Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0606

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli taż-Żona tal-Park ta' Prespa

    /* KUMM/2010/0606 finali - NLE 2010/0300 */

    52010PC0606

    /* KUMM/2010/0606 finali - NLE 2010/0300 */ Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli taż-Żona tal-Park ta' Prespa


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 25.10.2010

    KUMM(2010) 606 finali

    2010/0300 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli taż-Żona tal-Park ta' Prespa

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. L-Unjoni Ewropea għandha leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tal-ilmijiet tagħha, li tmur lura żmien twil, bil-bidu tagħha fis-snin sebgħin u bil-qofol tagħha fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tal-2000 (WFD)[1], li tistabbilixxi l-mira tal-protezzjoni tal-ilmijiet kollha (xmajjar, lagi, ilmijiet ta’ taħt l-art u ilmijiet kostali) u li tipprovdi għall-koordinazzjoni tal-isforzi fi ħdan il-baċini tax-xmajjar kondiviżi, tul fruntieri amministrattivi u politiċi. Taħt id-WFD, fejn il-baċini tax-xmajjar jestendu lil hinn mit-territorju tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jippruvaw jistabbilixxu koordinazzjoni xierqa mal-Istati mhux Membri rilevanti, bl-iskop li jintlaħqu l-miri tad-WFD tul id-distrett tal-baċin tax-xmara[2]. Meta l-koordinazzjoni tieħu l-forma ta’ ftehim internazzjonali, tkun meħtieġa il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea bħala Parti sa fejn dak il-ftehim ikopri kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-Unjoni.

    2. Fl-2006 il-Kummissjoni rċeviet awtorizzazzjoni mill-Kunsill, abbażi tal-Artikoli 175 u 300(1) tat-Trattat KE biex tipparteċipa, f’isem il-Komunità Ewropea fir-rigward ta' kwistjonijiet fl-ambitu tal-kompetenza tal-Komunità, fin-negozjati li kellhom l-għan li jiġu konklużi ftehimiet dwar baċini ta' xmajjar internazzjonali fir-rigward ta’ baċini tax-xmajjar kondiviżi fost l-oħrajn bejn il-Greċja min-naħa u l-Albanija, FYROM u/jew it-Turkija min-naħa l-oħra[3].

    3. Iż-Żona tal-Park ta' Prespa kienet identifikata bħala żona transkonfinali protetta taħt id-Dikjarazzjoni tat-2 ta’ Frar 2000 mill-pajjiżi ta' Prespa[4], u hija l-ewwel żona transkonfinali protetta fix-Xlokk tal-Ewropa. Il-Lagi ta' Prespa u l-madwar tagħhom huma żona naturali unika b’sinifikat ekoloġiku għoli, li jista’ jiġi ppreservat biss permezz ta’ approċċ olistiku f’livell ta’ baċin.

    4. Kooperazzjoni mtejba permezz ta’ ftehim internazzjonali simili għal Konvenzjonijiet eżistenti li rnexxew, bħal dawk għall-Protezzjoni tax-Xmara Danubju[5] u għall-Protezzjoni tax-Xmara Renu[6] tkun ta’ sostenn għall-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw kompletament u effettivament il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma u tikkontribwixxi għal fehim komuni u prijoritajiet kondiviżi ma’ pajjiżi terzi għall-użu tal-istrumenti ta’ finanzjament disponibbli.

    5. Il-Ftehim dwar il-Protezzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli taż-Żona tal-Park ta' Prespa ġie nnegozjat mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Greċja, mill-Albanija u minn FYROM u jikkostitwixxi titjib tal-kooperazzjoni eżistenti fiż-żona filwaqt li għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni b'suċċess tad-WFD.

    Huwa għaldaqstant xieraq għall-Unjoni li tikkonkludi l-Ftehim dwar il-Protezzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli taż-Żona tal-Park ta' Prespa.

    2010/0300 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    ta'...

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli taż-Żona tal-Park ta' Prespa

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192 (1) flimkien mal-Artikolu 218 (6)(a), tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[7],

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[8],

    Billi:

    1. Id-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma[9] teħtieġ, meta baċini ta' xmajjar jestendu lil hinn mit-territorju tal-Komunità, li l-Istati Membri jippruvaw jistabbilixxu koordinazzjoni xierqa mal-Istati mhux Membri rilevanti, bl-iskop li jintlaħqu l-miri tad-Direttiva fid-distrett kollu tal-baċin tax-xmara.

    2. Fis-27 ta’ Ġunju 2006, il-Kunsill adotta deċiżjoni[10] li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja, f’isem il-Komunità Ewropea, il-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali dwar baċini ta' xmajjar ħalli ttejjeb tal-kooperazzjoni f’baċini ta' xmajjar Ewropej kondiviżi bejn ċerti Stati Membri u pajjiżi terzi.

    3. Il-Lagi ta' Prespa u l-madwar tagħhom huma żona naturali unika b’sinifikat ekoloġiku għoli, li jista’ jiġi ppreservat biss permezz ta’ approċċ olistiku f’livell ta’ baċin.

    4. Il-Ftehim dwar il-Protezzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli taż-Żona tal-Park ta' Prespa ġie nnegozjat mill-Kummissjoni Ewropea, il-Greċja, l-Albanija u FYROM u jikkostitwixxi titjib fil-kooperazzjoni eżistenti fiż-żona filwaqt li għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni b’suċċess tad-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma.

    5. Il-Ftehim għandu jiġi konkluż;

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim dwar il-Protezzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli taż-Żona tal-Park ta' Prespa huwa hawnhekk konkluż.

