EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0213

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-kunsill Pjan ta' Azzjoni dwar Minorenni Mhux Akkumpanjati (2010 – 2014) SEG(2010)534

/* KUMM/2010/0213 finali */

52010DC0213

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-kunsill Pjan ta' Azzjoni dwar Minorenni Mhux Akkumpanjati (2010 – 2014) SEG(2010)534 /* KUMM/2010/0213 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 6.5.2010

KUMM(2010)213 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Pjan ta' Azzjoni dwar Minorenni Mhux Akkumpanjati (2010 – 2014)

SEG(2010)534

1. Introduzzjoni

L-isfida ta' minorenni mhux akkumpanjati qed tikber: għadd konsiderevoli ta' ċittadini minn pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li huma taħt it-18-il sena jaslu fuq territorju tal-UE mhux akkumpanjati minn adult responsabbli, jew jitħallew mhux akkumpanjati wara li jkunu daħlu fit-territorju tal-UE[1]. Minkejja li xi Stati Membri għandhom esperjenza ta' dan ħafna iktar minn oħrajn, kollha huma effettwati.

Statistiċi dwar minorenni mhux akkumpanjati mhumiex ħafna jew konsistenti. Huma l-iktar dettaljati u komparabbli għal dawk il-minorenni mhux akkumpanjati li japplikaw għall-ażil. Skont id-dejt ppreżentata minn-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni[2], fl-2008 kien hemm b'kollox 11 292 applikazzjoni għall-ażil ippreżenatati minn minorenni mhux akkumpanjati fit-22 Stat Membru[3] li pparteċipaw f'dan l-istudju. Fl-2007 saru b'kollox 8 030 applikazzjoni għall-ażil. L-applikazzjonijiet fl-2008, għalhekk jirrappreżentaw żieda ta' iktar minn 40.6% għal dawn l-Istati Membri. Il-pajjiżi taċ-ċittadinanza tal-minuri mhux akkumpanjati javarjaw, minkejja li b'mod ġenerali l-għadd taċ-ċittadini mill-Afganistan, l-Iraq u xi stati Afrikani kien jispikka.

Ir-raġunijiet wara l-wasla ta' din il-kategorija partikolarment vulnerabbli ta' tfal huma ħafna: biex jaħarbu minn gwerer u kunflitti, faqar jew katastrofi naturali, diskriminazzjoni jew persekuzzjoni; ikunu mibgħuta mill-familji tagħhom bit-tama ta' ħajja aħjar jew biex ikollhom aċċess għal edukazzjoni u benesseri, inkluża l-attenzjoni medika; biex jingħaqdu ma' membri tal-familja; bħala vittmi ta' traffikar bl-iskop ta' sfruttament. eċċ

Fil-Komunikazzjoni tagħha ta' Ġunju 2009[4], il-Kummissjoni ppreżentat l-iżvilupp ulterjuri tal-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal[5] u ħabbret pjan ta' azzjoni dwar minorenni mhux akkumpanjati. Il-Programm ta' Stokkolma, approvat mill-Kunsill Ewropew tal-10 u 11 ta' Diċembru 2009[6] laqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa Pjan ta' Azzjoni, li imbagħad jiġi adottat mill-Kunsill, li jgħaqqad il-miżuri ta' prevenzjoni, protezzjoni u ritorn assistit[7]. Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-Programm ta' Stokkolma, il-Parlament Ewropew insista li Pjan ta' Azzjoni tal-UE għandu jindirizza kwistjonijiet bħall-protezzjoni, soluzzjonijiet għal żmien twil fl-aħjar interess tat-tfal u koperazzjoni ma' pajjiżi terzi[8].

Il-Programm ta' Stokkolma b'mod speċifiku jitlob lill-Kummissjoni 'teżamina miżuri prattiċi biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn ta' għadd għoli ta' tfal mhux akkumpanjati li ma jeħtiġux protezzjoni internazzjonali'. Iżda l-analiżi turi li s-soluzzjoni ma tistax tkun limitata għar-ritorn – dak huwa wieħed biss mill-għażliet – għaliex il-kwistjoni hija ħafna iktar kumplessa u multidimensjonali u jeżistu linji ċari safejn tista' tasal il-libertà ta' azzjoni tal-Istati Membri meta jkunu qed jittrattaw ma' minorenni mhux akkumpanjati.

Il-Kummissjoni tqiegħed l-istandards stabbiliti mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) fil-qalba ta' kull azzjoni li tikkonċerna tfal mhux akkumpanjati. L-istrumenti leġiżlattivi u finanzjarji tal-UE dwar l-ażil, l-immigrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin diġà b'mod dirett jew indirett jindirizzaw is-sitwazzjoni speċifika ta' tfal mhux akkumpanjati u jipprovdu għal protezzjoni msaħħa tad-drittijiet tagħhom. Iżda hemm ħtieġa għal iktar koerenza u iżjed koperazzjoni fi ħdan l-UE u mal-pajjiżi ta' oriġini u tranżitu, sabiex l-UE u l-Istati Membri jipprovdu tweġibiet konkreti u effettivi. Għalhekk huwa meħtieġ approċċ komuni tal-UE.

Dan l-approċċ komuni għandu jkun ibbażat fuq ir-rispett għad-drittijiet tat-tfal kif stipulat fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-UNCRC, b'mod partikolari il-prinċipju tal-'aħjar interessi tat-tfal' li jeħtieġ ikunu l-kunsiderazzjoni primarja f'kull azzjoni li jieħdu l-awtoritajiet pubbliċi li tkun relatata mat-tfal. [9] Huwa fundamentali li jiġi żgurat li kwalunkwe minorenni li jeħtieġ il-protezzjoni jirċeviha u li, irrispettivament mill-istatus tagħhom ta' immigrazzjoni, ċittadinanza jew derivazzjoni, it-tfal kollha jiġu ttrattati l-ewwel u qabel kollox bħala tfal[10]. Għandu jkun ukoll ibbażat fuq is-solidarjetà u l-qsim tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri u mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, kif ukoll fuq iktar koperazzjoni mal-organizzazzjoni esperti tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Wara konsultazzjonijiet ma' Stati Membri[11] u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u abbażi ta' riċerka apposta, rapporti primarji min-Netwerk Ewropew għall-Migrazzjoni[12] u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali[13], ġew identifikati diversi problemi u soluzzjonijiet. Dawn huma ppreżentati fil-Pjan ta' Azzjoni l-ewwel bħala dejta insuffiċjenti, u mbagħad erba' linji ta' azzjoni ewlenin: il-prevenzjoni, programmi ta' protezzjoni reġjonali, l-akkoljenza u l-identifikazzjoni ta' soluzzjonijiet għal żmien twil. Il-protezzjoni u l-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal ġew integrati fl-azzjonijiet kollha.

