Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0597

    Proposta għal Ir-Regolament (KE) Nru .../... tal-parlament ewropew u tal-kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 648/2004 fir-rigward tal-fosfati u komposti ta' fosfru oħra fid-deterġenti domestiċi tal-ħasil tal-ħwejjeġ

    /* KUMM/2010/0597 finali - COD 2010/0298 */

    52010PC0597

    Proposta għal Ir-Regolament (KE) Nru .../... tal-parlament ewropew u tal-kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 648/2004 fir-rigward tal-fosfati u komposti ta' fosfru oħra fid-deterġenti domestiċi tal-ħasil tal-ħwejjeġ /* KUMM/2010/0597 finali - COD 2010/0298 */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 4.11.2010

    KUMM(2010) 597 finali

    2010/0298 (COD)

    Proposta għal

    IR-REGOLAMENT (KE) NRU .../... TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 648/2004 fir-rigward tal-fosfati u komposti ta' fosfru oħra fid-deterġenti domestiċi tal-ħasil tal-ħwejjeġ

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    SEG(2010) 1278 SEG(2010) 1277

    MEMORANDUM TA' SPJEGA

    KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Il-kuntest ġenerali

    Il-fosfati jintużaw fid-deterġenti biex jikkumbattu l-ebusija tal-ilma sabiex jippermettu tindif effiċjenti. Tripolifosfat tas-sodju (STPP) hu l-aktar fosfat użat fid-deterġenti. Flimkien mas-surfactants, l-STPP jippermetti d-deterġenti biex jiffunzjonaw b'mod aktar effiċjenti fil-kondizzjonijiet kollha tal-ħasil.

    B'mod aktar speċifiku, l-STPP għandu dawn il-funzjonijiet li ġejjin fid-deterġenti:

    - is-sekwestru effiċjenti tal-ebusija tal-imluħ (u b’hekk jinżammu fit-taħlil);

    - eliminazzjoni u prevenzjoni tal-fibri ta’ inkrostazzjoni;

    - tisħiħ tal-proċess tal-ħasil;

    - mezz ta' ġarr tal-ingredjenti oħrajn tad-deterġenti.

    Il-fosfati tad-deterġenti jistgħu jikkontribwixxu għal ċerti effetti negattivi fl-ambjent tal-ilma. It-tħassib ewlieni hu li dawn jistgħu jwasslu għal eċċess ta' nutrijenti li jikkawżaw tkabbir aċċellerat ta' alka u forom għolja ta' pjanti ħajjin li jipproduċu xkiel mhux mixtieq fil-bilanċ tal-organiżmi, fenominu li jissejjaħ ewtrofikazzjoni. Jeżistu ingredjenti alternattivi li jraqqu l-ilma iżda b'limitazzonijiet ta' prestazzjoni varji, b'mod partikolari għal xogħlijiet ta' tindif aktar esiġenti.

    Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 dwar id-deterġenti jarmonizza t-tqegħid fis-suq tad-deterġenti, iżda fir-rispett biss tal-ittikkettjar tad-deterġenti u l-bijodegradibilità tas-surfactants li fihom. Madankollu, fid-dawl tat-tħassib dwar l-ewtrofikazzjoni, l-Artikolu 16 tar-Regolament esiġa mill-Kummissjoni wkoll li "tevalwa, tibgħat rapport u, meta jkun iġġustifikat, tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-użu ta' fosfati bil-ħsieb li teliminahom bil-mod il-mod jew li tillimitahom biss għal applikazzjonijiet speċifiċi". Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport fl-2007 u kkonkludiet li l-istat ta' għarfien li jikkonċerna l-kontribuzzjoni tal-fosfati tad-deterġenti lill-ewtrofikazzjoni kien għadu mhux sħiħ, iżda kien qed jiżviluppa malajr[1]. Aktar xogħol xjentifiku wara dan, kif ukoll informazzjoni dwar l-impatti ekonomiċi u soċjali ta' restrizzjonijiet possibbli kienu il-bażi ta' rapport ta' stima tal-impatt, li analizza numru ta' għażliet politiċi biex jindirizzaw l-użu tal-fosfati fid-deterġenti.

    Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    Il-proposta għandha l-għan li temenda r-Regolament (KE) Nru 648/2004 dwar id-deterġenti billi tintroduċi limitazzjoni fuq il-kontenut tal-fosfati u komposti oħra ta' fosfru fid-deterġenti domestiċi tal-ħasil tal-ħwejjeġ biex jitnaqqas il-kontribut tad-deterġenti lill-ewtrofikazzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ, wara l-konklużjonijiet tal-valutazzjonijiet u l-istima tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 648/2004.

    Barra minn hekk, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 li jikkonċernaw is-setgħa tal-Kummissjoni biex taddotta atti mhux leġiżlattivi ta' applikazzjoni ġenerali li jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux leġiżlattivi ta' dak ir-Regolament jridu jkunu adattati għall-ħtiġijiet tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    L-għan ġenerali huwa li jkun żgurat livell għoli ta' protezzjoni lill-ambjent mill-effetti negattivi potenzjali tal-fosfati u komposti oħra ta' fosfru fid-deterġenti u jkun żgurat suq intern li jopera sew għad-deterġenti.

    Konsistenza ma' għanijiet u politiki oħra tal-Unjoni

    Din il-proposta hija kompletament konsistenti mal-għanijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (id-Direttiva 2000/60/KE) li tesiġi lill-Istati Membri li jiksbu status ekoloġiku u kimiku tajjeb tal-ilma tal-wiċċ sal-2015 u tesiġilhom li jippreparaw programm ta' miżuri – pereżempju pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċir tax-xmajjar – li jistgħu jinkludu, fejn iġġustifikat, azzjoni mandatorja bi spiża li tagħmel sens u proporzjonata, jew ftehimiet volontarji li jillimitaw l-fosfati fid-deterġenti sabiex tkun ittrattata l-problema tal-ewtrofikazzjoni fit-territorji tagħhom.

    Tabilħaqq sabiex tkun miġġielda l-ewtrofikazzjoni li ġejja minn flussi transkonfinali tal-fosfati f'organi tal-ilma, kienet stabbilita azzjoni kkoordinata mill-Istati Membri kkonċernati fil-kuntest tal-ġestjoni tal-baċir tax-xmara tad-WFD, jew fl-istrateġiji ta' kooperazzjoni reġjonali f'xi żoni sensittivi tal-UE, bħalma huma l-Baħar Baltiku jew il-Baċir tax-Xmara tad-Danubju, iżda s'issa mxiet bil-mod. Għalhekkk il-proposta hija miżura komplementarja essenzjali għas-suċċess tal-attivitajiet tal-inizjattiva ta' kooperazzjoni reġjonali biex tkun miġġielda l-problema tal-ewtrofikazzjoni transkonfinali.

    Il-proposta tikkomplementa wkoll id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, 91/271/KEE li għandha l-għan li tillimita l-konċentrazzjonijiet tan-nutrijenti bħalma huma l-fosfru u n-nitroġenu fl-ilmijiet tal-wiċċ sabiex tkun miġġielda l-ewtrofikazzjoni.

    KONSULTAZZONI TAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-ISTIMA TAL-IMPATT

    Konsultazzjoni tal-partijiet interessati, il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

    Il-Kummissjoni nediet numru ta' studji biex tistabbilixxi jekk restrizzjonijiet fuq l-fosfati fid-deterġenti humiex ġustifikati sabiex inaqqsu l-ewtrofikazzjoni fl-UE: WRc 2002[2], INIA pan-European eutrophication[3], rapport minn kuntrattur estern (RPA). Dawn l-istudji pprovdew bażi għal aktar konsultazzjoni mal-Istati Membri, l-industrija [European Phosphates Producer Industry (CEEP); International Association for Soaps, Detergents and Maintenance Products (AISE); European Zeolites Producers Association (EUZEPA)] u NGOs ambjentali [World Wildlife Fund (WWF); European Consumers' Organisation (BEUC)] waqt laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma tal-Awtoritajiet Kompetenti responsabbli mill-implimentazzjoni tar-Regolament dwar id-Deterġenti, magħruf bħala il-"Grupp ta' Ħidma tad-Deterġenti" – jiġifieri f'Novembru 2006, Lulju u Diċembru 2007, Lulju 2008, Frar u Novembru 2009.

    Saret konsultazzjoni speċifika ta' formulaturi żgħar u ta' daqs medju permezz tal-Enterprise Europe Network fl-2009, sabiex tingħata ħarsa profonda fl-użu kurrenti tal-fosfati u l-alternattivi meta jkunu fformulati deterġenti u l-impatti tar-restrizzjonijiet potenzjali tal-fosfati fuq dawn l-SMEs.

