Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0564

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta' Sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros

/* KUMM/2010/0564 finali - NLE 2010/0286 */

52010PC0564

/* KUMM/2010/0564 finali - NLE 2010/0286 */ Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta' Sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 15.10.2010

KUMM(2010) 564 finali

2010/0286 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta' Sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Abbażi tal-mandat mogħti lilha mill-Kunsill[1], il-Kummissjoni Ewropea innegozjat mal-Unjoni tal-Komoros bil-ħsieb li jiġġedded il-Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros, datat is-6 ta’ Ottubru 2006. Wara dawn in-negozjati, fil-21 ta’ Mejju 2010 ġie inizjalat Protokoll ġdid u fis-16 ta' Settembru 2010 ġie emendat wara skambju ta' ittri. Il-Protokoll ikopri perjodu ta’ 3 snin mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-imsemmi Protokoll u wara li jiskadi l-Protokoll fis-seħħ, fil-31 ta’ Diċembru 2010

Din il-proċedura nbdiet b’mod parallel mal-proċeduri dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill bil-kunsens tal-Parlament dwar il-konklużjoni tal-Protokoll innifsu, kif ukoll mar-Regolament tal-Kunsill dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd bejn l-Istati Membri tal-UE.

Għad-definizzjoni tal-pożizzjoni tan-negozjar tagħha, il-Kummissjoni ibbażat, fost oħrajn, fuq ir-riżultati ta’ evalwazzjoni ex post li saret minn esperti esterni.

L-għan ewlieni tal-Protokoll ta’ Ftehim huwa li jiddefinixxi l-opportunitajiet tas-sajd offruti lill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea skont iż-żejjed disponibbli kif ukoll il-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta, separatament, skont id-drittijiet tal-aċċess u tal-appoġġ settorjali.

L-għan huwa li tkompli l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros għall-istabbiliment ta’ qafas ta’ sħubija għall-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u l-isfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd Komorjana, fl-interess taż-żewġ Partijiet.

Il-Protokoll il-ġdid jikkonforma max-xewqa taż-żewġ Partijiet li tissaħħaħ is-sħubija u l-kooperazzjoni fis-settur tas-sajd bl-istrumenti kollha finanzjarji disponibbli. Għal dan il-għan, għandha tiġi mfakkra l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas adattat għall-iżvilupp tal-investimenti f’dan is-settur u l-promozzjoni tal-produzzjoni tas-sajd artiġjanali.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja globali tal-Protokoll ta’ EUR 1 845 750 matul il-perjodu kollu hija bbażata fuq: a) tunnellaġġ ta’ referenza annwali ffissat għal 4 850 tunnellata għal 70 bastiment li tikkorrispondi għal EUR 315 250 fis-sena, u b) appoġġ għall-iżvilupp tal-politika settorjali tas-sajd tal-Unjoni tal-Komoros li jammonta għal EUR 300 000 fis-sena. Dan l-appoġġ jilħaq l-għanijiet tal-politika nazzjonali tas-sajd.

Rigward l-opportunitajiet tas-sajd, 45 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartarun u 25 bastiment tas-sajd bil-konz tal-wiċċ se jingħataw l-awtorizzazzjoni tas-sajd. Madankollu, minħabba l-evalwazzjonijiet annwali tal-istat tal-istokkijiet, dawn l-opportunitajiet tas-sajd jistgħu jiżdiedu jew jonqsu, u dan jinvolvi analiżi adegwata mill-ġdid tal-kontribuzzjoni finanzjarja.

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jadotta l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll permezz ta’ Deċiżjoni.

2010/0286 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta' Sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[2],

Billi:

1. Permezz tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1563/2006 il-Komunità Ewropea kkonkludiet Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd mal-Unjoni tal-Komoros[3],

2. Wara dan, l-Unjoni Ewropea nnegozjat mal-Unjoni tal-Komoros Protokoll ġdid tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd, li joffri lill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet li fihom il-Komoros jeżerċita s-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tiegħu fir-rigward tas-sajd,

3. Wara dawn in-negozjati, ġie inizjalat Protokoll ta’ Ftehim fil-21 ta’ Mejju 2010,

4. Il-Protokoll ta’ Ftehim attwalment fis-seħħ se jkompli japplika sal-iskadenza tiegħu, fil-31 ta’ Diċembru 2010,

5. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tiegħu, il-Protokoll il-ġdid għandu jkun suġġett għall-applikazzjoni provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu,

6. Sabiex tkun garantita l-kontinwità tal-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti Ewropej, huwa essenzjali li l-Protokoll il-ġdid jiġi applikat mill-jum ta’ wara l-iskadenza tal-Protokoll attwalment fis-seħħ, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 2011,

7. Huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea li tiffirma l-Protokoll il-ġdid u li tapplikah fuq bażi provviżorja suġġett għall-konklużjoni tal-proċeduri li jirrigwardaw il-konklużjoni formali tiegħu.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros inizjalat fil-21 ta’ Mejju 2010, huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar lill-persuni mogħtija s-setgħa biex jiffirmaw il-Ftehim ta’ applikazzjoni provviżorja li jorbot lill-Unjoni Ewropea, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

L-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros, hija awtorizzata f’isem l-Unjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell,

Mill-Kunsill

Il-President

PROTOKOLL

li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros

Artikolu 1 Il-perjodu ta’ applikazzjoni u l-opportunitajiet tas-sajd

1. Għal perjodu ta’ 3 snin, l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd huma stabbiliti kif ġej:

- bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun: 45 bastiment

- bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ: 25 bastiment.

2. Il-paragrafu 1 għandu japplika suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5, 6, 8 u 9 ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 2 Il-kontribuzzjoni finanzjarja – Il-metodi ta’ ħlas

1. Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd hija stabbilita, għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 1, għal EUR 1 845 750.

2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tinkludi:

(a) ammont annwali għall-aċċess għaż-żona tas-sajd tal-Komoros ta’ EUR 315 250 ekwivalenti għal tunnellaġġ ta’ referenza ta’ 4 850 tunnellata fis-sena, u

(b) ammont speċifiku ta’ EUR 300 000 fis-sena għall-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd tal-Komoros.

3. Il-paragrafu 1 għandu japplika skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3, 4, 5 u 6 ta’ dan il-Protokoll u tal-Artikoli 12 u 13 tal-Ftehim.

4. Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 titħallas mill-Unjoni Ewropea bir-rata ta’ EUR 615 250 fis-sena matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll li tikkorrispondi għat-total tal-ammonti annwali msemmija fil-paragrafu 2 (a) u (b).

5. Jekk il-kwantità globali tal-qabdiet magħmula mill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea fl-ilmijiet Komorjani tkun ogħla minn 4 850 tunnellata fis-sena, l-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja annwali tiżdied b’EUR 65 għal kull tunnellata addizzjonali maqbuda. Madankollu, l-ammont totali annwali mħallas mill-Unjoni Ewropea ma jistax ikun ogħla mid-doppju tal-ammont indikat fil-paragrafu 2(a) (EUR 630 500). Meta l-kwantitajiet maqbuda mill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea jkunu ogħla mill-kwantitajiet li jikkorrispondu għad-doppju tal-ammont annwali totali, l-ammont dovut għall-kwantità li tkun ogħla minn dan il-limitu jitħallas is-sena ta’ wara.

6. Il-ħlas isir mhux aktar tard minn 30 jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll għall-ewwel sena u mhux aktar tard mid-data tal-anniversarju tal-Protokoll għas-snin segwenti.

7. L-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 2(a) taqa’ taħt id-diskrezzjoni sħiħa tal-awtoritajiet Komorjani.

8. Il-kontribuzzjoni finanzjarja kollha indikata fl-Artikolu 2(2) ta’ dan il-Protokoll għandha tiġi ttrasferita f’kont uniku tat-Teżor Pubbliku miftuħ fil-Bank Ċentrali tal-Komoros.

9. Minn dan il-kont uniku, l-ammont li jikkorrispondi għall-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(b) għandu jiġi ttrasferit fil-kont TR 5006 miftuħ fil-Bank Ċentrali mill-Ministeru responsabbli għas-sajd.

