Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0446

    Ir-responsabilità soċjali tal-kumpanniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 25 ta’ Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali (2009/2201(INI))

    ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 101–111 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.4.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 99/101


    Il-Ħamis 25 ta’ Novembru 2010
    Ir-responsabilità soċjali tal-kumpanniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali

    P7_TA(2010)0446

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali (2009/2201(INI))

    2012/C 99 E/19

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 12, 21, 28, 29, 30 u 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 10, 48, 138, 139, 153, 156, 191, 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-OECD fir-rigward tal-Intrapriżi Multinazzjonali, id-dikjarazzjoni tal-prinċipji tripartitiċi dwar l-intrapriżi multinazzjonali u l-politika soċjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll il-kodiċi ta’ mġiba miftiehma taħt il-patroċinju tal-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-FAO, id-WHO u l-Bank Dinji, u l-isforzi magħmula taħt l-awspiċji tal-UNCTAD f'dak li jikkonċerna l-attivtajiet tal-intrapriżi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

    wara li kkunsidra l-inizjattiva Global Compact, imnedija min-Nazzjonijiet Uniti f'Settembru 2000, u r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 'Lejn sħubiji dinjija - Tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn in-Nazzjonijiet Uniti u s-sħab kollha kkonċernati, b'mod partikolari s-settur privat, tal-10 ta’ Awwissu 2005 (05-45706 (E) 020905), u t-tħabbir tal-Global Compact u tal-inizjattiva Global Reporting tan-Nazzjonijiet Uniti tad-9 ta’ Ottubru 2006, kif ukoll il-prinċipji għall-investiment responsabbli mnedija f'Jannar 2006 min-Nazzjonijiet Uniti u kkoordinati mill-UNEP Finance Initiative u mill-UN Global Compact,

    wara li kkunsidra n-“Normi dwar ir-responsabilitajiet tal-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi ta’ negozju oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem” tan-Nazzjonijiet Uniti adottati f'Diċembru 2003 (1),

    wara li kkunsidra l-Global Reporting Initiative (GRI) imnedija fl-1997 (2), il-linji gwida aġġornati dwar it-tfassil ta’ rapporti dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-G3, ippubblikati fil-5 ta’ Ottubru 2006, u l-Linji gwida G4 li qed jitħejjew bħalissa mill-GRI,

    wara li kkunsidra r-riżultat tas-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar f'Johannesburg fl-2002, b'mod partikolari l-istedina għal inizjattivi dwar il-kwistjoni tar-responsabilità soċjali tal-intrapriżi u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2002 dwar is-segwitu tas-Summit (3),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-drittijiet tal-bniedem dwar ir-responsabilità fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem tal-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi oħra, tal-15 ta’ Frar 2005 (E/CN.4/2005/91, 2005),

    wara li kkunsidra r-rapport tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali inkarigat mill-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi oħra “Promozzjoni u protezzjoni tad-drittijiet kollha tal-bniedem, ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, inkluż id-dritt għall-iżvilupp”, tas-7 ta’ April 2008 (A/HRC/8/5 2008), u l-ħidma li għaddejja fuq ir-rapport li jmiss ippjanat għall-2011,

    wara li kkunsidra r-rapport tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali inkarigat mill-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi oħra: Drittijiet tal-Bniedem u Kummerċjali: Aktar passi lejn l-operazzjonalizzazzjoni tal-qafas “protezzjoni, rispett u rimedju”, minn John Ruggie tad-9 ta’ April 2010 (A/HRC/14/27),

    wara li kkunsidra l-istandards u l-mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni u ta’ tikkettjar marbuta mal-imġiba tal-intrapriżi fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli, tat-tibdil fil-klima u tat-tnaqqis tal-faqar, bħall-istandard SA 8000 li jikkonċerna l-projbizzjoni tat-tħaddim tat-tfal u n-normi tal-AFNOR u tal-ISO fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli,

    wara li kkunsidra l-proċess Kimberley fir-rigward tal-kontroll tal-kummerċ tad-djamanti mhux ipproċessati,

    wara li kkunsidra l-inizjattivi meħuda fi Stati Membri differenti biex tiġi promossa r-responsabilità soċjali tal-kumpaniji u b'mod partikolari l-ħolqien fid-Danimarka ta’ Ċentru governattiv għas-CSR, li jikkoordina l-inizjattivi leġiżlattivi tal-gvern favur is-CSR u jelabora għodda prattika għall-intrapriżi (4),

    wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tal-1979, id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, li ġiet adottata bir-Riżoluzzjoni 61/295 tal-Assemblea Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2007, u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,

    wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar l-ambjent bħall-Protokoll ta’ Montreal dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu (1987), il-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll tal-Moviment Transkonfinali ta’ Skart Perikoluż (1999), il-Protokoll ta’ Cartegena dwar il-Bijosikurezza (2000) u l-Protokoll ta’ Kjoto (1997),

    wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-14 ta’ Marzu 2003 dwar il-Green Paper bl-isem ta’ “Nippromwovu qafas Ewropew għar-responsabilità soċjali tal-intrapriżi”,

    wara li kkunsidra r-rapport finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-Forum Plurilaterali Ewropew dwar is-CSR tad-29 ta’ Ġunju 2004, inkluża s-Seba' Rakkomandazzjoni li tappoġġa l-azzjonijiet bl-għan li jiġi ffissat il-Qafas Ġuridiku adegwat,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968, hekk kif ikkonsolidata mir-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (5), u l-Green Paper tal-21 ta’ April 2009 tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001,

    wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bl-isem “Nippromwovu Qafas Ewropew għar-Responsabilità Soċjali tal-Intrapriżi” (COM(2001)0366), li mbagħad saret il-White Paper bl-isem “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-CSR: kontribuzzjoni tal-intrapriżi għall-iżvilupp sostenibbli” (COM(2002)0347),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/453/KE tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar ir-rikonoxximent, il-kejl u l-iżvelar ta’ kwistjonijiet ambjentali fil-kontijiet annwali u r-rapporti annwali tal-kumpaniji (6) (notifikata fid-dokument Nru C(2001)1495),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2004 bit-titlu “Dimensjoni Soċjali tal-Globalizzazzjoni - il-kontribut ta’ politika tal-UE biex igawdi kulħadd” (COM(2004)0383),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-22 ta’ Marzu 2006 lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bl-isem “L-Implimentazzjoni tas-Sħubija għat-Tkabbir u l-Impjiegi: nagħmlu l-Ewropa pilastru ta’ eċċellenza dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-impriżi” (COM(2006)0136),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-24 ta’ Mejju 2006 bit-titlu “Promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd: il-kontribuzzjoni tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-aġenda tax-xogħol deċenti għal kulħadd” (COM(2006)0249),

    wara li kkunsidra s-sistema ġeneralizzata ta’ preferenzi (SPG), fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2006, li tikkonċedi aċċess liberu ta’ drittijiet jew ta’ tnaqqis tad-drittijiet għal għadd akbar ta’ prodotti u tinkludi wkoll miżura ġdida ta’ inċentiv għall-benefiċċju tal-pajjiżi vulnerabbli li għandhom bżonnijiet kummerċjali, finanzjarji jew ta’ żvilupp partikolari,

    wara li kkunsidra l-Kapitolu 13 tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Korea t'Isfel, iffirmat f'Ottubru 2009, skont liema Ftehim il-“partijiet jagħmlu sforz biex jiffaċilitaw u jippromwovu l-kummerċ tal-merkanzija li jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli, fosthom dawk fil-kuntest tal-iskemi bħall-kummerċ ġust u etiku u dawk li jimplikaw ir-responsabilità soċjali tal-intrapriżi u l-obbligu tagħhom li jipprovdu l-kontabilità”,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 270(3) tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù, iffirmat f'Marzu 2010, skont liema ftehim “il-partijiet ftiehmu li jippromwovu l-prattiki kummerċjali tajba marbuta mar-responsabilità soċjali tal-intrapriżi”, u wara li kkunsidra l-Artikolu 270(4) tal-ftehim, li jiddikjara li “l-partijiet jirrikonoxxu li mekkaniżmi flessibbli, volontarji u bbażati fuq inċentivi jistgħu jikkontribwixxu għal koerenza bejn il-prattiki kummerċjali u l-objettivi tal-iżvilupp sostenibbli”,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-segwitu tal-Green Paper rigward il-promozzjoni ta’ qafas Ewropew għar-responsabilità soċjali tal-intrapriżi (7),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Frar 2003 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji (8),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/600/KE tat-12 ta’ Lulju 2005 gwar Linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, li tħeġġeġ lill-Istati Membri jinkuraġġixxu lill-intrapriżi jiżviluppaw is-CSR (9),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2010 dwar it-tħaddim tat-tfal (10),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 761/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2001 li jippermetti l-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fl-iskema Komunitarja għall-immaniġġjar tal-ambjent u verifika (EMAS) (11),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2003 dwar il-bilanċ ta’ kontijiet annwali u konsolidati ta’ ċerti kumpaniji, banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra u impriżi tal-assigurazzjoni (12),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (13),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 1999 dwar l-istandards tal-UE għall-Intrapriżi Ewropej li joperaw fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw: lejn Kodiċi ta’ Mġiba Ewropew (14), li jirrakkomanda l-ħolqien ta’ Mudell Ewropew ta’ Kodiċi ta’ Mġiba appoġġjat minn Pjattaforma Ewropea ta’ Monitoraġġ,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2001 dwar il-ftuħ u d-demokrazija fil-kummerċ internazzjonali (15), fejn talab li jiġu rispettati n-normi soċjali fundamentali tal-ILO mid-WTO, kif ukoll li d-WTO taċċetta d-deċiżjonijiet tal-ILO, inklużi talbiet eventwali għal sanzjonijiet, b'rabta ma’ ksur gravi tan-normi soċjali ewlenin,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2002 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali intitolata “Il-Promozzjoni tal-Istandards Bażiċi tax-Xogħol u t-Titjib fil-Governanza Soċjali fil-kuntest tal-Globalizzazzjoni” (16),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Mejju 2003 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji: kontribuzzjoni tal-intrapriżi għall-iżvilupp sostenibbli (17),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2005 dwar l-isfruttament tat-tfal fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, b'enfasi speċjali fuq it-tħaddim tat-tfal (18),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2005 dwar id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni (19),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2006 dwar il-Kummerċ Ġust u l-Iżvilupp (20),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2007 dwar ir-responsabiltà soċjali tal-intrapriżi: sħubija ġdida (21),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar il-promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd (22), fejn talab li n-normi soċjali jiddaħħlu fil-Ftehimiet Kummerċjali tal-UE - partikolarment il-ftehimiet bilaterali - f'isem il-promozzjoni ta’ impjieg deċenti,

    wara li kkunsidra s-seduta ta’ smigħ “Ir-responsabilità soċjali tal-intrapriżi fil-kummerċ internazzjonali”, organizzata fit-23 ta’ Frar 2010 mill-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7–0317/2010),

    A.

    billi l-kumpaniji u l-filjali tagħhom huma waħda mill-protagonisti ewlenin tal-globalizzazzjoni ekonomika u tal-iskambji kummerċjali internazzjonali,