    Stima ta' impatt

    Saret l-analiżi tal-impatti tal-għażliet politiċi varji filwaqt li kienu kkunsidrati r-riżultati tal-analiżi xjentifika tal-kontribuzzjoni tal-fosfati fid-deterġenti għal riskji tal-ewtrofikazzjoni fl-UE, kif ukoll il-kriterji tal-effettività u l-effiċjenza (inkluża l-prattiċità, l-impatti soċjoekonomiċi, u s-sorveljanza). Prinċipalment l-informazzjoni nġiebet mill-istudju tal-INIA dwar ir-riskji tal-ewtrofikazzjoni assoċjati mal-fosfati fid-deterġenti u r-rapport tal-RPA li jikkonċerna ż-żeoliti u bennejja oħra bħala alternattivi tal-STPP, kif ukoll rimarki tas-SCHER dwar l-evalwazzjoni ta' dawn ir-rapporti, konsultazzjoni diretta oħra mal-partijiet interessati.

    Ħames għażliet politiċi kienu skrutinati għall-impatt tagħhom:

    - L-Għażla 1: L-ebda azzjoni fuq il-livell tal-UE biex ir-responsabbiltà tal-azzjoni titħalla f'idejn l-Istati Membri jew il-kuntest tal-kooperazjzoni reġjonali (l-għażla bażika);

    - Għażla 2: Azzjoni volontarja mill-industrija;

    - Għażla 3: Projbizzjoni totali tal-fosfati fid-deterġenti;

    - Għażla 4: Restrizzjoni/limitazzjoni tal-kontenut tal-fosfati fid-deterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ;

    - Għażla 5: L-iffissar ta' valuri ta' limiti għall-kontenut tal-fosfati fid-deterġenti.

    L-evalwazzjoni u l-analiżi tal-impatt tal-għażliet juru li l-introduzzjoni ta' limitazzjoni fuq il-livell Ewropew dwar l-użu tal-komposti tal-fosfati fid-deterġenti domestiċi tal-ħasil tal-ħwejjeġ se tnaqqas il-kontribuzzjoni tal-fosfati tad-deterġenti lir-riskji tal-ewtrofikazzjoni tal-ilmijiet tal-EU u se tnaqqas l-ispejjeż tat-tneħħija tal-fosfru mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi. L-iffrankar mill-ispejjeż huwa ferm akbar mill-ispiża tar-riformulazzjoni tad-deterġenti domestiċi tal-ħasil tal-ħwejjeġ bl-alternattivi għall-fosfati. B'kuntrast, ir-restrizzjonijiet fl-UE kollha fil-preżent ma jkunux iġġustifikati għad-deterġenti tal-ħasil tal-platti jew għad-deterġenti istituzzjonali u industrijali minħabba l-alternattivi disponibbli ma jistgħux jissodisfaw b'mod ġenerali d-domanda teknika kbira f'dawk l-applikazzjonijiet.

    ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    Bażi legali

    Il-bażi legali tal-proposta hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-Artikolu 114 għandu l-għan li jistabbilixxi suq intern filwaqt li jkun żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa umana u l-ambjent.

    Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

    Il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni.

    L-għan li tkun limitata l-kontribuzzjoni tal-fosfati tad-deterġenti lir-riskji tal-ewtrofikazzjoni fl-ilmijiet tal-UE filwaqt li jinżamm suq intern li jiffunzjona tajjeb għad-deterġenti ma jistax jintlahaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri biss u azzjoni mill-UE se tkun aktar effiċjenti biex jintlaħqu l-għanijiet għar-raġunijiet li ġejjin:

    - Xi Stati Membri addottaw miżuri nazzjonali biex jillimitaw l-użu tal-fosfati u/jew komposti oħra tal-fosfru, prinċipalment fid-deterġenti domestiċi tal-ħasil tal-ħwejjeġ, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 b'valuri limitati differenti. M'hemm l-ebda speċifikazzjoni teknika komuni fl-Unjoni kollha. Dan ikisser is-suq tal-UE tad-deterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ.

