Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IE0102

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Kura u l-Edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 339, 14.12.2010, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 339/1


    L-459 SESSJONI PLENARJA TAL-20 U L-21 TA’ JANNAR 2010

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Kura u l-Edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2010/C 339/01)

    Relatur: Is-Sinjura HERCZOG

    Nhar l-14 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mar-Regola 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    il-Kura u l-Edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Diċembru 2009.

    Matul l-459 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-20 u l-21 ta’ Jannar 2010 (seduta tal-20 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’194 vot favur u 3 astensjonijiet.

    Preambolu

    L-Istati Membri huma responsabbli għall-edukazzjoni u l-kura tat-tfal kollha f’pajjiżhom. Jeżistu diversi forom ta’ edukazzjoni u kura u l-ismijiet, il-kontenut u l-għanijiet tagħhom inbidlu tul l-aħħar 15-il sena. Id-definizzjoni u l-kliem li jintuża inbidlu għall-kura fl-ewwel snin ta’ tfulija. L-edukazzjoni u l-kura tat-tfal ma tirreferix biss għall-provvista ta’ ambjent sigur għat-tfal, iżda wkoll għall-edukazzjoni u l-kura li t-tfal jeħtieġu biex jiffjorixxu, jiżviluppaw il-potenzjal billi jirċievu l-appoġġ emozzjonali, fiżiku, soċjali u edukattiv li jkollhom bżonn. L-edukazzjoni u l-kura fl-ewwel snin tat-tfulija jikkonsistu f’firxa wiesgħa ta’ servizzi provduti għat-trabi u t-tfal ta’ qabel l-età tal-iskola. Il-kura wara l-ħin tal-iskola tirreferi għal dawk is-servizzi kollha provduti għat-tfal tal-età tal-iskola wara l-ħin tal-iskola waranofsinhar, fi tmiem il-ġimgħa u matul il-btala.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-Kumitat jirrikonoxxi u jappoġġja l-isforzi li saru mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jsaħħu kura tat-tfal ta’ kwalità għolja, affordabbli u aċċessibbli, inkluża l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija u l-faċilitajiet ta’ kura għat-tfal kollha. Fl-istess ħin, għandhom jittieħdu iktar passi biex jiġi żgurat li s-servizzi jingħataw lit-tfal kollha.

    1.2   Il-Kumitat jirrikonoxxi l-importanza ta’ approċċ olistiku u komprensiv fir-rigward ta’ affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kura tat-tfal, li jkun hemm għarfien aħjar tal-proċeduri intrerrelatati u li jsir żvilupp uman, soċjali u ekonomiku. L-Istati Membri għandhom jipprovdu opportunitajiet għall-individwi u l-familji biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet personali, jieħdu deċiżjonijiet, u jesprimu l-preferenzi tagħhom għall-forma u t-tul tal-kura tat-tfal tagħhom. F’dan il-kuntest, dawk li jfasslu l-politika għandhom jikkunsidraw il-bżonnijiet differenti, il-valuri u l-interessi li jikkompetu ma’ xulxin f’dawn il-kwistjonijiet li ġejjin:

    l-aħjar interess tat-tfal (1);

    għajnuna lill-ġenituri, edukazzjoni tal-ġenituri, l-għoti ta’ setgħa;

    kwistjonijiet demografiċi (inklużi r-rata baxxa ta’ twelid u l-għadd li qed jikber malajr ta’ pensjonanti);

    il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

    l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja;

    opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa;

    id-differenzi fit-tqassim ġeografiku (bliet, kampanja, żoni mbiegħda);

    ir-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol, dik tal-familja u dik privata;

    il-kura tat-tfal aċċessibbli, affordabbli u ta’ kwalità għolja;

    iċ-ċittadinanza attiva;

    is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet;

    il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

    1.3   Il-Kumitat jirrikonoxxi d-differenzi fil-politiki tal-familja u konsegwentement fil-politiki tal-kura tat-tfal. Madankollu, il-miri ta’ Barċellona u dokumenti oħra rilevanti tal-UE jistabbilixxu miri pjuttost universali (2).

