Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0333

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-proposta li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim tal-21 ta’ Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Anness II dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali

/* KUMM/2010/0333 finali - NLE 2010/0187 */

52010PC0333

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-proposta li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim tal-21 ta’ Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Anness II dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali /* KUMM/2010/0333 finali - NLE 2010/0187 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 28.6.2010

KUMM(2010)333 finali

2010/0187 (NLE)

Propos ta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-proposta li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim tal-21 ta’ Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Anness II dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fl-1 ta’ Ġunju 2002 daħal fis-seħħ il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni. L-Anness II ta’ dan il-Ftehim jipprovdi għall-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali.

Taħt l-Artikolu 18 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt UE-Żvizzeru dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni jista’ jadotta emendi għall-Anness II tal-Ftehim. L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-Ftehim dwar Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002 dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehimiet mal-Konfederazzjoni Svizzera, jipprovdi li l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi l-pożizzjoni li l-Unjoni għandha tieħu fir-rigward ta’ dawk id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt.

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti u korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE u sabiex jiġu evitati diffikultajiet amministrattivi u possibilment legali, l-Anness II tal-Ftehim għandu jirreferi għal kull leġiżlazzjoni tal-UE u Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali, safejn dawn ikunu relevanti. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-Anness II tal-Ftehim jiġi aġġornat b’mod partikolari sabiex jiġu integrati s-sistema modernizzata għall-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali li ssir applikabbli fi ħdan l-UE fl-1 ta’ Mejju 2010, jiġifieri r-Regolament Nru. 883/2004 kif emendat bir-Regolament Nru. 988/2009, ir-Regolament li jimplimentah Nru. 987/2009 u d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Amministrattiva. Ir-Regolamenti Nru. 883/2004, 988/2009 u 987/2009 jiddikjaraw li huma relevanti għall-Isvizzera.

Ir-Regolamenti (KE) Nru. 883/2004 u 987/2009 ħadu post ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru. 1408/71 u Nru. 574/72. Fl-interessi ta’ ċarezza u razzjonalità, l-Anness II għandu jiġi kkodifikat billi jirreferi biss għar-Regolamenti l-ġodda. Madankollu, ir-Regolamenti (KEE) Nru. 1408/71 u Nru. 574/72 jibqgħu elenkati fil-Ftehim għal każijiet fejn l-Artikoli fir-Regolamenti (KE) Nru. 883/2004 u 987/2009 jirreferu għar-Regolamenti (KEE) Nru. 1408/71 u Nru. 574/72 jew għal każijiet li seħħew fil-passat.

2. RIŻULTATI TA’ KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U EVALWAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-verżjoni aġġornata tal-Anness II tal-proposta mehmuża hija r-riżultat ta’ diskussjonijiet tekniċi bl-involviment ta’ esperti dwar is-sigurtà soċjali, b’mod partikolari mill-amministrazzjoni Svizzera tas-sigurtà soċjali u mill-Unjoni Ewropea. Ir-riżultat ġie sottomess għal informazzjoni lit-318-il laqgħa tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali fis-16 ta’ Diċembru 2009, fejn id-delegazzjonijiet laqgħu din il-proposta. L-aġġornament tal-Anness II tal-Ftehim ser jissimplifika u jimmodernizza l-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali bejn l-Isvizzera u l-Istati Membri tal-UE billi jintroduċi b’mod partikolari r-Regolament il-ġdid Nru. 883/2004 kif emendat bir-Regolament Nru. 988/2009 u r-Regolament Nru. 987/2009. Dan ser ikollu impatt pożittiv meta mqabbel mal-leġiżlazzjoni eżistenti u ser itejjeb il-proċeduri amministrattivi għall-utenti kollha tar-Regolamenti, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali, l-impjegaturi (b’mod partikolari negozji żgħar u ta’ daqs medju) u ċittadini individwali.

3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Din in-nota ssegwi l-istruttura tal-Anness II tal-Ftehim UE-Svizzera, jiġifieri tibda bis-Sezzjoni A li fiha jinsab l-att li għandu jiġi applikat mill-Isvizzera, soġġett għall-emendi pprovduti fl-Anness, segwita mis-Sezzjoni B li fiha jinsabu l-atti li l-Isvizzera għandha tikkunsidra debitament (Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Amministrattiva), is-Sezzjoni C li fiha jinsabu l-atti li l-Isvizzera għandha tieħu nota tagħhom (Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Amministrattiva) u l-Protokoll għall-Anness II, li fih hemm miżuri tranżitorji fir-rigward ta’ ċittadini tal-Istati Membri li daħlu fl-UE bejn l-2004 u l-2007.

SEZZJONI A: ATTI LI GĦALIHOM ISSIR REFERENZA

Fir-rigward tar- Regolament Nru. 883/2004 , ir-raġunijiet għad-daħliet fl-Annessi li jirrigwardaw l-Isvizzera huma skont kif ġej:

- Rigward l- Anness I (I) tar-Regolament Nru. 883/2004 ('Għoti ta' pagamenti ta' manteniment'), l-Isvizzera tinqeda mill-opportunità li teżenta l-għoti ta’ pagamenti ta’ manteniment mill-applikazzjoni ta’ R 883/04 billi tagħmel daħla speċjali.

- Rigward l- Anness I (II) tar-Regolament Nru. 883/2004 ('Allowances speċjali li jingħataw f'każ ta' twelid ta' tarbija ġdida u f'każ ta' adozzjoni'), m'hemm l-ebda bidla fis-sustanza u din id-daħla tikkorrispondi għad-daħla preżenti fl-Anness II, sezzjoni II, tar-Regolament 1408/71.

- Rigward l- Anness II tar-Regolament Nru. 883/2004 ('dispożizzjonijiet ta' konvenzjonijiet li jibqgħu fis-seħħ …'):

Dawk id-daħliet li jikkorrispondu għall-Anness III, parti A u parti B tar-Regolament 1408/71 u li jirrigwardaw il-ħlas ta’ benefiċċji fi flus lil persuni residenti f’pajjiż terz m’għadhomx elenkati f’dan l-Anness. Iċ-ċittadini tal-UE li jgħixu f’pajjiż terz jistgħu jibbażaw fuq l-Artikolu 4 tar-Regolament 883/2004 peress li din il-klawżola ta’ trattament ugwali m’għadhiex tirreferi għal “residenza fl-UE” (li tikkorrispondi għall-Artikolu 3 (1) kif emendat bir-Regolament 647/2005).

L-Isvizzera ser ikollha tesporta l-pensjonijiet fuq il-bażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru. 883/2004 (trattament ugwali), peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha tiggarantixxi l-ħlas ta’ pensjonijiet Żvizzeri lil ċittadini Żvizzeri madwar id-dinja.

Ser ikun hemm titjib fid-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li attwalment mhumiex koperti minn ftehim bilaterali, bħaċ-ċittadini tal-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja, peress li l-Isvizzera issa ser ikollha tesporta l-pensjonijiet liċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-UE f’pajjiżi terzi bħalma l-Isvizzera tagħmel għal ċittadini Żvizzeri.

Fir-rigward tad-daħla li tirrigwarda l-Ġermanja u l-Isvizzera , hemm żewġ konvenzjonijiet li huma diġà elenkati fl-Anness III attwali tar-Regolament Nru. 1408/71:

Il-konvenzjoni taħt il-punt a) toffri lil residenti mhux attivi ta’ Büsingen li mhumiex assigurati mod ieħor fil-Ġermanja l-għażla li jissieħbu mal-iskema tal-assigurazzjoni tas-saħħa Svizzera (punt i) u tiffaċilita l-aċċess għall-iskema tal-assigurazzjoni għall-mard Ġermaniża għall-ħaddiema li jirritornaw lejn il-Ġermanja (punt ii).

Il-konvenzjoni taħt il-punt b) tirrigwarda l-assigurazzjoni għall-qgħad u tippermetti lill-ħaddiema tal-fruntjiera minn Büsingen biex jirċievu, taħt ċerti kundizzjonijiet, benefiċċji tal-qgħad daqs li kieku kienu residenti fl-Isvizzera. L-Artikolu 8(5) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi li l-Ġermanja (distrett ta’ Büsingen) għandha tikkontribwixxi somma ekwivalenti għall-kontribuzzjoni kantonali taħt il-liġi Svizzera lejn l-ispiża ta’ postijiet attwali fil-miżuri tal-promozzjoni tal-impjiegi għall-ħaddiema soġġetti għal din id-dispożizzjoni. Fir-rigward tad-daħla li tirrigwarda lil Spanja u l-Isvizzera , din tikkorrispondi għad-daħla attwali fil-Anness III tar-Regolament Nru. 1408/71. Id-daħla tirreferi għall-'Convenio especial' Spanjol, jiġifieri ħaddiema barranin li jmorru lura lejn Spanja jistgħu jissieħbu mal-iskema tal-mard Spanjola u b’hekk m’għadhomx obbligati li jkunu assigurati bħala pensjonanti taħt l-assigurazzjoni tal-mard Svizzera.

Fir-rigward tad-daħla li tikkonċerna lill- Italja u l-Isvizzera , din tikkonċerna l-aggregazzjoni ta’ perjodi kkompletati f’pajjiżi terzi, u tippermetti li jittieħdu f’kunsiderazzjoni perjodi tal- assigurazzjoni ta’ ċittadini Żvizzeri jew Taljani f’pajjiżi terzi sabiex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-intitolament għall-pensjonijiet Taljani (dispożizzjoni unilaterali). Din id-daħla hija neċessarja peress li l-Isvizzera mhijiex f’pożizzjoni li tapplika r-rakkomandazzjoni P1 dwar is-sentenza Gottardo peress li hija bbażata direttament fuq it-TFUE (li qabel kien it-Trattat KE).

- Rigward l-Anness III tar-Regolament Nru. 883/2004 ('restrizzjoni ta' drittijiet ta' benefiċċji mogħtija in natura għall-membri tal-familja ta' ħaddiem li jaħdem bejn il-fruntieri'), m'hemm l-ebda daħla li tirrigwarda lill-Isvizzera.