    It-test tal-Ftehim li għandu jiġi konkluż jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna bis-setgħa li tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, skont l-avviż previst fl-Artikolu 18 tal-Ftehim, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta bil-Ftehim.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Magħmul fi

    Għall-Kunsill

    Il-President

    ANNESS

    Ftehim dwar il-Protezzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli

    taż-Żona tal-Park ta' Prespa

    Il-Ministeri tal-Ambjent tat-tliet Stati li jikkondividu ż-Żona tal-Lagi ta' Prespa u l-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Partijiet”,

    Filwaqt li jżommu quddiem għajnejhom id-Dikjarazzjoni tal-Prim Ministri tat-tliet Stati tat-2 ta’ Frar 2000 dwar il-Ħolqien tal-Park ta' Prespa u l-Protezzjoni Ambjentali u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Lagi ta' Prespa u l-Madwar tagħhom;

    Filwaqt li jfakkru fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Prim Ministri tat-tliet Stati li jikkondividu l-baċin tal-Lagi ta' Prespa tas-27 ta’ Novembru 2009 f’Pyli;

    Filwaqt li jikkunsidraw li l-Lagi ta' Prespa u l-baċin li jdawwarhom huma żona naturali unika li s-sinifikat ġeomorfoloġiku, ekoloġiku, ta’ biodiversità u kulturali tagħhom huwa ta’ importanza internazzjonali, bħala ħabitat vitali għall-konservazzjoni ta’ diversi speċijiet rari u/jew endemiċi ta’ fawna u flora, bħala post ta’ tbejjit ta’ għasafar mhedda globalment, u bħala depożitorju ta’ wirt sinfikanti arkeoloġiku u tradizzjonali;

    Filwaqt li jirrikonoxxu r-responsabbiltà komuni tagħhom għall-konservazzjoni tal-ekosistema tal-baċin tal-Lagi ta' Prespa u l-komponenti tagħha kif ukoll għas-sbuħija naturali tagħha, bħala bażi għall-benessri ekonomiku u soċjali tal-abitanti tagħha u għall-ħolqien ta' opportunitajiet ta’ żvilupp ekonomiku (inklużi l-agrikoltura, is-sajd u t-turiżmu);

    Konvinti li permezz tal-adozzjoni ta’ approċċ olistiku fil-livell tal-baċin biss jistgħu jiżguraw u jżommu l-biodiversità, il-funzjonijiet prinċipali u l-benefiċċji umani tal-baċin tal-Lagi ta' Prespa;

    Konxji li azzjonijiet individwali mill-pajjiżi mhumiex suffiċjenti sabiex ikunu konservati l-ekosistemi ta’ Prespa u l-wirt kulturali tiegħu u l-istess waqt jittejjeb l-istandard tal-għixien tal-abitanti tiegħu;

    Filwaqt li jixtiequ jtejbu l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti u l-partijiet interessati fit-tliet Stati sabiex jinżammu u jigu protetti l-valuri ekoloġiċi uniċi tal-baċin tal-Lagi ta' Prespa u jiġu pprevenuti u/jew irriversati l-kawżi tad-degradazzjoni tal-ħabitat tiegħu, kif mitlub mid-Dikjarazzjoni tal-Prim Ministri tat-2 ta’ Frar 2000;

    Riżoluti li jesploraw metodi ta’ mmaniġjar xierqa għall-użu sostenibbli u l-protezzjoni tal-ekosistemi tal-ilma u tal-ilma ħelu tal-Lagi ta' Prespa, kif rikwest mid-Dikjarazzjoni tal-Prim Ministri tat-2 ta’ Frar 2000, u skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva Qafas 2000/60/KE tal-UE dwar l-Ilma u Direttivi relatati;

    Konxji mill-istorja twila tal-użu taż-żona mill-bniedem u l-kompatibbiltà ta’ użijiet tradizzjonali mal-konservazzjoni tan-natura;

    Filwaqt li jikkonfermaw l-impenn tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli tal-baċin tal-Lagi ta' Prespa li jista’ jseħħ b’mod koerenti permezz ta’ kooperazzjoni transkonfinali, skont il-prinċipji tal-proċess ta’ integrazzjoni tal-Unjoni Ewropea;

    Filwaqt li jqisu d-djalogu ta' Drin li nbeda fl-2009 fost l-awtoritajiet kompetenti u l-partijiet interessati biex tiġi żviluppata viżjoni kondiviża għall-immanigjar sostenibbli tal-baċin Drin u promossa l-kooperazzjoni transkonfinali;

    Filwaqt li jżommu f'moħħhom id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-istrumenti legali internazzjonali fis-seħħ fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali li għalih huma partijiet jew firmatarji;

    Filwaqt li jiftakru dwar il-ftehimiet bilaterali fis-seħħ bejn il-Partijiet fir-rigward tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli;

    Filwaqt li jżommu f'moħħhom li waħda mill-Partijiet hija Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, waħda hija pajjiż kandidat għal sħubija fl-UE u waħda hija pajjiż kandidat potenzjali għal sħubija fl-UE u li l-aħħar tnejn ikkonkludew ukoll Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-UE;

    Filwaqt li jirrikonoxxu l-kapaċità divrenzjata iżda kumplimentari tal-organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi fit-tliet Stati Partijiet fir-rigward tal-konservazzjoni u l-immaniġjar taż-żona ta' Prespa;

    Filwaqt li jqisu l-esperjenza miksuba mill-kooperazzjoni trilaterali fil-qafas tal-Park ta' Prespa sa mill-2000 permezz tal-operat tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni interim u s-Segretarjat tiegħu;

    Filwaqt li jqisu l-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Park ta' Prespa li ġie elaborat fil-qafas tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni interim u s-Segretarjat tiegħu;

    Qablu kif ġej:

    L-Ewwel Parti – Id-Dispożizzjonijiet Ġenerali

    Artikolu 1 – Id-Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

    -Iż-“Żona tal-Park ta' Prespa” (iż-“Żona”) hija ż-żona ġeografika fit-territorju tat-tliet Stati li tagħmel parti mill-baċin tal-Lagi ta' Prespa, li tinkludi ilmijiet tas-superfiċje u ta’ taħt l-art attribwiti kif xieraq, u deżinjati bħala żona transkonfinali protetta skont id-Dikjarazzjoni tat-2 ta’ Frar 2000.

