Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0370

WHITE PAPER Dwar l-Iskemi ta' Garanzija tal-Assigurazzjoni

/* KUMM/2010/0370 finali */

52010DC0370

WHITE PAPER Dwar l-Iskemi ta' Garanzija tal-Assigurazzjoni /* KUMM/2010/0370 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 12.7.2010

KUMM(2010)370 finali

WHITE PAPER

Dwar l-Iskemi ta' Garanzija tal-Assigurazzjoni

{ SEG(2010)841 } { SEG(2010)840 }

WHITE PAPER

Dwar l-Iskemi ta' Garanzija tal-Assigurazzjoni

INTRODUZZJONI

L-Iskemi ta' Garanzija tal-Assigurazzjoni (SGA) jipprovdu l-aħħar ċans ta' protezzjoni lill-konsumaturi meta l-impriżi tal-assigurazzjoni ma jkunux jistgħu jissodisfaw l-impenji kuntrattwali tagħhom. Għalhekk huma jipproteġu lin-nies kontra r-riskju li l-pretensjonijiet tagħhom ma jkunux ssodisfati jekk il-kumpanija tagħhom tal-assigurazzjoni ssir insolventi.

L-iskemi ta' garanzija joperaw f'setturi oħra tal-industrija tas-servizzi finanzjarji. B'mod partikolari, l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom arranġamenti għal garanzija tad-depożiti u kumpens tal-investituri, u standards minimi ta' protezzjoni li ġew armonizzati fil-livell tal-UE bl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Iskemi ta' Garanzija tad-Depożitu (DGS) tal-1994 u tad-Direttiva dwar l-Iskema ta' Kumpens tal-Investituri (ICS)[1] tal-1997. Madankollu, mhemmx qafas Ewropew komuni bħal dan fis-settur tal-assigurazzjoni.

Mit-30 pajjiż tal-UE-ŻEE, 12 minnhom biss għandhom mill-anqas skema ta' garanzija tal-assigurazzjoni waħda jew aktar. Dan ifisser li, f'termini ta' primjums grossi kontabilizzati, terz mis-suq sħiħ tal-assigurazzjoni tal-UE-ŻEE mhuwiex kopert minn kwalunkwe SGA f'każ li kumpanija tal-assigurazzjoni tfalli. Madwar 26% tal-poloz ta' assigurazzjoni tal-ħajja u 56% tal-poloz ta' assigurazzjoni mhux tal-ħajja mhumiex protetti.

Fejn hemm SGA, dawn ħafna drabi joffru koperturi differenti, li jirriżulta f'livelli eteroġeni tal-protezzjoni tad-detentur ta' polza bejn l-Istati Membri. Hemm ukoll differenzi sinifikattivi f'aspetti oħra tat-tfassil tas-SGA li jħallu effett fuq l-ambitu tal-protezzjoni provduta, kif ukoll fuq proċeduri operazzjonali u arranġamenti ta’ finanzjament.

Fin-nuqqas ta' arranġamenti armonizzati tas-SGA fl-UE, il-konsumatur ma jistax jibbenifika minn protezzjoni effikaċi u ugwali. Dan jista' jwassal għal nuqqas ta' kunfidenza tal-konsumatur fis-swieq rilevanti u jista' fl-aħħar nett iqiegħed f'riskju l-istabbiltà tas-suq. Jista' wkoll itellef il-funzjonament tas-suq intern tal-assigurazzjoni billi jfixkel il-kompetizzjoni transkonfinali. Fid-dawl tal-lezzjonijiet li ħarġu mill-kriżi riċenti, l-iżvilupp ta' skemi armonizzati ta' garanzija tal-assigurazzjoni jista' jkun rimedju għad-defiċenzi eżistenti.

Din il-White Paper tistabilixxi qafas koerenti għall-azzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tas-SGA għad-detenturi ta' polza u l-benefiċjarji, sabiex isservi ta' difiża kontra l-bżonn tal-involviment tal-kontribwent. B'mod partikolari tipproponi l-introduzzjoni ta' Direttiva li tiżgura li l-Istati Membri kollha għandhom SGA konformi ma' grupp minimu ta' rekwiżiti ta' tfassil. L-evidenza tissuġġerixxi li approċċ koerenti fuq il-livell tal-UE huwa l-aħjar mod li tipprovdi rimedju xieraq għan-nuqqasijiet eżistenti u għall-inugwaljanzi fil-protezzjoni tad-detentur ta' polza. Din il-White Paper m'għandhiex l-intenzjoni li tipproponi l-armonizzazzjoni tal-prodotti tal-assigurazzjoni. Lanqas ma għandha l-intenzjoni li tagħti żvantaġġ lill-prodotti tal-assigurazzjoni li jinbiegħu biss fis-suq domestiku.

Dawk l-alternattivi prinċipali li l-Kummissjoni identifikat bħala preferibbli huma miġbura fil-qosor u enfasizzati f'kaxex f'diversi punti tat-Taqsimiet 3 u 4. Il-partijiet kollha interessati inkluż l-Istati Membri huma mistiedna jissottomettu l-kummenti tagħhom u jikkontribwixxu aktar fir-rigward tal-għażliet identifikati sat-30 ta' Novembru 2010.

Il-White Paper hija akkumpanjata minn Valutazzjoni tal-Impatt sostnuta minn Rapport Metodoloġiku komprensiv u Annessi oħra.

SKOP U AMBITU TAL-WHITE PAPER

Għaliex tinħtieġ azzjoni dwar l-Iskemi ta' Garanzija tal-Assigurazzjoni?

Lezzjonijiet mill-kriżi

It-taqlib finanzjarju riċenti ġiegħel lin-nies ikunu ħafna aktar konxji mill-eżistenza u l-limiti tal-protezzjoni tal-konsumatur/skemi ta' garanzija fis-setturi finanzjarji kollha. Għalkemm is-settur tal-assigurazzjoni ma kienx fl-oriġini tal-kriżi, xorta waħda ma setax jaħrabha. Assiguraturi importanti Ewropej irrapurtaw telf partikolarment kbir u kienu kostretti jinjettaw kapital ġdid[2]. Sabiex ikun hemm rimedju għal-lakuni regolatorji eżistenti u għall-inkonsistenzi kkawżati minn xenarju frammentat tas-SGA fl-Ewropa, ir-Rapport Finali (Rakkomandazzjoni 5) tal-Grupp de Larosière irrakomanda li jkun hemm armonizzazzjoni tas-SGA madwar l-UE[3].