    1.4   Il-Kumitat jisħaq fuq il-bżonn li tingħata attenzjoni lil gruppi speċjali ta’ tfal, partikolarment l-aktar gruppi vulnerabbli ta’ tfal, dawk bi bżonnijiet speċjali, b’diżabbiltà, tfal migranti, tfal ta’ minoritajiet etniċi, dawk esklużi soċjalment u dawk li qed jgħixu mingħajr il-ġenituri tagħhom, li għalihom il-kura tat-tfal taqdi rwol importanti biex dawn ikunu lesti għall-iskola u jiksbu suċċess fl-iskola. Huwa jitlob ukoll għal appoġġ addizzjonali għall-ġenituri ta’ dawn il-gruppi ta’ tfal.

    1.5   Il-Kumitat, bi qbil mal-Aġenda Soċjali u skont dokumenti rilevanti oħra ta’ politika, iqis il-kura tat-tfal ta’ kwalità għolja bħala opportunità biex tiżdied il-kwalità tal-ħajja u r-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol, il-ħajja privata u dik tal-familja għall-membri kollha tal-familji u tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, biex jiġi ġġenerat aktar dħul finanzjarju għall-familji wkoll.

    1.6   Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li hemm diversi forom ta’ kura u servizzi għat-tfal disponibbli għal gruppi ta’ etajiet differenti, mhux biss għal tfal sal-età tal-iskola iżda wkoll aktar tard wara l-iskola, u servizzi għall-ħin liberu kif ukoll attivitajiet ta’ edukazzjoni informali. Għandhom jiġu pprovduti servizzi aċċessibbli, affordabbli u ta’ kwalità għolja għat-tfal kollha.

    1.7   Is-settur tal-kura tat-tfal qed jespandi b’rata mgħaġġla. Iżda l-kwalifiki u r-rikonoxximent tagħhom, il-bilanċ bejn is-sessi, il-prestiġju u l-ħlas tal-forza tax-xogħol li tipprovdi kura tat-tfal, għandhom ikomplu jittejbu u jingħataw l-appoġġ, kemm fir-rigward tal-kura formali u b’mod speċjali fir-rigward tas-servizzi informali, biex is-settur jagħti sett ta’ servizzi aktar varjati skont id-diversi bżonnijiet. Filwaqt li l-għan huwa li tiġi pprovduta l-edukazzjoni u l-kura lit-tfal kollha, għandu jitfakkar li hemm bżonn ta’ approċċ flessibbli, sostenibbli u sensittiv sabiex tiġi pprovduta firxa wiesgħa ta’ servizzi biex jintlaħqu d-drittijiet u l-bżonnijiet ta’ gruppi differenti ta’ tfal.

    1.8   Il-bżonn ta’ familji u tfal li jgħixu f’żoni u reġjuni żvantaġġati u li ma għandhomx in-neċessitajiet bażiċi għandu jkun indirizzat aħjar u b’mod aktar kumpless, bl-inklużjoni tal-involviment komunitarju u l-appoġġ pubbliku. Il-forom differenti tas-servizzi – integrati, ibbażati fid-dar, l-appoġġ għall-ġenituri – jistgħu jirreaġixxu għad-differenzi fil-bżonnijiet tat-tfal u l-familji tagħhom.

    1.9   Il-Kumitat jappoġġja għalkollox ir-rikonoxximent tar-responsabbiltà tal-Istati Membri u l-impenn jiżdied tal-imsieħba soċjali biex jittejbu l-opportunitajiet universali u flessibbli ta’ kura tat-tfal għat-tfal kollha u biex jintużaw il-modi kollha possibbli li jikkontribwixxu biex din tkun tista’ tinkiseb u tirnexxi. Min iħaddem jista’ jipprovdi l-kura tat-tfal huwa stess jew isostniha finanzjarjament, filwaqt li t-trejdjunjins u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jgħinu biex jiżdied l-għarfien dwar l-importanza tagħha u jappoġġjaw il-monitoraġġ u l-valutazzjoni kontinwi. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-inċentivi fiskali għal min iħaddem b’tali mod li jinkludu l-provvista għall-edukazzjoni u l-kura tat-tfal.

    1.10   B’konformità mal-prinċipji komuni tal-flessigurtà u mal-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-proposta għandha titqies fil-kuntest tad-diffikultajiet fir-rigward tal-bżonnijiet ta’ kura u edukazzjoni ta’ tfal taħt it-tliet snin u dawk li jkunu laħqu l-età li jibdew l-iskola. L-użu ta’ sigħat flessibbli tax-xogħol għall-ġenituri li qablu dwaru l-imsieħba kollha wera kemm hu siewi f’dan il-kuntest.

