EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0031

Il-Venezwela Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 11 ta' Frar 2010 dwar il-Venezwela

ĠU C 341E, 16.12.2010, p. 69–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 341/69


Il-Ħamis, 11 ta' Frar 2010
Il-Venezwela

P7_TA(2010)0031

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2010 dwar il-Venezwela

2010/C 341 E/14

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, u b'mod partikolari, ir-riżoluzzjonijiet tas-7 ta' Mejju 2009, tat-23 ta' Ottubru 2008 u tal-24 ta' Mejju 2007,

wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-kunċett tal-libertà u tal-indipendenza tal-midja huwa komponent essenzjali tad-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni mħaddan fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

B.

billi l-libertà tal-midja hi ta' importanza primarja għad-demokrazija u għar-rispett tal-libertajiet fundamentali, minħabba r-rwol essenzjali tagħha li tiggarantixxi l-espressjoni ħielsa tal-opinjonijiet u l-ideat, bir-rispett dovut tad-drittijiet tal-minoranzi, inklużi l-oppożizzjonijiet politiċi, u li tikkontribwixxi għall-parteċipazzjoni effettiva tan-nies fil-proċessi demokratiċi, filwaqt li tippermetti elezzjonijiet ħielsa u ġusti,

C.

billi d-dritt tal-pubbliku li jirċievi informazzjoni minn sorsi pluralistiċi hu fundamentali għal kwalunkwe soċjetà demokratika u għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja politika u soċjali ta' pajjiż,

D.

billi l-obbligu impost permezz tal-Liġi dwar ir-Responsabilità Soċjali fir-Radju u fit-Televiżjoni fuq il-midja kollha sabiex ixxandar id-diskorsi kollha sħaħ tal-Kap tal-Istat ma jirrispettax tali prinċipji ta' pluraliżmu,

E.

billi l-Artikoli 57 u 58 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela jiggarantixxu l-libertà tal-espressjoni, tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni,

F.

billi l-midja trid tobdi d-dispożizzjonijiet tal-liġi; billi l-għeluq ta' kwalunkwe mezz tal-midja għandu jsir biss meta ma jkun hemm l-ebda għażla oħra u għandu jkun miżura li tiġi implimentata biss wara li jkunu ngħataw il-garanziji kollha ta' proċess ġust, inkluż id-dritt li jitressqu difiża u appell f'qorti tal-ġustizzja indipendenti,

G.

billi f'Mejju 2007 s-sinjal miftuħ tar-“Radio Caracas Televisión” ġie sospiż mill-President Hugo Chávez u l-istazzjon ġie mġiegħel isir internazzjonali biex ikun jista' jitrażmetti sinjal permezz tat-televiżjoni bil-kejbil,

H.

billi l-ewwel protesti mill-moviment tal-istudenti bdew b'riżultat tas-sospensjoni tat-trażmissjonijiet tal-istazzjon,

I.

billi fl-1 ta' Awwissu 2009, il-gvern ta' Hugo Chávez ordna l-għeluq ta' 34 stazzjon tar-radju billi rrifjuta li jġedded il-liċenzji tagħhom,

J.

billi f'Jannar 2010 l-President Chavez ordna lill-“RCTV International (RCTV-I)” u ħames stazzjonijiet oħra tat-televiżjoni bil-kejbil u bis-satellita (“TV Chile”, “Ritmo Son”, “Momentum”, “America TV” u “American Network”) biex jieqfu jxandru wara li dawn naqsu milli jxandru d-diskors Presidenzjali uffiċjali fl-okkażjoni tat-52 anniversarju tal-waqgħa mill-poter ta' Perez Jimenez; u billi tnejn minn dawn l-istazzjonijiet – America TV u RCTV-I – għadhom bla permess li jxandru,

K.

billi dan il-waqfien mix-xandir ipprovoka mewġa oħra ta' protesti tal-istudenti, li ġew soppressi bil-qawwa mill-pulizija f'ħafna mill-istati u l-bliet tal-pajjiż, u li b'riżultat ta' dawn l-avvenimenti, żewġ studenti żgħażagħ sfaw mejta fil-belt ta' Mérida, u ndarbu għexieren ta' persuni midruba,

L.

billi dawn il-miżuri kienu mfassla biex jiksbu l-kontroll tal-midja u jagħmlulha sarima, jekk mhux biex jillimitaw id-drittijiet demokratiċi tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni,

M.

billi l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, permezz tal-Kummissjoni Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem, wissiet li din il-mossa l-ġdida li biha l-istazzjonijiet twaqqfu milli jxandru għandha riperkussjonijiet serji f'termini tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni,

N.

billi l-President Chávez riċentement iddikjara li l-użu ta' siti ta' netwerking soċjali bħal “Twitter”, l-Internet, u l-messaġġi bil-mowbajls biex jikkritikaw jew jopponu r-reġim tiegħu “huwa terroriżmu”,

O.

billi r-riforma tal-liġi dwar ix-xjenza u t-teknoloġija li qed tiġi diskussa bħalissa mill-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela għandha l-għan li tirregola “in-netwerk tal-informatika” b'mod li jista' jwassal għal ċensura tal-Internet,

P.