    B.

    billi jitqiesu l-linji gwida tal-OECD għall-intrapriżi multinazzjonali adottati fl-2000 u aġġornati fl-2010, ir-rakkomandazzjonijiet li l-gvernijiet jagħtu lill-intrapriżi u li jħabbru normi volontarji ta’ mġiba responsabbli, fir-rispett tal-liġijiet applikabbli, b'mod partikolari fil-qasam tal-impjieg, tar-relazzjonijiet mas-sħab soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ambjent, tal-interessi tal-konsumatur, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u tal-evażjoni fiskali,

    C.

    billi d-dikjarazzjoni tripartitika dwar l-intrapriżi multinazzjonali tal-ILO hija intiża biex tiggwida lill-gvernijiet, lill-intrapriżi multinazzjonali, lill-ħaddiema fl-oqsma tal-impjieg, tat-taħriġ, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, tar-relazzjonijiet professjonali, dikjarazzjoni li tinkludi l-impenn tal-Istati li jirrispettaw u jippromwovu l-erba' normi ewlenin tal-impjieg: il-libertà ta’ assoċjazzjoni u d-dritt għal negozju kollettiv; l-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ xogħol furzat; l-abolizzjoni tat-tħaddim tat-tfal; u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjiegi,

    D.

    billi l-Patt Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti, jew Global Compact, magħmul minn għaxar prinċipji, jitlob lill-intrapriżi jħaddnu, jappoġġjaw, u jimplimentaw, fl-isfera ta’ influwenza tagħhom, ġabra ta’ valuri ewlenin fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istandards ewlenin tax-xogħol, tal-ambjent u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li l-kumpaniji għandhom jimpenjaw rwieħhom li jsegwu u li għandhom jintegraw fl-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom fuq bażi volontarja,

    E.

    billi jiġu kkunsidrati x-xogħlijiet attwali tal-aġġornament tal-linji gwida tal-OECD fir-rigward tal-intrapriżi multinazzjonali u b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw it-titjib tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali u s-sistema ta’ responsabilità għall-katini tal-provvista,

    F.

    billi l-istandards internazzjonali, bħal pereżempju l-“Global Reporting Initiative”, jew il-mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni u ta’ tikkettjar, bħan-norma ISO 14 001 jew b'mod iktar partikolari n-norma riċenti ISO 26 000, liema standard jiġbor fih linji gwida u japplika għal kull tip ta’ organizzazzjoni, jgħinu lill-kumpaniji biex jevalwaw l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-attivitajiet tagħhom, billi jiġi integrat il-kunċett tal-iżvilupp sostenibbli, iżda dawn huma effikaċi biss jekk jiġu applikati b'mod effettiv u jekk jiġu sottomessi għal verifiki,

    G.

    billi tiġi kkunsidrata r-responsabilità soċjali tal-kumpaniji (CSR), espressa fl-istandard ISO 26 000, bħala r-“responsabilità ta’ organizzazzjoni vis-à-vis l-impatti tad-deċiżjonijiet tagħha u tal-attivitajiet tagħha fuq is-soċjetà u l-ambjent, li jwasslu għal imġiba trasparenti u etika li: tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll għas-saħħa u l-benesseri tas-soċjetà; tikkunsidra l-isforzi tal-partijiet ikkonċernati; tirrispetta l-liġijiet fis-seħħ u hija kompatibbli mar-regoli internazzjonali; u hija integrata fit-totalità tal-organizzazzjoni u implimentata fir-relazzjonijiet tagħha”, li dwarha ntlaħaq ftehim minn parti kbira tas-soċjetà ċivili u mill-moviment trejdjunjonistiku internazzjonali,

    H.

    billi jitqies l-objettiv espress mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2006, li l-Unjoni Ewropea ssir “pilastru ta’ eċċellenza fil-qasam tar-responsabilità soċjali tal-kumpaniji', filwaqt li s-CSR tiġi ppreżentata bħala 'aspett tal-mudell soċjali Ewropew”, u tikkostitwixxi “mezz għad-difiża tas-solidarjetà, tal-koeżjoni u tal-opportunitajiet indaqs fil-kuntest ta’ kompetizzjoni dinjija miżjuda”,

    I.

    billi jiġi kkunsidrat ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-KESE u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-eżerċizzju ta’ sorveljanza tas-suq tal-bejgħ bl-imnut bl-isem 'Lejn suq intern tal-bejgħ bl-imnut iktar effiċjenti u iktar ġust għall-2020 (COM(2010)0355)., u l-Anness tiegħu li jgħid li l-“konsumatur normalment ma jkollux biżżejjed informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-bejjiegħa f'termini ta’ responsabilità soċjali. Għalhekk huwa ma jkunx jista' jagħmel għażla informata fir-rigward tal-metodi tax-xiri tiegħu”,

    J.

    billi, bi qbil mat-trattati, il-politika kummerċjali għandha titmexxa b'koerenza mat-totalità tal-objettivi tal-Unjoni Ewropea, inkluż l-objettivi soċjali, ambjentali u ta’ għajnuna għall-iżvilupp tagħha,

    K.

    billi l-Unjoni Ewropea diġà tqiegħed bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ ċerti preferenzi kummerċjali r-ratifika mis-sħab tagħha tal-konvenzjonijiet prinċipali tal-ILO u li ħadet l-impenn, mill-2006, li tippromwovi r-rispett tal-impjieg deċenti, permezz tal-politiki esterni kollha tagħha, inkluża l-politika kummerċjali,

    L.

    billi l-ftehimiet bilaterali ta’ skambju ħieles tagħha issa jinkludu kapitolu ddedikat għall-iżvilupp sostenibbli li jinkludi objettivi ambjentali u soċjali, u r-rispett tar-regoli f'dan il-qasam,

