EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0229

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar in-nefqa tal-FAEG Sistema ta’ twissija bikrija Nru 1-3/2010

/* KUMM/2010/0229 finali */

52010DC0229

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar in-nefqa tal-FAEG Sistema ta’ twissija bikrija Nru 1-3/2010 /* KUMM/2010/0229 finali */


[pic] | KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 12.5.2010

KUMM(2010) 229 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar in-nefqa tal-FAEG Sistema ta’ twissija bikrija Nru 1-3/2010

WERREJ

1. Il-proċedura tal-baġit għall-FAEG għall-2010 3

2. Dħul assenjat lill-FAEG 3

3. Dħul li ġej mill-ammonti temporanji għar-ristrutturar (is-settur taz-zokkor) 4

4. Kummenti dwar l-implimentazzjoni provviżorja tal-baġit tal-FAEG għall-2010 4

5. L-implimentazzjoni tad-dħul assenjat lill-FAEG 7

6. L-implimentazzjoni tad-dħul li ġej mill-ammonti temporanji għar-ristrutturar (is-settur taz-zokkor) 8

7. L-implimentazzjoni tal-Fond għar-Ristrutturar tas-Settur taz-Zokkor 8

8. Konklużjonijiet 8

ANNESS 1 ANNESS 2: | IL-PROċEDURA TAL-BAġIT GħALL-FAEG GħALL-2010 IL-KONSUM PROVVIżORJU TAL-APPROPRJAZZJONIJIET TAL-FAEG SAL-31 TA’ JANNAR 2010 |

1. IL-PROċEDURA TAL-BAġIT GħALL-FAEG GħALL-2010

Il-proċedura tal-baġit għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG) għall-2010 u l-ammonti korrispondenti tal-approprjazzjonijiet involuti f’kull stadju tal-proċedura qed jingħataw fil-qosor fit-tabella mogħtija fl-Anness 1.

Il-baġit tal-FAEG għall-2010 ġie adottat mill-Awtorità tal-Baġit fis-17 ta’ Diċembru 2009. Il-baġit jinkludi approprjazzjonijiet tal-impenn u approprjazzjonijiet tal-ħlas li jammontaw għal:

- EUR 43 417.4 miljun u EUR 43 633.1 miljun rispettivament għall-miżuri tas-suq agrikolu u għall-għajnuniet diretti (il-qasam tal-politika nru 05).

- EUR 371.9 miljun u EUR 253.7 miljun rispettivament għall-miżuri veterinarji u fitosanitarji (il-qasam tal-politika nru 17).

- EUR 30.5 miljun u EUR 31.0 miljun rispettivament għas-sajd (il-qasam tal-politika nru 11).

L-ammont totali tal-approprjazzjonijiet tal-impenn fil-baġit għall-FAEG kienu jammontaw għal EUR 43 819.8 miljun u l-approprjazzjonijiet totali tal-ħlas kienu jammontaw għal EUR 43 917.8 miljun. Id-differenza bejn l-approprjazzjonijiet tal-impenn u l-approprjazzjonijiet tal-ħlas tiġri minħabba l-fatt li, għal ċerti miżuri li huma implimentati direttament mill-Kummissjoni, jintużaw approprjazzjonijiet differenzjati. Dawn l-iskemi għandhom x’jaqsmu prinċipalment mal-promozzjoni tal-prodotti agrikoli, mal-istrateġija politika u l-miżuri ta’ koordinazzjoni għall-agrikoltura kif ukoll mas-sajd u mal-miżuri veterinarji u fitosanitarji.

2. DħUL ASSENJAT LILL-FAEG

Abbażi tar-regoli tal-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, id-dħul li joriġina mill-korrezzjonijiet finanzjarji taħt id-deċiżjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità, minn irregolaritajiet u mill-imposta fuq il-ħalib huwa allokat bħala dħul assenjat għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG. Skont dawn ir-regoli, id-dħul assenjat jista’ jintuża biex ikopri l-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG imġarrba mill-Istati Membri. F'każ fejn parti minn dan id-dħul ma tintużax, din il-parti tiġi ttrasferita awtomatikament għas-sena tal-baġit ta’ wara[1].