L-istess rakkomandazzjoni hija inkluża fil-Preambolu tad-Direttiva ta' Qafas Solvenza II[4].

Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni tagħha tal-4 ta' Marzu 2009 'Nixprunaw l-Irkupru Ewropew' il-Kummissjoni ħabbret li sal-aħħar tal-2009 se teżamina s-suffiċjenza ta' skemi ta' garanzija eżistenti fis-settur tal-assigurazzjoni u se tagħmel proposti leġiżlattivi xierqa[5].

Fit-23 ta' Settembru 2009, il-Kummissjoni adottat proposti għal tliet Regolamenti li jistabbilixxu Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji, inkluż il-ħolqien ta' tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. Il-Kummissjoni ilha ssegwi mill-qrib id-diskussjonijiet għaddejjin bejn il-koleġiżlaturi dwar ir-rwol tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (AEAPX)[6], fejn issemmiet ukoll introduzzjoni ta' SGA fuq livell nazzjonali u/jew tal-UE.

Solvenza II mhux se toħloq ambjent bla riskju ta' falliment

Ir-reġimi ta' soluzzjoni attwali (Solvenza I) u dik futura (Solvenza II) tal-UE ma joħolqux, jew ma jistgħux joħolqu ambjent bla riskju ta' falliment għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni. Id-Direttiva ta' Qafas Solvenza II, li sal-31 ta' Diċembru 2012 se ssir applikabbli, tipprovdi approċċ ekonomiku għas-solvenza bbażat fuq ir-riskju. Din tirrikjedi li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni jkollhom biżżejjed kapital biex ikopru l-obbligi tagħhom għal sena sħiħa, suġġetti għal-livell kunfidenzjali tal-VAR ta' 99.5 %[7]. Dan għandu jiżgura li mhux aktar minn assiguratur wieħed f'200 ifalli fi kwalunkwe sena. Għall-finijiet ta' din il-White Paper, dejta storika u stimi mudell juru li l-probabbiltà ta' falliment f'kumpaniji tal-assigurazzjoni ġeneralment tvarja bejn 0.1% f'kundizzjonijiet ekonomiċi normali sa 0.5% f'kundizzjonijiet eċċezzjonali bħal kriżi finanzjarja jew fejn l-assiguraturi jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet partikulari f'pajjiż speċifiku tal-UE[8]. Minkejja s-SGA eżistenti, dan jista' jirriżulta f'telf li jgħaddi fuq id-detenturi ta' polza tal-UE (jew il-kontribwenti). F'ka¿ijiet estremi, f'sena, dan it-telf jista' jitla' għal saħansitra € 46.5 biljun kemm għal polzi tal-ħajja u kemm dawk mhux tal-ħajja. Dan huwa ekwivalenti għal madwar 4.4% tat-total tal-primjums grossi kontabilizzati f'sena fl-UE. Bħala prova ta' dan, bejn l-1996 u l-2004 aktar minn 130 assiguratur ġew insolventi fl-UE u l-falliment tal-2009 ta' grupp tal-assigurazzjoni Griek affettwa madwar 800,000 detentur ta' polza.

Probabbilità ta' żieda fl-attività tal-assigurazzjoni transkonfinali fl-UE

L-attività tal-assigurazzjoni transkonfinali – li tipprovdi servizzi tal-assigurazzjoni f'pajjiżi oħra b'mod dirett jew bil-ftuħ ta' fergħat - tirrapreżenta medja ta' 4.10% tat-total tal-primjums grossi kontabilizzati fl-UE, li jammontaw għal volum ta' primjum finanzjarju ta' € 42.8 biljun fl-2007. Il-volum ta' attività huwa mistenna li jitla' aktar fil-futur. Pereżempju, xi gruppi prinċipali tal-assigurazzjoni qed jikkunsidraw li jaqilbu s-sussidjarji tagħhom f'fergħat.

Ukoll, fl-Istati Membri li għandhom SGA, dawn l-iskemi mhux dejjem ikopru l-attività transkonfinali. Madwar 62% tan-negozju transkonfinali tal-assigurazzjoni tal-ħajja u madwar 23% tal-attività transkonfinali tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja fl-Unjoni Ewropea hija nieqsa minn kull tip ta' protezzjoni tas-SGA.

Id-detenturi ta' polza u l-benefiċjarji mhumiex protetti biżżejjed u/jew mhux b'mod ugwali.

Id-differenzi bejn s-SGA nazzjonali madwar l-UE (inkluż l-assenza totali ta' kwalunkwe skema tali f'uħud mill-Istati Membri) joħolqu livelli ta' protezzjoni insuffiċjenti jew inugwali għad-detenturi ta’ polza tal-assigurazzjoni. Hemm differenzi kbar bejn l-istrutturi tas-SGA nazzjonali eżistenti. Bl-istess mod, in-nuqqas ta' arranġamenti armonizzati jistgħu jqajmu preokkupazzjonijiet fost il-konsumaturi dwar il-protezzjoni fir-rigward tan-negozju transkonfinali tal-assigurazzjoni fl-UE. F'każ li kumpanija tal-assigurazzjoni li għandha operazzjonijiet transkonfinali tfalli, xi detenturi ta' polza jistgħu jsibu li huma koperti minn SGA, filwaqt li detenturi ta' polza oħrajn b'kuntratt identiku jistgħu jsibu li mhumiex, jew li għandhom biss livell aktar baxx ta' protezzjoni[9].