2. Dejta

Is-sitwazzjoni ma tistax tiġi vvalutata, u lanqas jinstabu soluzzjonijiet, mingħajr evalwazzjoni ċara bbażata fuq dejta komprensiva, affidabbli u komparabbli.

Ir-Regolament dwar l-Istatistika[14] joħloq obbligu għall-Istati Membri li jittrażmettu figuri diżaggregati annwali dwar dawk il-minorenni mhux akkumpanjati li jkunu applikaw għal protezzjoni internazzjonali biss. Dan il-limitu joħloq nuqqasijiet fl-istatisitiċ armonizzati u kompleti dwar it-tfal mhux akkumpanjati kollha li jaslu fit-territorju tal-UE. L-istatistiċi għandhom għalhekk ikopru l-minorenni mhux akkumpanjati kollha.

Il-Kummissjoni u l-aġenziji[15] diġà jgħinu permezz ta' studji dwar dan is-suġġett. Netwerks eżistenti bħan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni għandhom jagħtu appoġġ lil skambji ta' informazzjoni u dejta bejn l-Istati Membri.

Biex tiġi żviluppata koperazzjoni effettiva ma' pajjiżi ta' oriġini u tranżitu, hemm bżonn ta' iktar informazzjoni dwar ir-rotot ta' migrazzjoni u netwerks kriminali. Dawn jistgħu jinġabru b'koperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u jistgħu sistematikament jiġu inklużi fil-profili migratorji tal-pajjiżi kkonċernati. Barra minn hekk, il-FRONTEX implimentat in-Netwerk ta' analiżi tar-Riskju tal-FRONTEX u żviluppat il-ġbir ta' dejta f'diversi indikaturi dwar migrazzjoni irregolari. Rigward l-attivitajiet kriminali, l-Europol diġà tinsab attiva f'dan il-qasam.

L-evalwazjoni u l-implmentazzjoni leġiżlattiva

- Il-Kummissjoni se tipproponi li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tad-diżaggregazzjonijiet kurrenti u addizzjonali tar-Regolament dwar l-Istatistiċi biex jiġbru dejta komprensiva dwar minorenni mhux akkumpanjati. Jekk dan ma jilħaqx l-għanijiet maħsuba, l-informazzjoni għandha tinġabar direttament mill-amministrazzjonijiet fl-Istati Membri.

L-Aġenziji u n-Netwerks

- L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħmlu użu minn aġenziji u netwerks eżistenti biex itejbu l-ġbir tad-dejta u l-iskambju ta' informazzjoni dwar minorenni mhux akkumpanjati, billi:

- Itejbu b'mod sinifikanti l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qafas tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migazzjoni u l-Uffiċċju Ewropew għall-Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil;

- Jsaħħu r-rwoli tal-FRONTEX u l-Europol fil-ġbir l-analiżi tad-dejta billi jagħmlu użu mir-riżorsi kollha disponibbli, inkluża informazzjoni miġbura min-netwerks tal-Uffiċjali tal-kollegament tal-Immigrazzjoni.

- Il-FRONTEX hija mistiedna li tiżviluppa:

- Valutazzjoni annwali ibbażata fuq il-ġbir tad-dejta min-Netwerk tal-Analiżi tar-Riskju tal-FRONTEX sabiex tipprovdi lill-Istati Membri analiżi tar-riskju dwar minorenni mhux akkumpanjati li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-UE;

- Indikaturi dwar gruppi vulnerabbli bħalma huma l-minorenni mhux akkumpanjati f'rapporti ta' operazzjonijiet konġunti;

- Analiżi tar-riskju imfassal apposta dwar in-natura tal-perikli li jiffaċċjaw il-minorenni mhux alkkumpanjati.

- L-Uffiċċju Ewropew għall-Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil huwa mistieden li:

- Jiġbor dejta u jiżviluppa informazzjoni u analiżi dwar il-pajjiżi ta' oriġini relevanti biex jiġu evalwati l-ħtiġiet ta' protezzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati bil-għan li dan jgħin fit-teħid ta' deċiżjonijiet ta' kwalità;

- Isegwu l-kwistjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati li jkunu qed ifittxu l-ażil, b'mod partikolari fl-Istati Membri l-iktar milqutin.

Il-ġbir tal-informazzjoni

- Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-aġenziji u netwerks relevanti biex itejbu l-kompletezza tad-dejta li tikkonċerna lill-minuri mhux akkumpanjati.

- Il-Kummissjoni se tmexxi 'l quddiem l-inklużjoni ta' sezzjoni dwar minorenni mhux akkumpanjati fil-profili migratorji tal-pajjiżi ta' oriġini u tranżitu ewlenin.

3. Il-Prevenzjoni ta' migrazzjoni mhux sigura u t-traffikar – twessigħ ta' kapaċitajiet ta' protezzjoni f'pajjiżi terzi

3.1. Prevenzjoni

Il-prevenzjoni ta' migrazzjoni mhux sikura u t-traffikar tat-tfal hija l-ewwel pass biex tiġi ttrattata l-kwistjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati b'mod effettiv. L-azzjonijiet u l-politiki jeħtieġu jingħarfu skont il-grupp li jiffurmaw parti minnu l-minuri mhux akkumpanjati (pereżempju dawk li qed ifittxu l-ażil, il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, minorenni li jidħlu fit-territorju tal-UE b'mod illegali għal raġunijiet ta' xogħol jew għal xi raġuni oħra) u/jew il-pajjiż jew reġjun ta' oriġini. L-involviment tal-pajjiżi ta' oriġini u tranżitu huwa fundamentali, kif ukoll il-koperazzjoni ta' organizzazjonijiet tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet internazzjonali, u jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-minorenni mhux akkumpanjati li jfittxu l-protezzjoni internazzjonali tal-UE.

