fil-kuntest tan-negozjati tal-ftehimiet ta’ liċenzjar, u speċjalment fil-kuntest ta’ standards, ħarsa ġenerali tas-sjieda u l-istatus legali tal-privattivi hija kruċjali u tippermetti ġestjoni ħafna aħjar tal-portafolli tal-privattivi.

5.2.2.2. Rekwiżiti tat-traduzzjoni

In-nuqqas ta’ titolu ta’ privattiva unitarja jirriżulta f'kosti sinifikanti relatati direttament u indirettament mar-rekwiżiti ta’ traduzzjoni attwalment applikabbli. Attwalment, privattiva Ewropea għandha tiġi vvalidata fil-maġġor parti tal-Istati Kontraenti tal-EPC sabiex ikollha effett. Il-liġi nazzjonali tista’ titlob li l-proprjetarju tal-privattiva jippreżenta traduzzjoni tal-privattiva, iħallas miżata tal-pubblikazzjoni lill-uffiċċju tal-privattivi nazzjonali u jikkonforma mar-rekwiżiti formali varji (relatati per eżempju mal-għadd ta’ kopji li għandhom jiġu ppreżentati, l-użu ta’ formoli preskritti, il-perjodi ta’ żmien). Kosti sinifikanti, il-burokrazija u l-kumplessità jakkumulaw f’dan il-proċess, inklużi dawn li ġejjin:

- Kosti ta’ traduzzjonijiet tekniċi. Tradutturi speċjalizzati huma meħtieġa biex jittraduċu t-test tekniku li jinsab fil-privattivi. Bħala medja, għandhom jitħallsu EUR 85 għal kull paġna filwaqt li t-tul ta’ privattiva tipika huwa ta’ madwar 20 paġna (iżda jista’ jilħaq 200 paġna f’ċertu każijiet).

- Miżati imposti minn rappreżentattivi professjonali. Ir-rappreżentanti professjonali lokali jaġixxu ta’ spiss bħala intermedjarji bejn il-proprjetarju tal-privattiva u l-uffiċċji nazzjonali tal-privattivi fejn għandhom jiġu ppreżentati t-traduzzjonijiet. Dawn jistgħu joffru li jirranġaw għal traduzzjonijiet jew jivverifikaw traduzzjonijiet imwettqa minn tradutturi esterni, jew jistgħu joffru li jiżguraw li r-rekwiżiti formali stabbiliti bil-liġi nazzjonali jiġu osservati. Il-miżati għandhom jitħallsu mill-proprjetarju tal-privattiva għal dawn is-servizzi, u dawn ivarjaw minn madwar EUR 150 sa EUR 600 għal kull validazzjoni ta’ privattiva skont l-Istat Membru.

- Il-miżati uffiċjali imposti mill-uffiċċji nazzjonali tal-privattivi għall-pubblikazzjoni tat-traduzzjonijiet. Il-miżata ta’ pubblikazzjoni għal privattiva Ewropea ta’ tul tipiku (20 paġna) tvarja minn EUR 25 sa EUR 400 f’ċertu Stati Membri.

B’kollox, dawn il-kosti ta’ validazzjoni jistgħu jammontaw għal madwar 40 % tal-kosti globali tal-privattivi fl-Ewropa. F’ħafna każijiet, il-validazzjoni ta’ privattiva Ewropea fi Stat Membru wieħed biss tista’ tiswa aktar mill-miżati kollha mħallsa lill-EPO għat-tfittxija, l-eżaminazzjoni u l-għoti ta’ privattiva Ewropea.