    1.11   L-imsieħba soċjali għandhom rwol importanti fl-appoġġ għall-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-edukazzjoni u l-politiki tal-kura tat-tfulija u ta’ approċċ komprensiv.

    2.   Sfond

    2.1   Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Kura tat-Tfal (92/241/KEE) biex jiġu stabbiliti kriterji għad-definizzjoni tal-kwalità fis-servizzi tal-kura tat-tfal fl-1992 diġà wriet l-importanza tar-rwol tal-kura tat-tfal; iżda l-firxa u l-ambitu tal-kura tat-tfal inbidlu ħafna minn dak iż-żmien ’l hawn. Fl-1996 in-Netwerk tal-Kura tat-Tfal tal-KE kkonċentra fuq miri ta’ kwalità fis-servizzi għat-tfal iż-żgħar u mhux fuq l-għadd jew il-proporzjon ta’ tfal li kienu jmorru f’postijiet fejn tingħata l-Kura u l-Edukazzjoni fl-Ewwel Snin tat-Tfulija (ECEC).

    2.2   Fil-25 Stat Membru tal-UE (3) kien stmat li l-għadd ta’ tfal sal-età li fiha huwa obbligatorju li tattendi l-iskola kien ta’ madwar 30 miljun. Minn dawk it-tfal, inqas minn 25 % ta’ dawk taħt l-età ta’ 3 snin kienu qed jirċievu kura formali filwaqt li ċ-ċifra għal dawk bejn tliet snin u l-età li fiha jibdew l-iskola kienet ogħla minn 80 %. Kien hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri, skont il-politiki nazzjonali, is-sistemi ta’ leave tal-maternità u tal-ġenituri, it-tradizzjonijiet u l-valuri tagħhom. Hemm ukoll differenzi kbar bejn il-forom u l-kwalità ta’ kura, il-ħin u l-jiem li t-tfal iqattgħu hemmhekk.

    2.3   L-edukazzjoni bikrija u s-servizzi ta’ kura tat-tfal huma fi stadji differenti ta’ żvilupp fl-Istati Membri tal-UE u għadhom wieħed mis-swieq ta’ kura u provvista li l-aktar qed jikbru b’pass mgħaġġel fl-Ewropa, parzjalment minħabba l-miri ta’ Barċellona, iżda għandhom ikunu aktar ambizzjużi u jimmiraw li jipprovdu l-opportunità għat-tfal kollha fil-kuntest tal-kuntest u l-bżonnijiet differenti tat-tfal u l-familji.

    2.4   L-importanza tal-provvista ta’ servizzi tal-kura tat-tfal ta’ kwalità għolja bħala komponent essenzjali biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi u tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol ġiet enfasizzata mill-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni u kienet waħda mill-miri ta’ Barċellona tal-2002. Dan kien rifless ukoll fl-Istrateġija ta’ Lisbona tal-2000 u l-2008. Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-miri ta’ Barċellona dwar il-kura tat-tfal għal tfal fl-età ta’ qabel ma jmorru l-iskola analizza s-suċċessi u l-kompiti addizzjonali f’dan il-qasam. L-Istati Membri għandhom “ineħħu x-xkiel għas-sehem tan-nisa fis-suq tax-xogħol u, b’kunsiderazzjoni għat-talba u skont is-sistemi nazzjonali tagħhom f’dan ir-rigward, jagħmlu sforz sabiex, minn issa sal-2010 jistabbilixxu faċilitajiet ta’ kura għal mill-inqas 90 % tat-tfal ta’ bejn it-tliet snin u l-età tal-iskola obbligatorja u għal mill-inqas 33 % tat-tfal ta’ inqas minn tliet snin (4)”. F’xi pajjiżi, hemm bżonn isiru iktar sforzi biex jinkisbu l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni.

    2.5   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-bidla demografika tagħti dettalji fuq il-fatturi li jikkontribwixxu għal Ewropa li qed tixjieħ: rati ta’ fertilità baxxi li jwasslu għal suq tax-xogħol jiċkien u iżjed pressjoni fuq l-infiq pubbliku (5). F’Marzu 2006, il-Kunsill Ewropew saħaq dwar il-ħtieġa ta’ bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata biex jinkisbu tkabbir ekonomiku, ġid u kompetittività, u approva l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi. (6) It-tieni komunikazzjoni dwar il-promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet tagħti tweġiba għall-kwistjoni tal-bidla demografika u soċjali, inklużi d-diffikultajiet li jista’ jkun hemm għall-finanzjament u l-provvista ta’ prodotti u servizzi, inkluża l-kura tat-tfal (7).

