Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0441

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-operazzjoni ġenerali tal-kontrolli uffiċjali fl-Istati Membri fuq is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali, u s-saħħa tal-pjanti

    /* COM (2010) 0441 final */

    52010DC0441

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-operazzjoni ġenerali tal-kontrolli uffiċjali fl-Istati Membri fuq is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali, u s-saħħa tal-pjanti /* COM (2010) 0441 final */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 25.8.2010

    KUMM(2010) 441 finali

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-operazzjoni ġenerali tal-kontrolli uffiċjali fl-Istati Membri fuq is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali, u s-saħħa tal-pjanti

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-operazzjoni ġenerali tal-kontrolli uffiċjali fl-Istati Membri fuq is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali, u s-saħħa tal-pjanti

    1. Sfond

    L-Artikolu 44 (1) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004[1] (“ir-Regolament dwar il-Kontrolli tal-Għalf u l-Ikel”) jirrikjedi li kull sena l-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport lill-Kummissjoni, dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ kontroll multiannwali nazzjonali tagħhom stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 41 tar-Regolament. Ir-Regolament jirrikjedi li r-rapport ikun fih:

    (a) id-dettalji tal-emendi għall-pjanijiet ta’ kontroll multiannwali nazzjonali tagħhom, sabiex fost fatturi oħrajn jitqiesu: il-bidliet fil-leġiżlazzjoni; il-forom ġodda ta’ riskju; ix-xjenza l-ġdida; ir-riżultati ta’ kontrolli tal-passat;

    (b) ir-riżultati tal-kontrolli u l-verifiki mwettqa fis-sena preċedenti taħt il-pjan ta’ kontroll nazzjonali;

    (c) it-tip u n-numru ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità identifikati permezz tal-kontrolli;

    (d) l-azzjonijiet biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-pjan ta’ kontroll nazzjonali, inklużi azzjonijiet ta’ infurzar u r-riżultati tagħhom.

    F’dan il-kuntest, wieħed għandu jsemmi wkoll id-dispożizzjonijiet kumplementari li jinsabu fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 dwar il-ħtieġa li Stati Membri jiżguraw livell għoli ta’ trasparenza fl-attivitajiet ta’ kontroll tagħhom.

    L-Artikolu 44 (4) u (6) tar-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar l-operazzjoni ġenerali tal-kontrolli fl-Istati Membri fid-dawl ta’:

    (a) ir-rapporti annwali sottomessi mill-Istati Membri,

    (b) verifiki u spezzjonijiet tal-UE mwettqa fl-Istati Membri, u

    (c) kwalunkwe informazzjoni relevanti oħra.

    Dan ir-rapport jista’, fejn hu xieraq, jinkludi rakkomandazzjonijiet dwar titjib possibbli fis-sistemi uffiċjali ta’ kontroll u verifiki fl-Istati Membri, azzjonijiet speċifiċi ta’ kontroll fir-rigward ta’ setturi jew attivitajiet, jew pjanijiet koordinati bl-għan li jiġu indirizzati kwestjonijiet ta’ interess partikolari.

    L-għan ewlieni tar-rapport annwali tal-Kummissjoni huwa li tingħata ħarsa ġenerali lejn il-mod ta’ kif l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jwettqu l-kontrolli uffiċjali biex jivverifikaw il-konformità mal-liġi dwar l-ikel (fl-iktar sens wiesa’, li jinkludi mhux biss l-ikel u s-sikurezza tal-ikel iżda wkoll is-saħħa u l-welfare tal-annimali u – sa ċertu punt – is-saħħa tal-pjanti). Il-Kummissjoni tal–opinjoni li tali rapport għalhekk għandu jipprovdi wkoll xi indikaturi bażiċi tal-attivitajiet ta’ kontroll imwettqa mill-Istati Membri fil-katina tal-ikel fiż-żoni differenti kkonċernati, u tar-riżultati tagħhom.

    F’dan l-ewwel rapport, l-attenzjoni ntefgħeta fuq l-objettivi li ġejjin:

    - li jsir skrining preliminari tad-dejta u tal-informazzjoni dwar il-kontrolli uffiċjali li bħalissa hemm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, inkluża analiżi ta’ tali dejta u informazzjoni li tirriżulta mill-ewwel sett ta’ rapporti annwali mibgħuta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni b’konformità mal-Artikolu 44(1);

    - li jiġu ppreżentati xi konklużjonijiet inizjali dwar kif tista’ titjieb is-sistema attwali tal-proċess ta’ rappurtar mill-Istati Membri.

    Il-Kummissjoni biħsiebha tniedi diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar kwestjonijiet imqajma f’dan ir-rapport, u speċifikament dwar kif il-ġbir u l-kontroll tad-dejta dwar il-kontrolli uffiċjali jistgħu jiġu razzjonalizzati u organizzati b'mod li jkunu iżjed effiċjenti. Il-Kummissjoni biħsiebha wkoll tirrevedi, flimkien mal-Istati Membri, l-istat ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 dwar il-ħtieġa li jinkiseb livell għoli ta’ trasparenza fl-attivitajiet ta’ kontroll tagħhom. Tali diskussjoni għandha tqis kif l-eżerċitar tar-razzjonalizzazzjoni u l-organizzazzjoni tar-rapporti annwali jista’ jkun ta’ għajnuna għall-Istati Membri biex dawn jiżguraw livell għoli ta’ trasparenza fl-attivitajiet ta’ kontroll uffiċjali tagħhom, kif meħtieġ fl-Artikolu 7.

