EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0435

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jimponi mill-ġdid dazju definittiv tal-anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ twavel tal-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, manifatturati minn Foshan Shunde Yongjian Housewares u Hardware Co. Ltd., Foshan

/* COM (2010) 0435 final - NLE 2010/0234 */

52010PC0435

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jimponi mill-ġdid dazju definittiv tal-anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ twavel tal-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, manifatturati minn Foshan Shunde Yongjian Housewares u Hardware Co. Ltd., Foshan /* COM (2010) 0435 final - NLE 2010/0234 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 13.8.2010

KUMM(2010) 435 finali

2010/0234 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jimponi mill-ġdid dazju definittiv tal-anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ twavel tal-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, manifatturati minn Foshan Shunde Yongjian Housewares u Hardware Co. Ltd., Foshan

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1) IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ('ir-Regolament bażiku') fil-ftuħ mill-ġdid parzjali tal-proċediment tal-anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ twavel tal-mogħdija li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (‘RPĊ’). |

Il-kuntest ġenerali Din il-proposta hija magħmula fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hi r-riżultat ta’ investigazzjoni li twettqet skont ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku. |

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007 tat-23 ta’ April 2007[1]. |

Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni Mhux applikabbli. |

2) IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT |

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

Il-partijiet interessati milquta mill-proċediment diġà kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. |

Ġbir u użu tal-kompetenzi |

Ma kienx hemm bżonn ta’ kompetenza esterna. |

Valutazzjoni tal-impatt Din il-proposta hi r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix stima ġenerali tal-impatt iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu evalwati. |

3) L-ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA |

Taqsira tal-azzjoni proposta Fit-18 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ notifika (‘notifika ta’ ftuħ mill-ġdid parzjali’) ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea[2], il-ftuħ mill-ġdid parzjali ta’ investigazzjoni tal-anti-dumping li tikkonċerna l-importazzjoni ta’ twavel tal-mogħdija li joriġinaw, fost l-oħrajn, mir-RPĊ. Dak li wassal għal dan il-ftuħ mill-ġdid kienet ir-revoka min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007 fir-rigward ta’ produttur esportatur Ċiniż ('Foshan Shunde'). Skont l-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom l-obbligu li jikkonformaw mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, il-Kummissjoni Ewropea nediet ftuħ mill-ġdid parzjali tal-investigazzjoni tal-anti-dumping safejn jikkonċerna lil Foshan Shunde. Il-proposta tal-Kummissjoni mehmuża għal Regolament tal-Kummissjoni li jimponi mill-ġdid id-dazju tal-anti-dumping fuq Foshan Shunde hi bbażata fuq l-analiżi tal-kummenti li daħlu, wara li l-partijiet interessati ngħataw biżżejjed żmien biex jipprovdu kummenti għad-dokument finali ta’ informazzjoni rivedut tat-23 ta’ Marzu 2007. Hu propost li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament li għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mhux aktar tard mill-xx XXXX 2010. |

Bażi legali Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea. |

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għaldaqstant ma jgħoddx. |

Il-prinċipju tal-proporzjonalità |

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba li l-forma tal-azzjoni hija deskritta fir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq u ma tħalli l-ebda ambitu għal deċiżjonijiet nazzjonali. |

- L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq l-Unjoni, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini jiġi minimizzat u proporzjonat mal-għan tal-proposta, ma tapplikax. |

Għażla tal-istrumenti |

- Strumenti proposti: Regolament tal-Kunsill. |

- Mezzi oħrajn ma jkunux adegwati minħabba li r-Regolament bażiku ma jipprevedix għażliet alternattivi. |

4) L-IMPLIKAZZJONI BAġITARJA |

- Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni. |

2010/0234 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jimponi mill-ġdid dazju definittiv tal-anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ twavel tal-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, manifatturati minn Foshan Shunde Yongjian Housewares u Hardware Co. Ltd., Foshan

