Wählen Sie die experimentellen Funktionen, die Sie testen möchten.

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Dokument 52010DC0070

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI RAPPORT TA' EVALWAZZJONI TAL-PROĠETT “EU PILOT”

    /* KUMM/2010/0070 finali */

    52010DC0070




    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 3.3.2010

    KUMM(2010) 70 finali

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

    RAPPORT TA' EVALWAZZJONI TAL-PROĠETT “EU PILOT”

    {SEG(2010) 182}

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

    RAPPORT TA’ EVALWAZZJONI TAL-PROĠETT “EU PILOT”

    1. INTRODUZZJONI

    Taħt it-Trattati, l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea hija responsabbiltà ewlenija tal-Istati Membri Il-Kummissjoni għandha l-awtorità u r-responsabbiltà li tiżgura li l-liġi hija applikata kif suppost. Minħabba l-ambitu tal-acquis tal-Komunità u d-daqs tal-UE, numru kbir ta’ mistoqsijiet u elementi ta’ tħassib jitqajmu miċ-ċittadini, minn rappreżentanti ta’ interessi tas-soċjetà ċivili u min-negozji. Sabiex il-liġi tinftiehem u tiġi applikata kif suppost, jeħtieġ li dawn il-mistoqsijiet u elementi ta' tħassib ikunu indirizzati u tiġi solvuta kemm jista' jkun malajr u b’mod l-aktar effettiv, kwalunkwe problema marbuta mal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja.

    Din il-ħidma li tiżgura l-ftehim u l-applikazzjoni kif suppost tal-liġi, minn dejjem kienet tinvolvi sforz konġunt mis-Servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jidentifikaw il-kwestjonijiet ikkonċernati, jikkjarifikaw is-sitwazzjoni legali u fattwali, isibu soluzzjonijiet u jwieġbu għal mistoqsijiet. Maż-żmien intużaw diversi mezzi ta’ kuntatt għal dan il-fini. Madanakollu, ma hemm l-ebda struttura ġenerali, impenn sistematiku jew mezz ta’ kif wieħed jista' jkejjel l-effiċjenza u l-progress tal-mod ta’ kif twettqet din il-ħidma.

    Fil-Komunikazzjoni tagħha “Ewropa li tikseb ir-Riżultati – L-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja”[1], il-Kummissjoni pproponiet li jinbeda proġett biex tiġi ttestjata ż-żieda fl-impenn, fil-kooperazzjoni u fl-isħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri f’din il-ħidma. Hija pproponiet impenn konġunt ġdid bejnha u bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri biex tiġi ttestjata l-possibbiltà li lkoll jaħdmu flimkien aktar mill-qrib sabiex jinstabu tweġibiet u soluzzjonijiet aħjar u aktar fil-pront, għall-mistoqsijiet u għall-problemi kkonċernati. L-idea kienet li dan il-metodu ta’ ħidma jintuża biex jiġi kkoreġut kwalunkwe ksur fil-liġi Komunitarja, meta dan ikun possibbli, mingħajr il-bżonn li wieħed jirrikorri għal proċedimenti dwar ksur tal-liġi. Għalhekk mhux il-ħsieb li l-proġett jintuża biex tkun ġestita xi kwestjoni li fuqha jkun inbeda proċediment, permezz tal-ħruġ ta' ittra ta' notifika formali, skont l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE – eks-Artikolu 226 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea), jew biex tiġi segwita deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżistenza ta' ksur tal-liġi.

    Bażi tad-dejta kunfidenzjali nħolqot għal komunikazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Ġie stabbilit netwerk ta’ kuntatti biex iħaddem is-sistema, li jiżgura li dawk il-fajls li ddaħħlu fih jilħqu d-destinazzjoni korretta tagħhom u biex jissorvelja l-progress u l-ispinta għal użu effiċjenti u kostruttiv tas-sistema. Permezz ta’ dawn il-mezzi, l-aspetti kollha dwar il-pożizzjoni legali u fattwali fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri jkunu kkjarifikati u kkonfermati u jintlaħqu konklużjonijiet xierqa, jiġu infurmati ċ-ċittadini u n-negozji u jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi, biex b'hekk tkun żgurata l-konformità mal-liġi tal-UE

    Dan il-progrett, li jismu “EU Pilot”, ilu jopera min-nofs ta’ April tal-2008 bi ħmistax-il Stat Membru volontarju l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, l-Olanda, il-Portugall, is-Slovenja, l-Iżvezja, Spanja u r-Renju Unit.

