Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0518

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2009/028 NL/Limburg Diviżjoni 18 mill-Pajjiżi l-Baxxi)

    /* COM/2010/0518 final */

    52010PC0518

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2009/028 NL/Limburg Diviżjoni 18 mill-Pajjiżi l-Baxxi) /* COM/2010/0518 final */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 1.10.2010

    KUMM(2010) 518 finali

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2009/028 NL/Limburg Diviżjoni 18 mill-Pajjiżi l-Baxxi)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun, u dan apparti mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

    Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-EGF huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

    Fit-30 ta' Diċembru 2009, il-Pajjiżi l-Baxxi ressqu l-applikazzjoni EGF/2009/028 NL/Limburg Diviżjoni 18 għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF wara sensji f'disa' intrapriżi li joperaw fid-Diviżjoni 18 tan-NACE Reviżjoni 2 (l-istampar u r-riproduzzjoni ta' midja rrekordjata)[3] fir-reġjun NUTS II Limburg (NL42) fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    Din l-applikazzjoni hija parti minn pakkett ta' sitt applikazzjonijiet interrelatati, li lkoll jikkonċernaw sensji fi tmien reġjuni differenti tan-NUTS II fil-Pajjiżi l-Baxxi f'intrapriżi li joperaw fis-settur tal-grafika, li l-attivitajiet tagħhom huma kklassifikati taħt żewġ Diviżjonijiet tan-NACE Reviżjoni 2 differenti, li huma d-Diviżjoni 18 (l-istampar u r-riproduzzjoni ta' midja rrekordjata) u d-Diviżjoni 58 (attivitajiet ta' pubblikazzjoni).

    Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament huma ssodisfati.

    TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U ANALIŻI

    Dejta ewlenija:

    Nru ta’ Referenza tal-EGF EGF/2009/028

    Stat Membru Il-Pajjiżi l-Baxxi

    Artikolu 2 (c)

    Intrapriżi kkonċernati 9

    Reġjuni NUTS II Limburg (NL42)

    Diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2 18 (l-istampar u r-riproduzzjoni ta' midja rrekordjata)

    Perjodu ta’ referenza 1/4/2009 sa 29/12/2009

    Data ta' bidu għas-servizzi personalizzati 1/4/2009

    Data tal-applikazzjoni 30/12/2009

    Sensji waqt il-perjodu ta' referenza: 129

    Ħaddiema bla xogħol fil-mira għas-sostenn 129

    Servizzi personalizzati: baġit f'EUR 812 229

    Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF[4]: baġit f'EUR 33 843

    In-nefqa f’% għall-implimentazzjoni tal-EGF 4 %

    Il-baġit totali f'EUR 846 071

    Il-kontribuzzjoni tal-EGF f'EUR (65 %) 549 946

    1. L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni fit-30 ta’ Diċembru 2009 u kienet sostnuta b'tagħrif addizzjonali sas-6 ta’ Mejju 2010.

    2. L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' intervent mill-EGF kif stipulat fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fil-limitu ta' skadenza ta' 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

    Ir-rabta bejn is-sensji u t-tibdiliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

    3. Sabiex jistabbilixxu r-rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, il-Pajjiżi l-Baxxi jargumentaw li l-kriżi ekonomika rriżultat fi tnaqqis sostanzjali fid-domanda għas-settur tal-istampar u l-pubblikazzjoni. L-ordnijiet minn setturi ekonomiċi oħra għal materjal ta' reklamar stampat, li jirrappreżenta 35 % tal-fatturat totali tas-settur tal-istampar u l-pubblikazzjoni, naqsu b'5,6 % bejn l-2008 u l-2009 minħabba t-tnaqqis fil-baġits għall-attivitajiet tal-midja u tar-reklamar kkawżat mill-kriżi ekonomika. L-applikazzjoni ssemmi bosta eżempji. Fl-industrija tal-bini, il-baġit għat-tagħrif u r-reklamar naqas b'36,8 % wara l-bidu tal-kriżi, fis-settur finanzjarju bi 33,3 % u fl-elettronika għall-konsumatur bi 30,6 %. Barra minn hekk, il-kriżi ekonomika affettwat b'mod negattiv id-domanda għal tipi differenti ta' materjal tal-midja stampat: fl-ewwel sitt xhur tal-2009, id-domanda għar-rivisti popolari naqset bi 18,2 %, għall-gazzetti b'7,5 %, għall-gazzetti kummerċjali mqassma bla ħlas b'16,4 % u għar-rivisti professjonali b'16,5 %.