- Rigward l-Anness IV tar-Regolament Nru. 883/2004 ('aktar drittijiet għall-pensjonanti li jmorru lura lejn l-Istat Membru kompetenti'), l-Isvizzera hija miżjuda ma’ din il-lista.

- Rigward l- Annessi V, VI u VII tar-Regolament Nru. 883/2004 , m'hemm l-ebda daħla li tirrigwarda lill-Isvizzera.

- Rigward l-Anness VIII, parti 1 tar-Regolament Nru. 883/2004 ('każijiet fejn il-kalkolu pro rata jiġi rrinunzjat skont l-Art. 52 (4)'), l-Isvizzera hija elenkata fir-rigward tal-iskema tagħha diġà msemmija taħt l-Anness IV C tar-Regolament 1408/71, jiġifieri l-kalkolu tal-pensjonijiet taħt il-liġi Svizzera skont l-Art. 52 (1) (a) jirriżulta f’benefiċċju daqs jew ogħla mill-benefiċċju pro rata kkalkulat skont l-Art. 52 (1) (b).

- Rigward l-Anness VIII, parti 2 tar-Regolament Nru. 883/2004 ('każijiet fejn japplika l-Art. 52 (5)'), huma elenkati l-pensjonijiet Żvizzeri għall-anzjanità, is-superstiti u l-invalidità taħt il-pjanijiet statutorji ta’ benefiċċji tax-xogħol. Din l-iskema hija attwalment elenkata taħt l-Anness IV C tar-Regolament 1408/71. Din l-iskema hija elenkata fil-parti 2 tal-Anness VIII tar-Regolament 883/2004 peress li l-pensjonijiet tagħha huma kkalkulati minn tfaddil individwali akkumulat u kapitalizzat, jiġifieri l-perjodi ta’ żmien mhuma ta’ ebda relevanza għall-kalkolu.

- Rigward l-Anness IX, parti II tar-Regolament Nru. 883/2004 ('benefiċċji msemmija fl-Artikolu 54(2)(b) ta' dan ir-Regolament, li l-ammont tagħhom ikun determinat permezz ta' referenza għal perjodu ikkreditat li jitqies bħala magħmul bejn il-jum li fih immaterjalizza ruħu r-riskju u data aktar tard'), hemm daħla li tikkonċerna l-pensjonijiet Żvizzeri għas-Superstiti u l-Invalidità taħt il-pjanijiet statutorji ta’ benefjċċji tax-xogħol. Din id-daħla tikkorrispondi għad-daħla attwali fl-Anness IV.D, parti 2 tar-Regolament Nru. 1408/71.

- Rigward l-Anness X tar-Regolament Nru. 883/2004 ('benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji mogħtija fi flus'), id-daħliet nru. 1, 2 u 3 jikkorrispondu għad-daħliet attwali tal-Anness IIa. Madankollu, meta jitqies li dawn id-daħliet ġew inseriti qabel ma ġew introdotti l-kriterji aktar stretti taħt l-Anness IIa tar-Regolament Nru. 1408/71 bir-Regolament Nru. 647/2005 (li jikkorrispondu għall-kriterji tal-Anness X tar-Regolament Nru. 883/2004), iż-żamma tal-iskrizzjonijiet fl-Anness X teħtieġ li dawk id-daħliet jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti taħt l-Anness X. F’dan ir-rigward, dawn id-daħliet jistgħu jiġu ġġustifikati skont kif ġej:

Fir-rigward tad- daħla Nru. 1 li tirrigwarda benefiċċji supplimentari (l-Att dwar il-Benefiċċji Federali Supplimentari tad-19 ta’ Marzu 1965) u benefiċċji simili pprovduti taħt leġiżlazzjoni kantonali:

Fid-dawl tar-Regolament Nru. 883/2004, id-delegazzjoni Svizzera talbet li jinżammu fil-lista ta’ benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji mogħtija fi flus il-benefiċċji supplimentari kif elenkati fl-Anness IIa attwali tar-Regolament 1408/71 waqt li tat din il-ġustifikazzjoni:

1. Deskrizzjoni tal-benefiċċju

Rigward il-benefiċċji Federali, dawn il-benefiċċji jingħataw meta l-pensjoni tal-anzjanità, tal-invalidità jew tas-superstiti ma tkoprix il-bżonnijiet bażiċi. Il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji huma skont kif ġej. L-applikant għandu:

- ikun taħt id-dħul minimu stabbilit biex ikopri l-bżonnijiet bażiċi (akkomodazzjoni, assigurazzjoni tas-saħħa, ikel);

- ikun intitolat għal pensjoni tal-anzjanità, tal-invalidità jew tas-superstiti;

- ikun domiċiljat u residenti fl-Isvizzera.

Il-benefiċċji jammontaw għad-differenza bejn id-dħul minimu stipulat u d-dħul reali tal-persuna (pensjonijiet, dħul tas-sieħeb/sieħba, beni). Il-benefiċċji huma ffinanzjati esklużivament mit-taxxi ġenerali tal-Konfederazzjoni u l-cantons.

Ammonti kurrenti stipulati għad-dħul minimu:

- persuna mhux miżżewġa: CHF 18.720/sena

- koppja: CHF 28.080/sena

Rigward il-benefiċċji kantonali, il-cantons jistgħu jagħtu benefiċċji supplimentari addizzjonali simili għall-pensjoni tal-anzjanità, tal-invalidità jew tas-superstiti li jikkumplimentaw il-benefiċċji supplimentari federali.

Preżentament tmien cantons għandhom tali sistema parallela ta’ benefiċċji supplimentari għall-pensjoni tal-anzjanità, tal-invalidità jew tas-superstiti. Bħala regola, jeħtieġ li l-persuna tirċievi benefiċċji federali u supplimentari biex tkun intitolata għall-benefiċċji kantonali.

2. Kwalifikazzjoni bħala benefiċċju speċjali li mhuwiex kontributorju

Il-benefiċċji supplimentari federali u kantonali jissodisfaw il-kriterji neċessarji kollha biex jiġu kkunsidrati bħala benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji taħt l-Artikolu 70 (2) tar-Regolament Nru. 883/2004, waqt li titqies il-ġurisprudenza relevanti kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar il-benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji:

(a) Dawn huma benefiċċji speċjali (ta’ tip imħallat): Minn naħa waħda, għandhom karatteristiċi ta’ sigurtà soċjali peress li l-persuni kkonċernati għandhom intitolament legali ddefinit b’mod ċar għalihom. Dawn huma intiżi biex jissupplimentaw il-pensjonijiet sabiex jiggarantixxu dħul għal livell ta’ għajxien minimu u b’hekk huma marbuta mal-pensjonijiet bażiċi u r-riskji tal-anzjanità jew l-invalidità. Min-naħa l-oħra, għandhom il-karatteristiċi ta’ assistenza soċjali peress li jingħataw biss lill-pensjonanti li d-dħul totali tagħhom ma jilħaqx il-minimu stabbilit mil-leġiżlazzjoni. Huwa marbut mill-qrib mal-qagħda soċjo-ekonomika fl-Isvizzera peress li jikkorrispondi għall-bżonnijiet bażiċi minimi fl-Isvizzera. Ma jiddependux fuq perjodi ta’ xogħol jew kontribuzzjonijiet;

(b) Mhumiex kontributorji : huma ffinanzjati esklużivament mit-taxxi u ma jiddependu fuq ebda kontribuzzjoni.

Fir-rigward tad- daħla Nru. 2 li tirrigwarda l-pensjonijiet f’każ ta’ tbatija taħt l-assigurazzjoni tal-invalidità (Artikolu 28 subparagrafu 1a tal-Att Federali dwar l-Assigurazzjoni tal-Invalidità tad-19 ta’ Ġunju 1959, kif emendat fis-7 ta’ Ottubru 1994), id-delegazzjoni Svizzera talbet li din id-daħla tinżamm kif elenkata fl-Anness IIa attwali tar-Regolament Nru. 1408/7 għar-raġunijiet li ġejjin:

1. Deskrizzjoni tal-benefiċċju

Il-pensjoni għat-tbatija tneħħiet sa mill-1 ta’ Jannar 2004. Ġiet issostitwita b’benefiċċji supplimentari iżda xorta tingħata f’xi każijiet fuq il-bażi ta’ regoli tranżitorji (preżentament madwar 500 benefiċjarju) u b’hekk trid tiġi elenkata fl-Anness X tar-Regolament Nru. 883/04.

Il-pensjoni tat-tbatija hija ammont supplimentari mogħti lil persuni intitolati għal kwart ta’ pensjoni tal-invalidità (grad ta’ invalidità ta’ bejn 40% u 49%) li l-qagħda personali tagħhom tkun diffiċli u ma tippermettix dħul deċenti għal livell ta’ għajxien minimu (‘każijiet ta’ tbatija’). Is-suppliment għat-tbatija jikkorrispondi għal kwart tal-pensjoni. Bħala riżultat, il-benefiċjarju jirċievi l-ekwivalent ta’ nofs pensjoni. Il-pensjoni tat-tbatija titħallas biss fl-Isvizzera.

Il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji huma skont kif ġej. L-applikanti għandhom:

- ikunu intitolati għal pensjoni tal-invalidità;

- nuqqas ta’ mezzi suffiċjenti;

- ikunu domiċiljati u residenti fl-Isvizzera.

2. Kwalifikazzjoni bħala benefiċċju speċjali li mhuwiex kontributorju

Il-pensjoni tal-invalidità f’każ ta’ tbatija tissodisfa l-kriterji kollha meħtieġa biex tiġi kkunsidrata bħala benefiċċju speċjali li mhuwiex kontributorju taħt l-Artikolu 70 (2) tar-Regolament Nru. 883/2004, meta titqies il-ġurisprudenza relevanti kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar il-benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji, b’referenza għas-sentenza tal-QĠE tad-29 ta’ April 2004 fil-kawża C-160/02, Skalka:

(a) Huwa benefiċċju speċjali (ta’ tip imħallat) : Minn naħa waħda, għandu karatteristiċi ta’ sigurtà soċjali peress li l-persuni kkonċernati għandhom intitolament legali ddefinit b’mod ċar għalih. L-iskop tiegħu huwa biex jissupplimenta l-pensjonijiet ordinarji sabiex jiggarantixxi dħul għal livell ta’ għajxien minimu. Huwa marbut mal-pensjonijiet bażiċi tal-invalidità u r-riskju tal-invalidità. Min-naħa l-oħra, għandu l-karatteristiċi ta’ assistenza soċjali peress li jingħata biss lill-pensjonanti f’qagħda ekonomika diffiċli. Huwa marbut mill-qrib mal-qagħda soċjo-ekonomika fl-Isvizzera peress li l-ammont tiegħu huwa bbażat fuq il-pensjoni ordinarja. Ma jiddependux fuq perjodi ta’ xogħol jew kontribuzzjonijiet;

(b) Il-benefiċċju huwa ta’ natura mhux kontributorja ,peress li huwa ffinanzjat mit-taxxi u ma jiddependix fuq kontribuzzjonijiet.

