This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010AR0354
Opinion of the Committee of the Regions on ‘Seasonal workers and intra-corporate transfer’
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Impjiegi staġonali u trasferimenti intraażjendali”
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Impjiegi staġonali u trasferimenti intraażjendali”
ĠU C 166, 7.6.2011, p. 59–69
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
7.6.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 166/59 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Impjiegi staġonali u trasferimenti intraażjendali”
2011/C 166/10
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
— |
jenfasizza li ċ-ċertezza legali, il-legalità u t-trattament ġust u ugwali tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi jridu jiġu żgurati fl-UE; |
— |
jenfasizza li l-migrazzjoni hija marbuta mill-qrib mal-iżvilupp u jinnota li l-emigrazzjoni ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati m’għandux ikollha impatt ekonomiku negattiv (“brain drain”) fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għaldaqstant, jilqa’ l-fatt li d-direttivi jippromovu l-migrazzjoni ċirkolari, b’mod li jista’ jservi ta’ kontribut pożittiv kemm għas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri kif ukoll għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta’ oriġini; |
— |
jieħu nota b’interess tal-proċeduri ta’ skrutinju tal-parlamenti nazzjonali fir-rigward ta’ kemm il-proposti kif ukoll tal-fehmiet u l-argumenti espressi fihom; jikkunsidra, abbażi tal-analiżi tiegħu stess, li ż-żewġ proposti huma kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jenfasizza li l-valur miżjud tal-leġislazzjoni tal-UE għandu jinsab prinċipalment fil-kapaċità tagħha li ma tħallix lis-sistemi nazzjonali jimpenjaw ruħhom f’ġirja lejn l-iktar livell baxx ta’ protezzjoni; |
— |
jisħaq fuq l-importanza tad-dritt tal-Istati Membri skont it-Trattat li jiddeterminaw l-ammonti ta’ ammissjonijiet, filwaqt li jenfasizza li l-Istati Membri jridu jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-deċiżjoni dwar l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu ammessi fit-territorju tagħhom, u dwar il-profili ta’ impjieg tagħhom; |
— |
iwissi li ż-żewġ direttivi għandhom jiġu implimentati b’tali mod li jirrispettaw il-prinċipju tal-preferenza Komunitarja; |
— |
madankollu, huwa konvint li x-xogħol staġonali u t-trasferimenti intraażjendali jistgħu jagħtu kontribut importanti għall-irkupru ta’ wħud mis-setturi ekonomiċi u produttivi fl-Ewropa. |
Relatur |
Is-Sur Graziano Ernesto MILIA (IT/PSE), President tal-Provinċja ta’ Cagliari |
Dokumenti ta’ referenza |
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-qafas ta’ trasferiment intra-ażjendali – COM(2010) 378 finali u Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-iskop ta’ impjieg staġonali – COM(2010) 379 finali |
I. KUMMENTI ĠENERALI
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
1. |
jilqa’ ż-żewġ proposti għal direttiva mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza tal-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi u dwar it-trasferimenti intraażjendali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi; madankollu, jenfasizza li ż-żewġ proposti għandhom jitqiesu fid-dawl tad-dibattitu li għaddej bħalissa dwar il-migrazzjoni legali fl-UE u li huwa vitali li din il-politika tadotta approċċ konsistenti – li jkopri wkoll l-aspetti soċjali tal-kwistjoni – sabiex toħloq ċertezza legali u tiżgura trattament ugwali u konformità mad-drittijiet fundamentali; |
2. |
jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġu miġġielda l-fenomeni ta’ immigrazzjoni illegali u kull tip ta’ xogħol illegali u ta’ sfruttament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi madwar l-UE. Il-Kumitat tar-Reġjuni jemmen li huwa fundamentali li jiġi żgurat li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaħdmu fl-UE b’mod legali jkollhom kundizzjonjiet tax-xogħol u tar-residenza konformi mad-drittijiet fundamentali u mal-esiġenzi stabbiliti permezz tal-liġi u li jiġu ttrattati l-istess bħaċ-ċittadini tal-UE, u li tiġi promossa l-integrazzjoni soċjali tagħhom b’mod kemm jista’ jkun wiesa’ u sħiħ. F’dan ir-rigward, il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob ir-rispett assolut u bla kundizzjonijiet tad-drittijiet fundamentali previsti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u jfakkar li, minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, din il-Karta għandha valur legali sħiħ, l-istess bħat-Trattati; |
3. |
jenfasizza li ċ-ċertezza legali (fis-sens ta’ qafas regolatorju ċar) u l-legalità (fis-sens tar-rispett għal-liġi) u t-trattament ġust u ugwali tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi jridu jiġu żgurati fl-UE. ir-reġjuni, l-awtoritajiet intermedji bħall-provinċji, u l-muniċipalitajiet (inklużi ż-żoni rurali) huma l-ewwel li jesperjenzaw l-impatt ekonomiku u soċjali ta’ flussi ta’ migrazzjoni fiż-żoni tagħhom, kemm regolari kif ukoll irregolari. L-awtoritajiet reġjonali, intermedji u lokali (ARL) huma responsabbli biex jipprovdu lill-individwi b’firxa wiesgħa ta’ servizzi (ospitalità meta jaslu, kura tas-saħħa, edukazzjoni, taħriġ vokazzjonali, djar, eċċ.) u għaldaqstant ir-rwol tagħhom fil-prattika u fil-ġestjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet għandu jiġi enfasizzat mill-Kummissjoni Ewropea; |