    M.

    billi n-non-rispett tal-prinċipji tas-CSR jikkostitwixxi forma ta’ dumping soċjali u ambjentali li jagħmel ħsara b'mod partikolari lill-intrapriżi u lill-ħaddiema fl-Ewropa li, min-naħa tagħhom, huma soġġetti għar-rispett tal-ogħla normi soċjali, ambjentali u fiskali,

    N.

    billi jkun normali li l-kumpaniji Ewropej li jċaqilqu l-unitajiet ta’ produzzjoni tagħhom lejn il-pajjiżi b'salarji baxxi u b'inqas obbligi ambjentali jkunu meqjusa bħala iktar responsabbli, quddiem il-qrati Ewropej, minn dannu ambjentali u soċjali eventwali jew esternalitajiet negattivi oħra li jinħassu fil-komunitajiet lokali, ikkawżati mill-filjali tagħhom f'dawn il-pajjiżi,

    O.

    billi tiġi kkunsidrata d-diversità enormi ta’ rabtiet li jistgħu jeżistu bejn il-kumpanija prinċipali u l-filjali tagħha min-naħa l-waħda, u bejn il-kumpanija u l-fornituri tagħha min-naħa l-oħra; u l-ħtieġa li jiġu ppreċiżati l-kunċetti tal-isfera ta’ influwenza u ta’ 'diliġenza dovuta' fil-livell internazzjonali,

    P.

    billi jiġi kkunsidrat li l-kumpaniji mhumiex sottomessi direttament għal-liġi internazzjonali u li l-konvenzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt għall-impjieg u l-ħarsien tal-ambjent, huma vinkolanti għall-Istati firmatarji iżda mhux direttament għall-kumpaniji li għandhom is-sedi tagħhom f'dawn l-Istati; billi, madankollu, huwa f'idejn dawn l-Istati li jiżguraw li dawk il-kumpaniji li għandhom is-sedi tagħhom fit-territorju tagħhom jirrispettaw l-obbligi ġuridiċi tagħhom u josservaw id-dmir tad-diliġenza, u li jipprevedu sanzjonijiet xierqa u adegwati jekk dan ma jkunx il-każ,

    Q.

    billi jiġu kkunsidrati d-drittijiet fundamentali għal rikors effettiv u għal aċċess għal tribunal imparzjali u indipendenti, liema drittijiet huma kkonfermati mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 8 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

    R.

    billi jiġi kkunsidrat il-prinċipju ta’ koperazzjoni ġudizzjarja, ikkonfermat mill-ġdid mill-Konvenzjoni ta’ Brussell u mir-Regolament (KE) Nru 44/2001, u li jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti segwitu għall-proposti tal-Green Paper, li tipproponi linji gwida fir-rigward tal-ekstraterritorjalità, b'mod partikolari dwar l-estensjoni tal-qasam ta’ applikazzjoni tar-regolament għal-litigazzjonijiet li jimplikaw id-difensuri tal-pajjiżi terzi,

    S.

    billi l-Kapitolu 13 tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Korea t'Isfel u l-Artikolu 270(3) tal-ftehim kummerċjali multipartitiku bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù fihom referenza għas-CSR, dan għadu ma jqisx, u ma jqisx għalkollox l-importanza tas-CSR għall-għan Ewropew li jitħarsu l-ambjent u d-drittijiet soċjali u tal-bniedem, filwaqt li anke ksur kontinwu mill-kumpaniji tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istandards tax-xogħol u tad-dispożizzjonijiet ambjentali, minkejja l-kliem oppost li ntuża fl-għanijiet, fil-prattika ma jaffettwa bl-ebda mod it-tkomplija ta’ dawk il-ftehimiet,

    T.

    billi partikolarment fis-settur tal-minjieri l-ftehimiet dwar is-CSR li kien hawn s'issa wrew ruħhom insuffiċjenti,

    U.

    billi tiġi kkunsidrata l-leġiżlazzjoni Komunitarja diġà fis-seħħ dwar il-kumpaniji mikro, żgħar u ta’ daqs medju u b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 u l-“Att tan-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa adottat f'Ġunju 2008,

    V.

    billi r-responsabilità soċjali tal-kumpaniji (CSR) hija kunċett li bih il-kumpaniji jinkorporaw volontarjament it-tħassib soċjali u ambjentali fl-istrateġija tagħhom tan-negozju għall-benesseri ġenerali tal-partijiet interessati billi jkunu involuti b'mod attiv fil-politiki pubbliċi bħala aspett importanti tat-tibdil soċjali kkawżat mill-valuri,

    W.

    billi s-CSR tirrappreżenta komponent essenzjali tal-Mudell Soċjali Ewropew, imsaħħaħ bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod speċjali bil-klawżola soċjali orizzontali tagħha, u billi l-bżonn li tiġi promossa s-CSR ġie rikonoxxut fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istrateġija UE2020 bħala element importanti biex tiġi żgurata l-fiduċja tal-impjegati u tal-konsumaturi għal żmien fit-tul,

    X.

    billi s-CSR għandha influwenza konsiderevoli fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi li qed jiżviluppaw,

    Y.

    billi s-CSR m'għandhiex tissostitwixxi jew teżenta lill-Istati mir-responsabilità tagħhom għall-forniment ta’ servizzi pubbliċi bażiċi,

    Z.

    billi s-CSR jista' jkollha rwol ewlieni fit-titjib tal-istandards tal-għajxien fil-komunitajiet żvantaġġati,

    AA.