    Il-Kummissjoni pproponiet li ssir evalwazzjoni tat-tħaddim tal-proġett wara l-ewwel sena tal-ħidma tiegħu. Dan id-dokument fih ir-rapport ta’ evalwazzjoni tat-tħaddim tas-sistema sa nofs Frar tal-2010.

    2. Informazzjoni dwar it-tħaddim tal-"EU Pilot"

    Sa min-nofs Frar tal-2010, 723 fajl tressqu għall-proġett “EU Pilot”. Minn dawn, 424 fajl għaddew mill-proċess sħiħ tal-proġett “EU Pilot”. Dan jikkostitwixxi bażi suffiċjenti għall-ewwel evalwazzjoni tat-tħaddim tal-proġett “EU Pilot”

    Madwar 60% tal-fajls jikkonsistu f’ilmenti, filwaqt li aktar minn 20% jikkonsistu f’mistoqsijiet u madwar 20% oħra huma fajls li nħolqu mill-Kummissjoni fuq inizjattiva proprja. Fost l-ilmenti u l-mistoqsijiet, 43% tal-fajls ġejjin minn ċittadini u 36% min-negozji jew korpi tas-soċjetà ċivili. Is-suġġett tal-fajls jikkonferma l-esperjenza eżistenti tal-volum ta’ mistoqsijiet u problemi li tqajmu fis-setturi differenti tal-liġi Komunitarja: 36 % li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent; 21% is-suq intern, 8% it-tassazzjoni, 7% l-impjiegi, il-liġi tax-xogħol u s-sigurtà soċjali; 6% il-ġustizzja, il-ħelsien u s-sigurtà, 5% l-intrapriża; 4% is-saħħa u l-protezzjoni tal-konsumatur u 4% l-agrikoltura.

    Huwa ċar li l-aktar Stati Membri kbar għandhom it-tendenza li jirċievu aktar fajls minħabba l-fatt li għandhom popolazzjoni akbar u numru akbar ta’ negozji u rappreżentanti ta’ interessi tas-soċjetà ċivili. S'issa xi Stati Membri kellhom jittrattaw biss numru żgħir ta' fajls. F’dan l-istadju, ir-rispons li wasal mingħand l-Istati Membri kien, fil-biċċa l-kbira tiegħu, wieħed pożittiv. L-Istati Membri ġibdu l-attenzjoni, b’mod partikolari, għall-kontribut li l-proġett “EU Pilot” jista’ jagħmel biex titjieb il-komunikazzjoni mal-Kummissjoni, biex b’hekk jistgħu jiġu pprovduti reazzjonijiet aħjar u aktar fil-pront għall-inkjesti u l-ilmenti Fl-istess ħin, l-Istati Membri ġibdu l-attenzjoni għall-bżonn li jitjieb iżjed it-tħaddim konkret tas-sistema (pereżempju billi jiġi kkjarifikat l-iskop tagħha u r-regoli dwar kif il-Kummissjoni għandha tamministra l-fajls).

    L-evalwazzjoni globali tal-Kummissjoni tindika li l-kwestjonijiet li tqajmu fil-maġġoranza l-kbira ta’ dawn il-fajls fihom xi kontenut rilevanti li jistħoqqlu xi tip ta’ reazzjoni. L-evalwazzjoni inizjali tar-rata ta’ suċċess tindika li kienet għolja u, skont is-servizzi tal-Kummissjoni, 85% tar-reazzjonijiet ipprovduti mill-Istati Membri kienu aċċettabbli, tant li seta’ jingħalaq il-fajl. Xi fajls kellhom xorta jgħaddu għall-fażi ta' ksur, bir-riżultat li sal-bidu ta' Frar tal-2010, kien hemm 40 każ ta' proċedimenti dwar ksur imniedi jew li kienu qegħdin jiġu preparati wara li ġew trattati fil-proġett "EU Pilot". Fir-rigward tal-ipproċessar tal-fajls li tressqu, il-livell ta’ rifjut tal-fajls min-naħa tal-Istati Membri kien baxx ħafna (3%) u r-rifjuti kienu, fil-biċċa l-kbira tagħhom, marbuta ma’ nuqqas ta’ informazzjoni trażmessa minn dak li ressaq l-ilment. Kważi 67% tal-fajls li tressqu qanqlu reazzjoni min-naħa tal-Istat Membru fi żmien għaxar gimgħat, b’medja ta’ 73 ġurnata. L-ebda qafas ta’ żmien ma ġie stipulat għall-ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li komplew isegwu fuq ir-reazzjonijiet ipprovduti mill-Istati Membri, iżda madwar 40% tal-fajls tlestew fi żmien għaxar ġimgħat oħra, b’medja ta’ 109 ġurnata.