L-Ittra ta’ Emenda tal-Kummissjoni għall-2010 ppreżentat kemm l-aħħar stima li għamlet tal-ammont tal-approprjazzjonijiet li se jkunu meħtieġa għall-finanzjament tan-nefqa mistennija għall-miżuri tas-suq u għall-għajnuniet diretti kif ukoll l-istimi tad-dħul assenjat li huwa mistenni li jinġabar matul is-sena tal-baġit ikkonċernata u t-trasferiment tal-bilanċ tad-dħul assenjat li jifdal mill-baġit tas-sena ta’ qabel. Minħabba f’hekk, fil-proposta tagħha għal din l-Ittra ta’ Emenda dwar l-ammont tal-approprjazzjonijiet li għandhom jingħataw lill-FAEG, il-Kummissjoni qieset id-dħul assenjat totali li hu mistenni li jkun disponibbli fis-sena tal-baġit li jmiss billi talbet livell ta’ approprjazzjonijiet ikkalkulat billi jitnaqqas id-dħul assenjat stmat min-nefqa stmata tagħha għall-FAEG għall-istess sena. L-Awtorità tal-Baġit imbagħad adottat il-baġit il-ġdid tal-FAEG, li l-approprjazzjonijiet tiegħu ma kinux jinkludu d-dħul assenjat mistenni.

Meta tfasslet l-Ittra ta’ Emenda tal-2010, l-istimi tal-Kummissjoni għad-dħul disponibbli assenjat kienu jammontaw għal EUR 922.0 miljun. B’mod speċifiku:

- Ġie stmat li d-dħul assenjat li mistenni jiġi ġġenerat matul is-sena tal-baġit tal-2010 se jkun ta’ EUR 789.0 miljun. Kien mistenni li l-korrezzjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità u l-irregolaritajiet iħallu dħul li jammonta għal EUR 600.0 miljun u EUR 91.0 miljun rispettivament. Ġie stmat li d-dħul mill-imposta fuq il-ħalib se jkun ta’ EUR 98.0 miljun.

- Ġie stmat li d-dħul assenjat li mistenni jiġi ttrasferit mis-sena tal-baġit tal-2009 għall-2010 se jammonta għal EUR 133.0 miljun.

Fl-Ittra ta’ Emenda tagħha tal-2010, il-Kummissjoni assenjat dan id-dħul ta’ EUR 922.0 miljun għal żewġ skemi. B’mod speċifiku:

- EUR 222.0 miljun ġew assenjati għall-fondi operattivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix, u

- EUR 700.0 miljun ġew assenjati għall-iskema ta’ pagament uniku.

Għal dawn iż-żewġ skemi, l-Awtorità tal-Baġit eventwalment ivvutat favur approprjazzjonijiet li jammontaw għal EUR 547.0 miljun u EUR 28 480.0 miljun rispettivament skont l-Ittra ta’ Emenda tal-Kummissjoni. Is-somma tal-approprjazzjonijiet ivvutati u d-dħul assenjat imsemmi hawn fuq jikkorrispondu għal stima totali tal-approprjazzjonijiet meħtieġa ta’ EUR 769.0 miljun għall-fondi operattivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix u ta’ EUR 29 180.0 miljun għall-iskema ta’ pagament uniku.

Fl-Anness 2 li jagħti l-eżekuzzjoni provviżorja tal-baġit tal-2010 għall-perjodu sal-31 ta’ Jannar 2010, l-approprjazzjonijiet ivvutati għaż-żewġ skemi msemmija qabel huma inklużi fl-approprjazzjonijiet oriġinali tal-baġit għas-settur tal-frott u l-ħaxix u għas-settur tal-għajnuniet diretti diżakkoppjati, li jammontaw għal EUR 720.1 miljun u EUR 33 272.0 miljun rispettivament, mingħajr ma jitqies id-dħul assenjat imsemmi qabel. Wara li jiġi inkluż id-dħul assenjat lil dawn is-setturi, l-approprjazzjonijiet totali previsti fil-baġit tal-2010 jammontaw għal EUR 942.1 miljun għall-frott u l-ħaxix u għal EUR 33 972.0 miljun għall-għajnuniet diretti diżakkoppjati.