Eżempji: Detentur ta' polza residenti fi Stat Membru li mhux protett bis-SGA jista', minkejja dan, ikun protett jekk l-assiguratur tiegħu jkun ibbażat f'pajjiż ieħor tal-UE fejn is-SGA toffri protezzjoni abbażi tal-'pajjiż tad-domiċilju'[10]. Detentur ta' polza li joqgħod fi Stat Membru b'SGA bbażat fuq il-prinċipju 'pajjiż tad-domiċilju' jista' ma jkunx kopert jekk l-assiguratur tiegħu jkun ibbażat f'pajjiż ieħor tal-UE fejn is-SGA toffri protezzjoni abbażi tal-'pajjiż ospitanti'. Madankollu, din tkun protetta jekk il-polza tagħha kienet maħruġa minn kumpanija tal-assigurazzjoni lokali. Jekk l-Istat Membru fejn joqgħod id-detentur ta' polza għandu SGA bbażata fuq il-prinċipju tal-pajjiż ospitanti, ma jimpurtax jekk il-polza tkun inħarġet minn assiguratur lokali jew barrani ('entranti'), sakemm is-SGA fiż-żewġ pajjiżi toffri l-istess protezzjoni. Il-livell ta' protezzjoni jista' jkun differenti meta Stat Membru wieħed jew it-tnejn konċernati jkunu llimitaw l-ammont ta' kumpens li se jitħallas. |

Ix-xenarju attwali tas-SGA joħloq kundizzjonijiet irregolari tal-kompetizzjoni għall-impriżi tal-assigurazzjoni tal-UE

Il-koeżistenza ta' sistema differenti tas-SGA (u l-fatt li xi Stati Membri ma għandhom l-ebda SGA) tqajjem ukoll preokkupazzjonijiet dwar in-nuqqas ta' regolarità fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji tal-assigurazzjoni lokali u dawk entranti li joperaw fl-istess suq. Dawn il-preokkupazzjonijiet jistgħu jiggravaw b'mod partikolari jekk xi assiguraturi li joperaw fl-istess suq ikunu qed jieħdu sehem fis-SGA u oħrajn le, minħabba li l-ambitu ta' fejn tkopri s-SGA (fejn jeżistu) fuq livell ġeografiku jista' jkun differenti bejn il-pajjiżi tad-domiċilju u dawk ospitanti konċernati.

Eżempji: Jista' jkun hemm xkiel għall-kompetizzjoni jekk il-konsumaturi jippreferu jixtru poloz li huma koperti minn SGA (jew prodotti simili koperti eż. permezz ta' skemi ta' garanzija ta' depożitu jew skemi ta' kumpens tal-investituri), b'detriment għall-assiguraturi li joffru prodotti tal-assigurazzjoni li mhumiex protetti. SGA jinvolvu kostijiet addizzjonali li fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jiġġarrbu mid-detenturi ta’ polza. Jekk il-konsumaturi jippreferu prodotti tal-assigurazzjoni bi prezz aktar baxx, il-kompetizzjoni tista' tkun imxekkla b'detriment għall-assiguraturi li joffru prodotti tal-assigurazzjoni protetti (u għalhekk, probabbilment, bi prezz ogħla). |

Ix-xenarju attwali tas-SGA jaffettwa l-istabbilità tas-suq

Il-falliment tal-assigurazzjoni u t-telf għad-detenturi ta' polza u l-benefiċjarji li jirriżulta minn dan jistgħu jaffettwaw l-ekonomija reali billi jbiddlu l-imġiba tal-konsumaturi (eż. jixtru anqas prodotti tal-assigurazzjoni) jew billi l-ekonomija jagħmluha inqas kapaċi li timmaniġja r-riskju. Barra minn dan, minkejja l-pieni ħarxa li normalment jiġu imposti fuq id-detenturi ta' polza għal terminazzjoni bikrija, dawn jistgħu jirreaġixxu għal telf reali jew mistenni billi jwaqqfu l-poloz tagħhom - u b'hekk potenzjalment ikunu qed jiggravaw sitwazzjoni ta' kriżi finanzjarja.

Hemm alternattivi vijabbli għal azzjonijiet speċifiċi tal-UE dwar is-SGA?

L-importanza tal-introduzzjoni ta' SGA tiddependi fuq ir-riskju li kumpaniji tal-assigurazzjoni jfallu, u l-impatt potenzjali ta' fallimenti tali fuq il-konsumaturi. Dan iqajjem il-kwistjoni dwar x'mekkaniżmi ta' protezzjoni alternattivi jeżistu fuq livell nazzjonali jew Ewropew sabiex jittaffa r-riskju jew jitnaqqas it-telf għad-detenturi ta' polza.

Regolamentazzjoni prudenzjali u mmaniġjar tar-riskju

Immaniġjar effettiv tar-riskju u strutturi ta' governanza komprensivi huma l-bażi tas-sistema futura ta' soluzzjoni, flimkien mar-rekwiżiti tal-kapital u poteri xierqa ta' superviżjoni. Madankollu, huwa magħruf li l-ispiża biex jiġu stabbiliti r-rekwiżiti ta' solvenza f'livell biżżejjed biex jassorbi t-telf kollu mhux mistenni tkun għolja wisq[11].

Trattament preferenzjali tad-detenturi ta' polza fil-proċeduri tal-istralċ

F'każ li kumpanija tal-assigurazzjoni ssir insolventi, il-leġiżlazzjoni tal-istralċ attwali tal-UE toffri lill-Istati Membri għażla bejn żewġ alternattivi fil-liġi nazzjonali sabiex tagħti prijorità lid-detenturi ta' polza fuq kredituri oħra tal-assiguratur f'likwidazzjoni[12]. Madankollu, il-proċeduri tal-istralċ jistgħu ma jkunux soluzzjoni prattika għad-detentur ta' polza li hu nieqes mill-flus. Ħafna drabi dawn huma kumplessi u jieħdu ħafna ħin, u l-istennija biex dawn jitlestew tista' toħloq nuqqas serju ta' flus fl-idejn għad-detenturi ta' polza bi pretensjonijiet li għadhom iridu jitħallsu.

L-intervent tal-gvern każ b'każ

Is-soluzzjonijiet każ b'każ bħall-intervent tal-gvern ex post , filwaqt li huma fin-natura tagħhom flessibbli għandhom ukoll żvantaġġi serji. Sakemm ma jkunux ugwali dawn jistgħu jqajmu preokkupazzjonijiet rigward il-ġustizzja u t-trasparenza, hekk kif id-deċiżjonijiet aktar jittieħdu fuq bażi ad hoc milli skont set ta' regoli diġà mfassla. Barra minn dan, l-intervent każ b'każ jista' jitqies li qed jagħti vantaġġ inġust lill-kumpaniji l-kbar, u b'hekk toħloq 'periklu morali': u b'hekk tippermettilhom li jieħdu riskji b'inqas biża' mill-konsegwenzi għax l-oħrajn se jħallsu biex jipprovdu salvagwardja.