Artikolu 3 Il-promozzjoni ta’ sajd sostenibbli u responsabbli fl-ilmijiet Komorjani

1. Il-Partijiet għandhom jiftiehmu fi ħdan il-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd, sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, dwar Programm Settorjali Multiannwali, u l-metodi tal-applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari:

8. il-linji gwida annwali u multiannwali għall-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(2)(b);

9. l-għanijiet, kemm annwali kif ukoll multiannwali, li għandhom jintlaħqu sabiex jitrawwem sajd sostenibbli u responsabbli, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet tal-Komoros fil-politika nazzjonali tas-sajd u ta’ politiki oħra konnessi jew li għandhom impatt fuq il-promozzjoni tas-sajd responsabbli u sostenibbli;

10. il-kriterji u l-proċeduri li jridu jintużaw biex issir evalwazzjoni tar-riżultati miksuba, fuq bażi annwali.

2. Kwalunkwe emenda proposta għall-Programm Settorjali Multiannwali teħtieġ l-approvazzjoni taż-żewġ Partijiet fil-Kumitat Konġunt.

3. Kull sena, il-Komoros għandhom jiddeċiedu dwar l-allokazzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ ammont addizzjonali mal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(2)(b) bil-għan li jiġi implimentat il-Programm Multiannwali. Din l-allokazzjoni trid tiġi kkomunikata lill-Unjoni Ewropea.

4. Jekk l-evalwazzjoni annwali tar-riżultati tal-implimentazzjoni tal-Programm Settorjali Multiannwali tiġġustifikah, il-Kummissjoni Ewropea tirriserva d-dritt li, wara konsultazzjoni maż-żewġ Partijiet fi ħdan il-Kumitat Konġunti, tnaqqas is-sehem tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(2)(b) tal-Protokoll, bil-għan li taġġusta l-ammont allokat għall-implimentazzjoni tal-Programm fil-livell tar-riżultati.

Artikolu 4 Il-kooperazzjoni xjentifika dwar sajd responsabbli

1. Iż-żewġ Partijiet b’dan jimpenjaw rwieħhom li jippromwovu s-sajd responsabbli fl-ilmijiet Komorjani fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn id-diversi flotot tas-sajd preżenti f’dawk l-ilmijiet.

2. Sakemm idum japplika dan il-Protokoll, l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros għandhom jagħmlu ħilithom biex jimmonitorjaw il-qagħda tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd Komorjana.

3. Iż-żewġ Partijiet għandhom jirrispettaw ir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC) u jintrabtu li jippromwovu l-kooperazzjoni fil-livell tas-subreġjun rigward il-ġestjoni responsabbli tas-sajd.

4. Skont l-Artikolu 4 tal-Ftehim, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet adottati fi ħdan l-IOTC u fid-dawl tal-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw flimkien fi ħdan il-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim sabiex jadottaw, jekk ikun il-każ wara laqgħa xjentifika u bi ftehim komuni, miżuri ta’ ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd li jolqtu l-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5 L-aġġustament tal-opportunitajiet tas-sajd bi ftehim komuni

L-opportunitajiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu aġġustati bi ftehim komuni sakemm ir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet adottati mill-IOTC jikkonfermaw li dan l-aġġustament jiggarantixxi l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd tal-Komoros. F’dan il-każ, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(2a) għandha tiġi aġġustata proporzjonalment u pro rata temporis . Madankollu, l-ammont annwali totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa mill-Unjoni Ewropea ma jistax ikun ogħla mid-doppju tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 2(2a).

Artikolu 6 L-opportunitajiet ġodda tas-sajd

1. Fil-każ li l-bastimenti tal-Unjoni Ewropea jkunu interessati f’attivitajiet ta’ sajd li mhumiex indikati fl-Artikolu 1, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin qabel tingħata kwalunkwe awtorizzazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Komorjani. Jekk ikun il-każ, iż-żewġ Partijiet għandhom jaqblu dwar il-kundizzjonijiet applikabbli għal dawn l-opportunitajiet ġodda tas-sajd u, jekk meħtieġ, jagħmlu emendi għal dan il-Protokoll u għall-Anness tiegħu.

2. Il-Partijiet għandhom iħeġġu s-sajd sperimentali. Għal dan il-għan u fuq talba ta’ waħda miż-żewġ Partijiet, dawn għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin u jiddeterminaw każ b’każ l-ispeċijiet, il-kundizzjonijiet u kwalunkwe parametru ieħor rilevanti.

3. Il-Partijiet għandhom iwettqu s-sajd sperimentali skont il-leġiżlazzjoni Komorjana fis-seħħ u skont id-dispożizzjonijiet amministrattivi u xjentifiċi miftiehma, jekk ikun il-każ. L-awtorizzazzjonijiet għas-sajd sperimentali jingħataw għal perjodi massimi ta’ sitt xhur.

4. F’każ li l-Partijiet jikkunsidraw li l-kampanji sperimentali jkunu taw riżultati pożittivi, l-awtoritajiet Komorjani, waqt laqgħa tal-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim, jistgħu jallokaw opportunitajiet ta’ sajd ta’ speċijiet ġodda lill-flotta tal-Unjoni Eworpea sakemm jiskadi dan il-Protokoll. Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(2a) ta’ dan il-Protokoll tiżdied b’konsegwenza ta’ dan.

Artikolu 7 Il-kundizzjonijiet li jiggvernaw l-attivitajiet tas-sajd – Il-klawżola ta’ esklussività

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 tal-Ftehim, il-bastimenti tas-sajd li jtajru bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jistgħu jistadu fl-ilmijiet Komorjani biss jekk ikollhom awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa fil-kuntest ta’ dan il-Protokoll u skont il-metodi deskritti fl-Anness għal dan il-Protokoll.

2. Għall-kategoriji ta’ sajd li mhumiex koperti b’dan il-Protokoll kif ukoll għas-sajd sperimentali, l-awtoritajiet Komorjani jistgħu jagħtu awtorizzazzjonijiet tas-sajd lil bastimenti tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, l-għoti ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet huwa rregolat mil-leġiżlazzjoni u r-regolamenti tal-Unjoni tal-Komoros bi ftehim bejn iż-żewġ Partijiet.

Artikolu 8

Is-sospensjoni u r-reviżjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja

1. Il-kontribuzzjoni finanzjarja hekk kif imsemmija fl-Artikolu 2(2)(a) u (b) tista’ tiġi riveduta jew sospiża wara konsultazzjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt jekk:

(a) Ċirkostanzi li mhumiex normali, għajr fenomeni naturali, iwaqqfu l-eżerċizzju tal-attivitajiet tas-sajd fiż-żoni tas-sajd Komorjani;

(b) Wara bidliet sinifikanti fil-linji gwida politiċi li jkunu wasslu għall-konklużjoni ta’ dan il-Protokoll, waħda miż-żewġ Partijiet titlob ir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu bil-ħsieb li dawn jiġu emendati;

(c) L-Unjoni Ewropea tinnota li l-Komoros kiser xi elementi essenzjali u fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem kif ipprovduti fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Kotonù.

2. L-Unjoni Ewropea tirriżerva d-dritt li tissospendi parti minn jew il-ħlas kollu tal-kontribuzzjoni finanzjarja speċifika prevista fl-Artikolu 2(2)(b) ta’ dan il-Protokoll:

(a) Meta r-riżultati miksuba ma jkunux konformi mal-ipprogrammar wara evalwazzjoni magħmula mill-Kumitat Konġunt;

(b) F’każ li ma ssirx il-kontribuzzjoni finanzjarja.

3. Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja jibda mill-ġdid wara konsultazzjoni u ftehim bejn iż-żewġ Partijiet malli tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni ta’ qabel l-avvenimenti msemmija fil-paragrafu 1, u/jew meta r-riżultati tal-implimentazzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 2 jiġġustifikawh.

Artikolu 9 Is-sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-Protokoll

1. L-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll tista’ tiġi sospiża fuq inizjattiva ta’ waħda mill-Partijiet wara konsultazzjoni li tkun saret fi ħdan il-Kumitat Konġunt jekk:

(a) Ċirkostanzi li mhumiex normali, għajr fenomeni naturali, iwaqqfu l-eżerċizzju tal-attivitajiet tas-sajd fiż-żoni tas-sajd Komorjani;

(b) Wara bidliet sinifikanti fil-linji gwida politiċi li jkunu wasslu għall-konklużjoni ta’ dan il-Protokoll, waħda miż-żewġ Partijiet titlob ir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu bil-ħsieb li dawn jiġu emendati;

(c) L-Unjoni Ewropea tinnota li l-Komoros kisru xi elementi essenzjali u fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem kif ipprovduti fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Kotonù;

(d) L-Unjoni Ewropea tonqos li tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja prevista fl-Artikolu 2(2a), għal raġunijiet oħrajn minbarra dawk previsti fl-Artikolu 8 ta’ dan il-Protokoll;

(e) Tinqala’ xi tilwima dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-Protokoll bejn iż-żewġ Partijiet;

(f) Waħda miż-żewġ Partijiet ma tirrispettax id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll.