Permezz ta’ titolu unitarju għal għadd ta’ Stati Membri, jista’ jinkiseb iffrankar u simplifazzjoni sinifikanti tal-kosti għall-utenti tas-sistema. Għall-Istati Membri parteċipanti, l-arranġamenti komuni simplifikati tat-traduzzjoni jirriżultaw f’dawn li ġejjin:

12. ir-rekwiżiti ta’ traduzzjoni jkunu limitati għar-rekwiżiti stabbiliti taħt l-EPC, bla ħsara għall-arranġamenti tranżitorji proporzjonali li jipprovdu għal traduzzjonijiet addizzjonali fuq bażi temporanja, mingħajr valur legali u purament għal skopijiet ta’ informazzjoni;

13. ebda rekwiżit li tiġi ppreżentata traduzzjoni fl-uffiċċji nazzjonali tal-privattivi u l-ebda ħlas tad-drittijiet tal-pubblikazzjoni;

14. l-ebda bżonn li titħallas rappreżentazzjoni fuq livell nazzjonali.

Attwalment, il-kosti ta’ validazzjoni għal privattiva Ewropea ta’ tul tipiku, fi tlieta, sitta jew tlettax-il Stat Membru, rispettivament, u l-Unjoni kollha jkunu dawn il-ġejjin:

- jekk il-proprjetarju tal-privattiva jfittex protezzjoni fl tliet Stati Membri biss - il-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit – ma japplika l-ebda rekwiżit ta’ validazzjoni u ma jiġu sostnuti l-ebda kosti ta’ validazzjoni, wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Londra;

- jekk tintalab protezzjoni f’sitt Stati Membri, il-kosti ta’ validazzjoni jistgħu jvarjaw minn EUR 3 000 sal EUR 4 500 skont l-Istati Membri magħżula u jekk l-Istati Membri relevanti jkunux implimentaw il-Ftehim ta’ Londra;

- il-kosti ta’ validazzjoni jkunu iktar minn EUR 12 000 meta tintalab protezzjoni fi tlettax-il Stat Membru, il-kopertura fl-Unjoni kollha tkun tiswa bejn EUR 22 000 u EUR 26 000 fil-kosti ta’ validazzjoni.

Il-kosti tat-traduzzjoni taħt l-arranġamenti simplifikati għat-traduzzjonijiet tal-kooperazzjoni msaħħa jammontaw għal madwar EUR 680 għal kull privattiva[39], bla ħsara għar-rekwiżiti tat-traduzzjoni addizzjonali proporzjonali purament għal skopijiet ta’ informazzjoni li jistgħu jitqiesu meħtieġa matul perjodu tranżitorju. Dan jikkorrispondi għall-ispiża medja attwali tal-traduzzjoni tat-talbiet fiż-żewġ lingwi ta’ ħidma tal-EPO għajr il-lingwa tal-proċeduri (Artikolu 14(6) tal-EPC).

Il-kosti ta’ validazzjoni għat-territorji tal-Istati Membri parteċipanti b’hekk ikunu identiċi għall-ispiża attwali ta’ protezzjoni fl-Istati Membri li huma partijiet mill-Ftehim ta’ Londra u li neħħew għal kollox ir-rekwiżiti ta’ traduzzjoni (il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit u l-Lussemburgu) [40].

Il-kosti addizzjonali ta’ validazzjoni jseħħu biss f’każijiet fejn il-proprjetarju tal-privattiva jfittex li jestendi l-protezzjoni tal-privattiva għall-Istati Membri mhux parteċipanti. Bħala riżultat tal-kooperazzjoni msaħħa, isir iffrankar sinifikanti tal-kosti mill-utenti madwar l-Unjoni. Minkejja l-ammont attwali ta’ Stati Membri parteċipanti, l-applikanti kollha jibbenefikaw mit-tnaqqis fl-ispiża tal-privattivi minħabba r-rekwiżiti ta’ traduzzjonijiet simplifikati. Ċertament, iktar ma jipparteċipaw Stati Membri, aktar ikun jista’ jiġi antiċipat iffrankar kbir fil-kosti.