Tagħrif addizzjonali u trasparenza mtejba

Approċċ alternattiv huwa dak fejn jintalab li jingħata aktar tagħrif lid-detenturi ta' polza sabiex ikunu jistgħu jagħżlu l-aħjar prodott tal-assigurazzjoni għalihom infushom. Madankollu, dan jassumi li d-detenturi ta' polza jifhmu t-tagħrif u jkunu jistgħu jużawh meta dawn ikunu qed jieħdu d-deċiżjoni tagħhom. Fir-realtà huwa ftit li xejn probabbli li d-detenturi ta' polza jkunu jistgħu jifhmu u jużaw it-tagħrif kollu, b'mod partikolari fir-rigward ta' negozji transkonfinali tal-assigurazzjoni. Ukoll, il-provvediment ta' tagħrif addizzjonali ma jindirizzax il-kwistjoni ta' kundizzjonijiet li mhumiex ekwi għal kulħadd bejn kumpaniji tal-assigurazzjoni li joperaw fl-istess swieq.

L-ambitu, l-isfond u l-għanijiet tal-White Paper

L-ambitu u d-definizzjoni

Din il-White Paper tapplika għall-kumpaniji kollha tal-assigurazzjoni tal-ħajja u mhux tal-ħajja, inkluż dawk li joffru ż-żewġ tipi ta' prodotti. Madankollu, ma tasalx għall- fondi tal-pensjoni hekk kif definiti bid-Direttiva 2003/41/KE[13] jew tar- riassigurazzjoni .

Għall-fini ta' din il-White Paper, armonizzazzjoni minima tfisser li l-Istati Membri jistgħu, jekk iridu, jipprovdu protezzjoni akbar minn dik provduta fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.

Sfond

Din il-White Paper tfasslet abbażi tax-xogħol li sar mill-Kummissjoni mill-2001 u dan wara konsultazzjoni u dibattitu estensivi tul dawn l-aħħar sentejn mad-detenturi ta' polza, ma' min jaħdem fl-industrija u ma' dawk li jfasslu l-politika. Tibni wkoll fuq rapport dwar is-SGA prodott għall-Kummissjoni minn Oxera[14] (u ffinalizzat fl-aħħar ta' Novembru 2007) u fuq rapport prodott għall-Kummissjoni mis-superviżuri tal-assigurazzjoni (CEIOPS)[15]. Barra minn dan, twieġeb għal preokkupazzjonijiet ripetuti li tqajmu mill-Parlament Ewropew[16]. Il-passi proposti f'din il-White Paper ġew analizzati fid-dettall fil-valutazzjoni tal-impatt li qiegħda magħha.

Għanijiet

B'mod partikolari din il-White Paper tirrakomanda azzjoni biex:

Tiżgura protezzjoni komprensiva u ġusta għad-detenturi ta' polza u għall-benefiċjarji

Il-garanzija li d-detenturi ta' polza u l-benefiċjarji jkunu koperti b'mod xieraq jekk il-kumpanija tal-assigurazzjoni tfalli, hija għan ewlieni għall-futur tal-qafas tal-UE dwar is-SGA. Hija wkoll marbuta mill-qrib mal-għan li tingħata garanzija għal trattament ugwali lid-detenturi ta' polza u lill-benefiċjarji kollha irrispettivament mill-Istat Membru li fih huma residenti jew jekk dawn jakkwistawx il-poloz tagħhom minn assiguraturi lokali jew entranti tal-UE.

Tevita distorsjonijiet tal-kompetizzjoni

Qafas ta' ħidma armonizzat dwar il-protezzjoni tas-SGA fil-livell tal-UE għandu wkoll l-għan li joħloq kundizzjonijiet ekwi bejn il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u li jiżgura li l-kumpaniji lokali u assiguraturi entranti fl-UE li huma ħielsa li fl-operat tagħhom jipprovdu s-servizzi, jew li jipprovdu assigurazzjoni permezz ta' fergħat, jistgħu jikkompetu b'mod ugwali.

Tnaqqas l-inċentivi avversi

Qafas ta' ħidma armonizzat dwar is-SGA għandu jipprevjeni li l-kontribwenti jġarrbu fl-aħħarnett l-ispejjeż ta' mmaniġjar ħażin tal-kumpanija tal-assigurazzjoni. Tagħmel dan billi tintroduċi qafas ta' ħidma legali li hu ffinanzjat mill-impriżi nfushom u li ma jagħtix inċentivi lit-teħid eċċessiv tar-riskju (periklu morali). Dan l-għan jinkludi miżuri xierqa sabiex jiżguraw li l-fondi involuti jintużaw b'mod esklussiv għall-skopijiet definiti tas-SGA. Fil-kuntest tal-protezzjoni tas-SGA, hemm ftit evidenza li l-introduzzjoni tal-iskemi ta' protezzjoni tfixkel l-operazzjonijiet tas-suq billi tipprovdi l-inċentiv il-ħażin. Barra minn dan, il-preokkupazzjonijiet dwar il-periklu morali jonqsu permezz ta' mekkaniżmi ta' protezzjoni oħrajn, bħar-reġim modern ta' solvenza u l-azzjoni tas-superviżuri prudenzjali.

Tiżgura l-kosteffiċjenza

Huwa importanti li s-SGA tkun kosteffiċjenti. Dan ifisser, b'mod partikolari, li l-azzjoni tal-UE għas-SGA għandu jkollha l-bilanċ ġust bejn il-benefiċċji għad-detenturi ta' polza u l-kosti tal-protezzjoni offruta. Fl-aħħar mill-aħħar, SGA li ma tkunx kosteffiċjenti se twassal għall-spejjeż ogħla għad-detenturi ta' polza. F'dak il-kuntest jinħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lil aspetti tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT); għandu jiġi evitat li l-kosteffiċjenza tas-SGA tiġi affettwata ħażin b'ammont għoli ta' VAT li jibqa jew b'immaniġjar obbligatorju tal-proċeduri tat-taxxa amministrattiva li mhumiex proporzjonali mall-ambitu tal-attivitajiet tas-SGA.

Ittejjeb il-kunfidenza fis-suq u l-istabbiltà tiegħu

L-azzjoni tal-UE għas-SGA għandha wkoll l-għan li ttejjeb il-kunfidenza tas-suq u li tkompli tmexxi 'l quddiem l-istabbiltà tas-suq intern tal-assigurazzjoni tal-UE.