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[3] ('ir-Regolament bażiku') u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (‘il-Kummissjoni’) wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. PROĊEDURA

1. Skont ir-Regolament (KE) Nru 452/2007[4], il-Kunsill impona dazji definittivi tal-anti-dumping li jvarjaw minn 9,9% għal 38,1% fuq l-importazzjoni ta’ twavel tal-mogħdija, bis-saqajn jew mingħajrhom, b'wiċċ jew le minn fejn joħroġ il-fwar u/jew is-sħana u/jew l-arja, inkluż it-twavel għall-kmiem, u partijiet essenzjali minnhom, jiġifieri s-saqajn, il-wiċċ, u fejn tisserraħ il-ħadida, u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (‘RPĊ’) u l-Ukrajna (‘ir-Regolament ikkontestat’).

2. Fit-12 ta’ Ġunju 2007, produttur esportatur Ċiniż li kkoopera, jiġifieri Foshan Shunde Yongjian Housewares u Hardware Co. Ltd. ('Foshan Shunde'), ressaq applikazzjoni fil-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (issa l-Qorti Ġenerali ('QĠ')) fejn talab għal revoka tar-Regolament (KE) Nru 452/2007 safejn tikkonċerna l-appellant (il-kawża T-206/07 Foshan Shunde Yongjian Housewares u Hardware v il-Kunsill).

3. Fid-29 ta’ Jannar2008, il-QĠ irrifjutat l-applikazzjoni ta' Foshan Shunde.

4. Fit-3 ta’ April 2008, Foshan Shunde ressaq appell lill-Qorti tal-ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ) fejn talab lill-Qorti biex twarrab is-sentenza tal-QĠ u talab għal revoka tar-Regolament (KE) Nru 452/2007 safejn tikkonċerna lill-appellant.

5. Fl-1 ta’ Ottubru 2009, fis-sentenza tagħha fil-każ C-141/08 P ('is-sentenza tal-QtĠ'), il-QtĠ warrbet is-sentenza preċedenti tal-QĠ tad-29 ta’ Jannar 2008. Bis-sentenza tagħha, il-QtĠ sabet li d-drittijiet ta’ Foshan Shunde li jiddefendi ruħu kienu affettwati b’mod negattiv bil-ksur tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, il-QtĠ irrevokat ir-Regolament ikkontestat minħabba li jimponi dazju tal-anti-dumping fuq l-importazzjoni tat-twavel tal-mogħdija mmanifatturati minn Foshan Shunde.

6. Il-QĠ, fil-każ T-2/95 Industrie des poudres sphériques (IPS) v il-Kunsill[5] (‘il-każ IPS’), għarfet li, fil-kawżi fejn proċedura tikkonsisti f'diversi fażijiet amministrattivi, ir-revoka ta’ waħda minn dawn il-fażijiet ma tannullax il-proċedura kollha. Il-proċedura kontra d-dumping hi eżempju ta' proċedura li tikkonsisti f'diversi stadji. Konsegwentement, ir-revoka tar-Regolament ikkontestat fil-konfront ta’ parti waħda ma timplikax ir-revoka tal-proċedura sħiħa qabel l-adozzjoni tar-Regolament inkwistjoni. Barra minn dan, skont l-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom l-obbligu li jikkonformaw mas-sentenza tal-QtĠ tal-1 ta’ Ottubru 2009. Dan jimplika wkoll il-possibbiltà li jiġu rimedjati l-aspetti tar-Regolament ikkontestat li wasslu għar-revoka tiegħu, filwaqt li jitħallew kif inhuma dawk il-partijiet mhux ikkontestati u li mhumiex afftettwati mis-sentenza tal-QtĠ — kif kien ġara fil-kawża C-458/98 P Industrie des poudres sphériques (IPS) v il-Kunsill[6] (‘il-kawża ta’ appell IPS’). Ta’ min jinnota li apparti s-sejba ta’ ksur tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet l-oħra kollha fir-Regolament ikkontestat jibqgħu validi b’mod awtomatiku sal-punt li l-QtĠ ma laqgħet l-ebda talba li saret f’dan is-sens.