Fir-rigward tad- daħla Nru. 3 li tirrigwarda benefiċċji mħallta mhux kontributorji f’każ ta’ qgħad, kif ipprovdut taħt il-leġiżlazzjoni kantonali, minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

1. Deskrizzjoni tal-benefiċċju

Tmien cantons introduċew dawn il-benefiċċji: Basel-Stadt, Ġinevra, Jura, Neuchâtel, Schaffhausen, Tessin, Uri, u Zug. Dawn il-benefiċċji jingħataw lill-persuni li jkunu qed ifittxu xogħol li d-drittijiet tagħhom għal benefiċċji federali tal-qgħad ikunu waqfu, sabiex ikunu jistgħu jiġu integrati mill-ġdid fix-xogħol u jevitaw assistenza soċjali u esklużjoni soċjali.

Il-kundizzjonijiet għal intitolament huma li l-applikanti jridu:

- ikunu taħt dħul minimu stabbilit mill-canton;

- ma jkollhom ebda intitolament ulterjuri għal benefiċċji federali tal-qgħad;

- ifittxu xogħol u jagħmlu lilhom infushom disponibbli għax-xogħol;

- ikunu domiċiljati u residenti fil-canton.

Il-tipi tal-benefiċċji huma: benefiċċji ta’ kuljum u/jew indennizzi għal diversi miżuri ta’ integrazzjoni mill-ġdid (korsijiet ta’ taħriġ, eċċ.).

Huma ffinanzjati esklużivament mit-taxxi.

2. Kwalifikazzjoni bħala benefiċċju speċjali li mhuwiex kontributorju

Dawn il-forom ta’ appoġġ kantonali għal dawk li jfittxu xogħol jissodisfaw il-kriterji kollha meħtieġa sabiex jiġi kkwalifikati bħala benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji skont l-Artikolu 70 (2) tar-Regolament 883/2004, meta titqies il-ġurisprudenza relevanti kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar il-benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji :

(a) Dawn huma benefiċċji speċjali (ta’ tip imħallat) : Minn naħa waħda, għandhom karatteristiċi ta’ sigurtà soċjali peress li l-persuni kkonċernati għandhom intitolament legali ddefinit b’mod ċar għalihom. Dawn huma intiżi biex jikkumplimentaw il-benefiċċji federali tal-qgħad sabiex jiggarantixxu dħul minimu u huma marbuta b’mod ċar mar-riskju tal-qgħad. Min-naħa l-oħra, għandhom karatteristiċi ta’ assistenza soċjali peress li jingħataw biss lil dawk li jkunu qed ifittxu xogħol li d-dħul totali tagħhom ma jilħaqx il-minimu stabbilit mil-leġiżlazzjoni. Huma marbuta mill-qrib mal-qagħda soċjo-ekonomika fl-Isvizzera peress li jirreferu għad-dħul minimu fil-canton ta’ residenza u huma relatati mas-suq tax-xogħol lokali. Ma jiddependux fuq perjodi ta’ kontribuzzjonijiet;

(b) Mhumiex kontributorji : huma ffinanzjati esklużivament mit-taxxi u ma jiddependu fuq ebda kontribuzzjoni.

Fir-rigward tad- daħla Nru. 4 li tirrigwarda l-pensjonijiet straordinarji tal-invalidità li mhumiex kontributorji għaż-żgħażagħ b’diżabilità (Art. 39 tal-Att Federali dwar l-Assigurazzjoni għall-Invalidità tad-19 ta’ Ġunju 1959), l-Isvizzera ġġustifikat id-daħla skont kif ġej:

Fid-dawl tar-Regolament Nru. 883/2004, li ser japplika wkoll għal persuni mhux attivi, id-delegazzjoni Svizzera talbet l-inklużjoni ta’ pensjonijiet straordinarji għal persuni b’diżabilità mhux attivi fil-lista ta’ benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus minħabba din il-ġustifikazzjoni:

1. Deskrizzjoni tal-benefiċċju

Sabiex ikunu intitolati għal pensjoni regolari Svizzera tal-invalidità, il-persuni assigurati jridu jkunu ħallsu kontribuzzjonijiet matul tal-inqas tliet snin fiż-żmien tal-inkapaċità tagħhom għax-xogħol (invalidità). Il-persuni b’diżabilità sa mit-twelid jew mit-tfulija ma jistgħux jissodisfaw din il-kundizzjoni peress li jkunu inkapaċi jaħdmu qabel ma jilħqu l-età minn meta jiġu imposti l-kontribuzzjonijiet.

Dawn il-persuni huma intitolati għal benefiċċju speċjali li jikkorrispondi għall-ammont tal-pensjoni minima regolari tal-invalidità. Il-benefiċċju jingħata lil persuni ’l fuq mill-età ta’ 18-il sena u sakemm ikomplu jgħixu fl-Isvizzera.

Peress li l-benefiċċju mhuwiex ikkalkulat fuq il-bażi ta’ kontribuzzjonijiet, jissejjaħ il-‘pensjoni straordinarja tal-invalidità’.

2. Kwalifikazzjoni bħala benefiċċju speċjali li mhuwiex kontributorju

Il-pensjoni straordinarja tal-invalidità tissodisfa l-kriterji kollha meħtieġa sabiex titqies bħala benefiċċju speċjali li mhuwiex kontributorju skont l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru. 1408/71, waqt li titqies il-ġurisprudenza relevanti kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar il-benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus:

(a) Huwa benefiċċju ibridu (ta’ tip imħallat) : Minn naħa waħda, għandu l-karatteristiċi ta’ sigurtà soċjali peress li l-persuni kkonċernati għandhom intitolament legali għalih li huwa ddefinit b’mod ċar u jkopri r-riskju tal-invalidità. Min-naħa l-oħra, huwa qrib tal-assistenza soċjali fis-sens li ma jiddependix fuq perjodi ta’ xogħol jew kontribuzzjonijiet u huwa intiż biex itaffi l-bżonn billi jiggarantixxi dħul għal livell ta’ għajxien minimu lil grupp soċjalment żvantaġġat (żgħażagħ b’diżabilità);

(b) Huwa benefiċċju speċjali : Huwa benefiċċju ta’ sostituzzjoni intiż għal dawk li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-assigurazzjoni sabiex tinkiseb pensjoni regolari tal-invalidità. Huwa marbut mill-qrib mas-sitwazzjoni soċjo-ekonomika fl-Isvizzera peress li jikkorrispondi mal-pensjoni minima fl-Isvizzera;

(c) Mhuwiex kontributorju : Mhuwiex iffinanzjat b’kontribuzzjonijiet. Il-Gvern Federali jagħmel tajjeb għall-ispejjeż kollha ta’ dan il-benefiċċju.

Fil-kawża C-154/05 Kersbergen-Lap u Dams-Schipper, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea (QĠE) ikkunsidrat il-benefiċċju Olandiż Wajong bħala benefiċċju speċjali li mhuwiex kontributorju. Il-QĠE kkonfermat din is-sentenza fil-kawża C-287/05 Hendrix. Bħall-pensjoni tal-invalidità straordinarja Svizzera, il-Wajong Olandiża tipprovdi għall-ħlas ta’ benefiċċju għaż-żgħażagħ li jkunu qed isofru minn inkapaċità għax-xogħol fuq medda ta’ żmien twil iżda ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet biex jiksbu pensjoni tal-invalidità regolari.

Sabiex ma tinħoloqx sitwazzjoni inqas favorevoli meta mqabbla mal-i status quo , id-daħla proposta mill-Isvizzera għandha tkun limitata għal persuni li ma kinux soġġetti, qabel l-inkapaċità tagħhom għax-xogħol, għal-leġiżlazzjoni Svizzera abbażi ta’ attività bħala persuna qiegħda (eż. bħala apprendist) jew li taħdem għal rasha.

- Rigward l- Anness XI tar-Regolament Nru. 883/2004 ('dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri'):

- Fir-rigward tad- daħliet Nru. 1 u 2 , l-Isvizzera ġġustifikat il-proposti tagħha skont kif ġej:

L-Isvizzera tipproponi li żżomm iż-żewġ daħliet fl-Anness VI tar-Regolament 1408/71 dwar id-dħul fl-assigurazzjoni Svizzera tal-pensjoni volontarja (punt 1) u l-assigurazzjoni ta' għażla kontinwata (punt 2) għal persuni li jgħixu barra mill-ambitu territorjali tal-Ftehim Żvizzeru-UE dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni. Dawn id-daħliet għandhom jiġu inseriti fl-Anness XI tar-Regolament 883/2004. Raġuni għal dawn id-daħliet:

Dwar id- daħla Nru.1 ( Assigurazzjoni volontarja):

Iċ-ċittadini tal-Isvizzera u tal-Istati Membri tal-UE jistgħu japplikaw, jekk jagħżlu dan, għal sħubija fl-iskemi Żvizzeri tal-assigurazzjoni tal-anzjanità, tas-superstiti u tal-invalidità.

Peress li l-assigurazzjoni volontarja hija parzjalment iffinanzjata minn dħul tal-Istat Żvizzeru, huma biss dawk il-persuni li jkollhom rabta mill-qrib mal-Isvizzera li jitħallew isiru membri ta’ din l-iskema ta’ assigurazzjoni. Għaldaqstant, jeħtieġ li jkun ilhom assigurtati għal ħames snin taħt l-assigurazzjoni Svizzera tal-anzjanità, tas-superstiti u tal-invalidità qabel ma jitolbu għal sħubija. Dan ir-rekwiżit japplika ugwalment għal ċittadini Żvizzeri u tal-UE li jgħixu barra mill-ambitu territorjali tal-Ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni.