ELEMENTI TAL-APPROċċ PROPOST

In-natura tal-azzjoni possibbli tal-UE

L-istrumenti tal-'liġi mhux vinkolanti' tal-UE bħal rakomandazzjonijiet, komunikazzjonijiet, linji gwida jew kodiċi ta' kondotta jistgħu jinfluwenzaw il-prassi tal-Istati Membri fit-tul. Madankollu, huwa ftit probabbli li jikkoreġu b'mod sħiħ in-nuqqasijiet tal-preżent. Minħabba li strumenti tali mhumiex legalment vinkolanti, l-Istati Membri jintalbu jaġixxu fuq bażi volontarja biss – u n-nuqqasijiet li hemm fix-xenarju tas-SGA attwalment frammentat fl-UE huma wisq sinifikanti biex jistennew il-konverġenza tal-approċċi nazzjonali maż-żmien. Għalhekk, huwa neċessarju li tiġi adottata miżura legali b'saħħa legali vinkolanti.

L-aħjar strument legali għall-introduzzjoni ta' rekwiżit vinkolanti huwa direttiva. Skont l-Artikolu 288 tat-TFUE, direttiva għandha applikazzjoni individwali, li tfisser li hi vinkolanti għal dawk l-Istati Membri li lilhom tkun indirizzata. Tirrikjedi li l-Istati Membri jilħqu ċertu riżultat iżda, bil-kontra ta' regolament, tħallihom ħielsa li jagħzlu l-forom u l-metodi tagħhom. Dan jista' jkun utli minħabba l-kumplessità tal-kwistjoni tas-SGA, li nqalgħet mid-differenzi fit-tfassil u fl-ambitu ta' diversi skemi nazzjonali.

Il-Kummissjoni tipproponi li jkun stabbilit, fuq livell tal-UE, qafas ta' ħidma koerenti u legalment vinkolanti dwar il-protezzjoni tas-SGA, applikabbli għad-detenturi ta' polza u għall-benefiċjarji kollha, permezz ta' direttiva hekk kif definita fl-Artikolu 288 tat-TFUE. |

Livell ta' ċentralizzazzjoni u rwol tas-SGA

Il-ħolqien ta' SGA f'kull Stat Membru huwa konsistenti mal-qafas superviżorju mikroprudenzjali nazzjonali eżistenti u għalhekk jgħin sabiex jipprevjeni l-periklu morali regolatorju. Tista' wkoll tiġi introdotta faċiltà ta' self reċiproku bħala mezz ta' appoġġ reċiproku bejn is-SGA nazzjonali. Sistema tali tkun teħtieġ li kull skema nazzjonali tagħti l-appoġġ finanzjarju tagħha lis-SGA fi Stat Membru ieħor u li hi nieqsa minn biżżejjed fondi sabiex tilħaq il-pretensjonijiet tagħha. Sabiex tiżgura li l-kosti potenzjali għas-SGA kontribwenti huma trasparenti u jistgħu jiġu previsti, jinħtieġ isir ftehim dwar il-mekkaniżmu tal-ġbir ta' fondi, li jiddikjara b'mod ċar kemm kull SGA għandu jikkontribwixxi u taħt liema ċirkustanzi għandu jagħmel dan. Fl-aħħar nett, tista' tinstab soluzzjoni għall-maġġoranza tal-problemi li joħorġu mill-eżistenza ta' oqfsa legali nazzjonali differenti permezz tat-twaqqif ta' SGA unika għall-UE kollha li tkopri poloz tal-ħajja u mhux tal-ħajja kontabilizzati u mixtrija fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, jidher li fil-preżent mhemmx biżżejjed appoġġ politiku għal din l-idea. Tista' tiġi kkunsidrata aktar tard.

Bħala mekkaniżmu ta' protezzjoni tal-aħħar għażla, SGA tista' ttejjeb il-kunfidenza fis-settur finanzjarju, u għalhekk ikollha impatt pożittiv fuq il-bqija tal-ekonomija. SGA li jkollha rwol akbar fil-prevenzjoni ta' insolvenzi tal-assigurazzjoni tkun tista' tiggwida lill-assiguratur fl-inkwiet biex joħroġ mid-diffikultajiet finanzjarji tiegħu, u b'hekk tippermettilu li jibqa' fin-negozju. Hekk kif stabbilit fi 2.1.7, hemm sensiela ta' mekkaniżmi li jipprevjenu l-insolvenzi tal-assigurazzjoni u l-evidenza tissuġġerixxi li dawn, b'mod ġenerali, kienu effikaċi. Għalhekk SGA tista' tintervjeni fejn mekkaniżmi oħra ta' protezzjoni ifallu sabiex tipprevjeni jew tnaqqas l-impatt fuq il-kollass tal-assiguratur.

Il-Kummissjoni hija favur it-twaqqif ta' SGA bħala mekkaniżmu tal-aħħar għażla f'kull Stat Membru. |

Ambitu ġeografiku

L-armonizzazzjoni tal-ambitu ġeografiku tal-protezzjoni tas-SGA hija kruċjali sabiex tiżgura protezzjoni komprensiva għad-detentur ta' polza f'kuntest transkonfinali. SGA li huma bbażati fuq il-'prinċipju pajjiż tad-domiċilju' ma jkoprux biss il-poloz maħruġa mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni lokali iżda wkoll dawk mibjugħa minn fergħat tal-assiguraturi lokali stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-UE. Bil-kontra ta' dan, SGA ibbażati fuq il-'prinċipju pajjiż ospitanti' jkopru poloz maħruġa minn fergħat ta' assiguraturi entranti. Fil-prattika, xi reġimi nazzjonali tas-SGA jgħaqqdu flimkien elementi taż-żewġ prinċipji.

Il-vantaġġ prinċipali tal-prinċipju pajjiż tad-domiċilju huwa l-konsistenza tiegħu mal-'prinċipju kontroll tal-pajjiż tad-domiċilju' li jagħmilha aktar faċli li wieħed jikkontrolla każijiet ta' fallimenti tal-assigurazzjoni. Is-sorveljanti tal-pajjiż tad-domiċilju huma responsabbli għar-regolamentazzjoni prudenzjali, li tinkludi r-rekwiżiti ta solvenza, u wkoll għat-tnedija tal-proċess tal-istralċ. Barra minn dan, il-prinċipju pajjiż tad-domiċilju huwa wkoll konformi mal-iskema tal-garanzija tad-depożitu fis-settur bankarju u mal-iskema ta' protezzjoni tal-investituri fis-settur tat-titoli.