Jistgħu jiġu identifikati erba' linji ta' intervent. L-ewwel l-UE u l-Istati Membri jeħtieġ ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jintegraw il-migrazzjoni, u b'mod partikolari l-migrazzjoni ta' tfal mhux akkumpanjati, fil-koperazzjoni għall-iżvilupp, f'oqsma ewlenin bħat-tnaqqis tal-faqar, l-edukazzjoni, is-saħħa, il-poitika dwar ix-xogħol, id-drittijiet umani u d-demokratizzazzjoni u r-rikostruzzjoni wara kunflitt. Dawn l-isforzi se jgħinu biex jindirizzaw l-għerq tal-kawżi tal-migrazzjoni u biex jinħoloq ambjent li jippermetti lit-tfal jitrabbew fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom bi prospetti tajbin ta' żvilupp personali u standards ta' għajxien deċenti.

Żewġ linji oħra jistgħu jiġu indirizzati lejn it-tfal infushom u dawk li huma – jew x'aktarx ikunu – f'kuntatt magħhom. Għandhom jitmexxew 'il quddiem attvitajiet immirati biex titqajjem kuxjenza u taħriġ f'pajjiżi ta' oriġini u tranżitu biex titjieb l-identifikazzjoni u l-protezzjoni ta' vittmi potenzjali tat-traffikar tal-bnedmin. Dawn għandhom ikunu mmirati lejn pubbliku wiesa' kif ukoll lejn vittmi potenzjali u l-kommunitajiet tagħhom, l-uffiċjali taż-żamma tal-ordni, gwardjani tal-fruntieri u atturi relevanti oħra. Attivitajiet simili għandhom jiffukaw biex jinfurmaw lit-tfal u lill-familji tagħhom dwar ir-riskji assoċjati mal-immigrazzjoni irregolari lejn l-UE, dwar possibbiltajiet alternattivi ta' studju, taħriġ u impjieg fil-pajjiż tal-oriġini u dwar it-toroq legali għall-istudju fl-UE. Azzjonijiet oħra jistgħu jinkludu xogħol li huwa mmirat fil-livell lokali, permezz ta' skejjel u permezz ta' interazzjoni mal-komunitajiet tal-oriġini. Persunal imħarreġ apposta fl-oqsma ewlenin tal-emigrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin jista' jivvaluta s-sitwazzjonijiet ta' riskju u jieħu azzjoni minn stadju bikri.

Huwa importanti wkoll li d-djaspori fl-UE jiġu involuti f'dawn l-attivitajiet ta' tkattir ta' kuxjenza fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom, kif ukoll jintużaw strumenti informali ta' komunikazzjoni mal-komunitajiet tal-oriġini biex jitkissru ideat foloz dwar il-ħajja fl-Ewropa. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll ir-rwol tal-midja fil-pajjiżi tal-oriġini.

Fl-aħħar nett, l-UE se tkompli tmexxi 'l quddiem l-iżvilupp ta' sistemi għall-iżvilupp tal-protezzjoni tat-tfal, li jorbtu s-servizzi meħtieġa madtul is-setturi soċjali kollha biex twaqqaf u twieġeb għar-riskju tal-vjolenza, l-abbuż, l-isfruttament u t-traskuraġni tat-tfal, biex tagħti sostenn lil tfal li ma jinsabux fil-kura tal-amilji tagħhom u biex tipprovdi protezzjoni lit-tfal fl-istituzzjonijiet. L-UE set kompli wkoll tappoġġja sistemi ta' reġistrazzjoni tat-twelid li, billi jiżguraw li t-tfal kollha jkollhom identità legali u għalhekk aċċess għad-drittijiet legali tagħhom, għandhom rwol importanti fil-protezzjoni tat-tfal.

Attivitajiet f'dawn l-oqsma jistgħu wkoll isibu sostenn minn strumenti esterni ta' koperazzjoni tal-UE, bħall-Programm Tematiku għall-Koperazzjoni ma' Pajjiżi Terzi fl-oqsma tal-Migrazzjoni u l-Ażil (minn hawn 'il quddiem il-Programm Tematiku), strumenti ġeografiċi bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, l-Istrument għall-Assitenza ta' Qabel l-Adeżjoni, l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija, il-programmi ġeografiċi tal-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. Għandha tiġi żgurata wkoll koperazzjoni mal-fondi relevanti interni.

Finanzjament

L-UE u l-istrumenti għall-koperazzjoni esterna nazzjonali għandhom:

- Isir użu sħiħ minnhom b'manjiera kkordinata tajjeb sabiex jiġu ffinanzjati proġetti f'pajjiżi terzi għall-prevenzjoni ta' migrazzjoni perikoluża u t-traffikar tat-tfal, partikolarment billi jingħataw alternattivi fil-pajjiż/reġjun ta' oriġini li għandhom il-benefiċċju tat-tfal bħala għan.

- Jiffinanzjaw bi sħubija ma' awtoritajiet ċentrali u lokali minn pajjiżi ta' oriġini, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet internazzjonali:

- Programmi mmirati biex titqajjem kuxjenza għal tfal li jinsabu f'riskju, kif ukoll tipi oħra ta' attivitajiet preventivi fil-livell lokali, fi skejjel, komunitajiet u familji.

- Taħriġ ta' persunal speċjalizzat fl-oqsma ewlenin biex jiġu individwati sitwazzjonijiet ta' riskju u jintervjenu mal-familji u l-komunitajiet.

- Studji fil-pajjiżi ewlenin ta' oriġini sabiex ikun hemm għarfien aħjar tal-kawżi li jwasslu lit-tfal għal migrazzjoni ma' ħaddieħor jew waħedhom.

- Attivitajiet ta' appoġġ bil-għan li jipproteġu lit-tfal minn kull forma ta' vjolenza jew sfruttament, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' sistemi għall-protezzjoni tat-tfal u ta' reġistrazzjoni tat-twelid.

Relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi

L-UE u l-Istati Membri għandhom:

- Jindirizzaw regolarment kwistjonijiet ta' protezzjoni tat-tfal fi djalogi dwar drittijiet umani u migrazzjoni bejn l-UE u pajjiżi terzi.