4. |
jenfasizza li l-entitajiet reġjonali, lokali u intermedji huma atturi fundamentali fl-Istrateġija UE 2020 adottata reċentement sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, tat-tibdil fil-klima u tar-riżorsi tal-enerġija, u b’hekk ukoll dawk tal-politika tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea, li, bħalma juru l-proposti leġislattivi inkwistjoni, huma marbuta mill-qrib mat-tema tal-politika tal-immigrazzjoni; |
5. |
jenfasizza li, minkejja li l-immigrazzjoni legali hija kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri, l-implimentazzjoni tal-politika tal-immigrazzjoni legali hija marbuta mill-qrib ma’ politiki oħrajn, bħal dawk, imsemmijin fil-proposti li qed jiġu eżaminati, dwar ix-xogħol, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, is-sigurtà soċjali, is-servizzi pubbliċi lokali u s-servizzi ta’ interess ġenerali, id-djar u politiki oħrajn li huma ġestiti f’ħafna Stati Membri tal-UE f’livell deċentralizzat mill-ARL. Għalhekk, l-ARL jaqdu rwol importanti fil-ġbir ta’ informazzjoni u data statistika li tintuża tul l-evalwazzjoni tal-leġislazzjoni attwali jew it-tfassil ta’ miżuri ġodda fil-politiki tal-migrazzjoni. B’hekk, ta’ min jenfasizza l-esiġenza ta’ sħubija mill-qrib mal-ARL; |
6. |
jenfasizza li l-migrazzjoni hija marbuta mill-qrib mal-iżvilupp u jinnota li l-emigrazzjoni ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati m’għandux ikollha impatt ekonomiku negattiv (“brain drain”) fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għaldaqstant, jilqa’ l-fatt li d-direttivi jippromovu l-migrazzjoni ċirkolari, b’mod li jista’ jservi ta’ kontribut pożittiv kemm għas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri kif ukoll għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta’ oriġini (1); |
7. |
jirrikonoxxi li l-migrazzjoni ċirkolari tista’ toħloq rabta ta’ valur bejn il-pajjiżi tal-oriġini u l-pajjiżi ospitanti u tista’ sservi biex jiġu promossi d-djalogu, il-kooperazzjoni u l-għarfien reċiproku, u jipproponi li jintużaw l-għodod u l-istrutturi istituzzjonali li diġà jeżistu, bħall-inizjattiva tal-Kumitat tar-Reġjuni – Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM), sabiex jiġu promossi dawn it-tipi ta’ rabtiet; |
8. |
madankollu, ifakkar li l-migrazzjoni ċirkolari m’għandhiex titqies bħala sostitut għall-migrazzjoni permanenti u għandhom jiġu stabbiliti kanali effettivi li jiffaċilitaw iċ-ċirkolazzjoni u r-ritorn tal-migranti kif ukoll sabiex tiġi evitata l-immigrazzjoni irregolari; |
9. |
jieħu nota b’interess tal-proċeduri ta’ skrutinju tal-parlamenti nazzjonali fir-rigward ta’ kemm il-proposti kif ukoll tal-fehmiet u l-argumenti espressi fihom; jikkunsidra, abbażi tal-analiżi tiegħu stess, li ż-żewġ proposti huma kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jenfasizza li l-valur miżjud tal-leġislazzjoni tal-UE għandu jinsab prinċipalment fil-kapaċità tagħha li ma tħallix lis-sistemi nazzjonali jimpenjaw ruħhom f’ġirja lejn l-iktar livell baxx ta’ protezzjoni tal-impjiegi staġjonali u t-trasferimenti intraażjendali; |
10. |
jaħseb li l-leġislazzjoni dwar it-trasferimenti intraażjendali ta’ ċerti membri ewlenin tal-persunal hija neċessarja fil-livell tal-UE meta wieħed iqis id-diskrepanzi bejn il-leġislazzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-ammissjoni permezz ta’ trasferiment intraażjendali u d-drittijiet ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi, il-ħtieġa li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ natura transkonfinali u biex jiġi ggarantit twettiq aħjar tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni fil-qafas tad-WTO; barra minn hekk, jemmen li leġislazzjoni tal-UE bħal din tista’ tagħmel is-suq tax-xogħol tal-UE iktar attraenti għal migranti bi kwalifiki għolja u għaldaqstant tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-ekonomija tal-UE kollha kemm hi; |
11. |
jemmen li l-leġislazzjoni fir-rigward tal-ħaddiema staġonali fil-livell tal-UE hija neċessarja minħabba d-diskrepanzi li jeżistu bejn il-leġislazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-ammissjoni u d-drittijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi bħala ħaddiema staġonali, il-ħtieġa li jiġi assigurat “pakkett” uniformi ta’ drittijiet minimi u l-bżonn li jiġi ggarantit li każi ta’ abbuż kif ukoll l-immigrazzjoni illegali jiġu indirizzati b’mod adatt; |
12. |
jisħaq fuq l-importanza tad-dritt tal-Istati Membri skont it-Trattat li jiddeterminaw l-ammonti ta’ ammissjonijiet, filwaqt li jenfasizza li, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-governanza f’diversi livelli, l-Istati Membri jridu jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-deċiżjoni dwar l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu ammessi fit-territorju tagħhom, u dwar il-profili ta’ impjieg tagħhom (2); |
