EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0569

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL PROGRESS LEJN L-ILĦIQ TAL-GĦANIJIET TA’ KJOTO

/* KUMM/2010/0569 finali */

52010DC0569

/* KUMM/2010/0569 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL PROGRESS LEJN L-ILĦIQ TAL-GĦANIJIET TA’ KJOTO


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 12.10.2010

KUMM(2010) 569 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

PROGRESS LEJN L-ILĦIQ TAL-GĦANIJIET TA’ KJOTO

(meħtieġ skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kjoto)

SEG(2010) 1204

WERREJ

1. SOMMARJU 3

2. IL-PROGRESS LI SEĦĦ MILL-1990 SAL-2008 6

2.1. Ix-xejriet fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra 6

2.2. L-intensitajiet u l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra per capita fl-2008 7

2.3. L-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-2008 meta mqabbla ma’ dawk tal-2007 8

2.4. Ix-xejriet fl-emissjonijiet fis-setturi ewlenin 9

3. IL-PROGRESS IMBASSAR LEJN L-ILĦIQ TAL-MIRA TA’ KJOTO 11

3.1. Il-previżjonijiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra 11

3.1.1. L-UE-15 11

3.1.2. L-UE-12 11

3.1.3. L-UE-27 11

3.2. L-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima 14

3.3. L-implimentazzjoni tal-Iskema tal-UE għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (l-ETS tal-UE) 16

3.3.1. It-tieni perjodu ta’ negozjar (mill-2008 sal-2012) 16

3.3.2. L-użu tal-implimentazzjoni konġunta u tal-mekkaniżmu għal żvilupp nadif min-naħa tal-operaturi 16

3.4. L-użu previst tal-mekkaniżmi ta’ Kjoto mill-gvernijiet 16

3.5. L-użu previst tal-bjar tal-karbonju 17

4. L-ILĦIQ TAL-MIRA GĦALL-2020 17

4.1. Il-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE sal-2020 17

4.2. Il-politiki li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri 18

4.3. Id-distanza mill-miri prevista 18

5. IL-QAGĦDA FIL-PAJJIŻI KANDIDATI TAL-UE 19

SOMMARJU

Fit-triq it-tajba biex tintlaħaq il-mira ta’ Kjoto għall-2008 sal-2012

Skont il-Protokoll ta’ Kjoto, l-UE-15 qablet li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett tas-serra tagħha bi 8 % sal-2008-12 meta mqabbel mal-livelli tas-sena bażi1. Abbażi tal-aħħar dejta disponibbli fl-inventarju tal-20082, l-emissjonijiet totali tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE-15 naqsu għall-ħames sena konsekuttiva u kienu ta’ 6.9 % inqas mill-emissjonijiet tas-sena ta’ referenza mingħajr l-Użu tal-Art, Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (il-LULUCF). Waqt li sa mill-1990, l-ekonomija kibret b’mod sinifikanti u l-prodott domestiku gross (il-PDG) tal-UE-15 kiber bi kważi 45 %, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE-15 madankollu kienu qegħdin jonqsu.

Fl-2008, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE-15 naqsu b’1.9 % meta mqabbla mal-emissjonijiet tal-2007, filwaqt li l-PDG tal-UE-15 kiber b’0.6 %. Il-previżjonijiet 3 kif jidhru fil-Figura 1 jindikaw li l-UE-15 se tilħaq il-mira tagħha ta’ Kjoto. Il-previżjonijiet attwali, li jirriflettu r-reċessjoni ekonomika, jindikaw li probabbli se tinqabeż il-mira stabbilita.

Figura 1: L-emissjonijiet attwali u dawk imbassra għall-UE-15

[pic]

Nota : Il-vleġeġ huma bbażati fuq il-medja tal-2008 sal-2012 u għalhekk ma jikkorrispondux eżattament mal-valuri tal-emissjonijiet imbassra għall-2010. L-emissjonijiet tal-2009 huma stimi preliminari magħmula mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Skont il-previżjonijiet reċenti għall-gassijiet b’effett ta’ serra, sitt Stati Membri (il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Isvezja u r-Renju Unit) qegħdin fit-triq it-tajba biex jilħqu l-miri tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fuq livell domestiku. Meta jitqiesu l-użu ppjanat tal-mekkaniżmi flessibbli ta’ Kjoto, l-użu tal-kwoti mhux użati li ġejjin mir-riżerva għal dawk li għadhom kemm daħlu fl-iskema tal-UE għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet (l-ETS tal-UE) u l-bjar tal-karbonju, huma biss żewġ Stati Membri (l-Awstrija u l-Italja) li jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex jilħqu l-miri tagħhom, iżda dan ma jnaqqasx il-kapaċità tal-UE-15 biex b’mod ġenerali tilħaq il-mira tagħha ta’ Kjoto. Fil-biċċa l-kbira tat-tnax-il Stat Membru li ssieħbu fl-UE mill-2004 ’l hawn, l-emissjonijiet huma mbassra li jonqsu ftit bejn l-2008 u l-2012, u disa’ minnhom li għandhom mira ta’ Kjoto4 huma mistennija jilħqu jew jaqbżu l-miri tagħhom ta’ Kjoto bl-użu tal-politiki u l-miżuri eżistenti biss. Is-Slovenja tipprevedi li hija se tilħaq il-mira tagħha meta l-miżuri eżistenti u ppjanati kollha, inkluż ix-xiri ta’ krediti ta’ Kjoto, irendu kif mistenni.

Fl-2008, l-emissjonijiet totali tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE-27 kienu ta’ 14.3 % inqas mil-livelli tal-emissjonijiet tas-sena ta’ referenza mingħajr l-emissjonijiet u t-tneħħijiet mil-LULUCF. L-emissjonijiet kienu ta’ 2 % inqas meta mqabblin mal-2007, filwaqt li matul l-istess perjodu l-ekonomija tal-UE-27 kibret b’0.7 %.

Barra minn hekk, skont id-dejta temporanja għall-20095, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE-15 u tal-UE-27 naqsu b’6.9 % fl-2009 meta mqabblin mal-2008. Abbażi ta’ dawn l-istimi, l-UE-15 tinsab 12.9 % taħt il-livell tas-sena ta’ referenza, u għall-ewwel darba qabżet l-impenn tagħha ta’ Kjoto li twettaq tnaqqis ta’ 8 %. L-emissjonijiet tal-UE-27 għall-2009 jinsabu bejn wieħed u ieħor 17.3 % taħt il-livell tal-1990. Mill-1990 sal-2009 l-bidla fil-PDG kienet ta’ 38 % fl-UE-15 u ta’ 40 % fl-UE-27.