    2.6   Iċ-ċittadini u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li ġew ikkonsultati mill-Kummissjoni wrew li kienu mħassba minħabba li t-tfal jagħmlu impatt ikbar fuq il-prospetti tax-xogħol ta’ mara milli ta’ raġel. Ir-rata ta’ impjiegi ta’ nisa bi tfal li jiddependu fuqhom hija biss ta’ 65 % meta mqabbla ma’ dik ta’ 91,7 % għall-irġiel. In-nisa jkollhom iħabbtu wiċċhom mal-konsegwenzi ta’ assunzjonijiet stereotipiċi dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom fid-dar u l-ħila fix-xogħol (8). Dan jista’ jwassal biex inqas nisa jerġgħu lura għas-suq tax-xogħol wara li jwelldu.

    2.7   Il-faqar tat-tfal fl-Ewropa (9) u l-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni fl-UE kollha tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) (10) kif iddikjarat il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha li l-faqar tal-ġenituri u l-esklużjoni soċjali jillimitaw serjament l-opportunitajiet fil-ħajja tat-tfal; bħala riżultat huwa vitali li jitkisser iċ-ċiklu tal-faqar (11).

    2.8   Il-Kummissjoni waqqfet grupp transnazzjonali, in-Netwerk tal-Kura tat-Tfal bejn l-1986 u l-1996 biex jikkonċentra fuq tliet oqsma partikolari: is-servizzi għat-tfal, il-leave għall-ġenituri u l-irġiel bħala persuni responsabbli għall-kura. L-40 mira ta’ kwalità stabbilit min-netwerk jipprovdu qafas għal politiki futuri. Dan ifisser impenn politiku mill-UE għas-servizzi tal-kura tat-tfal u l-miri tagħha.

    2.9   Saret ħafna riċerka, tfasslu bosta dokumenti ta’ politika, u saret analiżi biex wieħed isir jaf aktar dwar il-bżonnijiet tat-tfal u l-familji u d-dispożizzjonijiet eżistenti u dawk futuri (12). L-edukazzjoni u l-kura tat-tfal fl-ewwel snin tat-tfulija kienet diskussa u mistħarrġa minn diversi aspetti, bħalma juru d-dokumenti li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea u l-aġenziji tagħha f’dawn l-aħħar snin. Dawn l-approċċi jinkludu d-drittijiet tat-tfal (13), il-kwistjonijiet edukattivi (14), il-qagħda attwali u l-futur tal-kura tat-tfal fl-UE (15), is-Simpożju dwar il-ħtieġa ta’ titjib tal-ECEC (16), u l-komponent tal-politika soċjali għat-trattament tal-faqar u l-esklużjoni soċjali għall-gruppi l-aktar vulnerabbli ta’ tfal huma eżatt bħar-riċerka u l-evalwazzjonijiet ta’ proġetti (17).

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1   Il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tal-2006 (18) esprimiet li d-drittijiet tat-tfal huma prijorità għall-UE u li l-Istati Membri huma obbligati jirrispettaw il-UNCRC u l-Protokolli Fakultattivi tagħha, kif ukoll l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. F’Marzu 2006, il-Kunsill Ewropew talab lill-Istati Membri “jieħdu l-miżuri meħtieġa biex inaqqsu l-faqar fost it-tfal b’mod rapidu u sinifikanti, u b’hekk it-tfal kollha jiġu mogħtija opportunitajiet indaqs, irrispettivament mill-isfond soċjali tagħhom (19). Fil-kuntest tas-suġġett attwali, dan ifisser li t-tfal kollha jingħataw l-opportunità ta’ edukazzjoni u kura xierqa fit-tfulija bikrija u wara l-ħin tal-iskola skont il-bżonnijiet tal-iżvilupp tagħhom u ċ-ċirkustanzi tal-familja, u aċċess għal edukazzjoni u kura li jkunu jistgħu jinkisbu faċilment, ikunu flessibbli, ta’ kwalità għolja u affordabbli, tal-inqas sakemm it-tfal ikollhom 14-il sena.

