Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0086

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Il-politika internazzjonali dwar il-klima adottata wara Kopenħagen: Naġixxu issa sabiex insaħħu l-azzjoni globali dwar it-tibdil fil-klima {SEG(2010) 261}

    /* KUMM/2010/0086 finali */

    52010DC0086




    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 9.3.2010

    KUMM(2010) 86 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Il-politika internazzjonali dwar il-klima adottata wara Kopenħagen: Naġixxu issa sabiex insaħħu l-azzjoni globali dwar it-tibdil fil-klima

    {SEG(2010) 261}

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Il-politika internazzjonali dwar il-klima adottata wara Kopenħagen: Naġixxu issa sabiex insaħħu l-azzjoni globali dwar it-tibdil fil-klima

    1. Messaġġi ewlenin

    Id-dimensjoni internazzjonali minn dejjem kienet parti essenzjali mill-ambizzjonijiet tal-UE dwar it-tibdil fil-klima. L-għan ewlieni tal-Ewropa huwa li żżomm iż-żieda fit-temperatura taħt iż-2 ºC, biex tevita l-agħar impatti tat-tibdil fil-klima, u dan huwa possibbli biss permezz ta' sforz internazzjonali koordinat. Dan hija r-raġuni għala l-UE minn dejjem kienet tappoġġa bil-kbir il-proċess tan-NU, u għala Kopenħagen ma laħaqx sew l-ambizzjonijiet tagħna. Madankollu, l-appoġġ dejjem jiżdied għall-Ftehim ta’ Kopenħagen iktar juri li llum il-maġġoranza tal-pajjiżi huma determinati li jkomplu jagħfsu fuq l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima. Il-kompitu għall-UE huwa li tibni fuq din id-determinazzjoni u li tgħin sabiex issarrafha f'azzjoni. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi strateġija biex tgħin fiż-żamma tal-momentum tal-isforzi globali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima.

    L-UE minn dejjem kienet minn ta' quddiem fl-azzjoni konkreta kontra t-tibdil fil-klima – hija qiegħda fit-triq it-tajba biex tikkonforma mal-impenji tagħha ta' Kyoto mill-2008 sal-2012, u adottat miri ambizzjużi għall-2020, inkluż impenn biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tagħha b'20 % sal-2020 u biex iżżid dan it-tnaqqis għal 30 % jekk il-kundizzjonijiet[1] ikunu sew. Illum ninsabu lesti li nbiddlu l-Ewropa fl-iktar reġjun tad-dinja li huwa favur il-klima u li qed jersaq lejn ekonomija b'użu baxx tal-karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u reżistenti għall-klima. Li nilħqu din il-mira, u li nuru li aħna qed indaħħlu fis-seħħ il-Ftehim ta' Kopenħagen, huma karta ewlenija fl-isforz biex nikkonvinċu lill-imsieħba globali jidħlu għall-isfida.

    L-Istrateġija Ewropea għall-2020 poġġiet it-tkabbir ekonomiku iktar sostenibbli fil-qalba tal-viżjoni għall-ġejjieni, li joħloq impjiegi ġodda u jagħti spinta lis-sigurtà tal-enerġija. Issa l-Kummissjoni se taħdem biex tħejji t-triq għall-bidla tal-UE għal ekonomija b'użu baxx tal-karbonju sal-2050. Se ssaħħaħ ukoll ir-reżistenza għar-riskji tal-klima u ż-żieda tal-kapaċità tagħna għall-prevenzjoni u r-rispons għad-diżastri klimatiċi.

    Il-proċess tan-NU huwa essenzjali għal impenn globali usa' li jappoġġa l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima. L-użu tal-proċess tan-NU fil-mixja lejn Cancun biex tiġi integrata l-gwida politika tal-Ftehim ta' Kopenħagen fit-testi tan-negożjati tal-NU huwa ċentrali għal dan l-għan. Neħtieġu wkoll nindirizzaw in-nuqqasijiet li għad baqa' u niżguraw l-integrità ambjentali ta' ftehim li l-għan finali tiegħu għandu jkun li jiġġenera tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fuq l-iskala meħtieġa. Dan jimplika l-iżgurar ta' parteċipazzjoni wiesgħa u livell ogħla ta' ambizzjoni minn pajjiżi oħra, u l-indirizzar tan-dgħjufijiet possibbli, bħar-regoli għall-kontabbiltà tal-emissjonijiet fil-foresterija u l-immaniġjar tal-baġits żejda tal-emissjonijiet mill-perjodu ta' Kyoto ta' bejn l-2008 u l-2012. Dan jinkludi wkoll il-bini ta' qafas b'saħħtu u trasparenti tal-kontabbiltà tal-emissjonijiet u tal-prestazzjoni, li jimmobilizza l-finanzjament li jibda malajr b'mod koordinat u li jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-finanzi fit-tul taż-żmien għall-mitigazzjoni u l-adattament. Barra minn hekk, l-UE għandha taħdem biex tmexxi 'l quddiem l-iżvilupp tas-suq internazzjonali tal-karbonju, billi torbot is-sistemi kompatibbli nazzjonali u tippromwovi l-bidla ordnata mis-CDM (Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif) għal mekkaniżmi settorjali ġodda msejsa fuq is-suq.

    L-għan ewlieni tagħna jibqa' li nilħqu ftehim b'saħħtu u li jorbot legalment skont il-UNFCCC. Sabiex dan jinkiseb dan, l-ewwel irridu niffukaw fuq l-adozzjoni ta' sett bilanċjat ta' deċiżjonijiet konkreti u ta' azzjoni orjentata f'Cancún fi tmiem l-2010. Dan għandu jkun komprensiv kemm jista' jkun, iżda jekk jibqa' xi differenzi bejn il-Partijiet, l-UE għandha tkun lesta li tkompli x-xogħol għall-adozzjoni ta' ftehim li jorbot legalment fl-Afrika ta' Isfel fl-2011. Sa Kopenħagen, il-pressjoni fuq l-aspettazzjonijiet kellha effetti ta' użu kbir li wasslu lil ħafna ekonomiji ewlenin jistabbilixxu miri domestiċi qabel Kopenħagen. Issa rridu nikkunsidraw strateġija li żżomm momentum għoli mingħajr ma thedded l-għan ewlieni.