7. Wara s-sentenza tal-QtĠ tal-1 ta’Ottubru 2009, ġie ppubblikat avviż[7] dwar il-ftuħ mill-ġdid parzjali ta’ investigazzjoni tal-anti-dumping li tikkonċerna l-importazzjoni ta’ twavel tal-mogħdija li joriġinaw, fost l-oħrajn, mir-RPĊ. Il-ftuħ mill-ġdid kien limitat għall-ambitu tal-implimentazzjoni tas-sentenza tal-QtĠ fejn jirrigwarda lil Foshan Shunde.

8. Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment bil-ftuħ mill-ġdid parzjali tal-investigazzjoni lill-produtturi esportaturi, lill-importaturi u lill-utenti li taf li huma kkonċernati, lir-rappreżentanti tal-pajjiżi esportaturi u lill-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jgħarrfu bil-miktub il-fehmiet tagħhom u li jitolbu li jinstemgħu fil-limitu taż-żmien imniżżel fl-avviż.

9. Il-partijiet kollha li għamlu din it-talba fil-limitu msemmi hawn fuq u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw l-opportunità li jagħmlu dan.

10. Waslu żewġ rappreżentazzjonijiet minn żewġ produtturi esportaturi fir-RPĊ (waħda minnhom mill-parti kkonċernata direttament, jiġifieri Foshan Shunde), mill-industrija tal-Unjoni u minn żewġ importaturi mhux relatati.

11. Il-partijiet kollha kkonċernati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien hemm ħsieb li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta' miżuri definittivi tal-anti-dumping fuq Foshan Shunde. Ingħataw perjodu ta’ żmien li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara l-espożizzjoni tal-fatti. Ġew ikkunsidrati l-kummenti tal-partijiet, u, fejn xieraq, is-sejbiet ġew modifikati f’dan is-sens.

B. L-IMPLIMENTAZZJONI TAS-SENTENZA TAL-QORTI

1. Kumment preliminari

12. Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li r-raġuni għaliex ġie rrevokat ir-Regolament ikkontestat kienet li l-Kummissjoni bagħtet il-proposta tagħha għall-impożizzjoni ta’ dazju definittiv tal-anti-dumping lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qabel l-iskadenza mandatorja stabbilita mill-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku, jiġifieri qabel il-limitu ta’ żmien mandatorju ta’ 10 ijiem biex jaslu l-kummenti, u dan wara li jkun intbagħat dokument definittiv ta’ informazzjoni lill-partijiet interessati.

2. Il-kummenti tal-partijiet interessati

13. Foshan Shunde argumenta li s-sentenza tal-QtĠ ma teħtieġ ebda miżura ta’ implimentazzjoni. Skont il-kumpanija, il-ftuħ mill-ġdid huwa illegali għaliex ma hemm ebda dispożizzjoni speċifika fir-Regolament bażiku li tippermetti approċċ bħal dan u minħabba li ftuħ mill-ġdid bħal dan ikun f’kunflitt mal-iskadenza statutorja għat-tlestija ta’ investigazzjoni kif stabbilit bl-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku (jiġifieri 15-il xahar) u l-Artikolu 5.10 tal-ftehim dwar l-anti-dumping tad-WTO (jiġifieri 18-il xahar). Foshan Shunde sostna li l-kawża tal-IPS ma setgħetx isservi ta’ preċedent minħabba li kienet ibbażata fuq Regolament bażiku[8] antik, li skontu ma kinux għadhom bdew japplikaw l-iskadenzi mandatorji. Foshan Shunde argumenta wkoll li jekk il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproċedi bl-implimentazzjoni tas-sentenza tal-QtĠ, dan għandu jsir abbażi tad-dokument definittiv ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni datat l-20 ta’ Frar 2007 (fejn il-parti kienet attribwita Trattament Ekonomiku tas-Suq (‘TES’) u ma nstab ebda dumping għal din il-kumpanija) u mhux abbażi tad-dokument definittiv ta’ xandir ta’ informazzjoni rivedut tat-23 ta’ Marzu 2007 (fejn il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet provviżorji tagħha għal Foshan Shunde, fejn ma kellux jingħata t-TES u fejn il-marġini ta' dumping kien ta' 18,1%).