2010/0384 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza kopperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 329(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-talbiet magħmula mid-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, is-Slovenja, l-Isvezja u r-Renju Unit,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[41],

Billi:

(1) Skont l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni għandha tistabbilixxi suq intern, għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli ta’ Ewropa bbażata fuq tkabbir ekonomiku bbilanċjat u għandha tippromwovi l-avvanz xjentifiku u teknoloġiku. Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet legali li jippermettu li l-impriżi jaddattaw l-attivitajiet tagħhom fil-manifattura u d-distribuzzjoni ta’ prodotti bejn il-fruntieri nazzjonali u jipprovdu lill-kumpaniji b’aktar għażla u opportunitajiet jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq dan il-għan. Privattiva unitarja li tipprovdi effetti uniformi madwar l-Unjoni għandha tirriżulta fost l-istrumenti legali li l-impriżi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

(2) Skont l-Artikolu 118 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u fil-kuntest tal-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern, il-miżuri għandhom jinkludu l-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattivi uniformi madwar l-Unjoni u l-istabbiliment ta’ arranġamenti ta’ awtorizzazzjoni, koordinazzjoni u superviżjoni ċentralizzati madwar l-Unjoni.

(3) Fil-5 ta’ Lulju 2000, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-privattiva Komunitarja għall-ħolqien ta’ privattiva unitarja li tipprovdi protezzjoni uniformi madwar l-Unjoni. Fit-30 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva tal-Unjoni Ewropea (privattiva tal-UE) li jipprovdi għall-arranġamenti għat-traduzzjoni applikabbli għall-privattiva tal-UE.

(4) Fil-laqgħa tal-Kunsilll tal-10 ta’ Novembru 2010, ġie rreġistrat li ma kien hemm l-ebda unanimità biex ir-Regolament propost tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni applikabbli għall-privattiva tal-Unjoni Ewropea jimxi ‘l quddiem. Ġie kkonfermat fl-10 ta’ Diċembru 2010 li kienu jeżistu diffikultajiet li ma jistgħux jingħelbu, u b’hekk għamlu l-unanimità impossibbli dak il-ħin u fil-futur prevedibbli. Peress li l-ftehim dwar ir-Regolament propost tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva tal-UE huwa meħtieġ għal ftehim finali dwar il-protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-Unjoni, huwa stabbilit li l-għan tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja għall-Unjoni ma setax jintlaħaq fi żmien raġonevoli bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattati.

(5) F’dawn iċ-ċirkostanzi, tnax-il Stat Membru, jiġifieri d-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, is-Slovenja, u r-Renju Unit, indirizzaw talbiet lill-Kummissjoni permezz ta’ ittri tas-7, it-8 u t-13 ta’ Diċembru 2010 li jindikaw li xtaqu jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattivi unitarja fuq il-bażi tal-proposti eżistenti appoġġjati minn dawn l-Istati Membri waqt in-negozjati u li l-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill għal dak il-għan. It-talbiet ġew ikkonfermati fil-laqgħa tal-Kunsill ta’ Kompetittività fl-10 ta’ Diċembru 2010. B’kollox, tnax-il Stat Membru talbu l-kooperazzjoni msaħħa.

(6) Il-kooperazzjoni msaħħa għandha tipprovdi l-qafas legali meħtieġ għall-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-Istati Membri parteċipanti u tiżgura l-possibbiltà għall-impriżi madwar l-Unjoni biex itejbu l-kompetittività tagħhom billi jkollhom l-għażla li jfittxu l-protezzjoni tal-privattivi uniformi fl-Istati Membri parteċipanti, kif ukoll jikkontribwixxu għall-avvanz xjentifiku u teknoloġiku.

