Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0203

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tan-netwerks trans-ewropej tal-enerġija fil-perjodU 2007-2009 Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) 680/2007 u l-Artikoli 9(2) u 15 tad-Deċiżjoni 1364/2006/KE SEG(2010)505 final

    /* KUMM/2010/0203 finali */

    52010DC0203

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tan-netwerks trans-ewropej tal-enerġija fil-perjodU 2007-2009 Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) 680/2007 u l-Artikoli 9(2) u 15 tad-Deċiżjoni 1364/2006/KE SEG(2010)505 final /* KUMM/2010/0203 finali */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 4.5.2010

    KUMM(2010)203 finali

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAN-NETWERKS TRANS-EWROPEJ TAL-ENERĠIJA FIL-PERJODU 2007-2009 Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) 680/2007 u l-Artikoli 9(2) u 15 tad-Deċiżjoni 1364/2006/KE

    SEG(2010)505 final

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAN-NETWERKS TRANS-EWROPEJ TAL-ENERĠIJA FIL-PERJODU 2007-2009 Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) 680/2007 u l-Artikoli 9(2) u 15 tad-Deċizjoni 1364/2006/KE

    IL-QAFAS TA’ POLITIKA

    It-tkabbir ekonomiku u l-istabbilità ekonomika tal-ġejjieni tal-Ewropa jiddependu minn investimenti fil-ħin u adegwati fl-infrastruttura tal-enerġija. Fl-1996, hekk kif parti mill-UE bdiet tersaq lejn il-kompletar ta’ suq waħdieni, ġew żviluppati n-Netwerks trans-Ewropew għall-Enerġija (TEN-E). Dawn kellhom l-għan li jagħtu spinta politika akbar lill-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija. Il-fokus kien fuq l-istadju ta’ vijabbiltà tal-proġetti tan-netwerks tal-gass u tal-elettriku li jikkontribwixxu lejn it-tħaddim ta’ suq waħdieni, b’mod partikolari inizjattivi transkonfinali. Dak iż-żmien, l-UE ma kellha l-ebda responsabbiltà tal-politika tal-enerġija u l-ebda suq intern tal-enerġija. Kumpaniji statali nazzjonali kienu jimmaniġjaw proġetti ta’ investimenti fin-netwerk li l-għan ewlieni tagħhom kien is-sigurtà tal-provvista.

    Fir-reviżjonijiet li saru iktar tard lit-TEN-E iddaħħlu kriterji dwar is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-provvista. Kien meqjus b'mod ġenerali li l-intervent tal-UE ma kienx meħtieġ fil-fażijiet tal-implimentazzjoni ta’ dawk il-proġetti, peress li dawn il-proġetti setgħu javanzaw permezz tal-interessi kummerċjali . Għaldaqstant il-baġit tat-TEN-E baqa’ baxx ħafna – madwar EUR 22 miljun fis-sena fil-perjodu li għalih jirreferi dan ir-rapport.

    Dan ir-rapport jagħti fil-qosor il-progress li kisbu t-TEN-E fl-2007-2009 biex jgħinu lill-industrija tal-enerġija Ewropea toħloq u timplimenta proġetti ta' netwerks strateġiċi. Il-perjodu msemmi f’dan ir-rapport jaqa’ taħt il-Linji gwida tat-TEN-E[1] adottati f’Settembru tal-2006, li jissostitwixxu dawk tal-1996[2] u tal-2003[3]. Il-Linji gwida l-ġodda eżaminaw l-għanijiet tal-politika u daħħlu għadd ta’ kunċetti u għodod ġodda, fosthom livelli differenti ta’ prijorità u koordinaturi Ewropej bil-għan li jassiguraw approċċ aktar immirat għall-implimentazzjoni tal-proġetti u koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri tul il-kurituri transnazzjonali. Ir-rapport jipprova wkoll jevalwa fejn ħallew impatt pożittiv it-TEN-E kif ukoll janalizza d-dgħufijiet tagħhom.

    L-informazzjoni dettaljata dwar il-proġetti ta’ interess Ewropew kif ukoll il-proġetti ta’ prijorità tinsab fl-Anness[4]. L-Anness jinkludi deskrizzjoni fil-qosor tal-proġetti, jiddeskrivi l-progress li sar fl-implimentazzjoni tagħhom u jippreżenta s-sorsi ta’ finanzjament matul il-perjodu 2007-2009. Jinkludi evalwazzjoni dettaljata tal-problemi li nstabu matul l-implimentazzjoni tal-proġetti.