13. |
jappoġġja, wara l-analiżi taż-żewġ proposti fir-rigward tal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-għażla tal-istrument legali, direttivi fiż-żewġ każijiet, billi dan jagħti lill-Istati Membri l-ispazju meħtieġ għal diskrezzjoni fir-rigward tal-arranġamenti ta’ implimentazzjoni domestiċi, u biex jiġu kkunsidrati s-sitwazzjonijiet u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull Stat Membru u l-awtoritajiet tiegħu responsabbli għall-implimentazzjoni tad-direttivi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali; |
14. |
minkejja dan, jemmen li xi elementi individwali tal-proposti jistgħu jesiġu analiżi iktar mill-qrib b’referenza għall-prinċipju tal-proporzjonalità: fil-fatt id-direttivi m’għandhomx iqiegħdu obbligi mhux proporzjonali fuq individwi li jippruvaw jidħlu fl-UE bħala ħaddiema staġonali jew permezz ta’ trasferiment intraażjendali, jew min iħaddimhom, u lanqas m’għandhom jiġġeneraw spejjeż jew piżijiet mhux meħtieġa għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li huma msejħa jimplimentawhom; fir-rigward tat-tieni kunsiderazzjoni, il-limitu ta’ żmien ta' 30 jum li fih l-awtoritajiet ikollhom jikkunsidraw l-applikazzjonijiet u jiddeċiedu dwar l-ammissjoni jista’ jitqies qasir wisq u jista’ jitfa’ l-awtoritajiet f’għadd ta’ Stat Membri taħt pressjoni amministrattiva u finanzjarja konsiderevoli; |
15. |
iwissi li ż-żewġ direttivi għandhom jiġu implimentati b’tali mod li jirrispettaw il-prinċipju tal-preferenza Komunitarja, b’mod partikulari fir-rigward ta’ ċittadini tal-Istati Membri l-ġodda li għalihom għadhom japplikaw arranġament transizzjonali; sabiex jintlaħaq dan il-għan, ikun utli li l-Istati Membri u l-awtoritajiet tagħhom jitħallew iwettqu l-hekk imsejħa testijiet dwar is-suq tax-xogħol, jiġifieri li jivverifikaw jekk post jistax jimtela minn persuni li qed ifittxu impjieg fis-suq tax-xogħol tal-UE; f’dan ir-rigward, mhuwiex konvint mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni li l-ebda test tas-suq tax-xogħol mhuwa meħtieġ fil-każ tat-trasferimenti intraażjendali; |
16. |
jiddispjaċih għad-dewmien konsiderevoli li bih iż-żewġ proposti inkwistjoni, li kienu diġà jagħmlu parti mill-pakkett dwar l-immigrazzjoni legali ta’ Diċembru 2005, tressqu mill-Kummissjoni, kważi ħames snin wara li ttieħed impenn politiku dwar dawn is-suġġetti; jiddispjaċih ukoll għall-fatt li, minħabba d-diffikultajiet fid-diskussjonijiet dwar il-“permess uniku”, iż-żewġ proċessi, li kellhom jimxu b’mod parallel, issa ġew separati. Barra minn hekk, jiddispjaċih għall-fatt li l-proposti tressqu fi żmien meta xi setturi bħall-agrikoltura, it-trobbija tal-annimali u r-ragħa (3), it-turiżmu u s-settur tal-bini, li jinsabu fil-qalba tax-xogħol staġonali, intlaqtu partikularment ħażin mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, kif juru d-data u l-istatistika tal-UE, u qed jirkurpraw bil-mod ħafna. B’hekk, il-qagħda ekonomika nbidlet meta mqabbla mal-2005, is-sena fejn ittieħed impenn politiku dwar dawn is-suġġetti, u għaldaqstant id-data ekonomika u statistika kif ukoll dik relatata mal-impjiegi, jiġifieri d-data dwar l-impatt tax-xogħol staġonali fuq l-ekonomija Ewropea, għandha tiġi aġġornata; |
17. |
madankollu, huwa konvint li minkejja d-dewmien tal-proposti u l-ħin addizzjonali li ser ikun meħtieġ għall-proċedura leġislattiva tal-UE u, warajha, għall-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali, ix-xogħol staġonali u t-trasferimenti intraażjendali jistgħu jagħtu kontribut importanti għall-irkupru ta’ wħud mis-setturi ekonomiċi u produttivi; |
RAKKOMANDAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IL-PROPOSTI
18. |
jilqa’ l-introduzzjoni ta’ proċeduri għal applikazzjoni unika għal ħaddiema staġonali u trasferimenti intraażjendali bħala għodda ta’ semplifikar utli li tiżgura t-trasparenza u ċ-ċertezza fi proċeduri ta’ ammissjoni; madankollu, jaqbel ma’ fehmiet espressi minn uħud fil-Parlament Ewropew li jkun iktar effiċjenti u dirett li kieku l-ħaddiema staġonali u t-trasferimenti intraażjendali jiġu inklużi fl-ambitu tal-hekk imsejħa direttiva dwar “permess uniku” (4); għaldaqstant, isejjaħ lill-koleġislaturi biex ikomplu jinnegozjaw dwar dan il-punt; |
19. |
jaqbel mal-proposti li l-Istati Membri jirrifjutaw applikazzjonijiet jekk min se jħaddem kien ġie penalizzat f’konformità mal-liġi nazzjonali għal raġunijiet ta’ xogħol mhux iddikjarat u/jew ta’ impjieg illegali; madankollu jinsisti li din il-miżura għandha tkun dissważiva u proporzjonali minflok awtomatika; esklużjoni awtomatika mingħajr ma jitqiesu kemm hi gravi jew in-natura tal-ksur tal-liġi tista’ taffetta lil dawk li qed ifittxu xogħol u li ġejjin minn pajjiżi terzi; |
RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-PROPOSTA DWAR L-IMPJIEGI STAĠONALI
20. |