    Din hija r-raġuni għala l-UE teħtieġ li tgħolli l-livell tal-involviment tagħha, li tibni kunfidenza li jista' jintlaħaq ftehim internazzjonali, u li tesplora miżuri speċifiċi li għandhom jiġu miftehma f'Cancún. Jeħtiġilha tiffoka fuq il-bini tal-appoġġ mal-imsieħba differenti.

    2. It-tisħiħ tan-negozjati internazzjonali dwar il-klima

    2.1. Il-valutazzjoni ta' wara Kopenħagen

    Ir-riżultat ewlieni tal-Konferenza ta' Kopenħagen dwar it-Tibdil fil-Klima f'Diċembru 2009 kien il-ftehim fost grupp rappreżentattiv ta' 29 Kap ta' Stat jew Gvern dwar "il-Ftehim ta' Kopenħagen". Il-Ftehim jankra l-għan tal-UE li tillimita t-tisħin globali għal taħt iż-2 °C 'il fuq mil-livelli industrijali[2]. Il-Ftehim talab lill-pajjiżi żviluppati jippreżentaw il-miri tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u stieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jippreżentaw l-azzjonijiet tagħhom sal-31 ta' Jannar 2010. Ipprovda wkoll il-bażi għal monitoraġġ, rappurtar u verifikar regolari (MRV) ta' dawk l-azzjonijiet, għandu impenn għal finanzjament sinifikanti għall-azzjoni klimatika u qafas istituzzjonali relatat, u jagħti gwida dwar l-indirizzar ta' kwistjonijiet bħat-tnaqqis tal-emissjonijiet mid-deforestazzjoni, it-teknoloġija u l-adattament.

    Il-Ftehim ma laħaqx sew l-ambizzjoni tal-UE għal Kopenħagen li tilħaq ftehim b'saħħtu u effettiv li jorbot legalment, u "ssemmiet" biss fil-konklużjonijiet tal-konferenza. Madankollu, is-sottomissjonijiet li waslu sal-lum, li ammontaw għal aktar minn mija, kemm mill-pajjiżi żviluppati kif ukoll mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw[3], li ħafna minnhom jinkludu miri jew azzjonijiet, juru li l-Ftehim qed jiġi appoġġat sew u li dan l-appoġġ għadu qed jiżdied. Dawn juru d-determinazzjoni ċara ta' maġġoranza ta' pajjiżi li jżidu l-azzjonijiet tagħhom dwar it-tibdil fil-klima llum.

    Kopenħagen għamel ukoll progress importanti fin-negozjati dwar firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet oħrajn fil-forma ta' abbozzi ta’ deċiżjonijiet u testi tan-negozjati[4]. Flimkien mal-Ftehim, dawn jipprovdu l-bażi għall-passi li jmiss, kemm fin-negozjati – fejn issa aħna se nkunu neħtieġu li nintegraw il-gwida politika mill-Ftehim f'dawn it-testi tan-negozjati tal-UNFCCC – u għall-bidu immedjat fl-implimentazzjoni ta' għadd ta' azzjonijiet.

    2.2. Pjan għall-ġejjieni

    L-UE għandha tkompli tfittex ftehim internazzjonali b'saħħtu u effettiv, u l-għan fondamentali tagħha jibqa' li jkollha ftehim li jorbot legalment skont il-UNFCCC. Sabiex jinkiseb dan il-ftehim, l-UE għandha tiffoka l-isforzi tagħha mill-ġdid. Għandha tibni l-kunfidenza billi tirrispondi għax-xewqa urġenti għal azzjoni konkreta llum kif ukoll tfittex riżultati konkreti minn Cancún. Dan jitlob approċċ wiesa' b'involviment bilaterali intensiv.

    2.2.1. Il-proċess tan-NU

    Il-Konferenza tal-2010 hija skedata għal Diċembru f'Cancún, u warajha se ssir konferenza oħra fl-Afrika ta' Isfel fi tmiem l-2011. Fil-preparazzjoni għal Cancún, se jiġu organizzati varjetà ta' laqgħat preparatorji, inkluż mill-Messiku u l-Ġermanja.

    Il-laqgħat ta' April u Ġunju f'Bonn għandhom jistabbilixxu l-pjan għall-passi li jmiss fin-negozjati, li jiġbru n-negozjati b'iffukar fuq l-integrazzjoni tal-gwida politika mill-Ftehim ta' Kopenħagen f'diversi testi tan-negozjati li rriżultaw minn Kopenħagen. Il-laqgħat għandhom jidentifikaw in-"nuqqasijiet" fit-testi attwali tan-negozjati, bħall-kwistjoni tal-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifikar, li fuqhom il-Ftehim jipprovdi gwida politika importanti. Huma għandhom jindirizzaw ukoll il-kwistjonijiet li ma ngħatawx importanza fil-Ftehim, bħall-evoluzzjoni tas-suq internazzjonali tal-karbonju, it-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali u mit-trasport marittimu permezz tal-ICAO u l-IMO, l-agrikoltura, u t-tnaqqis tal-idrofluworokarboni. Iktar importanti minn hekk, il-laqgħa ta' Bonn għandha ġġib il-miri tal-pajjiżi żviluppati u l-azzjonijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li ġew imressqa skont il-Ftehim, fil-qafas tal-proċess formali tan-negozjati tan-NU.

