Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0190

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport dwar il-Valutazzjoni ex-post Esterna tat-Tielet Fażi tal-Programm Tempus 2000-2006

/* KUMM/2010/0190 finali */

52010DC0190

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport dwar il-Valutazzjoni ex-post Esterna tat-Tielet Fażi tal-Programm Tempus 2000-2006 /* KUMM/2010/0190 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 28.4.2010

KUMM(2010)190 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar il-Valutazzjoni ex-post Esterna tat-Tielet Fażi tal-Programm Tempus 2000-2006

WERREJ

Rapport dwar il-Valutazzjoni ex-post Esterna tat-Tielet Fażi tal-Programm Tempus 2000-2006

1. Introduzzjoni 3

2. Sfond 3

3. Deskrizzjoni fil-qosor tal-programm 4

4. Il-ħidma valutattiva 4

5. Il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni 5

5.1. Ir-rilevanza 5

5.2. L-effiċjenza 5

5.3. L-effettività 6

5.4. L-impatti 7

5.5. Is-sostenibbiltà 7

6. Rakkomandazzjonijiet tal-valutaturi u l-Kummenti tal-Kummissjoni 8

7. Konklużjoni 11

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar il-Valutazzjoni ex-post Esterna tat-Tielet Fażi tal-Programm Tempus 2000-2006

INTRODUZZJONI

Dan ir-rapport qed jitressaq skont l-Artikolu 12 tal-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/311/KE tad-29 ta' April 1999. Hu jippreżenta l-pożizzjoni tal-Kummisjoni dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tat-valutazzjoni ex-post esterna tat-tielet fażi tal-programm Tempus (Tempus III) li tinsab f’dan is-sit tal-internet: http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/evalreports/education/2009/tempusreport_en.pdf .

SFOND

L-ewwel fażi ta’ Tempus, li ġiet adottata fl-1990[1] u li fil-bidu kienet tkopri l-Pajjiżi tal-Ewropea Ċentrali u tal-Lvant, fittxet li tikkontribwixxi għar-riforma soċjoekonomika permezz tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-UE u fil-Pajjiżi Msieħba. Dan kien imfassal biex iħeġġeġ l-iżvilupp bi sħab ta’ kurrikuli ġodda, il-kisba ta’ ħiliet maniġerjali mill-persunal akkademiku u amministrattiv u l-ftuħ tas-sistemi edukattivi tal-Pajjiżi Msieħba għas-soċjetà ċivili.

It-tieni fażi tal-programm wessgħet il-firxa ġeografika tal-programm u kabbret ukoll l-ambizzjoni u l-livelli ta' stennija tiegħu. Iddaħħlu prijoritajiet nazzjonali speċifiċi li żżewġu mal-metodoloġija oriġinali "minn isfel 'il fuq" li permezz tagħha l-inizjattiva kienet isserraħ biss fuq spallet l-Universitajiet. Din l-evoluzzjoni ppermettiet li l-programm jimxi mal-bidliet fil-kuntest politiku u jikkontribwixxi għall-proċess tal-adeżjoni tal-Pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant fl-Unjoni Ewropea.

Fis-sena 2000[2], imbagħad, iddaħħlu żewġ aspetti innovattivi fit-tielet fażi ta’ Tempus (Tempus III). Flimkien mal-metodoloġiji li kienu ġew ippruvati qabel, speċifiċi għal kull pajjiż, ġiet enfasizzata b’mod partikolari l-kapaċità tal-programm li jħeġġeġ il-kooperazzjoni reġjonali u saret referenza espliċita għall-ħtieġa li jiġu żgurati l-konsistenza u l-kumplimentarjetà mal-programmi Komunitarji l-oħrajn, filwaqt li jinħolqu sinerġiji ma' għamliet oħra ta' assistenza lill-pajjiżi msieħba.

Bl-estensjoni[3] ta’ Tempus III għall-pajjiżi tan-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran, il-programm fittex ukoll li jħeġġeġ il-komprensjoni u d-djalogu interkulturali bħala mezz biex jiġu assigurati t-tkabbir sostenibbli, il-paċi u l-istabbiltà filwaqt li tissaħħaħ id-dimensjoni interkulturali u tas-soċjetà ċivili tal-programm.

Tempus III wasal fi tmiemu f’Diċembru 2006[4]. Ir-raba’ fażi tal-programm bdiet fl-2007 u minn April 2009 tmexxiet mill-Aġenzija Eżekuttiva Edukattiva, Awdjoviżiva u Kulturali.

DESKRIZZJONI FIL-QOSOR TAL-PROGRAMM

Bil-ħsieb li jiġi massimizzat l-impatt fuq il-proċess ta’ riforma, Tempus III iżewweġ metodoloġija minn isfel ’il fuq, li permezz tagħha l-inizjattiva titħalla l-aktar f’idejn l-universitajiet, ma' metodoloġija minn fuq ’l isfel, li biha jiġu stabbiliti prijoritajiet nazzjonali għal kull pajjiż imsieħeb.

Biex jikseb dawn l-għanijiet, Tempus III appoġġja tliet tipi ta’ proġetti:

- Proġetti Ewropej Konġunti: proġetti multilaterali mfassla biex jappoġġjaw l-isforzi fl-iżvilupp u l-aġġornament tal-kurrikulum, it-taħriġ mill-ġdid għall-għalliema, l-iżvilupp ta’ materjal tat-tagħlim modern, it-titjib tat-tmexxija universitarja u biex jikkontribwixxu għat-tiswir tan-nisġa istituzzjonali fil-pajjiżi msieħba.