    - “Impatt Transkonfinali” ifisser kwalunkwe effett fuq l-ambjent fi ħdan żona taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Parti, inklużi effetti ħżiena fuq is-saħħa u s-sigurtà umana, fuq il-flora, il-fawna, il-ħamrija, l-arja, l-ilma, il-klima, il-pajsaġġ u l-monumenti storiċi jew strutturi fiżiċi oħrajn jew l-interazzjoni bejn dawn il-fatturi, kif ukoll l-effetti fuq il-wirt kulturali jew kondizzjonijiet soċjoekonomiċi, li jirriżultaw minn alterazzjonijiet f'dawk il-fatturi, ikkawżati minn bidla li l-oriġini fiżika tagħha tkun tinsab kompletament jew parzjalment fiż-żona taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Parti oħra.

    Artikolu 2 – L-Għan tal-Ftehim

    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jiżguraw protezzjoni integrata tal-ekosistema u l-iżvilupp sostenibbli taż-Żona tal-Park ta' Prespa, inkluż l-iżvilupp ta' pjanijiet integrati għall-immaniġjar tal-baċin tax-xmara, skont l-istandards internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea.

    It-Tieni Parti – Il-Prinċipji ta’ Kooperazzjoni

    Artikolu 3 – L-Obbligi bażiċi

    1. Għat-twettieq tal-miri tal-Artikolu 2, il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji u japplikaw l-aħjar tekniki disponibbli, individwalment u f’kooperazzjoni abbażi tal-ugwaljanza tas-sovranità, l-integrità territorjali, il-benefiċċju reċiproku, u f’bona fede, għal:

    (a) L-immaniġjar b’prudenza tal-kwalità u tal-kwantità tal-ilma tal-Lagi ta' Prespa b’attenzjoni speċjali għal-livell tal-ilma fiż-żewġ lagi;

    (b) Il-prevenzjoni, il-kontroll u t-tnaqqis tat-tniġġiż tal-ilmijiet fiż-Żona tal-Lagi ta' Prespa;

    (c) Il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-biodiversità taż-Żona permezz tal-protezzjoni b’mod speċjali tal-ispeċijiet endemiċi, rari, mhedda jew ipperikolati tal-flora u tal-fawna u permezz tar-restawr u l-immaniġjar ta’ ħabitats sensittivi kif ukoll tal-ekosistemi u s-servizzi mill-ekostsistemi, abbażi tal-leġiżlazzjoni internazzjonali u tal-UE fosthom id-Direttiva 92/43/KEE u d-Direttiva 2009/147/KE, u l-Politika tal-Biodiversità tal-UE;

    (d) Protezzjoni tal-ħamrija mit-tgħawwir, it-tfaqqir, l-infezzjonijiet u t-tniġġiż;

    (e) L-iżgurar, il-promozzjoni u l-kontroll tal-użu prudenti tar-riżorsi naturali u l-iżvilupp sostenibbli taż-Żona tal-Park ta' Prespa;

    (g) Il-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tkabbir ta’ speċijiet ta' annimali u pjanti aljeni;

    (h) Kontroll effettiv tal-attivitajiet li jikkawżaw jew jistgħu jikkawżaw impatt negattiv fiż-Żona tal-Lagi ta' Prespa sabiex jiġu pprevenuti jew imminimizzati dawn l-effetti.

    2 Għal dan l-iskop, il-Partijiet għandhom:

    (a) Ifasslu u jimplimentaw pjanijiet u programmi ta’ mmaniġjar integrat għall-protezzjoni u l-iżvilupp sostenibbli taż-Żona, skont il-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Park ta' Prespa;

    (b) Jiżviluppaw strateġiji koerenti għal pjanijiet tal-użu tal-art urbana, l-ispazju u użu ieħor kif ukoll pjanijiet ta’ mmaniġjar taż-żoni protetti, sabiex jiġi żgurata l-immaniġjar taż-żona idrografika skont il-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli u sabiex titjieb il-protezzjoni meħtieġa għaż-Żona, abbażi tal-leġiżlazzjoni internazzjonali u tal-UE li tinkludi d-Direttiva 92/43/KEE u d-Direttiva 2009/147/KE;

    (c) Japprovaw u japplikaw lealment l-istandards u l-kriterji ambjentali għaż-żona idrografika kif deskritti fl-Artikolu 4;

    (d) Jadottaw u jimplimentaw miżuri legali, amministrattivi, ekonomiċi, finanzjarji u tekniċi sabiex jiġu żgurati:

    i L-applikazzjoni tal-punt massimu possibbli ta’ agrikoltura sostenibbli u tkabbir tal-annimali b’impatt baxx abbażi ta' kemm tiflaħ iż-Żona u ta' regoli tas-sajd kompatibbli mal-kunċett tal-użu prudenti;

    ii L-immaniġjar tal-iskart domestiku u agrikolu skont l-aħjar tekniki disponibbli;

    iii It-titjib u l-modernizzazzjoni tan-netwerks tat-toroq u tal-komunikazzjoni u tal-infrastruttura soċjali u servizzi oħrajn b’mod konsistenti mal-protezzjoni tal-biodiversità, mal-konservazzjoni taż-żoni protetti u mal-iżvilupp sostenibbli taż-Żona tal-Park ta' Prespa.