3. DħUL LI ġEJ MILL-AMMONTI TEMPORANJI GħAR-RISTRUTTURAR (IS-SETTUR TAZ-ZOKKOR)

L-ammonti temporanji għar-ristrutturar fis-settur taz-zokkor jitqiesu bħala dħul assenjat maħsub biex jiffinanzja l-għajnuna għar-ristrutturar tas-settur taz-zokkor u l-għajnuniet l-oħra previsti fil-Fond għar-Ristrutturar tas-Settur taz-Zokkor. Għal kull sena tas-suq, mill-2006/07 sal-2008/09, dawn l-ammonti għandhom x’jaqsmu mal-kwoti kwantitattivi taz-zokkor, tax-xropp tal-inulina u tal-isoglukożju li għandhom l-operaturi f’kull Stat Membru, u dawn għandhom jitħallsu mill-Istati Membri lill-Fond f’żewġ pagamenti, li l-iskadenzi tagħhom huma l-31 ta’ Marzu u t-30 ta’ Novembru ta' kull sena rispettivament. Meta tfassal il-baġit tal-2010, dan id-dħul kien stmat li kien jammonta għal EUR 606.8 miljun għas-sena tal-baġit li jmiss. Fl-istess ħin, kien mistenni li jiġi ttrasferit ammont ta’ EUR 717.9 miljun mis-sena tal-baġit tal-2009 għall-2010.

4. KUMMENTI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI PROVVIżORJA TAL-BAġIT TAL-FAEG GħALL-2010

Għall-perjodu bejn is-16 ta’ Ottubru 2009 u l-31 ta’ Jannar 2010, il-livell tal-implimentazzjoni provviżorja tal-baġit, imqabbel mal-profil tan-nefqa bbażat fuq l-indikatur, li ġie stabbilit abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, hu mogħti fl-Anness 2. Hawnhekk qed jingħata kummentarju qasir għal ċerti artikoli tal-baġit li juru, jew li, matul is-sena, se juru d-diverġenzi l-aktar sinifikanti bejn il-livell tal-implimentazzjoni attwali u dak mistenni għall-baġit tal-2010.

4.1. Il-miżuri tas-suq

L-użu tal-approprjazzjonijiet għall-interventi fis-swieq agrikoli kien inqas mil-livell tal-approprjazzjonijiet ivvutati mill-baġit, kif ikkalkulat mil-livell tal-indikatur fil-31 ta’ Jannar 2010, b’ammont ta’ - EUR 74.9 miljun. Din id-diverġenza mhix sinifikanti. Hija ġejja b’mod ewlieni mill-programmi tal-ikel u mis-setturi tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib li dan il-ħin mhumiex qed jiġu implimentati biżżejjed. Fl-istess ħin, setturi oħrajn, bħalma huma dawk taz-zokkor, tal-frott u l-ħaxix, tal-inbid u tal-prodotti / tal-miżuri l-oħrajn tal-pjanti qed jiġu implimentati żżejjed.

4.1.1. Il-programmi tal-ikel (- EUR 35.0 miljun)

L-użu iktar bil-mod tal-approprjazzjonijiet meta mqabbel mal-livell tal-indikatur dan il-ħin huwa minħabba d-dewmien fl-approvazzjoni tal-pjan tal-2010 għat-tqassim tal-ikel min-naħa tal-Kummissjoni. Abbażi tar-ritmu tal-implimentazzjoni tas-sena l-oħra, il-Kummissjoni tqis li dan ir-ritmu tal-implimentazzjoni huwa temporanju u li dan se jieħu spinta hekk kif tkompli għaddejja s-sena tal-baġit.