- Miżuri Strutturali u Kumplimentari: proġetti multilaterali mfassla biex jappoġġjaw l-interventi fuq medda qasira ta' żmien immirati lejn ir-riforma fis-sistema u marbuta mill-qrib mal-prijoritajiet tal-pajjiżi msieħba.

- Għotjiet għall-Mobilità Individwali: li jingħataw lil individwi li jivvjaġġaw għal xogħol marbut ma’ xi proċess ta' riforma partikolari u mal-kooperazzjoni akkademika.

Il-pajjiżi msieħba benefiċjarji mħaddna minn Tempus huma:

- L-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, il-Kosovo skont ir-Riżoluzzjoni UNSC 1244, u s-Serbja.

- L-Armenja, l-Azerbajġan, il-Belarus, il-Ġeorgja, il-Kazakistan, il-Kirgistan, il-Moldova, il-Mongolja, il-Federazzjoni Russa, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, l-Ukraina u l-Uzbekistan.

- L-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael[5], il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Territorju Okkupat Palestinjan, is-Sirja u t-Tuneżija.

IL-ħIDMA VALUTATTIVA

Il-valutazzjoni ex-post esterna ġiet immirata biex tikseb aktar intwizzjoni tal-programm Tempus III, biex tipprovdi konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet konkreti dwar kif tista' titmexxa l-fażi attwali ħalli tindirizza aħjar id-dgħufijiet identifikati u timmassimizza r-rilevanza u l-impatt tagħha, kif ukoll tisfrutta eżempji ta' prassi tajba.

IL-KONKLUżJONIJIET TAL-VALUTAZZJONI

Ir-rilevanza

TEMPUS III baqa' rilevanti fir-rigward tal-għanijiet globali, speċifiċi kif ukoll dawk operattivi tiegħu. Dan minħabba li l-proċessi ta’ trasformazzjoni soċjoekonomika u demokrata għadhom għaddejjin, f'għamliet differenti, u l-kwalità tal-edukazzjoni għolja tibqa' kwistjoni importanti fil-pajjiżi msieħba kollha. Il-grad ta’ rilevanza ta’ kull għan speċifiku, madankollu, kien differenti bejn pajjiż u ieħor skont l-involviment rispettiv ta' kull pajjiż fil-Proċess ta' Bologna u/jew kinux għaddejjin inizjattivi sinifikanti ta' riforma fl-edukazzjoni għolja fil-livell nazzjonali.

Ir-rilevanza ta’ TEMPUS III kienet waħda għolja wkoll minħabba l-karattru minn isfel ’il fuq ta’ dan il-programm, li ppermetta t-tfassil ta’ prijoritajiet nazzjonali u qies l-istadji u l-ħtiġijiet differenti tal-proċess tat-trasformazzjoni. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, jekk mhux kollha, il-programm TEMPUS intgħaġen sew fil-politiki nazzjonali, minkejja li f'xi każijiet kellu nuqqas ta' orjentazzjoni b'mira strateġika ċara.

It-taħlita kumplessiva tal-metodoloġiji tal-programm kienet mezz rilevanti għall-kisba tar-riżultati mistennija, l-eżiti u l-impatti tal-programm u b'din il-varjetà fl-azzjonijiet, TEMPUS kiseb l-għanijiet speċifiċi tiegħu, minkejja li dan seħħ b'mod iktar ċar għall-għanijiet li jolqtu ngħidu aħna r-riforma kurrikulari jew it-taħriġ maniġerjali milli għat-tisħiħ demokratiku, li huwa partikolarment diffiċli li wieħed jivvalutah.

Minbarra r-relazzjoni tiegħu mal-Proċess ta’ Bologna, li kompliet saħħet ir-rilevanza tal-programm, u mal-aġenda Ewropea għall-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja, TEMPUS, anki f’aspetti oħra, ma kienx programm ta' kooperazzjoni iżolat. Kellu rwol ċar f’politiki oħra tal-UE, minkejja li l-valutazzjoni wriet li dan jista’ jittejjeb, b’mod partikolari fir-rigward tar-rwol kumplimentari bejn TEMPUS u Erasmus Mundus meta dan tal-aħħar tnieda fl-2004 u kiseb rilevanza speċjali meta l-għotjiet għall-mobilità individwali tneħħew minn TEMPUS. Mill-għanijiet tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u l-Istrument tas-Sħubija u l-Viċinat Ewropew ħareġ fiċ-ċar li TEMPUS kellu rwol distintiv, pereżempju fir-rigward tat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet (tal-edukazzjoni għolja) u tat-tħeġġiġ tal-komprensjoni u t-tqarrib tal-kulturi u l-iżvilupp tar-riżorsi umani, minkejja li r-rwol speċifiku tiegħu deher li ma feġġx biżżejjed fil-beraħ.