    Dimostrazzjoni tal-għadd ta' sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(c)

    4. Il-Pajjiżi l-Baxxi ressqu din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jipprevedi li, fi swieq żgħar tax-xogħol jew f'ċirkustanzi eċċezzjonali, b'ġustifkazzjoni xierqa mill-Istat Membru kkonċernat, applikazzjoni għal kontribuzzjoni mill-EGF tista' titqies ammissibbli anke jekk il-kriterji ta’ intervent stabbiliti fl-Artikolu 2(a) u 2(b) ma jkunux ġew issodisfati għal kollox, meta s-sensji jkollhom impatt serju fuq l-impjiegi u fuq l-ekonomija lokali. F'dan il-każ l-applikant għandu jispeċifika liema waħda mill-kriterji ta' intervent ma ġietx issodisfata mill-applikazzjoni tiegħu.

    5. Il-Pajjiżi l-Baxxi speċifikaw li l-applikazzjoni qiegħda titlob li tidderoga mill-Artikolu 2(b), fejn il-limitu massimu mitlub huwa mill-anqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess Diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2 f'reġjun wieħed jew żewġ reġjuni kontigwi fil-livell tan-NUTS II fi Stat Membru.

    6. L-applikazzjoni ssemmi 129 sensja f'disa intrapriżi li joperaw fl-istess Diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2 matul il-perjodu ta' referenza ta' disa' xhur mill-1 ta' April 2009 sad-29 ta' Diċembru 2009, li jinsabu kollha fir-reġjun NUTS II Limburg (NL42). Is-sensji kollha ġew ikkalkolati skont it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    7. L-awtoritajiet Olandiżi jargumentaw li din l-applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti għal sottomissjoni skont l-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li jikkwota ċirkostanzi eċċezzjonali: ikopri sensji oħra fl-istess Diviżjoni tan-NACE 2 matul l-istess perjodu ta' referenza ta' dak tas-sensi koperti mill-applikazzjoni EGF/2009/027 NL/Noord Brabant u Zuid Holland Diviżjoni 18 li tressqet mill-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Barra minn hekk, Limburg huwa reġjun kontigwu fil-livell tan-NUTS II ma' Noord Brabant. In-natura eċċezzjonali tal-każ tikkonsisti fit-taħlita ta’ dawn il-fatturi, li flimkien isarrfu f’sitwazzjoni mhux tas-soltu u diffiċli għall-ħaddiema u r-reġjun ikkonċernat.

    8. Skont il-Pajjiżi l-Baxxi, Limburg qiegħed f'sitwazzjoni diffiċli ħafna. Fil-provinċja ta' Limburg, ir-rata tal-qgħad żdiedet minn 6,7 % f'Ottubru 2008 sa 8 % f'Ottubru 2009. Din il-provinċja għandha t-tieni rata tal-qgħad l-aktar għolja fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-għadd ta' persuni li qegħdin ifittxu xogħol żdied b'7,5 % bejn Frar 2009 u Frar 2010. Limburg huwa fost il-provinċji fil-Pajjiżi l-Baxxi bi dħul pro capita b'mod sinifikanti aktar baxx mill-medja.

    9. Fl-istess ħin, is-settur tal-grafika fil-Pajjiżi l-Baxxi ġarrab sensji fuq skala kbira, kif juru wkoll il-ħames applikazzjonijiet tal-EGF interrelatati l-oħra mressqa mill-Pajjiżi l-Baxxi, li juru għadd kbir ta' sensji f'intrapriżi fis-settur tal-grafika f'partijiet oħra tal-Pajjiżi l-Baxxi.

    10. Is-servizzi tal-Kummissjoni għalhekk iqisu li s-sensji kkonċernati għandhom impatt serju fuq l-impjiegi u fuq l-ekonomija lokali u li l-sitwazzjoni diffiċli li qiegħed fiha s-suq ekonomiku u tax-xogħol f'Limburg u s-sensji addizzjonali f'reġjuni oħra tal-livell NUTS II tal-Pajjiżi l-Baxxi minħabba l-istess kawża u matul l-istess perjodu fl-istess Diviżjoni tan-NACE 2 jingħaqdu flimkien biex jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    11. L-interpretazzjoni hija wkoll konformi mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fl-okkażjoni tal-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 546/2009[5] li skontu " f'każijiet fejn applikazzjoni tal-EGF skont l-Artikolu 2(b) titressaq minn Stat Membru, jekk iseħħu aktar sensji f'reġjun tal-livell NUTS II ieħor tal-istess Stat Membru minħabba l-istess kawża u matul l-istess perjodu fl-istess Diviżjoni tan-NACE 2, il-Kummissjoni tqis li tista' ssir applikazzjoni għall-għajnuna tal-EGF għall-ħaddiema ta' dan tal-aħħar skont l-Artikolu 2(c) li jikkwota ċirkostanzi eċċezzjonali "[6].

    Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta’ dawk is-sensji

    12. L-awtoritajiet Olandiżi jargumentaw li l-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-impatt tagħha fuq is-settur ma setax jitbassar. L-applikazzjoni tiddikjara li qabel il-kriżi l-industrija tal-istampar u l-pubblikazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi għaddiet minn proċess ta' ristrutturar għali sabiex tibqa' teknikament kompetittiva mal-intrapriżi minn barra l-UE, b'mod partikolari fit-Turkija, iċ-Ċina u l-Indja. Is-settur inbidel minn industrija mmexxijja mid-domanda għal waħda li hija orjentata fuq il-provvista. Il-kriżi attwali ġġib magħha r-riskju li jiġu kkanċellati l-benefiċċji tal-investimenti u sforzi kbar li għamel is-settur.

    Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema fil-mira għall-għajnuna

    13. L-applikazzjoni ssemmi total ta' 129 sensja, li lkoll huma fil-mira għall-għajnuna fid-disa' intrapriżi li ġejjin:

    Intrapriżi u għadd ta' sensji |

    Drukkerij Van Lieshout Horst BV, Horst | 3 | Helio Service BV, Kerkrade | 54 |

    Home Card BV, Weert | 2 | Boekbinderij Tindemans Van Den Burg BV, Weert | 4 |

    Roto Smeets Groep Limburg, Weert | 52 | Cortjens BV, Maastricht | 2 |

    Drukkerij Hub Tonnaer BV, Weert | 7 | Drukkerij Maenen BV, Meerssen | 1 |

    Drukkerij Crolla BV, Valkenburg | 4 |

    Total ta' Intrapriżi: 9 | Total ta' sensji: 129 |

    14. It-tqassim tal-ħaddiema fil-mira huwa kif ġej:

    Kategorija Għadd Perċentwali

    Irġiel 84 65

    Nisa 45 35

    Ċittadini tal-UE 121 94

    Ċittadini minn barra l-UE 8 6

    minn 15 sa 24 sena 23 18

    minn 25 sa 54 sena 71 55

    minn 55 sa 64 sena 32 25

    Età ’l fuq minn 65 sena 3 2

    Hemm ħames ħaddiema (4 %) bi problema tas-saħħa jew diżabbiltà fit-tul inklużi fil-kategoriji hawn fuq.

    15. F'termini ta' kategoriji professjonali, it-tqassim huwa kif ġej:

    Kategorija Għadd Perċentwali

    Maniġer 9 7

    Professjonali 26 20

    Tekniċi 27 21

    Ħaddiema li jagħtu sostenn klerikali 15 12

    Ħaddiema fis-settur tas-servizzi u tal-bejgħ 15 12

    Operaturi tal-impjanti u tal-magni u dawk li jimmuntaw 37 28

    16. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, il-Pajjiżi l-Baxxi kkonfermaw li ġiet applikata, u sejra tkompli tapplika, politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta' nondiskriminazzjoni matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-EGF u, b'mod partikolari, għall-aċċess fl-EGF.

    Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

    17. It-territorju kkonċernat ikopri l-provinċja ta' Limburg. Il-popolazzjoni f'Limburg hija kkonċentrata madwar għadd żgħir ta' bliet kbar, bħal pereżempju Maastricht, Heerlen u Venlo.

    18. L-awtoritajiet ewlenin ikkonċernati huma l-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u l-Fond ta' Taħriġ għas-settur tal-grafika u tal-midja (A&O Fonds Grafimedia) fuq ordni mill-Kunsill għall-konsultazzjoni fis-settur tal-grafika u tal-midja. Partijiet interessati rilevanti oħra huma l-Istitut għall-Industrija Kreattiva (GOC), l-organizzazzjoni pubblika responsabbli għall-konċessjonijiet (UWV werkbedrijf), iċ-ċentru tal-mobbiltà ta' Limburg UWV, l-organizzazzjoni għall-SME (MKB-ondernemingen), iċ-ċentri reġjonali għat-taħriġ Noord u Midden Limburg, Arcuscollege, il-punt ta' servizz Grafimedia, u l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali. FNV Kiem (trejdjunjin), CNV Media (trejdjunjin), KVGO (organizzazzjoni tal-impjegati) għad-distrett Zuid-Nederland, NUV (organizzazzjoni tal-impjegati).