4.1.2. Iz-zokkor (+ EUR 6.2 miljun)

Il-miżuri ewlenin iffinanzjati mill-baġit ta’ din is-sena huma l-ħlas taċ-ċertifikati tar-rifużjoni tal-esportazzjoni taz-zokkor li għad fadal, li huwa stmat li ħa jkun ta’ EUR 12.0-il miljun, u n-nefqa fuq il-ħruġ tal-kwantità taz-zokkor fil-ħażna pubblika li għandu jitqassam lil dawk il-persuni li huma l-iktar fil-bżonn skont il-pjan tal-2010 għat-tqassim tal-ikel, li hija stmata li ħa tkun ta’ – EUR 11.0-il miljun. Jekk wieħed iżid il-ħlas tal-bilanċ li għad fadal jitħallas għall-iskemi l-oħra tas-settur taz-zokkor, li huwa stmat li ħa jkun ta’ EUR 0.5 miljun, l-ammont aħħari tal-baġit għas-settur taz-zokkor ikun jammonta għal EUR 1.5 miljun. Madanakollu, dan il-ħin, il-ħlasijiet tal-FAEG għal dan is-settur għandhom x’jaqsmu b’mod ewlieni mal-ħlasijiet taċ-ċertifikati tar-rifużjoni tal-esportazzjoni li għad fadal, li jammontaw għal EUR 6.7 miljun. Il-ħruġ taz-zokkor mill-ħażna pubblika għadu ma seħħx. Għalhekk, il-ħlasijiet li saru diġà f’dan is-settur juru qabża kbira fl-implimentazzjoni żejda meta mqabbla mal-livell tal-indikatur dan il-ħin. Madanakollu, ta’ min jinnota li l-ammonti assoluti involuti fir-ritmu tal-implimentazzjoni ta’ bħalissa f’dan is-settur mhumiex sinifikanti.

4.1.3. Il-frott u l-ħaxix (+ EUR 14.0-il miljun meta mqabbel mal-approprjazzjonijiet ivvutati)

Dan il-livell tal-implimentazzjoni ġej mill-ħlasijiet magħmulin mill-Istati Membri għall-fondi operattivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, li huma ffinanzjati kemm mill-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit u kif ukoll mid-dħul assenjat għal din l-iskema fil-baġit tal-2010 (NB: għal iktar dettalji jekk jogħġbok ara l-punt 2 t’hawn fuq). Dan il-livell tal-implimentazzjoni ġej mill-fatt li l-indikatur għall-perjodu sal-31 ta’ Jannar 2010 ġie applikat għall-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit li ma jinkludux id-dħul assenjat għal dan is-settur.

Dan il-ħin, il-Kummissjoni tqis li l-approprjazzjonijiet kollha tal-kreditu disponibbli għal dan is-settur se jkunu biżżejjed biex ikopru n-nefqa li l-Istati Membri huma mistennija jġarrbu fl-2010.

NB: għall-benefiċċju tal-qarrej, il-Kummissjoni daħħlet in-nota f'qiegħ il-paġna mmarkata bis-sinjal * fit-tabella tal-eżekuzzjoni provviżorja mogħtija fl-Anness 2. Din in-nota turi x’kienet tkun is-sitwazzjoni li kieku fil-31 ta’ Jannar 2010, l-indikatur kien applikat għall-approprjazzjonijiet totali li huma mistennija li jkunu disponibbli sabiex jiġi ffinanzjat dan is-settur. Hekk kif intqal fil-punt 2 t’hawn fuq, il-fondi totali li mistennija li jkun hemm għal dan is-settur huma magħmulin mill-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit, li jammontaw għal EUR 720.1 miljun, u mid-dħul assenjat għal dan is-settur, li huwa stmat li jammonta għal EUR 222.0 miljun. Għalhekk, li kieku l-indikatur kien applikat għall-fondi totali ta’ EUR 942.1 miljun li mistennija li jkun hemm għal dan is-settur, kien ikun hemm nuqqas ta’ eżekuzzjoni li jammonta għal – EUR 36.4 miljun.

4.1.4. Il-prodotti tas-settur tal-inbid (+ EUR 32.4 miljun)

Meta mqabbel mal-livell tal-approprjazzjonijiet tal-baġit muri mill-indikatur fil-31 ta’ Jannar 2010, dan ir-ritmu ta’ eżekuzzjoni ogħla mill-approprjazzjonijiet tal-baġit ġej miż-żieda fir-ritmu tal-ħlasijiet mill-Istati Membri, l-iktar għall-iskema tal-qlugħ tad-dwieli. Ġiet innutata żieda fil-ħlasijiet magħmulin mill-Istati Membri wkoll għall-programmi nazzjonali ta’ appoġġ, iżda din iż-żieda kellha ritmu iktar bil-mod.