    billi t-trejdjunjins għandhom rwol importanti fil-promozzjoni tas-CSR, minħabba li l-ħaddiema jkunu f'pożizzjoni tajba li jkunu jafu r-realtà tal-kumpaniji li jimpjegawhom,

    AB.

    billi s-CSR għandha titqies flimkien, u f'interazzjoni ma', ir-riformi tal-governanza korporattiva,

    AC.

    billi jiġi kkunsidrat r-rwol tal-SMEs fis-suq uniku Ewropew u r-riżultati tal-proġetti ffinanzjati mill-Kummissjoni biex tiġi inkoraġġita l-adozzjoni tal-prattiki tas-CSR, fost l-oħrajn mill-SMEs,

    AD.

    billi s-CSR, minn naħa waħda, u l-klawżoli soċjali u ambjentali inkorporati fil-ftehimiet kummerċjali, min-naħa l-oħra, għandhom l-istess objettivi: dawk ta’ ekonomija li tirrispetta l-ħtiġijiet tal-bniedem u tal-ambjent, u ta’ globalizzazzjoni aktar ġusta, aktar ibbilanċjata soċjalment u aktar umana li twassal tassew għall-iżvilupp sostenibbli,

    AE.

    billi s'issa, ftit kien hemm rabta bejn ir-regoli kummerċjali u r-responsabilità soċjali tal-kumpaniji, iżda li jkun hemm bosta benefiċċji jekk tinħoloq rabta bejn ir-regoli kummerċjali u l-objettivi tas-CSR,

    1.

    Jinnota li l-isfidi globali żdiedu bil-friżi finanzjarja u l-konsegwenzi soċjali tagħha, u wasslu għal diskussjoni fid-dinja kollha dwar il-ħtieġa għal approċċ regolatorju ġdid u dwar kwistjonijiet ta’ governanza fl-ekonomija dinjija, inkluż il-kummerċ internazzjonali; huwa tal-fehma li r-regoli l-ġodda, aktar effiċjenti u infurzati aħjar għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ politiki aktar sostenibbli li jqisu tassew it-tħassib soċjali u ambjentali;

    2.

    Jinnota wkoll li l-globalizzazzjoni żiedet il-pressjoni tal-kompetizzjoni bejn il-pajjiżi biex jattiraw l-investituri barranin kif ukoll il-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji, li kultant wasslet għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, tad-drittijiet soċjali u riskju għall-ambjent, bil-għan li jiġbdu lejhom il-kummerċ u l-investimenti;

    3.

    Ifakkar li l-prinċipji li jiddefinixxu s-CSR, li huma totalment rikonoxxuti fil-livell internazzjonali, kemm fi ħdan l-OECD kif ukoll l-ILO u n-Nazzjonijiet Uniti, jikkonċernaw l-imġiba responsabbli mistennija mill-intrapriżi, u l-ewwel u qabel kollox jimplika r-rispett tal-leġiżlazzonijiet fis-seħħ, partikolarment fil-qasam tal-impjieg, tar-relazzjonijiet soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ambjent, tal-interessi tal-konsumatur u tat-trasparenza fir-rigward tagħhom, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u tal-fiskalità;

    4.

    Ifakkar li l-promozzjoni tar-responsabilità soċjali tal-kumpaniji hija objettiv appoġġat mill-Unjoni Ewropea, u li l-Kummissjoni Ewropea tqis li l-Unjoni għandha tiżgura li l-politiki esterni li timplimenta jikkontribwixxu b'mod effikaċi għall-iżvilupp sostenibbli u għall-iżvilupp soċjali fil-pajjiżi kkonċernati u li l-azzjonijiet tal-korporazzjonijiet Ewropej, kull fejn jinvestu u joperaw, ikunu konformi mal-valuri Ewropej u n-normi miftiehma f'livell internazzjonali;

    5.

    Ifakkar li l-objettivi tal-politika kummerċjali komuni għandhom ikunu kkoordinati bis-sħiħ mal-objettivi globali tal-Unjoni Ewropea; u li, skont l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-politika kummerċjali komuni tal-UE trid titmexxa “fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjon”, u li, skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, trid tikkontribwixxi, fost l-oħrajn, “għall-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, għas-solidarjetà u għar-rispett reċiproku bejn il-popli, għall-kummerċ ħieles u ġust, għall-eliminazzjoni tal-faqar u għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tal-liġi internazzjonali, b'mod partikolari għar-rispett tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”;

    6.

    Iqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha tistudja l-possibilità li tistabbilixxi definizzjoni armonizzata tar-relazzjonijiet bejn kumpanija, magħrufa bħala l-“kumpanija prinċipali” u kwalunkwe kumpanija li b'xi mod tiddependi minnha, irrelevanti jekk din tkunx tirrappreżenta l-kumpanija filjali, il-fornituri jew is-subappaltaturi, biex b'hekk tkun iffaċilitata r-responsabilità ġuridika ta’ kull wieħed minn dawn l-eżempji;

    7.

    Iqis li, meta jitqies ir-rwol ewlieni tal-intrapriżi l-kbar, il-filjali tagħhom u l-katini ta’ approviġġjonament tagħhom fil-kummerċ internazzjonali, ir-responsabilità soċjali u ambjentali tal-kumpaniji għandha ssir dimensjoni tal-ftehimiet kummerċjali tal-Unjoni Ewropea;

    8.

    Iqis li l-klawżoli soċjali tal-ftehimiet kummerċjali għandhom ikunu kkomplementati mis-CSR, li tikkonċerna l-imġiba tal-korporazzjonijiet, filwaqt li s-CSR se tiġi appoġġjata permezz tas-saħħa tal-ftehimiet kummerċjali, u partikolarment tal-qafas ta’ sorveljanza li jwaqqfu għall-implimentazzjoni tal-prinċipji li jirregolawhom;

    9.