    Għalhekk, l-għan tal-UE għal Cancún għandu jkun sett ta' deċiżjonijiet komprensivi u bbilanċjati li jankra l-Ftehim ta' Kopenħagen fil-proċess tan-negozjati tan-NU, u li jindirizza n-nuqqasijiet. Għandu jkun hemm ukoll deċiżjoni formali dwar l-elenkar tal-miri tal-pajjiżi żviluppati u r-reġistrazzjoni tal-azzjonijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi l-metodi li se jintużaw għal dawn. Id-deċiżjonijiet kollha għandhom jaqgħu taħt deċiżjoni "umbrella" biex jipprovdi l-qafas politiku kumplessiv. Huwa importanti ħafna li r-riżultat ta' Cancún għandu joħloq bilanċ bejn kwistjonijiet ta' importanza kemm għall-pajjiżi żviluppati kif ukoll għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    Filwaqt li l-UE hija lesta li tadotta ftehim b'saħħtu u li jorbot legalment f' Cancún, id-differenzi sostanzjali pendenti jfissru li aħna għandna nirrikonoxxu l-possibbiltà ta' approċċ li jimxi iktar pass pass. F'dan ix-xenarju, id-deċiżjonijiet konkreti f' Cancún xorta jkunu joffru l-bażi ġusta għal qafas legali sħiħ fl-Afrika ta' Isfel fl-2011. Huwa importanti li l-progress li sar jiġi ankrat, u li l-momentum jinżamm għoli mingħajr ma jiġi mhedded l-għan fundamentali.

    2.2.2. L-involviment tal-pajjiżi terzi

    In-negozjati f'Kopenħagen urew biċ-ċar li l-progress fin-NU kien ikkundizzjonat fuq ir-rieda tal-pajjiżi li jaġixxu. Programm ta' involviment attiv mill-UE se jkun il-muftieħ għall-promozzjoni tal-appoġġ għall-proċess tan-NU. L-għan se jkun li jinkiseb fehim aħjar tal-pożizzjonijiet, it-tħassib u l-aspettazzjonijiet tal-imsieħba tagħna dwar kwistjonijiet ewlenin; u li jiġi spjegat b'mod ċar dak li l-UE teħtieġ minn ftehim f'termini tal-ambizzjonijiet, il-komprensjoni u l-integrità ambjentali tiegħu. L-UE se tfittex li tħeġġeġ azzjoni immedjata li timxi fuq il-Ftehim ta' Kopenħagen u li tiffaċilita l-konverġenza dwar deċiżjonijiet li huma orjentati lejn l-azzjoni li għandha tiġi maqbula f' Cancún. Dan għandu jipprovdi wkoll opportunitajiet siewja biex jiġu intensifikati d-djalogi bilaterali dwar l-iżviluppi domestiċi tat-tibdil fil-klima u għall-UE biex toffri l-appoġġ fuq l-azzjoni domestika. Il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha b'kuntatt mill-viċin mal-Kunsill u l-Presidenza tiegħu.

    L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu bin-negozjati fi ħdan il-qafas tan-NU. Li jingħata rwol importanti lill-Kummissjoni jgħin sabiex jiżgura li l-UE titkellem b'vuċi waħda. Meta nibnu fuq il-lezzjonijiet ta' Kopenħagen, aħna għandna ninvolvu ruħna f'diskussjoni dwar kif l-aħjar inżidu l-effiċjenza u s-saħħa tal-UE fin-negozjati internazzjonali.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tħeġġeġ u tassisti l-Parlament Ewropew biex jinvolvi ruħu kompletament mal-parlamentari mill-pajjiżi msieħba ewlenin.

    L-attivitajiet ta' involviment għandhom isiru fil-livelli kollha u mal-partijiet interessati importanti kollha. Il-laqgħat bilaterali kif ukoll multilaterali, inkluż għadd ta' samits u laqgħat ministerjali, huma skedati għall-2010. Dawn se jkunu kkumplimentati minn laqgħat reġjonali u ad hoc biex jiżguraw li jintlaħqu l-imsieħba mir-reġjuni kollha tad-dinja, inklużi l-pajjiżi vulnerabbli, u li l-UE żżid il-fehim tagħha dwar it-tħassib u l-ambizzjonijiet tagħhom. Fid-djalogi informali u formali, eżistenti u ġodda li qed jiġu ppreparati għal Cancún u l-implimentazzjoni immedjata tal-Ftehim ta' Kopenħagen, il-partijiet għandhom ikomplu jidentifikaw il-kwistjonijiet ewlenin u l-kompromessi possibbli fin-negozjati. Il-Kummissjoni, appoġġata mid-delegazzjonijiet tal-UE tas-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna, se tinvolvi ruħha b'mod attiv f'dawn l-attivitajiet kollha. Se tagħmel hekk b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Presidenzi tal-Konferenzi li jmiss tal-Messiku u tal-Afrika ta' Isfel fl-2010 u l-2011.

    Madanakollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li biex nimxu 'l quddiem għandu jkun hemm impenn mill-Partijiet kollha. Mingħajr dan l-impenn, il-Ftehim ta' Kopenħagen, li jirrappreżenta id-denominatur komuni l-iktar baxx, aktarx li jibqa' l-uniku ftehim possibbli.

    2.2.3. Integrità ambjentali

    Ftehim li jindirizza t-tibdil fil-klima għandu jiġġenera t-tnaqqis meħtieġ sabiex iressaq l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fi triq li hija kompatibbli mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Kopenħagen li jibqgħu taħt iż-2 °C. Filwaqt li l-Protokoll ta' Kyoto jibqa' l-komponent ċentrali tal-proċess tan-NU, iridu jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ewlenin tiegħu – il-kopertura tiegħu u n-nuqqasijiet li fih.

    - Il-Protokoll ta' Kyoto, fl-istruttura attwali tiegħu, waħdu ma jistax iwassal għall-għan biex jibqa' taħt iż-2 °C. Illum, Kyoto jkopri biss 30 % tal-emissjonijiet. L-għan ikun possibbli biss jekk l-Istati Uniti u l-emittenti ewlenin mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw (inklużi l-Brażil, iċ-Ċina, l-Indja, il-Korea ta' Isfel, il-Messiku u l-Afrika ta' Isfel, li jikklassifikaw fost l-ikbar 15-il emittent tad-dinja) jagħtu sehemhom. L-UE ħadet responsabbiltà kbira taħt Kyoto, u l-UE qiegħda fit-triq li tikkonforma mal-impenji tagħha ta' mill-2008 sal-2012. L-oħrajn għandhom jagħmlu l-istess. Bla dubju, l-isforzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jkunu differenti skont ir-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet tagħhom, u jista' jkun li jkunu jeħtieġu l-appoġġ.