14. Il-produttur esportatur Ċiniż l-ieħor, jiġifieri Zheijiang Harmonic Hardware Products Co. Ltd. ('Zheijiang Harmonic'), ressaq għadd ta’ argumenti li essenzjalment kienu identiċi għal dawk imressqa minn Foshan Shunde, jiġifieri li ma teżisti ebda bażi legali għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċediment, li ebda impożizzjoni mill-ġdid ta’ dazju tal-anti-dumping ma hi legalment possibbli wara l-limiti ta’ żmien stipulati mir-Regolament bażiku u mill-ftehim dwar l-anti-dumping tad-WTO. Qed jiġi argumentat ukoll li l-għoti mill-ġdid ta' espożizzjoni rivdeuta tal-fatti u l-għoti ta' perjodu ta' żmien għal tweġiba skont ma jistipula l-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku ma jistax jikkoreġi l-vjolazzjoni tad-drittijiet ta’ Zheijiang Harmonic biex jiddefendi ruħu, u lanqas l-impożizzjoni illegali tad-dazji. Il-produttur esportatur finalment ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx timponi mill-ġdid miżuri tal-anti-dumping abbażi tal-informazzjoni marbuta mal-2005, jiġifieri perjodu li jmur aktar minn erba’ snin qabel it-tnedija tal-ftuħ mill-ġdid parzjali tal-investigazzjoni, minħabba li dan ma jikkonformax mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku. Barra minn dan, Zheijang Harmonic argumenta li l-Kummissjoni ma setgħetx tiftaħ il-każ mill-ġdid minħabba li din kienet tilfet l-oġġettività u l-imparzjalità ladarba r-Regolament propost mill-Kummissjoni kien revokat parzjalment mill-QtĠ.

15. Iż-żewġ importaturi/produtturi mhux relatati tal-UE ma ressqu ebda informazzjoni u dejta dwar il-merti legali tal-investigazzjoni mill-ġdid iżda għażlu li jenfasizzaw ir-rwol tagħhom bħala partijiet interessati fis-suq tat-twavel tal-mogħdija tal-UE. Wieħed minnhom ġibed ukoll l-attenzjoni għar-riperkussjonijiet fuq in-negozju tagħhom tar-revoka tal-Qorti u tal-ftuħ mill-ġdid parzjali tal-investigazzjoni li segwa.

16. L-Industrija tal-Unjoni argumentat li l-produtturi tal-UE għandhom iħallsu l-prezz għall-irregolarità identifikata mill-Qorti minħabba li sfaw mingħajr ebda protezzjoni mill-importazzjoni li nstabet li kienet iddampjata u kkawżat dannu. L-Industrija tal-Unjoni pproponiet li l-proċedura tkompli mill-istadju meta seħħet l-irregolarità min-naħa tal-Kummissjoni, jiġifieri fiż-żmien meta l-kumpanija Ċiniża kellha tressaq il-kummenti tagħha dwar id-dokument definittiv ta’ informazzjoni rivedut tat-23 ta’ Marzu 2007, meta kellha tittieħed deċiżjoni dwar il-kummenti tal-parti u tintbagħat lill-Kunsill proposta ġdida limitata għas-sitwazzjoni ta’ Foshan Shunde, bil-għan li jerġa’ jiddaħħal id-dazju tal-anti-dumping fuq l-importazzjoni tat-twavel tal-mogħdija prodotti minn Foshan Shunde. L-industrija tal-Unjoni lmentat ukoll li fl-imgħoddi kien ġie adottat approċċ simili (jiġifieri fis-sentenzi fil-kawża tal-IPS, il-kawża tal-appell tal-IPS, u fir-Regolament (KE) Nru 235/2004[9] adottat wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża C-76/00 P Petrotub and Republica v. il-Kunsill). Barra minn dan, skont din il-parti, il-limitu ta’ żmien ta’ 15-il xahar tar-Regolament bażiku ma japplikax għall-emenda ta' Regolament li jimponi dazji tal-anti-dumping sabiex jimplimenta sentenza ta' Qorti tal-UE.

