Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0668

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Strateġija ta' tħejjija għal ċerti pajjiżi ġirien għall-adeżjoni għall-Konvenzjonijiet KE-EFTA tal-1987 dwar proċedura komuni ta' transitu u dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti

/* KUMM/2010/0668 finali */

52010DC0668

/* KUMM/2010/0668 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Strateġija ta' tħejjija għal ċerti pajjiżi ġirien għall-adeżjoni għall-Konvenzjonijiet KE-EFTA tal-1987 dwar proċedura komuni ta' transitu u dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti


[pic] | KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 18.11.2010

KUMM(2010) 668 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Strateġija ta' tħejjija għal ċerti pajjiżi ġirien għall-adeżjoni għall-Konvenzjonijiet KE-EFTA tal-1987 dwar proċedura komuni ta' transitu u dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti

EN

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Strateġija ta' tħejjija għal ċerti pajjiżi ġirien għall-adeżjoni għall-Konvenzjonijiet KE-EFTA tal-1987 dwar proċedura komuni ta' transitu u dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti

1. Objettivi u kondizzjonijiet ġenerali għal estensjoni tal-konvenzjonijiet

1.1. Il-Konvenzjonijiet tal-1987 dwar transitu komuni u s-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti[1] fil-preżent għandhom erba' partijiet kontraenti (l-Unjoni Ewropea, l-Islanda, in-Norveġja, l-Isvizzera[2]) li jirrappreżentaw 30 pajjiż. Sa mill-bidu tagħhom, huma wrew il-validità tagħhom bħala strumenti ta' faċilitar tal-kummerċ permezz ta' twaqqif ta' proċedura komuni għaċ-ċirkolazzjoni ta' oġġetti skont is-superviżjoni doganali sabiex tkun evitata l-konġestjoni fil-qsim tal-fruntieri u permezz ta' armonizzazzjoni tal-format tad-dikjarazzjoni doganali għall-esportazzjoni, importazzjoni u arranġamenti ta' transitu.

1.2. F'risposta għar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kumitat ta' Inkjesta tal-Parlament Ewropew dwar transitu tal-Komunità fi Frar 1997, il-Kummissjoni impenjat ruħha biex ma tipproponix xi estensjoni ġdida tal-Konvenzjonijiet qabel ma l-Komunità u l-proċeduri komuni ta' transitu jkunu riformati u kkompjuterizzati. Il-komponent leġiżlattiv tar-riforma tal-arranġamenti ta' transitu ġie implimentat fl-1 ta' Lulju 2001. Il-qafas ta' operazzjoni korrispondenti jinsab f'postu u l-kompjuterizzazzjoni ta' transitu hi implimentata u saret aktar leġiżlazzjoni biex tirrifletti l-fatt li l-proċedura standard ta' transitu qiegħda sseħħ b'mod elettroniku[3].

1.3. Fl-2001, il-Kummissjoni pproponiet strateġija[4] dwar l-adeżjoni għall-Konvenzjonijiet għal ċerti pajjiżi kandidati tal-UE filwaqt[5] li fasslet il-kondizzjonijiet li pajjiż irid jissodisfa qabel ma l-adeżjoni tkun tista' sseħħ. Il-Komunikazzjoni għamlet enfażi fuq il-pajjiżi kandidati tal-UE peress li din ikkunsidrat l-adeżjoni għall-Konvenzjonijiet bħala parti minn strateġija globali ta' sħubija fl-UE u tat konsiderazzjoni speċjali għall-istadju bikri tal-implimentazzjoni tas-sistema kompjuterizzata ta’ transitu l-ġdida (NCTS).

Wara t-tkabbir tal-UE fl-2004, it-Turkija, li qiegħda tkompli l-preparamenti biex tissieħeb mal-Konvenzjonijiet fil-futur qrib, bħalissa hi l-uniku pajjiż kopert mill-Komunikazzjoni mill-2001.

1.4. Il-prospett ta' adeżjoni għall-Konvenzjonijiet għandu jkun ikkonfermat għall-pajjiżi kandidati tal-UE li ma kinux ikkunsidrati fil-Komunikazzjoni tal-2001 (il-Kroazja u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja) u kif ukoll għal kandidati potenzjali.

1.5. Skont il-prekondizzjonijiet imfassla mill-Komunikazzjoni tal-2001, u r-realizzazzjoni ta' sistema ta' transitu kompjuterizzata kompletament funzjonali li tippermetti l-kontroll aħjar tar-riskju ta' operazzjoni, issa hu possibbli li tiġi kkunsidrata l-adeżjoni ta' aktar pajjiżi ġirien għall-Konvenzjonijiet sabiex ikun iffaċilitat il-kummerċ.