    - Il-kooperazzjoni reġjonali kurrenti mill-Istati Membri fl-Istrateġija tal-Baħar Baltiku u fil-Baċir tax-Xmara tad-Danubju mxiet 'il quddiem b'pass kemxejn bil-mod fuq din il-kwistjoni u l-Istati Membri tal-UE li jikkooperaw fuq dawn l-istrateġiji reġjonali repetutament talbu miżuri tal-UE armonizzati.

    - F'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-abbozz tar-Regolament iżomm il-possibilità li bħalissa diġà hemm għall-Istati Membri li jistabbilixxu leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-fosfati fid-deterġenti tal-magna awtomatika tal-ħasil tal-platti u d-deterġenti professjonali, kemm-il darba dan hu ġġustifikat miċ-ċirkostanzi partikolari bħalma huma r-riskji għolja tal-ewtrofikazzjoni jew l-kondizzjonijiet tal-ilma fit-territorju tal-Istat Membru. S'issa, ftit huma l-Istati Membri li stabbilixxew jew qed jippjanaw li jintroduċu l-limitazzjonijiet għall-fosfati fid-deterġenti tal-magna tal-ħasil tal-platti b'impatti limitati ħafna fis-suq intern għal dawn id-deterġenti.

    Il-prinċipju ta' proporzjonalità

    Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif previst fl-Artikolu 3(4) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea.

    Peress li bħalissa hemm nuqqas ta' alternattivi tekniċi jew ekonomiċi xierqa biex jieħdu post il-fosfati fit-tipi ta' deterġenti li mhumiex deterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ, u peress li d-deterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ huma l-akbar kontributur tal-piż kollu tal-fosfati mid-deterġenti, il-proposta ma tillimitax il-kontenut tal-fosfati ta' tipi oħra ta' deterġenti.

    Għażla ta' strumenti

    L-istrument legali magħżul huwa Regolament peress li jimmira li jarmonizza l-kontenut tal-fosfati u komposti oħra tal-fosfru fid-deterġenti domestiċi tal-ħasil tal-ħwejjeġ. Dan jemenda r-Regolament li hemm diġà dwar id-deterġenti.

    Id-dispożizzjonijiet ewlenin tal-proposta

    Il-proposta testendi l-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 biex tippermetti l-introduzzjoni ta' limitazzjoni fil-kontenut tal-fosfati u komposti oħra tal-fosfru fid-deterġenti (l-emendi fl-Artikoli 1 u 4).

    Għandu jkun nnutat li l-alternattivi għall-fosfati fid-deterġenti domestiċi tal-ħasil tal-ħwejjeġ xi kultant ikun fihom komposti oħra tal-fosfru, b'mod partikolari l-fosfonati. Għalhekk mhux possibbli li jkun eliminat l-fosfru kompletament mid-deterġenti. Min-naħa l-oħra, hemm ħafna fosfati u komposti li fihom fosfru differenti u kien żgurat li l-projbizzjoni intiża tal-fosfati ma tistax tintrebaħ faċilment. Għalhekk l-abbozz tar-Regolament jistabbilixxi limitu ġenerali ta' 0,5 % bl-użin għall-kontenut tal-fosfru fid-deterġenti domestiċi tal-ħasil tal-ħwejjeġ li jkopri l-fosfati kollha u l-fosfru li fih l-komposti. Għalissa, sakemm jinstabu alternattivi teknikament u ekonomikament vijabbli tal-fosfati għal tipi oħra ta' deterġenti, il-proposta tillimita l-kontenut tal-fosfati u komposti oħra tal-fosfru biss fid-deterġenti domestiċi tal-ħasil tal-ħwejjeġ (l-Anness VIa ġdid propost).

    Għad-deterġenti domestiċi tal-magni awtomatiċi tal-ħasil tal-platti, qed ikun propost li l-Kummissjoni tieħu r-responsabbiltà li tirrevedi l-kontribuzzjoni tagħhom lir-riskju tal-ewtrofikazzjoni fi żmien ħames (5) snin wara l-adozzjoni tal-att propost, li tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (l-emenda tal-Artikolu 16) u jekk ikun xieraq, li tipproponi restrizzjonijiet li jikkonċernaw l-kontenut tal-fosfati tagħhom bl-adattament tal-Anness VIa ġdid mal-progress tekniku.

    Il-proposta tadatta wkoll id-dispożizzjonijiet kurrenti tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 li jagħtu l-poter lill-Kummissjoni li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-emenda tal-Artikolu 13).