jenfasizza li sfortunatament, f’ċerti Stati Membri tal-UE l-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi qed ibatu minn sfruttament u minn kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien li ma jirrispettawx l-istandards previsti bil-liġi. Ir-raġuni hija li l-leġislazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-liġi tax-xogħol u s-sigurtà soċjali ħafna drabi mhijiex applikata jew mhijiex infurzata fil-prattika. Għaldaqstant, il-proposta għandha tistabbilixxi qafas legali definit sew li jkun jista’ jgħin fil-ġlieda kontra kull forma ta’ xogħol staġonali illegali u jiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi. Għaldaqstant, dan il-qafas regolatorju ġdid ser jesiġi mekkaniżmi ta’ kontroll sabiex jiġu evitati l-abbuż jew l-evażjoni tar-regoli, bħall-kontroll tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-residenza msemmija hawn fuq kif ukoll kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, fil-livell tal-Unjoni Ewropea u f’dak nazzjonali, reġjonali u lokali f’forma ta’ governanza integrata f’diversi livelli. F’dan ir-rigward il-Kumitat tar-Reġjuni jirrakkomanda li l-attività tal-aġenziji tar-reklutaġġ tiġi regolata wkoll b’mod li jiġi assigurat li ma tkunx tista’ tintuża bħala skuża biex isir sfruttament jew abbuż; |
21. |
ifakkar ir-rwol importanti u l-kompetenzi tal-ARL u tal-KtR fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u t-tkasbir tal-umanità intrinsika tal-ħaddiema staġonali migranti fid-dawl tal-livell għoli ta’ insigurtà u vulnerabbiltà tal-impjieg inerenti fix-xogħol staġonali; |
22. |
jinsab sodisfatt li ġiet aċċettata l-idea ta’ viża għal iktar minn dħul wieħed li tkun valida għal perjodu twil bħala faċilitatur tal-mobilità ċirkolari, kif kien approvat fl-opinjoni preċedenti tiegħu (5); |
23. |
jenfasizza li jkun opportun li tittejjeb id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta, u b’hekk tas-setturi li jaqgħu taħt l-applikazzjoni tal-proposta, sabiex jiġi evitat l-abbuż tal-permessi staġonali f’setturi li ma jistgħux jitqiesu bħala staġonali skont il-karatteristiċi proprji tax-xogħol staġonali fl-Ewropa u fid-dawl tal-ispirtu u tal-għanijiet ta’ din il-proposta. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-OECD, il-proporzjon tal-immigranti fl-impjiegi temporanji huwa għoli wisq. Il-perċentwali tal-immigranti fix-xogħol temporanju jista’ jaqbeż dak tal-ħaddiema nattivi (ċittadini tal-UE) b’mill-anqas 50 %; għalhekk, huwa opportun li jiġi evitat li jsir abbuż mir-regoli u li x-xogħol staġonali jintuża biex jillegalizza tipi ta’ xogħol ta’ natura differenti u ta’ karattru prekarju; |
24. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li d-direttiva se tobbliga lil min iħaddem jipprovdi evidenza li l-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi se jibbenefikaw minn akkomodazzjoni adegwata u bi prezz mhux għoli żżejjed. Dan huwa rikonoxximent dirett tas-sitwazzjoni partikularment vulnerabbli li jsibu ruħhom fiha ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi. Jinnota li dan id-dritt imur ferm lil hinn mid-drittijiet li jgawdu minnhom il-ħaddiema staġonali li huma ċittadini tal-UE u, għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw jagħtu l-istess trattament liċ-ċittadini tal-UE; |
25. |
f’dan ir-rigward jinnota li fid-dawl tar-riċerka u l-konsultazzjonijiet li saru mir-relatur, ċertu tipi ta’ xogħol staġonali, pereżempju fl-agrikoltura (b’mod partikulari s-setturi żootekniċi u tal-pjanti u l-fjuri) jew fil-bini fuq skala kbira (siti ta’ inġinerija ċivili u xogħlijiet), jistgħu jinvolvu perjodi ta’ xogħol itwal minn sitt xhur; għalhekk jemmen li t-tul massimu huwa restrittiv u għandu jiġi estiż għal disa’ xhur; |
RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-PROPOSTA DWAR TRASFERIMENTI INTRAAŻJENDALI
26. |
jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżviluppa qafas globali fil-qasam tal-politika tal-immigrazzjoni u biex tibdel, permezz ta’ din il-proposta, l-ekonomija tal-UE f’waħda iktar attraenti għall-ħaddiema bi kwalifiki għolja f’kumpaniji multinazzjonali bbażati f’pajjiżi terzi, sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu trasferiti u jaħdmu legalment fis-sede Ewopea tal-kumpanija li tħaddimhom wara li jkun sar it-trasferiment mill-kumpanija tagħhom; f’dan il-kuntest, jenfasizza l-ħtieġa li, minn naħa waħda, tiġi evitata d-diskriminazzjoni u li, min-naħa l-oħra, il-prinċipju tal-preferenza Komunitarja ma jsirx invalidu, u b’hekk jiġi żgurat li dawk li jiġu ttrasferiti b’mod intraażjendali jgawdu mill-istess kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg bħall-ħaddiema tal-UE f’kundizzjonijiet paragunabbli fil-pajjiż ta’ residenza; għaldaqstant, jirrakkomanda li titneħħa r-referenza għad-Direttiva dwar l-ippustjar tal-ħaddiema meta jiġu definiti d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti intraażjendali; |
27. |
jitlob għal spjegazzjoni dwar għalfejn it-test tas-suq tax-xogħol ġie eskluż mill-proposta dwar it-trasferimenti intraażjendali. B’rabta ma’ dan, il-Kumitat tar-Reġjuni jinnota li d-Direttiva 2009/50/KE tal-UE, jiġifieri d-Direttiva dwar il-Karta Blu, li titkellem dwar ħaddiema bi kwalifiki għolja li wkoll joriġinaw minn pajjiżi terzi, ma tipprovdix għal test dwar is-suq tax-xogħol; |
28. |