- Sistematikament jeżaminaw il-possibbiltà li jintroduċu, fi ftehimiet ma' pajjiżi terzi, dispożizzjonijiet speċifiċi li jindirizzaw il-migrazzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati u li jawtorizzaw il-koperazzjoni dwar kwistjonijiet bħall-prevenzjoni, it-traċċar tal-familji, ir-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid.

Il-Ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin.

L-UE u l-Istati Membri għandhom:

- Isaħħu l-azzjonijiet fil-kofront tat-tfal vittmi tat-traffikar tal-bnedmin billi jassistu u jipproteġu lil dawn it-tfal mill-aktar stadju bikri, billi jirreferuhom għal servizzi speċifiċi fil-pajjiż fejn jinstabu. Tali assistenza għandha mill-inqas tinkludi l-miżuri li tipprovdi għalihom id-Direttiva dwar il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin[16].

- Isaħħu l-kapaċitajiet tal-pajjiżi terzi biex jikkumbattu t-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll biex jipproteġu u jassistu minorenni mhux akkumpanjati skont l-aħjar interessi tat-tfal u skont standards u konvenzjonijiet internazzjonali, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom.

- Jimplimentaw il-miżuri ta' prevenzjoni tad-dokument ta' Azzjoni dwar it-traffikar tal-bnedmin u jagħtu appoġġ lil strumenti reġjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin.

Viżi u informazzjoni

- Is-servizzi konsultar tal-Istati Membri għandhom jevalwaw fid-dettal l-applikazzjonijiet għall-viża ppreżentati f'isem dawk li huma minorenni.

- Il-Kummissjoni se tinkludi referenza speċifika dwar minorenni mhux akkumpanjati fis-Sit Elettroniku tal-Immigrazzjoni, sabiex ittejjeb l-informazzjoni għal migranti potenzjali.

3.2. Programmi ta' protezzjoni f'pajjiżi terzi

Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-UE biex tipprovdi protezzjoni li dawk li jeħtieġuha, it-tfal ma għandhomx ikunu sfurzati jimbarkaw fuq vjaġġi perikolużi lejn l-UE sabiex ifittxu protezzjoni internazzjonali. Għalhekk huwa importanti li jitwaqqfu u/jew jitkomplew programmi finanzjarji ta' protezzjoni qrib tal-pajjiżi ta' oriġini.

Skont il-Linji gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal[17], l-UE se tkompli timponi fuq il-benefiċjarji tal-finanzjament tal-UE standards għojin ta' protezzjoni u assitenza għal minorenni mhux akkumpanjati; Il-proġetti għandhom jinkludu mill-inqas faċilitajiet edukattivi, kura medika, u informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-proċeduri.

L-UE u l-Istati Membri għandhom ikomplu:

Finanzjament

- Jiffinanzjaw attivitajiet bil-għan li jipprovdu protezzjoni u assistenza lil minorenni li qed ifittxu l-ażil u tfal refuġjati, inklużi attivitajiet kontra l-isfruttament u r-reklutaġġ infurzat, per eżempju minn gruppi kriminali.

Relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi

- Appoġġ lil pajjiżi terzi biex isaħħu l-kapaċità leġiżlattiva u amminsitrattiva biex jidentifikaw minorenni li qed ifittxu l-ażil u vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u jistqabbilixxu programmi ta' assistenza speċifiċi.

- Jinkludu attivitajiet biex jgħinu u jipproteġu lit-tfal fil–qafas tal-Programmi ta' Protezzjoni Reġjonali, li għandhom jitwessgħu biex ikopru reġjuni prinċipali oħra f'termini ta' flussi migratorji lejn l-UE u l-ħtiġiet ta' protezzjoni.

4. Akkoljenza u garanziji proċedurali fl-UE

Miżuri ta' akkoljenza u aċċess għal garanziji proċedurali relevanti għandhom japplikaw mill-mument li minorenni mhux akkumpanjat jiġi identifikat fil-fruntieri esterni jew fuq territorju tal-UE, sakemm tinstab soluzzjoni fit-tul. Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili speċjalizzati għandhom jiġi mistiedna jieħdu rwol iktar attiv matul il-proċess kollu kemm hu. Hemm bżonn jittieħdu miżuri xierqa sabiex jiġi żgurat perjodu ta' tranżizzjoni mingħajr intoppi għal dawk it-tfal li – minħabba li jkunu għalqu t-18-il sena u saru adulti – jistgħu jkunu fil-periklu li jitilfu l-protezzjoni u l-appoġġ.

4.1. Proċeduri fl-ewwel inkontru u standards ta' protezzjoni

L-istrumenti relevanti tal-UE dwar il-migrazzjoni diġà jikkonsistu f'dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni msaħħa ta' minorenni mhux akkumpanjati. Madanakollu, dawn id-dispożizzjonijiet huwa spċifiċi għall-kuntest, minħabba li japplikaw għal dawk li japplikaw għall-ażil, ir-refuġjati, migranti irregolari u vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Barra minn hekk, ma jipprovdux l-istess standards ta' akkoljenza u assistenza. Kif ukoll, f'ċerti Stati Membri hemm diffikutà speċifika rigward kazi tal-fruntiera/żoni ta' tranżitu. Dawn il-lakuni potenzjali ta' protezzjoni jeħtieġ jiġu indirizzati.

B'mod partikolari, il-leġiżlazzjoni tal-UE ma tipprovdix għall-ħatra ta' rappreżentant mill-mument li jiġi identifikat minorenni mhux akkumpanjat mill-awtoritajiet, jiġifieri qabel ma jiġu attivati l-istrumenti relevanti. Ir-rappreżentanza hija stipulata b'mod espliċitu għal dawk li japplikaw għall-ażil. Minkejja li d-Direttiva tar-Ritorn, id-Direttiva dwar Protezzjoni Temporanja, id-Direttiva dwar il-Vittmi tat-traffikar tal-bnedmin[18] u strumenti internazzjonali relevanti[19] jipprovdu salvagwardji importanti għal minorenni mhux akkumpanjati, hemm marġini ta' interpretazzjoni li tibqa' f'idejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, ma jeżisti ebda ftehim komuni dwar il-poteri, il-kwalifika u r-rwol tar-rappreżentanti. Minorenni mhux akkumpanjati għandhom ikunu infurmati bid-drittijiet tagħhom u jkollhom aċċess għal mekkaniżmi stabbiliti ta' ilment u superviżjoni.