2. L-implimentazzjoni tal-Protokoll tista’ tiġi sospiża fuq inizjattiva ta’ xi waħda mill-Partijiet meta t-tilwima bejn iż-żewġ Partijiet titqies bħala waħda serja u l-konsultazzjonijiet li jkunu saru fi ħdan il-Kumitat Konġunt ma jkunux wasslu għal soluzzjoni bonarja.

3. Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll hija suġġetta għan-notifika mill-Parti interessata tal-intenzjoni tagħha, liema notifika għandha tkun bil-miktub u ta’ mhux inqas minn tliet xhur qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din is-sospensjoni.

4. F’każ ta’ sospensjoni, il-Partijiet għandhom ikomplu bil-konsultazzjonijiet sabiex isibu soluzzjoni bonarja għat-tilwima ta’ bejniethom. Meta tinkiseb tali soluzzjoni, il-Protokoll jibda japplika mill-ġdid u s-somma tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandha titnaqqas b’mod proporzjonali u pro rata temporis skont it-tul ta’ żmien li matulu l-applikazzjoni tal-Protokoll kienet sospiża.

Artikolu 10 Id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi nazzjonali

1. L-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd tal-UE li joperaw fl-ilmijiet Komorjani għandhom ikunu regolati mil-liġi applikabbli fil-Komoros, sakemm il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd, dan il-Protokoll, l-Anness u l-Appendiċijiet tiegħu ma jistipulawx mod ieħor.

2. L-awtoritajiet Komorjani għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar kwalunkwe tibdil jew kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida li tirrgwarda s-settur tas-sajd.

Artikolu 11 It-tul ta’ żmien

Dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu għandhom japplikaw għal perjodu ta’ 3 snin li jibda mill-applikazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 13, sakemm ma jingħatax avviż tat-terminazzjoni skont l-Artikolu 12.

Artikolu 12 It-terminazzjoni

1. Fil-każ ta’ terminazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-Parti kkonċernata għandha tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li ttemm il-Protokoll mill-inqas sitt xhur qabel id-data li fiha sseħħ it-terminazzjoni.

2. Kif tintbagħat in-notifika msemmija fil-paragrafu preċedenti għandhom jibdew il-konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet.

Artikolu 13 L-applikazzjoni provviżorja

Dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu għandhom japplikaw b’mod provviżorju mid-data tal-firma tagħhom.

Artikolu 14 Id-dħul fis-seħħ

Dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu jidħlu fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa f’dan ir-rigward.

ANNESS

KUNDIZZJONIJIET GĦALL-EŻERĊIZZJU TAL-ATTIVITAJIET TAS-SAJD MILL-BASTIMENTI TAL-UNJONI EWROPEA FL-ILMIJIET KOMORJANI

KAPITOLU I – IL-FORMALITAJIET APPLIKABBLI GħALL-APPLIKAZZJONI U L-ħRUġ TAL-AWTORIZZAZZJONIJIET TAS-SAJD

Taqsima 1 Il-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1. Il-bastimenti tal-Unjoni Ewropea eliġibbli biss jistgħu jiksbu awtorizzazzjoni tas-sajd fl-ilmijiet Komorjani.

2. Biex bastiment ikun eliġibbli, sid il-bastiment, il-kaptan u l-bastiment innifsu ma għandhomx ikunu pprojbiti milli jistadu fil-Komoros. Huma għandhom ikollhom kollox regolari fir-rigward tal-amministrazzjoni Komorjana, fis-sens li jridu jkunu ssodisfaw l-obbligi preċedenti li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ sajd tagħhom fil-Komoros skont il-ftehimiet dwar is-sajd konklużi mal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, huma għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1006/2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd.

3. Il-bastimenti kollha tal-Unjoni Ewropea li japplikaw għal awtorizzazzjoni tas-sajd għandhom ikunu rappreżentati minn aġent residenti fil-Komoros. L-isem u l-indirizz ta’ dak l-aġent għandhom jiġu ddikjarati fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tas-sajd.

4. L-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni Ewropea għandhom jissottomettu lill-awtoritajiet kompetenti Komorjani applikazzjoni għal kull bastiment li jixtieq jistad skont il-Ftehim, mill-anqas 20 jum qabel id-data tal-bidu tal-validità mitluba.

5. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet kompetenti Komorjani skont il-mudell tal-formola li jinsab fl-Appendiċi 1.

6. Kull talba għall-awtorizzazzjoni tas-sajd għandu jkollha magħha d-dokumenti li ġejjin:

- irċevuta tal-ħlas għall-perjodu tal-validità tagħha.

- kull dokument jew ċertifikat ieħor meħtieġ skont id-dispożizzjonijiet partikolari li japplikaw għat-tip ta’ bastiment skont dan il-Protokoll.

7. Il-ħlas għandu jsir fil-kont speċifikat mill-awtoritajiet tal-Komoros.

8. Il-ħlasijiet għandhom jinkludu t-taxxi nazzjonali u lokali kollha ħlief għat-taxxi tal-port u l-ispejjeż għas-servizzi.

9. L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti kollha għandhom jinħarġu, sa mhux aktar tard minn 15-il jum minn meta tasal id-dokumentazzjoni kollha stipulata fil-punt 6 ta’ hawn fuq għand l-awtoritajiet kompetenti Komorjani lis-sidien tal-bastimenti jew lill-aġenti tagħhom permezz tad-Delegazzjoni tal-UE fil-Mawrizju.

10. Jekk fil-mument tal-iffirmar tal-awtorizzazzjoni tas-sajd, l-uffiċċji tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea jkunu magħluqin, din għandha tintbagħat direttament lill-aġent tal-bastiment flimkien ma’ kopja tagħha lid-Delegazzjoni.

11. L-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tinħareġ għal bastiment speċifiku u mhijiex trasferibbli.

12. Madankollu, fuq talba tal-Unjoni Ewropea, fil-każ ta’ force majeure , l-awtorizzazzjoni tas-sajd ta’ bastiment għandha tiġi ssostitwita minn awtorizzazzjoni tas-sajd ġdida stabbilita f’isem bastiment ieħor bl-istess karatteristiċi tal-bastiment li ser ikun sostitwit, mingħajr ma titħallas ebda tariffa ġdida.

13. Is-sid tal-bastiment li ser ikun jiġi ssostitwit, jew ir-rappreżentant tiegħu, għandu jibgħat lura l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd imħassra lill-awtoritajiet Komorjani permezz tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

14. L-awtorizzazzjoni tas-sajd il-ġdida għandha tidħol fis-seħħ fl-istess data li sid il-bastiment jirritorna l-awtorizzazzjoni tas-sajd imħassra lill-awtoritajiet kompetenti tal-Komoros. Id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Mawrizju għandha tkun infurmata dwar it-trasferiment tal-awtorizzazzjoni tas-sajd.

15. L-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tinżamm abbord f’kull ħin, mingħajr preġudizzju għal dak li huwa previst fil-Kapitolu VI, il-punt 1, ta’ dan l-Anness.

Taqsima 2 Il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tas-sajd – il-pagamenti u l-ħlasijiet bil-quddiem

1. L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom validità ta’ sena. Dawn jistgħu jiġġeddu.

2. Il-ħlas għandu jkun ta’ EUR 35 għal kull tunnellata maqbuda fl-ilmijiet Komorjani.

3. L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom jingħataw meta dawn l-ammonti jkunu tħallsu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti:

- EUR 3 700 fis-sena għal kull bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartarun, li huma ekwivalenti għall-ħlas dovut għal 106 tunnellata ta’ speċijiet ta’ tonn maqbuda kull sena;

- EUR 2 200 fis-sena għal kull bastiment tas-sajd bil-konz tal-wiċċ, li huma ekwivalenti għall-ħlas dovut għal 63 tunnellata ta’ speċijiet ta’ tonn maqbuda kull sena;

4. Il-fattura finali tal-ammonti dovuti skont il-vjaġġ hija deċiża mill-Kummissjoni Ewropea sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara, abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-qbid magħmula minn kull sid ta’ bastiment u kkonfermati mill-istituti xjentifiċi kompetenti biex jivverifikaw l-informazzjoni dwar il-qbid fl-Istati Membri, bħalma huma l-IRD (Institut de Recherche pour le Développement), l-IEO (Instituto Español de Oceanografia), u l-IPIMAR (Instituto Português de Investigação Marítima).

5. Dan il-kalkolu għandu jiġi kkomunikat fl-istess waqt lill-awtorità kompetenti tal-Komoros u lis-sidien tal-bastimenti.