    - Barra minn hekk, fl-arkitettura attwali ta' Kyoto jeżistu dgħjufijiet serji li jirriskjaw li jdgħajfu l-integrità ambjentali ta' ftehim . Il-wegħdiet attwali tal-pajjiżi żviluppati mpoġġija fuq il-mejda jimplikaw tnaqqis fl-emissjonijiet tagħhom minn madwar 13.2 % sal-2020 inqas mil-livell tal-1990 (għall-wegħdiet l-iktar baxxi) għal madwar 17.8 % (għall-wegħdiet l-iktar għoljin). Dan diġà mhuwiex biżżejjed biex jintlaħaq l-għan li tibqa' taħt iż-2 °C, li għalih huwa meħtieġ tnaqqis fil-medda ta' minn 25 sa 40 % mill-pajjiżi żviluppati. Imma ż-żewġ dgħjufijiet li ġejjin se jagħmlu r-riżultati reali agħar:

    - Il-ġmigħ tal-baġits żejda tal-emissjonijiet (Unitajiet ta' Ammont Assenjat tal-Protokoll ta' Kyoto jew AAUs) mill-perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kyoto mill-2008 sal-2012 għall-perjodi ta' impenn tal-ġejjieni : Minħabba l-emissjonijiet, li jirriżultaw l-iktar mir-ristrutturar tal-industrija fil-bidu tad-disgħinijiet, il-punt ta' riferiment tal-1990 ifisser li iktar minn 10 biljun tunnellata ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra aktarx jibqgħu ma jintużawx matul il-perjodu ta' impenn mill-2008 sal-2012, speċjalment fir-Russja u l-Ukraina. Sempliċiment it-tkomplija tal-Protokoll ta' Kyoto tkun tfisser il-ġmigħ ta' din iż-"żieda", bl-effett li jiġi pperikolat it-tnaqqis fl-emissjonijiet. Il-ġmigħ sħiħ ta' dawn l-unitajiet f'perjodu ta' impenn ieħor inaqqas l-ambizzjoni tal-miri ta' pajjiż żviluppat b'madwar 6.8 % imqabbel mal-1990, jiġifieri tnaqqis tal-ambizzjoni minn 13.2 % sa 6.4 % għall-wegħdiet l-iktar baxxi, jew minn 17.8 % sa 11 % għall-wegħdiet l-iktar għoljin.

    - Ir-regoli tal-kontabbiltà għall-emissjonijiet mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) mill-pajjiżi żviluppati : Filwaqt li l-UE ma għandha l-ebda diffikultà biex tilħaq dawn ir-rekwiżiti, din hija kwistjoni ta' importanza partikolari għall-pajjiżi ewlenin tal-forestrija barra mill-UE u hija kritika għall-ambjent. Ir-regoli attwali skont il-Protokoll ta' Kyoto, jekk jitkomplew, jinvolvu li titbaxxa l-istrettezza reali tal-wegħdiet attwali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u jimplikaw li t-tnaqqis jista' jseħħ mingħajr azzjonijiet addizzjonali, li ma jkollu l-ebda benefiċċju ambjentali reali. F'xenarju estrem, ir-regoli tal-kontabbiltà tal-LULUCF fl-agħar każ idgħajfu l-livell reali ta' ambizzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'sa 9 % iktar imqabbel mal-1990. Dan ikun ifisser li għall-wegħdiet l-iktar baxxi fil-fatt nippermettu żieda fl-emissjonijiet tal-pajjiżi żviluppati ta' 2.6 % 'l fuq mil-livelli tal-1990 u għall-wegħdiet l-iktar għoljin naraw biss tnaqqis ta' 2 % imqabbel mal-1990.

    Fir-riżoluzzjoni riċenti tiegħu ta' wara Kopenħagen, il-Parlament Ewropew semma b'mod espliċitu dawk id-dgħjufijiet u l-ħtieġa li nevitaw li jpoġġu l-integrità ambjentali f'periklu[5].

    Il-Kummissjoni se tevalwa l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' forom legali oħra, inkluż perjodu ta' impenn ieħor skont il-Protokoll ta' Kyoto.

    L-impatt tad-dgħjufijiet tal-Protokoll ta' Kyoto

    (iz-żieda tal-AAU u r-regoli tal-kontabbiltà tal-LULUCF)

    dwar il-wegħdiet ta' tnaqqis tal-pajjiżi żviluppati fl-2020

    [pic]

    3. Naġixxu issa

    3.1. Ewropa 2020: lejn ekonomija b'użu baxx tal-karbonju u reżistenti għat-tibdil fil-klima

    L-iktar tmexxija konvinċenti li tista' turi l-UE hija azzjoni konkreta u determinata biex issir l-iktar reġjun fid-dinja li huwa favur il-klima. Dan huwa fl-interess tal-UE stess. L-Istrateġija tal-Ewropa 2020 iddefinixxiet tkabbir sostenibbli – li jippromwovi ekonomija iktar effiċjenti fir-riżorsi, iktar ekoloġika u iktar kompetittiva – bħala prijorità fil-qalba tal-viżjoni għal ġejjieni effiċjenti fir-riżorsi għall-Ewropa, li toħloq impjiegi ekoloġiċi ġodda, u li tagħti spinta lill-effiċjenza u s-sigurtà fl-enerġija.