Kull fejn jiġu identifikati minorenni mhux akkumpanjati, dawn għandhom jinfirdu mill-adulti, sabiex ikunu protetti minn u jinqatgħu relazzjonijiet ma' traffikanti jew kuntrabandisti u tiġi evitata l-vittimizzazzjoni jew it-tennija tagħha. Mal-ewwel laqgħa, l-attenzjoni għall-protezzjoni hija tal-ikbar importanza, kif ukoll l-identifikazzjoni tat-tip ta' minorenni, minħabba li dan jista' jgħin li jiġu identifikati l-iktar minorenni vulnerabbli mhux akkumpanjati. L-applikazzjoni ta' miżuri differenti li tipprovdi għalihom il-leġiżlazzjoni u l-bini tal-fiduċja huma indispensabbli biex wieħed jakkwista informazzjoni utli għall-identifikazzjoni u r-rintraċċar tal-familja, filwaqt li jiġi żgurat li l-minorenni mhux akkumpanjati ma jgħajbux mill-post tal-kura, jiġu identifikati u pproċessati t-traffikanti jew il-kuntrabandisti.

Minorenni mhux akkumpanjati għandhom dejjem jitqegħdu f'akkomodazzjoni xierqa u ttrattati b'manjiera li hija għal kollox kumpatibbli mal-aħjar interessi tagħhom. Meta d-detenzjoni hija eċċezzjonalment ġustifikata, din għandha tintuża biss bħala miżura aħħarija, għall-iqsar żmien xieraq possibbli u filwaqt li l-kunsiderazzjoni primarja tkun l-aħjar interess tat-tfal.

Tħassib ewlieni ieħor huwa meta minorenni mhux akkumpanjati li jkunu fil-kura tal-awtoritajiet nazzjonali jgħajbu. Uħud jaqgħu jew jerġgħu jaqgħu vittmi tat-traffikanti, oħrajn jipprivaw jingħaqdu mal-membri tal-familja jew komunitajiet tagħhom fi Stati Membri oħra u/jew jispiċċaw jaħdmu fl-ekonomija l-griża u jgħixu f'sitwazzjonijiet degradanti.

Azzjoni leġiżlattiva

- L-UE għandha tadotta standards ogħla ta' protezzjoni għal minorenni mhux akkumpanjati billi tiffinalizza n-negozjati dwar ir-reviżjoni tal- acquis [20] fuq l-ażil u billi tadotta leġżlazzjoni iktar dettaljata dwar it-traffikar tal-bnedmin[21] u l-sfruttament sesswali tat-tfal[22].

- Il-Kummissjoni se tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun implimentata kif xieraq u, abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt, tevalwa jekk huwiex meħtieġ li tintroduċi emendi kkukati jew strument speċifiku li jistipula standards komuni dwar l-akkoljenza u l-assistenza għall-minorenni mhux akkumpanjati kollha rigward kustodja, rappreżentazzjoni legali, aċċess għall-akkomodazzjoni u kura, intervisti tal-bidu, servizzi edukattivi u kura tas-saħħa xierqa, eċċ.

Analiżi u skambju tal-informazzjoni

- L-UE għandha tevalwa esperjenzi differenti biex tattakka l-għajbien u tmexxi 'l quddiem l-aħjar prattiki.

- L-Istati Membri huma mistiedna li:

- jagħtu prijorità ewlenija lil allarmi dwar persuni nieqsa fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għal każi ta' min jaħrab jew jgħib mill-kustodja;

- jikkunsidraw li jintroduċu mekkaniżmi ta' reviżjoni biex jissorveljaw il-kwalità tal-kustodja sabiex ikun żgurat li l-aħjar interessi tat-tfal ikunu rappreżentati matul il-proċess kollu tat-teħid ta' deċiżjoni u, b'mod partikolari, biex ma jsirx abbuż.

Aġenziji

- L-Uffiċċju Ewropew għall-Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil huwa mistieden biex jorganizza attivitajiet ta' taħriġ u jiżviluppa l-aħjar prattiki rigward il-kundizzjonijiet ta' akkoljenza, il-proċeduri tal-ażil u l-integrazzjoni ta' tfal mhux akkumpanjati.

- FRONTEX hija mistiedna li:

- Tinkludi fil-programm ta' taħriġ għal gwardjani tal-fruntieri modulu speċifiku ta' taħriġ dwar kif wieħed jagħraf sitwazzjonijiet partikolarment vulnerabbli relatati ma' minorenni mhux akkumpanjati, bħat-traffikar tat-tfal.

- Tinkludi paragrafu separat dwar gruppi vulnerabbli, inklużi tfal mhux akkumpanjati, fil-ftehimiet ta' ħidma li jiġu konklużi ma' pajjiżi terzi.

- Jipprovdu assistenza teknika lil awtoritajiet tal-fruntieri f'pajjiżi terzi dwar miżuri relatati mal-fruntieri rigward tfal mhux akkumpanjati.

Finanzjament

Il-Kummissjoni ser:

- Tagħmel użu effettiv minn fondi disponibbli, biex tagħti sostenn lil netwerks Ewropej ta' gwardjani, biex tiskambja l-aħjar prattiki u tiżviluppa linji gwida, kurrikuli u taħriġ komuni, eċċ.

- Tiffinanzja lil Stati Membri, fejn eliġibbli, sabiex jistabbilixxu faċilitajiet ta' akkoljenza li jissodisfaw l-istandards meħtieġa għal tfal mhux akkumpanjati.

4.2. Kalkolu tal-età u traċċar tal-familja

Il-kwistjoni tal-kalkolu tal-età hija importanti ħafna, li tattiva għadd ta' garanziji proċedurali u legali f'leġiżlazzjoni relevanti tal-UE, kif ukoll l-obbligu li jiġi rispettati r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta meta tiġi rreġistrata l-informazzjoni dwar minorenni mhux f'databases bħall-EURODAC.