    Il-perċezzjoni inizjali tal-Kummissjoni dwar it-tħaddim tal-proġett “EU Pilot” u tal-mod kif ġew ipproċessati l-biċċa l-kbira tal-fajls, hija waħda pożittiva. Il-proġett “EU Pilot” beda jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jinkisbu riżultati dwar kwestjonijiet marbutin mal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja fi żminijiet raġjonevoli. Fl-istess ħin, l-effiċjenza tas-sistema tista’ titjieb aktar permezz ta’ żieda fil-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward ta’ fajls individwali u tnaqqis fiż-żmien medju li jittieħed biex ikunu pproċessati l-fajls.

    3. Analiżi ulterjuri u żvilupp tal-proġett “EU Pilot”

    Is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri żviluppaw ftehim ċar tal-pjattaforma teknika u qegħdin iħaddmuha b’mod effiċjenti. Hemm aspetti li jistgħu jiġu kkjarifikati u mtejba, sabiex ikun iffaċilitat l-użu tagħha Ħafna żviluppi huma diġà ppjanati .

    In-natura tal- fajls introdotti fil-proġett “EU Pilot” titqies, b’mod ġenerali, bħala rilevanti għall-iskop tal-applikazzjoni tal-proġett “EU Pilot” u tqajjem kwestjonijiet li jisħoqqilhom l-attenzjoni. Mill-bidu nett kien għadu mhux ċar jekk il-proġett kienx se jkopri l-fajls li nħolqu fuq l-iniżjattiva proprja tas-servizzi tal-Kummissjoni peress li l-proġett kien iddiżinjat essenzjalment biex jittratta kwestjonijiet li tqajmu miċ-ċittadini, min-negozji u mill-interessi tas-soċjetà ċivili. Madanakollu, din il-kwestjoni ġiet diskussa u ntlaħaq ftehim ġenerali dwar il-vantaġġi marbutin mal-użu ta’ sistema għal kull tip ta’ komunikazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri. F’każi partikolarment kumplessi, skambji permezz tal-EU Pilot jistgħu jiġu kumplimentati permezz ta' laqgħat esperti.