Miżuri ġodda biex tintlaħaq il-mira ambizzjuża tal-UE għall-2020

Il-pakkett dwar il-klima u l-enerġija6 li kien adottat fl-2009 jipprovdi pakkett integrat u ambizzjuż ta’ politiki u miżuri biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima sal-2020 u lil hinn minn dik is-sena.

Mill-2013 ’il quddiem, l-isforz totali tal-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’20 % sal-2020 meta mqabbel mal-1990 se jinqasam bejn is-setturi tal-ETS tal-UE u dawk li mhumiex tal-ETS kif ġej:

1. tnaqqis ta’ 21 % fl-emissjonijiet fis-setturi tal-ETS tal-UE meta mqabbel mal-2005;

2. tnaqqis ta’ madwar 10 % meta mqabbel mal-2005 għas-setturi li mhumiex koperti mill-ETS tal-UE.

It-tnaqqis totali ta’ -20 % meta mqabbel mal-1990 huwa daqs tnaqqis ta’ -14 % meta mqabbel mal-2005. Jeħtieġ li jkun hemm iktar tnaqqis mis-setturi tal-ETS tal-UE minħabba li huwa aktar kost-effettiv li jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-setturi koperti mill-ETS milli li dawn jitnaqqsu f’setturi oħrajn li mhumiex koperti minn din is-sistema.

Mill-2009 saru iktar tħejjijiet biex jiġi implimentat l-impenn tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2020. F’dak li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tad- Direttiva riveduta tal-ETS tal-UE , din tkopri, fost affarijiet oħra, Deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jiġu stabbiliti s-setturi u s-subsetturi li huma meqjusin li huma esposti għar-rilokazzjoni ta’ emissjonijiet tal-karbonju u Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kwantità ta’ kwoti mifruxin mal-Komunità kollha li għandhom jinħarġu fit-tielet perjodu ta’ negozjar. Barra minn hekk, qegħdin jitħejjew regoli dwar it-twettiq fiż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħrajn tal-irkantar tal-kwoti u regoli tal-allokazzjoni armonizzati għall-Komunità kollha biex jiġu allokati l-kwoti fit-tielet perjodu ta’ negozjar. Qiegħed jiġi rivedut ukoll ir-Regolament dwar ir-Reġistri sabiex isirulu l-bidliet meħtieġa.

Id- Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforzi tirregola l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fis-setturi kollha koperti mill-ETS tal-UE, ħlief għall-istallazzjonijiet u l-avjazzjoni, l-emissjonijiet mill-attivitajiet marbutin mal-Użu tal-Art, mat-Tibdil fl-Użu tal-Art u mal-Forestrija (il-LULUCF) u l-emissjonijiet mit-tbaħħir marittimu internazzjonali. Hija tobbliga lill-Istati Membri jillimitaw l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet b’effett ta’ serra bejn l-2013 u l-2020 skont trajettorja lineari b’miri annwali li jorbtu. Dan se jiżgura ċaqliq gradwali lejn il-miri tal-2020 li kien hemm qbil dwarhom fis-setturi rispettivi. L-Istati Membri se jkunu responsabbli biex jiddefinixxu u jimplimentaw politiki u miżuri biex jillimitaw l-emissjonijiet tagħhom. Se tkun stabbilita sistema robusta ta’ monitoraġġ biex tkun immonitorata l-azzjoni tal-Istati Membri u biex tgħinhom jieħdu kwalunkwe miżura korrettiva meħtieġa jekk jonqsu milli jilħqu l-miri tagħhom. Il-Kummissjoni bdiet taħdem fuq miżuri implimentattivi skont id-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforzi, li jinkludu l-istabbiliment tal-valuri assoluti għall-miri tal-Istati Membri għall-2013 sal-2020 u l-istabbiliment ta’ regoli għat-trasferiment tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet fost l-Istati Membri kif ukoll miżuri biex tkun żgurata t-trasparenza tagħhom.

L-għan tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’20 % kien ukoll parti integrali mill-istrateġija tal-Ewropa 2020 għall-impjiegi u għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, li kienet adottata mill-Kunsill Ewropew f’Ġunju tal-2010. Il-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet hija waħda mill-ħames miri ewlenin tagħha.

Il-Figura 2 turi d-differenza sinifikanti bejn il-previżjonijiet għall-2020 u l-miri tal-UE għall-2020 (-20 % u -30 % rispettivament). Dan ifisser li l-UE trid iżżid l-isforzi tagħha b’mod sinifikanti biex tnaqqas l-emissjonijiet tagħha tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Skont il-mira attwali, fl-2020 it-tnaqqis fl-emissjonijiet irid jammonta għall-ekwivalenti ta’ 350 sa 800 miljun tunnellata ta’ CO2 meta mqabbel max-xenarju ta’ referenza. Dan jenfasizza l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jimplimentaw kemm jista’ jkun malajr il-leġiżlazzjoni l-ġdida biex ikun żgurat li t-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet jitwettaq.

Figura 2: L-emissjonijiet attwali u dawk imbassra għall-UE-27

[pic]

Nota: L-emissjonijiet tal-2009 huma stimi preliminari magħmula mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

IL-PROGRESS LI SEĦĦ MILL-1990 SAL-2008

Ix-xejriet fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra

It-tendenza ġenerali tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE hija influwenzata bil-qawwi mill-akbar żewġ emittenti, il-Ġermanja u r-Renju Unit, li flimkien huma responsabbli għal madwar terz mill-emissjonijiet totali tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE-27. Fl-2008, dawn iż-żewġ Stati Membri kellhom tnaqqis totali tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra li kien jammonta għall-ekwivalenti ta’ 417 miljun tunnellata ta’ CO2 meta mqabbel mal-1990.

Ir-raġunijiet prinċipali għat-tendenza favorevoli fil-Ġermanja (-22 % mill-1990 sal-2008) huma t-titjib kontinwu fl-effiċjenza fl-impjanti tal-enerġija u tat-tisħin u fl-użu tas-sħana u l-enerġija kkombinati, kif ukoll l-investimenti fir-ristrutturar ekonomiku tal-ħames reġjuni (“Länder”) il-ġodda wara r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja. It-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fir-Renju Unit (-18.5 % mill-1990 sal-2008) ġiet b’mod ewlieni minħabba l-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-enerġija u l-bdil sussegwenti tal-fjuwil miż-żejt u l-faħam għall-gass fil-produzzjoni tal-elettriku, kif ukoll minħabba l-miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tan-N2O fil-produzzjoni tal-aċidu adipiku.