billi l-Venezwela ffirmat il-Konvenzjoni Internazzjonali tad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, kif ukoll il-Konvenzjoni Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem,

Q.

billi l-Venezwela għandha l-ikbar riżervi tal-enerġija fl-Amerika Latina, u billi miżuri bħall-konfiska u l-esproprjazzjoni arbitrarja, li wħud minnhom jolqtu l-interessi tal-UE, idgħajfu d-drittijiet soċjali u ekonomiċi bażiċi taċ-ċittadini,

R.

billi xi mexxejja qrib tal-President Chávez, bħas-Sur Ramón Carrizález, Viċi President u Ministru tad-Difiża, is-Sra Yubiri Ortega, Ministru tal-Ambjent, u s-Sur Eugenio Vázquez Orellana, President tal-Bank Ċentrali, riċentement taw ir-riżenja tagħhom,

S.

billi skont ir-rapport tal-2009 tal-organizzazzjoni Transparency International, il-Venezwela hi waħda mill-aktar pajjiżi korrotti tad-dinja,

T.

billi l-klima latenti ta' nuqqas ta' sigurtà u l-livelli ta' kriminalità u vjolenza, li jagħmlu lill-Venezwela u l-kapital tagħha, Caracas, wieħed mill-postijiet l-aktar perikolużi tad-dinja, qed jikkawżaw tħassib fost il-poplu tal-Venezwela,

U.

billi l-bosta insulti, theddid u attakki immirati kontra mexxejja nazzjonali u internazzjonali mill-President Chávez ħolqu skumdità u ħafna tensjonijiet bla bżonn, li f'xi każijiet saħansitra wasslu għal ordni ta' mobilizzazzjoni tat-truppi bil-ħsieb ta' gwerra possibbli mal-Kolombja,

1.

Jinsab ixxukkjat bil-mewt taż-żewġ studenti żgħażagħ, Yonisio Carrillo u Marcos Rosales, waqt il-protesti f'Mérida, u jitlob lill-awtoritajiet iwettqu investigazzjoni għar-raġunijiet għalfejn inqatlu dawn iż-żewġ ġuvintur u jitlob li l-persuni ħatja jiġu proċessati permezz tas-sistema tal-ġustizzja;

2.

Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-gvern li ma jħallix lil dawn l-istazzjonijiet ixandru fil-Venezwela, u jitlob li jitħallew jerġgħu jibdew ixandru;

3.

Jitlob lill-awtoritajiet tal-Venezwela biex jirrevedu din id-deċiżjoni, kif ukoll l-obbligu li l-midja jxandru d-diskorsi sħaħ tal-Kap tal-Istat;

4.

Ifakkar lill-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fl-obbligu tiegħu li jirrispetta l-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni u l-liberta tal-istampa, kif huwa obbligat li jagħmel skont il-Kostituzzjoni tiegħu u skont id-diversi Konvenzjonijiet u Karti internazzjonali u reġjonali li hija firmatarja tagħhom;

5.

Jitlob lill-Gvern tal-Venezwela sabiex, f'isem il-prinċipju ta' imparzjalità tal-Istat, jiggarantixxi trattament ġuridiku indaqs għall-midja kollha, inkluż l-Internet, kemm pubbliċi u kemm privati, u indipendentement minn kwalunkwe konsiderazzjoni politika jew ideoloġika;

6.

Jemmen li l-midja tal-Venezwela għandha tiggarantixxi trattament pluralist tal-ħajja politika u soċjali tal-Venezwela;

7.

Jemmen li “l-Kummissjoni Nazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet” għandha turi li hija independenti mill-awtoritajiet politiċi u ekonomiċi u tiżgura pluraliżmu ġust;

8.

Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela sabiex jimpenja ruħu favur il-valuri tal-istat tad-dritt, u biex jippromwovi, jipproteġi u jirrispetta d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, anke fuq l-Internet, u l-libertà tal-għaqda;

9.

Jiġbed l-attenzjoni li, skont il-Karta Demokratika Inter-Amerikana tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, f'demokrazija, barra mil-leġittimità ċara tal-oriġini, fondata u miksuba fl-elezzjonijiet, jeħtieġ ikun hemm ukoll konformità mal-leġittimità tal-eżerċizzju tal-poter, li għandha tkun imsejsa fuq ir-rispett tal-pluraliżmu, tar-regoli stabbiliti, tal-kostituzzjoni, tal-liġijiet u tal-istat tad-dritt bħala garanzija ta' demokrazija li tiffunzjona bis-sħiħ, u dan jeħtieġ jinkludi r-rispett għal oppożizzjoni politika paċifika u demokratika, b'mod speċjali meta l-oppożizzjoni tkun ġiet eletta u tgawdi mandat popolari;

10.

Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-gvern tal-President Chávez qed jimxi lejn sistema awtoritarja, u li l-azzjonijiet tiegħu huma maħsuba biex idgħajfu l-oppożizzjoni demokratika tiddgħajjef u jillimitaw id-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini;

11.

Jitlob lill-Gvern tal-Venezwela, fil-prospettiva tal-elezzjonijiet parlamentari tas-26 ta' Settembru 2010, biex jirrispetta r-regoli tad-demokrazija u l-prinċipji tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda, tal-assoċjazzjoni u tal-elezzjoni;

12.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latina-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.


Top