(7) Il-kooperazzjoni msaħħa għandha timmira li toħloq privattiva unitarja, li tipprovdi protezzjoni uniformi fit-territorji kollha tal-Istati Membri parteċipanti u li tingħata fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri kollha mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO). Bħala parti neċessarja tal-privattiva unitarja, l-arranġamenti għat-traduzzjoni applikabbli għandhom ikunu sempliċi u kosteffikaċi u jikkorrispondu għal dawk previsti fil-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva tal-Unjoni Ewropea[42], ippreżentata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Ġunju 2010, flimkien mal-elementi ta’ kompromess proposti mill-Presidenza f’Novembru 2010 li kellhom appoġġ wiesgħa fil-Kunsill. L-arranġamenti għat-traduzzjoni se jżommu l-possibbiltà tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-privattivi fi kwalunkwe lingwa tal-Unjoni fl-EPO u jiżguraw kumpens tal-kosti relatati mat-traduzzjoni ta’ applikazzjonijiet ippreżentati f’lingwi oħra differenti minn waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO. Il-privattiva li għandha effett unitarju għandha tingħata biss f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO kif previst fil-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi. Ebda traduzzjoni oħra ma tkun meħtieġa bla ħsara għal arranġamenti tranżitorji li jkunu proporzjonali u jeħtieġu traduzzjonijiet addizzjonali fuq bażi temporanja, mingħajr effett legali u purament għal skopijiet ta’ informazzjoni. Fi kwalunkwe każ l-arranġamenti tranżitorji għandhom jintemmu meta jkunu disponibbli traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ kwalità għolja, suġġetti għal evalwazzjoni objettiva tal-kwalità. Fil-każ ta’ tilwima, għandhom japplikaw obbligi ta’ traduzzjoni obbligatorji għall-proprjetarju tal-privattiva.

(8) Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tat-TUE u fl-Artikoli 326 u 329 tat-TFUE huma milħuqa.

(9) Il-qasam li fih ser isseħħ il-kooperazzjoni msaħħa, l-istabbiliment ta’ miżuri għall-ħolqien ta’ privattiva unitarja li jipprovdu protezzjoni madwar l-Unjoni u t-twaqqif ta’ arranġamenti ta’ awtorizzazzjoni, koordinazzjoni u superviżjoni ċentralizzati madwar l-Unjoni, hija identifikata mill-Artikolu 118 tat-TFUE bħala wieħed mill-oqsma koperti mit-Trattati.

(10) Ġie rreġistrat fil-laqgħa tal-Kunsill tal-10 ta’ Novembru 2010 u kkonfermat fl-10 ta’ Diċembru 2010 li l-għan biex tiġi stabbilita protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-Unjoni ma jistax jintlaħaq fi żmien raġonevoli mill-Unjoni bħala entità sħiħa, u b’hekk jiġi ssodisfat ir-rekwiżit fl-Artikolu 20(2) tat-TUE li l-kooperazzjoni msaħħa tiġi adottata biss bħala l-aħħar għażla.

(11) Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattivi unitarja timmira li tippromwovi avvanz xjentifiku u teknoloġiku u l-funzjonament tas-suq intern. Il-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja għal grupp ta’ Stati Membri jtejjeb il-livell tal-protezzjoni tal-privattivi billi jipprovdi l-possibbiltà li tinkiseb protezzjoni uniformi tal-privattivi fit-territorji kollha tal-Istati Membri parteċipanti u jelimina l-kosti u l-kumplessità għal dawk it-territorji. Għaldaqstant, dan jippromwovi l-għanijiet tal-Unjoni, iħares l-interessi tagħha u jirrinforza l-proċess ta’ integrazzjoni tagħha skont l-Artikolu 20(1) tat-TUE.

(12) Il-ħolqien ta’ protezzjoni ta’ privattiva unitarja mhux inkluż fil-lista ta’ oqsma ta’ kompetenza esklussiva tal-Unjoni stipulata fl-Artikolu 3(1) tat-TFUE. Il-bażi legali għall-ħolqien ta’ drittijiet Ewropej tal-proprjetà intellettwali huwa l-Artikolu 118 tat-TFUE li jaqa’ taħt it-Titolu VII dwar ir-Regoli Komuni għall-Kompetizzjoni, it-Tassazzjoni u l-Approssimazzjoni tal-Liġijiet, Kapitolu 3 dwar l-Approssimazzjoni tal-Liġijiet, u jagħmel referenza speċifika għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, li hija waħda mill-kompetenzi kondiviżi tal-Unjoni skont l-Artikolu 4 tat-TFUE. Il-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja li tinkludi arranġamenti għat-traduzzjoni applikabbli għalhekk jaqa’ fi ħdan il-qafas ta’ kompetenza mhux esklussiva tal-Unjoni.