Minbarra r-rwol tiegħu fil-programmi tal-politika esterna tal-UE, TEMPUS jista' jingħad li għandu funzjoni kumplimentari fis-Sitt Programm ta' Qafas għall-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku fl-Ewropa. Jistgħu jinstabu kumplimentaritajiet pereżempju mal-Azzjonijiet Marie Curie, li huma miftuħa għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jaħdmu fl-Ewropa u għal organizzazzjonijiet pubbliċi u privati/kummerċjali li huma attivi fir-riċerka u li jixtiequ jingħaqdu f'konsorzji internazzjonali Marie Curie. Fir-rigward tar-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ programmi, il-valutazzjoni kkonkludiet li biex l-edukazzjoni u r-riċerka akkademika jibbenefikaw bis-sħiħ minn xulxin, il-kumplimentarjetà jew is-sinerġija mistennija bejn il-programmi ta' riforma fl-edukazzjoni għandha tingħata aktar attenzjoni minn kemm ingħatat s'issa.

L-effiċjenza

B’mod ġenerali, il-livelli tal-fondi għal TEMPUS III tqiesu bħala baxxi wisq għall-għanijiet ambizzjużi tiegħu. Meta wieħed iqis l-isfidi kbar fil-pajjiżi eliġibbli, il-fatt li l-baġit totali ntefaq u li l-livelli tal-fondi ma kinux biżżejjed biex jiffinanzjaw il-proposti kollha rilevanti u ta' kwalità tqies bħala fattur xhieda ta' finanzjament insuffiċjenti. Il-livelli tal-finanzjament għall-proġetti inġenerali deher li kienu suffiċjenti.

TEMPUS kien jidher bħala programm li ta valur għall-flus li sewa meta mqabbel ma’ programmi ta’ kooperazzjoni (ta' assistenza teknika) u n-natura multikulturali tiegħu ħeġġet l-istrument politiku biex fl-essenza tiegħu jagħti valur għall-flus li jiswa, minkejja li kemm dan seħħ varja bejn strument u ieħor.

Dawk li wieġbu kienu ġeneralment sodisfatti bir-rigorożità tal-proċess tal-għażla. L-uniku tħassib ewlieni tagħhom kien il-konċentrazzjoni teknika li ħassew li kienet qawwija, meta l-piż li ngħata lill-ħtiġijiet u l-prijoritajiet nazzjonali fil-livell ta' ħidma bażika seta' kien akbar.

Il-proċess ta’ monitoraġġ ittejjeb sew mindu saret il-valutazzjoni ta’ nofs il-perjodu u l-unika dgħufija li kien għad fadal li ġiet identifikata kellha x’taqsam mar-rispons limitat (lill-membri kollha tal-konsorzju) fir-rigward tal-monitoraġġ fuq il-post.

L-Uffiċċji Nazzjonali ta’ Tempus, il-Punti Nazzjonali ta' Kuntatt u d-Delegazzjonijiet tal-UE kellhom rwoli ta’ sostenn għall-programm u l-parteċipanti tiegħu. Il-valutazzjoni, madankollu, uriet li l-mod li bih dawn issodisfaw ir-rwoli rispetti tagħhom varja sew fil-pajjiżi differenti u ħalla lok għal titjib.

L-effettività

TEMPUS III ta kontribut kumplessiv importanti lejn l-iżvilupp tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja, inklużi l-ħames linji speċifiċi ta' azzjoni tal-‘Proċess ta' Bologna’. Din il-kisba inkludiet miri ċentrali għall-edukazzjoni għolja bħall-iżvilupp kurrikulari, l-iżvilupp ta' lawrji paragunabbli u kompatibbli organizzati fuq struttura bi tliet ċikli, l-assigurazzjoni tal-kwalità, l-għarfien tal-lawrji minn pajjiżi barranin, ir-riforma tal-istrutturi tal-edukazzjoni għolja u t-twaqqif kif ukoll l-iżvilupp ta' profili tal-ħiliet – anki jekk dan seħħ l-aktar fil-livell ta' istituzzjonijiet individwali milli fil-livell ta' politika nazzjonali, fejn it-tul ta' żmien u l-possibbiltajiet offruti mill-MSK u n-nuqqas ta' aċċessibbiltà ta' parteċipanti f’livell politiku għoli xi kultant irriżultaw f’effetti iktar indiretti.

TEMPUS, filwaqt li serraħ fuq il-kontenut attwali tal-proġetti u l-karatteristiċi tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja, ikkontribwixxa wkoll għal rilevanza soċjali aktar estensiva tal-edukazzjoni għolja, billi ngħidu aħna stabbilixxa jew tejjeb ir-rabtiet bejn l-edukazzjoni għolja, l-intrapriżi, ir-riċerka u l-innovazzjoni. In-natura minn isfel ’il fuq ta’ TEMPUS III u l-livell għoli ta’ kuntatti diretti bejn in-nies żgur li għenu biex jitqarrbu l-kulturi u titħeġġeġ il-komprensjoni bejniethom, iżda l-kontribut għat-tiswir ta' ‘soċjetajiet ċivili ħielsa u li jiffjorixxu’ irid jiġi ċċarat.

L-għalliema huma l-aktar li bbenefikaw mill-involviment tagħhom, l-aktar permezz tal-kuntatti ma' kollegi barranin, għarfien akbar ta' kulturi oħra u tal-istituzzjonijiet tal-UE, titjib fit-taħriġ u l-impatt li jgħolli l-moral li jġibu magħhom l-iżvilupp fil-karriera u l-opportunitajiet ta' mobilità. L-istudenti bbenefikaw ukoll – permezz tal-aċċess għal materjali/metodi ġodda tat-tagħlim, kwalifiki mtejba u għarfien akbar ta’ kulturi oħra – għalkemm mhux daqstant fit-tisħiħ tal-impjegabilità tagħhom, fejn l-effetti kienu iktar indiretti.