barra minn hekk, jenfasizza li l-kumpaniji u l-multinazzjonali li mhumiex tal-UE u li għandhom uffiċċji rreġistrati fi Stat Membru tal-UE għandhom jitħeġġu wkoll jużaw professjonisti lokali bi kwalifiki għolja sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp professjonali ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati ħafna fil-livell lokali. Il-periklu huwa li l-multinazzjonali l-kbar li mhumiex tal-UE jużaw biss ħaddiema lokali bi ftit ħiliet u ħaddiema minn pajjiżi terzi bi kwalifiki għolja. Fuq il-bażi tal-proposta attwali, m’hemmx garanzija li ċ-ċittadini tal-UE se jingħataw preċedenza għal postijiet maniġerjali, speċjalizzati jew ta’ apprendistat; |
29. |
jinnota li l-abbozz tad-direttiva – kif inhi bħalissa – ma tipprevedix li l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal raġuni ta’ saħħa pubblika, politika pubblika jew sigurtà pubblika. Għaldaqstant, jissuġġerixxi li tali raġuni għal rifjut tiġi inkluża fid-direttiva; |
30. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li t-trasferimenti intraażjendali aċċettati jkollhom il-possibilità li jiċċaqilqu mnn stabbiliment wieħed għal ieħor tal-istess kumpanija jew grupp fi Stati Membri differenti; iżda jwissi li l-proposta – kif inhi bħalissa taħt l-Artikolu 16 – ma tippermettix b’mod speċifiku lill-Istati Membri sussegwenti għall-pajjiż fejn il-persuna daħlet l-ewwel li jirrifjutaw applikazzjoni għal ammissjoni u jinnota li fil-prattika dan huwa każ fejn qed jiġi injorat id-dritt tagħhom li jidditerminaw l-għadd ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu ammessi fit-territorju tagħhom. Għaldaqstant, jissuġġerixxi li din il-proposta tiġi emendata b’mod adatt; |
31. |
jenfasizza li l-esiġenza imposta fuq il-ħaddiema minn barra l-UE li juru li għandhom il-kwalifiki professjonali mitluba mill-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni nazzjonali biex ikunu jistgħu jeżerċitaw professjoni regolata [Artikolu 5(1)(d) u (e)], ma tidhirx proporzjonali. Ta’ min jinnota li dan ikun piż eċċessiv u li llum il-ġurnata, fl-UE, is-sistema ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tal-ħaddiema tal-UE għadha kwistjoni miftuħa, kif wera dan l-aħħar l-Att dwar is-Suq Uniku; għaldaqstant, isejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrevedi din l-esiġenza b’mod li tkun anqas restrittiva; |
32. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li d-direttiva proposta dwar it-trasferimenti intraażjendali tħeġġeġ ir-riunifikazzjoni tal-familji u jagħraf li r-reġim speċifiku għall-membri tal-familja ta’ dawk li jiġu ttrasferiti b’mod intraażjendali jista’ tabilħaqq jikkontribwixxi biex is-suq tax-xogħol tal-UE jsir iktar attraenti għalihom; |
33. |
jirrakkomanda li l-koleġislaturi jikkunsidraw dawn l-emendi leġislattivi għall-proposti, kif ġej: |
II. RAKKOMANDAZZJONIJIET GĦALL-EMENDI
Impjieg staġonali – Rakkomandazzjoni għal Emenda 1
Artikolu 6(3)
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
Artikolu 6 Ir-raġunijiet għaċ-ċaħda 1. L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni għall-ammisjoni fi Stat Membru għall-finijiet ta’ din id-Direttiva kull meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 ma jintlaħqux jew kull meta d-dokumenti ppreżentati jinkisbu b’mod frodulenti, jew ikunu ffalsifikati jew imbagħbsa. 2. L-Istati Membri jistgħu jivverifikaw jekk il-post vakanti kkonċernat jistax jimtela minn ċittadin tal-pajjiż jew tal-UE, jew minn ċittadini ta’ pajjiż terz li joqogħdu fl-Istat Membru legalment u li jiffurmaw diġà parti mis-suq tax-xogħol tiegħu skont id-dritt tal-UE jew tal-liġi nazzjonali, u jirrifjutaw l-applikazzjoni. 3. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni jekk il-persuna li timpjega ġiet issanzjonata f’konformità mal-liġi nazzjonali għal xogħol mhux iddikjarat u/jew impjieg illegali. 4. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni minħabba raġunijiet ta’ volum ta' ammissjonijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. |
Artikolu 6 Raġunijiet għal rifjut 1. L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni għall-ammisjoni fi Stat Membru għall-finijiet ta’ din id-Direttiva kull meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 ma jintlaħqux jew kull meta d-dokumenti ppreżentati jinkisbu b’mod frodulenti, jew ikunu ffalsifikati jew imbagħbsa. 2. L-Istati Membri jistgħu jivverifikaw jekk il-post vakanti kkonċernat jistax jimtela minn ċittadin tal-pajjiż jew tal-UE, jew minn ċittadini ta’ pajjiż terz li joqogħdu fl-Istat Membru legalment u li jiffurmaw diġà parti mis-suq tax-xogħol tiegħu skont id-dritt tal-UE jew tal-liġi nazzjonali, u jirrifjutaw l-applikazzjoni. 3. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni jekk il-persuna li timpjega ġiet issanzjonata f’konformità mal-liġi nazzjonali għal xogħol mhux iddikjarat u/jew impjieg illegali. 4. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal raġunijiet ta’ volumi ta’ ammissjonijiet ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi. |
Raġuni
Is-sanzjonijiet fuq dawk li jħaddmu, meta dawn jiksru l-liġi, għandhom ikunu proporzjonali u dissważivi. Iżda m’għandhomx ikunu awtomatiċi. Il-pieni awtomatiċi huma ta’ iktar ħsara għall-ħaddiema prospettivi li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi milli għal dawk li jħaddmu.