L-Italja u Franza huma t-tielet u r-raba’ l-akbar emittenti, u t-tnejn għandhom sehem ta’ 11 %. Fl-2008, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-Italja kienu madwar 5 % ogħla mil-livelli tal-1990. Iż-żidiet osservati sa mill-1990 fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-Italja ġejjin l-iktar mit-trasport bit-triq, mill-produzzjoni tal-elettriku u tat-tisħin u mir-raffinar taż-żejt mhux raffinat. Fl-2008, l-emissjonijiet ta’ Franza kienu ta’ 6 % inqas mil-livelli tal-1990. Kien hemm tnaqqis kbir fl-emissjonijiet tan-N2O mill-produzzjoni tal-aċidu adipiku. Iżda l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport bit-triq żdiedu b’mod konsiderevoli bejn l-1990 u l-2008.

Spanja u l-Polonja huma l-ħames u s-sitt l-akbar emittenti tal-UE-27, u kull wieħed minn dawn iż-żewġ pajjiżi huwa responsabbli għal 8 % tal-emissjonijiet kollha tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE-27. Spanja żiedet l-emissjonijiet tagħha bi 42 % bejn l-1990 u l-2008. Dan seħħ l-aktar minħabba żidiet fl-emissjonijiet mit-trasport bit-triq, mill-produzzjoni tal-elettriku u tat-tisħin u mill-industriji tal-manifattura. Il-Polonja naqqset l-emissjonijiet tagħha tal-gassijiet b’effett ta’ serra bi 12.7 % bejn l-1990 u l-2008 (-29.8 % mis-sena ta’ referenza, li hija l-1988 fil-każ tal-Polonja). Il-fatturi ewlenin għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-Polonja huma – l-istess bħalma huma għall-Istati Membri l-oħra tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant – it-tnaqqis fl-ineffiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-industrija peżanti u r-ristrutturar ġenerali tal-ekonomija fl-aħħar tat-tmeninijiet u fil-bidu tad-disgħinijiet, kif ukoll it-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija li sar bejn l-1990 u l-2008. L-eċċezzjoni li tispikka kienet it-trasport, b’mod speċjali t-trasport bit-triq – settur li fih l-emissjonijiet żdiedu.

Fl-2008, seba’ Stati Membri kellhom emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra li kienu ogħla mil-livelli tas-sena ta’ referenza, waqt li t-18-il Stat Membru l-ieħor kellhom emissjonijiet li kienu inqas mil-livelli tas-sena ta’ referenza. Ċipru u Malta m’għandhomx impenji ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet skont il-Protokoll ta’ Kjoto. F’dawk il-pajjiżi, l-emissjonijiet fl-2008 kienu ogħla mil-livelli tal-1990. It-tibdil fil-perċentwal tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mis-sena ta’ referenza għall-2008 jvarja minn -54 % (fil-Latvja) għal +40 % (fi Spanja).

L-intensitajiet u l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra per capita fl-2008

L-emissjonijiet, kemm fl-UE-15 kif ukoll fl-UE-27, qegħdin jonqsu, filwaqt li l-ekonomija kibret b’mod sinifikanti. Dan jindika li, sa mill-1993 ’l hawn, kienet qiegħda sseħħ separazzjoni bejn iż-żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u t-tkabbir tal-PDG fl-UE-15, u li dan kien qed iseħħ fl-UE-27 sa mill-1996 ’l hawn. Bejn l-1990 u l-2008, il-PDG fl-UE-15 kiber b’45 % u kien hemm tnaqqis ta’ 6.5 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, u fl-UE-27 il-PDG kiber b’46 % filwaqt li l-emissjonijiet naqsu bi 11.3 %.

L-Istati Membri kollha tal-UE, ħlief għal Ċipru, il-Portugall u Spanja, naqqsu l-emissjonijiet tagħhom b’mod sinifikanti, waqt li l-ekonomija tagħhom kibret bis-sħiħ bejn l-1990 u l-2008. Ġie nnutat tkabbir ekonomiku b’saħħtu iżda tnaqqis fl-emissjonijiet b’mod partikulari fl-Istati Membri taċ-Ċentru u l-Lvant tal-Ewropa, minħabba l-bidliet fis-settur tal-manifattura bbażat fuq industrija peżanti ineffiċjenti.

Fl-2008, l-emissjonijiet fl-UE-15 per capita bħala medja kienu jammontaw għall-ekwivalenti ta’ 10.1 tunnellata ta’ CO2. Dan ifisser li dawn naqsu b’ammont li huwa l-ekwivalenti ta’ 0.2 tunnellati ta’ CO2 meta mqabblin mal-2007, jew b’ammont li huwa l-ekwivalenti ta’ 1.5 tunnellati ta’ CO2 meta mqabblin mal-1990. Fl-UE-27, il-medja kienet tal-ekwivalenti ta’ 9.9 tunnellati ta’ CO2 per capita. Madankollu, kien hemm differenzi sinifikanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra per capita minn pajjiż Ewropew għall-ieħor. Fil-fatt dawn kienu jvarjaw mill-ekwivalenti ta’ 5.2 għall-ekwivalenti ta’ 25.8 tunnellati ta’ CO2 per capita. Dawn l-emissjonijiet per capita jiddependu mill-intensità tal-enerġija u mit-taħlita tal-enerġija ta’ kull pajjiż (ara wkoll il-figura 2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni).

Fid-disgħinijiet, l-emissjonijiet per capita naqsu fl-UE kollha. Bejn l-2000 u l-2008, naqsu b’7.7 % fl-UE-15 waqt li żdiedu b’4.5 % fl-UE-12. Bejn l-1990 u l-2008, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra per capita żdiedu l-aktar fi Spanja, fil-Portugall, f’Malta u f’Ċipru.

Figura 3: L-intensità tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE-15 u fl-UE-27, il-PDG, il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tas-CO2 fl-UE-15

[pic]

L-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-2008 meta mqabbla ma’ dawk tal-2007

Bejn l-2007 u l-2008, l-emissjonijiet fl-UE-27 naqsu b’ammont li huwa l-ekwivalenti ta’ 99.0 miljun tunnellata ta’ CO2 (tnaqqis ta’ 2 %) u fl-UE-15 naqsu b’ammont li huwa l-ekwivalenti ta’ 64.0 miljun tunnellata ta’ CO2 (tnaqqis ta’ 1.9 %). L-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra naqsu jew kienu stabbli fl-Istati Membri kollha tal-UE ħlief għall-Belġju, il-Ġermanja, Ċipru, is-Slovakkja u s-Slovenja.