    2. Rapporti annwali tal-Istati Membri

    Ir-Regolament dwar il-Kontrolli tal-Għalf u tal-Ikel daħal fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2006. L-Istati Membri ntalbu jissottomettu l-ewwel rapport annwali tagħhom dwar l-attivitajiet ta’ kontroll tagħhom għall-2007. Id-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni kienet l-1 ta’ Lulju 2008. L-Istati Membri kollha, minbarra wieħed, bagħtu r-rapporti tagħhom.

    Ir-rapporti waslu għand il-Kummissjoni fit-tieni nofs tas-sena 2008 u fil-bidu tal-2009. Kull rapport ġie evalwat taħt sitt intestaturi prinċipali, li jsegwu sew l-istruttura rakkomandata tar-rapporti fil-linji gwida (mhux vinkolanti) tal-Kummissjoni stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2008/654/KE[2]:

    ( Ir-riżultati tal-kontrolli

    ( L-analiżi ta’ nuqqas ta’ konformità

    ( L-azzjonijiet meħuda f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità

    ( Is-sistema nazzjonali ta’ verifiki

    ( L-azzjonijiet għat-titjib tal-prestazzjoni tal-awtoritajiet ta’ kontroll

    ( L-azzjonijiet għat-titjib tal-prestazzjoni tal-operaturi fin-negozju tal-ikel

    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-isforzi konsiderevoli li għamlu l-Istati Membri meta kienu qed iħejju l-ewwel rapporti annwali tagħhom skont ir-Regolament. B’mod ġenerali, ir-rapporti annwali taw l-informazzjoni kif jirrikjedi r-Regolament. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta varjat ħafna fin-natura, fid-dettall u fil-kwalità. Barra minn hekk, dawn kienu l-ewwel rapporti sottomessi mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44. Għalhekk, il-kontribuzzjoni li din l-informazzjoni setgħet tagħti għal dan l-ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar l-operazzjoni ġenerali tal-kontrolli uffiċjali hija limitata. Din is-sitwazzjoni għandha tiġi kkunsidrata wkoll fid-dawl tal-informazzjoni li diġà kienet inkisbet jew matul il-kontrolli tal-UE mwettqa skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, jew inkella minn informazzjoni relevanti oħra disponibbli għall-Kummissjoni, pereżempju r-rapporti settorjali sottomessi mill-Istati Membri skont dispożizzjonijiet oħra tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

    Sommarju tar-riżultati ewlenin tal-analiżi tal-Kummissjoni tar-rapporti li ntbagħtu jingħata iktar ’il quddiem. Għall-maġġoranza tal-Istati Membri, ir-rapporti annwali tagħhom kienu kumpilazzjoni ta’ u/jew referenzi għal rapporti mħejjija minn awtoritajiet nazzjonali differenti responsabbli rispettivament għall-ikel li joriġina mill-pjanti, l-ikel li joriġina mill-annimali, l-għalf tal-annimali, is-saħħa tal-annimali, il-welfare tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti, għalkemm mhux dejjem irrispettaw l-approċċ ġenerali stabbilit fil-linji gwida tal-Kummissjoni. Il-kwalità tal-informazzjoni pprovduta varjat b’mod konsiderevoli skont liema awtorità ta’ kontroll kienet responsabbli. Is-sommarju enfasizza wkoll fejn seta’ jsir titjib biex jitqiesu l-linji gwida tal-Kummissjoni, u għalhekk dan għandu jitqies f’dan il-kuntest.

    Ir-riżultati tal-kontrolli

    Fil-maġġoranza tar-rapporti, inġabret id-dejta dwar in-numru u t-tip ta’ spezzjonijiet, kampjuni u analiżi li twettqu, għalkemm il-livell ta’ dettall, ta’ aggregazzjoni u ta’ kwalità ġenerali varja ħafna. Normalment ingħatat informazzjoni dwar kontrolli skont is-settur, l-istadju ta’ produzzjoni jew il-periklu/il-mard, iżda b’livelli differenti ta’ dettall u b’varjazzjonijiet fil-mod ta' kif id-dejta ġiet strutturata u ppreżentata.

    Analiżi ta’ nuqqas ta’ konformità

    B’mod ġenerali, kien hemm informazzjoni nieqsa jew mhux kompleta dwar it-tip u n-numru ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità identifikati.