    Il-Kummissjoni se twitti t-triq għall-bidla tal-UE għal ekonomija b'użu baxx tal-karbonju sal-2050, biex tikseb l-għan maqbul tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet bi 80 sa 95 %, bħala parti mill-kontribuzzjoni tal-pajjiżi żviluppati biex jitnaqqsu l-emissjonijiet globali b'mill-inqas 50 % taħt il-livelli tal-1990 fl-2050[6]. L-UE hija impenjata għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta' 20 % taħt il-livelli tal-1990 fl-2020, u għal ċaqliq ta' 30 % jekk il-kundizzjonijiet ikunu sew. Għalhekk, qabel il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju, il-Kummissjoni se tipprepara analiżi ta' liema politiki prattiċi se jkunu meħtieġa biex jiġi implimentat tnaqqis ta' 30 %. Imbagħad il-Kummissjoni tiżviluppa analiżi tal-kisbiet fit-triq għall-2050, inklużi x-xenarji meħtieġa tal-livell ta' ambizzjoni għall-2030 li jirrifletti l-kontribuzzjonijiet mis-setturi emittenti ewlenin, inklużi l-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija u t-trasport, u tistabbilixxi strateġiji xierqa għal dawn is-setturi konsistenti mal-istrateġija tal-EU għall-2020. L-għan huwa li joħorġu soluzzjonijiet intelliġenti li minnhom jibbenefika mhux biss it-tibdil fil-klima imma wkoll is-sigurtà tal-enerġija u l-ħolqien tal-impjiegi fl-isforzi tagħna biex neliminaw il-karbonju mill-ekonomija.

    Din l-azzjoni se tkun teħtieġ iffukar sod fuq il-politiki biex jitħaffu l-innovazzjoni u l-użu bikri ta' teknoloġiji u infrastruttura ġodda, li joħolqu punt kompetittiv għall-kumpaniji Ewropej fis-setturi ewlenin tal-ġejjieni (inklużi l-effiċjenza fl-enerġija, il-karozzi ekoloġiċi, netwerks intelliġenti, il-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS), l-enerġija rinnovabbli). Se tibbenefika minn approċċi li jżommu u jippromwovu ekosistemi b'saħħithom u reżistenti.

    Fid-dawl tar-riżultat ta' Kopenħagen u b'konformità mad-data tal-iskadenza maqbula fid-Direttiva dwar l-ETS, il-Kummissjoni se tfassal ukoll l-analiżi tagħha dwar is-sitwazzjoni tal-industriji intensivi fl-enerġija f'każ ta' rilaxx tal-karbonju.

    3.2. L-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kopenħagen

    3.2.1. Niġġeneraw biex nibqgħu taħt iż-2°C: il-miri u l-azzjonijiet

    Ir-riżultat ta' Kopenħagen, u l-appoġġ wiesa' għall-Ftehim ta' Kopenħagen, juru r-rieda politika mill-maġġoranza tal-pajjiżi li jibdew bl-azzjoni issa. S'issa, l-ikbar kisba ta' Kopenħagen hija l-fatt li, sa tmiem Jannar 2010, il-pajjiżi żviluppati u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw (li flimkien jirrappreżentaw iktar minn 80 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra) ippreżentaw il-miri u l-azzjonijiet tagħhom għat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra[7].

    Għalkemm dan jenfasizza rieda reali li tittieħed azzjoni, huwa diffiċli li jiġi vvalutat il-livell kumplessiv ta' ambizzjoni tal-miri u l-azzjonijiet ippreżentati s'issa. Il-valutazzjonijiet ottimisti tal-miri fl-ekonomija u l-azzjonijiet ta' mitigazzjoni jindikaw li t-triq li twassal għal-limitazzjoni taż-żieda globali fit-temperatura għal mhux iktar minn 2 ºC għadha vijabbli, imma valutazzjonijiet iktar pessimisti jindikaw li dan iċ-ċans qed jisparixxi malajr.

    Anke jekk jingħelbu d-dgħjufijiet deskritti hawn fuq, il-miri proposti mill-pajjiżi żviluppati, anke l-ogħla wegħdiet kundizzjonali, ma jqarrbux lejn it-tnaqqis ta' minn 25 sa 40 % sal-2020, tnaqqis li, skont il-valutazzjoni tal-IPCC, jeħtieġ li jibqa' b'żieda fit-temperatura ta' taħt iż-2 °C. Barra minn hekk, s'issa l-UE biss adottat il-leġiżlazzjoni meħtieġa biex tiggarantixxi l-ilħiq tal-mira tagħha ta’ tnaqqis sal-2020. F'pajjiżi żviluppati oħra, il-leġiżlazzjoni għadha biss fl-istadju tad-diskussjoni.

    Il-fatt li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ippreżentaw l-azzjonijiet tagħhom huwa pass 'il quddiem li qatt ma sar bħalu qabel. Madankollu, għad hemm ħafna inċertezzi dwar l-azzjoni reali li trid tittieħed, dwar l-iskeda tagħha, u dwar kif tista' tirrelata mal-punt ta' riferiment komparabbli stabbilit tat-tnaqqis mill-1990.

    B'varjetà wiesgħa ta' wegħdiet għal miri u azzjonijiet, issa n-negozjati jridu jiffukaw fuq kjarifika ta' dawk il-wegħdiet, diskussjoni tal-livell kumplessiv ta' ambizzjoni tagħhom, u kif din l-ambizzjoni tista' tkompli tissaħħaħ. Din għandha tkun l-ewwel prijorità tal-proċess tan-NU.

    3.2.2. Nibnu qafas tal-kontabbiltà tal-emissjonijiet u tal-prestazzjoni b'saħħtu u trasparenti

    Fost l-iktar negozjati diffiċli f'Kopenħagan kienu dawk dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifikar regolari (MRV). It-trasparenza hija fondamentali biex tkun żgurata l-fiduċja reċiproka u tintwera l-effettività u l-adegwatezza tal-miri u l-azzjonijiet. Il-Konvenzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Protokoll ta' Kyoto tagħha jipprovdu l-istandards bażiċi tal-MRV permezz tal-komunikazzjonijiet u l-inventorji nazzjonali. Il-Ftehim ta' Kopenħagen jitlob it-tisħiħ ta' din is-sistema. Din għandha tkun waħda mill-prijoritajiet fix-xogħol għall-ankrar tal-kompromessi fil-Ftehim ta' Kopenħagen fil-proċess tan-NU.