6. Kull ħlas addizzjonali għandu jsir mis-sidien tal-bastiment lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti Komorjani sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Awwissu tas-sena ta’ wara, fil-kont imsemmi fil-paragrafu 7 tat-Taqsima 1 ta’ dan il-Kapitolu.

7. Madanakollu, jekk it-tnaqqis finali jkun inqas mis-somma mħallsa bil-quddiem skont il-punt 3 tat-Taqsima preżenti, l-ammont residwu korrispondenti ma jistax jiġi rkuprat minn sid il-bastiment.

Taqsima 3 Il-bastimenti ta’ appoġġ

1. Il-bastimenti ta’ appoġġ għandhom ikunu awtorizzati skont id-dispożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni Komorjana.

2. Ma għandu jintalab l-ebda ħlas għall-awtorizzazzjonijiet maħruġa lill-bastimenti ta’ appoġġ. Dawn għandhom itajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ikunu parti minn kumpanija Ewropea.

3. L-awtoritajiet kompetenti Komorjani għandhom jibagħtu regolarment il-lista ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet lill-Kummissjoni permezz tad-Delegazzjoni tal-UE fil-Mawrizju.

KAPITOLU II – Iż-żONI TAS-SAJD

Biex ma ssirx ħsara lis-sajd artiġjanali fl-ilmijiet Komorjani, il-bastimenti tal-Unjoni Ewropea mhumiex awtorizzati li jistadu ’il ġewwa minn 10 mili nawtiċi madwar kull gżira, lanqas f’raġġ ta’ 3 mili nawtiċi madwar kwalunkwe rkaptu fiss (ankrat) biex jinġema’ l-ħut imqiegħed mill-Ministeru responsabbli għas-sajd fil-Komoros u li l-pożizzjoni tiegħu tkun ġiet innotifikata lir-rappreżentant tal-Unjoni Ewropea fil-Mawrizju.

Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu riveduti mill-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 9 tal-Ftehim.

KAPITOLU III – IL-MONITORAġġ U S-SORVELJANZA

Taqsima I Is-sistema tar-reġistrazzjoni tal-qbid

1. Il-bastimenti kollha li huma awtorizzati jistadu fl-ilmijiet Komorjani skont il-Ftehim huma meħtieġa jibagħtu notifika dwar il-qabdiet tagħhom lill-Ministeru responsabbli għas-sajd tal-Komoros, skont kif ġej:

1.1. Il-bastimenti Ewropej awtorizzati sabiex jistadu fl-ilmijiet Komorjani għandhom jimlew kuljum il-ġurnal ta’ abbord tal-IOTC għas-sajd għat-tonn (l-Appendiċijiet 2 u 3) għal kull vjaġġ li jsir fl-ilmijiet Komorjani. Il-ġurnal ta’ abbord għandu jimtela xorta waħda anki jekk ma jsirux qabdiet.

1.2 Il-kopji tal-ġurnal ta’ abbord tal-IOTC għas-sajd għat-tonn għandhom jintbagħtu wkoll lill-istituti xjentifiċi indikati fil-Kapitolu I, it-Taqsima 2, il-punt 4.

2. Għall-perjodi meta l-bastiment ma jkunx fl-ilmijiet Komorjani, jeħtieġ li fil-ġurnal ta’ abbord jitniżżel il-kliem “Barra ż-żoni tas-sajd Komorjani”.

3. Il-formoli għandhom jimtlew b’mod li jinqara faċilment u għandhom ikunu ffirmati mill-kaptan tal-bastiment.

4. F’każ li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu ma jiġux rispettati, il-gvern tal-Komoros jirriżerva d-dritt li jissospendi l-awtorizzazzjoni tas-sajd tal-bastiment li jkun wettaq in-nuqqas sakemm jitwettqu l-formalitajiet u tiġi applikata is-sanzjoni stabbilita fir-regolamenti attwali fil-Komoros fuq sid il-bastiment. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi infurmata b’dan.

5. Id-dikjarazzjonijiet għandhom jinkludu l-qabdiet li jkunu saru mill-bastiment waqt kull vjaġġ. Dawn għandhom ikunu notifikati lill-Ministeru responsabbli għas-sajd tal-Komoros permezz tal-posta elettronika flimkien ma’ kopja lill-Kummissjoni Ewropea, fi tmiem kull vjaġġ u, fi kwalunkwe każ, qabel ma l-bastiment iħalli l-ilmijiet Komorjani. L-irċevuti għandhom jintbagħtu elettronikament mingħajr dewmien lill-bastiment minn kull destinatarju b’kopja reċiproka.

6. L-oriġinali tad-dikjarazzjonijiet mibgħuta b’mezz elettroniku matul il-perjodu annwali ta’ validità tal-liċenzja fis-sens tal-Kapitolu I, it-Taqsima 2, il-punt 1 ta’ dan l-Anness għandhom jintbagħtu lill-Ministeru responsabbli għas-sajd tal-Komoros fi żmien 45 jum minn tmiem l-aħħar vjaġġ f’dak il-perjodu. Kopji fuq karta għandhom jintbagħtu fl-istess waqt lill-Kummissjoni Ewropea.

7. Iż-żewġ Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz sabiex idaħħlu sistema għad-dikjarazzjoni tal-qbid imsejsa esklużivament fuq l-iskambju elettroniku tal-informazzjoni kollha: għalhekk iż-żewġ Partijiet għandhom jaħsbu għas-sostituzzjoni rapida tad-dikjarazzjoni tal-qbid bil-miktub permezz ta’ verżjoni f’forma elettronika.

8. Ladarba s-sistema ta’ dikjarazzjoni elettronika tal-qbid tiġi implimentata u f’każ li din ikollha ħsara teknika, id-dikjarazzjonijiet tal-qbid għandhom isiru b’mod konformi mal-paragrafi 5 u 6 hawn fuq u dan sakemm is-sistema tkun stabbilita mill-ġdid.

Taqsima 2 Il-komunikazzjoni tal-qbid: id-dħul fl-ilmijiet Komorjani u l-ħruġ minnhom

1. It-tul ta’ vjaġġ ta’ bastiment tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet ta’ dan l-Anness huwa definit kif ġej:

- jew il-perjodu li jgħaddi bejn id-dħul fl-ilmijiet Komorjani u l-ħruġ minnhom;

- jew il-perjodu li jgħaddi bejn id-dħul fl-ilmijiet Komorjani u t-trażbord;

- jew il-perjodu li jgħaddi bejn id-dħul fl-ilmijiet Komorjani u l-ħatt l-art tal-qabdiet fil-Komoros.

2. Il-bastimenti Ewropej għandhom jinnotifikaw, ta’ mill-inqas 3 sigħat bil-quddiem, lill-awtoritajiet Komorjani responsabbli mill-kontroll tas-sajd dwar l-intenzjoni tagħhom li jidħlu fl-ilmijiet Komorjani jew li joħorġu minnhom.

3. Meta jinnotifika d-dħul u/jew il-ħruġ, kull bastiment għandu jikkomunika wkoll il-pożizzjoni tiegħu u l-volum u l-ispeċijiet tal-qabdiet li jkollu abbord. Dawn il-komunikazzjonijiet għandhom isiru preferibbilment b’mezz elettroniku skont il-mudell li jinsab fl-Appendiċi 4, jew inkella b’feks, b’notifika tal-wasla lill-bastimenti. F’każ ta’ ħsara, dawn il-komunikazzjonijiet għandhom isiru bir-radju.

4. Bastiment li jinqabad jistad mingħajr ma jkun avża lill-awtorità kompetenti tal-Komoros jitqies bħala bastiment mingħajr awtorizzazzjoni tas-sajd.

5. L-indirizz tal-posta elettronika, in-numri tal-feks u tat-telefown kif ukoll il-koordinati tar-radju għandhom jingħataw ukoll meta tinħareġ l-awtorizzazzjoni tas-sajd.

Taqsima 3 It-trażbord u l-ħatt l-art

1. Il-bastimenti Ewropej kollha li jixtiequ jittrażbordaw jew iħottu l-art il-qabdiet fl-ilmijiet Komorjani għandhom jagħmlu dan fil-portijiet tal-Komoros.

1.1 Is-sidien ta’ dawn il-bastimenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Komoros, mill-inqas 24 siegħa minn qabel:

- l-ismijiet tal-bastimenti tas-sajd involuti fit-trażbord jew fil-ħatt l-art;

- l-isem tal-bastimenti ta’ merkanzija;

- it-tunnellaġġ, għal kull speċi, li jkun se jiġi ttrażbordat jew li se jinħatt l-art;

- il-jum tat-trażbord jew tal-ħatt l-art;

- min ser jirċievi l-qabdiet li se jinħattu l-art.