    Ġie kkonfermat il-valur ta’ użu aktar konsistenti tal-proġett “EU Pilot” mis-servizzi tal-Kummissjoni. Mingħajr ħsara għal mekkaniżmi oħra stabbiliti mil-liġi tal-UE, dan ifisser li l-fajls kollha għandhom jiddaħħlu fil-proġett “EU Pilot” sabiex il-pożizzjoni fattwali jew legali tista' tiġi kkjarifikata. Madanakollu, l-eċċezzjonijiet huma awtorizzati meta minħabba urġenza jew interess aktar importanti tkun tinħtieġ it-tnedija immedjata ta' proċedura dwar ksur tal-liġi. F'bosta każi dan se jiżgura li tingħata tweġiba għal kull mistoqsija, jew li tinstab soluzzjoni għal kull problema, aktar malajr milli kien ikun possibbli permezz ta' proċedimenti dwar ksur , biex b’hekk ikun żgurat skambju ta’ informazzjoni mtejjeb u titjib fl-ittraċċjar tal-fajls. Filwaqt li bħalissa, is-servizz tal-Kummissjoni jikkunsidra li jkun utili li tintbagħat ittra amministrattiva qabel ma jittieħed kwalunkwe pass formali, se tkun pprovduta wkoll formola li għandha timtela fil-"EU Pilot" u tintbagħat permezz tas-sistema bħala l-uniku mezz għall-komunikazzjoni ta' din l-informazzjoni. Din is-sistema tieħu post il-prattika regolari tas-servizzi tal-Kummissjoni fejn jintbagħtu ittri amministrattivi u se tiżgura rikors għal prattika aktar ġenerali u konsistenti fir-rigward tal-EU Pilot. Għall-anqas, se tipprovdi perjodu ta' konsultazzjoni qasir mal-awtoritajiet tal-Istati Membri biex tinstab soluzzjoni konkreta aktar malajr milli kien ikun possibbli bl-użu ta' proċediment dwar ksur tal-liġi. L-użu tal-proġett "EU Pilot" ma jipprekludix id-diskrezzjoni li jintużaw kuntatti addizzjonali biex jiġi żgurat segwitu ulterjuri tal-fajls tal-"EU Pilot". Il-proġett ma joffrix garanzija li l-Istati Membri ser ikunu għall-anqas infurmati b'mod konsistenti, bit-tnedija li x'aktarx ser issir tal-proċedimenti dwar ksur tal-liġi, mingħajr ma jkun hemm xi dewmien biex jinbdew dawn il-proċedimenti. Dan ser isir dejjem, sakemm l-urġenza tkun tali li tkun meħtieġa azzjoni formali immedjata, biex b'hekk ikun hemm konferma u kontinwazzjoni tal-impenn reċiproku biex tinstab fil-pront kemm jista' jkun ir-risoluzzjoni possibbli għal kull kwestjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċess għat-tisħiħ tal-applikazzjoni kif suppost tal-liġi tal-UE. Dan se jġib miegħu benefiċċji għaċ-ċittadini, u konsistenza u effiċjenza fl-organizzazzjoni ta' din il-ħidma kemm għall-awtoritajiet tal-Istati Membri kif ukoll għas-servizzi tal-Kummissjoni.

    Is-servizzi tal-Kummissjoni qegħdin jaħdmu biex jiżguraw li l-kwestjonijiet li tqajmu fil-proġett “EU Pilot” jiġu dejjem introdotti fuq il-bażi tal-ispjegazzjoni tal-kwestjonijiet l-aktar ċara possibbli , biex b’hekk jiżdiedu l-interess u l-awtorità tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kwestjonijiet li jitqajmu miċ-ċittadin. Dan jiffaċilita l-ħidma tal-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jiġi żgurat li r-reazzjonijiet tagħhom jipprovdu wkoll spjegazzjonijiet ċari u soluzzjonijiet immirati lejn il-kwestjonijiet ewlenin. L-awtoritajiet tal-Istati Membri huma impenjati li jiżguraw li l-kwestjonijiet li tqajmu jkunu indirizzati kif suppost mit-tweġibiet ipprovduti.

    Tqajmet il-kwestjoni dwar il-lingwi li għandhom jintużaw għall-komunikazzjoni lejn u mill-Istati Membri u maċ-ċittadini, in-negozji jew il-gruppi ta’ rappreżentanti ta’ interessi tas-soċjetà ċivili kkonċernati. Intgħaraf li jista' jkun li tinqala' l-ħtieġa li t-testi jkunu tradotti f’mument jew ieħor matul il-proċess. Il-Kummissjoni hija impenjata li tiżgura li s-sistema taħdem bl-aktar mod effettiv possibbli, filwaqt li jitqiesu r-regoli rilevanti u l-proċeduri u l-użu differenti tal-lingwi li jistgħu jintużaw f’kuntesti amministrattivi differenti. Il-Kummissjoni se tiżgura t-traduzzjoni tat-testi għall-finijiet proprji tagħha u fejn dan huwa meħtieġ biex issostni l-ħidma tal-Istati Membri.