    Il-qafas tal-politika ta’ enerġija fl-UE ġie trasformat b’mod fundamentali matul il-perjodu ta’ dan ir-rapport. Ġew adottati għanijiet ambizzjużi għall-enerġija u l-klima (il-miri 20-20-20) kif ukoll it-tielet pakkett tas-suq intern tal-enerġija. Dawn il-miri issa jiffurmaw parti ċentrali mill-istrateġija l-ġdida EU2020[5] mnedija mill-Kummissjoni f’Marzu tal-2010. Barra minn dan, matul dan il-perjodu, l-UE għaddiet mill-akbar kriżi ekonomika fl-istorja tagħha. Flimkien ma’ dan, il-ġeopolitika tal-enerġija nbidlet hekk kif iċ-Ċina u pajjiżi oħra feġġew bħala importaturi ewlenin tal-enerġija.

    Dan ir-rapport jenfasizza l-importanza tal-infrastruttura tal-enerġija għall-għanijiet globali tal-politika tal-enerġija tal-UE u t-twettiq tal-miri 20-20-20 tagħha. Dan jikkontribwixxi għat-tħejjija ta’ proposta għal Strument ġdid tas-Sigurtà u l-Infrastruttura tal-Enerġija tal-UE, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew f’Marzu tal-2009[6] u li jissemma’ diġà fil-Komunikazzjoni dwar it-Tieni Reviżjoni Strateġika tal-Enerġija (2008)[7] u dwar il-Green Paper dwar in-netwerks tal-enerġija (2008)[8].

    PROGRESS FL-IMPLEMENTAZZJONI TAL-PROġETTI TEN-E

    Il-politika tat-TEN-E ġiet żviluppata u ffurmata fis-snin 90 permezz ta’ Linji gwidi suċċessivi tat-TEN-E u permezz tar-Regolament Finanzjarju korrispondenti. L-għanijiet attwali tal-politika tat-TEN-E huma li (1) tappoġġa t-tkomplija tas-suq intern tal-enerġija tal-UE, (2) tnaqqas l-iżolament tar-reġjuni żvantaġġati u tal-gżejjer, (3) issaħħaħ u tiddiversifika l-provvisti tal-enerġija tal-UE anki permezz ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, (4) tikkontribwixxi għal żvilupp sostenibbli u l-ħarsien tal-ambjent. Il-qafas ta’ politika preżenti tat-TEN-E jinkludi n-netwerks tat-trażmissjoni tal-elettriku, tal-gass u tal-olefin.

    Il-Linji gwida għan-netwerks tal-enerġija trans-Ewropej introdotti fl-2006 elenkaw il-proġetti li huma eleġibbli għall-kofinanzjament Komunitarju skont l-għanijiet u l-prijoritajiet imsemmija hawn fuq. B’kollox hemm madwar 550 proġett tat-TEN-E, maqsuma fi tliet kategoriji, skont l-importanza meqjusa tagħhom biex jagħtu benefiċċji Ewropej aktar wesgħin.

    Il-proġetti ta’ interess Ewropew huma ta’ natura transkonfinali jew għandhom impatt sinifikanti fuq il-kapaċità transkonfinali. Jingħataw l-ewwel prijorità għal finanzjament mill-baġit Komunitarju għat-TEN-E.

    Mit-32 proġett tal-elettriku u l-10 proġetti tal-gass ta’ interess Ewropew, tlestew 9 proġetti, li minnhom ħamsa huma fis-settur tal-elettriku u erbgħa fis-settur tal-gass. Barra minn hekk, mill-2007 għadhom qed isiru 12-il proġett li minnhom disgħa huma fis-settur tal-elettriku waqt li tlieta huma fis-settur tal-gass. Numru żgħir ħafna ta’ proġetti ta’ interess Ewropew iffaċċjaw dewmien serju, bħal Yamal (il-fażi tal-istudju għadha ma bdietx) jew l-Interkonnettur Baltiku (il-kostruzzjoni ġiet sospiża għalkemm l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa ngħataw). Proġett wieħed ġie abbandunat (Stupava (SK) – il-linja tax-xlokk ta’ Vjenna (AT)).

    Il-proġetti ta’ prijorità għandhom impatt sinifikanti fuq il-mod kif jiffunzjona s-suq intern, fuq l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli u/jew fuq is-sigurtà tal-provvista. Il-proġetti jintgħażlu mill-proġetti ta’ interess komuni u jingħataw it-tieni prijorità fl-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja.

    In-numru ta’ proġetti ta’ prijorità tal-elettriku u tal-gass jammonta għal madwar 140 u 100 rispettivament. 21 ġew finalizzati fl-2007-2009, 9 u 12 fis-settur tal-elettriku u tal-gass rispettivament. Barra minn hekk, sal-lum 46 proġett għadhom qed isiru – li minnhom 33 huma fis-settur tal-elettriku u 13 fis-settur tal-gass.