    (e) Jiffaċilitaw l-iskambju regolari ta’ ideat fost il-Partijiet, jikkonservaw l-arkitettura u l-monumenti tradizzjonali, jiżviluppaw u jimplimentaw strateġija konġunta għall-iżvilupp turistiku taż-Żona, u jippromwovu s-sensibilizzazzjoni pubblika u l-edukazzjoni ambjentali bħala mezz biex jintlaħħqu soluzzjonijiet lokali;

    (f) Iħaffu r-realizzazzjoni kompleta u effettiva tad-drittijiet ta' aċċess tal-individwi tal-komunità taż-żona idrografika għall-informazzjoni ambjentali, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ambjentali u aċċess għall-ġustizzja f’dawn il-kwistjonijiet;

    (g) Jistabbilixxu u jżommu sistema ta’ monitoraġġ effettiva u ta' standard komuni sabiex jiġi osservat, immaniġjat u kkontrollat l-istat ambjentali tal-Lagi u ż-żona idrografika tagħhom;

    (h) F’każ ta’ kontinġenzi, jiġu adottati miżuri komuni sabiex jiġu vvalutati u mmitigati malajr.

    Artikolu 4 – L-istandards u l-kriterji ambjentali

    1. Il-Partijiet għal dan il-Ftehim, bl-assistenza tal-Kumitat deskritt fl-Artikolu 10, għandhom jistabbilixxu l-kriterji, l-istandards, il-limiti u l-miri eżatti għall-protezzjoni, il-konservazzjoni u l-iżvilupp taż-Żona skont il-miri tal-Artikolu 2.

    2. Għal dan l-iskop, il-Partijiet għandhom jieħdu passi xierqa biex:

    (a) Jimplimentaw l-impenji legali li jirriżultaw min-normi u l-istandards internazzjonali u tal-UE għall-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-Lagi u ż-żona idrografika tagħhom;

    (b) Jaġġustaw l-istandards u l-kriterji ambjentali nazzjonali rilevanti għall-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet lokali taż-żona idrografika;

    (c) Jeħtieġu l-użu tal-aħjar teknoloġija u prassi ambjentali kontemporanji disponibbli.

    Artikolu 5 – L-immaniġjar sostenibbli tal-ilma

    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fl-immaniġjar sostenibbli tal-ilmijiet taż-Żona tal-Park ta' Prespa. Dan jinkludi l-immaniġjar integrat tar-riżorsi tas-supperfiċje u tal-ilma ta’ taħt l-art fil-livell tal-baċin abbażi tad-Direttiva 2000/60/KE u d-Direttivi relatati, li għandhom jipprovdu għal:

    (a) Ilma fi kwantità suffiċjenti u ta’ kwalità xierqa għax-xorb;

    (b) Ilma fi kwantità suffiċjenti u ta’ kwalità xierqa għall-ippreservar, il-protezzjoni, u jekk neċessarju, ir-restawr tal-ekosistemi akkwatiċi naturali, inklużi artijiet mistagħdra, u l-funzjonijiet tagħhom;

    (c) Ilma fi kwantità suffiċjenti u ta’ kwalità xierqa għal użijiet leġittimi oħrajn li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli ekonomiku u soċjali tas-soċjetajiet lokali, filwaqt li titqies il-ħtieġa tal-adattament għall-impatti possibbli tat-tibdil fil-klima;

    (d) Riabilitazzjoni jew it-taffieja tal-impatti negattivi mill-interventi idroloġiċi li saru fl-imgħoddi, b’enfasi speċjali fuq ix-Xmara Devolli – is-sistema tal-Lag Micro Prespa;

    (e) Protezzjoni kontra l-effetti ħżiena tal-ilma (għargħar, erożjoni eċċ.) bl-użu tal-aħjar tekniki disponibbli;

    (f) Riżoluzzjoni ta’ kunflitti ta’ interess ikkawżati minn użi differenti; u

    (g) Kontroll effettiv tar-reġim tal-immaniġjar tal-ilma u li għandu jiġi stabbilit.

    Għal dan l-iskop, il-Partijiet ser jistabbilixxu Grupp ta’ Ħidma għall-Ilma kif stabbilit fl-Artikolu 14.

    Artikolu 6 – L-iskambju tad-dejta u l-informazzjoni

    Il-Partijiet għandhom jorganizzaw sistema formali għall-iskambju regolari tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom sabiex jgħinu biex tintlaħaq il-protezzjoni effettiva taż-Żona tal-Park ta' Prespa, inkluż l-iskambju ta’:

    (a) dejta kwalitattiva u kwantitattiva dwar l-ilma, l-ekosistemi akkwatiċi, u l-ħabitats u l-ispeċijiet importanti;

    (b) l-esperjenza miksuba permezz tal-applikazzjoni tal-aħjar tekniki u r-riżultati disponibbli tar-riċerka u l-żvilupp fl-oqsma tal-protezzjoni tal-mistagħdra, tal-immaniġjar tal-ilma, u l-miżuri għall-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġiż.