Il-parteċipazzjoni kienet ibbilanċjata mil-lat ġeografiku. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja tal-UE ħarsu lejn iż-żieda fl-internazzjonalizzazzjoni bħala l-ikbar benefiċċji tal-involviment f’TEMPUS III, bil-kunsiderazzjonijiet finanzjarji rari jkunu l-unika raġuni li ħeġġithom jieħdu sehem u f’xi każijiet, ir-raġuni li ġagħlithom jipparteċipaw inqas u li kkawżat li l-parteċipazzjoni tibqa' relattivament ikkonċentrata. Il-kopertura ġeografika fil-Pajjiżi Msieħba kienet ibbilanċjata, bl-involviment tal-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. L-entitajiet mhux universitarji (pereżempju l-Ministeri jew l-entitajiet tal-akkreditazzjoni/it-taħriġ) ġeneralment ġew involuti, minkejja li l-livell ma kienx dejjem daqstant mifrux jew prominenti daqs kemm wieħed kien jistenna.

Id-daqs, l-ambitu u l-natura unika ta’ TEMPUS III fissru li fil-Pajjiżi Msieħba feġġ it-‘timbru’ ta' kwalità identifikabbli ta’ TEMPUS – l-aktar fost l-amministraturi universitarji, il-persunal tal-fakultajiet li ħa sehem u l-parteċipanti nazzjonali tal-edukazzjoni għolja, anki jekk mhux daqstant fost l-istudenti u persunal ieħor. Fl-Istati Membri tal-UE, it-‘timbru’ kien inqas fid-deher, billi dan spiss sab ruħu f'kompetizzjoni mal-programmi nazzjonali ta' kooperazzjoni jew appoġġ għal pajjiżi terzi.

L-impatti

Minkejja l-varjazzjoni sinifikanti fil-livelli reġjonali, nazzjonali u saħanistra fost l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, TEMPUS III ta kontribut importanti biex jimmodernizza t-tagħlim u jwassal biex dan jirrispondi aktar għall-ħtiġijiet soċjali u tas-suq tax-xogħol. Ġew żviluppati bosta kurrikuli ġodda, li spiss wieġbu għal ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol ferm speċifiċi u li qabel ma kinux qed jiġu ssodisfati. Madankollu, se jkun jinħtieġ ċertu żmien qabel ma ‘massa kritika’ ta’ lawrjati li tħarrġu permezz ta’ TEMPUS III jkunu jistgħu jħallu impatt ċar fuq is-suq tax-xogħol fil-livell nazzjonali.

Il-programm kellu impatt sinifikanti wkoll fuq l-individwi li jikkontribwixxu ħalli jdaħħlu kultura ta’ bidla u serva ta’ motivazzjoni b'mod partikolari għall-persunal żgħażugħ ħalli dan isostni u jġib fis-seħħ ir-riformi meħtieġa. Ikkontribwixxa biex ibiddel il-mentalitajiet u jberraħhom għall-bidliet u l-innovazzjonijiet filwaqt li pprovda perspettivi ġodda għall-karriera ta' dawk involuti.

L-impatt fuq dawk li jfasslu d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-edukazzjoni għolja fl-utilizzar tal-ħiliet żviluppati permezz ta’ TEMPUS III biex jinfluwenzaw l-istituzzjonijiet rispettivi tagħhom kien pożittiv fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. Bosta minn dawk li jfasslu d-deċiżjonijiet ħadu sehem fi proġetti u ħafna minnhom se jkollhom rwol fir-riformi tal-ġejjieni tal-istituzzjonijiet rispettivi tagħhom. Fil-livell nazzjonali, TEMPUS III ma rnexxilux jinvolvi b'mod daqstant attiv lil dawk li jfasslu l-politika, li, bħala grupp, spiss jesperjenzaw ukoll tibdil qawwi fil-persunal. Dan fisser li minkejja li TEMPUS III kien kapaċi jiġġenera riżultati sinifikanti fil-livell tal-istituzzjonijiet individwali f'dominji bħall-assigurazzjoni tal-kwalità jew it-tmexxija ġenerali universitarja, l-influwenza fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali, għajr fil-pajjiżi kandidati fejn kiien hemm għadd ta' eżempji ovvji, kienet ta' natura aktar indiretta bil-programm jikkontribwixxi lejn id-diskussjonijiet politiċi aktar milli jwassal għal bidliet diretti.

TEMPUS III għen biex jinħolqu istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja aktar flessibbli u orjentati internazzjonalment, bħala pjattaforma li minnha l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja individwali jistgħu jkomplu jżidu l-professjonalità tagħhom fil-ġejjieni. Dawn, flimkien mal-impatti relatati fil-livell tal-persunal individwali, aktarx li kienu l-ikbar impatt waħdieni tal-programm. Huwa ta kontribut importanti wkoll lill-proċess ta’ konverġenza fuq medda twila ta’ żmien bejn il-prattiki u l-istandards tal-edukazzjoni għolja tal-Pajjiżi Msieħba u tal-UE – l-aktar fil-Proċess ta’ Bologna u l-aġenda usa’ tar-riforma fl-edukazzjoni għolja. Fl-aħħar nett, TEMPUS III kellu impatt sinifikanti fuq it-twaqqif jew it-tħeġġiġ mill-ġdid tal-kooperazzjoni reġjonali fost il-Pajjiżi Msieħba fir-reġjuni kollha u ħalla impatt importanti, anki jekk spiss mhux daqstant innutat, fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil- Pajjiżi Msieħba individwali.