    L-azzjonijiet meħuda f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità

    L-effikaċja tal-azzjoni ta’ infurzar matul iż-żmien tiddependi fuq il-firxa u l-konsistenza tal-azzjonijiet ta’ rimedju u tal-għodod ta’ infurzar użati biex jiġu indirizzati l-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità – x’tip ta’ twissijiet/rakkomandazzjonijiet jingħataw, x’tip ta’ multi jiġu imposti, liema proċeduri ta’ għeluq/restrizzjonijiet ta’ moviment/distruzzjonijiet jiġu ordnati u liema proċeduri legali jittieħdu. B’mod ġenerali, l-informazzjoni taħt din l-intestatura kienet limitata u fejn ġiet ipprovduta l-ambitu u l-livell ta’ dettall varjaw bejn Stat Membru u ieħor.

    Is-sistemi nazzjonali tal-verifiki

    L-Artikolu 4.6 tar-Regolament jeżiġi rekwiżit importanti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri li jwettqu l-verifiki tagħhom stess biex jiżguraw li jkunu qed jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament. Il-Kummissjoni ħarġet il-linji gwida f’Settembru 2006, fejn tat il-pariri dwar kif għandhom jiġu organizzati s-sistemi nazzjonali tal-verifiki (Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/677/KE[3]). Ir-Regolament jispeċifika li r-rapporti annwali mingħand l-Istati Membri għandhom jirrapportaw ir-riżultati ta’ tali verifiki mwettqa fis-sena preċedenti. Bi ftit eċċezzjonijiet, id-dettalji provduti għal dan il-għan ma kinux kompleti. Madankollu, għandu jiġi rikonoxxut li ħafna Stati Membri kienu għadhom fl-istadji bikrija li jistabbilixxu sistemi ta’ verifiki meta kienu qed iħejju r-rapporti tagħhom għall-2007.

    L-azzjonijiet għat-titjib tal-prestazzjoni tal-awtoritajiet tal-kontroll

    Taħt din l-intestatura, l-Istati Membri ġew mistiedna jirrappurtaw dwar l-azzjonijiet li ttieħdu fl-2007 biex titjieb il-prestazzjoni tal-awtoritajiet tal-kontroll innifishom. Apparti minn informazzjoni dwar it-taħriġ u l-proċeduri ta’ rutina, l-Istati Membri b’mod ġenerali<sens>ma rrapportaw xejn sinifikanti, għal darba oħra b’xi eċċezzjonijiet.

    Azzjonijiet għat-titjib tal-prestazzjoni tal-operaturi fin-negozju tal-ikel

    Taħt din l-intestatura, l-Istati Membri ntalbu jagħtu informazzjoni dwar liema azzjonijiet ittieħdu sabiex titjieb il-prestazzjoni ta’ atturi differenti fil-katina tal-ikel, permezz ta’ pubbliċità, pariri, taħriġ, eċċ. Fil-prattika kienet ftit l-informazzjoni li ġiet ipprovduta taħt din l-intestatura, u meta ġiet ipprovduta, id-dettall u l-kontenut tagħha varja minn Stat Membru għal ieħor.

    3. Verifiki u spezzjonijiet tal-Kummissjoni fl-Istati Membri u azzjonijiet sussegwenti tal-Kummissjoni

    L-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (FVO) tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi jwettaq verifiki u spezzjonijiet sabiex jikkonferma konformità mal-liġi dwar l-għalf u l-ikel, mal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali u dwar is-saħħa tal-pjanti, u biex jikkonferma li l-kontrolli uffiċjali nazzjonali f’dawn iż-żoni jitwettqu b’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

    Kull sena jitħejja programm ta’ spezzjonijiet min-naħa tal-FVO, li bih jiġu identifikati żoni u pajjiżi għal ispezzjoni. Dawn il-programmi huma ppubblikati<sp> fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u għall-Konsumaturi[4]. Sabiex wieħed jiżgura li l-programm jibqa’ aġġornat u relevanti, jiġi rrivedut f’nofs is-sena. Jista’ jagħti l-każ li jkun hemm il-ħtieġa li jiġu pprogrammati spezzjonijiet ġodda, pereżempju, minħabba riskji emerġenti bħal tifqigħat ta’ xi mard. Dawn l-ispezzjonijiet il-ġodda huma riflessi fil-modifiki tal-programm ta’ spezzjonijiet.

    Ir-riżultati li joħorġu minn kull verifika u spezzjoni huma ppreżentati f’rapport, flimkien mal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati. L-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż li fih tkun saret iż-żjara jingħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar ir-rapporti meta jkunu qed jiġu abbozzati. L-FVO jirrakkomanda lil dawn l-awtoritajiet biex jieħdu ħsieb kwalunkwe nuqqasijiet li jiġu żvelati matul l-ispezzjonijiet. L-awtoritajiet imbagħad jintalbu jippreżentaw “pjan ta’ azzjoni” li fih jiddeskrivu kif indirizzaw jew biħsiebhom jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tevalwa l-pjan ta’ azzjoni u sistematikament timmonitorja l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet permezz ta’ numru ta’ attivitajiet ta’ segwitu: missjonijiet ta’ segwitu ġenerali li matulhom jiltaqgħu l-awtoritajiet tal-FVO u tal-Istati Membri biex jirrevedu l-progress li jkun sar fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet lil dak l-Istat Membru; spezzjonijiet ta’ segwitu jew verifiki fuq il-post fiż-żoni kkonċernati; talbiet għal rapporti bil-miktub; u laqgħat bilaterali ta’ livell għoli f’każ ta’ problemi kumplessivi jew persistenti.