2. It-trażbord u l-ħatt l-art huma meqjusa bħala ħruġ mill-ilmijiet Komorjani. Il-bastimenti għalhekk għandhom jagħtu d-dikjarazzjonijiet tal-qbid lill-awtoritajiet kompetenti Komorjani u jinnotifikaw l-intenzjoni tagħhom, jiġifieri jew li jkomplu jistadu jew li joħorġu mill-ilmijiet Komorjani.

3. Kwalunkwe trażbord jew ħatt l-art ta’ qabdiet mhux kopert fil-punti hawn fuq huwa pprojbit fl-ilmijiet Komorjani. Kwalunkwe persuna li tikser din id-dispożizzjoni għandha tkun suġġetta għas-sanzjonijiet previsti fir-regolamenti attwali tal-Komoros.

Taqsima 4 Il-monitoraġġ bis-satellita

Il-bastimenti Ewropej għandhom ikunu mmonitorjati, fost oħrajn, permezz tas-sistema ta’ monitoraġġ bis-satellita, mingħajr distinzjoni, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

1. Għall-finijiet tal-monitoraġġ bis-satellita, il-pożizzjonijiet ġeografiċi tal-limiti taż-żona tas-sajd Komorjana għandhom ikunu ġew ikkomunikati lir-rappreżentanti jew l-aġenti tas-sidien tal-bastimenti kif ukoll liċ-Ċentri ta’ Monitoraġġ tal-Istati tar-reġistrazzjoni.

2. Il-Partijiet għandhom jagħmlu skambju ta’ informazzjoni li tikkonċerna l-indirizzi https u l-ispeċifikazzjonijiet utilizzati fil-komunikazzjonijiet elettroniċi ta’ bejn iċ-Ċentri ta’ Monitoraġġ tagħhom b’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 4 u 6. Din l-informazzjoni għandha tinkludi, sa fejn ikun possibbli, l-ismijiet, in-numri tat-telefon, tat-teleks u tal-feks u l-indirizzi elettroniċi li jistgħu jkunu utli għall-komunikazzjonijiet ġenerali bejn iċ-Ċentri ta’ Monitoraġġ.

3. Il-pożizzjoni tal-bastimenti għandha tkun determinata b’marġini ta’ żball inferjuri għal 500 m u b’intervall ta’ kunfidenza ta’ 99 %.

4. Meta bastiment li jkun qed jistad taħt il-Ftehim bejn l-UE u l-Komoros u li jkun suġġett għall-monitoraġġ bis-satellita fit-termini tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea jidħol mill-ġdid fiż-żona tas-sajd tal-Komoros, ir-rapporti tal-pożizzjoni sussegwenti għandhom jiġu kkomunikati immedjatament miċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tal-Istat tar-reġistrazzjoni liċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tas-Sajd tal-Komoros (CNCSP), b’intervalli massimi ta’ sagħtejn (2). Dawn il-messaġġi għandhom jiġu identifikati bħala Rapporti tal-Pożizzjoni.

4.1. Il-frekwenza tat-trażmissjonijiet tista’ tinbidel fuq bażi ta’ massimu ta’ 30 minuta meta provi serji juru li l-bastiment ikun qed jikser xi regola;

4.2 Is-CNCSP għandu jissottometti dawn l-elementi ta’ prova liċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tal-Istat tar-reġistrazzjoni kif ukoll lill-Kummissjoni Ewropea. It-talba għall-bidla tal-frekwenza għandha tkun mehmuża magħhom. Iċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tal-Istat tar-reġistrazzjoni mbagħad għandu jibgħat id-dejta lis-CNCSP tal-Komoros, dak il-ħin stess, minnufih wara li jkun irċieva t-talba;

4.3 Is-CNCSP tal-Komoros għandu jinnotifika minnufih tmiem il-proċedura ta’ spezzjoni liċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tal-Istat tar-reġistrazzjoni u lill-Kummissjoni Ewropea;

4.4 Iċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tal-Istat tar-reġistrazzjoni u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ikunu infurmati dwar is-segwitu ta’ kwalunkwe proċedura ta’ spezzjoni bbażata fuq din it-talba speċjali.

5. Il-messaġġi msemmija fil-punt 4 għandhom ikunu trażmessi b’mod elettroniku fil-format https, mingħajr ebda protokoll ieħor. Dawn il-messaġġi għandhom isiru dak il-ħin stess, skont il-format tat-tabella fl-Appendiċi 4.

5.1 Il-bastimenti ma jistgħux jitfu l-apparat għal-lokalizzazzjoni permezz tas-satellita meta jkunu qegħdin joperaw fl-ilmijiet Komorjani.

6. F’każ li l-apparat għal-lokalizzazzjoni permezz tas-satellita permanenti installat abbord tal-bastiment tas-sajd iġarrab xi ħsara teknika jew mekkanika, il-kaptan ta’ dan il-bastiment għandu jittrażmetti kemm jista’ jkun malajr l-informazzjoni stipulata fil-punt 4 liċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tal-Istat tar-reġistrazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun jeħtieġ li jintbagħat Rapport tal-Pożizzjoni kull 4 sigħat, sakemm il-bastiment idum fl-ilmijiet Komorjani.

6.1 Dan ir-rapport tal-pożizzjoni globali għandu jinkludi l-pożizzjonijiet orarji kif irreġistrati mill-kaptan ta’ dan il-bastiment f’dawn l-4 sigħat.

6.2 Iċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tal-Istat tar-reġistrazzjoni jew il-bastiment innifsu għandu jittrasferixxi dawn il-messaġġi lis-CNCSP tal-Komoros mingħajr dewmien.

6.3 F’każ ta’ ħtieġa jew dubju l-awtoritajiet Komorjani kompetenti jistgħu jitolbu aktar informazzjoni dwar bastiment partikolari liċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tal-Istat tar-reġistrazzjoni.

7. It-tagħmir difettuż għandu jissewwa jew jiġi ssostitwit malli l-bastiment itemm is-sajda tiegħu u, fi kwalunkwe każ, fi żmien massimu ta’ xahar. Jekk jiskadi dan iż-żmien, dan il-bastiment ma jkunx jista’ jagħmel sajda oħra qabel ma jissewwa jew jiġi ssostitwit l-apparat.

8. Il-ħardwer u s-softwer tas-sistema għal-lokalizzazzjoni permezz tas-satellita ma għandhomx ikunu falsifikabbli, jiġifieri ma għandhomx jippermettu l-introduzzjoni jew it-tneħħija ta’ pożizzjonijiet foloz jew li jiġu mmanipulati. Is-sistema għandha tkun kompletament awtomatika u mixgħula f’kull ħin mingħajr kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet ambjentali. Huwa pprojbit li wieħed jeqred, jagħmel ħsara, jwaqqaf milli taħdem jew jinterferixxi mas-sistema għal-lokalizzazzjoni permezz tas-satellita.

8.1 Il-kaptan tal-bastiment għandu jassigura b’mod partikolari li:

- l-informazzjoni ma tiġi mibdula bl-ebda mod;

- l-antenna jew l-antenni mqabbda mal-apparat għal-lokalizzazzjoni permezz tas-satellita mhuma ostakolati bl-ebda mod;

- il-provvista tal-elettriku tal-apparat għal-lokalizzazzjoni permezz tas-satellita ma tkunx interrotta;

- l-apparat għal-lokalizzazzjoni tal-bastimenti ma jitneħħiex mill-bastiment jew mill-post fejn kien oriġinarjament installat;

- kwalunkwe sostituzzjoni tal-apparat għal-lokalizzazzjoni tal-bastimenti permezz tas-satellita għandha tkun innotifikata minnufih lill-awtoritajiet Komorjani kompetenti.

8.2 Il-kaptan jista’ jinżamm responsabbli taħt il-liġijiet u r-regolamenti tal-Komoros għal kwalunkwe ksur tal-obbligi msemmija hawn fuq, kemm-il darba l-bastiment ikun qed jopera fl-ilmijiet tal-Komoros.

9. Iċ-Ċentri ta’ Monitoraġġ tal-Istati tar-reġistrazzjoni għandhom jimmonitorjaw iċ-ċaqliq tal-bastimenti tagħhom fl-ilmijiet Komorjani. F’każ li l-monitoraġġ tal-bastimenti ma jsirx skont il-kundizzjonijiet previsti, is-CNCSP għandu jiġi infurmat minnufih dwar dan u l-proċedura prevista fil-punt 6 tkun applikabbli.