(13) Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja tikkonforma mat-Trattati u mal-liġi tal-Unjoni, u ma tfixkilx is-suq intern jew il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Din ma toħloqx xkiel jew diskriminazzjoni fil-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma twassalx għal distorsjoni fil-kompetizzjoni bejniethom.

(14) Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja tirrispetta l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri mhux parteċipanti. Il-possibbiltà tal-kisba ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti ma taffettwax id-disponibbiltà jew il-kundizzjonijiet tal-protezzjoni tal-privattiva fit-territorji tal-Istati Membri mhux parteċipanti. Barra minn hekk, l-impriżi minn Stati Membri mhux parteċipanti għandu jkollhom il-possibbiltà li jiksbu protezzjoni tal-privattiva unitarja fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-impriżi minn Stati Membri parteċipanti. Ir-regoli eżistenti ta’ Stati Membri mhux parteċipanti li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet ta’ ksib ta’ protezzjoni tal-privattiva fit-territorju tagħhom jibqgħu ma jkunux affettwati.

(15) B’mod partikolari, il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja tkun konformi mal-liġi tal-Unjoni dwar il-privattivi peress li l-kooperazzjoni msaħħa tirrispetta l-acquis pre-eżistenti.

(16) Suġġett għall-konformità ma’ kwalunkwe kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattivi unitarja hija miftuħa f’kull ħin għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jikkonformaw mal-atti diġà adottati fi ħdan dan il-qafas skont l-Artikolu 328 tat-TFUE.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, is-Slovenja, u r-Renju Unit huma hawnhekk awtorizzati li jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja, billi japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-privattiva Komunitarja, COM(2000) 412 finali, 1.8.2000.

[2] Stqarrija għall-Istampa tal-2389 laqgħa tal-Kunsill “Is-Suq Intern, l-Affarijiet tal-Konsumatur u t-Turiżmu”, 14400/01, 26.11.2001.

[3] Stqarrija għall-Istampa tal-2403 laqgħa tal-Kunsill “Is-Suq Intern, l-Affarijiet tal-Konsumatur u t-Turiżmu”, 15489/01, 20.12.2001.

[4] Approċċ politiku komuni, pt. 2.3: “l-applikant għandu, meta jingħata privattiva, jippreżenta traduzzjoni tat-talbiet kollha fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Komunità minbarra jekk Stat Membru jirrinunċja t-traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali tiegħu. It-traduzzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-EPO u l-ispejjeż jitħallsu mill-applikant”, ara d-dokument tal-Kunsill 6874/03.

[5] Stqarrija għall-Istampa tal-2547 laqgħa tal-Kunsill “Kompetittività (Is-Suq Intern, l-Industrija u r-Riċerka)”, 15141/03, 26-27.11.2003.

[6] Stqarrija għall-Istampa tal-2570 laqgħa tal-Kunsill “Kompetittività (Is-Suq Intern, l-Industrija u r-Riċerka)”, 6648/04, 11.03.2004.

[7] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, COM(2007) 165 finali.

[8] Dokumenti tal-Kunsill 6985/08 u 8928/08.

[9] Dokument tal-Kunsill 9465/08.

[10] Dokument tal-Kunsill 17229/09.

[11] Dokument tal-Kunsill 16113/09 Add 1.

[12] Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva tal-Unjoni Ewropea, COM(2010) 350 finali, 30.6.2010.

[13] Dokument tal-Kunsill 9465/08.

[14] Dokument tal-Kunsill 13031/10.

[15] Dokument tal-Kunsill 14377/10.

[16] Dokument tal-Kunsill 15395/10.

[17] Dokument tal-Kunsill 15395/10 ADD 1.

[18] Stqarrija għall-Istampa tal-laqgħa tal-Kunsill Straordinarju “Kompetittività (Is-Suq Intern, l-Industrija, ir-Riċerka u l-Ispazju)”, 16041/10, 10.11.2010.

[19] Dokument tal-Kunsill 16113/09.

[20] COM(2010) 350 finali.