Dwar id- daħla Nru. 2 ( Assigurazzjoni kontinwata meta wieħed jaħdem għall-impjegatur Svizzeru barra mill-pajjiż):

Persuni li jaħdmu għal impjegatur Żvizzeru barra mill-pajjiż jistgħu jkomplu jħallsu kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni taħt l-iskemi tal-anzjanità, tas-superstiti u tal-invalidità. Madankollu, l-impjegatur, li jħallas nofs il-kontribuzzjonijiet, irid jaqbel mal-arranġament. Peress li l-assigurazzjoni kontinwata hija parzjalment iffinanzjata minn dħul tal-Istat Żvizzeru, dawk il-persuni biss li jkollhom rabta mill-qrib mal-Isvizzera jitħallew isiru membri ta’ din l-iskema tal-assigurazzjoni. Għaldaqstant, jeħtieġ li jkun ilhom assigurati għal ħames snin mal-assigurazzjoni Svizzera tal-anzjanità, tas-superstiti u tal-invalidità qabel ma jitolbu għal sħubija. Dan ir-rekwiżit japplika ugwalment għal ċittadini Żvizzeri u tal-UE li jgħixu barra mill-ambitu territorjali tal-Ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni.

Rigward id- daħla Nru. 3, din tikkorrispondi għad-daħla Nru. 3 eżistenti fl-Anness VI tar-Regolament Nru. 1408/71. Dan id-dritt ta’ għażla jagħti aktar drittijiet lill-ħaddiema immigranti u lill-membri tal-familja tagħhom. Dan id-dritt ġie mitlub minn ħaddiema immigranti peress li jistgħu jevitaw li jħallsu kontribuzzjonijiet ogħla għall-kura tas-saħħa fl-Isvizzera milli kieku jkollhom iħallsu fl-Istat Membru rispettiv tagħhom.

Rigward id- daħla Nru. 4, l-Isvizzera tipproponi li żżomm din id-daħla, li tikkorrispondi għall-punt 3a tal-Anness VI tar-Regolament Nru. 1408/71 fir-rigward ta’ inċidenti mhux relatati max-xogħol. Din id-daħla għandha tiddaħħal fl-Anness XI tar-Regolament Nru. 883/2004.

Persuni li jaħdmu fl-Isvizzera u li jgħixu fl-Awstrija, il-Ġermanja, Franza jew l-Italja huma awtorizzati li jagħżlu li jkunu assigurati kontra l-mard fl-Istat ta’ residenza tagħhom aktar milli fl-Isvizzera (jagħżlu li ma jkunux inklużi; punt 3(b) tal-Anness VI, l-Isvizzera, tar-Regolament Nru. 1408/71).

F’każijiet bħal dawn, tista’ tinħoloq responsabbiltà simultanja fil-każ ta’ inċidenti mhux relatati max-xogħol bejn l-istituzzjoni Svizzera tal-assigurazzjoni tal-inċidenti u l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tal-mard tal-Istat ta’ residenza. Fil-fatt, inċidenti mhux relatati max-xogħol huma ttrattati bħala inċidenti relatati max-xogħol u mard industrijali taħt il-leġiżlazzjoni Svizzera waqt li huma ttrattati bħala benefiċċji tal-mard in natura taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tal-UE kkonċernati.

Dispożizzjoni ċara dwar id-distribuzzjoni tal-ispejjeż hija meħtieġa.

Fir-rigward tad- daħla Nru. 5, din tikkorrispondi għad-daħla Nru. 3b eżistenti tal-Anness VI tar-Regolament Nru. 1408/71. Din tirrigwarda s-sitwazzjoni meta persuna li taħdem fl-Isvizzera u li tgħix fi Stat Membru ieħor tkun għażlet assigurazzjoni fil-pajjiż ta’ residenza. F’din is-sitwazzjoni, dik id-daħla tiżgura li l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru. 883/2004 japplika sabiex il-persuna kkonċernata tirċievi kura li tkun medikament neċessarja matul perjodu ta’ residenza (mhux finanzjarjament kompetenti) fl-Isvizzera.

Sar titjib fil-formolazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-membri tal-familja jkunu koperti wkoll.

Id-daħliet Nru. 4 u 6 tal-Anness VI tar-Regolament 1408/71 m’għadhomx meħtieġa peress li dawk is-sitwazzjonijiet huma koperti bl-Artikoli 18 u 27(2) tar-Regolament Nru. 883/2004.

Rigward id- daħla Nru. 6, din tikkorrispondi għad-daħla preżenti Nru. 5 tal-Anness VI tar-Regolament Nru. 1408/71. Din tistipula skont l-Artikolu 62(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni l-ġdid Nru. 987/2009 li l-istituzzjoni kompetenti għandha tirrimborsa lill-istituzzjoni li pprovdiet il-benefiċċji fl-Isvizzera l-ammont attwalment muri fil-kontijiet ta’ dik l-istituzzjoni. Dan huwa wkoll applikabbli għall-benefiċċji pprovduti fl-Isvizzera lil persuni li għażlu li jkunu assigurati fil-pajjiż ta’ residenza skont id-daħla Nru. 3(a) tal-Anness XI.

Rigward id- daħla Nru. 7, din tikkorrispondi għad-daħla preżenti Nru. 7 tal-Anness VI tar-Regolament Nru. 1408/71 u l-Isvizzera tipproponi li jinżamm il-punt 7 tal-Anness VI tar-Regolament Nru. 1408/71 fir-rigward tal-benefiċċji għall-mard fi flus.

Fl-Isvizzera, l-assigurazzjoni għall-benefiċċji kontra l-mard fi flus kontanti hija fakultattiva. Kull min huwa assigurat fl-Isvizzera għall-benefiċċji kontra l-mard mhux fi flus huwa intitolat li jissieħeb f’din l-iskema ta’ assigurazzjoni addizzjonali.

Persuni assigurati huma liberi li jibdlu l-kumpanija tal-assigurazzjoni tagħhom meta jridu. F’dan il-każ, l-assiguratur il-ġdid jitħalla jeskludi pagamenti għal riskji u mard li diġà kienu jeżistu qabel ma ssieħbet il-persuna.

Madankollu, jekk il-persuna kkonċernata kienet obbligata tibdel l-assiguratur minħabba li huwa jew hija bdew jaħdmu f’impjieg ġdid jew marru f’post fejn l-assiguratur preċedenti ma joperax, huwa jew hija għandhom jiġu aċċettati mill-assiguratur il-ġdid mingħajr ebda restrizzjoni oħra. F’każijiet bħal dawn, l-assiguratur preċedenti għandu joħroġ ċertifikat li juri li l-bidla tal-istituzzjoni kienet waħda involontarja. L-assiguratur il-ġdid huwa marbut b’dan id-dokument li huwa validu għal perjodu ta’ tliet xhur. Sakemm l-assiguratur preċedenti ma jkunx ta ċ-ċertifikat lill-persuna assigurata, huwa jibqa’ responsabbli għal kwalunkwe benefiċċju fi flus kontanti li mhux kopert mill-assiguratur il-ġdid.

Jekk persuna kienet assigurata qabel minn istituzzjoni fi Stat Membru tal-UE, huwa jew hija ma tistax tikseb ċertifikat li jagħti prova li l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni mingħajr riżerva ġew issodisfati. Sabiex persuni bħal dawn ikunu protetti, jiġu kkunsidrati perjodi preċedenti ta’ assigurazzjoni tas-saħħa fi Stat Membru ieħor u l-esklużjoni tal-kopertura għal mard jew riskji pre-eżistenti ma tapplikax. Bħal fil-każ fi ħdan l-Isvizzera, il-bidla tal-istituzzjoni għanda tiġi konkluża fi żmien tliet xhur.

Il-Punt 8 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71 mhux qiegħed jittieħed fl-Anness XI tar-Regolament Nru 883/2004. Fl-Isvizzera, il-kopertura tal-assigurazzjoni għall-invalidità tiddependi jew fuq ir-residenza jew fuq l-attività bi qligħ fl-Isvizzera. Persuni li jgħixu barra mill-Isvizzera (eż. ħaddiema tal-fruntiera), li jwaqqfu l-attività bil-qligħ tagħhom minħabba mard jew inċident, mhumiex assigurati iktar u ma jistgħux iħallsu l-kontribuzzjonijiet. Jekk persuni bħal dawn ħadmu fl-Isvizzera għal inqas minn sena, huma mhumiex intitolati għal pensjoni tal-invalidità, minħabba li ma jissodisfawx il-perjodu minimu ta’ kontribuzzjoni. Sal-aħħar tal-2007, il-perjodu minimu ta’ kontribuzzjoni kien ta’ sena waħda biss. Sabiex ħaddiema tal-fruntiera preċedenti jitħallew itemmu dan il-perjodu minimu ta’ kontribuzzjoni, il-punt 8 tal-Anness VI jobbligahom iħallsu kontribuzzjonijiet lill-iskema tal-assigurazzjoni tal-pensjoni Svizzera għal sena mill-bidu tal-inkapaċità għax-xogħol, diment li mhumiex soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor fuq il-bażi ta’ attività ġdida.

Fl-1 ta’ Jannar 2008, il-perjodu minimu ta’ kontribuzzjoni għall-pensjonijiet ta’ invalidità Żvizzeri żdied għal tliet snin. Issa din id-daħla hija superfluwa: Li żżomm persuna assigurata u li ġġiegħlha tħallas il-kontribuzzjonijiet ma għadhiex iġġustifikata minħabba li din is-sena supplimentari, f’ħafna każijiet, ma jkollha ebda impatt fuq l-intitolament u hija inkompatibbli mar-regoli ta’ kompetenza stabbiliti fl-Anness II għar-Regolament Nru 883/2004.