4.1.5. Il-prodotti / il-miżuri l-oħrajn tal-pjanti (+ EUR 26.7 miljun)

Meta mqabbel mal-livell tal-approprjazzjonijiet tal-baġit muri mill-indikatur fil-31 ta’ Jannar 2010, dan ir-ritmu ta’ eżekuzzjoni ogħla mill-approprjazzjonijiet tal-baġit ġej miż-żieda fir-ritmu tal-ħlasijiet mill-Istati Membri, l-iktar għall-programmi tal-POSEI.

4.1.6. Il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (- EUR 73.1 miljun)

Il-qagħda fis-swieq tal-ħalib tjiebet ferm meta mqabbla ma’ dik li kien hemm meta kienet qed titfassal l-Ittra ta’ Emenda għas-sena tal-baġit tal-2010. Minħabba f’hekk, il-Kummissjoni ma komplietx tħallas ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-prodotti tal-ħalib. Barra minn hekk, il-prezzijiet fis-swieq tal-UE żdiedu b’mod sostanzjali, u b’hekk waqqfu d-dħul fil-ħażna pubblika tat-trab tal-ħalib xkumat u tal-butir, hekk li l-kwantità maħżuna taż-żewġ prodotti ġiet stabbli. L-użu iktar bil-mod tal-approprjazzjonijiet meta mqabbel mal-livell tal-indikatur dan il-ħin huwa minħabba n-nefqa inqas li qed tiġġarrab dan il-ħin u li hi mistennija li tiġġarrab tul din is-sena minħabba l-fatturi msemmija hawn fuq.

4.2. L-għajnuniet diretti

L-użu tal-approprjazzjonijiet għall-għajnuniet diretti kien inqas mil-livell muri mill-indikatur fil-31 ta’ Jannar 2010 b’ammont ta’ - EUR 90.4 miljun.

4.2.1. L-għajnuniet diretti diżakkoppjati (- EUR 61.7 miljun meta mqabbla mal-approprjazzjonijiet ivvutati)

Dan il-livell tal-implimentazzjoni ġej mill-ħlasijiet magħmulin mill-Istati Membri għall-iskema ta’ pagament uniku, li hija ffinanzjata kemm mill-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit u kif ukoll mid-dħul assenjat għal din l-iskema fil-baġit tal-2010 (NB: għal iktar dettalji jekk jogħġbok ara l-punt 2 t’hawn fuq). Filwaqt li ħafna mill-Istati Membri diġà ħallsu l-biċċa l-kbira mill-ħlasijiet tagħhom għal din l-iskema, il-Greċja għadha ma ħallset xejn minħaba li trid twettaq il-kontrolli meħtieġa qabel ma tagħmel dawn il-ħlasijiet. Il-livell ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni osservat huwa minimu minħabba li dan ġej mill-fatt li għall-perjodu sal-31 ta’ Jannar 2010 ġie applikat l-indikatur għall-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit li ma jinkludux id-dħul assenjat għal dan is-settur.

NB: għall-benefiċċju tal-qarrej, il-Kummissjoni daħħlet in-nota f' qiegħ il-paġna mmarkata bis-sinjal * fit-tabella tal-eżekuzzjoni provviżorja mogħtija fl-Anness 2. Din in-nota turi x’kienet tkun is-sitwazzjoni li kieku fil-31 ta’ Jannar 2010, l-indikatur kien applikat għall-approprjazzjonijiet totali li huma mistennija li jkunu disponibbli sabiex jiġi ffinanzjat dan is-settur. Hekk kif intqal fil-punt 2 t’hawn fuq, il-fondi totali li mistennija li jkun hemm għal dan is-settur huma magħmulin mill-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit, li jammontaw għal EUR 33 272.0 miljun, u mid-dħul assenjat għal dan is-settur, li huwa stmat li jammonta għal EUR 700.0 miljun. Għalhekk, li kieku l-indikatur kien applikat għall-fondi totali ta’ EUR 33 972.0 miljun li mistennija jkunu disponibbli għal dan is-settur, kien ikun hemm nuqqas ta’ eżekuzzjoni li jammonta għal – EUR 676.4 miljun u dan kien ikun spjegat għal darb’oħra mill-fatt li l-Greċja s’issa għadha ma ħallsitx l-għajnuniet previsti għall-iskema ta’ pagament uniku.