10. Iċ-Ċentri ta’ Monitoraġġ tal-Istati tar-reġistrazzjoni u s-CNCSP tal-Komoros għandhom jikkooperaw sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Jekk is-CNCSP jistabbilixxi li Stat tar-reġistrazzjoni ma jittrażmettix informazzjoni skont il-punt 4, il-Parti l-oħra għandha tkun infurmata minnufih. Kif tirċievi din in-notifika, din il-Parti għandha twieġeb fi żmien 24 siegħa billi tinforma lis-CNCSP dwar ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ trażmissjoni u tindika żmien raġonevoli li fih tkun sejra tikkonforma ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità fiż-żmien preskritt, iż-żewġ Partijiet għandhom isolvu t-tilwima bil-miktub jew kif meħtieġ fil-punt 14 hawn taħt.

11. Id-dejta tas-sorveljanza kkomunikata lill-Parti l-oħra, b’konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandha tkun destinata esklużivament għall-monitoraġġ u s-sorveljanza mill-awtoritajiet Komorjani tal-flotta tal-Unjoni Ewropea li tkun qiegħda tistad skont il-Ftehim tas-Sajd bejn l-UE u l-Komoros. Din l-informazzjoni bl-ebda mod ma tista’ tiġi kkomunikata lil xi terza persuna.

12. Il-Partijiet jaqblu li, fuq talba, isir skambju tal-informazzjoni rigward l-apparat għal-lokalizzazzjoni permezz tas-satellita użat, sabiex ikun verifikat li kull apparat huwa kompatibbli bis-sħiħ mal-eżiġenzi tal-Parti l-oħra għall-finijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

13. Il-Partijiet għandhom jaqblu li jirrevedu dawn id-dispożizzjonijiet meta dan ikun meħtieġ, l-aktar f’każ ta’ ħsara jew difetti relatati mal-bastiment. Dawn il-każijiet għandhom ikunu notifikati mill-awtorità Komorjana kompetenti lill-Istat tar-reġistrazzjoni mill-inqas 15-il jum qabel il-laqgħa ta’ reviżjoni.

14. Kull tilwima li tirrigwarda l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija suġġetta għal konsultazzjoni bejn il-Partijiet fi ħdan il-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros.

KAPITOLU IV – L-IMBARK TAL-BAħRIN

1. Kull bastiment tal-Unjoni Ewropea għandu, bi spejjeż tiegħu, itella’ abbord mill-inqas baħri wieħed (1) Komorjan ikkwalifikat waqt attività fl-ilmijiet Komorjani.

2. Is-sidien għandhom jagħmlu ħilithom sabiex itellgħu abbord aktar baħrin tal-AKP.

3. Is-sidien jistgħu jagħżlu liberament il-baħrin li jridu jtellgħu abbord il-bastiment tagħhom fost dawk magħżula f’lista ppreżentata mill-awtorità kompetenti tal-Komoros.

4. Is-sid jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jikkomunika l-ismijiet tal-baħrin lokali mtellgħin abbord il-bastiment ikkonċernat lill-awtorità kompetenti tal-Komoros, b’referenza għall-pożizzjoni tagħhom fl-ekwipaġġ.

5. Id-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) għandha tapplika bis-sħiħ għall-baħrin li jittellgħu abbord fuq bastimenti tas-sajd tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari din tirrigwarda d-dritt ta’ assoċjazzjoni u tal-għarfien effettiv tad-dritt għan-negozjar kollettiv tal-ħaddiema u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjiegi u tax-xogħol.

6. Il-kuntratti tax-xogħol tal-baħrin, li kopja tagħhom għandha tingħata lill-firmatarji, għandhom isiru bejn ir-rappreżentant(i) tas-sidien u l-baħrin u/jew it-trejdjunjins tagħhom jew ir-rappreżentanti tagħhom flimkien mal-awtorità kompetenti tal-Komoros. Dawn il-kuntratti għandhom jiggarantixxu lill-baħrin il-benefiċċju ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali applikabbli għalihom, li tinkludi assigurazzjoni f’każ ta’ mewt, mard u f'każ ta' inċident.

7. Is-salarju tal-baħrin AKP għandu jitħallas mis-sidien tal-bastimenti. Dan għandu jiġi stabbilit, bi qbil komuni bejn is-sidien jew ir-rappreżentanti tagħhom u l-baħrin u/jew il-junjins jew ir-rappreżentanti tagħhom. Madankollu, il-kundizzjonijiet tar-remunerazzjoni tal-baħrin AKP ma għandhomx ikunu inferjuri għal dawk applikabbli għall-ekwipaġġi tal-pajjiżi rispettivi tagħhom u fi kwalunkwe każ mhux inqas mill-istandards tal-ILO.

8. Kull baħri impjegat mill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea għandu jirrapporta lill-kaptan tal-bastiment indikat lejliet id-data proposta għall-imbark tiegħu. Jekk il-baħri ma jirrappurtax fid-data u l-ħin previsti għall-imbark, sid il-bastiment awtomatikament jinħall mill-obbligu li jtella’ lil dan il-baħri abbord.

9. Fil-każ li l-baħrin lokali ma jittellgħux abbord għal raġunijiet oħrajn apparti dawk stipulati fil-punt preċedenti, is-sidien tal-bastimenti kkonċernati huma obbligati jħallsu somma totali ta’ EUR 20, għal kull jum ta’ sajd fl-ilmijiet Komorjani għal kull jum u għal kull bastiment. Il-ħlas ta’ din is-somma għandu jseħħ sa mhux aktar tard mil-limiti stabbiliti fil-Kapitolu I, it-Taqsima 2, il-punt 6 ta’ dan l-Anness.

10. Din is-somma għandha tintuża għat-taħriġ ta’ baħrin-sajjieda lokali u għandha tiġi ddepożitata fil-kont indikat mill-awtoritajiet Komorjani.

KAPITOLU V – L-OSSERVATURI

1. Il-bastimenti awtorizzati li jistadu fl-ilmijiet Komorjani taħt il-Ftehim għandhom itellgħu abbord osservaturi maħtura mill-awtoritajiet Komorjani responsabbli għas-sajd taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin.

1.1 Fuq talba tal-Ministeru responsabbli għas-sajd fil-Komoros, il-bastimenti tas-sajd għat-tonn għandhom itellgħu abbord osservatur maħtur mill-Ministeru, li l-kompitu tiegħu jkun li jivverifika l-qabdiet li jsiru fl-ilmijiet Komorjani.

1.2 L-awtorità kompetenti tal-Komoros għandha tistabbilixxi lista tal-bastimenti magħżula biex fuqhom jittella’ osservatur, kif ukoll il-lista tal-osservaturi maħtura sabiex jitilgħu abbord. Dawn il-listi għandhom jinżammu aġġornati. Dawn għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni Ewropea hekk kif jiġu mfassla u wara kull tliet xhur fir-rigward tal-aġġornament possibbli tagħhom.

1.3 L-awtorità kompetenti tal-Komoros għandha tikkomunika lis-sidien ikkonċernati jew lir-rappreżentanti tagħhom l-isem tal-osservatur maħtur sabiex jitla’ abbord il-bastiment mal-ħruġ tal-liċenzja, jew sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel id-data prevista tal-imbark tal-osservatur.

2. L-osservatur għandu jibqa’ abbord matul vjaġġ wieħed. Madankollu, fuq talba espliċita tal-awtoritajiet kompetenti Komorjani, dan l-imbark jista’ jiġi estiż għal diversi vjaġġi skont it-tul medju tal-vjaġġi previsti għal bastiment partikolari. Din it-talba għandha ssir mill-awtoritajiet kompetenti Komorjani meta jiġi kkomunikat l-isem tal-osservatur maħtur sabiex jitla’ abbord il-bastiment ikkonċernat.

3. Il-kundizzjonijiet tal-imbark tal-osservatur huma definiti bi ftehim komuni bejn sid il-bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu u l-awtoritajiet Komorjani.

4. L-imbark tal-osservatur għandu jsir fil-port magħżul minn sid il-bastiment u għandu jsir fil-bidu tal-ewwel vjaġġ fl-ilmijiet Komorjani wara n-notifika tal-lista tal-bastimenti magħżula.

5. Is-sidien ikkonċernati għandhom jikkomunikaw fi żmien ġimagħtejn u b’avviż bil-quddiem ta’ għaxart ijiem id-dati u l-portijiet tal-Komoros previsti għall-imbark tal-osservaturi.