Fir-rigward tad-daħla Nru 8, din id-daħla tikkorrispondi għad-daħla Nru 9 tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71 u r-raġunijiet għal din id-daħla huma kif ġej: Skont il-leġiżlazzjoni tal-assigurazzjoni kontra l-invalidità Svizzera, miżuri ta’ riabilitazzjoni huma mogħtija biss diment li l-persuna kkonċernata tkun assigurata. Il-kopertura tal-assigurazzjoni tiddependi jew fuq residenza jew fuq attività bi qligħ fl-Isvizzera. Persuni li jgħixu barra mill-Isvizzera (eż. ħaddiema tal-fruntiera), li jwaqqfu l-attività bi qligħ tagħhom minħabba marda jew inċident, ma jkunux aktar assigurati. Id-daħla fl-Anness XI tiggarantixxi li dawn il-persuni xorta waħda jkunu jistgħu jibqgħu jibbenefikaw minn miżuri ta’ riabilitazzjoni, għalkemm l-Isvizzera waqfet milli tkun l-Istat kompetenti. Hija tikkonċerna l-aktar miżuri ta’ taħriġ professjonali, maħsubin sabiex jintegraw lill-persuna lura għax-xogħol. It-tkomplija tal-assigurazzjoni sakemm idumu l-miżuri tista’ tippermetti wkoll lill-persuna kkonċernata sabiex tilħaq il-perjodu minimu tal-assigurazzjoni għal pensjoni tal-invalidità, jekk ikun hemm bżonn.

Id-daħla eżistenti ġiet emendata minħabba li s-sitwazzjonijiet li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni jeħtieġu jiġu definiti b’mod iktar preċiż. Din għandha tkopri biss il-perjodu immedjatament wara t-tmiem tal-impjieg fl-Isvizzera, u b’hekk iddaħħal il-kliem ‘ sal-ħlas tal-pensjoni tal-invalidità’ , biex b’hekk il-pensjonanti ma jkunux intitolati għal dawn il-benefiċċji.

Rigward l- applikazzjoni tar-Regolament Nru 987/2009 , id-daħliet għall-Annessi li għandhom x’jaqsmu mal-Isvizzera huma ġġustifikati kif ġej:

- Rigward l- Anness 1 tar-Regolament Nru 987/2009 (‘dispożizzjonijiet implimentattivi għall-ftehimiet bilaterali …’), huma elenkati ftehimiet bilaterali ma’ Franza u l-Italja li jistabbilixxu proċeduri speċjali għar-rimborż ta’ benefiċċji ta’ kura tas-saħħa;

- Rigward l- Annessi 3 u 5 tar-Regolament Nru 987/2009, ma hemm ebda daħla fir-rigward tal-Isvizzera.

SEZZJONI B: ATTI LI L-PARTIJIET KONTRAENTI GĦANDHOM IQISU BIR-REQQA

Din is-sezzjoni fiha s-sett il-ġdid ta’ Deċiżjonijiet meħudin mill-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali.

SEZZJONI C: ATTI LI L-PARTIJIET KONTRAENTI GĦANDHOM JIEĦDU NOTA TAGĦHOM

Din is-sezzjoni fiha s-sett ta’ Rakkomandazzjonijiet meħudin mill-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali.

PROTOKOLL

Rigward il-Protokoll għall-Anness II, dan jindirizza 3 kwistjonijiet:

L-ewwelnett, fir-rigward tal- assigurazzjoni kontra l-qgħad fir-rigward ta’ ħaddiema li għandhom permess għal residenza Svizzera għal perjodu ta’ inqas minn sena, dan il-punt ġie aġġornat fir-rigward ta’ ċittadini tal-UE-8 u UE-2, li għalihom tibqa’ tapplika s-sistema attwali ta’ rifużjonijiet. Din is-sistema ta’ rifużjonijiet għandha tapplika fir-rigward ta’ ċittadini tal-UE-8 sat-30 ta’ April 2011, ara l-punt 4 attwali tal-Protokoll għall-Anness II tal-Ftehim UE-Svizzera, u fir-rigward ta’ ċittadini tal-UE-2 sal-31 ta’ Mejju 2016, ara l-punt 5 tal-Anness II tal-Protokoll għall-Ftehim tal-UE-Svizzera rigward il-parteċipazzjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija.

It-tieninett, dwar il- benefiċċji Svizzeri għal persuni li ma jistgħux jgħinu lilhom infushom (l-Att Federali tad-19 ta’ Ġunju 1959 dwar l-assigurazzjoni kontra l-invalidità (LAI) u l-Att Federali tal-20 ta’ Diċembru 1946 dwar il-pensjonijiet tal-anzjanità u tas-superstiti (LAVS) kif emendat fit-8 ta’ Ottubru 1999), dawn il-benefiċċji ma jistgħux jiġu elenkati taħt l-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004 minħabba li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet iktar stretti kif stabbiliti sa mir-Regolament Nru 647/2005. Madankollu, meta jitqies li bosta snin qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 647/2005 kien sar qbil li dan il-benefiċċju jiġi elenkat taħt l-Anness IIa għar-Regolament Nru 1408/71, filwaqt li jitqies li l-Issvizzera teħtieġ l-istatus quo fir-rigward ta’ dan il-benefiċċju b’referenza għan-natura statika tal-Ftehim, u meta jitqies li l-Isvizzera taċċetta, b’mod ġenerali, ir-rekwiżiti iktar stretti li għandhom x’jaqsmu mal-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004, in-nuqqas ta’ esportazzjoni ta’ dan il-benefiċċju qiegħed jiġi indirizzat bħala punt separat fil-Protokoll għal dan il-Ftehim.

It-tieletnett, fir-rigward tad-daħla dwar il- benefiċċji skont il-pjanijiet ta’ benefiċċju relatati max-Xogħol dwar il-pensjonijiet tal-anzjanità, tas-superstiti u tal-invalidità: dan ir-regolament tranżitorju ntemm fil-31 ta’ Mejju 2007, ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim. Madankollu, huwa possibbli li jkun hemm każijiet antiki koperti b’dan ir-regolament (persuni li telqu mill-Isvizzera qabel il-31 ta’ Mejju 2007 iżda li ma applikawx għall-benefiċċju), u li għal din ir-raġuni, din id-daħla nżammet.

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3(1) ġie addattat (‘ċittadini ta’ ċerti Stati Membri’) minħabba li l-arranġamenti tranżitorji li għandhom x’jaqsmu mal-assigurazzjoni kontra l-qgħad għal persuni li għandhom permess għal residenza Svizzera validu għal inqas minn sena japplikaw biss għal ċittadini ta’ Stati Membri tal-UE 8 u UE 2; ara l-Protokolli tat-tkabbir: Protokoll tas-26 ta’ Ottubru 2004 għall-Ftehim (ĠU L 89, 28.3.2006, p. 30) u Protokoll tas-27 ta’ Mejju 2008 (ĠU L 124, 20.5.2009, p. 53).

L-Artikolu 3 (1) ukoll ġie addattat għall-għanijiet ta’ kompletezza billi ġiet introdotta referenza għall-Protokoll għall-punti diġà msemmija f’dan il-Protokoll dwar benefiċċji Svizzeri għal persuni li ma jistgħux jgħinu lilhom infushom u rigward benefiċċji skont pjanijiet ta’ benefiċċji relatati max-Xogħol.

4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE.

5. ELEMENTI FAKULTATTIVI

Diġà saru konsultazzjonijiet ma’ Stati Membri permezz tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali.

2010/0187 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-proposta li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim tal-21 ta’ Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Anness II dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill, u tal-Kummissjoni dwar il-Ftehim dwar Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002 dwar il-konklużjoni tas-seba’ ftehimiet mal-Konfederazzjoni Svizzera[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

1. Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni (iktar ’il quddiem “il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

2. L-Artikolu 18 tal-Ftehim jipprovdi li l-Kumitat Konġunt jista’, b’deċiżjoni, jadotta emendi għall-Ftehim, inter alia għall-Anness II tal-Ftehim, li jindirizza l-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali.

3. Sabiex jippreżerva applikazzjoni koerenti u korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE u sabiex jevita diffikultajiet amministrattivi u possibbilment legali, l-Anness II għall-Ftehim jeħtieġ li jiġi emendat sabiex jintegra l-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE li attwalment, il-Ftehim ma jagħmilx referenza għaliha.

4. Għall-għanijiet ta’ ċarezza u razzjonalità, l-Anness II u l-protokoll ta’ miegħu għandhom jiġu kkodifikati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Artikolu 14 tal-Ftehim tal-21 ta’ Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Anness II dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali stabbiliti fl-Anness A għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Dikjarazzjoni stabbilita fl-Anness B għal din id-Deċiżjoni hija approvata u għandha ssir f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt meta jadotta d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt u d-Dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 għandhom jiġu ppubblikati f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS A

Abbozz

DEĊIŻJONI Nru …/2010 TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-SVIZZERA DWAR IL-MOVIMENT LIBERU TAL-PERSUNI

ta’ …….. 2010

li jissostitwixxi l-Anness II dwar il- koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim tal-21 ta’ Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (iktar ’il quddiem “il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu,

Billi:

(1) Il-Ftehim ġie ffirmat fil-21 ta’ Ġunju 1999 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

(2) L-Anness II għall-Ftehim dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali ġie emendat l-aħħar permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/2006 tas-6 ta’ Lulju 2006 u għandu issa jiġi aġġornat sabiex iqis l-atti legali ġodda tal-Unjoni Ewropea li daħlu fis-seħħ minn dak iż-żmien ’il hawn, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali u l-miżuri adottati sabiex jiġi implimentat dan ir-regolament.

(3) Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 issostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71.

(4) Għall-għanijiet ta’ ċarezza u razzjonalità, l-Anness II u l-protokoll mehmuż miegħu għandhom jiġu kkonsolidati f’verżjoni legalment vinkolanti.

(5) L-Anness II għandu jinżamm konformi mal-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti fl-Unjoni Ewropea.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness II għall-Ftehim dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali għandu jiġi sostitwit mit-test fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni qed issir bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola u Svediża, u t-testi f’kull waħda minn dawn il-lingwi huma ugwalment awtentiċi.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara jum l-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, …. …….. 20...