Proċeduri u tekniki għall-kalkolu tal-età ivarjaw u tqajjem tħassib dwar kemm wieħed jista' jafdhom u dwar il-proporzjonalità. Il-possibbiltà tal-appell mhix garantita dejjem[23]. Kif enfasizzat mill-esperti, il-kustodju għandu jkun preżenti f'kull stadju tal-proċedura u t-tfal għandhom jiġi ttrattati bħala tali sakemm ma jiġi ippruvat il-kuntrarju.

Ir-rintraċċar tal-familja huwa element vitali għall-prinċipju li tiġi żgurata l-għaqda tal-familja. Huwa marbut ukoll mal-obbligi stipulati fl-istrumenti relevanti tal-UE, jiġifieri minorenni ma jistax jintbagħat lura sakemm ma j/tintbagħatx lura lil membru tal-familja, kustodju nominat jew f'faċilitajiet ta' akkoljenza adekwati fl-istat fejn jintbagħat lura. Madanakollu, l-Istati Membri jiltaqgħu ma' diffikultajiet kbar biex jittraċċaw il-familja.

- Il-Kummissjoni se toħroġ Linji gwida dwar l-Aħjar Prattiki, b'kollaborazzjoni ma' esperti xjentifiċi u legali u b'koperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew għall-Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil li se jħejji d-dokumenti tekniċi dwar il-kalkolu tal-età.

- L-Uffiċċju Ewropew għall-Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil huwa mistieden jorganizza attivitajiet ta' taħriġ dwar il-kalkolu tal-età, iħejji modulu fil-ħdan il-Kurrikulu Ewropew dwar l-Ażil u manwal dwar l-aħjar prattika.

- L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mis-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viżi, ladarba tibda taħdem, biex jivverifikaw l-identità ta' minorenni mhux akkumpanjat jekk hu/hi tkun irreġistrata u taħt il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament SIV[24].

- Il-Kummissjoni ser:

- Tagħti sostenn lill-Istati Membri f'assistenza reċiproka għar-rintraċċar tal-familji f'pajjiżi fejn Stati Membri jkun stabbilixxa netwerks funzjonali għal dan il-għan.

- Tmexxi 'l quddiem approċċ komuni (jjiġifieri linji gwida dwar l-aħjar prattiki) għall-kalkolu tal-età u r-rintraċċar tal-familji inkuż kif jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet fil-kuntest tal-appelli.

5. Tiftix għal soluzzjoinjiet fit-tul

Soluzzjoinjiet fit-tul għandhom ikunu bbażati fuq l-evalwazzjoni individwali tal-aħjar interessi tal-minorenni u għandhom jikkonsistu f'wieħed minn dawn:

- jew ritorn u integrazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini;

- jew l-għoti ta' status ta' protezzjoni internazzjonali jew status legali ieħor li jippermetti lill-minorenni jintegraw b'suċċess fl-Istat Membru ta' residenza;

- jew sistemazzjoni mill-ġdid.

- Trid tittieħed deċiżjoni dwar il-futur ta' kull minorenni mhux akkumpanjat mill-awtoriatjiet kompetenti fl-iqsar żmien possibbli (jekk possibbli f'massimu ta' sitt xhur) li tikkunsidra l-obbligu li tiġi traċċata l-familja, li jiġu esplorati possibbiltajiet oħra għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-minorenni fis-soċjetà oriġinali tagħhom u l-jiġi evalwat liema soluzzjoni hija fl-aħjar interessi tal-minorenni.

5.1. Ritorn u integrazzjoni mill-ġdid fil-pajjiż ta' oriġini;

X'aktarx li f'diversi każi l-aħjar interess tat-tfal huwa li jingħaqdu mill-ġdid mal-familji tagħhom u li jitrabbew fl-ambjent soċjali u kulturali tagħhom stess. Filwaqt li jikkunsidraw dan, l-Istati Membri għandhom jiġu nkoraġġiti jiżviluppaw soluzzjonijiet ta' sħubija innovattivi ma' pajjiżi ta' oriġini u tranżitu terzi, per eżempju permezz tal-finanzjament ta' firxa ta' attivitajiet edukattivi u ta' taħriġ. Madanakollu, ir-ritorn huwa biss wieħed mill-għażliet u l-aħjar interessi tat-tfal irid ikun dejjem il-kunsiderazzjoni primarja. It-tluq volontarju jeħtieġ ikun prijorità.

Id-Direttiva dwar ir-Ritorn[25] fiha diversi salvagwardji legali vinkolanti rigward il-minorenni li jridu jiġu trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sa' Diċembru 2010 u dan għandu jġib titjib konsiderevoli f'diversi Stati Membri. Madanakollu, għadhom jeżistu ċerti lakuni fil-protezzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati fil-leġiżlazzjoni tal-UE. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jeskludu mill-ambitu tad-Direttiva ċittadini ta' pajjiżi terzi, li jinqabdu jaqsmu l-fruntiera esterna tagħhom b'mod irregolari. B'riżultat ta' dan, minorenni mhux akkumpanjati li jaqgħu f'din il-kategorija jistgħu ma jibbenefikawx mis-salvagwardji legali tad-Direttiva. L-Istati Membri, madanakollu huma marbutin bil-garanziji u d-drittijiet fundamentali li jinsabu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali, il-UNCRC u l-istrumenti tal-Kunsill tal-Ewropa. Din is-sitwazzjoni għandha tiġi analizzata iktar.

Barra minn hekk, minkejja li l-kustodja pprovduta lil dawk li qed ifittxu l-ażil u l-assistenza meħtieġa fil-proċess tar-ritorn ivarjaw minn xulxin, il-ħtieġa tal-kontinwità tal-assistenza fil-proċeduri tal-ażil u r-ritorn trid tiġi kkunsidrata. Il-ftehimiet tal-UE dwar ir-riammissjoni ikopru l-minorenni totalment. Madanakollu, minħabba li jridu jiġu applikati skont il-garanziji stipulati x'imkien ieħor fl- acquis , ma għandhomx dispożizzjoni partikolari dwar il-protezzjoni tal-minorenni.