    Il-proġett “EU Pilot” jipprevedi l-komunikazzjoni diretta tat-tweġibiet mill-awtoritajiet tal-Istati Membri lid-destinatarju finali , kull meta dan hu xieraq, sabiex jiġi ssimplifikat u jitqassar iż-żmien meħud biex ikunu pproċessati l-fajls skont il-kuntest partikolari u l-kwistjonijiet li tqajmu. Barra minn hekk, xi Stati Membri jikkunsidraw li, b’mod ġenerali, jixraq aktar li l-Kummissjoni twieġeb għal korrispondenza li, hekk jew hekk, tkun ġiet indirizzata oriġinalment lilha. Dan jiżgura wkoll li l-korrispondent jirċievi l-elementi kollha tat-tweġiba, li jkun fiha elementi pprovduti mis-servizzi tal-Kummissjoni kif ukoll mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, fl-istess ħin. Għalhekk, it-tweġiba lill-korrispondent tista’ tintbagħat permezz tas-servizzi tal-Kummissjoni sakemm l-Istat Membru ma jkunx tal-fehma li tkun xierqa tweġiba diretta. Fi kwalunkwe każ, il-korrispondent dejjem se jirċievi evalwazzjoni mis-servizzi tal-Kummissjoni tat-tweġiba pprovduta mill-awtorità tal-Istat Membru.

    Permezz ta’ din l-ewwel evalwazzjoni tat-tħaddim tal-proġett “EU Pilot”, sar l-ewwel attentat biex il-fajls ikunu kkategorizzati skont il-kontenut tagħhom . L-għan huwa li wieħed jipprova jidentifika jekk tipi ta’ fajls differenti jeħtiġux li jiġu pproċessati b’mod differenti u jekk huwiex possibbli li jitfassal metodu standard biex jiġi evalwat x’tul ta’ żmien jidher aċċetabbli għall-ipproċessar ta’ tipi ta’ kwestjonijiet differenti. L-eżami ulterjuri ta’ din il-mistoqsija se tifforma parti mill-ħidma fuq il-proġett li għadha għaddejja. Din l-analiżi approssimattiva tal-fajls tindika li f’madwar 60% tal-fajls ġiet identifikata l-possibbiltà ta’ diffikultà prattika, osservata minn ċittadin jew negozju, li tqum fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja, f’madwar 25% tal-fajls tqajmet il-possibbiltà ta’ ksur fil-liġi Komunitarja, f’madwar 15% minnhom kien hemm involuti mistoqsijiet dwar kwestjonijiet marbutin mal-użu ta’ drittijiet taħt il-liġi Komunitarja u f’madwar 2 % minnhom kien hemm involuti talbiet sempliċi għal informazzjoni jew spegazzjonijiet.

    Huwa rikonoxxut li n-norma ta' referenza ta’ għaxar gimgħat li ġiet stabbilita għal reazzjonijiet fil-proġett “EU Pilot” għandha sservi biss ta’ referenza ġenerali għall-ipproċessar tar-reazzjonijiet tal-Istati Membri. Dan għaliex in-natura tal-kwestjoni li tqajmet u l-azzjoni li għandha tittieħed biex din tiġi indirizzata jistgħu jvarjaw ħafna, kif ikkonfermat id-differenza kbira fit-tul taż-żmien li ttieħed fuq fajls differenti li jkunu għaddew mis-sistema. Hija possibli xi tip ta’ reazzjoni għal għadd kbir ta’ kwestjonijiet ħafna qabel għaxar ġimgħat, filwaqt li oħrajn jistgħu jirrikjedu aktar żmien minn hekk. Is-servizzi tal-Kummissjoni xi drabi jitolbu għal reazzjoni f’anqas minn għaxar ġimgħat, għal raġunijiet li għandhom jiġu spjegati fit-talba stess. Il-prestazzjoni ġenerali titkejjel kontra n-norma ta’ referenza ta’ għaxar ġimgħat. Iż-żmien li jittieħed mis-servizzi tal-Kummissjoni biex jevalwaw ir-reazzjonijiet u jinfurmaw id-destinatarju finali bil-konklużjonijiet milħuqa huwa biċ-ċar element importanti fil-ħeffa li biha se jiġu pproċessati l-fajls, aktar u aktar meta wieħed iqis li r-reazzjoni tal-Istat Membru u l-evalwazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni jiġu kkomunikati lid-destinatarju finali mis-servizzi tal-Kummissjoni. Referenza ta' għaxar ġimgħat hija għalhekk irrikonoxxuta bħala referenza għal żmien li tulu għandha ssir l-evalwazzjoni min-naħa tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-reazzjonijiet li ngħataw mill-Istati Membri fuq l-istess bażi deskritta hawn fuq fir-rigward ta' Stati Membri. Ir-rispett għal dawn ir-referenzi se jiżgura li l-ewwel pass formali fil-ġestjoni ta' tali fajls, fejn tintbagħat ittra ta' avviż formali jew jingħalaq il-fajl, jista' jittieħed fi ħdan sitt ġimgħat, li huwa bil-qabda aktar kmieni mill-perjodu ta' tnax-il xahar li s'issa qiegħed fil-mira, li jibda' bl-ipproċessar fil-bidu tal-ilmenti u jintemm billi tinbagħat ittra ta' avviż formali jew bl-għeluq tal-fajl.