Spanja, ir-Renju Unit, l-Italja u l-Finlandja kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tnaqqis ġenerali fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra (tnaqqis li jammonta għall-ekwivalenti ta’ 32.9 miljun tunnellata ta’ CO2, l-ekwivalenti ta’ 11.8 miljun tunnellata ta’ CO2, l-ekwivalenti ta’ 11.1 miljun tunnellata ta’ CO2, u l-ekwivalenti ta’ 7.9 miljun tunnellata ta’ CO2 rispettivament). Ir-Rumanija, ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja wkoll kellhom tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra (tnaqqis li jammonta għall-ekwivalenti ta’ 6.7 miljun tunnellata ta’ CO2, l-ekwivalenti ta’ 6.1 miljun tunnellata ta’ CO2 u l-ekwivalenti ta’ 4.3 miljun tunnellata ta’ CO2 rispettivament). It-tnaqqis fl-emissjonijiet kien ġej l-iktar minn tnaqqis fil-produzzjoni tal-elettriku u tat-tisħin pubbliku, mit-trasport bit-triq u minn tnaqqis fl-emissjonijiet mill-industriji tal-manifattura.

L-emissjonijiet totali tal-gassijiet b’effett ta’ serra żdiedu l-aktar fil-Belġju u fis-Slovakkja (tkabbir li jammonta għall-ekwivalenti ta’ 3.0 miljun tunnellata ta’ CO2 u għall-ekwivalenti ta’ 0.9 miljun tunnellata ta’ CO2 rispettivament), minħabba żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mis-settur tal-enerġija, b’mod speċjali mill-kombustjoni tal-fjuwil.

Ta’ min jinnota li l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq fl-UE-15 naqsu b’mod sinifikanti (tnaqqis li jammonta għall-ekwivalenti ta’ 22.8 miljun tunnellata ta’ CO2 jew ta’ 2.9 %). Il-pajjiżi kollha tal-UE-15 ħlief għall-Belġju, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi, irrappurtaw tnaqqis fl-emissjonijiet. L-akbar tnaqqis ġie rrappurtat fi Franza, fi Spanja u fl-Italja (tnaqqis li jammonta għall-ekwivalenti ta’ 6.3 miljun tunnellata ta’ CO2, għall-ekwivalenti ta’ 6.2 miljun tunnellata ta’ CO2 u għall-ekwivalenti ta’ 4.8 miljun tunnellata ta’ CO2 rispettivament), fejn l-użu tal-bijokarburanti żdied bis-sħiħ, u fir-Renju Unit (tnaqqis li jammonta għall-ekwivalenti ta’ 4.3 miljun tunnellata ta’ CO2). Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja u Malta rrappurtaw tnaqqis.

Għall-ewwel darba sa mill-1992 ’l hawn, l-emissjonijiet mit-trasport bl-ajru u dak marittimu internazzjonali naqsu fl-UE-27 (b’madwar 1.2 % meta mqabbel mal-2007), parzjalment minħabba r-reċessjoni ekonomika. Dawn iż-żewġ setturi jammontaw għal madwar 5.9 % tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE-27, iżda mhumiex inklużi fil-miri ta’ Kjoto.

Madankollu, iż-żamma tal-kontroll fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mis-settur tat-trasport sejra tkun importanti fil-futur.

Ix-xejriet fl-emissjonijiet fis-setturi ewlenin

Il-Figura 4 turi li l-provvista u l-użu tal-enerġija u t-trasport huma l-aktar setturi importanti, i li fl-2008 dawn kienu jammontaw għal 80 % mill-emissjonijiet kollha tal-UE-15. It-trasport huwa responsabbli għal 21 % mill-emissjonijiet kollha tal-gassijiet b’effett ta’ serra, l-agrikoltura għal 10 %, il-proċessi industrijali għal 8 % u l-iskart għal 3 %.

It-tnaqqis fl-enerġija, l-agrikoltura, il-proċessi industrijali u l-iskart ġie parzjalment ikkumpensat minn żidiet sinifikanti fis-settur tat-trasport (għal aktar dettalji ara wkoll id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni). Fil-qosor, meta mqabblin mal-1990, fl-UE-15:

- l-emissjonijiet mill-provvista tal-enerġija naqsu b’5 % u dawk mill-użu tal-enerġija naqsu bi 13 %;

- l-emissjonijiet mit-trasport żdiedu b’20 %,

- l-emissjonijiet mill-proċessi industrijali naqsu bi 17 %, l-iktar minħabba emissjonijiet iktar baxxi mill-produzzjoni tal-aċidu adipiku u mill-produzzjoni tal-alokarbonji u tal-eżafluworidu tal-kubrit,

- l-emissjonijiet mill-agrikoltura naqsu bi 12 % minħabba tnaqqis fl-għadd tal-bhejjem u tnaqqis fl-użu tal-fertilizzant minerali u tad-demel,

- l-emissjonijiet mill-iskart naqsu b’40 % minħabba li kien hemm inqas emissjonijiet tas-CH4 mill-miżbliet ikkontrollati.

Figura 4: Il-bidla fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE-15 skont is-settur u s-sehem tas-settur

[pic]

[pic]

Sors: L-EEA

IL-PROGRESS IMBASSAR LEJN L-ILĦIQ TAL-MIRA TA’ KJOTO

Il-previżjonijiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra

Il-valutazzjoni tal-progress lejn l-ilħiq tal-impenji ta’ Kjoto hija bbażata fuq tbassir tal-PRIMES/GAINS, ħlief għad-Danimarka u l-Irlanda, li t-tnejn ipprovdew previżjonijiet aġġornati u kompluti għal kollox fl-2010. Għal aktar dettalji ara t-Tabelli 7 u 8 fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

L-UE-15

Il-Figura 5 tippreżenta t-tbassir għas-setturi li ma jagħmlux parti mill-ETS u tivvaluta d-differenzi bejn l-emissjonijiet imbassra u l-mira f’dawk is-setturi. It-tbassir aggregat għas-setturi kollha jwassal għall-istima li l-emissjonijiet totali tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE-15 probabbilment se jkunu 10.4 % inqas mil-livelli tas-sena ta’ referenza fil-perjodu ta’ impenn, jiġifieri l-UE-15 se tkun qabżet il-mira tagħha ta’ Kjoto bi 2.4 %. Meta wieħed jinkludi:

(1) l-użu tal-mekkaniżmi ta’ Kjoto mill-gvernijiet, li mistenni jrendi tnaqqis addizzjonali ta’ 2.7 % fl-emissjonijiet, u

(2) it-tneħħija totali minħabba l-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 3(3) u 3(4) tal-Protokoll ta’ Kjoto fl-UE-15, li tikkorrispondi għal tnaqqis ta’ 1.0 %,

l-UE-15 hija mistennija li tnaqqas saħansitra aktar l-emissjonijiet tagħha. Jekk wieħed jassumi li dawn il-miżuri kollha jroddu dak li huwa mistenni, it-tnaqqis totali mbassar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra jista’ jkun sa 14.2 % fil-perjodu ta’ impenn meta mqabbel mal-livelli tas-sena ta’ referenza.