    Il-proġetti ta’ interess komuni jilħqu l-għanijiet u l-prijoritajiet stipulati fil-Linji gwida u juru vijabbiltà ekonomika potenzjali kif determinat minn analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż fir-rigward tal-ambjent, is-sigurtà tal-provvista u l-koeżjoni ġeografika. Il-Linji gwida jelenkaw 164 proġett ta’ interess komuni tal-elettriku u 122 tal-gass

    Matul il-perjodu ta’ dan ir-rapport, reġgħu ġew definiti diversi proġetti f’kull waħda mit-tliet kategoriji wara tibdil fid-domanda tas-suq jew diffikultajiet li ltaqgħu magħhom waqt li kienu qed jiġu implimentati. Dan jimplika l-bżonn ta’ definizzjoni aktar flessibbli tal-proġetti TEN-E biex jilqgħu aħjar għall-bżonnijiet ta’ żvilupp tan-netwerk.

    It-TEN-E kienu effettivi l-aktar f’dawk il-proġetti li ntgħażlu biex jingħataw l-ewwel prijorità fil-finanzjament, prinċipalment proġetti ta’ interess Ewropew, u li kellhom appoġġ politiku konsiderevoli kif ukoll potenzjal kummerċjali. Jeħtieġ li l-fokus tat-TEN-E jiġi ristrett fuq numru limitat ta’ proġetti strateġiċi bi prijoritajiet Ewropej. Fl-istess ħin, id-definizzjoni ta’ proġetti għandha tkun flessibbli biex tilqa’ aħjar għall-iżvilupp tas-suq.

    IFFINANZJAR TAL-INFRASTRUTTURA TAT-TEN-E

    Fl-UE, l-infrastruttura tal-enerġija hi prinċipalment iffinanzjata mill-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni (TSOs) permezz ta’ tariffi (“il-prinċipju ta’ min juża’ jħallas”). Ir-riżorsi tat-TSOs jammontaw għal madwar 20-100% tal-investiment totali meħtieġ, skont l-iskala tal-investiment globali. Ġeneralment, il-kumplament jiġi kopert b’self minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jew banek kummerċjali. Is-sħubija ma’ kumpaniji attivi fis-settur tal-gass u tal-enerġija, barra mit-TSOs, tista’ xi kultant toffri wkoll kapital addizzjonali. L-Istati Membri ħafna drabi ma jipparteċipawx direttament fil-finanzjament tal-proġetti tat-TEN-E minħabba li dawn normalment isiru u jiġu ffinanzjati mit-TSOs.

    L-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-proġetti tat-TEN-E isir permezz ta' għadd ta’ strumenti:

    - Ir -Regolament Finanzjarju tat-TEN[9] , rivedut f’Ġunju tal-2007, jikkumplimenta l-Linji gwida tat-TEN-E. Il-baġit tal-programm ta’ finanzjament tat-TEN-E jammonta għal EUR 155 miljun għall-perjodu tal-baġit bejn l-2007-2013 li minnu madwar EUR 70 miljun huwa għall-perjodu 2007-2009. Għalkemm ir-rata massima ta’ kofinanzjament hija sa 50% għall-istudji u 10% tal-ispejjeż eliġibbli tax-xogħlijiet, kważi qatt ma tammonta għal aktar minn 0,01-1% tal-ispejjeż tal-investiment totali ta’ xi proġett.

    - Il- Bank Ewropew tal-Investiment għandu rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-proġetti tat-TEN-E. Fl-2007-2009, il-vot finanzjarju għall-proġetti tal-gass u tal-elettriku kien jammonta għal EUR 2.561 u EUR 3.407 miljun rispettivament.

    - B’rikonoxximent tal-importanza soċjali u ekonomika tagħhom, il-proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija ngħatatilhom iktar prijorità f’sorsi oħra ta’ finanzjament tal-UE, inkluż il- Fondi Strutturali, l-Istrument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) u l-Istrument għall-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENPI[10]/NIF[11]) u l-Programm Kwadru RTD . Dawn il-programmi għandhom baġit li huwa sinifikament ikbar mit-TEN-E għal miżuri marbuta mal-enerġija. Minkejja dan, l-ammonti assoluti baqgħu baxxi għajr fil-każ tal-Fondi Strutturali, fejn l-appoġġ għal proġetti tat-TEN-E laħaq kważi EUR 700 miljun.