    Fl-aħħar nett, l-att propost iżomm id-dispożizzjoni eżistenti diġà li tippermetti lill-Istati Membri li jistabbilixxu regoli nazzjonali li jillimitaw il-kontenut tal-fosfati u l-komposti l-oħra tal-fosfru fid-deterġenti barra d-deterġenti domestiċi tal-ħasil tal-ħwejjeġ, jekk iġġustifikat għal raġunijiet ambjentali (l-emenda tal-Artikolu 14).

    L-IMPLIKAZZJONI BAġITARJA

    Il-proposta m'għandhiex implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni Ewropea.

    INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

    - L-att propost huwa relevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

    - Il-proposta hija soġġetta għall-Ftehim WTO-ABT u għalhekk soġġetta għal notifikazzjoni lid-WTO.

    - 2010/0298 (COD)

    Proposta għal

    IR-REGOLAMENT (KE) NRU .../... TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 648/2004 fir-rigward tal-fosfati u komposti ta' fosfru fid-deterġenti domestiċi tal-ħasil tal-ħwejjeġ

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[4],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[5],

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    1. Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 648/2004, il-Kummissjoni evalwat l-użu tal-fosfati fid-deterġenti fir-Rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li jikkonċerna l-użu tal-fosfati[6]. Wara aktar analiżi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-użu tal-fosfati fid-deterġenti domestiċi tal-ħasil tal-ħwejjeġ għandu jkun limitat sabiex titnaqqas il-kontribuzzjoni tal-fosfati tad-deterġenti lir-riskji tal-ewtrofikazzjoni u jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tneħħija tal-fosfati fl-impjanti tat-trattament tal-ilma morni. Dan l-iffrankar tal-ispejjeż huwa ferm akbar mill-ispiża tar-riformulazzjoni tad-deterġenti domestiċi tal-ħasil tal-ħwejjeġ bl-alternattivi għall-fosfati.

    2. Alternattivi effiċjenti għad-deterġenti domestiċi tal-ħasil tal-ħwejjeġ ibbażati fuq il-fosfati għandhom bżonn ta' komposti oħra tal-fosfru, jiġifieri fosfonati li jekk jintużaw fi kwantitajiet akbar jistgħu jkunu ta' tħassib għall-ambjent.

    3. L-interazzjoni bejn il-fosfati u komposti oħra tal-fosfru teħtieġ għażla għaqlija tal-ambitu u l-livell tal-limitazzjoni. Il-limitazzjoni għandha tapplika fuq l-komposti tal-fosfru kollha sabiex tipprekludi sostituzzjoni sempliċi tal-fosfati limitati b'komposti oħra tal-fosfru. Il-limitazzjoni tal-kontenut tal-fosfru għandu jkun baxx biżżejjed li effettivament tippreveni t-tqegħid fis-suq ta' formulazzjonijiet tad-deterġenti domestiċi tal-ħasil tal-ħwejjeġ ibbażati fuq il-fosfati, filwaqt li tkun għolja biżżejjed li tippermetti l-kwantità minima tal-fosfati meħtieġa għall-formulazzjonijiet alternattivi.

    4. Ġaladarba li l-għanijiet tal-azzjoni li trid tittieħed, jiġifieri li titnaqqas il-kontribuzzjoni tal-fosfati tad-deterġenti lir-riskji tal-ewtrofikazzjoni u li tnaqqas l-ispejjeż tat-tneħħija tal-fosfati fl-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi, ma setgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri peress li l-miżuri nazzjonali bi speċifikazzjonijiet tekniċi differenti ma jistgħux jinfluwenzaw il-kwalità tal-ilma li jaqsam il-fruntieri nazzjonali, u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' taddotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif previst fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif preskritt f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak il-għan.

    5. Mhux sewwa li jkunu estiżi l-limitazzjonijiet tal-użu tal-fosfati u komposti oħra tal-fosfru fid-deterġenti domestiċi tal-ħasil tal-ħwejjeġ għad-deterġenti domestiċi tal-magni tal-ħasil tal-platti jew għad-deterġenti industrijali u istuzzjonali minħabba li alternattivi teknikament u ekonomikament vijabbli għall-użu tal-fosfati f'dawk id-deterġenti mhumiex disponibbli.