    Artikolu 7 – L-impatt transkonfinali

    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bl-iskop li jaqblu dwar miżuri li jimmiraw biex tiġi żgurta l-integrità tal-ambjent, u speċjalment tal-ilma, fiż-Żona u l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis tal-impatti transkonfinali fuq l-ambjent ikkawżati minn attivitajiet tal-bniedem. B’mod partikolari, għandhom jikkooperaw biex jiżviluppaw u japplikaw proċeduri xierqa għall-valutazzjoni tal-impatt ambjentali fiż-Żona, skont il-Konvenzjoni Espoo dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali f’kuntest transkonfinali, li għalih huma partijiet.

    Artikolu 8 – Il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet u donaturi internazzjonali

    Fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom ifittxu sħab lokali, nazzjonali u internazzjonali, u se jikkooperaw b’mod speċjali ma’:

    - Il-Konvenzjoni Ramsar u l-Inizjattiva MedWet;

    - UNDP (Programm għall-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti);

    - GEF (Il-Fond għall-Ambjent Dinji);

    - Donaturi bilaterali attivi fir-reġjun, bħall-KfW, il-GTZ u l-SDC;

    - UNESCO;

    - IUCN (Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali);

    - L-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea;

    - u oħrajn

    It-Tielet Parti – Il-Mekkaniżmi ta’ Kooperazzjoni

    Artikolu 9 – Is-Segment ta’ livell għoli

    Il-Ministri tal-Ambjent tat-tliet Stati Partijiet u r-rappreżentant tal-UE għandhom jiltaqgħu regolarment biex jirrevedu l-progress fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u fl-ilħiq tal-miri tal-Artikolu 2, biex jirrevedu x-xogħol tal-Kumitat tal-Immaniġjar tal-Park ta' Prespa u organi sussidjarji, biex jistabbilixxu l-aġenda tal-attivitajiet konġunti fiż-Żona tal-Park ta' Prespa għall-perjodu li ġej, u biex jipprovdu gwida politika. Dawn il-laqgħat iseħħu mill-inqas darba kull sentejn, sakemm ma jiġix deċiż xort’oħra mill-Partijiet, jew fuq it-talba bil-miktub ta’ kwalunkwe Parti, f’post li jalterna bejn it-tliet Stati Partijiet.

    Artikolu 10 – Il-Kumitat tal-Immaniġjar tal-Park ta' Prespa

    1. Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja fl-iħiq tal-miri u l-impenji speċifikati f’dan il-Ftehim, il-Partijiet b'dan qegħdin hawnhwkk jistabbilixxu l-Kumitat tal-Immaniġjar tal-Park ta' Prespa.

    2. Il-Kumitat tal-Immaniġjar tal-Park ta' Prespa għandu jkollu l-kapaċità legali internazzjonali ta’ istituzzjoni plurilaterali neċessarja għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, inkluża ż-żamma tar-relazzjonijiet mad-donaturi sabiex jiġu żgurati proġetti u donazzjonijiet, li jintużaw għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    3. Il-Kumitat tal-Immaniġjar tal-Park ta' Prespa għandu jkollu l-kompożizzjoni li ġejja:

    (a) Rappreżentant wieħed tal-Ministeru tal-Ambjent minn kull Stat Parti u rappreżentant wieħed tal-Unjoni Ewropea;

    (b) Rappreżentant wieħed mill-komunitajiet lokali fir-reġjun ta' Prespa minn kull Stat Parti;

    (c) Rappreżentant wieħed tal-organizzazzjonijiet ambjentali mhux governattivi (NGOs) minn kull Stat Parti, b’attivitajiet lokali sinifikanti fiż-żona ta' Prespa;

    (d) Rappreżentant wieħed tal-awtoritajiet tal-immaniġjar taż-żoni protetti lokali minn kull Stat Parti;

    (e) Osservatur permanenti wieħed mill-Inizjattiva MedWet tal-Konvenzjoni dwar l-Artijiet Mistagħdra (Ramsar);

    (f) Osservatur permanenti wieħed mill-Kumitat tal-Immaniġjar Ohrid.

    Ir-rappreżentanti tal-Partijiet fil-Kumitat għandhom jiġu nnominati formalment fi żmien tlitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

    4. Il-Kumitat għandu jiltaqa’ fuq bażi regolari (darbtejn fis-sena). Laqgħa straordinarja tal-Kumitat għandha tissejjaħ fuq it-talba ta’ kwalunkwe Parti.

    5. Kull sena kalendarja għandha ssir rotazzjoni fil-post tal-laqgħat regolari bejn it-tliet Stati Partijiet. Għaldaqstant ser isiru żewġ laqgħat ordinarji konsekuttivi f’kull Stat kull tliet snin. Preferibbilment, il-laqgħat regolari għandhom isiru fir-reġjun ta' Prespa.

    6. Il-laqgħat għandhom jiġu ppreseduti mir-rappreżentant tal-Istat Parti li fih ikunu qed isiru. It-terminu tal-presidenza jsegwi r-rotazzjoni annwali tal-paragrafu 5.

    7 . Ix-xogħol tal-Kumitat isir bl-Ingliż.

    8. Fl-ewwel laqgħa tiegħu, il-Kumitat għandu japprova r-regoli interni tiegħu tal-organizzazzjoni u l-proċedura.

    9. Il-Kumitat jista’ jistieden esperti biex jipparteċipaw fil-laqgħat tiegħu, skont it-tema tal-laqgħa, u jista’ jifforma gruppi ta’ ħidma dwar kwistjonijiet speċifiċi komposti minn esperti u uffiċjali. L-ewwel grupp ta’ ħidma huwa stabbilit taħt dan il-Ftehim (l-Artikolu 14) dwar kwistjonijiet tal-immaniġjar tal-ilma.