    Madankollu, it-trasparenza ma għandhiex tkun illimitata għar-rappurtar tal-emissjonijiet biss. Fl-aħħar mill-aħħar li jimporta hija l-prestazzjoni tal-pajjiżi fl-implimentazzjoni tal-miri u l-azzjonijiet tagħhom. Kif diġà ġie spjegat hawn fuq, ir-regoli għall-kontabbiltà tal-emissjonijiet għandhom impatt kbir fuq l-iskala reali tal-azzjoni. Regoli tal-kontabbiltà b'saħħithom, trasparenti u prevedibbli, li jagħmluha possibbli li l-prestazzjoni tal-pajjiżi tiġi vvalutata kif suppost, huma essenzjali.

    Sadattant, il-Kummissjoni tipproponi li tikseb programmi reġjonali għall-bini tal-kapaċità għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li huma interessati biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom ta' monitoraġġ, rappurtar u verifikar regolari, inklużi l-inventarji tal-emissjonijiet.

    3.2.3. Il-mobilizzar tal-finanzjament li jibda malajr b'mod koordinat

    Il-Ftehim ta' Kopenħagen jipprovdi appoġġ li jibda malajr għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jilħaq it-US$ 30 biljun għall-perjodu mill-2010 sal-2012, b'allokazzjoni bilanċjata bejn il-mitigazzjoni u l-adattament. Il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru stabbilixxa l-kontribuzzjoni tal-UE u l-Istati Membri tagħha għal EUR 2.4 biljun fis-sena għall-perjodu mill-2010 sal-2012. L-implimentazzjoni mgħaġġla ta' dan l-impenn tal-UE hija essenzjali kemm għall-kredibbiltà tal-UE kif ukoll għall-ħtieġa urġenti biex tittejjeb il-kapaċità ta' ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ifasslu u jimplimentaw politiki tal-klima effettivi fl-oqsma tal-adattament, il-mitigazzjoni u l-kooperazzjoni tat-teknoloġija.

    L-UE għandha tinvolvi ruħha mad-donaturi u r-reċipjenti l-oħra biex tiżgura l-implimentazzjoni koordinata tal-finanzjament li jibda malajr maqbul f'Kopenħagen.

    L-azzjonijiet li jibdew malajr jistgħu jkopru, pereżempju, il-bini tal-kapaċità għall-integrità tal-adattament fi strateġiji tal-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet ta' adattament pilota u urġenti kif definiti fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali; il-bini tal-kapaċità fil-qasam tal-mitigazzjoni, jiġifieri l-istrateġiji tal-iżvilupp b'emissjonijiet baxxi, azzjonijiet ta' mitigazzjoni xierqa skont il-pajjiż, u monitoraġġ, rappurtar u verifikar tal-emissjonijiet; il-bini tal-kapaċità u proġetti pilota għall-mekkaniżmi għas-suq tal-karbonju għas-settur kollu; tlestija u proġetti pilota biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-bini tal-kapaċità u proġetti pilota fil-kooperazzjoni tat-teknoloġija. Il-finanzjament li jibda malajr għandu jkun immirat sew lejn ir-reġjuni differenti tad-dinja sabiex jibni b'mod effettiv il-kapaċità tal-politika dwar il-klima, iwieġeb għall-ħtiġijiet u l-proposti speċifiċi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jiġġenera riżultati ambjentali fejn l-iktar li hemm il-ħtieġa[8].

    Sabiex ikun effettiv u jevita d-dewmien ta' azzjoni ambizzjuża, il-finanzjament li jibda malajr għandu jikkunsidra l-inizjattivi eżistenti u jibni fuqhom. Parti sostanzjali mill-finanzjament li jibda malajr tal-UE se tiġi implimentata permezz ta' inizjattivi eżistenti[9], mezzi bilaterali, b'mod partikolari mill-programmi tal-iżvilupp tal-kooperazzjoni tal-Istati Membri stess, jew permezz tal-istituzzjonijiet internazzjonali. L-inizjattivi tal-UE jistgħu jibnu fuq inizjattivi eżistenti jew jimmiraw lejn ħtiġijiet ġodda bħall-MRV u l-istrateġiji tal-iżvilupp b'emissjonijiet baxxi. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri individwali jistgħu jmexxu pajjiżi jew reġjuni speċifiċi u għal temi speċifiċi, skont il-prijoritajiet tal-finanzjament u skont il-prijoritajiet tal-pajjiżi msieħba rispettivi tagħhom.

    L-UE se tkun teħtieġ li taġixxi u tirrapporta dwar l-azzjonijiet tagħha b'mod konsistenti u effiċjenti, billi tevita x-xogħol doppju u billi tfittex l-iktar għadd ta’ sinerġiji possibbli. Il-koordinazzjoni tal-isforzi tal-UE se tkun kritika. Il-Kummissjoni hija lesta li tieħu rwol ta' faċilitatur u rwol ta' koordinatur fl-implimentazzjoni tal-impenn tal-finanzjament li jibda malajr tal-UE, u tipproponi li:

    1. taħdem mal-Kunsill ECOFIN, appoġġata mill-formazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, biex tikkoordina u timmonitorja l-isforzi tal-finanzjament li jibda malajr tal-UE;

    2. tistabbilixxi programm konġunt reġjonali għall-bini tal-kapaċità tal-UE (eż. għal strateġiji tal-iżvilupp b'emissjonijiet baxxi u strateġiji tal-adattament) biex jippulja u jiggwida l-finanzjament tal-UE, li jikkumplimenta l-programmi finanzjarji eżistenti tal-UE. Dan jista' jinvolvi direttament il-pajjiżi interessati fil-bini tal-kapaċità, eż. permezz ta' arranġamenti ta' "ġemellaġġ ";

    3. it-trasparenza tiġi żgurata permezz tad-dispożizzjoni ta' rapport biannwali ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-impenn tal-finanzjament li jibda malajr tal-UE, bl-ewwel rapport fil-ħin għas-sessjoni ta' Bonn tal-UNFCCC f'Ġunju 2010.