    6. Definizzjoni ta' "ħasil" għandha tkun inkluża direttament fir-Regolament (KE) Nru 648/2004 minflok ir-referenza għall-istandard relevanti tal-ISO biex jitħaffef il-qari.

    7. Il-Kummissjoni għandha tingħata l-poter li taddotta atti ddelegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-iskop biex ikunu emendati l-Annessi ta' dan ir-Regolament.

    8. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli fuq ksur ta' dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn ikunu implimentati. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    9. Hu xieraq li jkun hemm provediment għad-differiment tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni stabbilita f'dan ir-Regolament sabiex jippermetti, b'mod partikolari lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, li jifformulaw mill-ġdid id-deterġenti domestiċi tal-ħasil tal-ħwejjeġ ibbażati fuq il-fosfat billi jużaw alternattivi matul iċ-ċiklu ta' riformulazzjoni normali sabiex ikunu minimizzati l-ispejjeż.

    10. Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 għandu jkun emendat skont dan.

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 huwa emendat kif ġej.

    11. Fl-Artikolu 1(2) it-tielet u r-raba' inċis jinbidlu b'dan li ġej:

    “- it-tikkettjar addizzjonali ta' deterġenti, inklużi allerġeni ta' fwieħa;

    - l-informazzjoni li l-manifatturi għandhom jagħmlu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti u l-persunal mediku tal-Istati Membri;

    - il-limitazzjonijiet tal-kontenut tal-fosfati u komposti oħra tal-fosfru fid-deterġenti."

    12. L-Artikolu 2, il-punt 3 jinbidel b'dan li ġej:

    “3. 'Ħasil' tfisser il-proċess li bih titneħħa l-ħamrija-trab mis-substrat u tinġieb fi stat ta' taħlil jew tifrix."

    13. Jiddaħħal l-Artikolu 4a li ġej :

    "L-Artikolu 4a

    Il-limitazzjonijiet tal-kontenut tal-fosfati u komposti oħra tal-fosfru

    Id-deterġenti elenkati fl-Anness VIa li ma jikkonformawx mal-limitazzjonijiet tal-kontenut tal-fosfati u ta' komposti oħra tal-fosfru stabbiliti f'dak l-Anness m'għandhomx jitqegħdu fis-suq mid-data ffissata f'dak l-Anness."

    14. L-Artikolu 12, il-paragrafu 3 jitħassar.

    15. L-Artikolu 13 jinbidel b'dan li ġej:

    "L-Artikolu 13

    Adattament tal-Annessi

    1. Il-Kummissjoni tista' taddotta, permezz ta' att skont l-Artikoli 13a, 13b u 13c, emendi neċessarji biex ikunu adattati l-Annessi mal-progress xjentifiku u tekniku. Fejn hu possibbli, il-Kummissjoni għandha tuża standards Ewropej.

    2. Il-Kummissjoni tista' taddotta, permezz ta' att iddelagat skont l-Artikoli 13a, 13b u 13c, emendi fl-Annessi ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' deterġenti ibbażati fuq is-solventi.

    3. Fejn il-limiti individwali ta' konċentrazzjoni bbażati fuq ir-riskju għall-allerġeni ta' fwieħa huma stabbiliti mill-Kumitat Xjentifiku dwar Kosmetiċi u Prodotti Mhux tal-Ikel (SCCNFP), il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikoli 13a, 13b u 13c, tadatta l-limitu ta' 0,01 % iffissat fit-Taqsima A tal-Anness VII kif inhu xieraq."

    16. Jiddaħħlu l-Artikoli 13a, 13b u 13c li ġejjin :

    "L-Artikolu 13a

    L-eżerċizzju tad-delegazzjoni

    1. Il-poteri li jaddottaw l-atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 13 għandhom jingħataw lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien mhux determinat.

    2. Hekk kif taddotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika b'mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    3. Il-poteri li jaddottaw l-atti ddelegati jingħataw lill-Kummissjoni suġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 13b u 13c.

    L-Artikolu 13b

    Ir-revoka tad-delegazzjoni

    1. Id-delegazzjoni tal-poter msemmija fl-Artikolu 13 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

    2. L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna biex tiddeċiedi jekk tirrevokax jew le d-delegazzjoni tal-poter għandha tagħmel ħilitha li tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġjonevoli qabel ma tittieħed deċiżjoni finali filwaqt li tindika l-poteri ddelegati li jistgħu jkunu suġġetti għar-revoka u r-raġunijiet possibbli għal revoka.

