Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0617(05)

    Pubblikazzjoni ta′ applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti

    ĠU C 137, 17.6.2009, p. 19–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.6.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 137/19


    Pubblikazzjoni ta′ applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti

    2009/C 137/10

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt li wieħed joġġezzjona għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    APPLIKAZZJONI GĦAL REĠISTRAZZJONI TA’ STG

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 509/2006

    “BELOKRANJSKA POGAČA”

    KE Nru.: SI-TSG-007-0029-29.10.2004

    1.   L-isem u l-indirizz tal-grupp applikant:

    Isem:

    Društvo kmečkih žena Metlika (assoċjazzjoni tan-nisa tal-bdiewa ta′ Metlika)

    Indirizz:

    Mestni trg 24

    8330 Metlika

    SLOVENJA

    Nru tat-telefown

    +386 73059002

    Nru tal-feks

    2.   L-istat membru jew il-pajjiż terz:

    Is-Slovenja

    3.   Speċifikazzjoni tal-prodott:

    3.1.   L-isem li għandu jiġi rreġistrat:

    “Belokranjska pogača”

    Ir-reġistrazzjoni tal-isem għandha ssir fl-ilsien Sloven. Il-frażi li se tinqaleb għall-ilsna barranin hija “prodott bil-mod tradizzjonali Sloven”.

    3.2.   Jekk jogħġbok indika jekk l-isem:

    Image

    huwiex speċifiku fih innifsu

    jesprimix in-natura speċifika tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    L-isem “Belokranjska pogača” ma jesprimix in-natura speċifika tal-prodott, imma jintuża tradizzjonalment sabiex jiddeskrivi dan il-prodott, kif jidher mid-diversi sorsi msemmija fil-punt 3.8.

    3.3.   L-isem qed jiġi rriżervat skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006?

    Image

    Reġistrazzjoni flimkien mar-riżerva tal-isem

    Reġistrazzjoni mingħajr ir-riżerva tal-isem

    3.4.   It-tip ta′ prodott:

    2.3.

    Ħlewwiet, ħobż, għaġina, prodotti magħmulin mill-għaġina, gallettini u prodotti oħrajn moħmijin

    3.5.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem skont il-punt 3.1:

    Il-“Belokranjska pogača” hija għamla ta' ħobż ċatt b′forma tonda li jsir skont riċetta partikolari. Fit-tħejjija ta′ dan il-ħobż jintużaw id-dqiq abjad fin tat-tip 500 u l-ilma fietel miżjudin bil-melħ u b′aġent li jtella′. Il-“Belokranjska pogača” huwa ħobż tond b′dijametru ta′ madwar 30 ċm. Fin-nofs ikun oħxon bejn 3 u 4 ċm, filwaqt li fit-truf jirqaq għal bejn ċentimetru u 2 ċm. Il-wiċċ huwa mmarkat bi gradilja magħmula minn linji angulati li jkunu bejn wieħed u ieħor 4 ċm ′l bogħod minn xulxin, u huwa miksi b′bajda mħabbta u jkollu l-karwi u l-melħ oħxon imraxxax fil-wiċċ. Il-ħobż għandu qoxra uniformi mingħajr bżieżaq u għandu riħa u togħma qawwijin ta′ karwi u melħ li jikkaratterizzawh.

    Il-ħobż ikun l-itjeb meta jkun għadu sħun, u jinqata' bl-idejn mal-linji maqtugħin u angulati minflok ma jinqata' b’sikkina.

    3.6.   Deskrizzjoni tal-metodu tal-produzzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem skont il-punt 3.1:

    3.6.

    Deskrizzjoni tal-metodu tal-produzzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem skont il-punt 3.1 (l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)

    L-ingredjenti:

     

    500 gm. dqiq abjad fin (tat-tip 500)

     

    3 dl. ilma fietel

     

    2 kuċċarini melħ

     

    20 gm. ħmira

     

    nofs mgħarfa zokkor

     

    bajda sħiħa

     

    niskata karwi

     

    niskata melħ oħxon

    It-tħejjija tal-għaġina għall-“Belokranjska pogača”

     

    L-aġent li jtella′:

    Ħabbat flimkien 20 gm. ħmira, 3 imgħaref dqiq abjad fin, ½ dl ilma fietel u z-zokkor. Ħawwadhom sakemm tifforma sustanza li ddellek u ħalliha toqgħod sakemm togħla d-doppju u iżjed fil-volum.