    10. Erba’ snin wara l-bidu tal-operat tiegħu, il-funzjonament u l-effikaċja tal-Kumitat tal-Immaniġjar tal-Park ta' Prespa ser jiġu eżaminati mis-Segment ta’ livell għoli tal-Artikolu 9 u, jekk neċessarju, il-kompożizzjoni u t-termini ta’ referenza tiegħu jiġu aġġustati skont l-Artikolu 17 ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 11 – Il-Funzjonijiet tal-Kumitat tal-Immaniġjar

    Il-Kumitat tal-Immaniġjar tal-Park ta' Prespa għandu:

    1. Jimmonitorja u jikkoordina l-attivitajiet imwettqa għall-protezzjoni u l-iżvilupp sostenibbli taż-Żona tal-Park ta' Prespa fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u tal-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Park ta' Prespa.

    2. Jidentifika u jirrakkomanda lill-Partijiet u lil partijiet interessati oħra l-istadji li jmiss u l-azzjonijiet, il-miżuri u l-attivitajiet neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u jistedinhom jikkooperaw, jikkoordinaw u jwettqu proġetti konġunti. B’mod iżjed speċifiku, il-Kumitat għandu jassisti lill-Partiti fl-implimentazzjoni u t-tisħiħ tal-effikaċja ta’ dan il-Ftehim billi jipprovdi rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet dwar:

    (a) L-abbozzar u l-applikazzjoni ta’ standards, kriterji u rekwiżiti ambjentali, li jservu bħala l-bażi biex jintlaħqu l-protezzjoni integrata u l-iżvilupp sostenibbli tal-Lagi u ż-żoni idrografiċi tagħhom;

    (b) Il-kompletazzjoni tal-qafas regolatorju taż-żona idrografika, inklużi pjanijiet għall-ispazju u regolamenti għaż-żoni protetti u pjanijiet ta’ mmaniġjar;

    (c) L-abbozzar u l-applikazzjoni ta’ strateġiji, pjanijiet ta’ immaniġjar integrat u programmi li jkunu ser jiġu implimentati fiż-Żona tal-Park ta' Prespa, li jeffettwaw jew jistgħu jeffettwaw il-ksib tal-miri ta’ dan il-Ftehim;

    (d) L-applikazzjoni ta’ programm ta’ monitoraġġ effettiv sabiex jiġi osservat, immaniġjat u kkontrollat l-istat tal-ambjent u l-istatus tal-ilmijiet tas-superfiċje u dawk ta’ taħt l-art;

    (e) Id-definizzjoni ta’ direzzjonijiet ta’ prijorità u programmi ta’ studju u riċerka xjentifika għall-protezzjoni u l-iżvilupp sostenibbli taż-Żona tal-Park ta' Prespa u l-promozzjoni tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni esperta;

    (f) Il-ġbir, l-elaborazzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ambjentali dwar iż-Żona tal-Lagi ta' Prespa;

    (g) Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku, tal-NGOs u ta 'partijiet interessati oħra fil-protezzjoni tal-Lagi u ż-żona idrografika tagħhom.

    3. Jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-ippjanar u tal-attivitajiet b’rilevanza transkonfinali minn korpi lokali tal-immaniġjar taż-żoni protetti fit-tliet Stati involuti.

    4. Jivvaluta r-riżultati tal-azzjonijiet fis-seħħ skont il-miri tal-Artikolu 2, u jqassam ir-riżultati tiegħu b’mod wiesa’.

    5. Jservi bħala l-korp ta’ tmexxija għall-GEF u programmi u proġetti simili oħrajn li jikkonċernaw iż-Żona.

    6. Jidentifika u jipproponi sorsi ta’ finanzjament possibbli f’livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali għall-azzjonijiet, il-miżuri u l-proġetti neċessarji.

    7. Jiġbor kwalunkwe informazzjoni disponibbli relatata għal-Lagi u ż-żona idrografika tagħhom, jitlob għal u jirċievi proposti minn istituzzjonijiet governattivi, korpi u NGOs sabiex itejjeb ix-xogħol tiegħu u jżid l-impenn tal-Partijiet għall-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    8. Jipprepara u jippubblika rapport annwali dwar l-istat tal-ambjent għaż-Żona tal-Park ta' Prespa, li jkun jinkludi taqsima waħda fejn jiġi deskritt ix-xogħol tal-Kumitat.

    9. Jikkoordina mal-Kumitat tal-Immaniġjar Ohrid, jikseb status ta’ osservatur fil-laqgħat tiegħu u jikkoordina l-azzjonijiet sabiex jilħaq l-aħjar riżultati fil-protezzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun iktar wiesa’.

    10. Jikkontribwixxi kif xieraq fil-proċess għall-immaniġjar sostenibbli tad-djalogu estiż dwar il-baċin Drin.

    11. Jikkontribwixxi għall-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi tal-Partijiet u l-komunità internazzjonali, kif xieraq, ħalli jimmaniġja r-riskji u jimmitiga l-impatti negattivi, fil-każ ta’ avvenimenti mhux mistennija, bħal għargħar, nirien forestali u katastrofi naturali jew antropoġeniċi oħrajn kif ukoll għall-protezzjoni tal-ekosistemi vulnerabbli taż-Żona u l-funzjonijiet u s-servizzi tagħhom mill-effetti tat-tibdil fil-klima.

