Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AR0223

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni għall-Istrateġija Ewropa 2020”

    ĠU C 15, 18.1.2011, p. 10–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 15/10


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni għall-Istrateġija Ewropa 2020”

    2011/C 15/03

    KONKLUŻJONIJIET TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jipparteċipa b'mod strutturat – anke bl-użu tal-għarfien mislut mill-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Ewropa 2020 – fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Barra minn hekk, ir-rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea għas-summit tar-rebbiegħa għandu jipprevedi kapitolu speċifiku dwar il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija;

    Fil-futur, il-politika ta' koeżjoni għandha tibqa' orjentata lejn l-għanijiet tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali stabbiliti fit-Trattat dwar l-UE, b'mod partikolari billi tnaqqas id-differenzi bejn il-livelli ta' żvilupp fir-reġjuni differenti kif ukoll id-distakk tal-aktar reġjuni żvantaġġati; b'din il-premessa tkun tista' tagħti kontribut attiv għall-implimentazzjoni tal-objettivi ta' Ewropa 2020;

    Huwa biss bl-approċċ orizzontali tal-politika ta' koeżjoni li jista' jiġi żgurat li r-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea jkollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw b'mod attiv fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020;

    Dan jista' jinkiseb permezz ta' Patt Territorjali mal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali li jistabbilixxi l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, u li jressaq rakkomandazzjoni għal patti territorjali li jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jipparteċipaw b'mod strutturat fil-livell tal-Istati Membri skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

    Relatur Ġenerali

    :

    Dr. Michael Schneider, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Federali u Ewropej,

    Rappreżentant plenipotenzjarju tal-Land ta' Sachsen-Anhalt fl-Istat Federali tal-Ġermanja (DE/PPE)

    Dokument ta' referenza

    :

    Konsultazzjoni mill-Presidenza Belġjana

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Kummenti introduttorji

    1.

    jinnota li bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Istrateġija Ewropa 2020 ittieħdu deċiżjonijiet importanti biex fil-futur il-politiki tal-UE jkunu orjentati lejn il-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u l-impjiegi;

    2.

    jenfasizza li, matul id-diskussjonijiet, l-istituzzjonijiet Ewropej qablu fuq l-objettivi ewlenin u l-oqsma prinċipali ta' azzjoni, li fix-xhur li ġejjin għandhom jiġu applikati permezz ta' inizjattivi prominenti u proposti leġislattivi;

    3.

    jiġbed l-attenzjoni għall-importanza partikolari tal-involviment u l-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tkomplija tat-tfassil tal-istrateġija, kif ukoll tat-tisħiħ tar-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni tagħha;

    4.

    b'rabta ma' dan, jinnota li wieħed mill-fatturi ewlenin biex l-Istrateġija Ewropa 2020 tirnexxi huwa l-użu mmirat tal-potenzjal u r-riżorsi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    5.

    jagħmel enfasi fuq il-kontribut importanti li l-politika ta' koeżjoni tal-UE tista' tagħti għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020;

    6.

    għalhekk, jilqa' l-fatt li l-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-UE talbet lill-Kumitat tar-Reġjuni jfassal opinjoni dwar ir-rwol futur tal-politika ta' koeżjoni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020;

    7.

    ifakkar li fil-passat il-Kumitat tar-Reġjuni ħadem b'mod intensiv fl-orjentament tal-Istrateġija ta' Lisbona u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tagħha, u indirizza wkoll il-kwistjoni tal-orjentament tal-Istrateġija Ewropa 2020;

    8.

    b'rabta ma' dan, jagħmel referenza għad-dokumenti li ġejjin:

    il-White Paper tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-gvernanza f'diversi livelli (1), li fiha jintalab l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali b'rabta mal-koeżjoni territorjali fil-politiki settorjali tal-UE,

    l-Opinjoni dwar il-ġejjieni tal-Istrateġija ta' Lisbona wara l-2010 (2), li fiha jiġi nnutat li l-istrateġija l-ġdida għandha tkun ibbażata fuq l-istrutturi ta' sħubija eżistenti,

    l-Opinjoni dwar il-ġejjieni tal-politika ta' koeżjoni (3), li fiha jintalab li l-politika ta' koeżjoni tibqa' pilastru ċentrali tal-proċess tal-integrazzjoni Ewropea.