    - Fl-2009, il-Kunsill qabel li b’mod eċċezzjonali jalloka EUR 3.98 biljun għall-infrastruttura u t-teknoloġija tal-enerġija fil- Programm Ewropew għall-Irkupru tal-Enerġija (EEPR) . Il-kriżi ekonomika tal-2009 kellha impatt kbir fuq proġetti tal-infrastruttura kummerċjali. Dawn il-fondi kienu immirati lejn proġetti fejn id-dewmien ikkawżat mill-irtitar ta’ kreditu ma jkunx biss ta’ ħsara għas-sigurtà tal-provvista tal-UE, u għalhekk għat-tkabbir ekonomiku tal-ġejjieni, iżda wkoll ikollu impatt serju fuq ix-xogħol u l-ħiliet fis-setturi tal-enerġija u l-kostruzzjoni, b’mod li jżomm lura milli jiddaħħlu teknoloġiji rinovabbli u b’karbonju baxx fin-netwerks tal-enerġija. Proporzjon kbir tal-finanzjament tal-EEPR se jkun ta’ benefiċċju għall-proġetti li huma prijoritajiet tat-TEN-E.

    Il-baġit tat-TEN-E qed jintuża’ b’mod aktar effettiv minħabba li żdiedet il-koordinazzjoni ma’ attivitajiet u strumenti tal-infrastruttura tal-enerġija fl-UE. Il-potenzjal għal koordinazzjoni aktar effettiva, inkluż ma’ miżuri nazzjonali, jista’ jkun strutturat aħjar biex isaħħaħ is-sinerġiji u l-ksib ta’ riżultati, mhux biss f’termini finanzjarji iżda wkoll biex jassigura l-koerenza globali tal-azzjonijiet u l-politiki tal-UE. Jeħtieġ li tiżdied il-koordinazzjoni bejn l-istrumenti tat-TEN-E u tal-IPA/ENPI biex jiġu ġenerati aktar possibbiltajiet għall-integrazzjoni tan-netwerk u tas-suq u biex jitqiesu aħjar kwistjonijiet bħal dawk tal-iżvilupp ta' netwerks intelliġenti kif ukoll tat-titjib tal-interkonnessjonijiet tal-Istati Membri l-ġodda (Fondi Strutturali u EIB) mal-pajjiżi terzi (IPA, ENPI/NIF). L-impatt tat-TEN-E jista’ jiġi mtejjeb b’mod konsiderevoli billi jiġi msaħħaħ dan l-approċċ.

    TITJIB TAL-IMPATT POLITIKU

    Il-Linji gwida tal-2006 tennew il-miri diġà stabbiliti tat-TEN-E, primarjament biex iħajru t-tħaddim effettiv u l-iżvilupp tas-suq intern tal-enerġija u jnaqqsu l-iżolament taż-żoni żvantaġġati u tal-gżejjer. Għamlu enfasi ġdida fuq il-bżonn li tiġi rinfurzata s-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija u kkonfermaw l-għan il-ġdid ta' kontribuzzjoni għall-iżvilupp sostenibbli u għall-ħarsien tal-ambjent.

    Matul il-perjodu ta’ rappurtar, il-programm tat-TEN-E ikkontribwixxa b’mod pożittiv għall-iżvilupp u t-tħaddim tas-suq intern tal-enerġija. B’mod partikolari, il-ħdax-il proġett transkonfinali tal-elettriku li tlestew, u li ngħataw spinta mill-qafas tal-politika tat-TEN-E, taw lok għal żieda fil-kummerċ tal-enerġija u għal aktar kompetittività, li wassal għall-konverġenza tal-prezzijiet medji tal-enerġija u stimula l-integrazzjoni tas-suq u b’hekk inħoloq suq intern tal-enerġija reali.

    Is-sigurtà tal-provvista ġiet rinfurzata wkoll permezz ta’ żieda fil-kapaċità tat-trażmissjoni fl-Istati Membri kif ukoll bejniethom, kemm għall-elettriku kif ukoll għall-gass, u għat-tliet proġetti tat-terminali tal-LNG u tal-ħżin tal-gass. F’dan ir-rigward, it-TEN-E ikkontribwixxew għal aktar diversità fil-provvista tal-gass. Minkejja dan, kien biss permezz tal-EEPR li qed isiru investimenti sinifikanti fit-teknoloġija ta' flussi inversi ta' gass għal interkonneturi tal-gass ġodda u/jew eżistenti, b’mod li jsaħħu s-sigurtà tal-provvista.

    Sar inqas progress fir-rigward tal-għanijiet ta' tnaqqis ta' iżolament tar-reġjuni periferali u tal-gżejjer. Erbgħa mid-disa’ proġetti għadhom għaddejjin. In-nuqqas ta’ ċertezza dwar it-taħlita tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-ġejjieni (importazzjoni ta' gass meta mqabbel ma’ sorsi rinovabbli) huwa ta’ xkiel għall-iżvilupp tal-infrastrutturi fi swieq iżolati.