    Il-Kummissjoni tista’ tieħu azzjoni legali meta ċ-ċirkostanzi jitolbu hekk. Din tista’ tkun ta’ żewġ tipi: miżuri ta’ emerġenza jew ta' salvagwardja skont bażi legali adegwata[5], jew proċeduri ta’ ksur. Fejn spezzjoni tidentifika theddida immedjata għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, il-Kummissjoni tista’ tieħu miżuri ta’ emerġenza jew ta' salvagwardja. Dawn jistgħu jinkludu azzjoni legali biex jiġi evitat il-kummerċ jew l-importazzjoni ta’ għalf, ikel, annimali u pjanti jew kwalunkwe prodott li joriġina minnhom. Barra minn hekk, fejn awtorità kompetenti tonqos milli tieħu azzjoni korrettiva sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tibda proċeduri ta’ ksur kontra dak l-Istat Membru.

    B’dan il-mod, il-Kummissjoni timmonitorja u tivverifika fuq il-post il-konformità tal-Istati Membri mal-liġi dwar l-għalf u l-ikel, mal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u l-welfare tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti, u fejn hu xieraq tieħu azzjoni biex tipproteġi s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti minn riskji, u/jew tiżgura konformità ma’ dik il-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, permezz tal-pubblikazzjoni tar-rapporti ta’ spezzjoni u tal-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Istati Membri, kif ukoll permezz tal-profili tal-pajjiżi li jiġu aġġornati regolarment, hija tipprovdi lill-partijiet interessati u liċ-ċittadini b’rapport fattwali ta’ kif l-awtoritajiet ta’ kontroll f’kull Stat Membru jaqdu dmirijiethom biex jiżguraw, u fejn hu meħtieġ jinfurzaw, l-implimentazzjoni korretta tal-liġi f’dan il-qasam.

    Jitħejja rapport annwali ta’ tali attivitajiet, kif stipulat fl-Artikolu 45(4) tar-Regolament dwar il-Kontrolli tal-Għalf u l-Ikel, u jiġi ppubblikat. Dan jiddeskrivi f’ċertu dettall ir-riżultati ġenerali ta’ tali verifiki u spezzjonijiet għas-sena inkwistjoni. Rapporti li jkopru s-snin 2007 u 2008 ntbagħtu lill-Parlament u lill-Kunsill u diġà ġew ippubblikati. Dawn huma disponibbli fuq il-websajt Europa[6]. Il-problemi ewlenin identifikati fil-verifiki u fl-ispezzjonijiet imwettqa matul is-sena inkwistjoni, u l-azzjonijiet meħuda bħala segwitu għal dawn, huma stipulati f’dawn ir-rapporti. Barra minn hekk, l-FVO jħejji rapporti oħra, bħal pereżempju rapporti ta’ ħarsa ġenerali li jispjegaw fil-qosor ir-riżultati ta’ sensiela ta’ spezzjonijiet imwettqa f’numru ta’ Stati Membri dwar l-istess suġġett.

    Speċifikament fir-rigward tas-sena 2007 (is-sena li għaliha kien hemm referenza fir-rapport tal-Istati Membri f’paragrafu 2 hawn fuq), kien hemm 260 spezzjoni ppjanata mill-FVO. Minn dawn, 209 tlestew, 63 tneħħew mill-programm għal raġunijiet varji, u 43 kienu ġodda. It-total ta’ spezzjonijiet li tlestew għalhekk kien ta’ 252, li minnhom 159 twettqu fl-Istati Membri, 12 fil-pajjiżi kandidati[7] u 81 f’pajjiżi terzi[8]. Spezzjoni tal-FVO tista’ tkopri numru ta’ objettivi differenti u konverġenti. Kull objettiv huwa kkategorizzat f’wieħed minn erba’ oqsma wesgħin: is-sikurezza tal-ikel; is-saħħa tal-annimali; il-welfare tal-annimali; jew is-saħħa tal-pjanti. Abbażi ta’ dan, 70% tal-objettivi ta’ spezzjoni fl-2007 kienu jirrigwardaw is-sikurezza tal-ikel. Madankollu, skont l-approċċ “mill-irziezet sal-furketta”, ħafna spezzjonijiet dwar is-sikurezza tal-ikel ikopru wkoll xi elementi tas-saħħa u l-welfare tal-annimali. Lista kompleta tal-pajjiżi kollha spezzjonati fl-2007 u s-suġġetti ta’ dawn l-ispezzjonijiet hija ppreżentata fl-Anness 2 tar-rapport tal-2007.