    Għanijiet: Ewropa 2020 u l-koeżjoni għandhom bżonn xulxin

    9.

    jenfasizza li l-punt tat-tluq tal-evalwazzjoni tar-rwol futur tal-politika ta' koeżjoni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 għandu jkun il-prinċipji bażiċi tat-trattati u l-għanijiet tal-politiki differenti tal-UE;

    10.

    f'dan il-kuntest, jinnota li l-kontribut tal-politika ta' koeżjoni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 għandu jsir fil-qafas tal-għan stabbilit fl-Artikolu 174 TFUE kif ukoll tal-objettiv trasversali tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali stabbilit mit-Trattat ta' Lisbona fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

    11.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għan tal-politika ta' koeżjoni huwa li ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali biex tippromovi l-iżvilupp armonjuż tal-Unjoni Ewropea u biex tnaqqas id-differenzi bejn il-livelli ta' żvilupp fir-reġjuni differenti kif ukoll id-distakk tal-aktar reġjuni żvantaġġati. Hawnhekk għandha tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni rurali, liż-żoni bi żvantaġġi ekonomiċi jew milquta mill-bidla industrijali, u liż-żoni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi serji u fit-tul, bħal pereżempju r-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, ir-reġjuni insulari, ir-reġjuni transkonfinali u r-reġjuni muntanjużi; barra minn hekk, il-Kumitat tar-Reġjuni jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-isfidi tar-reġjuni tal-UE li ġew identifikati fl-istudju Ewropa 2020, fosthom ir-reġjuni ultraperiferiċi, kif ukoll iż-żoni urbani b'subborgi li ħafna drabi huma milquta minn deterjorazzjoni kontinwa u faqar soċjali u ekonomiku li qed ikompli jiżdied; u huwa tal-fehma li fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 għandhom jiġu kkunsidrati wkoll ir-reġjuni ultraperiferiċi, b'konformità mal-Artikolu 349 tat-TFUE;

    12.

    jinnota li l-Fondi Strutturali tal-UE kkontribwixxew b'mod konsiderevoli għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Lisbona iżda jiddispjaċih li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma ġewx involuti biżżejjed fl-applikazzjoni tagħha;

    13.

    għaldaqstant jappoġġja l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010, li fihom il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kif ukoll tal-iżvilupp tal-infrastruttura sabiex jingħata kontribut għas-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020, iżda jiddispjaċih li dawn il-konklużjonijiet ma jagħtux l-importanza li jistħoqqilha lid-dimensjoni reġjonali;

    14.

    jagħmel referenza għall-konklużjonijiet tar-Rapport ta' Kok dwar in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Lisbona, u b'hekk jindika l-ħtieġa li tinħoloq kundizzjoni importanti għas-suċċess tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 permezz tal-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet fil-livell lokali;

    15.

    għalhekk jemmen li l-aspetti li ġejjin huma kundizzjonijiet importanti biex l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 tirnexxi:

    l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu involuti minn kmieni u b'mod komprensiv sabiex l-atturi jkunu jistgħu jidentifikaw ruħhom mal-objettivi, il-kontenut u l-miżuri tal-Istrateġija Ewropa 2020,

    l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tkun tista' tuża l-potenzjal ta' żvilupp tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha,

    l-Istrateġija Ewropa 2020, li tfasslet b'mod tematiku, għandha tintrabat mal-approċċ orizzontali tal-politika ta' koeżjoni sabiex ikun hemm parteċipazzjoni komprensiva u impatt pożittiv fi ħdan l-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha.

    16.

    iwissi madankollu li l-politika ta' koeżjoni m'għandhiex titgħabba b'piż amministrattiv ikbar minħabba obbligi oħra li jsir rapport, li jmorru lil hinn mill-proċeduri attwali;

    17.

    jenfasizza li fil-qalba tal-politika ta' koeżjoni għandu jkun hemm, anke fil-futur, l-istrateġiji flessibbli u adattati għal-livell lokali u reġjonali, li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 billi jindirizzaw l-eżiġenzi ta' żvilupp differenti ħafna li jkollhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    18.

    itenni l-oppożizzjoni tiegħu għall-proposta li għamlet il-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tat-12 ta' Mejju 2010 dwar it-tisħiħ tal-governanza ekonomika li jiġu sospiżi l-Fondi Strutturali għall-Istati Membri li huma soġġetti għal proċedura ta' defiċit eċċessiv, u jagħmel referenza għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2010 (4);

    19.

    ifakkar li l-politika ta' koeżjoni hija wkoll marbuta mill-qrib mas-servizzi ta' interess ġenerali peress li ż-żewġ politiki għandhom l-għan li, b'mod trasversali, isaħħu s-suq intern u l-koeżjoni fl-Ewropa. Għaldaqstant jemmen li s-servizzi ta' interess ġenerali, li huma importanti ħafna għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, għandhom jiġu enfasizzati fl-Istrateġija Ewropa 2020. Kif jirrakkomanda r-Rapport ta' Monti dwar l-istrateġija ġdida għas-suq intern (Mejju 2010), il-finanzjament tal-infrastrutturi tas-servizzi ta' interess ġenerali u s-servizzi relatati mal-inklużjoni soċjali b'mod partikolari għandhom jiġu identifikati bħala objettivi politiċi tal-istrateġija futura għat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea;