Struttura bbażata fuq il-prinċipju pajjiż ospitanti tiżgura li ma jkunx hemm protezzjoni tad-detentur ta' polza li ma tkunx l-istess għal kulħadd fl-Istati Membri, u għaldaqstant tipprevjeni wkoll distorsjonijiet possibbli fil-kompetizzjoni fost assiguraturi li joperaw fl-istess Stat Membru. Madankollu, l-adozzjoni ta' struttura tal-pajjiż ospitanti għandha żvantaġġi importanti. L-ewwelnett, din tirdoppja l-ispejjeż amministrattivi minħabba li tirrikjedi li assiguraturi b'negozju transkonfinali jipparteċipaw f'żewġ SGA jew aktar. It-tieninett, azzjoni fuq is-SGA tista' tkun diffiċli fil-prattika, hekk kif l-awtoritajiet li joperaw l-iskema ma jkunux dawk li jmexxu u jissorveljaw il-proċeduri tal-istralċ. It-tieletnett, jekk il-kopertura tkun armonizzata, l-istruttura tal-pajjiż ospitanti tista' toħloq protezzjoni tad-detentur tal-politika li ma tkunx ugwali għal kulħadd bejn l-Istati Membri differenti.

Il-Kummissjoni hija favur l-armonizzazzjoni tal-ambitu ġeografiku tas-SGA abbażi tal-prinċipju 'pajjiż tad-domiċilju'. |

Poloz koperti

Il-kollass ta' assiguratur tal-ħajja jista' jirriżulta fi tbatija finanzjarja konsiderevoli għad-detenturi ta' polza, speċjalment għal nies li xtraw poloz tal-ħajja sabiex iħejju għal meta jirtiraw. Anke jekk id-detenturi ta' polza jkunu jistgħu jirkupraw parti mill-flus imġemmgħin tagħhom, jista' jkun li ma jsibux kopertura simili minħabba li s-sitwazzjoni personali tagħhom, li fuqha jiġu kkalkulati l-primjums, tkun inbidlet (eż. f'termini ta' età u saħħa). Minħabba impenji fit-tul inerenti għall-prodotti tal-assigurazzjoni tal-ħajja, id-detenturi ta' polza ġeneralment ma jkunux jistgħu jipprevedu kemm il-kumpanija tal-assigurazzjoni se tkun finanzjarjament b'saħħitha meta timmatura l-polza.

Għall-iskop ta' din il-White Paper, il-poloz tal-assigurazzjoni tal-ħajja jinkludu prodotti tradizzjonali tal-protezzjoni kontra r-riskju flimkien ma' prodotti tat-tfaddil u investiment (eż poloz tal-assigurazzjoni marbuta mal-unitajiet).

Jekk assiguratur mhux tal-ħajja jfalli, it-telf medju għad-detentur ta' polza huwa ġeneralment inqas u normalment limitat għall-primjums li jkunu tħallsu minn qabel. Il-kuntratti huma fuq terminu qasir ta' żmien u l-maġġoranza tad-detenturi ta' polza jistgħu faċilment jixtru kopertura ta' sostituzzjoni minn kumpanija oħra. Madankollu, dawk id-detenturi ta' polza u l-benefiċjarji bi pretensjonijiet li għadhom iridu jitħallsu fiż-żmien tal-insolvenza jistgħu jġibu aktar telf sinifikattiv, li jista' jaqbeż dak ta' prodott tipiku tal-assigurazzjoni tal-ħajja. Jista' jkun hemm argumenti tajbin għal-limitazzjoni tal-protezzjoni li tagħti s-SGA lil ċertu tipi speċifiċi ta' poloz mhux tal-ħajja; madankollu, għal raġunijiet ta' prattikabilità u ġustizzja, tista' tkun diffiċli li taqsam il-kopertura tas-SGA f'wisq sottoreġimi.

Il-Kummissjoni hija favur li s-SGA ikopru kemm il-poloz tal-ħajja kemm dawk li mhumiex. |

Atturi eliġibbli

Il-kopertura tal-persuni fiżiċi u legali kollha tista' tkun spiża eċċessiva. Sabiex jonqos dan il-piż finanzjarju, l-eliġibbiltà għandha forsi tkun ristretta għal dawk ir-rikorrenti li jissodisfaw ċerta kriterja, bħal eżempju mikro impriżi u dawk żgħar. Id-definizzjoni ta' dawn il-kriterji titlob attenzjoni partikolari.

Il-Kummissjoni hija favur li s-SGA tkopri l-persuni fiżiċi u l-persuni ġuridiċi magħżula. |

Il-finanzjament

Biex SGA taħdem b'mod effikaċi, mekkaniżmi xierqa għall-ġbir tal-fondi huwa kruċjali. L-istruttura tal-finanzjament mhux biss tiddetermina l-livell ta' protezzjoni iżda jista' jkollha wkoll implikazzjonijiet fuq il-kost għall-industrija, hekk kif wieħed għandu jżomm f'moħħu li l-imposti fuq l-assiguraturi probabilment isarrfu fi spejjeż għad-detenturi tal-poloz. Għalhekk jinħtieġ li l-punti li ġejjin ikunu kkunsidrati sew:

Għażla ta’ żmien għall-iffinanzjar

Fi skema ffinanzjata ex ante , il-fondi jinġabru b'antiċipazzjoni għall-fallimenti possibbli u r-riżorsi jiġu trasferiti lejn is-SGA u ġestiti minnha, permezz ta' sistema ta' imposti fuq l-industrija. Il-vantaġġ prinċipali għalhekk huwa dak li l-fondi jkunu disponibbli b'mod immedjat biex jagħtu kumpens lill-atturi f'każ ta' falliment. Barra minn dan, il-finanzjament ex ante huwa anqas suġġett għal problemi ta' periklu morali, minħabba li l-assiguraturi li jsiru insolventi jkunu diġà taw il-kontribut tagħhom lis-SGA. Barra minn hekk, il-finanzjament ex ante huwa iktar probabbli li jevita l-effetti ta' proċikliċità assoċjata mal-iskemi ffinanzjati ex post . Din il-karatteristika pożittiva tista' tissaħħaħ bl-introduzzjoni ta' imposti ex ante li jitkejlu skont ir-riskju ta' falliment tal-kumpanija kontributorja (ara it-Taqsima 4.6.3).