    Fi snin riċenti, il-qafas tat-TEN-E ġie msaħħaħ billi l-għanijiet, li qabel kienu limitati għall-interkonnessjoni tas-swieq, ġew estiżi għal għanijiet ta' sigurtà u diversifikazzjoni tal-provvista u għanijiet ta' sostenibbiltà. Minkejja dan, il-programm għadu l-aktar effettiv fil-każ ta’ proġetti ewlenin ta’ interkonnessjoni li huma kkaratterizzati l-iktar mill-provvista. L-impatt tat-TEN-E kien anqas rilevanti fl-iffaċċjar tal-aktar sfidi riċenti li jikkonċernaw il-miri u l-għanijiet tal-politika strateġika tal-enerġija tal-UE.

    TISħIħ TAL-KOORDINAZZJONI U TAL-KOOPERAZZJONI

    Il-Linji gwida stabbilixxew qafas għal kooperazzjoni aktar mill-qrib, fosthom permezz ta’ titjib fl-iskambju ta’ informazzjoni u fil-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri. F’dan il-perjodu ta’ rappurtar, it-TEN-E intużaw għall-ewwel darba għall-ħatra ta’ Koordinaturi Ewropew u f’Settembru tal-2007, inħatru erba’ Koordinaturi għal erba’ snin[12].

    Ir-rwol tal-Koordinaturi kien li jagħmluha ta’ medjaturi fi proġetti strateġiċi transkonfinali sabiex jirrisolvu diffikultajiet prattiċi li jkunu qed ifixklu dawk il-proġetti. Sentejn wara, tnejn mill-Koordinaturi temmew b’suċċess il-mandat tagħhom u tnejn oħra għadhom attivi. Il-koordinaturi kienu l-aktar effettivi meta rnexxilhom iressqu flimkien l-Istati Membru fuq l-ogħla livell sabiex iwittu problemi politiċi jew amministrattivi. Dan seta’ jsir biss minħabba li kienu imparzjali u minħabba l-esperjenza politika tagħhom, mandat ċar, skeda taż-żmien limitat u interazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-Istati Membri fuq l-ogħla livell. Hemm żvantaġġ minħabba r-riskju ta’ konfużjoni bejn ir-rwoli relattivi tal-Koordinaturi u tal-Kummissjoni, b’mod partikolari jekk il-mandat tagħhom ikopri proġetti li jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-UE.

    B’mod parallel, il-Kummissjoni kellha rwol attiv biex iġġib flimkien il-partijiet kollha rilevanti konċernati bil-għan li toħloq kunsens dwar kif għandhom jimxu l-proġetti reġjonali li huma politikament sensittivi u kumplessi. Dawn jinkludu b’mod partikolari l-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija Baltiku (BEMIP), il-Kuritur tan-Nofsinhar inkluż in-Nabucco, kif ukoll l-appoġġ għal inizjattivi reġjonali bħall-Forum Pentalaterali (gass u elettriku), u l-Forum Ħeptalaterali l-ġdid (tal-elettriku) li issa qed jiġu ppubbliċizzati mill-Ġermanja u l-Polonja.

    Il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali saret iktar importanti hekk kif qiegħed jintensifika x-xogħol biex jitlesta netwerk Ewropew tal-elettriku u l-gass interkonness kompletament.

    L-intervent tal-Koordinaturi Ewropew indirizza xi wħud mid-dgħufijiet tal-qafas eżistenti tat-TEN-E. Ix-xogħol tagħhom wassal għal progress sinifikanti fil-proġetti konċernati, speċjalment fil-każ ta' proġetti li jiffaċċjaw ostakli li huma magħrufa sew u li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta' għadd żgħir ta' pajjiżi u kumpaniji.

    Ir-rwol li l-Kummissjoni għandha biex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ proġetti reġjonali kumplessi li jinvolvu diversi pajjiżi u kumpaniji u li jirrikjedu approċċ multi-settorali, sar wieħed essenzjali.

    PROċEDURI TA’ AWTORIZZAZZJONI

    Min-natura tad-definizzjoni tagħhom, kważi il-proġetti kollha tat-TEN-E jiffaċċjaw xi ostakli waqt li jkunu qed jiġu implimentati. L-ostakli huma l-aktar marbuta ma’ limitazzjonijiet finanzjarji u tekniċi, speċjalment problemi fir-rotta magħżula u fil-qafas legali u politiku magħżul. Minkejja dan, wieħed mill-akbar ostakli huwa marbut mal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni. It-TEN-E m’għandhom l-ebda kompetenza biex jitrattaw din il-kwistjoni.

