Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0602

    Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

    /* KUMM/2009/0602 finali - COD 2009/0167 */

    52009PC0602

    Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni /* KUMM/2009/0602 finali - COD 2009/0167 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 27.10.2009

    KUMM(2009) 602 finali

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006[1] jippermetti li jiġi mmobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibilità, sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun, lil hinn mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju. Ir-regoli tal-eliġibilità applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-Fond huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF)[2]. Dan ir-Regolament kien emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) 546/2009[3] li jwessa’ l-ambitu għall-applikazzjoni tal-EGF. Ir-Regolament emendat huwa applikabbli għal applikazzjonijiet li waslu sal-1 ta’ Mejju 2009.

    Is-servizzi tal-Kummissjoni flew bir-reqqa l-applikazzjonijiet imressqa mill-Isvezja, l-Awstrija u l-Olanda b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 u b'mod partikolari l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 5 u 6 tiegħu.

    Fil-qosor, l-aktar elementi importanti tal-valutazzjonijiet huma dawn:

    Każ EGF/2009/007 SE/Volvo

    1. L-applikazzjoni ġiet ippreżentata mill-awtoritajiet Svediżi lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Ġunju 2009. Kienet ibbażata fuq il-kriterji ta' intervent speċifiku tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 u ġiet ippreżentata sal-iskadenza ta' 10 ġimgħat kif stipulat fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament.

    Minħabba li din l-applikazzjoni waslet wara l-1 ta’ Mejju 2009, ġiet ivvalutata (b’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni) abbażi tar-regoli modifikati stipulati fir-Regolament (KE) Nru 546/2009.

    2. L-Isvezja ressqet l-applikazzjoni taħt il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 kif emendat, li jeħtieġu mill-inqas 500 sensja fuq perjodu ta’ erba’ xhur. Dan il-perjodu huwa bejn l-1 ta' Diċembru 2008 u l-31 ta' Marzu 2009. L-applikazzjoni tikkonċerna 4 687 ħaddiem minn 26 sit ta’ produzzjoni li nagħtaw is-sensja, li 2 258 minnhom kienu ma’ Volvo Cars. Il-kumpaniji ta' forniment taw is-sensja lil bejn 7 u 299 ħaddiem minn kull sit.

    3. Mit-total ta’ 4 687 ħaddiema li tilfu l-impjieg, 3 126 irreġistraw mas-Servizz tal-Impjieg Pubbliku.

    4. Sabiex tiġi stabbilita rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, l-Isvezja targumenta li l-kriżi kellha effett partikolarment aħrax fuq is-settur tal-karrozzi, billi tikkwota l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Frar 2009 dwar ir-rispons għall-kriżi fl-industrija Ewropea tal-karrozzi[4]. Minħabba li n-natura tal-kriżi kurrenti hija globali, is-swieq kollha ġew effettwati, u kien hemm ftit li xejn, oqsma ta’ tkabbir biex jagħmlu tajjeb għat-tnaqqis qawwi f’diversi pajjiżi. Volvo Cars li s-sid tagħha hija l-kumpanija globali Ford Motor Corporation, hija esposta għall-problemi li qed jiffaċċja s-suq tal-karrozzi Amerikan li kien milqut b’mod partikolarment serju. Id-diffikultajiet kurrenti għall-aċċess għall-kreditu huma tħassib importanti ieħor għal Volvo Cars u l-fornituri tagħha, kemm rigward produzzjoni kif ukoll bejgħ, minħabba li konsumaturi potenzjali issa għandhom aċċess limitat għall-fondi.

    5. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali wasslet għal tnaqqis rapidu fit-talba għall-karrozzi madwar id-dinja. It-tnaqqis fit-talba, li beda fl-2008, ma setax ikun previst għall-gvern Svediż, u ġara b’rata u veloċità mingħajr preċedent, hekk kif il-kriżi żvolġiet. Ċikli tal-kummerċ preċedenti kienu inqas mgħaġġla u fin-natura kienu reġjonali, li kien jagħmilha possibbli għall-industrija tal-karrozzi tadatta b’mod regolat. Fil-kriżi kurrenti, min-naħa l-oħra, is-swieq intlaqtu simultanjament madwar id-dinja, b’effet kemm fuq il-konsumatur kif ukoll fuq l-aċċess għall-kreditu.