    Jitlob li l-prinċipji u l-obbligi fir-rigward tas-CSR jiġu kkunsidrati u integrati fil-komunikazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni dwar “Il-politika kummerċjali l-ġdida għall-Ewropa fil-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020”, fil-komunikazzjoni li hija qed tħejji dwar is-CSR għall-2011 u fid-dħul fis-seħħ tal-politika kummerċjali tagħha;

    10.

    Iqis li s-CSR hi għodda effikaċi għat-titjib tal-kompetittività, l-opportunitajiet għall-ħiliet u t-taħriġ, is-sikurezza tal-impjieg u l-ambjent tax-xogħol, il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema u d-drittijiet tal-komunitajiet lokali u indiġeni, il-promozzjoni ta’ politika ambjentali sostenibbli u l-inkoraġġiment ta’ skambji ta’ prattika tajba fil-livell lokali, nazzjonali, Ewropew u dinji, għalkemm żgur li ma tistax tieħu post ir-regolamenti tax-xogħol jew il-ftehimiet kollettivi ġenerali jew settorjali;

    11.

    Jitlob li l-kumpaniji jiġu mħeġġa japplikaw is-CSR bl-għan li jiġu salvagwardjati l-integrità fiżika u s-sigurtà, il-benesseri fiżiku u mentali, id-drittijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-bniedem, kemm tal-ħaddiema tagħhom kif ukoll tal-ħaddiema inġenerali permezz tal-influwenza li għandhom fuq iċ-ċirku mkabbar tal-kollaboraturi tagħhom; jenfasizza l-importanza li jiġi appoġġjat u jitħeġġeġ it-tixrid ta’ dawn il-prattiki fl-SMEs filwaqt li jiġu limitati l-ispejjeż u l-piżijiet burokratiċi;

    12.

    Juri li s-CSR għandha tindirizza oqsma ġodda bħall-organizzazzjoni tax-xogħol, l-opportunitajiet indaqs u l-inklużjoni soċjali, il-miżuri kontra d-diskriminazzjoni, l-iżvilupp tal-edukazzjoni għal matul il-ħajja u t-taħriġ; jenfasizza li s-CSR għandha tkopri, pereżempju, il-kwalità tax-xogħol, l-ugwaljanza tal-pagi u l-prospetti għall-karriera u l-promozzjoni ta’ proġetti innovattivi biex tgħin fil-bidla lejn ekonomija sostenibbli;

    13.

    Jirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri u l-Unjoni jippromwovu prattiki tajbin tas-CSR mill-kumpaniji kollha, irrispettivament minn fejn joperaw, u li jinkoraġġixxu t-tixrid tal-prattika tajba bbażata fuq l-inizjattivi tas-CSR, b'mod partikolari billi jagħmlu r-riżultati ta’ inizjattivi bħal dawn iktar magħrufa;

    14.

    Jinnota li l-aġenda tas-CSR għandha tiġi adattata għall-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjun u ta’ kull pajjiż speċifiku sabiex tikkontribwixxi għat-titjib tal-ekonomija sostenibbli u l-iżvilupp soċjali;

    15.

    Hu tal-fehma li l-kredibilità tal-inizjattivi volontarji tas-CSR tiddependi mill-fatt li jkunu jinkorporaw standards u prinċipji aċċettati fil-qasam internazzjonali, bħall-Inizjattiva dwar ir-Rappurtar Globali III, u fuq li jkunu suġġetti għal monitoraġġ u għal verifika trasparenti li tkun indipendenti mill-partijiet interessati tal-kumpaniji;

    16.

    Hu tal-fehma li għandha ssir enfasi fuq l-involviment attiv tal-partijiet interessati kollha fil-kumpanija, fuq it-taħriġ għall-maniġers u fuq l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, b'mod speċjali fir-rigward tal-għarfien tal-konsumaturi;

    17.

    Iqis li huwa importanti li titrawwem u tinxtered il-kultura tas-CSR permezz tat-taħriġ u l-ħolqien ta’ kuxjenza, kemm fil-livell tal-kumpaniji kif ukoll f'dawk il-fergħat tas-settur tal-edukazzjoni għolja jew universitarja li jiffokaw b'mod ewlieni fuq l-istudju tal-amministrazzjoni;

    18.

    Jemmen li d-djalogu soċjali u l-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej kellhom rwol kostruttiv fl-iżvilupp tal-aqwa prattika fit-termini tas-CSR;

    19.

    Jemmen bis-sħiħ li għandha tingħata aktar attenzjoni lis-CSR fil-Linji gwida għall-Impjiegi tal-UE;

    Integrazzjoni tas-CSR fis-sistema ta’ preferenzi ġeneralizzati (SGP u SGP+)

    20.

    Jitlob li l-prinċipji tas-CSR jiġu integrati fir-Regolament SGP u SGP+ matul ir-rieżami li jmiss; jitlob lill-Kummissjoni biex tara li l-intrapriżi transnazzjonali, kemm jekk ikollhom is-sede fl-Unjoni Ewropea kif ukoll jekk le, li l-filjali tagħhom jew il-katini ta’ provvista jinsabu f'pajjiżi li jipparteċipaw fl-iskema SGP, u b'mod partikolari fl-SGP+, jirrispettaw l-obbligi legali, nazzjonali u internazzjonali tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, tan-normi soċjali u tar-regolamentazzjoni ambjentali; jixtieq li l-Unjoni Ewropea u l-Istati firmatarji u benefiċjarji tal-SGP jaraw li l-intrapriżi jirrispettaw dawn l-obbligi; jitlob li din tkun dimensjoni vinkolanti tal-SGP;

    21.