[21] Stqarrija għall-Istampa tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill “Kompetittività (is-Suq Intern, l-Industrija, ir-Riċerka u l-Ispazju)”, 16041/10, 10.11.2010.

[22] Bħala medja, privattiva Ewropea hija vvalidata biss f’ħames Stati Membri. ara l-Valutazzjoni tal-Impatt li takkompanja l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva tal-UE, SEC(2010) 796, paġna 12 b’referenzi ulterjuri.

[23] Ara t-Taqsima 5.2.1. hawn taħt.

[24] Guellec/van Pottelsberghe, The Economics of the European Patent System , OUP 2007.

[25] Ara, pereżempju, il-Konsultazzjoni tal-Kummissjoni tal-2006 dwar il-politika futura dwar il-privattivi fl-Ewropa.

[26] Ara t-Taqsima 5.2.1. hawn taħt.

[27] ĠU L 213, 30.7.1998, p. 13.

[28] ĠU L 198, 8.8.1996, p. 30–35.

[29] ĠU L 152, 16.6.2009, p. 1–10.

[30] Ara t-Taqsima 4.3.1. hawn fuq.

[31] Ara t-Taqsimiet 4.3.2. u 5.2.1.

[32] Kawża 187/80, Merck & Co. Inc. v Stephar BV u Petrus Stephanus Exler, [1981] Ġabra, p. 2063.

[33] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettata li tikser ċertu drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li tinsab li tkun kisret dawk id-drittijiet.

[34] L-identifikazzjoni tal-oġġetti li jiksru l-privattiva ssir kumplikata ħafna ladarba jkunu qed jiċċirkolaw b’mod liberu fis-suq intern. Il-proprjetarji tal-privattivi jistgħu jipproteġu d-drittijiet tagħhom biss meta jinfurzaw il-privattiva quddiem il-qrati nazzjonali.

[35] Economic Cost-Benefit Analysis of the Community Patent ta’ Bruno van Pottelsberghe and Jérôme Danguy, ara http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/patent/index_en.htm

[36] Il-Ftehim ta’ Londra huwa skema fakultattiva li tipprova tnaqqas l-ispejjeż tal-privattivi fil-qafas tal-EPC. Dan ġie adottat f’Ottubru 2000 minn Konferenza Intergovernattiva tal-Istati Kontraenti tal-EPC u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2008 għal erbatax-il Stat Kontraenti tal-EPC li għaxra minnhom huma Stati Membri tal-UE.

[37] G de Rassenfosse u B van Pottelsberghe, Per un pugno di dollari: A first look at the price elasticity of patents , Oxford Review of Economic Policy , 23(4), 588-604

[38] Jista’ jiġi mfakkar li bosta Stati Membri jżommu rekwiżiti diretti jew indiretti għall-proprjetarji tal-privattivi sabiex jużaw rappreżentant professjonali lokali quddiem l-uffiċċji tal-privattivi nazzjonali, ara http://www.epo.org/patents/law/legal-texts/html/natlaw/en/vi/index.htmhttp://www.epo.org/patents/law/legal-texts/html/natlaw/en/vi/index.htm (għall-ħlas tal-miżati ta’ tiġdid annwali) u http://www.epo.org/patents/law/legal-texts/html/natlaw/en/iv/index.htmhttp://www.epo.org/patents/law/legal-texts/html/natlaw/en/iv/index.htm (għall-preżentazzjoni tat-traduzzjonijiet).

[39] 4 paġni ta’ talbiet x EUR 85 /paġna x 2 lingwi = EUR 680.

[40] Stati Kontraenti b’lingwa uffiċjali komuni ma’ waħda mil-lingwi ta’ ħidma tal-EPO li huma partijiet fil-Ftehim ta’ Londra huma meħtieġa li jneħħu għal kollox ir-rekwiżiti tat-traduzzjoni (l-Artikolu 1(1) tal-Ftehim). Fl-UE, dan japplika għal Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u r-Renju Unit.

[41] ĠU C , , p. .

[42] COM(2010) 350 finali.

Top