Is-sostenibbiltà

Bosta mill-benefiċċji u l-eżiti tal-programm kienu sostenibbli. Ma' tmiemhom il-proġetti ħallew warajhom l-esperjenza jew l-għarfien miksub minnhom, żieda fl-għarfien ta’ oqsma ta’ studju partikolari, titjib fil-prassi tal-ħidma, titjib fit-tagħlim u l-ħiliet maniġerjali, għarfien akbar ta' kulturi oħra u tal-istituzzjonijiet tal-UE, il-kurrikuli l-ġodda u kultura aktar innovattiva fl-isituzzjonijiet. Ir-riżultati tal-miżuri strutturali u kumplimentari, minħabba n-natura intrinsika tagħhom li jipprovdu appoġġ lir-riforma strutturali, kienu inqas tanġibbli, iżda l-biċċa l-kbira tal-produttività politika baqgħet tintuża fl-organizzazzjonijiet involuti.

F’bosta każijiet, il-programm ħeġġeġ sħubiji sostenibbli fl-edukazzjoni għolja, bl-involviment tal-UE u l-pajjiżi msieħba fi gradi differenti skont il-karattru tal-proġett, bi tkomplija tal-kooperazzjoni akkademika wara tmiem il-proġett.

Kontribut importanti għall-finanzjament ta' segwitu sar minn mill-istituzzjonijiet involuti: nofs l-imsieħba komplew l-attivitajiet relatati tagħhom permezz ta' sorsi proprji ta' finanzjament, bħall-baġits nazzjonali, sorsi multilaterali jew bilaterali jew ġbir ta’ fondi esterni. F’dan ir-rigward, deher li hemm livell għoli ta' impenn finanzjarju min-naħa tal-partijiet interessati diversi involuti ħalli jitkomplew l-attivitajiet u n-netwerks li nħolqu. Il-partijiet interessati jeħtiġilhom iħossuhom aktar inċentivati, madankollu, ħalli jikkooperaw b'mod aktar attiv fit-tixrid tar-riżultati u l-promozzjoni tal-kisbiet li għandhom it-tendenza li jkunu limitati minħabba l-kompetizzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja.

RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-VALUTATURI U L-KUMMENTI TAL-KUMMISSJONI

Ir-rapport ta’ valutazzjoni jagħmel sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet, li qed jiġu elenkati hawn taħt flimkien mal-kummenti tal-Kummissjoni.

Rakkomandazzjoni 1 – Tisħiħ strateġiku tal-orjentazzjoni tal-programm.

Il-Kummissjoni taqbel li d-djalogu politiku jista’ bla dubju jissaħħaħ. F’Tempus IV, ġie skjerat sforz qawwi biex jissaħħaħ id-djalogu mal-ministeri. Il-Ministeri qed jiffissaw il-prijoritajiet nazzjonali nfushom, permezz tad-Delegazzjonijiet u l-wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati fil-livell nazzjonali. Il-Ministeri huma kkonsultati wkoll dwar il-proċess tal-għażla ta' proġetti li għandhom jiġu finanzjati. Fil-pajjiżi msieħba twaqqaf Grupp ta' Esperti dwar ir-Riforma fl-Edukazzjoni Għolja, approvat mill-Ministri, u dawn l-esperti jservu ta' konnessjoni importanti bejn id-dinja akkademika u t-tfassil tal-politika u f'bosta każijiet huma involuti fl-għoti ta' pariri lill-Ministri tagħhom. Fl-aħħar imma mhux l-inqas, l-indikaturi tal-prestazzjoni fuqhom jissejsu r-rapporti tal-proġetti dan l-aħħar ġew reveduti u se jiffaċilitaw il-konnessjoni bejn il-monitoraġġ tal-proġetti u l-oqfsa strateġiċi nazzjonali.

Rakkomandazzjoni 2 – Titjib effettiv fis-sinerġija mal-Erasmus Mundus u azzjonijiet Komunitarji oħra u tħeġġiġ tal-konnessjonijiet mar-riċerka

Il-Kummissjoni impenjat ruħha bi sforz konsiderevoli ħalli tnibbet perspettiva kumplimentari (kooperazzjoni istituzzjonali/riforma vs. promozzjoni tal-mobilità) bejn TEMPUS IV u Erasmus Mundus. L-Uffiċċji Nazzjonali ta' Tempus issa għandhom mandat espliċitu u kompiti relatati biex jippromwovu Erasmus Mundus, u inizjattivi oħra tal-UE marbuta mal-edukazzjoni għolja. L-aġġornamenti ta’ Erasmus Mundus huma punt standard tal-laqgħat regolari tal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Tempus/il-Punti Nazzjonali ta' Kuntatt u Erasmus Mundus qed jinvesti dejjem aktar biex lill-Uffiċċji Nazzjonali ta' Tempus iżommhom sistematikament informati dwar l-iżviluppi.