Madankollu, minħabba l-mira ambizzjuża tat-tnaqqis tal-UE ta’ 20 % sal-2020 meta mqabbla mal-1990, u sabiex titwitta t-triq għal konformità bla xkiel ma’ din il-mira, jeħtieġ li l-Istati Membri mhux biss jiżguraw it-tnaqqis fil-ħin tal-emissjonijiet mill-politiki u l-miżuri eżistenti iżda wkoll li jħaffu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni sħiħa tal-politiki u tal-miżuri addizzjonali tagħhom.

L-UE-12

L-emissjonijiet aggregati bbażati fuq il-politiki u l-miżuri domestiċi eżistenti mit-12-il Stat Membru l-ieħor huma mistennija jonqsu ftit meta mqabblin mal-2008 u se jkunu madwar 36.8 % inqas mil-livelli tas-sena ta’ referenza fil-perjodu ta’ impenn. Is-Slovenja hija l-uniku Stat Membru minn fost dawk tal-UE-12 li beħsiebu jinvesti fil-mekkaniżmi ta’ Kjoto. Is-Slovenja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Polonja beħsiebhom iqisu l-bjar tal-karbonju. Ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Latvja u s-Slovakkja qed jippjanaw li jbigħu parti mill-Unitajiet ta’ Ammonti Assenjati (AAUs) tagħhom li jkun fadlilhom.

L-UE-27

Fil-perjodu ta’ impenn, l-emissjonijiet kollha tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE-27 huma mistennija jkunu madwar 17.3 % inqas mil-livelli tas-sena ta’ referenza. Din l-istima hija bbażata fuq tbassir tal-PRIMES/GAINS, li jqis il-politiki u l-miżuri eżistenti. It-tnaqqis imbassar huwa saħansitra akbar meta wieħed iqis l-effett tal-akkwisti, mill-gvernijiet, tal-krediti permezz tal-mekkaniżmi ta’ Kjoto u l-bjar tal-karbonju.

Madankollu, dan it-tbassir dwar l-emissjonijiet irid jitqies fil-perspettiva tat-tnaqqis effettiv li diġà ntlaħaq, li kien ta’ -11.3 % fl-UE-27 bejn l-1990 u l-2008, kif ukoll fil-perspettiva tat-tbassir sal-2020. Għalhekk, biex l-UE tilħaq il-mira tagħha ta’ -20 % jew -30 % sal-2020, jeħtieġ li l-isforzi tat-tnaqqis jiżdiedu fl-UE kollha fil-ġejjieni.

Figura 5: Id-differenzi relattivi (il-qbiż tal-valuri mbassra jew in-nuqqas ta’ lħiq tagħhom) bejn it-tbassir tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra għas-setturi li mhumiex tal-ETS għall-perjodu ta’ impenn u l-miri rispettivi għall-2008 sal-2012 ibbażati fuq it-tbassir u l-użu tal-mekkaniżmi ta’ Kjoto u tal-bjar tal-karbonju.

[pic]

Nota: (1) Għad-Danimarka u l-Irlanda, għall-istimi ntuża t-tbassir nazzjonali; (2) Għall-Istati Membri l-oħra kollha (ħlief għal Ċipru u Malta li m’għandhomx impenji ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet skont il-Protokoll ta’ Kjoto) l-istimi huma bbażati fuq it-tbassir tal-PRIMES/GAINS; (3) Tqies l-użu tal-kwoti mhux użati mir-riżerva għal dawk li għadhom kemm daħlu fl-ETS tal-UE għal dawk l-Istati Membri li indikaw li beħsiebhom jużawhom biex jilħqu l-għanijiet tas-setturi li mhumiex tal-ETS (id-Danimarka u l-Irlanda).

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

L-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima

Il-Programm Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima (PETK)

Madwar l-UE-27, valutazzjoni tal-politiki u l-miżuri tal-Istati Membri identifikat tmien Politiki u Miżuri Komuni u Kkoordinati li huma mistennija jwasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE . L-akbar tnaqqis għandu jiġi mill-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-ETS tal-UE (id-Direttiva 2003/87/KE) u tad-Direttiva dwar l-enerġija minn sorsi rinnovabbli (id-Direttiva 2009/28/KE) li jippromwovu l-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli tal-enerġija. Fis-settur tat-trasport, il-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-fjuwil u t-tnaqqis tas-CO2 mill-karozzi huma importanti ferm. Barra minn hekk, id-domanda għall-enerġija se titnaqqas permezz tal-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-effiċjenza enerġetika tal-bini, il-ħtiġijiet tal-ekodisinn, it-tassazzjoni tal-enerġija u l-promozzjoni tal-koġenerazzjoni (il-produzzjoni kkombinata tas-sħana u tal-elettriku). Fl-aħħar nett, il-mekkaniżmi flessibbli tal-Protokoll ta’ Kjoto mistennija jwasslu għal tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra.

Minbarra dawn it-tmien politiki u miżuri prinċipali, ġew identifikati ħames Politiki u Miżuri Komuni u Kkoordinati oħrajn li wkoll mistennija jwasslu għal tnaqqis importanti fl-emissjonijiet madwar l-UE kollha. Dawn il-ħames politiki huma d-Direttiva dwar il-miżbliet (id-Direttiva 99/31/KE), l-istandards tal-effiċjenza għall-bojlers tal-misħun il-ġodda, id-Direttiva dwar it-tikkettar tal-apparat (id-Direttiva 2000/13/KE), id-Direttiva 2008/1/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (l-IPPC) li qed tiġi emendata mid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, u l-programm dwar l-Isfida tal-Magni li għandu l-għan li jtejjeb l-effiċjenza tal-enerġija tal-magni elettriċi industrijali. Meta ġew adottati r-Regolament (KE) Nru 842/2006 dwar il-Gassijiet Serra Fluworinati u d-Direttiva 2006/40/KE dwar emissjonijiet minn sistemi ta’ kondizzjonament tal-arja f’vetturi bil-mutur, dawn ukoll kienu mistennija jnaqqsu l-emissjonijiet annwali tal-gassijiet b’effett ta’ serra mbassra b’ammont li huwa l-ekwivalenti ta’ 23 miljun tunnellata ta’ CO2 sal-2010. Bħalissa qed jiġi analizzaf l-impatt reali ta’ dawn iż-żewġ strumenti, wkoll f’termini tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra.