Huwa ċar illi, hemm it-tendenza li l-kosti għat-twaqqif u dawk operazzjonali jkunu ogħla mill-finanzjament ex post, hekk kif wieħed għandu jżomm f'moħħu li s-SGA ffinanzjata ex ante ikollha tuża investiment professjonali għall-immaniġjar tal-fond u biex tiddefinixxi u timplimenta strateġija ta' investiment li tilħaq bilanċ xieraq bejn ir-riskju u r-redditu. Barra minn dan, dejjem hemm il-possibilità li l-fondi miġbura ma jkunux biżżejjed fil-każ ta' falliment kbir tal-assigurazzjoni.

Fl-iskemi ffinanzjati ex post l-imposti ma jitilgħux sakemm assiguratur ifalli u l-ispejjeż jitilgħu għas-SGA. Għalhekk hemm it-tendenza li l-kosti tat-twaqqif u dawk operazzjonali jkunu limitati u li l-fondi jistgħu jkunu magħmula apposta għall-kosti fattwali tal-inadempjenza. Argumenti dwar il-ġustizzja u l-proporzjonalità jistgħu jkunu favur sistema ex post. Madankollu, hemm it-tendenza li l-finanzjament ex post ikun aktar suġġett għall-periklu morali, hekk kif istituzzjonijiet li fallew qatt ma jikkontribwixxu għas-SGA. Barra minn hekk, tista' tfixkel il-ħlas fil-pront lid-detenturi ta' polza. L-iskemi ffinanzjati ex post jistgħu wkoll iżidu l-proċikliċità, hekk kif l-assiguraturi huma aktar probabbli li jfallu meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu diffiċli.

Livell ta' mira

Jista' jiġi eliminat tħassib dwar id-daqs li hu potenzjalment illimitat tal-kontribuzzjoni għas-SGA permezz tal-introduzzjoni ta' limiti jew dawk prevalenti fuq il-kontribuzzjonijiet annwali għal skema. Fil-prattika, dawn il-limiti jistgħu jiġu espressi bħala perċentwali tal-primjums tal-membri kontributorji jew ir-riservi (il-'livell ta' mira'), suġġett għall-perjodu ta' transizzjoni xieraq.

Sabiex il-persunal tal-Kummissjoni jagħżel livell xieraq ta' protezzjoni, dan ivvaluta bosta għażliet, inkluż il-livell ta' kopertura tas-SGA eżistenti. Fl-ewwel fażi waslu f'livell ta' mira ta' 1.2% tal-primjums grossi kontabilizzati. Jekk dan il-livell ta' mira jiġi applikat fuq, pereżempju, perjodu ta’ 10 snin, dan jittraduċi ruħu f’kontribuzzjoni annwali ta’ 0.12 % tal-primjums grossi kontabilizzati minn kull membru kontributur tal-iskema[17].

Biex jitnaqqas ir-riskju ta' nuqqas ta' fondi f'każ li jfalli assiguratur kbir, jistgħu jiġu kkunsidrati arranġamenti ta' fondi ex post jew sorsi oħra ta' ffinanzjar bħal faċiltajiet ta' kreditu estern jew riassigurazzjoni.

Kontribuzzjonijiet

Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont totali ta' fondi li għandhom jinġabru mill-kontributuri lis-SGA, jinħtieġ mekkaniżmu ta' allokazzjoni. Fil-prattika, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni jikkontribwixxu għas-SGA eżistenti fl-UE skont id-daqs tan-negozji tagħhom. Dan jevita distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn assiguraturi żgħar u dawk kbar u dawk li huma ġodda fis-suq. B'mod ġenerali, jintużaw tliet fatturi: (i) id-daqs tal-primjum (gross jew nett), (ii) id-daqs tal-provvedimenti tekniċi jew riservi, u (iii) in-numru ta' poloz. Il-fatturi differenti għandhom effetti differenti fuq id-daqs tal-kontribuzzjoni li għandha titħallas mill-kumpaniji individwali.

Il-peżar tar-riskju jfisser il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet skont ir-riskji tal-assiguratur jew il-kostijiet mistennija tiegħu għall-iskema. Il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju huma kkalkulati bl-użu ta' bosta indikaturi li jirriflettu l-profil tar-riskju tal-assiguratur. L-indikaturi proposti jkopru l-klassijiet ewlenin tar-riskju użati għall-valutazzjoni tas-saħħa finanzjarja tal-assiguratur, eż. il-portafoll tar-riskji tal-assigurazzjoni, is-solvenza u l-kwalità tal-assi. Id-dejta meħtieġa biex jinħadmu dawn l-indikaturi hija disponibbli skont obbligi ta' rapport eżistenti.

Jistgħu jiġu introdotti wkoll limiti ta' kumpens u tnaqqis ieħor tal-benefiċċji . Dan ifisser li s-SGA tkun teħtieġ atturi li jsofru parti minn kwalunkwe telf, sabiex tnaqqas il-ħtiġijiet ta' fondi għall-iskema u jiġi evitat periklu morali fuq uħud mid-detenturi ta' polza. Metodi jinkludu limiti jew limiti fuq il-kumpens, tnaqqis fil-perċentwali tal-pretensjonijiet jew deduzzjonijiet u livelli minimi fuq l-ammont iddikkjarat. Kwalunkwe armonizzazzjoni fil-livell tal-UE jkollha ssib il-bilanċ xieraq bejn li jiżgura kopertura minima ugwali għad-detenturi kollha tal-polza fl-Istati Membri kollha u li tevita intervent bla bżonn fil-kompetenzi nazzjonali fuq il-limiti ta' kumpens u tnaqqis ieħor fil-benefiċċji.