    Il-Linji gwida tat-TEN-E jeħtieġu lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex inaqqsu d-dewmien fil-proġetti (b’mod partikolari f’dawk il-proġetti ta’ interess Ewropew) filwaqt li jikkonformaw mal-proċeduri ambjentali. Dan japplika wkoll għall-pajjiżi terzi involuti, f'konformità mat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija. Minkejja dan, it-tul mhux previst tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, li xi kultant jista’ jkun diversi snin, anki għexieren ta’ snin, huwa problema li qed tiżdied. F’żoni rurali din il-problema tista' tiżdied minħabba ħtiġijiet ambjentali u oppożizzjoni pubblika għal proġetti ta’ kostruzzjoni kbar. Fi proġetti fuq distanzi twal, kif spiss ikunu l-proġetti tat-TEN-E, il-problemi jistgħu jiġu multiplikati għal kull komun, reġjun u pajjiż li minnhom jgħaddi l-proġett.

    Ħafna, jekk mhux l-Istati Membri kollha, huma konxji ta’ din il-problema u xi wħud bdew jindirizzawha permezz ta’ atti legali nazzjonali ġodda mmirati biex jaċċelleraw jew jissimplifikaw il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni. Peress li din hija l-aktar leġiżlazzjoni riċenti, għadu ma ġiex ittestjat kemm hi vulnerabbli għal sfidi legali u problemi oħra prattiċi.

    Sabiex ikun żgurat l-appoġġ neċessarju fuq livell nazzjonali xi Stati Membri jistgħu jiddikjaraw ċerti proġetti bħala proġetti ta’ interess nazzjonali. Dan jista’ jevita li jkun hemm dewmien waqt il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u jħaffef l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ infrastruttura.

    Iżda, dan ma sarx fl-Istati Membri kollha u ħafna drabi ma kienx koordinat fuq livell Ewropew aktar wiesa’ jew reġjonali għall-proġetti transkonfinali. Barra minn dan, bħalissa, m’hemm l-ebda mekkaniżmu fil-linji gwida tat-TEN-E li jiżgura l-konsistenza bejn prijoritajiet ta’ infrastruttura tal-enerġija Ewropej u dawk nazzjonali.

    Jidher ċar li jeħtieġ li jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta’ ppjanar u awtorizzazzjoni fil-każ ta’ proġetti li jolqtu diversi ġurisdizzjonijiet. Fl-aħħar sentejn, sar progress biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-proġetti ta’ infrastruttura tal-enerġija ewlenin fl-Istati Membri. Minkejja dan, jinħtieġ li jkun hemm azzjoni fuq il-livell tal-UE sabiex tiġi żgurata aktar koordinazzjoni u konsistenza.

    KONKLUżJONIJIET U ĦARSA ġENERALI

    It-TEN-E taw kontribut pożittiv lill-proġetti magħżula billi tawhom viżibbiltà politika u għenuhom jattiraw fondi mis-suq finanzjarju. It-"tikketta tat-TEN-E" mogħtija lill-proġetti bl-ogħla interess Ewropew u l-ħolqien ta’ Koordinaturi Ewropej wasslu għall-ksib ta’ dawn ir-riżultati.

    Minkejja dan, il-qafas tal-politika tal-enerġija Ewropea għadda minn tibdil drammatiku fis-snin riċenti, tant li kienet meħtieġa reviżjoni sħiħa kemm tal-kunċett tal-qafas tat-TEN-E kif ukoll tar-raġunijiet li jiġġustifikawh. Fl-2008, il-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar in-netwerks tal-enerġija kienet diġà eżaminat kemm huma adattati t-TEN-E biex jintlaħqu l-miri 20-20-20 u l-miri ta' sigurtà. Il-Green Paper issuġġerixxiet li hemm bżonn ta’ strument ġdid biex jitratta l-isfidi li qed jikbru għas-sigurtà tal-enerġija u l-investiment fin-netwerks fl-UE. Il-Kunsill Ewropew awtorizza dawn il-konklużjonijiet f’Marzu tal-2009. Dan ir-rapport ikompli jsaħħaħ dawn l-argumenti. Dan ir-rapport jikkoinċidi wkoll mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu tal-2009 li jitolbu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa Strument ġdid għas-Sigurtà u l-Infrastruttura tal-Enerġija.

    Il-ftehim dwar Politika tal-Enerġija tal-UE[13] fl-2007 stabbilixxa għanijiet ambizzjużi u miri li jorbtu kemm fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet serra[14] kif ukoll fuq l-enerġija minn sorsi rinovabbli[15] sabiex jirribattu t-tibdil fil-klima, itejbu l-kompetittività u jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għall-konsumaturi Ewropej. Jeħtieġ li jkun hemm żvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija adattat sabiex jilħaq dawn l-għanijiet speċjalment f'dak li jikkonċerna l-integrazzjoni ta’ sorsi rinovabbli tal-enerġija fil-grid, it-tnaqqis tar-riskji teknoloġiċi kbar tat-teknoloġiji b’karbonju baxx, l-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija Ewropej u biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista.