L-assistenza lill-minorenni għandha tkun proċess kontinwu u stabbli, li għandu jinkludi l-fażi tar-ritorn u ta' wara r-ritorn. Fil-każi kollha, ir-ritorn irid jitwettaq b'manjiera sikura, xierqa għat-tfal u sensittiva għad-differenza bejn is-sessi. L-isfidi f'dan ir-rigward huma li jiġi żgurat li l-minorenni jintbagħtu lura b'rispett sħiħ għall-istandards internazzjonali u li jiġi aċċettati fl-ambjent oriġinali tagħhom. Il-ħidma 'in loco' hija fundamentali biex il-familji u l-komunitajiet jiġu konvinti jaċċettaw ir-ritorn tal-minorenni, kif ukoll biex ma jkunx hemm stigmatizzazzjoni u iktar vittimizzazzjoni f'każi ta' traffikar tal-bnedmin. Dan jista' jintlaħaq billi ssir offerta li l-minorenni jsegwi kors edukattiv jew ta' taħriġ u billi l-pajjiżi tal-oriġini jkunu mgħajjuna joffru lit-tfal u ż-żgħażagħ prospetti f'dak li huwa studju u xogħol permezz tal-istrumenti finanzjarji li jeżistu. L-integrazzjoni mill-ġdid għandha tiġi wkoll sorveljata biex jiġi żgurat li ma jinqagħux problemi kbar.

Miżuri bil-għan li jiġu osservati dispożizzjonijiet relatati mal-minorenni fid-Direttiva dwar ir-Ritorn huma eliġibbli[26] taħt il-Fond Ewropew għar-Ritorn. Appoġġ lil pajjiżi terzi biex jindirizzaw il-problemi ta' minorenni mhux akkumpanjati jkompli jkun prijorità tal-Programm Tematiku. L-Istati Membri u pajjiżi li mhumiex fl-UE għandhom jagħmlu użu iktar iffukat minn dawn ir-riżorsi.

Il-Kummissjoni ser:

Finanzjament

- Tagħti prijorità lill-finanzjament ta' attivitajiet speċifiċi għal tfal mhux akkumpanjati permezz tal-Fond għar-Ritorn u l-Programm Tematiku, inkluż:

- proġetti li jipprovdu għal sorveljanza u segwitu wara r-ritorn, speċjalment fil-każi ta' tfal vittmi ta' traffikar tal-bnedmin;

- titmexxa 'l quddiem l-għaqda mill-ġdid ta' tfal mal-ġenituri tagħhom permezz ta' attivitajiet ta' traċċar tal-familja fl-Istati Membri u fil-pajjiżi tal-oriġini;

- jingħata sostenn lill-familji u komunitajiet għall-integrazzjoni mill-ġdid;

- jingħata sostenn lill-awtoritajiet fil-pajjiżi ta' oriġini fil-ġestjoni tar-ritorn, fil-ħolqien ta' ċentri ta' taħriġ, f'appoġġ għall-familji u għal minorenni li jmorru lura, fil-protezzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u fil-prevenzjoni ta' vittimizzazzjoni mill-ġdid, eċċ;

- studji u riċerka;

- sostenn għal proġetti u politiki li joħolqu opportunitajiet ta' studju u taħriġ fil-pajjiżi ta' oriġini, miftuħa lill-minorenni kollha.

Sorveljanza leġiżlattiva

- Jiġi ppubblikat studju dwar prattiki u leġiżlazzjoni eżistenti fl-Istati Membri dwar ir-ritorn ta' minorenni mhux akkumpanjati u s-sitwazzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati li jaqgħu taħt il-ftehimiet ta' riammissjoni.

- Fl-IstatiMembri jitmexxew 'il quddiem l-aħjar prattiki li huma favur il-minorenni.

5.2. Status ta' protezzjoni internazzjonali, status legali ieħor u l-integrazzjoni ta' minorenni mhux akkumpajati

Minorenni mhux akkumpanjati jistgħu jingħataw status ta' rifuġjat jew protezzjoni sussidjarja taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Minħabba s-sitwazzjoni partikolarment vulnerbbli tagħhom, il-miżuri biex jagħtu appoġġ lill-integrazzjoni tal-minorenni fis-soċjetà li tilqagħhom huma essenzjali. Il-Fond Ewropew għar-Rifuġjati (FER) jista' jiffinanzja attivitajiet relevanti.

Il-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE ma jindirizzawx is-sitwazzjoni tal-minorenni li ma jistgħux imorru lura, u jħallu l-għoti ta' permessi ta' residenza għal raġunijiet ta' kumpassjoni, umanitarji u jew raġunijiet oħra għal-leġiżlazzjoni nazzjonali. F'każi fejn ir-ritorn mhuwiex possibbli jew l-integrazzjoni fil-pajjiż ta' residenza huwa kkunsidrat fl-aħjar interess tal-minorenni, għandu jingħata status legali lil minorenni mhux akkumpanjati li jagħtihom aċċess għal mill-inqas l-istess drittijiet u protezzjoni bħal qabel, u għandha tinstab akkomodazzjoni xierqa. Il-minorenni għandhom jingħataw appoġġ fi triqithom lejn integrazzjoni b'suċċess fis-soċjetà li tilqagħhom.

Finanzjament

L-Istati Membri huma mistiedna jimmassimizzaw l-użu ta' possibbiltajiet ta' finanzjament eżistenti disponibbli taħt il-FER u l-Fond għall-Integrazzjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi.

- Il-Kummissjoni ser:

- Issaħħaħ attivitajiet relatati ma' minorenni mhux akkumpanjati meta tkun qed tiddefinixxi l-prijoritajiet għall-Azzjoni Komunitarja fil-programmi ta' ħidma annwali adottati għal dawn il-fondi.

- Tirrifletti dwar kif tinkludi aħjar id-dimensjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati fil-ġenerazzjoni li jmiss ta' istrumenti finanzjarji, mill-2014, fil-qasam tal-ġestjoni tal-migrazzjoni.

- Tiffinanzja proġetti għall-integrazzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati li għandhom statuslegali, b'attenzjoni partikolari għal programmi immirati biex jagħtu sostenn l-iskurpu ta' vittmi ta' vjolenza immirata lejn it-tfal jew ta' traffikar tal-bnedmin.