    Iqis li sistema ta’ SGP+ rinnovata għandha wkoll tipprojbixxi l-ftehimiet tal-pajjiżi ospitanti, li huma ftehimiet konklużi mingħajr trasparenza ta’ xejn bejn ċerti intrapriżi multinazzjonali u pajjiżi ospitanti, benefiċjarji tal-SGP+, biex jevitaw lil-bżonnijiet regolamentari f'dawn il-pajjiżi, u li b'mod ovvju jmorru kontra s-CSR;

    Valutazzjonijiet tal-impatt ġodda

    22.

    Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-mudell tagħha ta’ valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tas-sostenibilità, sabiex dan jirrifletti sew l-implikazzjoniiet ekonomiċi, soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-għanijiet ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, tan-negozjati kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu għall-ftehimiet kummerċjali mal-pajjiżi sħab tal-UE, billi twettaq, qabel u wara l-iffirmar ta’ ftehim kummerċjali, studji ta’ valutazzjoni tal-impatt tas-sostenibilità, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari s-setturi vulnerabbli;

    23.

    Jenfasizza li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament għandu jinżamm infurmat bis-sħiħ dwar kif ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tas-sostenibilità (SIA) tal-ftehimiet qed jiġu inkorporati fin-negozjati ta’ qabel il-konklużjoni tagħhom u dwar liema kapitoli ta’ dawn il-ftehimiet ikunu nbidlu bil-għan li jiġu evitati impatti negattivi identifikati mill-SIA;

    24.

    Jistieden lill-Kummissjoni tħejji studji tal-impatt biex jiġu evalwati l-effetti tal-ftehimiet kummerċjali fuq l-SMEs Ewropej (test SME), b'mod partikolari fir-rigward tas-CSR, f'konformità mal-Att tan-Negozji ż-Żgħar;

    Klawżoli tas-CSR fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-Unjoni Ewropea

    25.

    Jipproponi, b'mod iktar globali, li l-ftehimiet kummerċjali li jiġu nnegozjati fil-ġejjieni mill-Unjoni għandu jkun fihom kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli li jinkludi klawżola dwar is-CSR, abbażi, parzjalment, tal-aġġornament tal-2010 tal-Linji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali;

    26.

    Jipproponi li din il-“klawżola CSR” għandha tinkludi:

    a.

    impenn reċiproku taż-żewġ partijiet biex jippromwovu strumenti miftiehma internazzjonalment dwar is-CSR fil-kuntest tal-ftehim u fl-iskambji kummerċjali tagħhom;

    b.

    inċentivi għat-tħeġġiġ tal-intrapriżi biex dawn jieħdu impenji fil-qasam tas-CSR, negozjati mal-partijiet kollha kkonċernati tal-intrapriża, inklużi t-trejdunjins, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet lokali u l-organizzazzjonjiet tas-soċjetà ċivili kkonċernati;

    c.

    il-ftuħ ta’ “punti ta’ kuntatt” bħal dawk stabbiliti fil-kuntest tal-OECD għall-promozzjoni tal-informazzjoni dwar is-CSR, it-trasparenza u biex jirċievu lmenti eventwali dwar il-każijiet ta’ nuqqas ta’ rispett tas-CSR, b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, u li jittrasferuhom lill-awtoritajiet kompetenti;

    d.

    rekwiżit – li jqis is-sitwazzjoni speċifika u l-kapaċitajiet tal-SMEs fl-ambitu tar-rakkomandazzjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 u skont il-prinċipju “naħsbu l-ewwel fiż-żgħir” – biex il-kumpaniji jippubblikaw il-bilanċi tas-CSR tagħhom tal-anqas kull sentejn jew tliet snin; huwa tal-fehma li din it-talba ssaħħaħ it-trasparenza u r-rappurtar u tinkuraġġixxi l-viżibilità u l-kredibilità tal-prattiki tas-CSR billi informazzjoni dwar is-CSR issir disponibbli għall-partijiet interessati kollha, fosthom il-konsumaturi, l-investituri u l-pubbliku inġenerali b'mod immirat;

    e.

    rekwiżiti biex impriżi u gruppi ta’ impriżi juru d-diliġenza xierqa, i.e. obbligu li jieħdu miżuri minn qabel sabiex jidentifikaw u jipprevjenu kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet ambjentali, korruzzjoni jew evażjoni fiskali, anke fil-filjali tagħhom u fil-katini ta’ provvista, i.e. fl-isfera ta’ influwenza kollha tagħhom;

    f.

    ir-rekwiżit li qabel ma jibda proġett b'impatt fuq komunità lokali, l-intrapriżi jintrabtu li jwettqu konsultazzjoni libera, miftuħa u infurmata ma’ partijiet interessati lokali u indipendenti;

    g.

    enfasi partikolari fuq l-impatt tal-impjegar ta’ tfal u tal-prattiki tat-tħaddim tat-tfal;

    27.

    Iqis li l-“klawżola CSR” għandha tkun akkumpanjata minn dispożizzjonijiet oħra; huwa tal-fehma li:

    a.

    fil-każ ta’ ksur ipprovat tal-impenji meħuda fir-rigward tas-CSR, għandu jkun possibbli li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu investigazzjonijiet u, u fil-każ ta’ ksur gravi tal-impenji, il-partijiet jistgħu jiddenunzjaw mal-pubbliku lil dawk responsabbli;

    b.

    iż-żewġ partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-koperazzjoni ġudizzjarja transnazzjonali, biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-qrati tal-vittmi tal-azzjonijiet tal-kumpaniji fl-isfera ta’ influwenza tagħhom u, biex dan isir, jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ proċeduri ġudizzjarji adegwati u jippenalizzaw il-ksur tal-liġi mill-kumpaniji, kif ukoll ta’ mekkaniżmi mhux ġudizzjarji ta’ rimedju;

    28.