It-tħeġġiġ tar-rabtiet mal-politiki u l-programmi tar-riċerka, u speċjalment mal-Azzjonijiet Marie Curie, li l-mira tagħhom hija l-mobilità internazzjonali tar-riċerkaturi u l-iżvilupp tal-karrieri tagħhom, huwa wkoll prijorità tal-Kummissjoni. Tema speċifika ta’ attivitajiet f’Tempus IV hi l-appoġġ tal-iżvilupp tat-trijangolu tal-għarfien fil-pajjiżi msieħba u għadu kif tnieda studju li se jistħarreġ l-istudji dottorali fil-pajjiżi ġirien, li jinkludi wkoll elementi konnessi mal-politiki u l-programmi ta' riċerka.

Ir-rakkomandazzjoni rigward il-kumplimentarjetà ma għandhiex tkun limitata għal Erasmus Mundus u r-Riċerka, iżda għandha tkopri wkoll il-kumplament tas-sostenn bilaterali fl-edukazzjoni għolja li l-Kummissjoni qed tqiegħed għad-dispożizzjoni ta' bosta pajjiżi msieħba prinċiparjament permezz tad-Delegazzjonijiet (sostenn baġitarju, programm settorjali). Bl-istess mod, din għandha tirreferi wkoll għall-programmi rilevanti li jkopru reġjuni oħra, jiġifieri EDULINK, li tfassal biex iħeġġeġ in-netwerking reġjonali u multilaterali bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fil-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u tal-Paċifiku (AKP) u l-UE, u Nyerere, li jħeġġeġ il-mobilità akkademika fl-istess reġjun. Il-konnessjoni tal-inizjattivi reġjonali eżistenti mad-djalogu politiku fuq bażi nazzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni għandu jifforma parti mir-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 3 –Kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-livell ta’ finanzjament fid-dawl tal-għanijiet ta’ TEMPUS

Il-Kummissjoni qablet li hemm biżżejjed proġetti ta’ kwalità għolja li jistgħu jiġġustifikaw żieda fil-baġit, b’mod partikolari meta wieħed iqis li hemm domanda qawwija ferm għall-programm (L-ewwel sejħa ta' Tempus IV: 530 proposta riċevuti/76 proġett magħżula – It-tieni sejħa: 610 riċevuti/69 magħżula). Ir-rata tal-għażla hija baxxa ħafna madwar 12 %. Bosta proġetti tajbin ma jistgħux jiġu ffinanzjati minħabba limiti baġitarji. Il-kapaċità assorbiva ta’ Tempus hija għolja ħafna.

Il-baġits individwali għall-proġetti żdiedu f’TEMPUS IV. Għadd limitat ta' proġetti tal-ewwel ġenerazzjoni ta' TEMPUS IV se jitlestew sa tmiem l-2011. Jista’ jkun utli li jiġi mistħarreġ jekk ikunux intefqu l-fondi kollha tal-proġett u li eventwalment jiġu kkunsidrati mill-ġdid il-baġits tal-proġetti individwali fid-dawl tal-perspettivi finanzjarji futuri għall-programm. Ikun ukoll importanti li ssir riflessjoni fuq l-idea li ż-żieda fil-finanzjament titqies ukoll fil-livell tar-reġjuni kollha involuti ħalli jiġu evitati l-iżbilanċi kbar bejn il-pajjiżi (pereżempju l-Federazzjoni Russa) u r-reġjuni (pereżempju l-pajjiżi tal-Mediterran).

Rakkomandazzjoni 4 – Narrikkixxu l-kwalità tal-proposti għall-proġetti

Tul dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni investiet bil-kbir fit-taħriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali ta' Tempus u l-Punti Nazzjonali ta' Kuntatt fejn jidħlu l-ħiliet fit-tħejjija tal-proġetti. It-tagħrif dwar il-proġetti tal-imgħoddi qed isir disponibbli b'mod dejjem aktar sistematiku (fil-websajt, matul konferenzi u avvenimenti oħra – kompendji tal-proġetti, studji bi prassi tajba mill-proġetti).

Rakkomandazzjoni 5 – Titjib fl-effettività tal-monitoraġġ fuq il-post

Għal Tempus IV ġiet żviluppata metodoloġija aġġornata għall-monitoraġġ fuq il-post. Ġew definiti tliet għanijiet tal-monitoraġġ: preventiv (stadji bikrija ta' proġett), konsultattiv (nofs il-perjodu) u kontroll (wara li jintemm). Ġew iffissati miri kwantitattivi b'enfasi qawwija fuq il-funzjoni preventiva, jiġifieri l-proġetti ġodda kollha magħżula għandhom ikunu suġġetti għal żjara matul l-ewwel sitt xhur. Jiġu organizzati sessjonijiet ta' analiżi fuq il-post u jingħata rispons sistematiku lill-kuntratturi li jippermettilhom itejbu l-proġett tagħhom.

Minbarra dawn l-istrumenti, isiru wkoll żjarat ta’ Monitoraġġ Orjentat għar-Riżultati lil proġetti f’ħafna mill-pajjiżi.

Rakkomandazzjoni 6 – Appoġġ akbar lill-Punti Nazzjonali ta' Kuntatt fl-Istati Membri l-Ġodda

L-aktar protagonisti importanti fl-Istati Membri l-ġodda, f'dak li hu qsim tal-esperjenza tagħhom bħala benefiċjarji riċenti tal-programm, huma l-universitajiet. Universitajiet mill-Polonja, is-Slovenja, ir-Repubblika Ċeka u l-Istati Baltiċi kienu partikolarment attivi f’TEMPUS III u baqgħu involuti ħafna f’TEMPUS IV. Mhux possibbli li jitqiesu l-opportunitajiet ta’ fondi għall-Punti Nazzjonali ta' Kuntatt, li huma l-Punti ta’ Informazzjoni fl-Istati Membri.