3. Analiżi tal-kummenti

17. Ta’ min iżomm f’moħħu li l-QtĠ irrifjutat l-argumenti sostanzjali kollha ta’ Foshan Shunde li jirreferu għall-merti tal-każ. Għaldaqstant, l-obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni hu ffukat fuq il-korrezzjoni tal-parti tal-proċedura amministrattiva fejn tkun seħħet l-irregolarità fl-investigazzjoni inizjali.

18. Id-dikjarazzjoni li l-introduzzjoni tal-iskadenzi (jiġifieri 15-il xahar u 18-il xahar rispettivament) biex jiġu konklużi l-investigazzjonijiet tal-anti-dumping ma tippermettix lill-Kummissjoni ssegwi l-approċċ li hu l-bażi tal-kawża tal-IPS instabet bla bażi. Qed jitqies li din l-iskadenza mhix rilevanti għall-implimentazzjoni tas-sentenaza tal-Qorti. Tabilħaqq, skadenza bħal din tirregola biss it-tlestija tal-investigazzjoni oriġinali minn dakinhar tat-tnedija sa dakinhar li tittieħed azzjoni definittiva, u ma tikkonċerna ebda azzjoni sussegwenti li kapaċi jkollha tittieħed, ngħidu aħna, b’riżultat ta’ reviżjoni ġudizzjarja. Barra minn hekk, huwa nnutat li kull interpretazzjoni oħra għandha tfisser li azzjoni legali li tirnexxi u li titressaq mill-industrija tal-Unjoni tkun mingħajr effett prattiku għal dik il-parti jekk ikun aċċettat li l-iskadenza tal-limitu taż-żmien biex tingħalaq l-investigazzjoni oriġinali ma tkunx se jippermetti l-implimentazzjoni tas-sentenza tal-qorti. Dan ma jkunx qed jikkonforma mal-prinċipju li l-partijiet kollha għandu jkollhom il-possibbiltà ta’ reviżjoni ġudizzjarja effettiva.

19. Ta’ min jiftakar ukoll li l-QĠ, fis-sentenza tagħha fil-kawżi konġunti T-163/94 u T165/94[10] sostniet li lanqas l-iskadenza flessibbli applikabbli skont ir-Regolament bażiku l-antik ma setgħet tittawwal iktar mil-limiti raġonevoli, u sabet li investigazzjoni li taqbeż it-tliet (3) snin hija waħda twila wisq. Dan jikkuntrasta mal-kawża tal-IPS fejn l-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti seħħet seba’ snin wara t-tnedija tal-investigazzjoni oriġinali u s-sentenza tal-Qorti ma tinkludi ebda indikazzjoni li l-iskadenzi kienu ppreżentaw problema.

20. Għaldaqstant, huwa konkluż li l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku japplika għat-tnedija tal-proċedimenti u l-konklużjoni tal-investigazzjoni mibdija skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku biss, u mhux għall-ftuħ mill-ġdid parzjali ta’ investigazzjoni bil-għan li tiġi implimentata s-sentenza tal-Qorti tal-UE.