    3.2.4. Is-sigurtà tal-finanzjament fit-tul

    Fil-Ftehim ta' Kopenħagen, l-UE u pajjiżi żviluppati oħra impenjaw ruħhom li flimkien jużaw US$ 100 biljun (EUR 73 biljun) fis-sena sal-2020 għall-azzjonijiet ta' mitigazzjoni u adattament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dan il-finanzjament jista' jiġi minn firxa wiesgħa ta' sorsi:

    - Is-suq internazzjonali tal-karbonju, li, jekk jitfassal kif suppost, se joħloq żieda fil-flussi finanzjarji għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u sal-2020 jista' jiġġenera sa EUR 38 biljun fis-sena. L-EU ETS diġà qed tipprovdi flussi sinifikanti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz tal-appoġġ tagħha tas-CDM, u l-leġiżlazzjoni tal-UE tipprovdi għal flussi addizzjonali mill-2013. Barra minn hekk, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jużaw parti mid-dħul totali tagħhom mill-bejgħ skont l-EU ETS għal dawn il-finijiet mill-2013;

    - L-avjazzjoni internazzjonali u t-trasport marittimu, preferibbilment permezz ta' strumenti globali[10], li jistgħu jipprovdu sors importanti ta' finanzjament innovattiv, jibnu fuq l-impenn eżistenti skont l-EU ETS għad-dħul kollu mill-bejgħ tal-avjazzjoni li għandu jintuża għall-miżuri dwar it-tibdil fil-klima;

    - Il-finanzjament pubbliku internazzjonali fil-firxa ta' minn EUR 22 sa 50 biljun fis-sena sal-2020. L-UE għandha tikkontribwixxi sehem ġust. Għall-perjodu minn wara l-2012, l-UE għandha tkompli tagħmel offerta waħda globali[11].

    Il-Bord ta' Livell Għoli dwar il-Finanzi tal-ġejjieni u l-Grupp Konsultattiv ta' Livell Għoli dwar il-Finanzjament tat-Tibdil fil-Klima għandhom jesploraw kif dawn ir-riżorsi jistgħu jintużaw b'mod effettiv għall-finanzjament ta' azzjonijiet tal-klima fil-ġejjieni, bil-finanzi pubbliċi jiffukaw fuq oqsma li ma jistgħux jiġu ffinanzjati b'mod adegwat mis-settur privat jew jintużaw biex isaħħu l-investiment privati. Il-Fond Aħdar ta' Kopenħagen għall-Klima jeħtieġ ukoll mandat definit sew biex iżid il-valur għall-inizjattivi eżistenti.

    It-tmexxija tal-arkitettura finanzjarja internazzjonali tal-ġejjieni għandha tkun trasparenti, tippermetti monitoraġġ effettiv, u għandha tirrispetta l-prinċipji maqbula għall-effettività tal-għajnuna. Teħtieġ sistema ta' rappurtar kompletament trasparenti, li tuża sett komprensiv ta' statistika li tibni fuq is-sistema tal-OECD-DAC. Din tiżgura li l-azzjoni tal-klima ssir b'sinerġija mal-isforzi għat-tnaqqis tal-faqar u l-isforzi lejn il-Miri tal-Millenju għall-Iżvilupp.

    Id-dimensjoni internazzjonali tal-finanzi fit-tul hija biss parti waħda mill-istampa. Fil-kuntatti li jsiru mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment dawk li huma iktar avvanzati ekonomikament, għandu jkun ċar li huma se jikkontribwixxu wkoll għall-isforz kumplessiv, inkluż billi jinvolvu ruħhom f'azzjonijiet ta' mitigazzjoni bis-sens u trasparenza fl-implimentazzjoni.

    3.3. Niżviluppaw is-suq internazzjonali tal-karbonju

    Suq tal-karbonju li jaħdem sew huwa essenzjali biex iseħħu investimenti b'karbonju baxx u biex jinkisbu l-għanijiet globali tal-mitigazzjoni b'mod li huwa effiċjenti fl-infiq. Jista' jiġġenera wkoll flussi finanzjarji importanti għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Suq internazzjonali tal-karbonju għandu jinbena billi jingħaqdu s-sistemi domestiċi ta’ limiti massimi u skambji kompatibbli. L-għan huwa li sal-2015 jiġi żviluppat suq wiesa' tal-OECD u sal-2020 jiġi żviluppat suq li huwa saħansitra usa', biex dan ikun parti mill-involviment għall-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Awstralja, fid-dawl tal-progress li kisbu sa issa.

    L-UE proponiet mekkaniżmi settorjali ġodda għas-suq tal-karbonju bħala pass intermedju lejn l-iżvilupp ta' sistemi (multisettorjali) ta’ limiti massimi u skambji, b'mod partikolari fil-pajjiżi l-aktar avvanzati fost dawk li qed jiżviluppaw. Dawn il-mekkaniżmi jistgħu jipprovdu sinjal iktar komprensiv tal-prezzijiet u jiġġeneraw il-krediti fuq skala ikbar. Jistgħu jipprovdu wkoll mod kif jinġabru l-kontribuzzjonijiet tal-mitigazzjoni mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi jiġu kkreditati l-limiti ambizzjużi tal-emissjonijiet stabbiliti taħt l-emissjonijiet proġettati biex jiġi żgurat benefiċċju nett ta' mitigazzjoni.

    Barra minn hekk, il-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) se jkompli wara l-2012, iżda għandu jiġi rriformat biex itejjeb l-integrità, l-effettività, l-effiċjenza u t-tmexxija ambjentali tiegħu. Maż-żmien, dan il-mekkaniżmu għandu jiffoka fuq il-pajjiżi l-inqas żviluppati. Sabiex tiżgura bidla koerenti minn mekkaniżmi msejsa fuq il-proġetti għal mekkaniżmi mifruxa mas-settur wiesa', l-UE għandha tfittex li ssib bażi komuni mal-Istati Uniti u ma’ pajjiżi oħra li jkunu qed jimplimentaw sistemi ta’ limiti massimi u skambji u li jkunu qed joħolqu d-domanda għall-krediti ta’ kumpens b’mod koordinat.