    Il-qafas regolatorju relatat mal-infrastruttura tal-gass u tal-elettriku evolva konsiderevolment: it-tielet pakkett intern tas-suq tal-enerġija[16] ġie adottat fis-sajf tal-2009 u qed jiġi implimentat. Dan jipprovdi strumenti ġodda għal kooperazzjoni aħjar bejn l-Operaturi u r-Regolaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni. L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) se tibda x-xogħlijiet fl-2011, bil-għan li tiżgura l-koordinazzjoni tar-regoli dwar l-aċċess għan-netwerk u l-investiment transkonfinali. In-Netwerk Ewropew tal-operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni tal-gass (ENTSO-G) u tal-elettriku (ENTSO-E) huma inkarigati biex iqiegħdu fil-prattika l-integrazzjoni tas-suq billi jipprovdu viżjoni Ewropea dwar l-aċċess għan-netwerk u l-investimenti tan-netwerk. Wieħed mill-kompiti ewlenin tagħhom huwa li jfasslu l-Pjanijiet ta' Għaxar Snin għall-Iżvilupp tan-Netwerk; f’Diċembru tal-2009 ġie ippubblikat l-ewwel abboz għall-gass, u f’Marzu tal-2010 ġie ppubblikat dak għall-elettriku .

    F’Lulju tal-2009, b'segwitu għat-Tieni Reviżjoni Strateġika tal-Enerġija ta’ Novembru tal-2008 u sejħiet mill-Kunsill u l-Parlament, amplifikati mill-kriżi tal-gass ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet regolament ġdid li jikkonċerna l-miżuri biex jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass . Filwaqt li r-regolament iqiegħed l-enfasi ewlenija fuq is-suq intern bħala l-aqwa garanzija għas-sigurtà tal-provvista, ir-regolament jipprovdi għal standards komuni għas-sigurtà tal-provvista – l-istandard tal-infrastruttura (n-1) u l-istandards tal-provvista għall-konsumaturi protetti. Dan jirrikjedi wkoll li jiġu stabbiliti flussi inversi fuq l-interkonnessjoni kollha fi żmien sentejn minn mindu jidħol fis-seħħ (b'xi eżenzjonijiet).

    Sabiex jiġi stimulat l-irkupru ekonomiku, il- Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru Ekonomiku alloka madwar EUR 4 biljun biex jattira finanzjament privat għall-proġetti tal-infrastruttura tal-gass u tal-elettriku, proġetti tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta u proġetti tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju. Dan jipprovdi tagħlim utli fuq il-benefiċċji ta’ kollaborazzjoni akbar mill-Istati Membri u ta' involviment strateġiku fuq livell għoli.

    F’dan l-isfond, ħarġu fil-beraħ id-dgħufijiet tat-TEN-E fl-2007-2009. Il-programm irreaġġixxa bil-mod wisq għall-isfidi ewlenin li tfaċċaw fis-snin riċenti, u mhux mgħammar tajjeb biex jindirizza l-isfidi dejjem akbar li jġibu magħhom il-miri ffissati għall-2020 u l-2050.

    L-ambjent tal-politika l-ġdida joħloq sfida għat-TEN-E, li m’għandhomx la r-riżorsi u lanqas il-flessibbiltà biex jagħtu kontribut sħiħ għall-ilħiq tal-miri ambizzjużi tal-enerġija u dawk klimatiċi. Matul l-2010, il-Kummissjoni se teżamina l-bżonn ta’ strument ġdid li jirrifletti bis-sħiħ l-importanza ta’ infrastruttura għat-twettiq tal-miri tal-politika.

    Abbażi tas-sejbiet ta’ dan ir-rapport, joħorġu l-prijoritajiet li ġejjin li se jkunu elaborati u analizzati fir-reviżjoni li jmiss tat-TEN-E u fl-evalwazzjoni tal-impatt mehmuża magħha.

    L-ewwel nett, il-prijoritajiet strateġiċi tal-infrastruttura tal-enerġija tal-UE jridu jiġu definiti aħjar . In-netwerks tal-enerġija jridu jiġu modernizzati sabiex l-Ewropa tkun tista’ tilħaq il-miri tal-politika tal-enerġija tagħha, inkluż il-miri 20/20/20. In-netwerks iridu jkunu aktar mifruxa mal-Ewropa kollha, biex is-suq intern tal-enerġija jkun jista’ jiġi żviluppat u jiffunzjona sew, biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista iżda wkoll biex ikunu jistgħu jiġu applikati t-teknoloġiji l-ġodda. In-netwerks iridu jsiru wkoll flessibbli, biex jagħtu lok għal varjetà ta’ sorsi rinovabbli, għall-ġenerazzjoni tal-enerġija deċentralizzata, li tinkorpora teknoloġiji intelliġenti għad-domanda tal-enerġija, inkluż il-kunċett ta’ "super grid" mal-Ewropa kollha għall-elettriku u l-gass kif ukoll in-netwerks għall-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS). Trid tiġi kkunsidrata wkoll id-dimensjoni esterna tal-infrastruttura u d-diversifikazzjoni tar-rotot u s-sorsi tal-provvista, speċjalment fis-settur tal-gass iżda jekk jista’ jkun fis-settur taż-żejt ukoll.