    Artikolu 12 – Id-Deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Immaniġjar

    1. Il-Kumitat għandu jiddeċiedi b’konsensus. F’każ li l-konsensus ma jintlaħaqx, il-kwistjoni għandha tiġi rriferita lis-Segment ta’ Livell Għoli biex tiġi riżolta.

    2. Il-Kumitat għandu jindirizza r-rakkmandazzjonjiet tiegħu lill-Partijiet.

    3. Kull Parti għandha timplimenta r-rakkmandazzjonijiet tal-Kumitat skont il-liġi domestika u għandha tirrapporta regolarment lill-Kumitat dwar miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tagħhom.

    4. Fil-każ li Parti ma tkunx tista’ jew tkun biss parzjalment fil-pożizzjoni li timplimenta r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat, għandha tinforma lill-Kumitat b’dan, tispjega r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni u tipproponi l-modalitajiet u l-iskedar għall-implimentazzjoni.

    5. Il-Kumitat għandu jżomm reġistru tad-deċiżjonijiet meħuda.

    Artikolu 13 – Is-Segretarjat

    1. Il-Kumitat huwa assistit minn organu tekniku sussidjarju, is-Segretarjat, fit-twettieq tad-dmirijietu.

    2. Is-Segretarjat ikun jikkonsisti fi tliet persuni, waħda minn kull Stat Parti, maħtura mill-Ministeru tal-Ambjent u mmexxija minn espert fil-kooperazzjoni transkonfinali fir-rigward ta' żoni protetti u l-immaniġjar ta' baċini tax-xmajjar u għandu jintgħażel mill-Kumitat permezz ta’ sejħa internazzjonali għall-applikazzjonijiet.

    3. Ix-xogħol tas-Segretarjat għandu jiġi ggwidat mid-deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Immaniġjar u għandu jiġi superviżjonjat mill-President ta’ dan il-Kumitat.

    4. Is-Segretarjat għandu jkollu l-kompiti speċifiċi li ġejjin li għandhom jitwettqu fil-limiti tal-baġit disponibbli:

    (a) Il-Preparazzjoni tal-pjan annwali ta' ħidma tal-Kumitat tal-Immaniġjar tal-Park ta' Prespa b’baġit dettaljat, u ta’ pjanijiet tax-xogħol relatati (eż. pjan ta’ komunikazzjoni) b’baġits dettaljati u segwitu tal-implimentazzjoni tagħhom;

    (b) Il-preparazzjoni jew l-assistenza fil-preparazzjoni ta’ laqgħat organizzati fil-qafas ta’ dan il-Ftehim;

    (c) Il-faċilitazzjoni ta’ konsultazzjonijiet dwar il-politika u kwistjonijiet rilevanti oħrajn relatati għal dan il-Ftehim bejn partijiet interessati, u konsultazzjonijiet fil-livell ta' tfassil ta' politika u fil-livell tekniku minn gruppi ta' ħidma u/jew gruppi esperti;

    (d) Il-ġbir, il-valutazzjoni u d-diffużjoni ta’ dejta u informazzjoni dwar leġiżlazzjoni, miżuri u attivitajiet li għandhom jew li jista’ jkollhom effetti sinifikanti fuq il-ksib tal-miri tal-Artikolu 2;

    (e) Is-segwitu ta’ proġetti konġunti;

    (f) Il-kompilazzjoni, l-evalwazzjoni, il-pubblikazzjoni u l-promozzjoni ta’ riċerka xjentifika u l-kooperazzjoni fiż-Żona tal-Park ta' Prespa;

    (g) Kuntatti u laqgħat ma’ donaturi; preparazzjoni jew assistenza fil-preparazzjoni ta’ dokumenti ta’ proġetti;

    (h) It-traduzzjoni ta’ dokumenti ewlenin; sostenn tekniku u segretarjali għar-rappreżentanti lokali tal-komunità;

    (i) Rappreżentanza tal-Kumitat f’fora internazzjonali;

    (j) Kwalunkwe dmir li jingħatalu mill-Kumitat.

    5. Is-sede tas-Segretarjat għandu jkun jinstab f’Aghios Germanos, fil-Greċja, għal perjodu ta’ erba’ snin, fuq bażi ta’ rotazzjoni, jew sakemm jiġi deċiż xort’oħra mill-Kumitat.

    6. Il-Kumitat huwa awtorizzat jikkonkludi Ftehim dwar is-Sede mal-pajjiż ospitanti fir-rigward tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

    Artikolu 14 – Il-Grupp ta’ Ħidma għall-Immaniġjar tal-Ilma

    1. Il-Kumitat għall-Immaniġjar tal-Park ta' Prespa jistabbilixxi Grupp ta’ Ħidma għall-Immaniġjar tal-Ilma, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10.

    2. L-Istati Partijiet, wara konsultazzjoni, għandhom jinnominaw awtoritajiet u korpi kompetenti għall-immaniġjar tal-ilma fil-parti tal-Park ta' Prespa fi ħdan it-territorji tagħhom bħala membri ta’ dan il-Grupp ta' Ħidma u jinfurmaw b’din in-nomina lill-president tal-Kumitat tal-Immaniġjar tal-Park Prespa.

    3. Il-Grupp ta’ Ħidma għall-Immaniġjar tal-Ilma se jipproponi rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq il-prinċipji tal-immaniġjar integrat tal-baċin ta' xmara, kif rifless fid-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma (2000/60/KE), għall-adozzjoni tal-Kumitat tal-Immaniġjar.

    4. Il-kompiti speċifiċi u l-mandat tal-Grupp ta' Ħidma se jiġu ddefiniti permezz ta’ konsultazzjonijiet bejn l-Istati Partijiet.