L-aktar tmien politiki importanti huma responsabbli għal 92 % mit-tnaqqis totali attribwit lill-Politiki u l-Miżuri Komuni u Kkoordinati l-oħrajn fl-UE-27. Dan juri kemm dawn il-politiki ewlenin huma importanti biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jilħqu l-impenji tagħhom tat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

Żviluppi reċenti

Sa minn meta ġie adottat il-pakkett dwar il-klima u l-enerġija, il-ħidma fuq il-miżuri ta’ implimentazzjoni għadha għaddejja. Sal-2013, madwar għoxrin att u dokument legali ġdid għandhom ikunu fis-seħħ sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tal-ETS tal-UE riveduta kif ukoll sabiex titħejja t-triq għall-implimentazzjoni tal-miri tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fis-setturi li mhumiex tal-ETS.

Bħalissa qiegħda titħejja l-ħidma biex ikunu żviluppati regoli tal-allokazzjoni armonizzati għall-Komunità kollha biex jiġu allokati l-kwoti fit-tielet perjodu ta’ negozjar. L-allokazzjoni se tissejjes, safejn huwa possibbli, fuq miri ta’ referenza ambizzjużi, li għandhom iħeġġu l-innovazzjoni u jippremjaw l-istallazzjonijiet l-iktar effiċjenti li jkunu investew f’metodi ta’ produzzjoni b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. L-Istati Membri qablu dwar ir-Regolament tal-Kummissjoni dwar it-twettiq fiż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħrajn tal-irkantar tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra f’Lulju tal-2010. Ir-Regolament dwar ir-Reġistri ġie rivedut ukoll sabiex ikun stabbilit ir-reġistru uniku l-ġdid tal-ETS. Ittieħdu malajr miżuri kontra r-riċiklaġġ tat-Tnaqqis Iċċertifikat tal-Emissjonijiet (CER) u kontra l-frodi billi ttejbu l-kontrolli u s-sigurtà tal-aċċess.

Fl-2009, inbdiet ħidma dwar miżuri implimentattivi skont id-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforzi, li jinkludu l-istabbiliment tal-valuri assoluti għall-miri tal-Istati Membri għall-2013 sal-2020 u l-istabbiliment ta’ regoli għat-trasferiment tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet fost l-Istati Membri kif ukoll miżuri biex tkun żgurata t-trasparenza tagħhom.

Ġiet żviluppata d-Deċiżjoni NER300 li tistabbilixxi kriterji u miżuri għall-finanzjament ta’ proġetti kummerċjali kbar ta’ dimostrazzjoni tal-qbid u l-ħżin tad-dijossidu tal-karbonju u ta’ teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli skont l-ETS tal-UE riveduta, u din dalwaqt għandha tiġi adottata formalment. Qed jitħejjew ukoll dokumenti ta’ gwida dwar diversi elementi tad-Direttiva dwar il-qbid u l-ħżin tad-dijossidu tal-karbonju biex din tkun tista’ tiġi implimentata b’mod armonizzat u dawn id-dokumenti mistennija jiġu ffinalizzati sa tmiem l-2010.

Għaddejja wkoll il-ħidma dwar il-miżuri implimentattivi tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 li jirregola l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi.

Atti legali li ġew adottati dan l-aħħar

L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar il-klima u l-enerġija:

3. L-ETS tal-UE u r-rilokazzjoni ta’ emissjonijiet tal-karbonju: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/2/UE7 li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju.

4. Il-limitu massimu totali impost mill-ETS tal-UE: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/384/UE8 dwar il-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Komunità kollha skont l-Iskema tal-UE għall-Iskambju tal-Emissjonijiet għall-2013.

5. Il-qbid u l-ħżin tad-dijossidu tal-karbonju fl-ETS tal-UE: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/345/UE9 li temenda d-Deċiżjoni 2007/589/KE f’dak li għandu x’jaqsam mal-inklużjoni tal-linji ta’ gwida dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra mill-qbid, mill-ġarr u mill-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju.

Oħrajn:

6. L-avjazzjoni u l-ETS tal-UE: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 82/201010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 748/2009 dwar il-lista ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru li wettqu attività ta’ avjazzjoni elenkata fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE fl-1 ta’ Jannar 2006 jew wara, li tispeċifika l-Istat Membru ta’ amministrazzjoni għal kull operatur ta’ inġenji tal-ajru.

7. L-avjazzjoni u l-ETS tal-UE: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 606/201011 dwar l-approvazzjoni ta’ għodda simplifikata żviluppata mill-organizzazzjoni Ewropea għas-sigurtà tan-navigazzjoni bl-ajru (Eurocontrol) sabiex tistima l-konsum tal-fjuwil ta’ ċerti operaturi tal-inġenji tal-ajru b’emissjonijiet baxxi.

L-implimentazzjoni tal-Iskema tal-UE għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (l-ETS tal-UE)

L-ewwel perjodu tal-ETS tal-UE kopra s-snin mill-2005 sal-2007. Bħalissa, l-operaturi suġġetti għall-ETS tal-UE jinsabu f’nofs it-tieni perjodu ta’ negozjar (mill-2008 sal-2012). Fl-2013, ser tibda topera sistema riveduta. Għal aktar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-ETS tal-UE riveduta, ara t-taqsima 3.2.

It-tieni perjodu ta’ negozjar (mill-2008 sal-2012)

Il-limitu massimu impost għall-UE kollha għall-2008 sal-2012 jammonta għal 2.081 biljun kwota fis-sena, 10.5 % inqas minn dak li kien propost fil-bidu fil-pjanijiet nazzjonali tal-allokazzjoni ppreżentati mill-Istati Membri. Fl-2009, fl-iskema ħadu sehem 11,032 stallazzjoni.

L-ammont totali ta’ emissjonijiet ivverifikati fl-2009 mill-istallazzjonijiet tal-ETS tal-UE fl-UE-27 kien ta’ 1.85 biljun tunnellata12 ta’ dijossidu tal-karbonju, kważi 12 % inqas mill-2008. It-tnaqqis fl-emissjonijiet hu attribwit lil tliet fatturi prinċipali, jiġifieri l-attività ekonomika mnaqqsa minħabba r-reċessjoni, il-livell baxx tal-prezzijiet tal-gass matul l-2009, kif ukoll il-miżuri ta’ tnaqqis meħudin mill-istallazzjonijiet.