Rakkomandazzjoni 7 – Definizzjoni aħjar tal-involviment tad-Delegazzjonijiet tal-UE biex itejbu d-djalogu (strutturali) mal-awtoritajiet nazzjonali dwar l-edukazzjoni għolja

L-involviment tad-Delegazzjonijiet tal-UE aktarx li huwa l-qasam li l-aktar ra titjib tul dawn l-aħħar snin. Id-Delegazzjonijiet huma assoċjati matul l-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-programm. Huma involuti fil-konsultazzjoni tal-Ministeri għall-iffissar tal-prijorità tal-programmi, jiġu kkonsultati rigward il-proġetti magħżula, jiġu mistiedna għall-jiem informattivi u assoċjati fil-monitoraġġ fuq il-post tal-proġetti. Huma jservu tal-interlokutur ewlieni għall-kuntatti mal-Ministeri u jiġu involuti wkoll fil-grupp tal-Esperti tar-Riforma tal-Edukazzjoni Għolja, filwaqt li jiġu assoċjati mal-attivitajiet tagħhom.

Rakkomandazzjoni 8 – It-tkomplija ta’ proġetti stil-TEMPUS wara l-adeżjoni fl-UE

L-istrument għall-kooperazzjoni fl-edukazzjoni għolja għall-istituzzjonijiet fl-Istati Membri tal-UE huwa l-Programm għat-Tagħlim Tul il-Ħajja (Erasmus) u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fil-pajjiżi kandidati awtomatikament isiru eliġibbli għall-parteċipazzjoni f’Erasmus malli jsiru Stati Membri. Il-Kummissjoni qed tinvesti bosta sforzi ħalli tħejji lill-pajjiżi kandidati għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u, barra minn hekk, tipproponi li tinkludi sessjoni dwar x'jiġri wara Tempus fil-Jiem Informattivi dwar it-Tempus (kif diġà qed iseħħ fil-Kroazja).

Rakkomandazzjoni 9 – Aktar enfasi fuq l-aqwa prassi – informazzjoni dwar konnessjonijiet mas-suq tax-xogħol u s-soċjetà ċivili

Il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u l-intrapriżi hija fost it-temi prijoritarji koperti minn Tempus IV. Kull ma jmur qed ikun hemm dejjem aktar proġetti f’dan il-qasam u sehem in-negozji qed jitħeġġeġ fis-sejħa għall-proposti (sħubiji bejn bosta protagonisti). Dan huwa riżultat solidu li ħareġ mill-konferenza ta’ Amman dwar il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u l-intrapriżi fl-2007 (ara wkoll ir-rapport “Linking the world of works and education through Tempus[6]”).

Rakkomandazzjoni 10 – Prijorità akbar lill-proġetti għar-riforma maniġerjali

Ir-riforma fit-tmexxija hija waħda mit-temi prijoritarji espliċiti koperti minn Tempus IV u għadd dejjem akbar ta' proġetti qegħdin jindirizzaw dan is-suġġett. Studju dwar it-tmexxija universitarja ntemm fl-2009, abbażi tal-aqwa prassi ta' Tempus f'dan il-qasam, u kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi msieħba qed iseħħu żviluppi fil-politika. Fl-2010, tliet seminars politiċi se jsiru fl-Ukraina, il-Kazakistan u l-Marokk, bl-involviment ta’ esperti u fassala tal-politika fid-diskussjoni dwar kif it-tmexxija universitarja tista’ tissawwar f’waħda aktar trasparenti u effiċjenti.

Rakkomandazzjoni 11 – Attenzjoni akbar lill-aċċessibbiltà (opportunitajiet indaqs) tal-proġetti.

L-opportunitajiet indaqs jissemmew b’mod espliċitu bħala kriterju ta’ kwalità fis-sejħa għall-proposti ta' Tempus IV u jistgħu jissemmew b'aktar ċarezza tul il-Jiem Informattivi dwar Tempus.

Rakkomandazzjoni 12 – Appoġġ għal ambizzjonijiet addizzjonali tal-proġetti bħal fil-każ ta' lawrji konġunti jew diplomi doppji

Il-Kummissjoni se tistħarreġ it-tip ta’ ambizzjonijiet addizzjonali u tinvestiga l-problemi li l-proġetti jafu jħabbtu wiċċhom magħhom. Id-Delegazzjoni tal-KE f’Moska dan l-aħħar nediet studju dwar il-lawrji doppji fil-Federazzjoni Russa u ma hemmx dubju li dan l-istudju se jqajjem kwistjonijiet li jistgħu jkomplu jiġu mistħarrġa aktar fil-fond.

Rakkomandazzjoni 13 – Titjib kemm fit-tixrid kif ukoll fl-użu tar-riżultati tal-proġetti

It-tixrid huwa kriterju ta’ kwalità għall-valutazzjoni tal-proposti u huwa wkoll punt ewlieni ta’ konsiderazzjoni matul il-monitoraġġ tal-proġetti. Dan il-qasam ingħata spinta sew f’dawn l-aħħar snin. Twettqu studji tematiċi dwar il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u l-intrapriżi, l-assigurazzjoni tal-kwalità u t-tmexxija li mbagħad ġew segwiti minn seminars tematiċi b'attendenza minn firxa estensiva ta' partijiet interessati. Il-kompedji tal-proġetti huma stabbiliti u jiġu aġġornati kontinwament u l-proġetti li jirnexxu b'mod partikolari jiġu mistiedna jaqsmu l-esperjenzi tagħhom f'fora differenti.