    3. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ġġib fit-tmiem id-delegazzjoni tal-poteri speċifikati f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ immedjatament jew mhux aktar tard mid-data speċifikata hemmhekk. Din m'għandhiex tieħu l-validità tal-atti ddelegati diġà fis-seħħ. Din għandha tkun ippubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 13c

    Oġġezzjonijiet għal atti ddelegati

    1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għall-att iddelegat fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika. Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dan il-perjodu għandu jkun estiż b'xahar.

    2. Jekk, hekk kif jiskadi l-perjodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma joġġezzjonaw għall-att iddelegat, dan għandu jkun ippubblikat f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ fid-data espressa hemmhekk. L-att iddelegat jista' jkun ippubblikat f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, it-tnejn, ikunu infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jressqux oġġezzjonijiet.

    3. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal att iddelegat, dan m'għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tesprimi r-raġunijiet għall-oġġezzjoni għall-att iddelegat."

    17. Fl-Artikolu 14, it-tieni paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

    "L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jistabbilixxu regoli nazzjonali li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet tal-kontenut tal-fosfati u ta' komposti oħra tal-fosfru fid-deterġenti li għalihom ma ġewx stabbiliti restrizzjonijiet tal-kotenut fl-Anness VIa fejn iġġustifikat għal raġunijiet tal-protezzjoni tal-ambjent tal-ilma u fejn alternattivi teknikament u ekonomikament vijabbli huma disponibbli."

    18. L-Artikolu 16 jinbidel b'dan li ġej:

    "L-Artikolu 16

    Rapport

    Sal-31 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha tevalwa, tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu tal-fosfati u komposti oħra tal-fosfru fid-deterġenti domestiċi tal-magni tal-ħasil tal-platti u, jekk iġġustifikat, tippreżenta proposta leġiżlattiva bil-ħsieb li jkunu eleminati bil-mod il-mod jew li jkunu limitati għal applikazzjonijiet speċifiċi."

    19. L-Artikolu 18 jinbidel b'dan li ġej:

    "L-Artikolu 18

    Penali

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli fuq ksur ta' dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn ikunu implimentati. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet jew kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwa dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

    Dawn ir-regoli għandhom jinkludu miżuri li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jżommu konsenji ta' deterġenti li ma jħarsux dan ir-Regolament."

    20. It-test stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament jiddaħħal bħala Anness VIa.

    21. Fit-Taqsima tal-Anness VII jitħassar it-test li ġej:

    "Jekk limiti individwali ta' konċentrazzjonijiet ibbażati fuq riskji għall-allerġeni ta' fwieħa jiġu sussegwentement stabbiliti mill-SCCNFP, il-Kummissjoni għandha tipproponi l-adozzjoni ta' tali limiti biex jissostitwixxu l-limitu ta' 0,01 % imsemmi hawn fuq. Dawk il-miżuri, mfasslin biex jemedaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, għandhom ikunu addottati skont il-proċedura regolatorja bl-iskrutinju msemmi fl-Artikolu 12(3)."

    L-Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Il-punti (1), (3), (7), (9) u (10) tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw fl-1 ta' Jannar 2013.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew F'isem il-Kunsill

    Il-President Il-President […] […]

    ANNESS

    "ANNESS VII

    IL-LIMITAZZJONIJIET TAL-KONTENUT TAL-FOSFATI U KOMPOSTI OħRA TAL-FOSFRU

    Deterġent | Limitazzjonijiet | Data li fiha l-limitazzjoni tibda tgħodd |

    Deterġenti domestiċi tal-ħasil tal-ħwejjeġ | M'għandux jitqiegħed fis-suq jekk il-kontenut totali tal-fosfru huwa ugwali għal jew akbar minn 0,5 % bl-użin. | l-1 ta' Jannar 2013 |

    ” [pic][pic][pic]

    [1] (COM (2007) 234) disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/enterprise/chemicals/legislation/detergents/index_en.htm .

    [2] Phosphates and alternative detergent builders. WRc (2002), Swindon, UK.

    [3] Disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/chemicals/files/docs/ceep_study_final_report_042009_en.pdf .

    [4] OJ C […], […], p. […].

    [5] OJ C […], […], p. […].

    [6] COM(2007) 234 finali

    Top