Għall-Kumitat Konġunt

Il-President

ANNESS

‘Anness II

Koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali

Artikolu 1

(1) Il-partijiet kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti tal-Unjoni Ewropea li qiegħda ssir referenza għalihom fi, u kif emendati minn, sezzjoni A ta’ dan l-Anness, jew regoli ekwivalenti għal tali atti.

(2) It-terminu “Stat(i) Membru/i” inkluż fl-atti msemmija fis-sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandu jinftiehem li jinkludi lill-Isvizzera flimkien mal-Istati koperti mill-atti rilevanti tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

(1) Għall-għanijiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness, il-partijiet kontraenti għandhom jikkunsidraw debitament l-atti tal-Unjoni Ewropea msemmija fis-sezzjoni B ta’ dan l-Anness.

(2) Għall-għanijiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness, il-partijiet kontraenti għandhom jieħdu nota tal-atti tal-Unjoni Ewropea msemmija fis-sezzjoni C ta’ dan l-Anness.

Artikolu 3

(1) Dispożizzjonijiet speċjali li jikkonċernaw l-arranġamenti tranżitorji relatati mal-assigurazzjoni tal-qgħad għaċ-ċittadini ta’ ċerti Stati Membri tal-UE li huma detenturi ta’ permess ta’ residenza fl-Isvizzera validu għal inqas minn sena, rigward il-benefiċċji Svizzeri għal persuni li ma jistgħux jgħinu lilhom infushom u rigward il-benefiċċji taħt il-pjanijiet ta’ benefiċċji marbuta max-xogħol rigward il-pensjonijiet tal-anzjani, tas-superstiti u tal-invalidità huma stabbiliti fi protokoll għal dan l-Anness.

(2) Il-Protokoll jifforma parti integrali ta’ dan l-Anness.

SEZZJONI A: ATTI MSEMMIJA

1. Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali[2] (ĠU L 166, 30.4.2004), kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jemenda Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali, u li jiddetermina l-kontenut tal-Annessi tiegħu[3]

Għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandu jiġi adattat kif ġej:

a) Dan li ġej għandu jiżdied mal-Anness I, sezzjoni I

‘L-Isvizzera

Il-leġiżlazzjoni kantonali li tikkonċerna l-ħlas bil-quddiem ta’ pagamenti tal-manteniment fuq il-bażi tal-Artikoli 131(2) u 293(2) tal-Att Federali Ċivili.’

b) Dan li ġej għandu jiżdied mal-Anness I, sezzjoni II

‘L-Isvizzera

L-għotjiet għat-twelid u għall-adozzjoni skont il-leġiżlazzjoni kantonali rilevanti fuq il-bażi tal-Artikolu 3(2) tal-Att Federali dwar il-Benefiċċji tal-Familja.”

c) Dan li ġej għandu jiżdied mal-Anness II

‘Ġermanja-Svizzera

a) Konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-25 ta’ Frar 1964, kif emendata mill-Konvenzjonijiet Komplimentari Nru 1 tad-9 ta’ Settembru 1975 u Nru 2 tat-2 ta’ Marzu 1989:

i) punt 9b, il-paragrafu 1, Nru 1-4 tal-Protokoll Finali (leġiżlazzjoni applikabbli u intitolament għal benefiċċji mhux fi flus f’każ ta’ mard għar-residenti taż-żona Ġermaniża ta’ Büsingen);

ii) punt 9e, il-paragrafu 1(b), l-ewwel, it-tieni u raba’ sentenza, tal-Protokoll Finali (aċċess għall-assigurazzjoni volontarja f’każ ta’ mard fil-Ġermanja b’rilokazzjoni fil-Ġermanja).

b) Konvenzjoni dwar l-assigurazzjoni kontra l-qgħad tal-20 ta’ Ottubru 1982, kif emendata mill-Protokoll Addizzjonali tat-22 ta’ Diċembru 1992:

i) L-Artikolu 8(5), il-Ġermanja (distrett ta’ Büsingen) għandu jikkontribwixxi somma ekwivalenti għall-kontribuzzjoni kantonali skont il-liġi Svizzera għall-ispiża tal-postijiet attwali dwar miżuri ta’ impjiegi-promozzjoni għall-ħaddiema soġġetti għal din id-dispożizzjoni.

Spanja-Svizzera

Il-Punt 17 tal-Protokoll Finali għall-Konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali tat-13 ta’ Ottubru 1969, kif emendat mill-Konvenzjoni Komplimentari tal-11 ta’ Ġunju 1982; il-persuni assigurati taħt l-iskema Spanjola bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni huma eżentati mir-rekwiżit li jissieħbu fl-iskema ta’ assigurazzjoni Svizzera kontra l-mard.

Italja-Svizzera

L-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-14 ta’ Diċembru 1962, kif emendat mill-Konvenzjoni Komplimentari Nru 1 tat-18 ta’ Diċembru 1963, il-Ftehim Komplimentari tal-4 ta’ Lulju 1969, il-Protokoll Addizzjonali tal-25 ta’ Frar 1974 u l-Ftehim Komplimentari Nru 2 tat-2 ta’ April 1980.'

d) Dan li ġej għandu jiżdied mal-Anness IV,

“L-Isvizzera”

e) Dan li ġej għandu jiżdied mal-Anness VIII, parti 1

“L-Isvizzera

Il-pretensjonijiet kollha għall-pensjonijiet tal-anzjanità, tas-superstiti u tal-invalidità skont l-iskema bażika (il-Liġi Federali dwar l-assigurazzjoni tal-anzjanità u tas-superstiti u l-Liġi Federali dwar l-assigurazzjoni għall-invalidità) u għall-pensjonijiet statutorji tal-anzjanità taħt il-pjanijiet statutorji għall-benefiċċji relatati max-xogħol (il-Liġi Federali dwar il-pjanijiet tal-benefiċċji fuq il-post tax-xogħol għall-assigurazzjoni tal-anzjanità, tas-superstiti u tal-invalidità).”

f) Dan li ġej għandu jiżdied mal-Anness VIII, parti 2

“L-Isvizzera

Il-pensjonijiet tal-anzjanità, tas-superstiti u tal-invalidità skont il-pjanijiet statutorji għall-benefiċċji relatati max-xogħol (il-Liġi Federali dwar il-pjanijiet ta’ benefiċċji relatati max-xogħol għall-assigurazzjoni tal-anzjanità, tas-superstiti u tal-invalidità).”

g) Dan li ġej għandu jiżdied mal-Anness IX, parti II

“L-Isvizzera

Il-pensjonijiet tas-superstiti u tal-invalidità skont il-pjanijiet statutorji ta’ benefiċċji relatati max-xogħol (il-Liġi Federali dwar il-pjanijiet ta’ benefiċċji relatati max-xogħol għall-assigurazzjoni tal-anzjanità, tas-superstiti u tal-invalidità).”

h) Dan li ġej għandu jiżdied mal-Anness X

‘1. Benefiċċji supplimentari (Att Federali dwar il-Benefiċċji Supplimentari tad-19 ta’ Marzu 1965) u benefiċċji simili li hemm ipprovdut għalihom fil-leġiżlazzjoni kantonali.

2. Pensjonijiet f’każ ta’ tbatija taħt l-assigurazzjoni għall-invalidità (Artikolu 28 subparagrafu (1)(a) tal-Att Federali dwar l-Assigurazzjoni tal-Invalidità tad-19 ta’ Ġunju 1959, kif emendat fis-7 ta’ Ottubru 1994).

3. Benefiċċji mhux kontributorji mħalltin f’każ ta’ qgħad, kif hemm ipprovdut għalihom fil-leġiżlazzjoni kantonali.

4. Pensjonijiet għall-invalidità straordinarji mhux kontributorji għall-persuni b’diżabbiltà (Artikolu 39 tal-Att Federali dwar l-Assigurazzjoni tal-Invalidità tad-19 ta’ Ġunju 1959) li, qabel l-inkapaċità tagħhom għax-xogħol, ma kinux soġġetti għal-leġiżlazzjoni Svizzera fuq il-bażi ta’ attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha.’

i) Dan li ġej għandu jiżdied mal-Anness XI

‘L-Isvizzera

1. L-Artikolu 2 tal-Att Federali dwar l-Assigurazzjoni tal-Anzjanità u tas-Superstiti u l-Artikolu 1 tal-Att Federali dwar l-Assigurazzjoni tal-Invalidità, li jirregolaw assigurazzjoni volontarja f’dawn il-fergħat tal-assigurazzjoni għal residenti ta’ nazzjonalità Svizzera fi Stati li mhumiex soġġetti għal dan il-Ftehim, għandhom ikunu applikabbli għal persuni li għandhom ir-residenza tagħhom barra mill-Isvizzera li huma ta’ nazzjonalità ta’ Stati oħrajn li għalihom japplika dan il-Ftehim, u għal refuġjati u għal persuni bla stat li huma residenti fit-territorju ta’ dawn l-Istati, fejn dawn il-persuni jissieħbu fl-iskema tal-assigurazzjoni volontarja mhux iktar tard minn sena wara d-data li fiha huma ma jibqgħux koperti mill-assigurazzjoni tal-anzjanità, tas-superstiti u tal-invalidità wara perjodu kontinwu ta’ assigurazzjoni ta’ mill-inqas ħames snin.

2. Meta persuna ma tibqax aktar assigurata taħt l-assigurazzjoni tal-anzjanità, tas-superstiti u tal-invalidità wara perjodu kontinwu ta’ assigurazzjoni ta’ mill-inqas ħames snin, hija għandha tibqa’ intitolata sabiex tkun assigurata bil-qbil tal-impjegatur jekk taħdem fi Stat li għalih, dan il-Ftehim ma japplikax għal impjegatur fl-Isvizzera u jekk tissottometti applikazzjoni għal dan il-għan fi żmien sitt xhur mid-data li fiha ma tibqax assigurata.