     

    It-taħlit tal-għaġina:

    It-taħlita titħejja billi jintużaw id-dqiq abjad fin (tat-tip 500), l-ilma fietel u l-aġent li jtella′. Agħġen għal 8 sa 10 minuti sakemm l-għaġina tiġi taħlita fina (mingħajr biċċiet) u mhux iebsa żżejjed. Ma għandhiex teħel mal-idejn. L-għaġina titħalla mgħottija fl-iskutella tat-taħlit sakemm togħla d-doppju u iżjed fil-volum.

     

    L-iffurmar tal-għaġina għall-“Belokranjska pogača”:

    L-għaġina li tkun għoliet titpoġġa f′dixx imdellek bil-butir u tinħadem bl-idejn sa ma jkollha dijametru ta′ 30 cm u ħxuna ta′ bejn ċentimetru u 2 ċm., filwaqt li tirqaq fit-truf. L-għaġina m′għandhiex tmiss mat-truf tad-dixx u għandha tkun iktar baxxa lejn it-truf milli fin-nofs.

     

    Il-kisi, t-traxxix u l-qtugħ tal-wiċċ:

    L-għaġina tinqata′ sal-qiegħ tad-dixx min-naħa għall-oħra tal-ħobża, bl-użu ta′ qatgħat immejlin li jkunu bejn wieħed u ieħor 4 ċm. ′l bogħod minn xulxin. L-għaġina imbagħad tinkesa b′bajda mħabbta li magħha tkun żdieded niskata karwi u jitraxxilha l-melħ oħxon fil-wiċċ.

     

    Il-ħami:

    L-għaġina tinħema f′forn li jkun imsaħħan minn qabel f′temperatura ta′ 220 °C għal madwar 20 sa 25 minuta.

    Il-“Belokranjska pogača” għandha tinħema sakemm issir ta′ lewn kannella ċar. Il-qoxra għandha tkun uniformi fil-lewn u tqarmeċ u mingħajr bżieżaq. In-nofs għandu jkun poruż b′mod uniformi, mingħajr ċrieki tal-ilma, ċapep ta′ melħ jew dqiq u m'għandux ikun iwaħħal meta wieħed imissu. Il-parti tan-nofs għandha tkun għolja minn 3 sa 4 ċentimetri, filwaqt li t-truf għandhom ikunu ta′ bejn ċentimetru u 2 ċm. għoli. Il-karwi u l-melħ għandhom ikunu traxxu kullimkien indaqs. Għandu jkun hemm ir-riħa u t-togħma tipika tal-karwi u tal-melħ tal-“Belokranjska pogača”.

    3.7.   In-natura speċifika tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

    Il-“Belokranjska pogača” hija kklassifikata bħala speċjalità tal-kċina Slovena. Tinstab l-iktar fil-muniċipalità ta′ Metlika. Il-karatteristika tagħha tinsab fir-riċetta tagħha u fil-mod ta′ kif titħejja u tiġi ppreżentata. Il-wiċċ tal-“Belokranjska pogača” fih qatgħat magħmulin bi gradilja ta’ linji angulati li jkunu madwar 4 ċm. ′l bogħod minn xulxin. Ladarba tinħema, il-“Belokranjska pogača” tinqata′ bl-idejn mal-linji maqtugħin u angulati, minflok ma tinqata′ b′sikkina. Karatteristika oħra tal-“Belokranjska pogača” hija li l-ħobż huwa miksi b′bajda mħabbta u jkollu l-karwi u l-melħ oħxon imraxxax fil-wiċċ sabiex jagħtuh ir-riħa u t-togħma qawwija tradizzjonali tal-karwi meta jinħema.

    3.8.   In-natura speċifika tradizzjonali tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

    Il-“Belokranjska pogača” intirtet minn ġenerazzjoni għall-oħra, u b′hekk inżammet bħala speċjalità tradizzjonali tal-Bela Krajina. Wisq probabbli nġiebet lejn ir-reġjun mill-Uskoki li bdew joqogħdu fiż-żoni li jinsabu iktar fil-għoli fil-ġnub tal-muntanji ta′ Gorjanci fuq in-naħa ta′ Bela Krajina.

    Hemm evidenza bil-miktub u bil-fomm dwar l-oriġini ta′ dan il-ħobż ċatt imma s-sorsi miktubin x′aktarx mhumiex kompluti għal kollox.

    Il-kollettur tat-tradizzjonijiet folkloristiċi ta′ Doljenska, l-awtur u l-vjaġġatur magħruf Sloven Janez Trdina ħa gost jivvjaġġa fiż-żona msemmija hawn fuq u kien jaf u kiteb dwar in-nies li jgħixu fuq in-naħa xemxija tal-muntanji ta′ Gorjanci. B′hekk, il-“Belokranjska pogača” tissemma fil-ktieb tiegħu “Bajke in povesti o Gorjancih” tal-1882.