    20.

    jemmen li huwa kompitu ċentrali u valur miżjud essenzjali tal-Istrateġija Ewropa 2020 li tindirizza r-riformi strutturali meħtieġa fl-Ewropa, inklużi l-istituzzjonijiet tal-UE, sabiex jissaħħu t-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u l-impjiegi. Ir-riformi strutturali huma importanti ħafna wkoll biex l-applikazzjoni tal-politika ta' koeżjoni tirnexxi;

    21.

    ma jaqbilx mal-miżuri li jillimitaw l-azzjoni prinċipali tal-applikazzjoni tal-Fondi Strutturali għad-diffikultajiet strutturali identifikati fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020, jekk dawn ma jikkorrispondux fl-istess ħin mal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni (kundizzjonalità tal-kontenut);

    22.

    madankollu, jemmen li huwa possibbli li fil-kuntest ta' djalogu ta' sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li għandu jibda minn kmieni qabel il-programmazzjoni li jmiss tal-Fondi Strutturali, u fejn ikun hemm bżonn, fuq bażi kuntrattwali, bħal fil-każ tal-patti territorjali proposti mill-KtR, jiġu stabbiliti objettivi u kundizzjonijiet qafas komuni għall-applikazzjoni futura tal-Fondi Struttrali, li mbagħad isiru vinkolanti għall-partijiet involuti kollha u b'hekk ikunu jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-kundizzjonalità makroekonomika.

    Il-kontribut tal-politika ta' koeżjoni għall-implimentazzjoni tat-tliet prijoritajiet: tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli

    23.

    jilqa' l-orjentament fundamentali tal-Istrateġija Ewropa 2020 lejn l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-impjiegi, u jappoġġja t-tisħiħ tal-inklużjoni tad-dimensjoni soċjali u ekoloġika;

    24.

    jemmen li dan jesprimi fehim komprensiv, li skontu l-kompetittività għandha tkun imsejsa fuq is-sostenibbiltà u koeżjoni soċjali u territorjali msaħħa;

    25.

    jinnota li fil-passat il-politika ta' koeżjoni diġà tat kontribut importanti għat-tisħiħ tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv tal-Unjoni Ewropea, li issa fl-Istrateġija Ewropa 2020 jaqdi rwol ċentrali.

    Il-kontribut tal-politika ta' koeżjoni għall-implimentazzjoni tal-objettivi

    26.

    jenfasizza li l-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni – fil-qafas tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni stabbiliti fit-Trattat – jistgħu jagħtu kontribut importanti biex jintlaħqu l-objettivi ta' Ewropa 2020. Jemmen li huwa essenzjali li jinżamm bilanċ bejn il-kompiti tradizzjonali (li għadhom attwali) ta' din il-politika u l-isfidi strateġiċi ġodda li qed tiffaċċja l-UE kollha. Dan il-bilanċ jista' jinħoloq billi, fost affarijiet oħra, jinżamm l-istatus speċjali tar-reġjuni ta' konverġenza;

    27.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-objettivi tal-Istrateġija futura Ewropa 2020, b'mod partikolari fil-kuntest tal-mezzi finanzjarji li qed isiru aktar skarsi, mhumiex orjentati l-aktar lejn l-użu kwantitattiv tar-riżorsi tal-baġit, u jemmen li l-implimentazzjoni b'suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020 tiddependi ħafna mit-tip u l-kwalità tal-istrumenti użati u minn kemm ikun faċli għall-utent biex jużahom. Għaldaqstant jinnota li huwa leġittimu li tiġi mmirata l-integrazzjoni massima tal-istrumenti finanzjarji eżistenti kollha tal-UE. Dan japplika partikolarment għal dawk l-istrumenti li fil-fatt iservu biex jipprovdu fondi għal proġetti ta' natura simili (pereżempju, il-FEŻR u l-FAEŻR b'rabta mal-iżvilupp taż-żoni rurali);

    28.

    jemmen li hemm bżonn li jkomplu jiġu żviluppati l-istrumenti ta' finanzjament innovattivi fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni, bħal pereżempju r-revolving funds, sabiex b'hekk ikompli jittejjeb ukoll l-effett ta' lieva tal-politika ta' koeżjoni għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

    29.