    L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

    19. L-awtoritajiet Olandiżi jargumentaw li s-sensji fis-settur tal-grafika sejrin jaggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad, li diġà ddeterjorat bħala riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja. Fil-provinċja ta' Limburg, ir-rata tal-qgħad żdiedet minn 6,7 % f'Ottubru 2008 sa 8 % f'Ottubru 2009. Din il-provinċja għandha t-tieni rata tal-qgħad l-aktar għolja fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-għadd ta' persuni li qegħdin ifittxu xogħol żdied b'7,5% bejn Frar 2009 u Frar 2010. L-applikant jirreferi wkoll għall-fatt li fis-settur tal-grafika hemm proporzjon relattivament għoli ta' ħaddiema fil-gruppi ta' età akbar fejn il-qgħad huwa għoli ħafna fil-provinċja kkonċernata. Barra minn hekk, Limburg għandu problema ġenerali ta' popolazzjoni li qiegħda tonqos u tixjieħ b'madwar 30 % tal-popolazzjoni fil-grupp ta' età ta' bejn 45 u 65 sena. Is-sensji addizzjonali fis-settur tal-grafika f'dan il-grupp ta' età għalhekk ser ikollu impatt sinifikanti. Limburg huwa fost il-provinċji fil-Pajjiżi l-Baxxi bi dħul pro capita b'mod sinifikanti aktar baxx mill-medja.

    Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati u tqassim tal-ispejjeż stmati tiegħu, inkluża l-komplementarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

    20. Qegħdin jiġu proposti t-tipi ta’ miżuri li ġejjin, li kollha jingħaqdu biex jiffurmaw pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati mmirati lejn l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol. Dawn sejrin jiġu offruti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja permezz ta' ċentru ta' mobbiltà, imsejjaħ Ċentru Karrieri Kreattivi (Centrum Creatieve Carrières).

    Attivitajiet ta' tħejjija

    - Dħul u reġistrazzjoni: ikopri intervista inizjali sabiex jiġi rreġistrat il-ħaddiem li ngħata s-sensja u biex jiġu identifikati t-tipi ta' miżuri l-aktar adattati.

    - Tagħrif u helpdesk: dan jinvolvi laqgħat kollettivi u funzjoni ta' helpdesk biex jiġi pprovdut tagħrif lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja dwar il-miżuri disponibbli.

    Akkumpanjament

    - Akkumpanjament minn impjieg għal impjieg: ikopri programm individwalizzat inklużi eżami analitiku, l-istabbiliment ta' pjan ta' azzjoni vokazzjonali u tal-karriera u ggwidar individwali (mentoring) fuq żmien qasir fil-post tax-xogħol il-ġdid.

    - Outplacement: jipprova jagħti sostenn attiv lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja fl-eżaminazzjoni tagħhom ta' opportunitajiet ġodda ta' xogħol.

    - Taħriġ għall-applikazzjoni: ikopri l-analiżi ta' postijiet battala disponibbli, is-sostenn għat-tfassil ta' CV u ittra ta' applikazzjoni u t-tħejjija għall-intervisti tax-xogħol.

    - Akkumpanjament lejn il-ħolqien ta' negozju: jipprova jassisti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja li qegħdin jippjanaw joħolqu n-negozju tagħhom stess. Dan ikopri provvista ta' parir legali, għajnuna għat-tfassil ta' pjan ta' negozju, sostenn għar-rekwiżiti amministrattivi.

    Taħriġ

    - Taħriġ u taħriġ mill-ġdid: ikopri t-taħriġ vokazzjonali, taħriġ dwar il-ħiliet soċjali u tal-ġestjoni u taħriġ mill-ġdid tekniku speċifiku għall-ħaddiema li t-taħriġ tekniku tagħhom ma għadux jintuża.

    - Rikonoxximent tal-esperjenza preċedenti: ikopri l-evalwazzjoni ta' għarfien u esperjenza preċedenti ta' kull ħaddiem individwali kif ukoll l-identifikazzjoni ta' oqsma fejn jeħtieġ taħriġ addizzjonali.

    21. In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF, li hija inkluża fl-applikazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta’ ġestjoni u kontroll kif ukoll tagħrif u reklamar.