    Ivan Navratil, lingwista u kollettur tat-tradizzjonijiet folkloristiċi ta′ Metlika kiteb li hemm kanzunetta folkloristika li tgħid “agħtih” il-pogača “sabiex ikun jista′ jaqbeż …”, li jkantaw it-tfal huma u jħabbtu bieb bieb isaqsu għal “Zeleni Jurij” (“Ġorġ l-aħdar”). Fil-ktieb li ħareġ Navratil fl-1849 imsejjaħ “Kresovanje v Metliki”, huwa jsemmi ħobża bajda ċatta li n-nies tal-lokal isejħulha “pogača”.

    Il-kittieb L. Simeonovič isemmi wkoll il-“pogača” fl-“Enciklopedija jugoslovanske kuhinje” (l-Enċiklopedija dwar il-Kċina Jugoslava) (tal-1967).

    Hemm referenza għall-“Belokranjska pogača” fl-“Etnološka topografija slovenskega etničnega ozemlja – 20. stoletje” (it-Topografija etnoloġika tat-territorju etniku Sloven fis-seklu 20) (tal-1994) li nġabret mill-etimoloġista M. Balkovec, li ħadem fil-Mużew ta′ Bela Krajina f′Metlika.

    Ksenja Vitkovič Khalil, fil-ktieb tagħha msejjaħ “Nerajska prehrana” (tal-1999) tuża t-terminu rustiku sabiex tiddeskrivi l-“Belokranjska pogača”. Il-“Belokranjska pogača” tissemma wkoll fil-“Leksikon Cankarjeve založbe” (tal-1973), u fil-ktieb imsejjaħ “Dobra kuharica” [Kok Tajjeb] ta′ Minka Vasičeva (tal-1902).

    Il-“pogača” għandha tradizzjoni twila f′Bela Krajina, u ntirtet minn ġenerazzjoni għall-oħra, minħabba li hija tassew speċjalità tar-reġjun. In-nisa tad-dar li jaħmu l-ħobż li jkun se jintuża fid-djar fil-forn tal-furnara dejjem jaħmu l-“pogača” għat-tfal sabiex dawn ikunu jistgħu jikluh sħun waqt li l-ħobż jitberred kif meħtieġ qabel ma jkun jista′ jittiekel.

    Din id-drawwa għadha ssir saħansitra llum, bin-nisa tad-dar iħejjuh u joffruh lill-mistednin li jkunu stiednu fi djarhom sabiex jilqgħuhom, imma joffruh ukoll lill-mistednin li jkunu qed iqattgħu il-btajjel tagħhom fl-irziezet. Dan il-ħobż jinstab fejn jinbiegħ l-inbid, u l-anzjani jemmnu li dan jassorbi l-inbid u b′hekk jevita li wieħed jisker.

    3.9.   Ir-rekwiżiti minimi u l-proċeduri għall-kontroll tan-natura speċifika:

    Il-“Belokranjska pogača” għandu jkollha n-natura speċifika kollha stipulata fl-ispeċifikazzjonijiet (għandhom jintużaw l-ingredjenti msemmija hawn fuq, għandha tkun prodotta bil-mod spjegat hawn fuq, u l-prodott finali għandu jkollu l-forma, id-dehra, ir-riħa, it-togħma u l-konsistenza spjegati hawn fuq).

    Il-produtturi tal-“Belokranjska pogača” għandhom iżommu kont tal-materja prima li jirċievu u li jużaw u tal-kwantità ta′ “Belokranjska pogača” prodott u mibjugħ.

    Kontrolli dwar il-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet imsejsa fuq l-użu tal-ingredjenti, il-proċess tal-produzzjoni u d-dehra u l-karatteristiċi organolettiċi tal-prodott finali msemmija hawn fuq għandhom isiru mill-produtturi individwali u/jew mill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi, u għall-anqas darba fis-sena minn entità li tiċċertifika l-konformità mal-istandard Ewropew EN 45011 ukoll.

    3.10.   Il-lowgo:

    4.   L-awtoritajiet jew l-entitajiet li jivverifikaw il-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

    4.1.   L-isem u l-indirizz:

    Isem:

    Bureau Veritas d.o.o.

    Indirizz:

    Linhartova 49a

    Nru. tat-telefown

    +386 14757670

    Nru. tal-feks

    Indirizz tal-posta elettronika:

    info@bureauveritas.com

     PubblikuImage Privat

    4.2.   Il-kompiti speċifiċi tal-awtorità jew tal-entità:

    Il-Bureau Veritas d.o.o. hija l-entità tal-monitoraġġ responsabbli għall-kontrolli tal-istadji kollha tal-produzzjoni spjegati hawn fuq fl-ispeċifikazzjoni tal-“Belokranjska pogača”.


    Top