    fir-rigward tal-objettiv tal-impjiegi (jiġifieri li r-rata ta' impjieg tiżdied għal 75 % tal-persuni bejn l-20 u l-64 sena fl-Unjoni Ewropea), jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fil-qafas tal-programm attwali tal-Fondi Strutturali ġew allokati madwar EUR 14-il biljun għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-intrapriżi u l-impjegati sabiex tiġi antiċipata u indirizzata l-bidla. Minn dan l-ammont, madwar EUR 9,4 biljun huma previsti biex jgħinu lill-intrapriżi jintroduċu miżuri effikaċi għall-iżvilupp tal-impjegati;

    30.

    jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-interazzjoni bejn il-fondi b'dimensjoni lokali u reġjonali u b'mod speċifiku bejn il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali sabiex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' impjieg u/jew iżidu l-kapaċità għall-impjieg permezz ta' miżuri relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ;

    31.

    għaldaqstant, jappoġġja l-proposta għall-ħolqien ta' qafas Ewropew strateġiku komuni li jiġbor fih il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għas-Sajd (FES); iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura kollaborazzjoni bejn il-FEŻR u l-FSE fil-perijodu ta' finanzjament li jmiss permezz ta' regolament qafas komuni għall-politika ta' koeżjoni;

    32.

    fir-rigward tal-objettiv tar-riċerka (jiġifieri li n-nefqa tar-riċerka u l-iżvilupp fl-Unjoni Ewropea tiżdied għal 3 % tal-PDG), jenfasizza l-fatt li, skont id-data tal-Kummissjoni, fil-perijodu ta' finanzjament attwali, EUR 86 biljun jew 25 % tar-riżorsi tal-koeżjoni ntużaw għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u b'hekk dawn ir-riżorsi marru għall-iżvilupp u t-tisħiħ tar-riċerka fir-reġjuni Ewropej;

    33.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li politika ta' għajnuna mmirata lejn l-awtoritajiet reġjonali u muniċipali, kif inhi fil-politika ta' koeżjoni, tista' tiżgura, flimkien mal-promozzjoni tal-eċċellenza Ewropea, li l-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni Ewropea tiżviluppa l-effett wiesa' meħtieġ biex l-Istrateġija Ewropa 2020 tirnexxi;

    34.

    jemmen li fir-rigward tal-objettiv tal-klima u l-enerġija (jiġifieri li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, jiżdied il-proporzjon tal-enerġija rinnovabbli u tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija b'20 % fit-tliet każi), it-titjib tal-kwalità tal-ambjent fil-programmi tal-Fondi Strutturali fl-Istati Membri kollha għandu jkompli jitqies bħala prijorità, u jinnota li fil-perijodu ta' finanzjament attwali ġew iddedikati madwar terz tar-riżorsi kollha tal-koeżjoni (EUR 105 biljun); barra minn hekk jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ħolqien ta' strumenti finanzjarji ġodda fil-qasam tal-politika dwar il-klima fil-livell internazzjonali m'għandux iwassal għal tnaqqis tal-fondi għall-politika ta' koeżjoni; u jtenni t-talba tiegħu li l-investiment m'għandux jikkawża emissjonijiet addizzjonali tal-gassijiet b'effett ta' serra;

    35.

    jinnota li minn dawn ir-riżorsi madwar EUR 48 biljun jikkontribwixxu għall-miżuri f'oqsma differenti li jikkonċernaw l-isfidi tat-tibdil fil-klima, bħall-miżuri tal-protezzjoni u tal-adattament. Fosthom hemm ukoll l-investimenti u l-promozzjoni tas-sorsi tal-enerġija li huma aktar effiċjenti u rinnovabbli (EUR 9 biljun), kif ukoll il-miżuri indiretti bħall-proġetti sostenibbli għat-traffiku urban (EUR 6,2 biljun);

    36.

    fir-rigward tal-objettiv tal-edukazzjoni (jiġifieri li titnaqqas ir-rata tal-persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien u li l-proporzjon tal-popolazzjoni bejn it-30 u l-34 sena b'edukazzjoni terzjarja jew kwalifika ekwivalenti jiżdied għal 40 %), jinnota li matul il-perijodu ta' finanzjament attwali l-politika ta' koeżjoni diġà qed tagħti kontribut importanti f'ħafna programmi operattivi għat-tnaqqis tal-persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien; f'dan il-kuntest għandhom jiġu kkunsidrati l-isfidi partikolari involuti fil-ksib u ż-żamma tal-istituzzjonijiet edukattivi fiż-żoni b'densità ta' popolazzjoni baxxa;

    37.