    6. L-impatt lokali u reġjonali huwa stipulat kif ġej fl-applikazzjoni:

    73% tas-sensji ġraw fir-reġjun Västsverige ta’ NUTS II (nomenklatura ta’ unitajiet territorjali għall-istatisitiċi). Filwaqt li dan ir-reġjun jinsab qrib il-medja nazzjonali ras għal ras rigward il-prodott gross domestiku, matul l-ewwel kwart tal-2009 kien qed iġarrab fallimenti dejjem jiżdiedu ta’ 43% meta mqabbla mal-istess kwart tal-2008. Is-sensji matul l-aħħar kwart tal-2008 u l-ewwel kwart tal-2009 kienu kważi disa’ darbiet ogħla minn dawk matul l-istess kwart tas-sena ta’ qabel.

    L-industrija tal-karrozzi hija l-iktar grupp industrijali importanti fl-Isvezja. Fl-2007, iktar minn 77 000 persuna kienu impjegati mas-settur tal-karrozzi, li minnhom 39 000 kienu jaħdmu fil-kontea ta’ Västra Götaland. Rapport ġdid jikkalkula li total ta’ 60 000 sa 70 000 ħaddiem kienu impjegati mal-industrija usa’ tal-karrozzi (mal-fornituri tagħha f’setturi oħra) f’dik il-kontea, li huma ekwilvalenti għal bejn wieħed u ieħor minn 8 sa 9 % tal-impjiegi totali.

    Ir-reġjun ta’ Västsverige qed isofri mhux biss mis-sensji ta’ Volvo Cars, iżda wkoll minn dawk ta’ Saab u Volvo AB[5] u l-fornituri tagħhom. L-għadd ta’ ħaddiema bla xogħol f’Marzu 2009 kien 60 % iktar minn dak f’Marzu 2008. F’xi muniċipalitajiet, is-sensji mill-indistrija tal-karrozzi jirrappreżentaw persentaġġ għoli tal-qgħad globali, pereżempju f’Färgelanda (8.1%), Olofström (6 %) u Dals-Ed (4.2%).

    L-awtoritajiet Svediżi jikkalkulaw li kull 1 000 sensja fl-industrija tal-karrozzi ġġib magħha 1 600 sensja indiretta oħra fis-setturi tan-negozju u l-kummerċ, kif ukoll fit-trasport, il-kostruzzjoni, is-servizzi privati u l-ġarr. Barra minn hekk, ikun effettwat ukoll is-settur żviluppat ħafna tar-riċerka u żvilupp (R&Ż), minħabba li l-industrija tal-karrozzi hija responsabbli għal 16 % tal-ispiża fuq ir-R&Ż tal-Isvezja.

    Wieħed jista’ jikkonkludi, f'dawn iċ-ċirkustanzi, li s-sensji għandhom effett negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija lokali u reġjonali.

    7. L-awtoritajiet Svediżi jikkalkulaw li 1 500 ħaddiem se jieħdu l-offerta tal-pakkett tal-EGF.

    8. Fir-rigward tat-twettiq tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Svediżi fl-applikazzjoni tagħhom:

    ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tiħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

    taw assigurazzjonijiet li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u m’għandhomx jintużaw għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi;

    ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra.

    Fl-aħħar nett, għar-raġunijiet stipulati hawn fuq, qed jiġi propost li l-applikazzjoni EGF/2009/007 SE/Volvo li ressqet l-Isvezja rigward is-sensji f’Volvo Cars u 23 mill-fornituri tagħha u produtturi ’l isfel fil-katina tal-produzzjoni tiġi aċċettata, minħabba li pprovdiet evidenza ta’ rabta diretta u li ċara li dawn is-sensji huma riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. Ġie propost pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati eliġibbli li minnhom il-kontribuzzjoni mitluba mill-EGF hija ta' EUR 9 839 674 .