    5. L-ispejjeż għall-operat tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Immaniġjar tal-Ilma (parteċipazzjoni fi u l-organizzazzjoni tal-laqgħat) għandhom jiġu koperti għal perjodu ta’ erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, mill-Ministru Elleniku għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima.

    Artikolu 15 – L-Ispejjeż tal-Korpi Konġunti

    1. L-implimentazzjoni tal-pjan ta' ħidma tal-Kumitat tal-Immaniġjar tal-Park ta' Prespa għandha tiġi ffinanzjata b'kontribuzzjonijiet annwali regolari mill-Partijiet u minn sorsi oħrajn.

    2. Kull Parti għandha fil-prinċipju tieħu ħsieb l-ispejjeż assoċjati mal-parteċipazzjoni tal-membri nazzjonali tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat, tas-Segretarjat u tal-gruppi ta’ ħidma, bl-eċċezzjoni tal-artikolu 14(5).

    3. Il-Parti li fit-territorju tagħha tiġi organizzata laqgħa tal-Kumitat għandha tħallas għall-ispiża tal-organizzazzjoni tal-laqgħa.

    4. Is-Segretrarjat se jipprepara baġit annwali li jkopri l-ispejjeż tiegħu u li jiġi sottomess għall-approvazzjoni lill-Kumitat, u għandu jiġi ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet annwali regolari mill-Istati Partijiet u minn sorsi oħrajn. Faċilitajiet tal-uffiċċju se jiġu pprovduti mill-Parti fejn ikun jinsab is-Segretarjat, normalment lil hinn mill-baġit.

    Raba’ Parti – Ir-Riżoluzzjoni tat-Tilwim

    Artikolu 16

    F’każ ta’ tilwim bejn il-Partijiet li jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom ifittxu soluzzjoni permezz ta’ negozjati- jew bi kwalunkwe mezz ieħor internazzjonali għar-riżoluzzjoni tat-tilwim aċċettabbli għalihom.

    Ħames Parti – Id-Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 17 – L-Emendi għall-Ftehim

    1. Kwalunkwe Parti tista’ tipproponi emendi għal dan il-Ftehim.

    2. Kull emenda għal dan il-Ftehim għandha tiġi maqbula b’konsensus. L-Emendi għandhom jidħlu fis-seħħ skont il-proċedura ppreżentata fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 18.

    Artikolu 18 – Id-dħul fis-seħħ

    1. Dan il-Ftehim għadnu jkun soġġett għal ratifika skont il-proċeduri domestiċi ta’ kull Parti.

    2. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum li fih jasal l-aħħar avviż bil-miktub li permezz tiegħu il-Partijiet javżaw lil xulxin bir-ratifika tal-Ftehim.

    Artikolu 19 – Ir-relazzjoni ma’ Ftehimiet oħra

    1. Xejn fil-Ftehim preżenti ma għandu jeffettwa d-drittijiet jew l-obbligi ta’ Parti li jirriżultaw minn kwalunkwe ftehim li jkun fis-seħħ fid-data li fih dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jeffettwa d-drittijiet jew l-obbligi ta’ Parti li jirriżultaw mil-liġi tal-UE.

    2. Għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim il-Partijiet jistgħu jidħlu fi ftehimiet jew arrangamenti bilaterali jew trilaterali, li ma għandhomx ikunu f’kunflitt ma’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 20 – Id-Durata u l-Irtirar

    Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ b’mod indefinit sakemm waħda mill-Partijiet, permezz ta’ kanali diplomatiċi, ma tinnotifikax ix-xewqa tagħha li tirtira minnu, f’liema każ il-Ftehim għandu jiġi terminat sitt xhur wara d-data ta’ dan l-avviż bil-miktub. Sakemm ma jiġix miftiehem xort’oħra, din it-terminazzjoni ma għandhiex teffettwa l-validità ta’ xi arranġamenti jew proġetti fis-seħħ magħmula skont dan il-Ftehim.

    Magħmul f’Pyli, fit-2 ta’ Frar 2010, f’erba’ kopji oriġinali bl-Ingliż, kollha awtentiċi bl-istess mod.

    B’XIEHDA TA’ DAN is-sottoskritti, awtorizzati kif dovut biex jagħmlu dan, iffirmaw dan il-Ftehim.

    [1] Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, ĠU L327 tat-22.12.2000.

    [2] L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/60/KE.

    [3] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2006 dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità Ewropea fin-negozjati li jimmiraw lejn il-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali dwar il-baċini tax-xmajjar għat-titjib tal-kooperazzjoni fil-baċini tax-xmajjar Ewropej kondiviżi bejn ċerti Stati Membri u Pajjiżi Terzi.

    [4] L-Albanija, FYROM u l-Greċja.

    [5] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru tal-1997 li tikkonċerna l-konklużjoni tal-Konvenzjoni fuq il-koperazzjoni tal-protezzjoni u użu sostenibbli tax-xmara Danubju, ĠU L 342 tat-12.12.1997 .

    [6] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Novembru 2000 li tirrigwarda l-konklużjoni, f'isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni għall-Ħarsien tax-xmara Renu, ĠU L 289 tas-16.11.2000.

    [7] ĠU C , , p. .

    [8] ĠU C , , p. .

    [9] Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, ĠU L327 tat-22.12.2000.

    [10] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2006 dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità Ewropea fin-negozjati li jimmiraw lejn il-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali dwar il-baċini tax-xmajjar għat-titjib tal-kooperazzjoni fil-baċini tax-xmajjar Ewropej kondiviżi bejn ċerti Stati Membri u Pajjiżi Terzi.

    Top