L-użu tal-implimentazzjoni konġunta u tal-mekkaniżmu għal żvilupp nadif min-naħa tal-operaturi

Bħala parti mill-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Allokazzjoni għat-tieni perjodu, kull Stat Membru stabbilixxa limitu massimu ta’ krediti bbażati fuq il-proġetti li l-operaturi setgħu jużaw (l-Implimentazzjoni Konġunta u l-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif). B’kollox, kull sena jistgħu jintużaw sa 278 miljun CER jew Unità ta’ Tnaqqis tal-Emissjonijiet mill-istallazzjonijiet tal-ETS mill-Istati Membri kollha fit-tieni perjodu ta’ negozjar, li jikkorrispondu għal 13.4 % tal-limitu massimu impost għall-UE kollha għal dan il-perjodu. Fl-2009, l-operaturi użaw 82 miljun CER jew unità ta’ unaqqis tal-emissjonijiet, li kienu jammontaw għal 4.39 % tal-kwoti kollha mogħtija. Sa mill-2013 ’il quddiem, ir-regoli dwar l-użu tal-krediti tal-implimentazzjoni konġunta u tal-mekkaniżmu għal żvilupp nadif se jkunu riveduti kif imniżżel fid-Direttiva tal-ETS tal-UE riveduta13.

L-użu previst tal-mekkaniżmi ta’ Kjoto mill-gvernijiet

Għaxar Stati Membri tal-UE-15 kif ukoll is-Slovenja ddeċidew li jużaw il-mekkaniżmi ta’ Kjoto biex jilħqu l-miri tagħhom ta’ Kjoto. Flimkien, dawn l-Istati Membri tal-UE-15 se jakkwistaw l-ekwivalenti ta’ 116.7 miljun tunnellata ta’ CO2 kull sena sabiex ikunu konformi mal-obbligi tagħhom għall-ewwel perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto. Dan jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor 2.7 punti perċentwali lejn il-mira ta’ Kjoto tal-UE-15 ta’ -8 % (ara t-Tabella 12 fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni). Madankollu, meta tingħata ħarsa lejn l-ammont ta’ krediti li diġà jinsabu fil-kontijiet tal-Istati Membri fir-reġistru bħalissa, iċ-ċifra hija ferm iżgħar u tammonta biss għall-ekwivalenti ta’ madwar 28 miljun tunnellata ta’ CO2.

Dawn l-għaxar Stati Membri flimkien iddeċidew li jinvestu madwar EUR 3 biljun biex jakkwistaw unitajiet permezz tal-implimentazzjoni konġunta, tal-mekkaniżmu għal żvilupp nadif jew tal-iskambju tal-emissjonijiet. Spanja, l-Awstrija, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Lussemburgu u l-Portugall allokaw l-akbar baġits (EUR 638 miljun, EUR 531 miljun, EUR 507 miljuni, EUR 360 miljun u EUR 305 miljuni rispettivament, għall-perjodu ta’ impenn ta’ ħames snin). Fis-Slovenja, il-baġit kien stmat għal EUR 80 miljun.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-unitajiet ta’ ammonti assenjati mibjugħin mill-Istati Membri, skont id-dejta fir-reġistru, ġie ttrasferit ammont li huwa l-ekwivalenti ta’ madwar 56 miljun tunnellata ta’ CO2. Ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Latvja u s-Slovakkja rrappurtaw li huma beħsiebhom ibigħu l-krediti.

L-użu previst tal-bjar tal-karbonju

Minbarra l-politiki u l-miżuri li huma mmirati lejn diversi sorsi tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, l-Istati Membri jistgħu jużaw ukoll il-bjar tal-karbonju (ara t-Tabella 13 fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni). It-tagħrif mogħti s’issa jindika li, waqt il-perjodu ta’ impenn, is-sekwestru nett totali mill-attivitajiet ta’ tisġir u ta’ riforestazzjoni skont l-Artikolu 3(3) tal-Protokoll ta’ Kjoto se jkun jammonta għall-ekwivalenti ta’ madwar 12.1 miljun tunnellata ta’ CO2 kull sena għall-UE-15. Barra minn hekk, l-użu tal-attivitajiet skont l-Artikolu 3(4) huwa mistenni jikkontribwixxi ammont li huwa l-ekwivalenti ta’ 27.7 miljun tunnellata ta’ CO2 kull sena fl-UE-15 matul il-perjodu ta’ impenn, u, meta jitqiesu l-kontribuzzjonijiet tal-UE-12, dan se jikkontribwixxi ammont li huwa l-ekwivalenti ta’ 34.2 miljun tunnellata ta’ CO2 kull sena.

Flimkien, l-attivitajiet skont l-Artikoli 3(3) u 3(4) fl-Istati Membri tal-UE-15 mistennija jnaqqsu l-emissjonijiet b’ammont li huwa l-ekwivalenti ta’ 42.5 miljun tunnellata ta’ CO2 fis-sena għal kull sena tal-perjodu tal-impenn, jiġifieri kważi 12.5 % tal-impenn tat-tnaqqis tal-UE-15 tal-ekwivalenti ta’ 341 miljun tunnellata ta’ CO2 fis-sena matul il-perjodu tal-impenn meta mqabbel mal-emissjonijiet tas-sena ta’ referenza.

L-ILĦIQ TAL-MIRA GĦALL-2020

Il-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE sal-2020

Il-pakkett dwar il-klima u l-enerġija stabbilixxa mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra ta’ 20 % għall-UE-27 sal-2020. L-isforz totali tal-UE biex, sal-2020, jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’20 % meta mqabbel mal-1990 (li jammonta wkoll għal -14 % meta mqabbel mal-2005) se jinqasam bejn is-setturi tal-ETS tal-UE u dawk li mhumiex tal-ETS, kif ġej:

8. tnaqqis ta’ 21 % fl-emissjonijiet fis-setturi tal-ETS tal-UE meta mqabbel mal-2005;

9. tnaqqis ta’ madwar 10 % meta mqabbel mal-2005 għas-setturi li mhumiex koperti mill-ETS tal-UE.

Dawn il-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra kienu inklużi fl-istrateġija tal-Ewropa 2020 għall-impjiegi u għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, li kienet adottata mill-Kunsill Ewropew f’Ġunju tal-2010. L-istrateġija tal-Ewropa 2020 se tkun teħtieġ li wieħed jieħu nota, fuq bażi annwali, tal-progress li jkun qed isir biex jintlaħqu l-miri.