21. Din il-konklużjoni tikkonforma mal-approċċ adottat għall-implimentazzjoni tas-sentenzi tar-rapporti tal-bordijiet tad-WTO u tal-Korp tal-Appell fejn hu aċċettat li l-istituzzjonijiet jistgħu jemendaw nuqqasijiet f’regolament li jimponi dazji tal-anti-dumping sabiex dan jikkonforma mar-rapporti tal-korpi għal soluzzjoni għat-tilwim, inkluż f’każijiet li jikkonċernaw l-Unjoni Ewropea[11]. F’każijiet bħal dawn kien jinħass il-bżonn li jiġu adottati proċeduri speċjali biex jiġu implimentati rapporti tal-bordijiet tad-WTO u tal-Korp tal-Appell minħabba n-nuqqas ta’ applikabbiltà diretta ta’ sentenzi bħal dawn fl-ordni legali tal-UE, u dan b’kuntrast mad-deċiżjonijiet meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja li huma applikabbli direttament.

22. Dwar l-argumenti li tressqu dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, huwa nnotat li ma seta’ jiġi stabbilit ebda ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku minħabba li l-Kummissjoni ma fetħitx proċediment ġdid iżda reġgħet fetħet l-investigazzjoni oriġinali biex tiġi implimentata s-sentenza tal-Qorti.

23. Dwar l-argument li Foshan Shunde għandu jirċievi d-dokument ta’ informazzjoni tal-20 ta’ Frar 2007 u mhux id-dokument ta’ informazzjoni rivedut tat-23 ta’ Marzu 2007, hu nnotat li b'konformità mas-sentenza tal-QtĠ, il-Kummissjoni għandha tikkoreġi l-irregolarità fil-proċedura. Din l-irregolarità amministrattiva ġrat biss meta Foshan Shunde ngħata inqas minn 10 ijiem biex jikkummenta dwar id-dokument ta’ informazzjoni rivedut. Għaldaqstant, il-validità tal-istadji preċedenti tal-investigazzjoni oriġinali ma kinitx affettwata mis-sentenza tal-QtĠ u allura ma teħtiġx li tiġi riveduta fil-kuntest tal-ftuħ mill-ġdid parzjali ta’ bħalissa.

4. Konklużjoni

24. Wara li tqiesu l-kummenti magħmula mill-partijiet u l-analiżi tagħhom, ġie konkluż li l-implimentazzjoni tas-sentenza tal-QtĠ għandha tieħu l-għamla li jintbagħat mill-ġdid lil Foshan Shunde u l-partijiet l-oħrajn kollha interessati d-dokument definittiv ta’ informazzjoni rivedut tat-23 ta’ Marzu 2007 li abbażi tiegħu kien ġie propost li jiġi impost ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007.

25. Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż li l-Kummissjoni għandha tagħti lil Foshan Shunde u l-partijiet l-oħrajn kollha interessati żmien biżżejjed biex iwasslu kummenti dwar id-dokument definittiv ta’ informazzjoni rivedut tat-23 ta’ Marzu 2007, u mbagħad tevalwa kummenti bħal dawn sabiex tistabbilixxi jekk, abbażi tal-fatti marbuta mal-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali, għandhiex tagħmel proposta lill-Kunsill biex jimponi mill-ġdid id-dazju tal-anti-dumping fuq l-importazzjoni tat-twavel tal-mogħdija mmanifatturati minn Foshan Shunde.

C. ESPOŻIZZJONI TAL-FATTI

26. Il-partijiet interessati kienu infurmati bil-fatti essenzjali u bil-konsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien hemm il-ħsieb li tkun implimentata s-sentenza tal-QtĠ.

27. Il-partijiet interessati kollha ngħataw opportunità biex jikkummentaw (bl-applikazzjoni tal-10 ijiem żmien preskritt fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku). Fejn kien f’loku, il-kummenti tagħhom tqiesu u ttieħdu f’kunsiderazzjoni iżda dawn ma kinux ta’ natura li jbiddlu l-konklużjonijiet.