L-estensjoni tal-Konvenzjonijiet għal aktar pajjiżi li huma kapaċi li jimplimentawhom hi ċarament fl-interess tal-Unjoni u tan-negozjanti Ewropej u se tippromwovi l-konformità mal- acquis tal-UE relevanti fir-reġjun. Sabiex jinżamm il-karattru reġjonali tal-Konvenzjoni, il-Komunikazzjoni għandha tiddefinixxi pajjiżi li jikkwalifikaw bħala partijiet potenzjalment kontraenti u tippjana reviżjoni wara ħames snin sabiex jiġi eżaminat il-fatt jekk aktar pajjiżi jikkwalifikawx bħala partijiet potenzjalment kontraenti.

1.6. Il-Kummissjoni se tkompli tgħin biex tipprepara lil dawn il-pajjiżi għall-adeżjoni għall-Konvenzjonijiet skont l-aħjar kondizzjonijiet possibbli. Meta tkun trid tittieħed deċiżjoni dwar jekk pajjiż hux lest għall-adeżjoni, attenzjoni speċjali se tingħata lejn l-aħħar żviluppi fl-Unjoni fl-implimentazzjoni ta' Kodiċi Doganali tal-Komunità modernizzat u l-konsegwenzi li dan possibbilment ikollu għall-Konvenzjonijiet u kif ukoll l-aspetti relevanti ta' negozjati dwar Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv mal-pajjiż ikkonċernat.

2. Deskrizzjoni tal-istrateġija għall-estensjoni tal-konvenzjonijiet

2.1. L-estensjoni tal-Konvenzjonijiet KE-EFTA tal-1987 dwar proċedura komuni ta' transitu u s-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti għal imsieħba ġodda li huma kapaċi li japplikawhom hu fl-interess tal-Unjoni u tal-kummerċ Ewropew. Dan se jippromwovi l-iffaċilitar tal-kummerċ u titnaqqas il-konġestjoni fil-fruntieri.

L-estensjoni tal-Konvenzjonijiet hi f'konformità mal-Komunikazzjoni dwar Politika Ewropea tal-Viċinat[6] li enfasizzat li l-approssimazzjoni leġiżlattiva fiż-żona doganali u l-bini ta' kapaċità u l-immodernizzar, inkluż il-kompjuterizzar, jikkontribwixxu għall-iffaċilitar tal-kummerċ.

2.2. Sabiex jinżamm il-karattru reġjonali tal-Konvenzjonijiet, il-Komunikazzjoni għandha tiddefinixxi grupp speċifiku ta' pajjiżi bħala partijiet potenzjalment kontraenti u tippjana reviżjoni wara ħames snin sabiex jiġu kkunsidrati aktar pajjiżi bħala partijiet potenzjalment kontraenti.

Bħal fil-każ tal-2001, għandha tingħata attenzjoni biex jiġi stabbilit proċess immaniġġjat għall-estensjoni tal-Konvenzjonijiet sabiex isir l-aħjra użu tar-riżorsi disponibbli u jinkiseb tagħrif mill-operazzjoni tal-proċedura komuni ta' transitu f'żona ġeografika aktar wiesgħa. Għal dak il-għan, hu tal-parir li jiġi identifikat grupp limitat ta' pajjiżi fejn l-Unjoni tista' takkwista l-aktar billi tikkonnektjahom mas-sistema komuni ta' transitu, sakemm dawn jissodisfaw il-kriterji kollha ta' sħubija.

Dan il-grupp għandu jikkonsisti minn kandidati tal-UE u kandidati potenzjali, il-pajjiżi koperti mill-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant (l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bjelorussja[7], il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina) li tipprevedi b'mod espliċitu l-iżvilupp ta' pajn li jwassal għas-sħubija għall-Konvenzjonijiet[8], u r-Russja, fejn l-objettiv ta' ffaċilitar tal-kummerċ jifforma parti integrali tal-Pjan għall-ispazju ekonomiku komuni li l-UE u r-Russja qablu li joħolqu[9].

2.3. Kif ġie enfasizzat fil-Komunikazzjoni 2001[10], pajjiż jista' jiġi mistieden biex jissieħeb għall-Konvenzjonijiet biss jekk ikun kapaċi jimplimenta l- acquis kollu dwar it-transitu komuni u s-simplifikazzjoni tal-formalitajiet li jkunu fis-seħħ fiż-żmien tal-invit għas-sħubija, fuq il-livelli legali, operazzjonali u ta' kompjuterizzazzjoni. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali għalhekk trid tkun konformi ma' dik tal-Konvenzjonijiet; is-servizz doganali jrid ikun kapaċi jissodisfa r-rekwiżiti prattiki u finanzjarji u jkollu sistema ta' transitu kompjuterizzata (NCTS).