    però jenfasizza wkoll li l-kompetenzi tal-Unjoni f'dan il-qasam huma limitati u li l-Istati Membri jridu jiggarantixxu finanzjament u kompetenza tat-teħid tad-deċiżjoni suffiċjenti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll jistabbilixxu l-objettivi nazzjonali tagħhom skont is-sitwazzjoni inizjali rispettiva u l-kundizzjonijiet nazzjonali, filwaqt li jqisu dawn l-objettivi ewlenin;

    38.

    fir-rigward tal-objettiv tal-faqar (jiġifieri li l-għadd ta' nies foqra jew li huma mhedda mill-faqar jitnaqqas b'20 miljun fl-Unjoni Ewropea), huwa tal-fehma li l-politika ta' koeżjoni, fil-kuntest tal-orjentament tagħha lejn it-tkabbir u l-impjiegi, tista' tagħti kontribut għall-ġlieda kontra l-faqar fl-Unjoni Ewropea, speċjalment permezz tal-promozzjoni ta' proġetti lokali u reġjonali għall-integrazzjoni u l-impjiegi; fil-programmi l-ġodda ġew allokati madwar EUR 19-il biljun biex jitneħħew l-ostakli għall-impjiegi, speċjalment fil-każ tan-nisa, iż-żgħażagħ, l-anzjani u l-ħaddiema bi ftit kwalifiki;

    39.

    jinnota li skont id-data tal-Kummissjoni Ewropea, il-programmi attwali tal-FSE 2007 u 2008 diġà laħqu sitt miljun persuna, li 52 % minnhom huma nisa. Madwar terz tal-miżuri kienu ffokati fuq l-appoġġ għall-ħaddiema. Miżuri oħra kienu mmirati lejn il-persuni qiegħda (33 % tal-benefiċjarji, li 7 % minnhom huma persuni li ilhom żmien twil qiegħda) kif ukoll lejn il-persuni partikolarment żvantaġġati, bħall-migranti u l-minoranzi (13 %);

    40.

    iżda f'dan il-kuntest jinnota li skont l-Artikolu 153 TFUE, l-Unjoni Ewropea tista' biss issostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri f'dan il-qasam;

    41.

    jenfasizza l-ħtieġa li l-Fondi Strutturali jkunu jistgħu jintużaw biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa;

    Il-kontribut tal-politika ta' koeżjoni għall-inizjattivi prominenti

    42.

    jinnota li l-inizjattivi prominenti previsti fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 għandhom għanijiet essenzjalment tematiċi u/jew settorjali, li jkopru wkoll però partijiet kbar mill-politika ta' koeżjoni;

    43.

    jieħu nota tal-fatt li l-Kummissjoni diġà rreferiet għall-kontribut tal-Fondi Strutturali għall-implimentazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-inizjattivi prominenti, u tikkunsidra li l-politika ta' koeżjoni u l-Fondi Strutturali huma katalisti importanti għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE;

    44.

    jenfasizza l-ħtieġa li l-miżuri msemmija fil-kuntest tal-inizjattivi prominenti tal-Istrateġija Ewropa 2020 ikunu kkoordinati mal-proċessi u l-miżuri li diġà jeżistu, sabiex tiġi garantita t-trasparenza u tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-proċessi u l-obbligu li jsir rapport;

    45.

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex, fil-qafas tal-iżvilupp tal-inizjattivi prominenti, tadotta approċċ integrat bejn l-istrumenti Ewropej differenti ta' finanzjament, u tiżgura li hawnhekk jiġi kkunsidrat u, fejn ikun possibbli u meħtieġ, żviluppat aktar l-approċċ deċentralizzat tal-politika ta' koeżjoni;

    46.

    jenfasizza t-talba li diġà ressaq fl-Opinjoni dwar il-ġejjieni tal-politika ta' koeżjoni li l-inizjattivi prominenti proposti ma jwasslux għal-limitazzjoni tal-politika ta' koeżjoni Ewropea. Il-Fondi Strutturali għandhom jibqgħu mezz ta' kif tinstab soluzzjoni integrata tal-problemi fil-livell reġjonali u m'għandhomx sempliċement isiru mezz li jissodisfa l-kundizzjonijiet settorjali;

    47.

    fir-rigward tal-inizjattiva prominenti tal-aġenda diġitali, jinnota li speċjalment fil-każ tal-aċċess wiesa' għan-netwerks broadband fiż-żoni rurali jew fil-każ tal-iżvilupp ta' servizzi ġodda biex jiġi indirizzat it-tibdil demografiku, jeżistu rabtiet stretti bejn l-aġenda diġitali u l-applikazzjoni tal-politika ta' koeżjoni;

    48.