    3.2   L-iżvilupp ta’ faċilitajiet ta’ kura tat-tfal għat-tfal jagħtu lill-ġenituri aktar opportunitajiet biex isibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u tal-familja tagħhom. Dan japplika l-aktar għan-nisa li meta jkollhom quddiemhom għażliet mhux adegwati ta’ kura tat-tfal, aktarx li jaqtgħu qalbhom, ma jsibux xogħol jew ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn arranġamenti ta’ xogħol adatti. Dan kollu jwaqqafhom milli jilħqu l-milja tal-potenzjal tagħhom u milli jipproteġu lill-familja tagħhom mill-faqar. Dan għandu rabta mill-qrib mal-isfidi demografiċi minħabba li nuqqas ta’ rikonċiljazzjoni jwassal għal rati baxxi ta’ twelid.

    3.3   L-Ewropa għandha qafas legali li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bejn is-sessi permezz ta’ firxa sħiħa ta’ miżuri leġiżlattivi. Iżda n-nisa sikwit inaqqsu s-sigħat tax-xogħol tagħhom jew jieħdu leave itwal biex jieħdu ħsieb uliedhom, u dan iwassal għal paga u pensjonijiet anqas, faqar minkejja li jaħdmu, l-aktar f’familji b’ġenitur wieħed jew f’familji b’ħafna tfal. Għalkemm it-tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol huwa kwistjoni ta’ għażla personali, jista’ jkun marbut, fost oħrajn, man-nuqqas ta’ servizzi adegwati għat-tfal.

    3.4   Il-ġenituri għandu jkollhom il-flessibbiltà li jagħżlu meta jieħdu l-leave tagħhom tal-ġenituri u jikkombinawh, meta jkun possibbli, ma’ għażliet adegwati ta’ kura tat-tfal. Madankollu, f’dan ir-rigward il-politiki nazzjonali, il-prijoritajiet, il-ħtiġijiet tal-intrapriża, il-pressjoni soċjali u l-bżonnijiet tat-tfal għandhom jitqiesu wkoll u t-tibdiliet għandhom ikunu sensittivi biżżejjed li jipprovdu miżuri speċifiċi.

    3.5   Mal-UE kollha aktar minn 6 miljun mara bejn il-25 u d-49 sena jgħidu li jkollhom jagħżlu li ma jaħdmux jew li jaħdmu fuq bażi part-time biss, minħabba r-responsabbiltajiet tagħhom lejn il-familja, u għal aktar minn kwart minnhom ir-raġuni hija n-nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ kura tat-tfal jew kemm tiswa tali kura (20).

    3.6   L-aċċess għal ECEC ta’ kwalità għolja, affordabbli u aċċessibbli faċilment u għal programmi wara l-ħin tal-iskola mhux biss is-soluzzjoni għat-tfal biex iqattgħu l-ħin tagħhom f’ambjent tajjeb li jkun adattat għall-bżonnijiet tagħhom ta’ żvilupp, iżda huwa wkoll opportunità biex il-ġenituri, l-aktar nisa, ikunu jistgħu jaħdmu. Kura tat-tfal ta’ kwalità għandha impatt fuq il-kwalità tal-ħajja u fuq il-futur tat-tfal, tal-ġenituri, tal-familji u tal-komunitajiet.

    3.7   L-għanijiet differenti tal-istrateġiji tal-UE dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona, il-miri ta’ Barċellona u lil hinn, kif ukoll dwar il-qagħda demografika, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa u l-bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja, jistgħu jinkisbu, fost affarijiet oħra, permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ kura tat-tfal. Hemm bżonn isiru iktar sforzi biex jiġi żgurat li dawn l-opportunitajiet ikunu bbażati fuq l-aħjar interess tat-tfal.

    3.8   Is-servizzi tat-tfal, bħala settur li qed jikber b’rata mgħaġġla, qed jipprovdu wkoll għadd li dejjem qed jikber ta’ opportunitajiet ta’ xogħol, għan-nisa u l-irġiel (21), u qed jiżdiedu r-rekwiżiti ta’ edukazzjoni u taħriġ u ma’ dawn qed jiżdiedu wkoll il-prestiġju u l-paga.