28. Foshan Shunde u l-partijiet interessati l-oħrajn kollha rċevew id-dokument definittiv ta’ xandir ta’ informazzjoni rivedut datat it-23 ta’ Marzu 2007 li abbażi tiegħu kien propost li jkun impost mill-ġdid id-dazju tal-anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ twavel tal-mogħdija minn Foshan Shunde, abbażi tal-fatti marbuta mal-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali.

29. Foshan Shunde u l-partijiet interessati l-oħrajn kollha ngħataw opportunità biex jikkummentaw fuq dan id-dokument definittiv ta’ informazzjoni rivedut. Tqiesu l-argumenti mressqa oralment u bil-miktub, u fejn kien il-każ ittieħed kont tagħhom. Fid-dawl tal-kummenti li saru, jista’ jkun osservat dan li ġej: L-azzjoni meħuda f'dan ir-Regolament hija bbażata fuq il-fatt li fis-sentenza tal-QtĠ, il-QtĠ enfasizzat li l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku ma jistax jiġi interpretat b’mod li jobbliga lill-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill miżuri definittivi li jkomplu jirrepetu żball valutattiv magħmul fil-valutazzjoni oriġinali tal-kriterji sostantivi ta’ dik id-dispożizzjoni[12]. Għalkemm il-QtĠ għamlet dan il-kumment b’relazzjoni ma’ żball għad-detriment tal-applikant f’dak il-każ, huwa ċar li din l-interpretazzjoni trid tiġi applikata fuq kull naħa, hekk li lanqas m’għandu jibqa’ jirrepeti ruħu żball għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni. Kif intqal fid-dokument finali ta’ informazzjoni rivedut tat-23 ta’ Marzu 2007 u fid-dokument speċifiku ta’ informazzjoni rivedut tal-istess data, u f’ittri preċedenti mill-Kummissjoni lill-Applikant li fuqhom huma bbażati dawk id-dokumenti, Foshan Shunde m'għandux jingħata l-Istatus ta’ Ekonomija tas-Suq minħabba li l-prassi tiegħu ta’ kontabbiltà kellha bosta nuqqasijiet u għaldaqstant ma kinitx tikkonforma mal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà. Din il-vjolazzjoni tat-tieni kriterju fl-Art. 2(7) ma tistax tiġi rimedjata bl-istatistika li hemm referenza għaliha fl-aħħar sentenza tal-punt 12 tas-sentenza tal-QtĠ. L-approċċ li kien tqies oriġinarjament fid-dokument finali ta’ informazzjoni tal-20 ta’ Frar 2007, għaldaqstant, għandu jiġi kkwalifikat bħala żball li jrid jiġi kkorreġut. Fl-interess tal-ħarsien tal-industrija tal-Unjoni mid-dumping, id-dazju tal-anti-dumping li jirriżulta fuq l-applikant għandu jkun impost mill-ġdid mill-aktar fis.

30. Wara l-iżvelar tal-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li ssir rakkomandazzjoni għall-impożizzjoni mill-ġdid ta' dazji definittivi anti-dumping, produttur esportatur Ċiniż wieħed ippropona impenn għall-prezz skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku. Madankollu, din l-offerta ta’ impenn naqset milli tipprovdi xi rimedju għall-problemi diġà msemmija fil-premessa 68 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007, jiġifieri l-ħtieġa li jiġu stabbiliti prezzijiet tal-importazzjoni sinikifikanti minimi għal kull wieħed mill-għadd imdaqqsa ta’ tipi ta’ prodott li jistgħu jiġu sorveljati sewwa mill-Kummissjoni mingħajr riskju serju ta’ ksur. Barra minn dan, l-offerta ta’ impenn għall-prezz jew issuġġeriet prezz minimu wieħed medju li jkopri biss tip wieħed ta’ prodott esportat lejn l-UE, jew għadd ta’ prezzijiet tal-importazzjoni minimi għal darb’oħra bbażati fuq il-prezzijiet medji differenzjati għal kumbinazzjonijiet ta’ ċerti prodotti. Aktar minn hekk, il-kumbinazzjonijiet kollha proposti għal prezz tal-importazzjoni minimu kien ferm aktar baxx mill-ogħla prezzijiet tal-esportazzjoni stabbiliti. Abbażi ta' li ntqal hawn fuq, il-konklużjoni kienet li dan l-impenn mhux prattiku u għalhekk ma jistax jiġi aċċettat. Il-parti ġiet infurmata b'dan u ngħatat l-opportunità li tikkummenta. Madankollu, il-kummenti tagħha ma biddlux il-konklużjoni ta' hawn fuq.