    fir-rigward tal-inizjattiva prominenti tal-Unjoni ta' Innovazzjoni, jemmen li l-ħidma u l-kompiti jistgħu jinqasmu aħjar bejn il-promozzjoni tar-riċerka bażika orjentata lejn l-eċċellenza u r-riċerka applikata fil-livell Ewropew, u l-promozzjoni tal-innovazzjoni fil-livell deċentralizzat, sabiex jiġi żviluppat l-effett wiesa' meħtieġ;

    49.

    f'dan il-kuntest jagħmel referenza għall-miżuri tal-politika ta' koeżjoni għall-bini ta' sistemi tal-innovazzjoni reġjonali, l-istrumenti tal-kooperazzjoni territorjali, il-provvista ta' kapital ta' riskju u l-miżuri għall-introduzzjoni aktar rapida ta' prodotti innovattivi u għan-netwerking tal-atturi kkonċernati mill-oqsma tal-ekonomija, ix-xjenza u l-amministrazzjoni;

    50.

    jitlob li jissaħħaħ it-tqassim komplementari tar-rwoli bejn l-istrumenti tal-UE fil-każ tal-miżuri deċentralizzati għall-promozzjoni tal-innovazzjoni, aktar u aktar billi l-promozzjoni tal-innovazzjoni llum il-ġurnata diġà hija element ċentrali tal-programmi tal-Fondi Strutturali tal-UE;

    51.

    fir-rigward tal-inizjattiva prominenti tal-iffrankar tar-riżorsi, jilqa' l-għan li fil-futur il-konsum tar-riżorsi ma jibqax marbut mat-tkabbir, u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandu jiġi adottat approċċ deċentralizzat fir-rigward ta' dawk il-politiki għal azzjoni bl-akbar involviment tal-Fondi Strutturali, biex l-inizjattiva tkun aktar effettiva, speċjalment għar-rinnovazzjoni tal-enerġija, is-sorsi alternattivi tal-enerġija, il-promozzjoni tar-riċiklaġġ u l-iżvilupp ta' sistemi tat-trasport sostenibbli;

    52.

    jagħmilha ċara li d-diversi miżuri individwali f'dan il-qasam għandhom jirrispettaw b'attenzjoni d-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Barra minn dan għandha tingħata aktar attenzjoni għall-effiċjenza tad-diversi miżuri applikati;

    53.

    fir-rigward tal-inizjattiva prominenti tal-politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni, jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni tagħti kontribut importanti għat-tisħiħ tal-kompetittività permezz tal-isfruttament tal-potenzjal għall-iżvilupp industrijali b'mod speċjali fir-reġjuni aktar dgħajfa, permezz tal-promozzjoni tal-inizjattivi tal-clusters, permezz tal-miżuri għall-promozzjoni tal-SMEs, permezz tal-iżvilupp ta' infrastruttura ekonomika jew permezz tal-appoġġ fid-diversifikazzjoni tas-siti industrijali;

    54.

    fir-rigward tal-inizjattiva prominenti tal-ħiliet u l-impjiegi ġodda, jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tappoġġja l-ġenerazzjoni żagħżugħa fid-dinja tal-edukazzjoni u tax-xogħol, u jappoġġja l-promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti u l-apprendisti kif ukoll il-miżuri ta' appoġġ għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

    55.

    jiġbed l-attenzjoni għall-każi fejn il-ħidma tikkoinċidi b'mod konsiderevoli mal-oqsma ta' applikazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew, u jappoġġja t-talba li dawn l-objettivi jintrabtu aħjar mal-istrumenti ta' finanzjament Ewropej korrispondenti.

    Is-sistema ta' gvernanza tal-politika ta' koeżjoni tista' tagħti kontribut importanti biex l- Istrateġija Ewropa 2020 tiġi implimentata b'suċċess

    56.

    jinnota li s-sistema b'diversi livelli tal-politika strutturali, li matul l-aħħar snin ħalliet il-frott, tista', b'parteċipazzjoni sostanzjali min-naħa tal-atturi lokali u reġjonali u b'kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni lokali, tagħti kontribut importanti biex l-Istrateġija Ewropa 2020 tiġi implimentata b'suċċess;

    57.

    jenfasizza li għal dan il-għan għandhom jinżammu jew jiġu żviluppati l-elementi tal-politika ta' koeżjoni li ġejjin:

    il-programmazzjoni multiannwali,

    il-ġestjoni kondiviża tar-riżorsi u l-kofinanzjament,

    l-applikazzjoni wiesgħa tal-politika strutturali fir-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea,

    il-programmazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programmi fuq il-bażi ta' indikaturi li ma jkunux limitati għall-PDG, bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali,

    l-implimentazzjoni deċentralizzata,

    il-parteċipazzjoni tal-atturi lokali b'konformità mal-prinċipju tas-sħubija tal-Fondi Strutturali,

    l-applikazzjoni flessibbli fir-reġjuni tal-prijoritajiet fil-livell Ewropew,

    il-kooperazzjoni territorjali;