Il-politiki li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri

Il-limiti massimi imposti għall-emissjonijiet mill-2013 sal-2020 huma ddefiniti fid-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforzi u fid-Direttiva tal-ETS riveduta. Fl-istess waqt, politiki oħrajn mal-UE kollha se jikkontribwixxu biex l-Istati Membri jilħqu l-miri, bħall-miri li jorbtu għall-enerġija rinnovabbli, l-istandards dwar il-prestazzjoni tal-vetturi l-ġodda tal-passiġġieri b’rabta mal-emissjonijiet, id-Direttiva dwar il-qbid u l-ħżin tad-dijossidu tal-karbonju u d-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil. Minbarra dawn il-politiki fl-UE kollha, il-politiki nazzjonali se jkollhom rwol importanti, speċjalment fit-tnaqqis tal-emissjonijiet f’setturi li ma jagħmlux parti mill-ETS.

Id-distanza mill-miri prevista

Kif muri fit-Tabella 1 u skont l-aħħar tbassir tal-Kummissjoni, li jinkorpora l-effett tal-kriżi ekonomika, il-miżuri ta’ politika nazzjonali implimentati sa mill-2009 ’l hawn mhux se jkunu biżżejjed biex jintlaħqu l-miri tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għas-sena 2020.

Tabella 1: It-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE-27 fix-xenarju ta’ referenza

Ix-xenarju ta’ referenza tal-UE-27 | Total tal-gassijiet b’effett ta’ serra | Setturi li mhumiex tal-ETS |

L-emissjonijiet totali tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-2005 sal-2020 | -7 % | -3.5 % |

Il-miri tat-tnaqqis għall-2005 sal-2020 | -14 % | -10 % |

Nota: Għal aktar dettalji dwar it-tbassir ara COM(2010) 265 finali u l-Parti 2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SEC(2010) 650).

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Minkejja x-xejriet pożittivi lejn l-ilħiq tal-impenn tal-protokoll ta’ Kjoto muri mit-tbassir tal-2008 sal-2012, se jkunu meħtieġa iktar sforzi u politiki addizzjonali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-2020. Il-flessibbiltà li ġejja mid-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforzi u mid-Direttiva tal-ETS riveduta, bħall-użu tal-krediti tal-proġetti, wkoll se tikkontribwixxi biex jintlaħqu dawn il-miri.

L-emissjonijiet totali tal-gassijiet b’effett ta’ serra minn setturi li ma jagħmlux parti mill-ETS fl-UE-27 mistennija jonqsu bi 3.5 % bejn l-2005 u l-2020 skont ix-xenarju ta’ referenza tal-PRIMES/GAINS (ara t-Tabella 1). Dan it-tnaqqis ġej l-iktar mit-tnaqqis ta’ madwar 8 % fl-emissjonijiet li mhumiex tas-CO2 u mill-istabbilizzazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2, li qed juru tnaqqis ta’ madwar 1 %. Kif mistenni, mhuwiex probabbli li fl-2020 tintlaħaq il-mira ta’ madwar -10 % fis-setturi li ma jagħmlux parti mill-ETS. Mingħajr l-użu tal-implimentazzjoni konġunta jew tal-mekkaniżmu għal żvilupp nadif, fil-livell tal-UE id-distanza mill-mira hija ta’ madwar 6 % (ara l-Figura 6), u għalhekk xorta waħda se jkun għad hemm bżonn ta’ miżuri addizzjonali, b’sinerġiji bejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforzi. Għaxar Stati Membri diġà huma mistennija jilħqu l-mira tagħhom għas-setturi li ma jagħmlux parti mill-ETS bis-sett attwali ta’ politiki u miżuri tagħhom. Dawn huma dawk li għandhom perċentwal negattiv (muri b’“-”) fil-Figura 6, jiġifieri l-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Portugall u r-Rumanija. Skont it-tbassir tal-PRIMES/GAINS, sbatax-il Stat Membru, inklużi t-tmienja li huma responsabbli għall-iktar emissjonijiet minn setturi li ma jagħmlux parti mill-ETS, u l-UE-27 in ġenerali mhux se jirnexxielhom jilħqu l-miri tagħhom għas-setturi li ma jagħmlux parti mill-ETS.

Figura 6: Id-distanza mill-miri tal-2020 prevista għas-setturi li ma jagħmlux parti mill-ETS

[pic]

Sors : Il-Kummissjoni Ewropea; l-ambitu tas-setturi li ma jagħmlux parti mill-ETS sa mill-2013 ’il quddiem, jiġifieri ġew esklużi wkoll dawk is-setturi tal-ETS li se jidħlu biss fl-ETS sal-2013, biex id-dejta tkun tista’ titqabbel maż-żmien.

IL-QAGħDA FIL-PAJJIżI KANDIDATI TAL-UE

Bejn l-199014 u l-2008, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal- Kroazja naqsu b’0.6 % u, meta mqabblin mal-2007, dawn naqsu bi 3.7 %. Skont it-tbassir dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra inkluż fil-Ħames Komunikazzjoni Nazzjonali, bil-politiki u l-miżuri attwali tagħha, il-Kroazja mistennija tħabbat wiċċha ma’ diffikultajiet biex tilħaq il-mira tagħha ta’ Kjoto.

Bejn l-1990 u l-2008 l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal- Islanda żdiedu b’44 % u fl-2008 dawn kienu 9 % ogħla mill-2007. Meta wieħed iqis id-deċiżjoni 14/CP.7, skont it-tbassir tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra inkluż fil-Ħames Komunikazzjoni Nazzjonali, l-Islanda qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha ta’ Kjoto.

Fl-2008, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tat- Turkija kienu jammontaw għall-ekwivalenti ta’ 366.5 miljun tunnellata ta’ CO2 meta mqabblin mal-ekwivalenti ta’ 187 miljun tunnellata ta’ CO2 fl-1990, u għalhekk dawn żdiedu b’96 %, iżda huma naqsu bi 3.5 % meta mqabblin ma’ dawk tal-2007. It-Turkija m’għandha l-ebda impenn ta’ limitazzjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra skont il-Protokoll ta’ Kjoto.

Mhuwiex disponibbli inventarju aġġornat tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra f’ dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja . L-aktar dejta reċenti dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tagħha hija inkluża fit-Tieni Komunikazzjoni Nazzjonali u tkopri l-perjodu mill-1990 sal-2002. Bejn l-1990 u l-2002, l-emissjonijiet totali tal-gassijiet b’effett ta’ serra naqsu b’madwar 10 %.

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok ara t-Taqsima 2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

Top