    Fil-parti l-kbira tagħhom, ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-ispezzjonijiet u l-verifiki mwettqa fl-2007 kienu ta’ tali natura li ġew ittrattati permezz tal-proċess ta’ segwitu msemmi hawn fuq. L-ebda verifika jew spezzjoni fl-Istati Membri ma identifikat theddida immedjata għall-konsumatur, għas-saħħa tal-annimali jew tal-pjanti, u b’hekk il-Kummissjoni ma kellha tieħu l-ebda miżura ta’ emerġenza jew ta' salvagwardja. Madankollu, ladarba l-implimentazzjoni ta' kuljum tal-leġiżlazzjoni relevanti taqa’ f’idejn l-Awtoritajiet Kompetenti tal-Istati Membri, il-maġġoranza tal-miżuri korrettivi jittieħdu fil-livell tagħhom. Erba’ spezzjonijiet iffukaw fuq is-segwitu ta’ nuqqasijiet iktar serji fil-kontrolli relatati ma’ proċeduri ta’ ksur attwali kontra l-Istati Membri.

    Id-dettalji tar-riżultati u l-azzjonijiet għall-2007 jinsabu fl-istess rapport, li jista’ jitniżżel mill-websajt Europa[9]

    Finalment fl-2007, l-FVO nieda sensiela ta’ “verifiki ġenerali” kif previst fl-Artikolu 45 tar-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali tal-Għalf u tal-Ikel. Din is-sensiela, li tkopri lill-Istati Membri kollha, se titlesta fl-2011. L-iskop tal-verifiki ġenerali huwa li jiġi aċċertat li, b’mod ġenerali, il-kontrolli uffiċjali jsiru b’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, u mal-pjanijiet ta’ kontroll multiannwali nazzjonali (MANCP)[10]. Bit-tlestija ta’ din is-sensiela, il-Kummissjoni tkun tat ħarsa ġenerali wiesgħa lejn l-applikazzjoni ġenerali tal-kontrolli uffiċjali fl-Istati Membri.

    4. Sorsi ta’ informazzjoni oħra dwar il-kontrolli fl-Istati Membri

    Jintużaw mezzi oħra wkoll biex jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni u bid-dejta dwar il-funzjonament ta’ sistemi ta’ kontroll nazzjonali fl-Istati Membri.

    Rappurtar skont is-settur

    Matul is-snin, hekk kif il-korp tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa u l-welfare tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti espanda, ir-rekwiżiti imposti fuq l-Istati Membri biex jissottomettu rapporti regolari dwar l-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni żdiedu wkoll. Dawn ir-rapporti jipprovdu informazzjoni estensiva, kultant iddettaljata, dwar kif joperaw sistemi ta’ kontroll differenti fl-Istati Membri u dwar ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli. Huma jipprovdu wkoll informazzjoni utli għall-Kummissjoni għall-evalwazzjoni tal-impatt tal-leġiżlazzjoni eżistenti jew meta tiġi biex tikkunsidra jekk din għandhiex tiġi aġġornata jew immodifikata, u b’liema mod.

    Il-ġenerazzjoni tad-dejta bażika u t-tħejjija tar-rapporti, b’formati u frekwenzi ta’ rappurtar li jvarjaw bejn is-setturi, huma ta’ piż kbir fuq l-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni hija mitluba wkoll li talloka riżorsi sostanzjali għat-traduzzjoni u l-analiżi tagħhom.

    Abbażi ta’ dawn ir-rapporti nazzjonali, il-Kummissjoni min-naħa tagħha tipproduċi u tpoġġi għad-dispożizzjoni numru ta’ rapporti settorjali, li jipprovdu rendikont tal-istat ta’ implimentazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni tal-UE applikabbli għall-katina tal-ikel, inkluża f’ċerti każijiet dejta speċifika dwar kontrolli uffiċjali u r-riżultati tagħhom fl-oqsma kkonċernati.

    Fost l-iktar rapporti relevanti ta’ dan it-tip, insibu r-rapporti dwar: il-monitoraġġ u l-ittestjar tal-annimali li jixtarru għall-preżenza ta’ Enċifalopatija Sponġiformi li tista’ Tinxtered (TSEs), ir-rapport ta’ sommarju dwar tendenzi u sorsi ta’ żoonożi, aġenti żoonotiċi u tifqigħat li jinġarru fl-ikel fl-Unjoni Ewropea (li jitħalla f’idejn l-Awtorità Ewropea tas-Sikurezza tal-Ikel (EFSA) ), u r-rapport ta’ monitoraġġ annwali dwar ir-residwi ta’ pestiċidi fl-UE kollha.

    Lista ta’ rapporti ppubblikati hija inkluża fl-Anness ta’ dan ir-Rapport.

    Rappurtar tal-laqgħat tal-Kumitat Permanenti tal-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali

    Rapporti dwar l-operat tal-kontrolli jiġu ppreżentati wkoll mill-Istati Membri regolarment waqt laqgħat tal-Kumitat Permanenti tal-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali (SCFCAH). Dawn jistgħu jkunu rapporti ta’ rutina dwar l-inċidenza u l-kontroll ta’ mard li jinġarr fl-ikel, mard tal-annimali jew mard tal-pjanti; jew inkella jistgħu jkunu relatati ma’ tifqigħat reċenti u azzjonijiet ta’ emerġenza meħuda kawża ta’ dan. Huma jirrappreżentaw sors ieħor importanti ta’ informazzjoni sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa kif il-kontrolli qed joperaw fl-Istati Membri. F’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni adottat il-prattika li tippubblika dawn il-preżentazzjonijiet fuq il-websajt tal-Kummissjoni flimkien mal-minuti tal-laqgħat rispettivi.