    58.

    jikkonferma l-fehma li l-orjentament tal-politika ta' koeżjoni lejn it-tkabbir u l-impjiegi jmur fid-direzzjoni t-tajba u ma jara l-ebda bżonn għaliex l-allokazzjoni tal-Fondi Strutturali għandha tkun aktar stretta. F'dan il-kuntest, l-istrateġiji adattati għall-kundizzjonijiet lokali u reġjonali li jqisu d-differenzi fil-livell ta' żvilupp għandhom ikomplu jsawru l-bażi tal-politika ta' koeżjoni;

    59.

    iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej biex fl-implimentazzjoni rapida tal-Istrateġija Ewropa 2020 u r-rabtiet tagħha mal-politika ta' koeżjoni jiggarantixxu l-possibbiltajiet ta' parteċipazzjoni demokratika u adegwata tal-korpi kompetenti, billi pereżempju jitħalla biżżejjed ħin għall-konsultazzjoni u l-iżvilupp ta' opinjoni fil-livelli kollha u billi l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet jibqgħu trasparenti u jinfiehmu.

    Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020

    60.

    jemmen li l-koeżjoni territorjali stabbilita fit-trattat għandha sservi ta' prinċipju ta' gwida għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u ta' kull politika oħra tal-UE. Il-prinċipju tal-governanza f'diversi livelli għandu jiġi applikat fil-fażijiet kollha tal-implimentazzjoni tal-istrateġija;

    61.

    però jara wkoll il-ħtieġa li fejn ikun hemm bżonn jissaħħu b'mod sostanzjali l-kapaċitajiet amministrattivi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex dawn ikunu jistgħu wkoll jassumu r-rwol tagħhom fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020;

    62.

    għalhekk iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri jiftiehmu dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 fil-qafas ta' Patt Territorjali mal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali u fih għandhom jiddeskrivu r-rwol tal-inizjattivi prominenti fil-livell lokali; rakkomandazzjoni għal patti territorjali fil-livell tal-Istati Membri għandha tippermetti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jipparteċipaw b'mod strutturat skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom u b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

    63.

    jissuġġerixxi li l-politika Ewropea ta' koeżjoni tintuża bħala strument ċentrali għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 bħala parti minn dan il-patt territorjali. Fiż-żoni kollha li jirċievu l-għajnuna fil-qafas tal-politika Ewropea ta' koeżjoni għandu jkun possibbli li l-atturi rilevanti fil-livell lokali jiġu mħeġġa, permezz tal-“patti territorjali”, jilħqu l-prijoritajiet u l-objettivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020;

    64.

    huwa favur li, fil-kuntest tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni, jiġu previsti regoli addizzjonali li bis-saħħa tagħhom l-awtoritajiet reġjonali u lokali jkunu jistgħu jagħtu kontribut attiv, fil-qafas tal-programmi operattivi tagħhom, sabiex jintlaħqu l-prijoritajiet tat-tkabbir u l-objettivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020;

    65.

    jissuġġerixxi li, fil-kuntest tal-objettiv tal-“kooperazzjoni territorjali Ewropea”, jiġu organizzati l-iskambji tal-esperjenzi u l-bini ta' netwerks bejn l-awtoritajiet reġjonali u muniċipali sabiex jintlaħqu l-prijoritajiet u l-objettivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020, u għal dan il-għan, jekk ikun hemm bżonn, għandu jintuża l-istrument tar-Ragruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT). L-ambitu ta' applikazzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali jista' jinkludi punti prinċipali oħra għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi prominenti tal-Kummissjoni Ewropea;

    66.

    jissuġġerixxi li r-rapporti dwar l-użu tal-fondi Ewropej li jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea jintużaw biex jagħtu informazzjoni dwar ir-riżultati miksuba mill-isforzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea 2020. B'hekk jiġu evitati strutturi burokratiċi u obbligi li jsir rapport ġodda, u dan la jeħtieġ istituzzjonijiet ġodda u lanqas riżorsi addizzjonali;

    67.