    3.9   Proporzjon kbir ta’ Stati Membri żviluppa settijiet ta’ miżuri biex jippromovu bilanċ aħjar bejn il-ħajja professjonali, privata u tal-familja, li jirriflettu l-ħtiġijiet differenti tas-suq nazzjonali tax-xogħol u d-diversità ta’ tradizzjonijiet u kulturi li hemm fl-Ewropa. Għamliet varji u flessibbli ta’ kura tat-tfal jagħmlu parti minn kunċett usa’ flimkien ma’ firxa ta’ strumenti eżistenti oħra f’dan il-qasam. Dawn jikludu programmi ta’ inklużjoni soċjali, arranġamenti flessibbli ta’ xogħol, leave tal-ġenituri u għamliet oħra ta’ leave, biex ikun jista’ jinstab bilanċ bejn il-ħajja tal-familja, dik privata u dik tax-xogħol, u d-drittijiet tat-tfal u, permezz ta’ dawn, ikun hemm it-titjib tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi tal-UE.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1   Il-kura tat-tfal fl-UE hija industrija li qed tikber b’pass mgħaġġel bi standards minimi stabbiliti, u b’natura li tinbidel. Il-bżonnijiet tat-tfal relatati mal-importanza tal-ewwel snin tal-ħajja, il-komponent ta’ investiment fil-provvista ta’ servizzi bħat-tħejjija għall-iskola u s-suċċess fl-edukazzjoni u aktar tard għall-ħajja adulta kif ukoll is-snin bħal tat-tfulija huma kunċetti relattivament ġodda, primarjament fl-aħjar interessi tat-tfal iżda wkoll tal-komunità u tas-soċjetà kollha kemm hi (22).

    4.2   Sa dan l-aħħar il-konċentrazzjoni tal-infiq pubbliku fuq il-kura tat-tfal sikwit kienet fuq it-tfal bejn it-3 snin u dawk tal-età li fiha jibdew l-iskola biex jitħejjew għall-iskola, iżda l-investiment fil-kura tat-tfal għandu jkun immirat lejn tfal iżgħar kif ukoll lejn dawk li jmorru l-iskola sal-età ta’ 14-il sena. Dan ma jfissirx biss kura aħjar ta’ matul il-jum mogħtija waqt li l-ġenituri jkunu qed jaħdmu, iżda wkoll li jkunu pprovduti attivitajiet u kura u edukazzjoni barra mill-iskola u attivitajiet ta’ divertiment għal kulħaddd. Dan wera li huwa effikaċi ħafna fit-tħejjija għall-ħajja adulta, barra milli joffri żmien sigur u hieni.

    4.3   Is-soċjalizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistema ta’ valuri huma komponenti essenzjali tal-edukazzjoni fil-familja, bl-appoġġ tal-edukazzjoni u l-kura formali fl-ewwel snin tat-tfulija. Hemm istituzzjonijiet oħra li jagħtu edukazzjoni informali – organizzazzjonijiet mhux governattivi għat-tfal u ż-żgħażagħ u ċentri għat-tfal u ż-żgħażagħ li jikkontribwixxu biex jinkisbu ħiliet u kompetenzi għall-ħajja ta’ kuljum u li għandhom funzjoni fil-proċess ta’ tagħlim tul il-ħajja. 70 % ta’ dak li nafu u tal-ħiliet tagħna jiġi żviluppat permezz ta’ edukazzjoni informali. Għandhom jingħataw rikonoxximent u appoġġ lil kull għamla possibbli ta’ edukazzjoni.

    4.4   F’każijiet speċjali – tfal b’diżabbiltà, tfal migranti, ġenituri li jkollhom problemi ta’ saħħa mentali, eċċ. – il-kura tat-tfal tista’ tiżgura li jkun hemm l-opportunità għat-tfal biex dawn joqogħdu mal-familja tagħhom u ma jiġux mifruda minnha. Id-disponibbiltà ta’ għamliet differenti ta’ kura tat-tfal għat-tfal huma komponenti vitali tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku, u jaqdu funzjoni partikolarment kruċjali f’zoni żvantaġġati u għal gruppi u familji żvantaġġati li jgħixu f’sitwazzjonijiet tajba fir-rigward ta’ affarijiet oħra. L-għoti ta’ kura tat-tfal jista’ jgħin biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet soċjali, ekonomiċi u ta’ saħħa li familji żvantaġġati bħal dawn jiltaqgħu magħhom, u jappoġġja l-integrazzjoni soċjali ta’ gruppi esklużi.