D. DEWMIEN TAL-MIŻURI

31. Din il-proċedura ma jaffettwax id-data li fiha se jiskadu l-miżuri imposti mir-Regolament (KE) Nru 452/2007 skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. B’dan huwa impost dazju definittiv tal-anti-dumping fuq l-importazzjoni ta' twavel tal-mogħdija, bis-saqajn jew mingħajrhom, b'wiċċ jew le minn fejn joħroġ il-fwar u/jew is-sħana u/jew l-arja, inkluż it-twavel għall-kmiem, u partijiet essenzjali minnhom, jiġifieri s-saqajn, il-wiċċ, u fejn tisserraħ il-ħadida, u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 3924 90 00, ex 4421 90 98, ex 7323 93 90, ex 7323 99 91, ex 7323 99 99, ex 8516 79 70 u ex 8516 90 00 (il-kodiċi TARIC 3924 90 00 10, 4421 90 98 10, 7323 93 90 10, 7323 99 91 10, 7323 99 99 10, 8516 79 70 10 u 8516 90 00 51) u li huma mmanifatturati minn Foshan Shunde Yongjian Housewares and Hardware Co. Ltd., Foshan (il-kodiċi addizzjonali TARIC A785).

2. Ir-rata tad-dazju definittiv tal-anti-dumping li tapplika għal-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, eskluż id-dazju, se tkun 18,1%.

3. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji tad-dwana.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

[…]

[1] ĠU L 109, 26.4.2007, p. 12.

[2] ĠU C 308, 18.12.2009, p. 44.

[3] ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

[4] ĠU L 109, 26.4.2007, p. 12.

[5] Il-Kawża T-2/95 Industrie des poudres sphériques (IPS) v Council [1998] ECR II-3939.

[6] Il-Kawża C-458/98 P Industrie des poudres sphériques (IPS) v Council[2000] ECR I-08147.

[7] ĠU C 308, 18.12.2009, p. 44.

[8] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2423/88 tal-11 ta’ Lulju 1988 dwar il-ħarsien mill-importazzjoni ddampjata jew issussidjata minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea, ĠU L 209, 2. 8. 1988, p. 1.

[9] ĠU L 40, 12.2.2004, p. 11.

[10] Każijiet konġunti T-163/94 u 165/94 NTN Corporation u Koyo Seiko Co.. Ltd v Council [1995] ECR II-01381.

[11] Il-Komunitajiet Ewropej- Id-dazji tal-Anti-dumping fuq l-Importazzjoni ta’ Cotton-Tyle Bed Linen mill-Indja: Rikors għall-Artikolu 21.5 tad-DSU mill-Indja WT/DS141/AB/RW (8 ta’ April 2003), par.82-86.; Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2001 tat-23 ta' Lulju 2001 fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Komunità wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u anti-sussidji; ĠU L 201, 26.7.2001, p.10.; Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 436/2004 tat-8 ta' Marzu 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1784/2000 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jirregola l-ġbir definittiv tad-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta' ċerti aċċessorji ta' tubi jew pajpijiet tal-ħadid fondut malleabbli li jkunu ġejjin mill-Brażil, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajlandja, wara Rapporti adottati mill-Korp għal Soluzzjoni għat-Tilwim tad-WTO, ĠU L 72, 11.3.2004, p. 15.

[12] Para. 111 tas-sentenza tal-QtĠ.

Top