Il-Kummissjoni hija favur li s-SGA għandha tkun iffinanzjata abbażi tal-kontribuzzjonijiet tal-assiguraturi ex ante, li possibilment huma kumplimentati b'arranġamenti ta' finanzjament ex post f'każ li hemm nuqqas ta' fondi, li għandhom jiġu kkalkulati skont il-profil tar-riskju individwali tal-kontributuri. Għandu jiġi stabbilit livell ta' mira xieraq għall-iffinanzjar, b'perjodu ta' transizzjoni adattat. Il-Kummissjoni hija lesta tikkunsidra limiti ta' kumpens armonizzati u tnaqqis ieħor fil-benefiċċji, jekk tiġi ggarantita kopertura xierqa ta' detenturi tal-poloz u benefiċjarji għall-klassijiet rilevanti kollha tal-assigurazzjoni u fl-Istati Membri kollha. |

Trasferiment ta' portafoll u/jew kumpens tal-pretensjonijiet

SGA tista' taġixxi b'żewġ modi jekk assiguratur isir insolventi. Tista' tiżgura l-kontinwità tal-poloz tal-assigurazzjoni, billi tgħaddihom lill-assiguratur insolventi jew billi teħodhom direttament (trasferiment tal-portafoll). Dan jista' japplika b'mod partikolari għall-prodotti tal-assigurazzjoni tal-ħajja, li minħabba li huma jkunu fuq żmien twil, huwa diffiċli li jiġu sostitwiti taħt l-istess kundizzjonijiet. B'mod alternattiv, SGA tista' tagħti kumpens lid-detenturi ta' polza jew lill-benefiċjarji għat-telf tagħhom (kumpens tal-pretensjonijiet).

Il-Kummissjoni tħeġġeġ ħafna t-trasferiment ta’ portafoll fejn ikun prattikabbli b’mod raġonevoli li jsir dan u ġustifikabbli f’termini ta’ kosti u benefiċċji. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, il-konsumaturi għandhom ikunu protetti fil-każ li jkun hemm falliment tal-assigurazzjoni. Meta jintużaw il-mezzi l-oħra kollha, is-SGA għandha mill-inqas u f'perjodu ta' żmien predefinit, tagħti kumpens lid-detenturi ta' polza u lill-benefiċjarji għat-telf tagħhom.

Il-Kummissjoni hija favur li s-SGA jkollha tal-inqas u f'perjodu ta' żmien predefinit tagħti kumpens lid-detenturi ta' polza u lill-benefiċjarji għat-telf meta assiguratur isir insolventi. |

IL-PASSI LI JMISS

Din il-White Paper tqajjem numru ta' kwistjonijiet relatati mal-introduzzjoni ta' soluzzjoni vinkolanti legalement għas-SGA. L-alternattivi ppreferuti tal-Kummissjoni huma stabbiliti b'mod ċar fil-kaxex fit-Taqsima 3 u 4. Il-Kummissjoni titlob lill-partijiet interessati kollha sabiex jipprovdu l-opinjonijiet tagħhom fuq dawn l-alternattivi.

Il-Kummissjoni sejra tevalwa r-reazzjonijiet li tirċievi bir-reqqa u sejra tqis dawn ir-reazzjonijiet meta tiġi biex tippreżenta l-proposta leġiżlattiva.

Kontribuzzjonijiet għal dan il-proċess ta' konsultazzjoni għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni fuq dan l-indirizz, MARKT-H2@ec.europa.eu, sat-30 ta' Novembru 2010.

- [1] Id-Direttiva 1994/19/KE emendata bid-Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 1994 dwar l-Iskemi ta' Garanzija tad-Depożitu, ĠU L135, 31.05.1994, pp 5-14; u d-Direttiva 1997/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-3 ta’ Marzu 1997 dwar l-Iskemi ta' Kumpens tal-Investituri – ĠU L 84, 26.03.1997, p. 22-38.

- [2] Għal aktar dettalji ara r-Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt, it-taqsima 2.2.

- [3] Ara http://ec.europa.eu/internal_market/finances/docs/de_larosiere_report_en.pdf. .

- [4] Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (riformulazzjoni) (minn issa 'l quddiem Solvenza II) , ĠU L 335, 17.12.2009 p. 1-155; ara b'mod partikolari l-Artikolu 141 tat-tieni sottoparagrafu.

- [5] Komunikazzjoni għall-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa, 'Nixprunaw l-irkupru Ewropew', COM(2009)114 finali tal-04.03.2009.

- [6] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabilixxi Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (COM(2009)0502-C7-0168/2009-2009/0143(COD)).

- [7] Fil-matematika finanzjarja u l-immaniġjar tar-riskju, il-Valur fir-Riskju (VAR) huwa l-aktar kejl kwantitattiv li jintuża b'mod komuni tar-riskju tat-telf fuq assi ta' portafoll speċifiku.

- [8] Għal analiżi aktar dettaljata ara t-taqsima 2.2 tal-valutazzjoni ta' impatt u b'mod partikolari t-tabella 22.

- [9] Għal analiżi aktar profonda tal-konsegwenzi possibbli għad-detenturi ta' polza u l-kontribwenti, ara t-taqsima 3.1 tal-valutazzjoni tal-impatt.

- [10] Għal analiżi aktar dettaljata dwar il-prinċipju tal-pajjiż tad-domiċiljupajjiż tad-domiċilju u dak tal-pajjiż ospitanti, ara t-taqsima 4.2.

- [11] Ara wkoll taqsima 2.1.2 ta' din il-White Paper.

- [12] L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2001/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' impriżi tal-assigurazzjoni ĠU L110, 20.4.2001, p.28-39.

- [13] Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali, ĠU L 235, 23.09.2003, p. 10-21.

- [14] Għar-rapport ara http://ec.europa.eu/internal_market/insurance/docs/guarantee_schemes_en.pdf.

- [15] CEIOPS huwa l-Kumitat tas-Sorveljanti Ewropej tal-Assigurazzjonijiet u l-Pensjonijiet tax-Xogħol Ara http://www.ceiops.eu/media/files/publications/submissionstotheec/CEIOPS-DOC-18-09%20_Input_to_EC_work_on_IGS-approved_clean_.pdf.

- [16] Ara l-Artikolu 242 tad-Direttiva dwar is-Solvenza II. Ara wkoll ir-rakkomandazzjoni Nru 25 tal-Parlament Ewropew li ħarġet mill-Kumitat ta' Inkjesta dwar l-Equitable Life, li jitlob lill-Kummissjoni biex tipproċedi malajr bil-leġiżlazzjoni dwar l-IGS. http://www.europarl.europa.eu/comparl/tempcom/equi/default_en.htm.

- [17] Ara b'mod partikolari t-tabella 51 tar-rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt. Iċ-ċifri li joħorġu minn dan jirreferu għal-livelli identifikati tax-xenarju ta' kunfidenza PD=0.1%, 99%.

Top