    B'mod ġenerali, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u s-servizzi tal-Kummissjoni għamlu sforz konsiderevoli u fit-tul biex dan il-proġett jibda' jaħdem u biex jiġi żgurat it-tħaddim inizjali tiegħu. Kien hemm kollaborazzjoni tajba ħafna bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri kemm b'mod bilaterali kif ukoll ilkoll flimkien. Ingħatat attenzjoni kbira għar-reviżjoni tal-progress u l-eżitu tal-fajls u għat-tħaddim ġenerali tas-sistema. Hemm appoġġ ġenerali biex dan il-metodu ta' ħidma jkompli jintuża u interess fil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri l-oħra.

    4. konklużjonijiet Ġenerali

    S'issa l-evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-funzjonament tal-EU Pilot uriet li:

    - Il-bidu tal-proġett “EU Pilot” tlesta b’suċċess u l-proġett qiegħed jibda’ jagħmel kontribut pożittiv għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri li qegħdin jipparteċipaw, biex jitwieġbu mistoqsijiet u jinstabu soluzzjonijiet għal problemi ta’ ċittadini, negozji u rappreżentanti ta’ interessi tas-soċjetà ċivili;

    - Kisba importanti tal-proġett “EU Pilot” hija l-ħolqien ta' netwerk attiv ta’ punti ta’ kuntatt fis-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali. Dan qiegħed isaħħaħ is-sorveljanza tal-ġestjoni tal-dwar mistoqsijiet u lmenti u jżid il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri;

    - Relazzjoni miftuħa u ta’ kollaborazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri li qegħdin jipparteċipaw hija evidenti fl-iżvilupp tal-proġett u fit-tħaddim bikri tiegħu;

    - Is-sistema bdiet turi riżultati pożittivi filwaqt li hemm ukoll ħafna aspetti li jistgħu jiġi żviluppati aktar biex jitjieb it-tħaddim tas-sistema, jiżdied il-ftehim bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri li qegħdin jipparteċipaw u titjieb il-ħeffa li biha qegħdin jiġu pproċessati l-fajls u jinkisbu r-riżultati;

    - Il-Kummissjoni u l-Istati Membri li qegħdin jipparteċipaw huma impenjati li jkomplu jaħdmu biex itejbu l-ipproċessar tal-fajls permezz tal-proġett “EU Pilot” u jtejbu l-metodi ta' ħidma involuti fil-proġett “EU Pilot”; u

    - Il-proġett “EU Pilot” għandu jkompli jintuża u jiġi żviluppat b’parteċipazzjoni wiesgħa kemm jista’ jkun min-naħa tal-Istati Membri, sabiex l-applikazzjoni tiegħu tissaħħaħ u titwessa’.

    Il-Kummissjoni bi ħsiebha tistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom mhumiex jipparteċipaw fil-proġett “EU Pilot” sabiex jingħaqdu mal-proġett, biex l-applikazzjoni tiegħu titwessa’, l-impatt tiegħu jkun estiż u l-iżvilupp tiegħu jkompli jissaħħaħ.

    Evalwazzjoni ulterjuri tal-funzjonament tal-"EU Pilot" hija ppjanata għall-2011.

    [1] [COM(2007) 502 finali, taqsima 2.2 "It-titjib tal-metodi ta’ ħidma", p.8]

    nach oben