    Barra minn hekk, f’xi oqsma, il-Kummissjoni tħejji kumpilazzjoni ta’ tali rapporti hekk kif jintbagħtu mill-Istati Membri u tpoġġihom għad-dispożizzjoni permezz tal-proċeduri tal-Kumitat Permanenti[11]

    Sistemi ta’ twissija rapida u għodod oħra għar-rappurtar

    Is-sistemi ta’ twissija rapida eżistenti għas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf (RASFF), għat-tifqigħat ta’ mard tal-annimali (ADNS) u għat-tifqigħat ta’ mard tal-pjanti (Europhyt) jirrappreżentaw għodod sinifikanti għall-immaniġġjar ta’ reazzjoni rapida għall-emerġenzi u għar-riskji emerġenti u huma sors ta’ informazzjoni dwar it-tendenzi tal-perikli u tal-mard hekk kif jiżviluppaw fil-katina tal-ikel. Id-dejta li jipprovdu tista’ tkun indikatur importanti ta’ nuqqasijiet ta’ konformità b’rabta ma’ standards ta’ sikurezza stabbiliti. Sommarji tar-riżultati dettaljati li ħarġu minn dawn is-sistemi ta’ twissija dwar is-sikurezza tal-ikel u l-mard tal-annimali jinsabu fir-rapporti annwali dwar l-RASFF[12] u l-ADNS[13] li huma ppubblikati fil-websajt tal-Kummissjoni. Mill-2010, il-Kummissjoni biħsiebha tħejji rapport annwali simili dwar l-operazzjoni tal-Europhyt, l-għodda ta’ notifika għal tifqigħat ta’ mard tal-pjanti. TRACES, is-sistema li tippermetti li tiġi skambjata l-informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar kontrolli mwettqa fuq l-annimali u l-prodotti magħmula mill-annimali (fuq prodotti domestiċi u dawk importati minn pajjiżi terzi) hija sors importanti ieħor ta’ dejta, mhux biss dwar il-volum ta’ movimenti ta’ prodotti koperti, iżda wkoll dwar il-kontrolli veterinarji uffiċjali mwettqa.

    5. Konklużjoni

    Il-Kummissjoni tifforma l-evalwazzjoni tagħha dwar l-effikaċja ta’ sistemi ta’ kontroll fl-Istati Membri abbażi tal-informazzjoni u d-dejta li hija tirċievi mill-Istati Membri permezz tal-mezzi kollha msemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, b’mod ġenerali, id-dgħufijiet fil-kontrolli identifikati, b’mod partikolari permezz tal-ispezzjonijiet tal-FVO jew tal-ilmenti individwali, huma indirizzati b’mod adegwat mill-Istati Membri. Fejn dan ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tinforza r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE, anke permezz ta’ proċeduri ta’ ksur fejn ikun meħtieġ. Sommarju tal-ilmenti li rċeviet u investigat il-Kummissjoni fl-oqsma tal-liġi tal-katina tal-ikel jinsab fir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE[14].

    Madankollu, ir-reviżjoni ta’ sorsi differenti ta’ informazzjoni li tirċievi l-Kummissjoni dwar l-operazzjoni ta’ kontrolli fl-Istati Membri tindika li hemm numru ta’ oqsma b’potenzjal ta’ titjib fil-kumpilazzjoni, it-trażmissjoni u l-analiżi tal-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-katina tal-ikel, u b’mod partikolari dwar il-kontrolli uffiċjali, fejn il-produzzjoni u l-immaniġġjar tad-dejta jistgħu jiġu simplifikati, u d-dejta tista’ ssir iktar organizzata u relevanti. Id-disponibbiltà ta’ dejta li tkun iktar aċċessibbli u kumparabbli twassal biex kemm l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll il-Kummissjoni jkunu jistgħu joperaw b’mod aktar effiċjenti, filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw bis-sħiħ liċ-ċittadini tal-UE li s-sistemi ta’ kontroll huma komprensivi, robusti u effettivi.