4.2.2. Għajnuniet diretti oħrajn (- EUR 29.9 miljun)

Dan ir-ritmu ta’ eżekuzzjoni ġej primarjament mir-ritmu iktar bil-mod li bih qed isiru l-ħlasijiet mill-Istati Membri għal ċerti skemi (dawk tal-primjums għall-baqar u n-nagħaġ u l-mogħoż li jreddgħu, kif ukoll tal-primjums għall-qoton), meta mqabbel mal-livell muri mill-indikatur dan il-ħin. Dan il-ħin, din il-qagħda hija mistennija li tkun waħda temporanja.

4.3. Il-verifika tan-nefqa agrikola

4.3.1. L-approvazzjoni tal-kontijiet tas-snin ta’ qabel (+ EUR 57.6 miljun)

Il-livell tal-implimentazzjoni ta’ dan il-ħin ġej mit-tqabbil tal-approvazzjoni tal-korrezzjonijiet tal-kontijiet li diġà saru mal-livell tal-indikatur korrispondenti fil-31 ta’ Jannar 2010. Madanakollu, ta’ min jinnota li d-deċiżjonijiet tal-approvazzjoni tal-kontijiet mistennija matul din is-sena tal-baġit għadhom ma tteħdux kollha. Għalhekk, il-Kummissjoni dan il-ħin tqis li dan il-livell ta’ implimentazzjoni huwa wieħed temporanju.

Madanakollu, ta’ min jinnota li, filwaqt li l-Kummissjoni fl-Ittra ta’ Emenda tagħha għall-2010 pproponiet korrezzjonijiet li jammontaw għal – EUR 80.0 miljun, l-Awtorità tal-Baġit żammet ammont ta’ – EUR 310.0 miljun. Dan il-ħin, il-Kummissjoni tqis li l-korrezzjonijiet li mistennija jsiru abbażi tad-deċiżjonijiet tal-approvazzjoni tal-kontijiet tagħha mhux se jkunu biżżejjed biex ikopru dan l-ammont straordinarju impost mill-Awtorità tal-Baġit u li eventwalment dan se jwassal għal nuqqas ta’ approprjazzjonijiet negattivi tal-baġit, li l-Kummissjoni se jkollha bżonn tkopri permezz ta’ approprjazzjonijiet pożittivi tal-baġit sabiex tagħlaq dan il-kont fl-2010.

4.4. Is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, is-saħħa tal-annimali, il-benesseri tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti

4.4.1. Il-programmi għall-qerda tal-mard tal-annimali (+ EUR 132.5 miljun)

Meta mqabbel mal-livell tal-approprjazzjonijiet tal-baġit muri mill-indikatur fil-31 ta’ Jannar 2010, dan ir-ritmu ta’ eżekuzzjoni ogħla mill-approprjazzjonijiet tal-baġit ġej miż-żieda fir-ritmu tal-ħlasijiet magħmulin mill-Kummissjoni għall-programmi għall-qerda tal-mard tal-annimali.

5. L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DħUL ASSENJAT LILL-FAEG

It-tabella fl-Anness 2 turi li d-dħul assenjat, li jammonta għal EUR 483.8 miljun, inġabar sal-31 ta’ Jannar 2010. B’mod speċifiku:

- id-dħul mill-korrezzjonijiet ibbażati fuq deċiżjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità kien jammonta għal madwar EUR 188.8 miljun, b’ammonti addizzjonali mistennija sa tmiem is-sena tal-baġit;

- id-dħul mill-irregolaritajiet kien jammonta għal madwar EUR 55.4 miljun, b’ammonti addizzjonali wkoll mistennija sa tmiem is-sena tal-baġit, u

- dan il-ħin, inġabar kważi d-dħul kollu mill-imposta fuq il-ħalib u dan jammonta għal madwar EUR 98.1 miljun meta mqabbel mal-istima oriġinali ta’ EUR 98.0 miljun;

- fl-aħħarnett, għall-kuntrarju tal-ammont ta’ EUR 133.0 miljun li kien stmat fil-bidu, l-ammont ta’ dħul assenjat li ġie eventwalment ittrasferit mill-2009 għall-2010 ammonta għal EUR 141.5 miljun.