Impjieg staġonali – Rakkomandazzjoni għal Emenda 2
Artikolu 11
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
Artikolu 11 Tul ta’ żmien tal-permanenza 1. Il-ħaddiema staġonali għandhom jitħallew joqogħdu għal massimu ta’ sitt xhur fi kwalunkwe sena kalendarja, li fi tmiemhom huma għandhom jirritornaw lejn xi pajjiż terz. 2. Matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, u sakemm jintlaħqu l-kriterji tal-Artikolu 5, il-ħaddiema staġonali għandhom jitħallew jestendu l-kuntratt tagħhom jew jiġu impjegati bħala ħaddiema staġonali ma' persuna differenti li timpjega. |
Artikolu 11 Tul ta’ żmien tal-permanenza 1. Il-ħaddiema staġonali għandhom jitħallew joqogħdu għal massimu ta’ xhur fi kwalunkwe sena kalendarja, li fi tmiemhom huma għandhom jirritornaw lejn xi pajjiż terz. 2. Matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, u sakemm jintlaħqu l-kriterji tal-Artikolu 5, il-ħaddiema staġonali għandhom jitħallew jestendu l-kuntratt tagħhom jew jiġu impjegati bħala ħaddiema staġonali ma' persuna differenti li timpjega. |
Raġuni
Ġie spjegat fit-test tal-opinjoni li f’xi Stati Membri u f’setturi definiti l-ħaddiema staġonali jagħmlu xogħol li jdum iktar minn sitt xhur. Għaldaqstant, qed jiġi propost li l-limitu jiġi estiż.
Trasferimenti intraażjendali – Rakkomandazzjoni għal Emenda 1
Artikolu 5
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
Artikolu 5 Kriterji għal ammissjoni 1. Bla ħsara għall-Artikolu 10, ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika biex ikun ammess skont it-termini ta’ din id-Direttiva għandu:
2. Stati Membri għandhom jirrikjedu li l-kundizzjonijiet kollha fil-liġi, fir-regolamenti jew fid-dispożizzjonijiet amministrattivi u/jew ftehimiet kollettivi universalment applikabbli li japplikaw għal ħaddiema f'qagħda simili fil-fergħat tax-xogħol rilevanti ikunu ssodisfati rigward ir-remunerazzjoni mogħtija waqt it-trasferiment. Fin-nuqqas ta’ sistema li permezz tagħha ftehimiet kollettivi jistgħu jiġu ddikjarati universalment applikabbli, Stati Membri jistgħu, jekk jiddeċiedu hekk, jibbażaw rwieħhom fuq ftehimiet kollettivi li huma ġeneralment applikabbli għall-entitajiet kollha simili fl-ispazju ġeografiku u fil-professjoni jew industrija kkonċernata, u/jew ftehimiet kollettivi li jkunu ġew konklużi minn dawk li jħaddmu jew unjins li huma l-iktar rappreżentattivi fil-livell nazzjonali u li huma applikati fit-territorju kollu. 3. Minbarra l-evidenza stipulata fil-paragrafi 1 u 2, kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika biex ikun ammess bħala apprendist gradwat għandu jippreżenta ftehim ta’ taħriġ, inkluża deskrizzjoni tal-programm ta’ taħriġ, id-dewmien tiegħu u l-kundizzjonijiet li taħthom huwa jew hija ssorvelja jew issorveljat f’dan il-programm. 4. Meta t-trasferiment jikkonċerna entitajiet ospitanti kkollokati f'diversi Stati Membri, kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika sabiex ikun ammess taħt it-termini ta’ din id-Direttiva għandu jippreżenta l-evidenza tal-avviż imsemmi skont l-Artikolu 16 (1) (b). 5. Kwalunkwe modifika li taffettwa l-kundizzjonijiet għal ammissjoni kif stabbilit f'dan l-Artikolu għandha tkun notifikata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. |
Artikolu 5 Kriterji għal ammissjoni 1. Bla ħsara għall-Artikolu 10, ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika biex ikun ammess skont it-termini ta’ din id-Direttiva għandu:
2. Stati Membri għandhom jirrikjedu li l-kundizzjonijiet kollha fil-liġi, fir-regolamenti jew fid-dispożizzjonijiet amministrattivi u/jew ftehimiet kollettivi universalment applikabbli li japplikaw għal ħaddiema f'qagħda simili fil-fergħat tax-xogħol rilevanti ikunu ssodisfati rigward ir-remunerazzjoni mogħtija waqt it-trasferiment. Fin-nuqqas ta’ sistema li permezz tagħha ftehimiet kollettivi jistgħu jiġu ddikjarati universalment applikabbli, Stati Membri jistgħu, jekk jiddeċiedu hekk, jibbażaw rwieħhom fuq ftehimiet kollettivi li huma ġeneralment applikabbli għall-entitajiet kollha simili fl-ispazju ġeografiku u fil-professjoni jew industrija kkonċernata, u/jew ftehimiet kollettivi li jkunu ġew konklużi minn dawk li jħaddmu jew unjins li huma l-iktar rappreżentattivi fil-livell nazzjonali u li huma applikati fit-territorju kollu. 3. Minbarra l-evidenza stipulata fil-paragrafi 1 u 2, kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika biex ikun ammess bħala apprendist gradwat għandu jippreżenta ftehim ta’ taħriġ, inkluża deskrizzjoni tal-programm ta’ taħriġ, id-dewmien tiegħu u l-kundizzjonijiet li taħthom huwa jew hija ssorvelja jew issorveljat f’dan il-programm. 4. Meta t-trasferiment jikkonċerna entitajiet ospitanti kkollokati f'diversi Stati Membri, kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika sabiex ikun ammess taħt it-termini ta’ din id-Direttiva għandu jippreżenta l-evidenza tal-avviż imsemmi skont l-Artikolu 16 (1) (b). 5. Kwalunkwe modifika li taffettwa l-kundizzjonijiet għal ammissjoni kif stabbilit f'dan l-Artikolu għandha tkun notifikata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.