6. F’każ li l-osservatur jittella’ abbord f’pajjiż barrani, l-ispejjeż tal-vjaġġ tal-osservatur jitħallsu minn sid il-bastiment. Jekk bastiment li jkollu abbord osservatur Komorjan joħroġ mill-ilmijiet Komorjani, għandha tittieħed kull miżura sabiex l-osservatur jittieħed lura pajjiżu malajr kemm jista’ jkun, bi spejjeż għal sid il-bastiment.

7. F’każ li l-osservatur ma jippreżentax ruħu fil-post u fil-ħin miftiehma u sa tnax-il siegħa wara, sid il-bastiment jinħall awtomatikament mill-obbligu tiegħu li jtella’ abbord lil dan l-osservatur.

8. L-osservatur għandu jiġi ttrattat abbord bħala uffiċjal. Huwa għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

8.1 josserva l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti;

8.2 jivverifika l-pożizzjoni tal-bastimenti involuti fl-attivitajiet tas-sajd;

8.3 jieħu nota tal-irkaptu tas-sajd użat;

8.4 jivverifika l-informazzjoni li tkun fil-ġurnal ta’ abbord dwar il-qabdiet li jkunu saru fl-ilmijiet Komorjani;

8.5 jivverifika l-persentaġġi tal-qabdiet inċidentali u jagħmel stima tal-volum ta’ rimi tal-ispeċijiet ta’ ħut, krustaċji u ċefalopodi li jistgħu jinbiegħu;

8.6 jikkomunika bir-radju l-informazzjoni tas-sajd inkluż il-volum abbord tal-qabdiet prinċipali u inċidentali.

9. Il-kaptan għandu jagħmel dak kollu fir-responsabbiltà tiegħu sabiex jassigura s-sigurtà fiżika u mentali tal-osservatur fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu.

10 L-osservatur għandu jingħata l-faċilitajiet kollha meħtieġa sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu. Il-kaptan għandu jagħtih aċċess għall-mezzi ta’ komunikazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, għad-dokumenti marbuta direttament mal-attivitajiet ta’ sajd tal-bastimenti, inkluż b’mod partikolari l-ġurnal ta’ abbord u l-ktieb tan-navigazzjoni, kif ukoll għall-partijiet tal-bastiment neċessarji biex jiġi ffaċilitat it-twettiq tax-xogħol tiegħu.

11. Matul iż-żjara tiegħu abbord, l-osservatur:

11.1 għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex il-kundizzjonijiet tal-imbark tiegħu, kif ukoll il-preżenza tiegħu fuq il-bastiment, la jinterrompu u lanqas itellfu x-xogħol tas-sajd,

11.2 jirrispetta l-proprjetà u t-tagħmir li jinstabu fuq il-bastiment, kif ukoll il-kunfidenzjalità ta’ kull dokument tal-imsemmi bastiment.

12. Fit-tmiem il-perjodu tal-osservazzjoni u qabel ma jitlaq minn fuq il-bastiment, l-osservatur għandu jagħmel rapport dwar l-attivitajiet li għandu jintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti Komorjani b’kopja lill-Kummissjoni Ewropea. Huwa għandu jiffirmah fil-preżenza tal-kaptan li jista’ jżid jew jitlob li jiżdiedu l-osservazzjonijiet kollha li huwa jqis li huma utli u jiffirma taħthom. Kopja tar-rapport għandha tingħata lill-kaptan mal-iżbark tal-osservatur xjentifiku.

13. Sid il-bastiment għandu jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tal-ikel tal-osservaturi taħt il-kundizzjonijiet mogħtija lill-uffiċjali, skont il-possibbiltajiet tal-bastiment.

14. Is-salarju u l-ispejjeż soċjali tal-osservatur jitħallsu mill-awtoritajiet kompetenti Komorjani.

KAPITOLU VI – IL-KONTROLL

Il-bastimenti tas-sajd Ewropej għandhom jirrispettaw il-miżuri u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni tat-Tonn fl-Oċean Indjan (IOTC) f’dak li jirrigwarda l-irkaptu tas-sajd, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom u kwalunkwe miżura oħra applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd tagħhom.

1. Il-lista tal-bastimenti

1.1 L-Unjoni Ewropea għandha żżomm lista aġġornata tal-bastimenti li tkun inħarġitilhom awtorizzazzjoni tas-sajd skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll. Din il-lista għandha tkun notifikata lill-awtoritajiet Komorjani responsabbli għall-kontroll tas-sajd, malli tkun lesta u mbagħad kull darba li tiġi aġġornata.

1.2 Il-bastimenti tal-Unjoni Ewropea jistgħu jinkitbu fuq il-lista msemmija fil-punt preċedenti hekk kif tasal in-notifika dwar il-ħlas bil-quddiem imsemmi fil-Kapitolu I, it-Taqsima 2, il-punt 3 ta’ dan l-Anness. F’dan il-każ, kopja ta’ din il-lista tista’ tinkiseb mis-sid tal-bastiment u tinżamm minflok l-awtorizzazzjoni tas-sajd sakemm tinħareġ din tal-aħħar.

2. Il-proċeduri ta’ kontroll

2.1 Il-kaptani tal-bastimenti tal-Unjoni Ewropea involuti f’attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet Komorjani, għandhom jippermettu u jiffaċilitaw l-imbark u t-twettiq tad-dmirijiet ta’ kull uffiċjal Komorjan responsabbli mill-ispezzjoni u mill-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd.

2.2. Il-preżenza abbord ta’ dawn l-uffiċjali ma għandhiex taqbeż iż-żmien meħtieġ għat-twettiq tal-kompitu tagħhom.

2.3. Wara kull spezzjoni u kontroll fil-port, kopja tar-rapport tal-ispezzjoni għandha tingħata lill-kaptan tal-bastiment.

2.4. Biex jiġu ffaċilitati proċeduri ta’ spezzjoni siguri u dan mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni Komorjana, l-imbark u l-ispezzjoni għandhom isiru b’mod li l-pjattaformi ta’ spezzjoni u l-ispetturi jiġu identifikati bħala uffiċjali awtorizzati mill-Komoros.

2.5 Il-kaptani tal-bastimenti Ewropej involuti f’attivitajiet tal-ħatt l-art jew tat-trażbord f’port Komorjan għandhom jippermettu u jiffaċilitaw il-kontroll ta’ dawn l-attivitajiet mill-ispetturi Komorjani.

KAPITOLU VII – IT-TLUGĦ ABBORD U L-ISPEZZJONI

1. It-tlugħ abbord u l-ispezzjoni

1.1 L-awtoritajiet kompetenti Komorjani għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istat tar-reġistrazzjoni, fi żmien massimu ta’ 24 siegħa ta’ xogħol b’kull tlugħ abbord u spezzjoni u b’kull applikazzjoni ta’ sanzjonijiet għal bastiment Ewropew, li jkunu seħħew fl-ilmijiet Komorjani.

1.2 Il-Kummissjoni Ewropea għandha tirċievi fl-istess waqt rapport qasir dwar iċ-ċirkustanzi u r-raġunijiet li jkunu wasslu għal dan it-tlugħ abbord u spezzjoni.

2. Id-dikjarazzjoni tat-tlugħ abbord u l-ispezzjoni

2.1 Il-kaptan tal-bastiment, wara li jinkiteb ir-rapport mill-awtorità kompetenti tal-Komoros, għandu jiffirma dan id-dokument.

2.2 Din il-firma ma għandhiex tippreġudika d-drittijiet u l-mezzi ta’ difiża li l-kaptan jista’ jinvoka f’każ ta’ ksur li bih jiġi akkużat.

2.3 Il-kaptan għandu jdaħħal il-bastiment tiegħu fil-port indikat mill-awtoritajiet Komorjani. F’każ ta’ ksur minuri, l-awtorità kompetenti tal-Komoros tista’ tawtorizza lill-bastiment spezzjonat sabiex ikompli bl-attivitajiet tas-sajd tiegħu.

3. Il-laqgħa ta’ konsultazzjoni f’każ ta’ spezzjoni

3.1 Qabel ma tiġi kkunsidrata kwalunkwe miżura fil-konfront tal-kaptan jew l-ekwipaġġ tal-bastiment jew kwalunkwe azzjoni kontra t-tagħbija u l-apparat tal-bastiment, għajr dawk maħsuba għall-konservazzjoni tal-provi li jirrigwardaw il-ksur allegat, għandha ssir laqgħa ta’ konsultazzjoni, fi żmien jum ta’ xogħol wara li tasal l-informazzjoni msemmija qabel, bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti Komorjani, bil-parteċipazzjoni possibbli ta’ rappreżentant tal-Istat Membru kkonċernat.