Għalhekk, l-ammont ta’ dħul assenjat disponibbli għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG, fil-31 ta’ Jannar 2010, jammonta għal EUR 483.8 miljun. Dan il-ħin, il-Kummissjoni tistma li l-ammont ta’ dħul assenjat li għad irid jinġabar jammonta għal EUR 305.2 miljun (id-dħul assenjat li se jiġi ġġenerat fil-baġit tal-2010 huwa stmat għal EUR 789.0 miljun, li minnu nġabru EUR 483.8 miljun).

6. L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DħUL LI ġEJ MILL-AMMONTI TEMPORANJI GħAR-RISTRUTTURAR (IS-SETTUR TAZ-ZOKKOR)

F’Novembru tal-2009, l-Istati Membri ħallsu t-tieni pagament tal-ammonti temporanji għar-ristrutturar dovuti għas-sena tas-suq tal-2008/09, li kienu jammontaw għal EUR 606.8 miljun, li kien daqs l-ammont stmat fil-bidu. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-ammont ta’ EUR 717.9 miljun li kien stmat fil-bidu, l-ammont ta’ dħul assenjat li ġie ttrasferit mill-2009 għall-2010 eventwalment ammonta għal EUR 768.3 miljun. Għalhekk, l-ammont totali tad-dħul assenjat disponibbli għall-baġit tal-2010 fil-forma tal-ammonti temporanji għar-ristrutturar kien ta’ EUR 1 375.1 miljun.

7. L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-FOND GħAR-RISTRUTTURAR TAS-SETTUR TAZ-ZOKKOR

Sa tmiem Jannar tal-2010, l-Istati Membri ma kienu ħallsu prattikament xejn għall-għajnuniet għall-industrija ristrutturata taz-zokkor, għall-għajnuniet għad-diversifikazzjoni kif ukoll għall-għajnuniet għar-raffinar taz-zokkor (NB: saru ħlasijiet ta’ EUR 0.7 miljun biss).

8. KONKLUżJONIJIET

L-eżekuzzjoni provviżorja tal-approprjazzjonijiet tal-baġit għall-FAEG għall-2010 għall-perjodu sal-31 ta’ Jannar 2010 turi li r-rimborsi ta’ kull xahar lill-Istati Membri qabżu l-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit, murija mil-livell attwali tal-indikatur, b’madwar EUR 33.8 miljun. Inġabar dħul assenjat li jammonta għal EUR 483.8 miljun u għad fadal ammont ta’ EUR 305.2 miljun li huwa mistenni li jinġabar fl-2010.

Dan il-ħin, il-Kummissjoni tistenna li l-ammont ta’ dħul assenjat li huwa disponibbli se jintuża, flimkien ma’ dak li se jsir disponibbli matul is-sena, biex ikopri l-finanzjament tal-fondi operattivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-iskema ta’ pagament uniku kif kien mistenni fil-bidu meta tfassal il-baġit.

F’dak li għandu x’jaqsam maż-żieda tal-Awtorità tal-Baġit tal-korrezzjonijiet tal-approvazzjoni tal-kontijiet b’ammont ta’ – EUR 230.0 miljun għal ammont totali ta’ – EUR 310.0 miljun, il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib l-iżvilupp tal-eżekuzzjoni tal-baġit sabiex tara jekk in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni f’partijiet oħrajn tal-baġit hux se tippermettilha tiffinanzja l-parti minn din in-nefqa negattiva li mhix se tiġi koperta mid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet u mill-korrezzjonijiet l-oħra tal-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ ħarsien tal-iskadenzi tal-ħlasijiet għall-għajnuniet mill-Istati Membri kkonċernati.

[pic]

[pic]

[1] Id-dħul assenjat ittrasferit għandu jintuża l-ewwel, jiġifieri għandu jintuża qabel l-approprjazzjonijiet ivvutati mill-Awtorità tal-Baġit jew qabel id-dħul assenjat iġġenerat f’dik is-sena (l-Artikolu 10 tar-Regolament Finanzjarju).

Top