    Jissuġġerixxi li, fil-qafas tal-ftehimiet bilaterali tal-UE, isir provediment, permezz tal-programmi ta’ “tisħiħ tal-ġustizzja”, għat-taħriġ tal-imħallfin u tat-tribunali li jittrattaw il-liġi kummerċjali dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet soċjali u l-ambjent;

    29.

    Jipproponi t-twaqqif ta’ kumitat parlamentari konġunt għal kull ftehim ta’ kummerċ ħieles (FTA), li jservi ta’ forum għall-iskambju ta’ informazzjoni u għad-djalogu bejn il-Membri tal-PE u d-deputati tal-Istati sħab; iżid jgħid li dawn il-kumitati ta’ monitoraġġ jistgħu wkoll jiskrutinizzaw l-implimentazzjoni tal-Kapitolu rigward l-iżvilupp sostenibbli u l-klawżola CSR u jfasslu rakkomandazzjonijiet għall-kumitat konġunt tal-FTA, partikolarment fir-rigward tal-valutazzjonijiet tal-impatt, u f'każijiet ta’ ksur ipprovat tad-drittijiet tal-bniedem, tad-drittijiet soċjali jew tal-konvenzjonijiet ambjentali;

    30.

    Jipproponi t-twaqqif ta’ forum regolari ta’ tqabbil fejn il-firmatarji tal-Patt Globali tan-NU jkunu jistgħu jissottomettu l-programmi tagħhom ta’ CSR għal skrutinju pubbliku u jipprovdu mezzi ta’ paragun lill-konsumaturi, u l-ħolqien ta’ kultura ta’ standards għolja u eżami reċiproku. Tali trasparenza tinkoraġġixxi lill-intrapriżi biex minn jeddhom jilħqu standards ogħla ta’ CSR jew iġorru l-ispejjeż tal-iskrutinju fil-midja u mill-pubbliku;

    Promozzjoni tas-CSR fil-politiki kummerċjali fil-livell multilaterali

    31.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-kunsiderazzjoni tas-CSR fil-politiki kummerċjali fil-livell multilaterali, fi ħdan il-fora internazzjonali li appoġġaw is-CSR, partikolarment l-OECD u l-ILO, kif ukoll fi ħdan id-WTO fil-perspettiva post-Doha;

    32.

    Jistieden l-esplorazzjoni, fi ħdan dawn l-istess fora, għall-ħolqien ta’ konvenzjoni internazzjonali li tistabbilixxi r-responsabilitajiet tal-“pajjiżi ospitanti” (23) u tal-“pajjiżi ta’ oriġini” (24), u biex tipparteċipa fil-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijeit tal-bniedem mill-kumpaniji multinazzjonali, u d-dħul fis-seħħ tal-prinċipju tal-ekstraterritorjalità;

    33.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ rabtiet ġodda bejn l-aġenziji multilaterali inkarigati min-normi soċjali u ambjentali u d-WTO, sabiex tiġi żgurata iktar koerenza fil-livell internazzjonali bejn il-politiki kummerċjali u l-objettivi ta’ żvilupp sostenibbli;

    34.

    Jappoġġa, mill-ġdid, il-ħolqien fi ħdan id-WTO, ta’ Kumitat għall-Kummerċ u x-Xogħol Deċenti, skont il-mudell tal-Kumitat għall-Kummerċ u għall-Iżvilupp, fejn b'mod partikolari jkun jista' jsir dibattitu dwar il-kwistjonijiet relatati ma’ normi soċjali, speċjalment dawk relatati mal-impjegar ta’ tfal, u CSR b'rabta mal-kummerċ internazzjonali; jipproponi, mill-ġdid, l-adattament tal-proċedura ta’ soluzzjoni tal-konflitti sabiex, f'każijiet li jipperikolaw kwistjonijiet li jaqgħu taħt konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam ambjentali jew soċjali, ikun possibbli li l-gruppi speċjali (panels) jew l-organu ta’ appell jadottaw l-opinjoni tal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, u biex din l-opinjoni tkun ippubblikata;

    *

    * *

    35.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO u lill-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol.


    (1)  Dok. NU E/CN.4/Sub.2/2003/12/Rev.2(2003).

    (2)  www.globalreporting.org.

    (3)  http://daccess-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/N02/636/94/PDF/N0263694.pdf?OpenElement

    (4)  http://www.csrgov.dk

    (5)  ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

    (6)  ĠU L 156, 13.6.2001, p. 33.

    (7)  ĠU C 86, 10.4.2002, p. 3.

    (8)  ĠU C 39, 18.2.2003, p. 3.

    (9)  ĠU L 205, 6.8.2005, p. 21.

    (10)  10937/1/10.

    (11)  ĠU L 114, 24.4.2001, p. 1.

    (12)  ĠU L 178, 17.7.2003, p. 16.

    (13)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

    (14)  ĠU C 104, 14.4.1999, p. 180.

    (15)  ĠU C 112 E, 9.5.2002, p. 326.

    (16)  ĠU C 271 E, 12.11.2003, p. 598.

    (17)  ĠU C 67 E, 17.3.2004, p. 73.

    (18)  ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 84.

    (19)  ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 65.

    (20)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 865.

    (21)  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 45.

    (22)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 321.

    (23)  Stati li fihom tinsab is-sede tal-kumpaniji kollha li jiddependu fuq il-kumpaniji prinċipali

    (24)  Stati li fihom jinsabu l-kumpaniji prinċipali


    Top