    4.5   Filwaqt li żżomm quddiem għajnejha l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (23), il-Kummissjoni għandha twettaq studju parallel li jqis l-impatt fuq it-tfal tal-miżuri proposti. It-tfal għandhom jitrabbew b’għożża u xi ħadd għandu jkun responsabbli għall-benesseri tat-tifel jew tat-tifla. Il-benesseri tat-tfal u l-valur tat-tfulija matul dan l-istadju wisq importanti tal-ħajja huma deċiżivi fihom infushom, iżda fl-istess waqt, it-tfal jikkostitwixxu l-forza tax-xogħol tal-futur u n-nuqqas ta’ kura u appoġġ f’dan il-perijodu bikri tal-ħajja jista’ jwassal għal nuqqas ta’ suċċess fl-iskola u wara fl-integrazzjoni fis-soċjetà.

    4.6   L-għoti ta’ kura tat-tfal huwa għamla ta’ opportunità ta’ impjieg tradizzjonalment l-aktar marbut man-nisa, iżda l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-taħlit tas-sessi fil-post tax-xogħol, li jinkisbu billi jiddaħħal proporzjon ikbar ta’ ħaddiema rġiel, huma mixtieqa. Taħriġ ta’ kwalità għolja u taħriġ vokazzjonali, superviżjoni u prestiġju ogħla bl-għoti ta’ salarji ogħla qed jiggarantixxu għoti ta’ servizzi aħjar, kif ukoll forza tax-xogħol bilanċjata bejn is-sessi.

    4.7   L-għanijiet ta’ Barċellona għandhom jimmiraw li sal-2010 tinkiseb sitwazzjoni fejn mill-inqas 33 % tat-tfal taħt it-3 snin jitqiegħdu f’kura matul il-jum u l-istess għal 90 % tat-tfal bejn it-3 snin u l-età obbligatorja tal-iskola, iżda m’hemmx dispożizzjoni speċjali għall-għamliet differenti ta’ kura tat-tfal. Hemm bżonn urġenti għal pjattaforma li tikklassifika u ttejjeb dawn l-għanijiet skont il-prinċipji ta’ kwalità, flessibbiltà, aċċessibbiltà u affordabbiltà. Tibqa’ din il-mistoqsija iżda: x’jiġri minn dawk li ma jistgħux jingħataw kura minkejja li jkunu jeħtieġu tali kura tat-tfal? Jinħtieġu riċerka u data iktar adatta għad-dibattitu dwar dawn il-kwistjonijiet u t-tweġibiet potenzjali.

    4.8   Fir-rigward tal-kwalità tal-kura tat-tfal, ftit informazzjoni hija disponibbli dwar servizzi tal-kura tat-tfal informali li jiġu pprovduti fid-dar; ħafna minnhom ma jkunux kwalifikati, ma jkunux reġistrati b’mod formali u jibqgħu barra mis-sistemi rikonoxxuti ta’ monitoraġġ. Dawn il-ħaddiema ma jagħmlux parti mill-istrutturi formali ta’ impjieg, u għalhekk ma jingħatawx il-protezzjoni adatta fuq il-post tax-xogħol. L-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali għandhom jimpenjaw ruħhom biex jiżguraw kura ta’ kwalità fil-forom kollha tagħha. Dawn l-arranġamenti informali ta’ kura huma wkoll ta’ periklu għat-tfal. L-imsieħba soċjali għandhom jitolbu għal regolamenti u trasparenza mhux biss fil-qasam tal-kura tat-tfal professjonali iżda wkoll fil-forom kollha ta’ kura li tingħata fid-djar u tat-tip informali billi jappoġġjaw u jirrikjedu taħriġ professjonali u superviżjoni. Inċentivi fiskali jistgħu jagħtu kontribut għat-twaqqif ta’ faċilitajiet ta’ kura ta’ kwalità ogħla. Minħabba l-għadd kbir ta’ nisa attivi fis-settur tal-kura, it-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalifiki f’dan is-settur għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-istrateġija ġenerali tal-UE f’dan il-qasam (24).

    Brussell, 20 ta’ Jannar 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  Fil-kuntest tal-istrateġija tal-Kummissjoni Lejn Strateġija dwar id-Drittijiet tat-Tfal, imnedija fl-4.7.2006 (http://europa.eu/scadplus/leg/en/lvb/r12555.htm).