3. Assigurazzjoni obbligatorja skont assigurazzjoni Svizzera kontra l-mard u eżenzjonijiet possibbli

(a) Id-dispożizzjonijiet legali Svizzeri li jirregolaw assigurazzjoni kontra l-mard obbligatorja għandhom japplikaw għall-persuni li ġejjin li mhumiex residenti fl-Isvizzera:

(i) persuni soġġetti għal dispożizzjonijiet legali Svizzeri skont it-Titolu II tar-Regolament;

(ii) persuni li għalihom, l-Isvizzera għandha tħallas l-ispejjeż tal-benefiċċji skont l-Artikoli 24, 25, 26 tar-Regolament;

(iii) persuni li jirċievu l-benefiċċji Svizzeri għall-assigurazzjoni kontra l-qgħad;

(iv) membri tal-familji li hemm referenza għalihom fi (i) u (iii) jew ta’ persuna impjegata jew li taħdem għal rasha fl-Isvizzera li tkun assigurata skont l-iskema tal-assigurazzjoni Svizzera kontra l-mard, sakemm dawn il-membri tal-familja ma jkunux residenti f’wieħed mill-Istati li ġejjin: id-Danimarka, Spanja, l-Ungerija, il-Portugall, l-Isvezja jew ir-Renju Unit;

(v) membri tal-familja ta’ persuni li ssir referenza għalihom f’(ii) jew ta’ pensjonant residenti fl-Isvizzera li huwa assigurat skont l-iskema tal-assigurazzjoni Svizzera kontra l-mard, sakemm dawn il-membri tal-familja ma jkunux residenti f’wieħed mill-Istati li ġejjin: id-Danimarka, il-Portugall, l-Isvezja jew ir-Renju Unit.

Minħabba li membri tal-familja huma meqjusin bħala dawk il-persuni li huma definiti bħala membri tal-familja skont il-leġiżlazzjoni tal-istat ta’ residenza.

(b) Persuni li hemm referenza għalihom f’(a) jistgħu, meta mitlubin, jiġu eżentati minn assigurazzjoni obbligatorja jekk u sakemm huma residenti f’wieħed mill-Istati li ġejjin u jistgħu jagħtu prova li huma eliġibbli għal kopertura fil-każ ta’ mard: il-Ġermanja, Franza, l-Italja, l-Awstrija, u, fir-rigward ta’ persuni li hemm referenza għalihom f’(a) (iv) u (v), il-Finlandja u, fir-rigward ta’ persuni li hemm referenza għalihom f'(a)(ii), il-Portugall.

Din it-talba

(aa) għandha tiġi ppreżentata fi żmien tliet xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu li tittieħed assigurazzjoni fl-Isvizzera; fejn, f’każijiet iġġustifikati, it-talba tiġi ppreżentata wara din id-data ta’ għeluq, l-eżenzjoni għandha tidħol fis-seħħ sa mill-bidu tal-obbligu tal-assigurazzjoni;

(bb) għandha tapplika għall-membri kollha tal-familja li jkollhom ir-residenza tagħhom fl-istess stat.

4. Meta persuna soġġetta għal dispożizzjonijiet legali Svizzeri skont it-Titolu II tar-Regolament tkun, f’applikazzjoni ta’ 3(b), soġġetta, għall-għanijiet ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, għad-dispożizzjonijiet legali ta’ Stat ieħor kopert b’dan il-Ftehim, l-ispejjeż ta’ dawn il-benefiċċji mhux fi flus għal inċidenti mhux fuq il-post tax-xogħol għandhom jinqasmu b’mod ugwali bejn l-assiguratur Svizzeru kontra inċidenti fuq il-post tax-xogħol u inċidenti mhux fuq il-post tax-xogħol u mard industrijali u l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni kontra l-mard kompetenti jekk jeżisti intitolament għall-benefiċċji mhux fi flus miż-żewġ korpi. L-assiguratur Svizzeru kontra inċidenti fuq il-post tax-xogħol u inċidenti mhux fuq il-post tax-xogħol u mard industrijali għandu jissodisfa l-ispejjeż kollha fil-każ ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol, inċidenti lejn il-post tax-xogħol jew mard industrijali, saħansitra meta jkun hemm intitolament għall-benefiċċji minn korp tal-assigurazzjoni kontra l-mard fil-pajjiż ta’ residenza.

5. Persuni li jkunu qegħdin jaħdmu, iżda li ma għandhomx ir-residenza tagħhom fl-Isvizzera u li għandhom kopertura tal-assigurazzjoni statutorja fl-Istat ta’ residenza tagħhom skont il-punt 3(b), kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, għandhom jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament matul żjara fl-Isvizzera.

6. Għall-għanijiet li jiġu applikati l-Artikoli 18, 19, 20, 27 tar-Regolament fl-Isvizzera, l-assiguratur kompetenti għandu jħallas l-ispejjeż kollha ffatturati.

7. Perjodi ta’ assigurazzjoni ta’ benefiċċju ta’ kuljum imwettqa skont l-iskema ta’ assigurazzjoni ta’ Stat ieħor li għalih japplika dan il-Ftehim, għandhom jiġu kkunsidrati għat-tnaqqis jew għat-tneħħija ta’ riżerva possibbli fl-assigurazzjoni tal-benefiċċju ta’ kuljum fil-każ ta’ maternità jew mard fejn il-persuna ssir assigurata ma’ assiguratur Svizzeru fi żmien tliet xhur minn meta ma tibqax koperta mill-assigurazzjoni f’pajjiż ieħor.

8. Fejn persuna li kienet impjegata bi ħlas jew persuna li taħdem għal rasha fl-Isvizzera u li tkopri l-ħtiġijiet vitali tagħha kellha twaqqaf l-attività tagħha minħabba inċident jew mard u ma tkunx aktar soġġetta għal-leġiżlazzjoni Svizzera dwar l-assigurazzjoni kontra l-invalidità, hija għandha titqies li hija koperta minn dik l-assigurazzjoni għall-għanijiet ta’ eliġibbiltà għal miżuri ta’ riabilitazzjoni sal-ħlas ta’ pensjoni tal-invalidità u tul il-perjodu kollu li matulu hija tibbenefika minn dawn il-miżuri diment li hija ma tkunx assumiet attività ġdida barra mill-Isvizzera.'

2. Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali[4]

Għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 għandu jiġi addattat kif ġej:

a) Dan li ġej għandu jiżdied mal- Anness 1

‘Arranġament bejn l-Isvizzera u Franza tas-26 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi l-proċeduri speċjali għar-rimborż ta’ benefiċċji tal-kura tas-saħħa

Arranġament bejn l-Isvizzera u l-Italja tas-17 ta’ Novembru 2005 li jistabbilixxi l-proċeduri speċjali għar-rimborż tal-benefiċċji tal-kura tas-saħħa’

3. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008[5] u meta ssir referenza għalih fir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 jew Nru 987/2009 jew meta jkun hemm każijiet ikkonċernati li seħħew fil-passat.

4. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta' Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 120/2009 tad-9 ta’ Frar 2009[6] u meta ssir referenza għalih fir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 jew Nru 987/2009 jew meta jkun hemm każijiet ikkonċernati li seħħew fil-passat.

5. 398 L 49 Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE tad-29 ta’ Ġunju 1998[7] dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari ta’ persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità.

SEZZJONI B: ATTI LI L-PARTIJIET KONTRAENTI GĦANDHOM IQISU BIR-REQQA

(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru A1 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ djalogu u konċiljazzjoni dwar il-validità ta’ dokumenti, id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli u d-dispożizzjoni ta’ benefiċċji skont ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[8].

(2) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru A2 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli għal ħaddiema mibgħuta jaħdmu post ieħor u ħaddiema li jaħdmu għal rashom li temporanjament jaħdmu barra mill-Istat kompetenti[9].

(3) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru A3 tas-17 ta’ Diċembru 2009 dwar l-aggregazzjoni ta’ perjodi ta’ xogħol f’post ieħor bla interruzzjoni mwettqa skont ir-Regolamenti Nru 1408/71 u 883/2004[10].

(4) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru E1 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-arranġamenti prattiċi għall-perjodu tranżitorju għall-iskambju ta’ dejta permezz ta’ mezzi elettroniċi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru. 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[11].

(5) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru F1 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 68 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar ir-regoli ta’ prijorità fil-każ li jkun hemm koinċidenza ta’ benefiċċji tal-familja[12].

(6) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru H1 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas għat-tranżizzjoni mir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 u Nru 574/72 għar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-applikazzjoni ta’ Deċiżjonijiet u Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali[13].

(7) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru H2 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar il-metodi ta’ tħaddim u l-kompożizzjoni tal-Kummissjoni Teknika għall-Ipproċessar ta’ Dejta tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali[14].

(8) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru H 3 tal-15 ta’ Ottubru 2009 dwar id-data li għandha titqies għall-istabbiliment tar-rati ta’ kambju li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [15] .

(9) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru H 4 tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar il-kompożizzjoni u metodi ta’ ħidma tal-Bord tal-Verifika tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni ta’ Sistemi tas-Sigurtà Soċjali[16].

(10) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru H 5 tat-18 ta’ Marzu 2010 dwar il-koperazzjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi u żbalji fi ħdan il-qafas tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali[17].

(11) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru P1 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 50(4), 58 u 87(5) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-għoti tal-benefiċċji tal-Invalidità, tal-Anzjanità u tas-Superstiti[18].

(12) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru S1 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa[19].

(13) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru S2 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa[20].

(14) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru S3 tat-12 ta’ Ġunju 2009 li tiddefinixxi l-benefiċċji koperti mill-Artikoli 19(1) u 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Artikolu 25(A)(3) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [21].

(15) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru S4 tat-2 ta’ Ottubru 2009 dwar il-proċeduri ta’ rifużjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 35 u 41 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [22].

(16) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru S5 tat-2 ta’ Ottubru 2009 dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘benefiċċji in natura ’ kif definit fl-Artikolu 1 (va) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 fil-każ ta’ mard jew maternità skont l-Artikolu 17, l-Artikolu 19, l-Artikolu 20, l-Artikolu 22, l-Artikolu 24 (1), l-Artikolu 25, l-Artikolu 26, l-Artikolu 27 (1, 3, 4 u 5), l-Artikolu 28, l-Artikolu 34 u l-Artikolu 36 (1 u 2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u dwar il-kalkolu tal-ammonti li għandhom jintraddu lura skont l-Artikoli 62, 63 u 64 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [23].