|
Raġuni
L-abbozz tad-direttiva – kif inhi bħalissa – tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal raġuni ta’ saħħa pubblika, politika publika jew sigurtà pubblika. B’hekk il-Kumitat jista’ jissuġġerixxi li tali raġuni għal rifjut trid tiġi pprovduta fid-direttiva.
Trasferimenti intra-ażjendali – Rakkomandazzjoni għal Emenda 2
Artikolu 6
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
Artikolu 6 Raġunijiet għal rifjut 1. L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 ma jkunux issodisfati jew meta d-dokumenti ppreżentati jkunu ġew akkwistati b’mod frawdulenti, ffalsifikati jew imbagħbsa. 2. L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni jekk min jimpjega jew l-entità ospitanti kienu ġew sanzjonati b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali għal xogħol mhux iddikjarat u/jew impjieg illegali. 3. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal raġunijiet ta’ volumi ta' ammissjonijiet ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi. 4. Meta t-trasferiment jikkonċerna entitajiet ospitanti kkollokati f'diversi Stati Membri, l-Istat Membru fejn tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għandu jillimita l-ambitu ġeografiku tal-validità tal-permess għall-Istati Membri fejn il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 huma ssodisfati. |
Artikolu 6 Raġunijiet għal rifjut 1. L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 ma jkunux issodisfati jew meta d-dokumenti ppreżentati jkunu ġew akkwistati b’mod frawdulenti, ffalsifikati jew imbagħbsa. 2. L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni jekk min jimpjega jew l-entità ospitanti kienu ġew sanzjonati b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali xogħol mhux iddikjarat u/jew impjieg illegali. 3. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal raġunijiet ta’ volumi ta’ ammissjonijiet ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi. 4. Meta t-trasferiment jikkonċerna entitajiet ospitanti kkollokati f'diversi Stati Membri, l-Istat Membru fejn tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għandu jillimita l-ambitu ġeografiku tal-validità tal-permess għall-Istati Membri fejn il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 huma ssodisfati. |
Raġuni
Il-KtR jaqbel li ċerti sanzjonijiet għandhom jiġu imposti fuq dawk li jħaddmu, jekk jiksru l-liġi. Għandhom ikunu proporzjonali u dissważivi, iżda mhux awtomatiċi. Il-pieni awtomatiċi huma ta’ iktar ħsara għall-ħaddiema prospettivi li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi milli għal dawk li jħaddmu.
Trasferimenti intra-ażjendali – Rakkomandazzjoni għal Emenda 3
Artikolu 14(1)
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
||||||||||||||||||||||||||||
Artikolu 14 Drittijiet Tkun xi tkun il-liġi applikabbli għar-relazzjoni ta’ impjieg, ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali għandhom ikunu intitolati għal:
Id-dritt għal trattament indaqs stabbilit f’paragrafu 2 għandu japplika bla ħsara għad-dritt tal-Istat Membru li jirtira jew jirrifjuta li jġedded il-permess skont l-Artikolu 7. |
Artikolu 14 Drittijiet Tkun xi tkun il-liġi applikabbli għar-relazzjoni ta’ impjieg, ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali għandhom ikunu intitolati għal:
Id-dritt għal trattament indaqs stabbilit f’paragrafu 2 għandu japplika bla ħsara għad-dritt tal-Istat Membru li jirtira jew jirrifjuta li jġedded il-permess skont l-Artikolu 7. |
Raġuni
Il-KtR jemmen li jenħtieġ li jiġi żgurat it-trattament ugwali ma’ ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali. Din il-proposta għal emenda ssegwi l-istess raġunament. Barra minnhekk, l-hekk msejħa Direttivi dwar il-“Karta Blu” (6) u dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (7) jiggarantixxu trattament ugwali ma’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin.