KONKLUżJONI

Il-Programm TEMPUS għadu relevanti ferm fir-rigward tal-għan ewlieni tiegħu li jħeġġeġ ir-riforma u l-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja fil-livell istituzzjonali. L-attivitajiet, fil-varji livelli, ikkontribwixxew għal riformi li kieku aktarx ma kinux iseħħu, jew jekk xejn kienu jaqbdu l-art b'ritmu ferm anqas imħeġġeġ. Fl-istess waqt jidher ċar li f'bosta pajjiżi għadha teżisti l-ħtieġa li jseħħ aktar progress fir-riforma tas-settur tal-edukazzjoni għolja, filwaqt li sfidi importanti fir-riforma tal-istrutturi tal-edukazzjoni għolja għadhom għaddejjin jew bilkemm bdew. Tempus jirrappreżenta, għal għadd ġmielu ta’ pajjiżi msieħba, l-unika opportunità għall-kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet oħra f'pajjiżi oħrajn u huwa l-uniku programm ta' ħidma kooperattiva li l-UE (u l-Istati Membri) jistgħu joffru lil xi wħud mill-pajjiżi.

Il-loġika tal-intervent u l-mekkaniżmi tat-tmexxija bażika biex jiġi sostnut dan il-proċess ġew ikkonfermati bis-sħiħ, u fl-aktar fażi riċenti tal-progamm, Tempus IV, iddaħħal titjib sinifikanti.

L-oriġinalità u s-suċċess tal-programm iserrħu l-aktar fuq il-metodoloġija "minn isfel 'il fuq", ispirata mid-domanda, fejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jwettqu l-inizjattivi tagħhom stess fi ħdan sejħa għal proposti b’qafas estensiv ta' possibbiltajiet, kif ukoll fuq il-konċentrazzjoni b'saħħitha fuq il-kooperazzjoni istituzzjonali. Il-livell għoli ta' kuntatt dirett bejn in-nies għen biex jitqarrbu l-kulturi u titħeġġeġ il-komprensjoni bejniethom. Dawn il-karatteristiċi għandhom jinżammu. Tempus, permezz tan-natura multilaterali tiegħu, il-metodoloġija tal-proġetti u l-mekkaniżmi maniġerjali tiegħu, wera li huwa strument politiku li verament jifdi l-flus li jiswa, b'mod partikolari meta jitqabel ma' interventi oħra klassiċi ta' assistenza teknika.

Jidher ċar li l-proġetti Tempus tipikament huma b'saħħithom b'mod partikolari f'dik li hi r-rilevanza tagħhom għar-riforma u l-aġġornament tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja tal-pajjiżi msieħba, l-impatt tagħhom fuq l-individwi, il-professjonijiet, il-kontenuti, il-metodi, il-kwalifiki mtejba, l-internazzjonalizzazzjoni, u l-organizzazzjoni tal-istudji u l-istituzzjonijiet involuti. L-eżiti tal-proġetti huma sostenibbli, mantnuti u sfruttati fl-istituzzjonijiet filwaqt li jservu ta' sisien għall-ġejjieni. Tempus huwa strument li l-komunità akkademika fil-pajjiżi msieħba tista’ tittestja, tuża u tisfrutta biex issostni l-ħtiġijiet rispettivi, u tinvesti fl-iżviluppi fil-livell nazzjonali u lil hinn minnu, fil-komunità tal-edukazzjoni għolja usa’ ta’ Bologna. Tempus huwa timbru tal-kwalità identifikabbli fil-pajjiżi msieħba. Huwa wkoll programm ferm rispettat fl-UE u l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri.

Il-programm ikompli jiġbed lejh livell għoli ta' interess u bosta applikazzjonijiet ta' kwalità tajba ħafna, li madankollu ma jistgħux jiġu ffinanzjati minħabba l-limiti baġitarji. Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra l-possibbiltà li żżid il-finanzjament għar-reġjuni kollha koperti mill-programm sakemm jippermetti l-qafas finanzjarju u bla ħsara għall-prijoritajiet ta' kooperazzjoni l-oħrajn, ħalli ssostni bis-sħiħ l-għanijiet u l-isfidi ferm ambizjużi fl-edukazzjoni għolja u l-iżviluppi sinifikanti li jinsabu għaddejjin fil-komunità akkademika internazzjonali.

[1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/233/KEE tas-7 ta' Mejju 1990.

[2] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/311/KE tad-29 ta’ April 1999.

[3] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/601/KE tas-27 ta' Ġunju 2002.

[4] Id-deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-programm Tempus għall-pajjiżi MEDA emendat it-tul ta’ żmien tal-programm biex id-data tat-tmiem ta’ Tempus, Socrates u Leonardo da Vinci saret l-istess.

[5] Il-parteċipazzjoni tal-Iżrael hija possibbli abbażi ta’ awtofinanzjament biss.

[6] http://eacea.ec.europa.eu/tempus/doc/linking.pdf

Top