    Għalhekk il-Kummissjoni biħsiebha teżamina, b’koperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, numru ta’ azzjonijiet sabiex il-mod ta’ kif l-informazzjoni dwar il-kontrolli tinġabar, tiġi analizzata u preżentata fil-livell tal-UE ikun iktar effiċjenti u komprensiv, u b’mod partikolari:

    1. kif ir-rekwiżiti ta’ rappurtar li bħalissa huma imposti fuq l-Istati Membri mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE jistgħu jiġu ssimplifikati u organizzati, permezz ukoll tal-eliminazzjoni ta’ informazzjoni duplikata u superfluwa, u bl-użu ta’ mudelli standardizzati għad-dejta kwantitattiva li jistgħu jnaqqsu b’mod sostanzjali r-rekwiżiti għat-traduzzjoni minn lingwi uffiċjali differenti;

    2. kif il-potenzjal konsiderevoli għat-trażmissjoni elettronika u l-analiżi ta’ dejta permezz tal-Internet jista’ jintuża bl-aħjar mod sabiex jinkisbu s-simplifikazzjoni u l-istandardizzazzjoni u sabiex jitnaqqas il-piż tal-ġenerazzjoni, il-ġbir u t-trażmissjoni ta’ dejta relatata mal-kontrolli, bl-għajnuna adegwata min-naħa tal-Eurostat;

    3. kif is-simplifikazzjoni u l-istandardizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex l-Istati Membri jaqdu dmirijiethom skont l-obbligu stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-Kontrolli tal-Ikel u tal-Għalf, li jirrikjedilhom jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom jitwettqu b’“livell għoli ta’ trasparenza”, u b’mod iktar speċifiku li l-pubbliku jingħata aċċess għall-informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ kontroll tal-awtoritajiet kompetenti u l-effettività tagħhom.

    ANNESS

    LISTA TAR-RAPPORTI SETTORJALI PPUBBLIKATI TAL-KUMMISSJONI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-LEĠIŻLAZZJONI TAL-UE DWAR IS-SIKUREZZA TAL-IKEL, IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI, IL-WELFARE TAL-ANNIMALI U S-SAĦĦA TAL-PJANTI

    Rapport | Bażi Legali | Pubblikazzjoni |

    Rapport annwali dwar il-monitoraġġ u l-ittestjar tal-annimali li jixtarru għall-preżenza tal-Enċifalopatija Sponġiformi li tista’ Tinxtered (TSEs) fl-UE | L-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered | http://ec.europa.eu/food/food/biosafety/tse_bse/monitoring_annual_reports_en.htm |

    Ir-Rapport ta’ Sommarju tal-UE dwar it-tendenzi u s-sorsi taż-żoonożi, l-aġenti żoonotiċi u t-tifqigħat li jinġarru fl-ikel fl-Unjoni Ewropea | L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 rigward il-monitoraġġ taż-żoonożi u tal-aġenti żoonotiċi, temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE u tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE (Jitħalla f’idejn l-EFSA, imħejji mill-EFSA b’koperazzjoni mal-ECDC) | http://www.efsa.europa.eu/en/press/news/zoonoses100128.htm |

    Ir-rapport annwali dwar is-Sistemi ta’ Twissija Rapida għas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf (RASFF) | L-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel | http://ec.europa.eu/food/food/rapidalert/rasff_publications_en.htm |

    Rapport Annwali ta’ Monitoraġġ tar-Residwi ta’ Pestiċidi madwar l-UE kollha | L-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (Jitħalla f’idejn l-EFSA) | http://ec.europa.eu/food/fvo/specialreports/pesticides_index_en.htm http://www.efsa.europa.eu/en/scdocs/doc/EFSA_2007_Annual_Report_Pesticide%20Residue_en.pdf |

    Rapport annwali dwar l-irradjazzjoni tal-ikel | L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 1999/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Frar 1999 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw ikel u ingredjenti tal-ikel trattati b’radjazzjoni li tijonizza | http://ec.europa.eu/food/food/biosafety/irradiation/index_en.htm // |

    Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni ta’ Pjanijiet Nazzjonali għall-Monitoraġġ tar-Residwi fl-Istati Membri | L-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 ta’ April 1996 dwar miżuri għall-monitoraġġ ta’ ċerti sustanzi u residwi tagħhom f’annimali ħajjin u prodotti tal-annimali u li tħassar id-Direttivi 85/358/KEE u 86/469/KEE u d-Deċiżjonijiet 89/187/KEE u 91/664/KEE | http://ec.europa.eu/food/food/chemicalsafety/residues/control_en.htm |

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari | L-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE tat-3 ta’ Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari | http://ec.europa.eu/food/food/labellingnutrition/nutritional/foodstuff_particular_nutri_uses_en.htm |

    Sommarju tal-Kummissjoni tar-rapporti ta’ kull tliet xhur imressqin mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-programm tal-influwenza avjarja fit-tjur u fl-għasafar selvaġġi, inklużi r-riżultati pożittivi u negattivi kollha tal-investigazzjonijiet laboratorji kemm seroloġiċi kif ukoll viroloġiċi miksuba waqt is- sorveljanza | L-Artikolu 19.1(d) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/875/KE u l-Artikolu 9.1(d) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/876/KE li japprovaw programmi għall-eradikazzjoni u l-monitoraġġ tal-mard tal-annimali ta’ ċerti TSEs u għall-prevenzjoni taż-żoonożi preżentati mill-Istati Membri u mill-Bulgarija u r-Rumanija għall-2007. | Għat-tjur: http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/controlmeasures/avian/res_surv_wb_annual_07_en.pdf Għall-għasafar selvaġġi: http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/controlmeasures/avian/res_ai_surv_wildbirds_2007_en.pdf |