    22. Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Olandiżi huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Olandiżi jistmaw li l-ispejjeż totali ta’ dawn is-servizzi huma ta’ EUR 812 228,54 u li n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF hija ta' EUR 33 842,86 (= 4% tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-EGF hija ta’ EUR 549 946 (65 % tal-ispejjeż totali).

    Azzjonijiet | L-għadd stmat ta’ ħaddiema fil-mira | L-ispiża stmata għal kull ħaddiem fil-mira (f'EUR) | L-ispejjeż totali (l-EGF u l-kofinanzjament nazzjonali) (f’EUR) * |

    Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) |

    1. Attivitajiet ta' tħejjija 1.1. Dħul u reġistrazzjoni (intake en registratie) | 129 | 195,62 | 25 234,78 |

    1.2. Tagħrif u helpdesk (voorlichting en helpdesk) | 129 | 86,94 | 11 215,46 |

    2. Akkumpanjament 2.1. Akkumpanjament minn impjieg għal impjieg (werk naar werk begeleiding) | 62 | 3 804,37 | 235 870,70 |

    2.2. Outplacement | 50 | 4 526,30 | 226 315,17 |

    2.3. Taħriġ għall-applikazzjoni (solicitatietraining) | 50 | 1 434,51 | 71 725,34 |

    2.4. Akkumpanjament lejn il-ħolqien ta' negozju (begeleiding eigen onderneming) | 8 | 5 337,84 | 42 702,74 |

    3. Taħriġ 3.1. Taħriġ u taħriġ mill-ġdid (opleiding en omscholing) | 60 | 2 521,34 | 151 280,84 |

    3.2. Rikonoxximent tal-esperjenza preċedenti (erkenning verworven competenties) | 17 | 2 816,69 | 47 883,71 |

    Sottototal tas-servizzi personalizzati | 812 228,54 |

    Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) |

    Ġestjoni | 8 460,71 |

    Tagħrif u reklamar | 8 460,71 |

    Attivitajiet ta' kontroll | 16 921,43 |

    Sottototal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF | 33 842,86 |

    Stima tal-ispejjeż totali | 846 071 |

    Kontribuzzjoni tal-EGF (65 % tal-ispejjeż totali) | 549 946 |

    * It-totali ma jaqblulx minħabba li ċ-ċifri huma miġbudin għad-dritt

    23. Il-Pajjiżi l-Baxxi jikkonfermaw li l-miżuri deskritti hawn fuq jikkumplimentaw azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, b'mod partikolari għadd ta' proġetti ta' taħriġ tal-FSE għall-ħaddiema fis-settur tal-grafika, li jaqaw fl-istess żmien mal-perjodu ta' implimentazzjoni tal-EGF. L-awtorità ta' ġestjoni għall-EGF, li hija wkoll l-awtorità ta' ġestjoni għall-FSE stabbilixxiet il-proċeduri ta' kontroll meħtieġa biex telimina kwalunkwe riskju ta' finanzjament doppju.

    Id-data/dati meta nbdew jew meta huwa maħsub li jinbdew is-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati

    24. Il-Pajjiżi l-Baxxi bdew is-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati inklużi fil-pakkett koordinat propost lill-EGF għall-kofinanzjament fl-1 ta’ April 2009. Din id-data għalhekk tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eleġibbiltà għal kull għajnuna li tista' tingħata mill-EGF.

    Il-proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

    25. L-imsieħba soċjali ġew kkonsultati permezz tal-Fond ta' Taħriġ u tas-Suq tax-Xogħol ta' Fondazzjoni għas-settur tal-grafika u tal-midja (Arbeids & Opleidingsfonds Grafimedia branche), li fid-dawl tal-kriżi qablu fuq il-ħolqien ta' ċentru ta' mobbiltà għas-settur imsejjaħ C3 (Centrum Creatieve Carrières). L-għan ta' dan iċ-ċentru ta' mobbiltà huwa li jikkoordina l-miżuri atttivi varji tas-suq tax-xogħol b'konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali.

    26. L-awtoritajiet Olandiżi kkonfermaw li r-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Komunità li jikkonċernaw is-sensji kollettivi ġew issodisfati.

    Tagħrif dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi

    27. Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Olandiżi fl-applikazzjoni tagħhom:

    - ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tieħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

    - taw prova li l-azzjonijiet jipprovdu sostenn għal ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

    - ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmijin hawn fuq ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra.