    (2)  F’Marzu 2002, il-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona għaraf l-importanza tal-kura tat-tfal għat-tkabbir u l-opportunitajiet indaqs u sejjaħ lill-Istati Membri biex “ineħħu x-xkiel għas-sehem tan-nisa fis-suq tax-xogħol u, b’kunsiderazzjoni għat-talba u skont is-sistemi nazzjonali tagħhom f’dan ir-rigward, jagħmlu sforz sabiex, minn issa sal-2010 jistabbilixxu faċilitajiet ta’ kura għal mill-inqas 90 % tat-tfal ta’ bejn it-tliet snin u l-età tal-iskola obbligatorja u għal mill-inqas 33 % tat-tfal ta’ inqas minn tliet snin”.

    (3)  Kura tat-Tfal fl-UE fl-2006, Eurostat/08/172, il-Bulgarija u r-Rumanija ngħaqdu mal-UE fl-1 ta’ Jannar 2007 u ma kinux meħtieġa jiġbru data qabel dan.

    (4)  L-implimentazzjoni tal-KE tal-għanijiet ta’ Barċellona dwar il-kura tat-tfal għal tfal fl-età ta’ qabel ma jmorru l-iskola, COM(2008) 638 Brussell.

    (5)  KE, Il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa, il-bidla ta’ sfida f’opportunità, COM(2006) 571 finali.

    (6)  Ara Anness II tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell of tat-23 u l-24 ta’ Marzu 2006 li jinsabu: http://ue.eu.int/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/ec/89013.pdf.

    (7)  KE, Il-Promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, COM(2007) 244 finali

    (8)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Sommarju taċ-ċittadindispożizzjonijiet aħjar għal-leave tal-maternità mfassla għall-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=611&langId=en). (Mhux disponibbli bil-Malti). Pożizzjoni komuni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta’ Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-Pjattaforma Soċjali, Jannar 2009.

    (9)  KE, Faqar fost it-Tfal u l-Benesseri fl-UE – Stat attwali u ħarsa ’l quddiem, il-Lussemburgu, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 2008.

    (10)  Il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

    (11)  KE, Lejn Strateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, COM(2006) 367 finali, Brussell, 2006.

    (12)  “Starting Strong, OECD, 2001 / Childcare services in Europe, Foundation Findings, 2009 / Families and childcare services, Eurofound, 2009 / Early Childhood Education and Care key lessons from research and policy makers, NESSE, 2009 / The Provision of childcare services, Comparative review of 30 European countries, European Commission, 2009 / Child Poverty and well being in the EU, EC, 2008 / Changing Childhood in a Changing Europe, ESF, 2009 / Babies and Bosses, OECD, 2007 / Education Today, the OECD perspective, 2009 / Tackling Social and Cultural Inequalities through Early Childhood Education and Care in Europe, Eurydice, 2009 / Out of school care services for school aged children, Eurofound, 2007 / Employment developments in childcare services for school-aged children, European Foundation for the Improvement of Living and Working Conditions, 2006 / UNICEF Report Card 8, The Childcare Transition, Florence, 2008 / Early Matters, Brussels, 2008.”

    (13)  Lejn Strateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, 2006.

    (14)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar L-effiċjenza u l-ekwità fis-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ Ewropej (COM(2006) 481 finali).

    (15)  “Childcare services in the EU- what future?”, Eurofound.

    (16)  “Early matters, ECEC symposium”, 2008 Ottubru, Brussell.

    (17)  “Tackling social and cultural inequalities through early childhood education and care in Europe, Eurydice, 2009, Early Childhood education and care – key lessons for policy makers, NESSE, 2009.”

    (18)  KE, Lejn Strateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, COM(2006) 367 finali, Brussell, 2006.

    (19)  Ara l-paragrafu 72 tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza – it-23 u l-24 ta’ Marzu 2006 (ref. fin-nota 8 f’qiegħ il-paġna hawn fuq).

    (20)  Servizzi ta’ kura tat-tfal, Sejbiet tal-Fondazzjoni, Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Għajxien u l-Kondizzjonijiet tax-Xogħol, Dublin, 2009, pp.9, www.eurofound.europa.eu.

    (21)  L-iktar permezz tal-Istrateġija ta’ Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi msemmija hawn fuq.

    (22)  P. Reid, D. White, Eurofound, “Out of school care services for children living disadvantaged areas,” il-Lussemburgu, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-KE, 2007.

    (23)  Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata mir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali 44/25 tal-20 ta’ Novembru 1989 u li daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Settembru 1990, b’konformità mal-Artikolu 49. Tinsab fis-sit: http://www2.ohchr.org/english/law/crc.htm.

    (24)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 277, 17.11.2009, p. 102.


    Top