    Rapport annwali dwar ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ sorveljanza fuq l-influwenza avjarja fit-tjur u l-għasafar selvaġġi. (Sommarju tar-rapportar annwali tal-Istati Membri dwar ir-riżultati ta’ sorveljanza fuq l-influwenza avjarja fit-tjur u l-għasafar selvaġġi, mħejjija mill-Kummissjoni u mil-Laboratorju ta’ referenza tal-UE għall-Influwenza avjarja.) | L-Artikolu 19.1(f) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/875/KE u l-Artikolu 9.1(f) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/876/KE li japprovaw programmi għall-eradikazzjoni u l-monitoraġġ tal-mard tal-annimali ta’ ċerti TSEs u għall-prevenzjoni taż-żoonożi preżentati mill-Istati Membri u mill-Bulgarija u r-Rumanija għall-2007. | Għat-tjur: http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/controlmeasures/avian/res_surv_wb_annual_07_en.pdf Għall-għasafar selvaġġi: http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/controlmeasures/avian/res_ai_surv_wildbirds_2007_en.pdf |

    Rapporti tal-laqgħat tas-sottogruppi ta’ esperti (Bruċellożi bovina, bruċellożi fin-nagħaġ u l-mogħoż, tuberkulożi bovina u rabja) tat-Task Force (TF) għall-monitoraġġ tal-eradikazzjoni tal-mard fl-Istati Membri | It-Task Force nħolqot fis-sena 2000 bħala azzjoni prevista fil-White Paper tal-Kummissjoni dwar is-Sikurezza tal-Ikel. | http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/eradication/taskforce_en.htm |

    Sommarju annwali tas-sottomissjonijiet mill-Istati Membri rigward l-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali għall-konsum personali, li jispjega fil-qosor l-informazzjoni relevanti dwar il-miżuri meħuda sabiex jiġu rreklamati u infurzati r-regoli stipulati fir-Regolament, u dwar ir-riżultati tagħhom | L-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 206/2009/KE (li jirrevoka l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 745/2004 dwar l-introduzzjoni fl-UE ta’ kunsinni personali ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali | http://ec.europa.eu/food/animal/animalproducts/personal_imports/sum_personal_imports_2005_2007_final.pdf |

    Welfare tal-annimali: Regolament dwar it-trasport | L-Artikolu 27(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 | http://ec.europa.eu/food/animal/welfare/transport/inspections_reports_reg_1_2005_en.htm |

    [pic][pic]

    [1] Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

    [2] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/654/KE tal-24 Lulju 2008 dwar linji gwida li jgħinu lill-Istati Membri jħejju r-rapport annwali dwar il-pjan waħdieni integrat multiannwali nazzjonali ta’ kontroll previst fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( ĠU L 214, 9.8.2008, p. 56) .

    [3] Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/677/KE tad-29 ta’ Settembru 2006 li tistabbilixxi l-linji ta’ gwida li jistipulaw il-kriterji għat-twettiq tal-verifiki skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar kontrolli uffiċjali mwettqa sabiex jassiguraw il-verifika tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, u mar-regoli tas-saħħa tal-annimali u l-benessri tal-annimali ( ĠU L 278, 10.10.2006, p. 15 u ĠU L 142M, 5.6.2007, p. 259).

    [4] http://ec.europa.eu/food/fvo/inspectprog/index_en.htm

    [5] Pereżempju, deċiżjonijiet li jittieħdu skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1–24)

    [6] http://ec.europa.eu/food/fvo/annualreports/index_en.htm

    [7] Il-pajjiżi kandidati huma dawk il-pajjiżi li huma kandidati għal sħubija futura fl-UE, iżda li għadhom ma bdewx il-proċess formali tal-adeżjoni.

    [8] Mill-81 spezzjonijiet li twettqu fil-pajjiżi terzi fl-2007, fil-Brażil sar l-ikbar numru ta’ spezzjonijiet (7); isegwu l-Arġentina, l-Awstralja, il-Kanada, l-Islanda, l-Isvizzera (3 f’kull pajjiż). Min-naħa l-oħra, fl-2006, l-iktar pajjiżi terzi li fihom saru spezzjonijiet kienu ċ-Ċina (5 spezzjonijiet), segwita mill-Brażil (4), in-Norveġja (3) u t-Tajlandja (3).

    [9] http://ec.europa.eu/food/fvo/annualreports/ann_rep_2007_en.pdf

    [10] L-ambitu jkopri b’mod wiesa’ aspetti oħra relatati mal-liġi tal-ikel bħal pereżempju l-ittikkettar tal-ikel, l-ikel organiku, l-ikel protett minn indikazzjonijiet ġeografiċi, eċċ.

    [11] http://ec.europa.eu/food/committees/regulatory/index_en.htm

    [12] http://ec.europa.eu/food/food/rapidalert/rasff_publications_en.htm

    [13] http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/adns/index_en.htm

    [14] http://ec.europa.eu/community_law/infringements/infringements_annual_report_en.htm

    Top