    Għan ewlieni għal Cancún għandu jkun li jankra l-mekkaniżmi mtejba u ġodda tas-suq tal-karbonju, bħala mezz biex jintlaħqu għanijiet ambizzjużi ta' mitagazzjoni u biex jiġu ġġenerati flussi finanzjarji għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Barra minn hekk, għandu jipprovdi wkoll bażi għall-ħolqien ta' mekkaniżmi ġodda għas-settur wiesa'. Madankollu, f'dawn l-aħħar snin, in-negozjati dwar il-mekkaniżmi msejsa fuq is-suq irċevew diversi kritiċi minn għadd ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, u nqalgħet mistoqsija dwar jekk dan jistax isir taħt il-partroċinju tal-UNFCCC.

    Għalhekk, l-UE għandha tuża d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni attwali tal-EU ETS[12] biex tagħti inċentiv lill-iżvilupp tal-mekkaniżmi tas-suq tal-karbonju settorjali u biex tippromwovi r-riforma tas-CDM. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni:

    4. se taħdem flimkien mal-pajjiżi żviluppati u mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma interessati jiżviluppaw mekkaniżmi settorjali, li l-krediti tagħhom imbagħad ikunu jistgħu jiġu rikonoxxuti għall-użu fl-EU ETS, fis-suq wiesa' tal-OECD emerġenti u skont id-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforzi tal-UE li fiha t-tnaqqis tal-impenji tal-Istati Membri; u

    5. skont il-progress fl-iżvilupp tal-mekkaniżmi tas-settur wiesa', se tiżviluppa u tipproponi miżuri stretti għat-titjib tar-rekwiżiti tal-kwalità għall-krediti mill-mekkaniżmi msejsa fuq il-proġetti.

    4. Konklużjoni

    Din il-Komunikazzjoni tikkunsidra wħud mit-tagħlimiet ta' wara l-konferenza ta' Kopenħagen, li ma laħqitx l-ambizzjonijiet inizjali, iżda li madankollu wriet appoġġ sostanzjali u mifrux biex jitkattru l-isforzi fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima. Il-Komunikazzjoni tfassal ukoll il-passi li jridu jsiru fil-qrib jew fiż-żmien medju, u turi b'mod kruċjali d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tkompli l-isforzi tagħha biex tiżgura li tittieħed azzjoni adegwata, fuq livell globali, li timxi mas-serjetà tal-isfida globali li qegħdin naffrontaw.

    [1] Il-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2009 kkonkluda li bħala parti minn ftehim globali u komprensiv għall-perjodu lil hinn mill-2012, l-UE ttenni l-offerta kundizzjonata tagħha li tiċċaqlaq għal tnaqqis ta' 30 % sal-2020 imqabbel mal-livelli tal-1990, sakemm pajjiżi żviluppati oħra jimpenjaw ruħhom għal tnaqqis komparabbli fl-emissjonijiet u sakemm il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jikkontribwixxu b'mod adegwat skont ir-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom .

    [2] Il-Ftehim jitlob ukoll il-kunsiderazzjoni tat-tisħiħ tal-għan fit-tul, inkluż fir-rigward taż-żidiet fit-temperatura ta' 1.5 °C.

    [3] Ħarsa ġenerali lejn is-sottomissjonijiet s'issa tinsab fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż ma' din il-Komunikazzjoni u fuq http://www.unfccc.int.

    [4] Id-diversi abbozzi tad-deċiżjonijiet u t-testi tan-negozjati jinsabu fir-rapport tas-COP-16 u s-CMP-6, li huma disponibbli fuq http://www.unfccc.int.

    [5] Adottat l-Erbgħa 10 ta' Frar, u disponibbli fuq is-sit tal-internet: http://www.europarl.europa.eu.

    [6] Il-Kunsill Ewropew tad-29 u t-30 Ottubru 2009 kkonkluda li: "Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Partijiet kollha biex jilqgħu l-objettiv ta' 2˚C u biex jaqblu ma' tnaqqis globali tal-emissjoniiet ta' mill-inqas 50 %, u tnaqqis aggregat tal-emissjonijiet tal-pajjiżi żviluppati ta' mill-inqas 80-95 %, bħala parti minn dan it-tnaqqis globali ta' emissjonijiet, sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990; objettivi bħal dawn għandhom jipprovdu kemm l-aspirazzjoni kif ukoll il-bażi ta' kejl għall-istabbiliment ta' għanijiet ta' nofs it-terminu, soġġetti għal reviżjoni xjentifika regolari Huwa jappoġġa objettiv tal-UE, fil-kuntest tat-tnaqqis meħtieġ skont l-IPCC mill-pajjiżi żviluppati bħala grupp, li jitnaqqsu l-emissjonijiet bi 80-95 % sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990."

    [7] Ħarsa ġenerali lejn il-miri u l-azzjonijiet ppreżentati s'issa hija pprovduta fid-dokument ta' ħidma tal-persunal mehmuż ma' din il-Komunikazzjoni.

    [8] Għal dak li għandu x'jaqsam mal-Ftehim ta' Kopenħagen, il-finanzjament għall-adattament se jagħti prijorità lill-iktar pajjiżi vulnerabbli fost dawk li qed jiżviluppaw, bħall-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs), stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw (SIDS) u l-Afrika.

    [9] Inkluż permezz tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima (GCCA).

    [10] Il-Kunsill ECOFIN, id-9 ta' Ġunju 2009 u COM(2009) 475/3.

    [11] Ara COM(2009) 475/3.

    [12] L-Artikoli 11a(5) u 11a(9) tad-Direttiva dwar l-EU ETS 2009/29/KE u l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE.

    Top