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex, fuq il-bażi tar-rapporti msemmijin hawn fuq, tinforma b'mod regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tal-patti territorjali għall-Istrateġija Ewropa 2020 fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni tal-UE kif ukoll biex tiddiskuti l-adattamenti strateġiċi;

    68.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali tressaq l-ideat tagħha dwar ir-rabtiet futuri bejn il-politika ta' koeżjoni u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020;

    69.

    jemmen li l-ħames rapport dwar il-koeżjoni li ser jiġi ppubblikat fil-bidu ta' Novembru 2010 għandu jiftaħ diskussjonijiet madwar l-UE kollha dwar il-linji gwida futuri tal-politika ta' koeżjoni fid-dawl tal-Istrateġija Ewropa 2020, bil-parteċipazzjoni tal-livell lokali u reġjonali, bil-għan li dawn il-linji gwida mbagħad, wara fażi ta' konsultazzjoni u kooperazzjoni, jiġu adottati fil-ħin qabel ma jibda l-perijodu ta' finanzjament il-ġdid;

    70.

    barra minn hekk, jemmen li hemm bżonn li l-Kumitat tar-Reġjuni jipparteċipa b'mod strutturat fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, u b'rabta ma' dan jipproponi li r-rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea għas-summit tar-rebbiegħa jipprevedi kapitolu speċifiku dwar il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istrateġija;

    71.

    jenfasizza l-għarfien espert lokali u reġjonali li l-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Ewropa 2020 ipprovdiet kemm għall-analiżi tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll għall-ħidma tal-Kumitat tar-Reġjuni;

    Għaldaqstant, jasal għal dawn il-konklużjonijiet:

    72.

    fil-futur il-politika ta' koeżjoni għandha tibqa' orjentata lejn l-għanijiet tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali stabbiliti fit-Trattat dwar l-UE, b'mod partikolari billi tnaqqas id-differenzi bejn il-livelli ta' żvilupp fir-reġjuni differenti kif ukoll id-distakk tal-aktar reġjuni żvantaġġati;

    73.

    b'din il-premessa tkun tista' tagħti kontribut attiv għall-implimentazzjoni tal-objettivi ta' Ewropa 2020;

    74.

    però dan jista' jseħħ biss jekk fil-futur il-politika ta' koeżjoni tibqa' mmirata lejn ir-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea;

    75.

    huwa biss bl-approċċ orizzontali tal-politika ta' koeżjoni li jista' jiġi żgurat li r-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea jkollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw b'mod attiv fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020;

    76.

    dan jista' jinkiseb permezz ta' Patt Territorjali mal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali li jistabbilixxi l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, u li jressaq rakkomandazzjoni għal patti territorjali li jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jipparteċipaw b'mod strutturat fil-livell tal-Istati Membri skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom;

    77.

    f'dan ir-rigward, il-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni għandu jibqa' ffokat fuq l-aktar reġjuni dgħajfa u dawk li għandhom l-aktar problemi; u għar-reġjuni li wara l-2013 mhux ser jibqgħu eliġibbli għal finanzjament massimu (inklużi r-reġjuni milquta mill-hekk imsejjaħ “effett statistiku”) għandhom jinsabu regoli transitorji adatti u ġusti li jqisu d-dgħufijiet li jkun għad għandhom sabiex jiġi żgurat li dawn ir-reġjuni jżommu dak li jkunu kisbu b'mod sostenibbli;

    78.

    fl-istess ħin, għandhom jiġu appoġġjati r-reġjuni li diġà qegħdin jagħtu kontribut importanti għall-kompetittività tal-UE. Barra minn dan, anke fl-aktar reġjuni b'saħħtihom mil-lat ekonomiku hemm żoni strutturali aktar dgħajfa li għandhom bżonn l-għajnuna;

    79.

    il-kooperazzjoni territorjali tista' tagħti kontribut importanti fil-kuntest tal-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020;

    80.

    fil-futur il-Fond Soċjali Ewropew għandu jibqa' jagħmel parti mill-politika ta' koeżjoni, u dan għandu jiġi żgurat permezz ta' regolament qafas komuni;

    81.

    il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jipparteċipa b'mod strutturat – anke bl-użu tal-għarfien mislut mill-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Ewropa 2020 – fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Barra minn hekk, ir-rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea għas-summit tar-rebbiegħa għandu jipprevedi kapitolu speċifiku dwar il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija;

    82.

    l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Unjoni Ewropea huma lesti li, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni futura tal-Ewropa, jagħtu l-kontribut tagħhom għas-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020!

    Brussell, 5 ta' Ottubru 2010.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Mercedes BRESSO


    (1)  White Paper tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-gvernanza f'diversi livelli, CdR 89/2009 fin.

    (2)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-ġejjieni tal-Istrateġija ta' Lisbona wara l-2010, CdR 25/2009 fin.

    (3)  Opinjoni ta' prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-ġejjieni tal-politika ta' koeżjoni, CdR 210/2009 fin.

    (4)  Il-Pożizzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2010 (CdR 175/2010, Punt 12).


    Top