Trasferimenti intra-ażjendali – Rakkomandazzjoni għal Emenda 4
Artikolu 16
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
||||||||
Artikolu 16 Mobbiltà bejn l-Istati Membri 1. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jingħataw permess għal trasferiment intra-ażjendali fi Stat Membru, li jissodisfaw il-kriterji għal ammissjoni kif stipulati fl-Artikolu 5 u li japplikaw għal trasferiment intra-ażjendali fi Stat Membru ieħor għandhom jitħallew jaħdmu fi kwalunkwe entità oħra stabbilita f'dak l-Istat Membru u li tappartjeni għall-istess grupp ta’ impriżi u fuq is-siti ta' klijenti ta' dik l-impriża ospitanti jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(4) ikunu ssodisfati, fuq il-bażi tal-permess ta' residenza maħruġ mill-ewwel Stat Membru u d-dokument addizzjonali li jipprovdi l-Artikolu 11(4), bil-kundizzjoni li:
2. Jekk it-tul ta’ żmien tat-trasferiment fl-Istat Membru l-ieħor jaqbeż it-tnax-il xahar jew it-tul ta’ żmien massimu miftiehem imsemmi fil-paragrafu 1 (a), l-Istat Membru jista' jeħtieġ applikazzjoni ġdida għal permess ta’ residenza bħala ħaddiem bi trasferiment intra-ażjendali f’dak l-Istat Membru. Meta l-leġiżlazzjoni rilevanti teħtieġ viża jew permess ta’ residenza titħaddem il-mobbiltà, dawn il-viżi jew permessi għandhom ikunu mogħtija fil-ħin f’perjodu li ma jostakolax it-twettiq ta’ xogħol, filwaqt li jħalli lill-awtoritajiet kompetenti biżżejjed ħin sabiex jipproċessaw l-applikazzjonijiet. L-Istati Membri m’għandhomx jeħtieġu li ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali jitilqu mit-territorju tagħhom sabiex jissottomettu applikazzjonijiet għal viżi jew permessi ta’ residenza. 3. Il-perjodu massimu tal-permess tar-residenza għandu jkun limitat għal mhux iktar minn tliet snin għal diretturi u speċjalisti u sena għal apprendisti gradwati. |
Artikolu 16 Mobbiltà bejn l-Istati Membri 1. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jingħataw permess għal trasferiment intra-ażjendali fi Stat Membru, li jissodisfaw il-kriterji għal ammissjoni kif stipulati fl-Artikolu 5 u li japplikaw għal trasferiment intra-ażjendali fi Stat Membru ieħor għandhom jitħallew jaħdmu fi kwalunkwe entità oħra stabbilita f'dak l-Istat Membru u li tappartjeni għall-istess grupp t’a impriżi u fuq is-siti ta' klijenti ta' dik l-impriża ospitanti jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(4) ikunu ssodisfati, fuq il-bażi tal-permess ta' residenza maħruġ mill-ewwel Stat Membru u d-dokument addizzjonali li jipprovdi l-Artikolu 11(4), bil-kundizzjoni li:
Jekk it-tul ta’ żmien tat-trasferiment fl-Istat Membru l-ieħor jaqbeż it-tnax-il xahar jew it-tul ta’ żmien massimu miftiehem imsemmi fil-paragrafu 1 (a), l-Istat Membru jista' jeħtieġ applikazzjoni ġdida għal permess ta’ residenza bħala ħaddiem bi trasferiment intra-ażjendali f’dak l-Istat Membru. Meta l-leġiżlazzjoni rilevanti teħtieġ viża jew permess ta’ residenza titħaddem il-mobbiltà, dawn il-viżi jew permessi għandhom ikunu mogħtija fil-ħin f’perjodu li ma jostakolax it-twettiq ta’ xogħol, filwaqt li jħalli lill-awtoritajiet kompetenti biżżejjed ħin sabiex jipproċessaw l-applikazzjonijiet. L-Istati Membri m’għandhomx jeħtieġu li ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali jitilqu mit-territorju tagħhom sabiex jissottomettu applikazzjonijiet għal viżi jew permessi ta’ residenza. Il-perjodu massimu tal-permess tar-residenza għandu jkun limitat għal mhux iktar minn tliet snin għal diretturi u speċjalisti u sena għal apprendisti gradwati. |
Raġuni
Il-KtR huwa tal-fehma li l-proposta – kif inhi bħalissa taħt l-Artikolu 16 – ma tippermettix b’mod speċifiku lill-Istati Membri sussegwenti għall-pajjiż fejn il-persuna daħlet l-ewwel li jirrifjutaw applikazzjoni għal ammissjoni u jinnota li fil-prattika dan huwa każ fejn qed jiġi injorat id-dritt tagħhom li jidditerminaw l-għadd ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu ammessi fit-territorju tagħhom. Għaldaqstant, jissuġġerixxi li din il-proposta tiġi emendata b’mod adatt.
Brussell, 31 ta’ Marzu 2011.
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Mercedes BRESSO
(1) Ara l-opinjonijiet CdR 296/2007 u Cdr 210/2008.
(2) Ara l-opinjonijiet CdR 296/2007 u CdR 201/2009.
(3) F’ħafna Stati Membri, is-settur tar-ragħa u l-ħalib ibati mill-volatilità qawwija tal-prezzijiet u jirrikjedi mekkaniżmi urġenti għall-kontroll tas-suq, l-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet u t-tisħiħ tal-poter kuntrattwali ta’ dawk li jrabbu l-annimali u tar-rgħajja li jiffurmaw il-ħolqa d-dgħajfa tal-katina.
(4) COM(2007) 638 finali, Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar proċedura unika ta’ applikazzjoni għal permess uniku għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jgħixu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru kif ukoll dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu legalment fi Stat Membru.
(5) Ara l-opinjoni Cdr 296/2007.
(6) Ara l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin, ĠU L 155, 18.6.2009, p. 17.
(7) Ara l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.