    It-tieni nett, jeħtieġ approċċ ġdid għad-definizzjoni tal-proġetti . Il-kategorizzazzjoni attwali ma tinftehimx sew u tonqos milli tagħti dehra globali ċara tal-għanijiet. Jista’ jibqa' jintuża l-approċċ adottat fit-tieni Reviżjoni Strateġika tal-Enerġija tal-Kummissjoni, fejn diversi proġetti jinġiebu flimkien f’inizjattiva reġjonali, bħall-Kuritur tan-Nofsinhar għall-importazzjonijiet tal-gass mir-Reġjun Kaspju, jew il-Pjan ta’ Interkonnessjoni Baltiku. Jeħtieġ li jsir dibattitu politiku dettaljat biex jiġi deċiż liema għandhom ikunu l-prijoritajiet tal-ġejjieni tal-infrastruttura Ewropea.

    It-tielet nett, il-potenzjal għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri involuti fi proġetti jrid ikun mistħarreġ aħjar . Dan japplika fil-livell tal-ippjanar u fil-livell ta’ koordinazzjoni politika. Dawk is-sitwazzjonijiet fejn proġetti ta’ interess Ewropew ma jingħatawx status ta’ prijorità nazzjonali, jew fejn tali proġetti ma jkunux appoġġati bl-istess mod mill-Istat Membru involut huma insostenibbli. Għandha tiġi mistħarrġa l-possibbiltà li jitwaqqaf korp ta' awtorizzazzjoni (ċentrali) fi Stat Membru wieħed, talanqas fil-każ ta' proġetti transkonfinali biex tiġi aċċelerata l-implimentazzjoni.

    Ir-raba’ nett, strateġija tal-infrastruttura tal-UE iktar b’saħħitha għandha tattira l-investiment f’livell proporzjonali għall-isfidi . Il-finanzjament tal-investimenti tan-netwerk minn tariffi mħallsa mill-utenti tan-netwerk huwa l-approċċ stabbilit fl-Ewropa. Din se tkun ukoll il-karatteristika ewlenija fil-ġejjieni. Jista’ jkun hemm, iżda, xi ftit ċirkostanzi fejn il-finanzjament pubbliku jista’ jkun motivat mill-benefiċċji fuq skala Ewropea u minn fallimenti evidenti tas-suq, li jżommu milli jsir l-investiment. Jeħtieġ li l-finanzjament attwali disponibbli minn-strumenti oħra tal-UE jintuża aħjar u jiġi kkoordinat ma’ azzjonijiet tal-politika tal-enerġija.

    Flimkien ma' dan ir-rapport, il-Kummissjoni tippreżenta l-ewwel impressjonijiet tagħha dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Enerġija għall-ġejjieni, li wieħed mill-prijoritajiet ewlenin tiegħu għandu jkun l-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-enerġija aktar b’saħħitha u aktar flessibbli, li tkun adattata sew għall-isfidi politiċi ta’ żminijietna.

    [1] Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE

    [2] Deċiżjoni Nru 96/391/KE

    [3] Deċiżjoni Nru 1229/2003/KE

    [4] SEC(2010)xxx

    [5] UE 2020 – Strateġija Ewropea għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, 3 ta’ Marzu 2010

    [6] Kunsill Ewropew ta’ Brussell, 19-20 ta’ Marzu 2009, Konklużjonijiet tal-Presidenza 7880/1/09

    [7] COM(2008)781

    [8] COM(2008)782

    [9] Regolament (KE) Nru 680/2007

    [10] Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija

    [11] Strument ta' Investiment fl-ambitu tal-Politika ta' Viċinat

    [12] Mr Mario Monti, Mr Josiaz van Aartsen, Mr Georg Wilhelm Adamowitsch u Prof Wladyslaw Mielczarski. Ara r-rapporti annwali u d-dokumenti l-oħra rilevanti tal-Koordinaturi Ewropej fi: http://ec.europa.eu/energy/infrastructure/tent_e/coordinators_en.htm

    [13] COM (2007) 1 approvata mill-konklużjonijiet tal-Kunsill fir-rebbiegħa tal-2007

    [14] Direttiva 2009/29/KE li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, Deċiżjoni Nru 406/2009/KE dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-gassijiet serra sal-2020

    [15] Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinovabbli (“direttiva RES”)

    [16] Direttivi 2009/72-73/KE, Regolamenti (KE) 713-714-715/2009

    Top