(17) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru S6 tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar ir-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ta’ residenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 u l-kompilazzjoni tal-inventarji li hemm ipprovdut għalihom fl-Artikolu 64 (4) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009[24].

(18) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru S7 tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar it-tranżizzjoni mir-Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u Nru 574/72 għar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u Nru 987/2009 u l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ rimborż[25].

(19) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi Soċjali ta’ Sigurtà Nru U1 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-Artikolu 54(3) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żidiet fil-benefiċċju kontra l-qgħad għal membri dipendenti tal-familja[26].

(20) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru U2 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-iskop tal-Artikolu 65(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt ta’ benefiċċji kontra l-qgħad ta’ persuni qiegħda għal kollox għajr ħaddiema tal-fruntiera li kienu residenti fit-territorju ta’ Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru kompetenti matul l-aħħar perjodu ta’ impjieg jew ta’ xogħol għal rashom[27].

(21) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru U3 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-iskop tal-kunċett ta’ ‘qgħad parzjali’ applikabbli għall-persuni qiegħda li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 65(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004[28].

SEZZJONI C: ATTI LI L-PARTIJIET KONTRAENTI GĦANDHOM JIEĦDU NOTA TAGĦHOM

1 Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru U1 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-persuni qiegħda li jinvolvu ruħhom f’attività professjonali jew ta’ snajja’ part-time fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat ta’ residenza[29].

2 Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru U2 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 64(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għall-persuni qiegħda li jakkompanjaw lill-konjugi jew lill-imsieħba tagħhom waqt li jkunu qed isegwu attività professjonali jew kummerċjali fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat kompetenti[30].

Protokoll għall-Anness II għall-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni

I. Assigurazzjoni kontra l-qgħad

L-arranġamenti li ġejjin għandhom japplikaw għall-ħaddiema li huma ċittadini tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika tas-Slovakkja sat-30 ta’ April 2011 u għall-ħaddiema li huma ċittadini tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija sal-31 ta’ Mejju 2016.

1. Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw fir-rigward ta’ assigurazzjoni kontra l-qgħad għall-ħaddiema li għandhom permess ta’ residenza b’perjodu ta’ validità ta’ inqas minn sena:

1.1 Ħaddiema biss li ħallsu kontribuzzjonijiet fl-Isvizzera għall-perjodu minimu meħtieġ skont l-Att Federali dwar l-Assigurazzjoni kontra l-Qgħad u l-Indennizzi fil-Każ ta’ Insolvenza ( loi fédérale sur l'assurance-chômage obligatoire et l'indemnité en cas d'insolvabilité - LACI)[31] u li jissodisfaw ukoll il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà l-oħrajn għall-benefiċċji kontra l-qgħad, għandhom ikunu intitolati għal tali benefiċċju pprovdut mill-assigurazzjoni kontra l-qgħad skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi.

1.2 Parti mill-kontribuzzjonijiet intaxxati għall-ħaddiema li l-perjodu ta’ kontribuzzjoni tagħhom ikun qasir wisq sabiex jingħata intitolament għall-benefiċċju kontra l-qgħad fl-Isvizzera skont 1.1 għandha tingħata lura lill-Istati ta’ oriġini tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ta’ 1.3. sabiex ikun hemm kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-benefiċċji pprovduti lil dawn il-ħaddiema fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ qgħad totali; imbagħad dawn il-ħaddiema ma għandu jkollhom ebda intitolament għall-benefiċċju fil-każ li huma jisfaw qiegħda totalment fl-Isvizzera. Madankollu, huma għandhom ikunu intitolati għall-benefiċċji għal żmien ħażin u fil-każ li impjegatur isir insolventi. Il-benefiċċji fil-każ ta’ qgħad totali għandhom jitħallsu mill-Istat ta’ oriġini, diment li l-ħaddiema kkonċernati jagħmlu lilhom infushom disponibbli għax-xogħol. Perjodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-Isvizzera għandhom jitqiesu bl-istess mod bħallikieku jkunu twettqu fl-Istat ta’ oriġini.

1.3 Il-porzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet intaxxati għall-ħaddiema li hemm referenza għalihom f’1.2 għandhom jingħataw lura fuq bażi annwali skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

a) Il-kontribuzzjonijiet totali ta’ dawn il-ħaddiema għandhom jiġu kkalkolati, skont il-pajjiż, fuq il-bażi tan-numru annwali ta’ ħaddiema impjegati u l-kontribuzzjonijiet annwali medji mħallsa għal kull ħaddiem (kontribuzzjonijiet tal-impjegatur u tal-impjegati).

b) Mill-ammont ikkalkulat b’dan il-mod, porzjon minnu li jikkorrispondi għas-sehem relattiv irrappreżentat mill-benefiċċju kontra l-qgħad bħala perċentwal tal-benefiċċji kollha li hemm referenza għalihom f’1.2 għandu jintradd lura lill-Istati ta’ oriġini tal-ħaddiema, u porzjon għandu jinżamm mill-Isvizzera bħala riserva għall-benefiċċji sussegwenti.[32]

c) L-Isvizzera għandha, fuq bażi annwali, tipprovdi dikjarazzjoni li turi l-kontribuzzjonijiet irrimborsati. Jekk l-Istati ta’ oriġini jitolbu dan, għandha tindika l-bażi għall-kalkolu u s-somom irrimborsati. L-Istati ta’ oriġini għandhom jinnotifikaw lill-Isvizzera kull sena bin-numru ta’ riċevituri tal-benefiċċju kontra l-qgħad kif hemm referenza għalih f’1.2.

2. Jekk Stat Membru kkonċernat minn dan l-arranġament, jiltaqa’ ma’ diffikultajiet bit-temm tal-arranġament għar-rifużjoni tal-kontribuzzjonijiet, jew l-Isvizzera tiltaqa’ ma’ diffikultajiet bl-arranġament ta’ aggregazzjoni, il-kwistjoni tista’ tiġi riferuta lill-Kumitat Konġunt minn xi parti kontraenti.

II. Benefiċċji għal persuni li ma jifilħux jieħdu ħsieb lilhom infushom

Benefiċċji għal persuni li ma jifilħux jieħdu ħsieb lilhom infushom mogħtija skont l-Att Federali tad-19 ta’ Ġunju 1959 dwar l-assigurazzjoni għall-invalidità (LAI) u skont l-Att Federali tal-20 ta’ Diċembru 1946 dwar pensjonijiet tal-anzjanità u tas-superstiti (LAVS)” tal-Isvizzera kif emendat fit-8 ta’ Ottubru 1999 għandhom jingħataw esklussivament jekk il-persuna kkonċernata jkollha r-residenza tagħha fl-Isvizzera.

III. Il-pjanijiet ta’ benefiċċju tax-xogħol li jikkonċernaw il-pensjonijiet tal-anzjanità, tas-superstiti u tal-invalidità

Minkejja l-Artikolu 10 (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, il-benefiċċju inerenti li hemm ipprovdut għalih skont l-Att Federali dwar il-moviment liberu fost pjanijiet ta’ benefiċċju tax-xogħol dwar il-pensjonijiet tal-anzjanità, tas-superstiti u tal-invalidità ( Loi fédérale sur le libre passage dans la prévoyance professionnelle vieillesse, survivants et invalidité ) tas-17 ta’ Diċembru 1993 għandu jitħallas fuq talba lil persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li jkollha l-intenzjoni li tħalli l-Isvizzera għal dejjem u li, skont it-Titolu II tar-Regolament, ma tibqax iktar soġġetta għal-liġi Svizzera, diment li titlaq mill-Isvizzera fi żmien ħames snin minn meta dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ. '

ANNESS B

DIKJARAZZJONI

dwar id-Dikjarazzjoni tal-attendenza Svizzera fil-kumitati

Fid-Dikjarazzjoni dwar l-attendenza Svizzera fil-kumitati (ĠU L 114 tat-30.4.2002 p.72), it-tieni inċiż ‘- Kummissjoni Amministrattiva dwar is-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema Immigranti’ għandha tinftiehem bħala li minn issa ’l quddiem tirreferi għall-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tal-Iskemi tas-Sigurtà Soċjali kif stabbilit bl-Artikolu 71 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

[1] ĠU L 114, 30.4.2002, p. 1.

[2] ĠU L 166, 30.4.2004, p.1

[3] ĠU L 284, 30.10.2009, p. 43

[4] ĠU L 284, 30.10.2009, p.1

[5] ĠU L 177, 4.7.2008, p.1

[6] ĠU L 39, 10.2.2009, p.29

[7] ĠU L 209, 25.7.98, p. 46

[8] ĠU C 106, 24.4.2010, p.1

[9] ĠU C 106, 24.4.2010, p.5

[10] ĠU C…, p.

[11] ĠU C 106, 24.4.2010, p.9

[12] ĠU C 106, 24.4.2010, p.11

[13] ĠU C 106, 24.4.2010, p.13

[14] ĠU C 106, 24.4.2010, p.17

[15] ĠU C 106, 24.4.2010, p.56

[16] ĠU C 107, 27.4.2010, p.3

[17] ĠU C…, p…

[18] ĠU C 106, 24.4.2010, p.21

[19] ĠU C 106, 24.4.2010, p.23

[20] ĠU C 106, 24.4.2010, p.26

[21] ĠU C 106, 24.4.2010, p.40

[22] ĠU C 106, 24.4.2010, p.52

[23] ĠU C 106, 24.4.2010, p.54

[24] ĠU C 107, 27.4.2010, p.6

[25] ĠU C 107, 27.4.2010, p.8

[26] ĠU C 106, 24.4.2010, p.42

[27] ĠU C 106, 24.4.2010, p.43

[28] ĠU C 106, 24.4.2010, p.45

[29] ĠU C 106, 24.4.2010, p.49

[30] ĠU C 106, 24.4.2010, p.51

[31] Fil-preżent 12-il xahar.

[32] Kontribuzzjonijiet irrimborsati għall-ħaddiema li sejrin jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-benefiċċju kontra l-qgħad fl-Isvizzera wara li jkunu ħallsu kontribuzzjonijiet għal mill-inqas 12-il xahar – fuq bosta perjodi ta’ residenza - fi żmien sentejn.

Top