3.2 Waqt din il-laqgħa, il-Partijiet għandhom jiskambjaw bejniethom kwalunkwe dokument jew informazzjoni utli li tista’ tgħin sabiex tiċċara ċ-ċirkustanzi tal-fatti misjuba. Sid il-bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jiġi infurmat dwar l-eżitu ta’ din il-laqgħa kif ukoll dwar kwalunkwe miżura li tista’ tirriżulta mill-ispezzjoni.

4. Regolazzjoni tal-ispezzjoni

4.1 Qabel kull proċedura legali, il-ksur allegat għandu jiġi rregolat permezz ta’ soluzzjoni bonarja. Din il-proċedura għandha tintemm sa mhux aktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara l-ispezzjoni.

4.2 F’każ ta’ proċedura bonarja, it-total tal-multa applikata għandu jiġi ddeterminat skont ir-regolamenti Komorjani. Dan l-ammont għandu jiġi rreġistrat, iffirmat u mibgħut lill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll lill-Istat tar-reġistrazzjoni.

4.3 F’każ li l-kwistjoni ma tkunx tista’ tiġi solvuta bonarjament, u din titressaq quddiem awtorità ġudizzjarja kompetenti, sid il-bastiment għandu jiddepożita garanzija bankarja, iffissata skont l-ispejjeż tal-ispezzjoni kif ukoll l-ammont tal-multi u tat-tiswijiet li għandhom ikunu imposti fuq il-persuni responsabbli għall-ksur, fil-bank magħżul mill-awtoritajiet kompetenti Komorjani.

4.4 Il-garanzija bankarja għandha tkun irrevokabbli qabel ma tintemm il-proċedura ġudizzjarja. Din tiġi rilaxxata wara li tintemm il-proċedura mingħajr kundanna. Ukoll, fil-każ ta’ kundanna li twassal għal multa aktar baxxa mill-garanzija bankarja depożitata, il-bilanċ li jifdal għandu jiġi rilaxxat mill-awtoritajiet kompetenti Komorjani.

4.5 Il-bastiment għandu jinħeles u l-ekwipaġġ tiegħu jitħalla jitlaq mill-port:

- meta jitwettqu l-obbligi miftehma fil-proċedura bonarja;

- wara d-depożitu tal-garanzija bankarja msemmija fil-punt 4.3. aktar ’il fuq u li din tiġi aċċettata mill-awtoritajiet kompetenti Komorjani, sakemm tintemm il-proċedura ġudizzjarja.

Appendiċijiet

1. Formola għat-talba għall-awtorizzazzjoni tas-sajd

2. Ġurnal ta’ abbord tal-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun

3. Ġurnal ta’ abbord tal-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ

4. Formola ta’ dikjarazzjoni tad-dħul fiż-żona u l-ħruġ minnha

5. Komunikazzjoni tal-messaġġi VMS lill-Komoros – Rapport tal-pożizzjoni

Appendiċi 1

TALBA GĦALL-AWTORIZZAZZJONI TAS-SAJD GĦAL BASTIMENT TAS-SAJD BARRANI

Isem l-applikant:

………………………………………………………………………………………….

Indirizz tal-applikant:

………………………………………………………………………………………….

Isem u indirizz ta’ min jikri l-bastiment, jekk differenti mill-persuna msemmija:

………………………………………………………………………………………….

Isem u indirizz ta’ rappreżentant (aġent) fil-Komoros:

………………………………………………………………………………………….

Isem tal-bastiment:

………………………………………………………………………………………….

Tip ta’ bastiment:

………………………………………………………………………………………….

Pajjiż ta’ reġistrazzjoni:

…………………………………………………………………………………………..

Port u numru ta’ reġistrazzjoni:

…………………………………………………………………………………………..

Identifikazzjoni esterna tal-bastiment:

…………………………………………………………………………………………..

Kodiċi tar-radju u frekwenza:

…………………………………………………………………………………………..

Tul tal-bastiment:

…………………………………………………………………………………………..

Wisa’ tal-bastiment:

…………………………………………………………………………………………..

Tip u qawwa tal-magna:

…………………………………………………………………………………………..

Tunnellaġġ Gross Irreġistrat tal-bastiment:

…………………………………………………………………………………………..

Tunnellaġġ Nett Irreġistrat tal-bastiment:

…………………………………………………………………………………………..

Numru minimu tal-ekwipaġġ:

…………………………………………………………………………………………..

Tip ta’ sajd prattikat:

…………………………………………………………………………………………..

Speċijiet previsti:

…………………………………………………………………………………………..

Perjodu ta’ validità mitluba:

…………………………………………………………………………………………..

Jiena s-sottoskritt, niċċertifika li l-informazzjoni mogħtija hawn fuq hija korretta

Id-data Firma

Appendiċi 2. MUDELL TAL-FORMOLI TAS-SAJD GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD GĦAT-TONN BIT-TARTARUN

DEPART / SALIDA / DEPARTURE | ARRIVEE / LLEGADA / ARRIVAL | NAVIRE / BARCO / VESSEL | PATRON / PATRON / MASTER | FEUILLE |

PORT / PUERTO / PORT DATE / FECHA / DATE HEURE / HORA / HOUR LOCH / CORREDERA / LOCH | PORT / PUERTO / PORT DATE / FECHA / DATE HEURE / HORA / HOUR LOCH / CORREDERA / LOCH | HOJA / SHEET N° |

Il-bidu tar-reġistrazzjoni | SR | O | Dejta dwar is-sistema – tindika l-bidu tar-reġistrazzjoni |

Id-destinatarju | AD | O | Dejta dwar il-messaġġ – destinatarju. Kodiċi ISO Alfa 3 tal-pajjiż |

Il-mittenti | FS | O | Dejta dwar il-messaġġ – mittenti. Kodiċi ISO Alfa 3 tal-pajjiż |

It-tip ta’ messaġġ | TM | O | Dejta dwar il-messaġġ – Tip ta’ messaġġ “POS” |

Il-kodiċi tar-radju | RC | O | Dejta dwar il-bastiment – kodiċi internazzjonali tar-radju tal-bastiment |

In-numru ta’ referenza interna għall-Parti kontraenti | IR | F | Dejta dwar il-bastiment – numru uniku tal-parti kontraenti (kodiċi ISO-3 tal-Istat tar-reġistrazzjoni segwit minn numru) |

In-numru tar-reġistrazzjoni esterna | XR | F | Dejta dwar il-bastiment – numru li jidher fuq il-ġenb tal-bastiment |

L-Istat tar-reġistrazzjoni | FS | F | Dejta dwar l-Istat tar-reġistrazzjoni |

Il-latitudni | LA | O | Dejta dwar il-pożizzjoni tal-bastiment – pożizzjoni fi gradi u minuti T/N GGMM (WGS -84) |

Il-lonġitudni | LO | O | Dejta dwar il-pożizzjoni tal-bastiment – pożizzjoni fi gradi u minuti L/P GGGMM (WGS-84) |

Id-data | DA | O | Dejta dwar il-pożizzjoni tal-bastiment – data tar-reġistrazzjoni tal-pożizzjoni UTC (SSSSXXJJ) |

Il-ħin | TI | O | Dejta dwar il-pożizzjoni tal-bastiment – ħin tar-reġistrazzjoni tal-pożizzjoni UTC (SSMM) |

It-tmiem tar-reġistrazzjoni | ER | O | Dejta dwar is-sistema – tindika t-tmiem tar-reġistrazzjoni |

Sett ta’ karattri: ISO 8859.1

Kull trażmissjoni ta’ dejta għandha tkun strutturata b’dan il-mod:

- linja mmejla doppja (//) u l-kodiċi “SR” jindikaw il-bidu tat-trażmissjoni,

- linja mmejla doppja (//) u kodiċi jimmarkaw il-bidu ta’ element ta’ dejta,

- linja mmejla waħda (/) tifred il-kodiċi u d-dejta,

- il-gruppi ta’ dejta huma separati bi spazju;

- il-kodiċi “ER” u linja mmejla doppja doppja (//) fl-aħħar jindikaw it-tmiem tar-reġistrazzjoni.

- Id-dejta fakultattiva għandha tiddaħħal bejn il-bidu u t-tmiem tar-reġistrazzjoni.

[1] Id-Deċiżjoni Nru 9180/10 tal-10 ta’ Mejju 2010.

[2] ĠU C , p. .

[3] Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1563/2006 tas-6 ta’ Ottubru 2006, ĠU L 290, 20/10/2006.

Top