Żvilupp tal-politika

- Il-kwistjoni speċifika ta' minorenni mhux akkumpanjati għandha tiġi żviluppata iktar fil-politiki ta' integrazzjoni kemm tal-UE kif ukoll dawk nazzjonali billi jiġu skambjati u żviluppati l-aħjar prattiki, eċċ.

- Il-Kummissjoni ser:

- Tindirizza sfidi speċifiċi li jippreżentaw il-minorenni mhux akkumpanjati fl-aġenda tal-UE għall-integrazzjoni tal-migranti.

- Teżamina s-sitwazzjoni speċifika ta' minorenni mhux akkumpanjati fl-istudju ppjanat dwar it-trattament ta' ċittadini minn pajjiżi terzi residenti illegalment li temporanjament ma jistgħux jintbagħtu lura u tevalwa l-ħtieġa u kemm hu kunsiljabbli li jiġi stabbilit qafas komuni rigward minorenni mhux akkumpanjati li ma jistgħu jintbagħtu lura.

5.3. Sistemazzjoni mill-ġdid

Is-sistemazzjoni mill-ġdid fl-UE ta' minorenni mhux akkumpanjati li huma refuġjati f'pajjiżi terzi tista' tkun ukoll għażla wara eżami bir-reqqa tal-aħjar interessi tat-tfal u jekk ma jkunx hemm soluzzjoni għal żmien twil[27]. Meta jkunu qed jagħmlu dawn l-evalwazzjonijiet l-Istati Membri se jkomplu jaħdmu mill-qrib mal-UNHCR u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili relevanti.

- Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ikomplu jagħmlu l-aħjar użu tal-possibbiltajiet ta' finanzjament disponibbli taħt il-FER rigward l-attivitajiet għas-sistemazzjoni mill-ġdid.

- Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħtiġijiet speċifiċi tal-minorenni jiġu kkunsidrati meta jkunu qed jimplimentaw il-Programm Konġunt tal-UE għas-Sistemazzjoni mill-Ġdid propost.

6. Konklużjoni

Dan il-Pjan ta' Azzjoni għandu l-għan li jipprovdi reazzjonijiet konkreti għall-isfidi ppreżentati bil-wasla ta' għadd numeruż ta' minorenni mhux akkumpanjati fit-territorju tal-UE, filwaqt li jirrispetta d-drittijiet tat-tfal u l-prinċipju tal-aħjar interess tat-tfal. Għandu jiġi kkunsidrat bħala l-punt tat-tluq fi proċess għat-tul u l-implimentazzjoni tiegħu tiddependi fuq l-appoġġ u x-xogħol tal-partijiet interessati kollha: L-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, l-Istati Membri, pajjiżi terzi u s-soċjetà ċivili. Se tiġi proposta azzjoni ulterjuri fis-snin li ġejjin u jistgħu jsiru studji, analiżi u valutazzjonijiet tal-impatt.

Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tagħha sa nofs is-sena 2012 u sal-2015, u għandha mnejn tipproponi reviżjoni tal-Pjan ta' Azzjoni u/jew azzjonijiet addizzjonali.

[1] Għall-għanijiet ta' dan id-dokument, id-definizzjoni ta' 'minorenni mhux akkumpanjati' ġejja minn Artikolu 2(f) tad- Direttiva tal-Kunsill 2001/55/EC

[2] Sinteżi u Rapporti Nazzjonali disponibbli fuq is-sit elettriniku tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni: http://emn.sarenet.es/Downloads/prepareShowFiles.do;?directoryID=115

[3] L-eċċezzjonijiet huma l-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, il-Lussemburgu u r-Rumanija.

[4] COM(2009) 262.

[5] COM(2006) 367.

[6] 17024/09, p. 68.

[7] Ara wkoll 'Il-Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma' COM(2010) 171 finali.

[8] P7_TA(2009)0090.

[9] Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u Artikolu 3 tal-UNCRC.

[10] Artikolu 24 tal-Karta u 3 tal-UNCRC.

[11] Inklużi t-tweġibiet għal kwestjonarju dwar it-tiftix tal-fatti, dokument tal-Kunsill 16869/09.

[12] Ara r-rapport tan-NEM.

[13] Ippubblikat fit-30 ta' April 2009, u disponibbli f'www.fra.europa.eu

[14] ir-Regolament (KE) Nru 862/2007.

[15] L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, l-Aġenzija Ewropea għal Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX), l-Uffiċċju Ewropew għall-Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil

[16] Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE.

[17] Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, il-Kunsill tal-UE, Linji Gwida dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Liġi Umanitarja Internazzjonjali , 2009

[18] Id-Direttivi 2008/115/KE, 2001/55/KE u 2004/81/KE.

[19] Standards internazzjonali dwar it-trattament ta' minorenni mhux akkumpanjati derivati mill-UNCRC ġew identifikati mill-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal fil-Kumment Ġenerali Nru 6 (2005) It-trattament ta' tfal mhux akkumpanjati barra mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom.

[20] Proposti li jemedaw: id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE li tistipula standards minimi għall-akkoljenza ta' dawk li qed ifittxu l-ażil COM(2008)815; ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li tistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex ikun deċiż liema Stat Membru huwa responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz, COM(2008)820; ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 li jikkonċerna t-twaqqif tal-'Eurodac' għat-tqbbil tal-marki tas-swaba sabiex tiġi applikata b'mod effikaċi l-Konvenzjoni ta' Dublin, COM(2008)825; id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE dwar l-istandards minimi tal-proċeduri fl-Istati Membri biex jingħata u jiġi rtirat l-istatus ta' refuġjat, COM(2009)554; u d-Direttiva tal-Kunsill 2004?83/KE dwar l-istandards minimi għall-kwalifika u status ta' ċittadini minn pajjiżi terzi jew persuni mingħajr ċittadinanza bħala refuġjati jew bħala persuni li xort'oħra jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, COM(2009)551.

[21] Proposta għal Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi, li tħassar id-Deċiżjoni Qafas 2002/629/ĠAI, COM(2010)95 finali.

[22] Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttamednt sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, li tħassar id-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI, COM(2010)94 finali.

[23] Ara r-rapport tan-NEM.

[24] ir-Regolament (KE) Nru 767/2008.

[25] Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/115/KE.

[26] Ara d-dokument SOLID 2008-21.

[27] COM(2009) 447.

Top