    Is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

    28. Il-Pajjiżi l-Baxxi nnotifikaw lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess korpi li jiġġestixxu u jikkontrollaw l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) li jiffinanzja lil Pajjiżi l-Baxxi. L-Aġenzija għall-Affarijiet Soċjali u l-Impjiegi (Agentschap SZW) sejra tkun il-korp intermedjarju għall-awtorità ta' ġestjoni.

    Finanzjament

    29. Abbażi tal-applikazzjoni mill-Pajjiżi l-Baxxi, il-kontribuzzjoni proposta mill-EGF għall-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati huwa ta' EUR 549 946, li jirrappreżenta 65 % tal-ispiża totali. L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq t-tagħrif li ngħata mill-Pajjiżi l-Baxxi.

    30. Minħabba l-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll l-ambitu tar-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tuża l-EGF għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat taħt l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

    31. L-ammont propost ta' kontribuzzjoni finanzjarja jippermetti li aktar minn 25% tal-ammont massimu annwali allokat għall-EGF jibqa' disponibbli għal allokazzjonijiet matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif mitlub mill-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    32. L-ammont aggregat ta' kontribuzzjonijiet tal-EGF għal applikazzjonijiet tal-EGF li jirreferu għal ċirkostanzi eċċezzjonali għall-2010, inkluż l-ammont propost f'din il-Proposta, mhux ser jaqbeż il-15 % tal-ammont massimu annwali tal-EGF, kif mitlub mill-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    33. Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex timmobilizza l-EGF, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-proċedura ssimplifikata ta' trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-EGF u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta għall-mobilizzazzjoni biex, f'livell politiku xieraq, tgħarraf lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, tissejjaħ laqgħa formali ta' trijalogu.

    34. B’mod separat il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex iddaħħal fil-baġit għall-2010 approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' ħlas speċifiċi, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

    Sors tal-approprjazzjonijiet ta' ħlas

    35. Fl-istat attwali ta' implimentazzjoni, huwa prevedibbli li l-approprjazzjonijiet ta' ħlas disponibbli fl-2010 skont il-linja tal-baġit 01.0404 "Programm ta' Qafas ta' Kompetittività u Innovazzjoni - Programm ta' Intraprendenza u Innovazzjoni" mhux sejrin jintużaw kollha din is-sena.

    36. Din il-linja tkopri n-nefqa relatata mal-implimentazzjoni tal-istrument finanzjarju ta' dan il-programm, li l-għan ewlieni tiegħu huwa li jiffaċilita l-aċċess tal-SME għall-finanzi. Hemm ftit taż-żmien bejn it-trasferimenti lejn il-kontijiet fiduċjarji amministrati mill-Fond Ewropew għall-Investiment u l-ħlas lill-benefiċjarji. Il-kriżi finanzjarja għandha effett kbir fuq it-tbassir fir-rigward tal-ħlasijiet għall-2010. Bħala riżultat, sabiex jiġu evitati bilanċi eċċessivi fuq il-kontijiet fiduċjarji, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-approprjazzjonijiet ta' ħlas ġiet riveduta, filwaqt li tqiesu l-ħlasijiet mistennija. L-ammont ta' EUR 549 946 għalhekk jista' jsir disponibbli għat-trasferiment.

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2009/028 NL/Limburg Diviżjoni 18 mill-Pajjiżi l-Baxxi)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[7], u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[8], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea[9],

    Billi:

    (1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) twaqqaf biex jipprovdi sostenn addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba tibdiliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin dovuti għall-globalizzazzjoni u sabiex jiġu megħjuna fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

    (2) L-ambitu tal-EGF twessa’ għal applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi s-sostenn għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

    (3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF fil-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

    (4) Il-Pajjiżi l-Baxxi ressqu applikazzjoni biex jiġi mobilizzat l-EGF, fir-rigward tas-sensji f'disa' intrapriżi li joperaw fid-Diviżjoni 18 tan-NACE Reviżjoni 2 (l-istampar u r-riproduzzjoni ta' midja rrekordjata) fir-reġjun NUTS II Limburg (NL42) fit-30 ta' Diċembru 2009 u ssupplimentawha b'tagħrif addizzjonali sas-6 ta' Mejju 2010. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li jiġi mobilizzat ammont ta' EUR 549 946.

    (5) L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni imressqa mill-Pajjiżi l-Baxxi.

    IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 549 946 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' ħlas.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Magħmul fi,

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    [1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    [2] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

    [3] Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

    [4] Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    [5] Ir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26).

    [6] Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 10304/09 ADD1, 8.6.2009.

    [7] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    [8] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

    [9] ĠU C […], […], p. […].

    Top