2.4. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tippjana, f'isem l-Unjoni u f'kooperazzjoni mal-partijiet l-oħra kontraenti għall-Konvenzjonijiet, serje ta' miżuri ddisinjati biex jiżguraw il-konsistenza globali tal-preparamenti mal-implimentazzjoni ta' strumenti doganali dwar il-leġiżlazzjoni u l-applikazzjoni integrata fuq livell amministrattiv.

2.5. Dawn il-miżuri jinkludu l-għoti ta' status informali ta' osservatur fil-kumitati konġunti u l-gruppi ta' ħidma dwar it-transitu komuni u s-simplifikazzjoni tal-formalitajiet, sakemm dan mhux diġà l-każ[11]. Dan se jgħin lill-pajjiżi msemmija fil-preparamenti tagħhom biex jimplimentaw l- acquis dwar transitu komuni u s-simplifikazzjoni tal-formalitajiet u l-iżvilupp futur tal-Konvenzjonijiet, b'mod partikolari f'relazzjoni mal-proġett tal-Unjoni dwar id-Dwana Elettronika. Dawn se jkunu wkoll eleġibbli għal inizzjattivi relatati mat-transitu (seminars ta' taħriġ, skambji tal-uffiċjali) organizzati skont il-programm 'Doganali 2013'. Is-sitwazzjoni tagħhom fir-rigward tal- acquis tal-Konvenzjoni dwar il-kompjuterizzazzjoni doganali se tkun evalwata biex jingħataw aktar għajnuna biex jidentifikaw fejn irid isir aktar progress u liema rekwiżiti għandhom jiġu sodisfatti.

3. Konklużjoni

3.1 Il-Kummissjoni titlob lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jaċċettaw l-istrateġija proposta dwar l-estensjoni tal-Konvenzjonijiet KE-EFTA dwar proċedura komuni ta' transitu u dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet tal-kummerċ ta' oġġetti għall-kandidati tal-UE u l-kandidati potenzjali, il-pajjiżi koperti mill-Inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant, ir-Russja, u, jekk l-unjoni doganali bejn il-Bjelorussja, ir-Russja u l-Kazakistan tirrikjedi hekk, mal-Kazakistan ukoll.

3.2 Kwalunkwe deċiżjoni mill-Kumitati Konġunti tal-KE-EFTA biex ikun mistieden xi pajjiż biex jissieħeb għall-Konvenzjonijiet għandha għalhekk tkun ippreċeduta minn eżami tal-istat ta' preparamenti ta' dak il-pajjiż fid-dawl tal-implimentazzjoni tas-sistema ta' transitu komuni, fil-forma preżenti tagħha u dik kompjuterizzata, fil-partijiet kontraenti tal-preżent.

[1] Ippubblikati fil-ĠU L 226, 13.8.1987, p. 1 u l-ĠU L 134, 22.5.1987, p. 2.

[2] Il-Liechtenstein hu kkunsidrat bħala parti mit-territorju doganali Svizzeru għall-għan tal-Konvenzjonijiet.

[3] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1192/2008, ĠU L 329, 6.12.2008, p. 1 u d-Deċiżjoni Nru 1/2008 tal-Kumitat Konġunt KE-EFTA dwar transitu komuni, ĠU L 274, 15.10.2008, p. 1.

[4] COM(2001) 289 finali

[5] L-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Bulgarija, ir-Rumanija, l-Islovenja u t-Turkija.

[6] COM(2004) 373 finali

[7] Il-ħolqien ta' unjoni dogonali bejn il-Bjelorussja, il-Kazakistan u r-Russja jista' jirrikjedi sħubija, fl-istess waqt, ta' dawn il-pajjiżi għall-Konvenzjonijiet.

[8] Id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Sħubija tal-Lvant (COM(2008) 823)

[9] L-Istqarrija għall-Istampa, tal-ħmistax-il Summit UE-Russja, l-10 ta' Mejju 2005, 8799/05 (Stampa 110).

[10] Ara l-punt 1.2.

[11] Fil-preżent dawn il-pajjiżi għandhom dan l-istatus: Il-Bjelorussja, il-Kroazja, il-Ġeorġja, L-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Moldova, ir-Russja, is-Serbja, it-Turkija u l-Ukraina.

Top