    Każ EGF/2009/009 AT/Steiermark

    9. L-awtoritajiet Awsrtijaċi ppreżentaw l-applikazzjoni lill-Kummissjoni fid-9 ta’ Lulju 2009 u ssupplimentawha b’informazzjoni addizzjonali fit-23 ta’ Lulju u fit-18 ta’ Awwissu 2009. Kienet ibbażata fuq il-kriterji speċifiċi ta' intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fil-limitu ta' żmien ta' 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

    10. L-Awstrija ppreżentat din l-applikazzjoni taħt il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li jeħtieġ mill-anqas 500 sensja fuq perjodu ta' 9 xhur f'settur NACE 2 (klassifika statistika ta’ attivitajiet ekonomiċi) f'reġjun wieħed jew żewġ reġjuni kontigwi fil-livell NUTS II.

    11. L-applikazzjoni tiċċita total ta’ 744 sensja matul il-perjodu ta’ referenza ta’ 9 xhur f’9 impriżi li joperaw f’taqsima 29 (manifattura tal-karrozzi, trailers u semi-trailers) tal-NACE Reviżjoni 2 f’reġjun waħdieni NUTS II, Styria (AT22). Dan il-perjodu huwa bejn is-27 ta' Awwissu 2008 u s-27 ta' Mejju 2009. 588 minn dawn is-sensji kienu kkalkulati skont l-ewwel inċiż ta’ paragrafu 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 u 156 sensja kienu kkalkulati skont it-tieni inċiż tal-istess dispożizzjoni.

    12. Sabiex tistabbilixxi r-rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, l-Awstrija targumenta li l-kriżi wasslet għal tnaqqis kbir fit-talba għall-karrozzi madwar id-dinja. L-applikazzjoni tikkwota figuri ta’ kummerċ mill-EUROSTAT rigward l-esportazzjoni ta’ vetturi tat-triq in ġenerali u karrozzi tal-passiġġieri b’mod partikolari. Bejn Jannar 2008 u Jannar 2009 l-esportazzjoni ta’ vetturi tat-triq mis-27 pajjiż tal-Komunità barra mill-Komunità naqset b’47,7 % u għall-karrozzi tal-passiġġieri bi 52,5 %. Għall-Awstrija, għall-istess perjodu, it-tnaqqis fl-esportazzjoni kien ikbar: għal vetturi tat-triq l-esportazzjoni naqset b’51,3 % u għall-karrozzi tal-passiġġieri b’59,4 %. Minħabba li teżisti ħafna interdipendenza fost l-impriżi fi ħdan is-settur tal-karrozzi u l-livell baxx ta’ diversifikazzjoni ta’ ħafna fornituri, il-kriżi qed tinħass fil-grupp kollu tas-settur tal-karrozzi.

    13. L-Awtoritajiet Awstrijaċi jargumentaw li wieħed jeħtieġ jara s-sensji fis-settur tal-karrozzi fl-isfond tal-kriżi kurrenti. Il-fatt li l-kriżi ma setgħetx tkun prevista, jidher mir-reviżjonijiet radikalment ’l isfel fit-tbassir rigward it-tkabbir reali tal-PGD li għamlu kemm-il darba korpi internazzjonali, bħall-Kummissjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), minn kmieni fl-2008. L-applikazzjoni tikkwota pereżempju t-tbassir dwar il-PGD li għamlet il-Kummissjoni Ewropea f’Novembru 2007 (tkabbir ta’ 2,1 % ) meta mqabbel ma’ dak ta’ Jannar 2009 (tnaqqis ta’ 1,9 %). Fis-settur tal-karrozzi, il-kriżi finanzjarja, ir-rigress globali fl-attività ekonomika, id-diffikultajiet dejjem jiżdiedu biex jingħata aċċess għall-kreditu u l-inċertezza dejjem tiżdied, ikkawżati fost l-oħrajn mill-prezzijiet volatili taż-żejt mhux maħdum u l-fjuwil tal-karrozzi, wasslu għal tnaqqis qawwi u mingħajr preċedent fil-volumi tal-bejgħ.

    14. L-impatt lokali u reġjonali huwa stipulat kif ġej fl-applikazzjoni:

    L-Art ta’ Styria, fejn seħħew is-sensji, tbati minn dgħufijiet strutturali, partikolarment minħabba sehem relattivament żgħir mis-settur tas-servizzi, ekonomija orjentata lejn l-esportazzjoni u dipendenza għolja fuq it-talba tas-settur tal-karrozzi. Fl-2008, l-industrija tal-karrozzi fi Styria kienet tirrappreżenta 2,8 % tal-impjiegi (kontra 1,4 % biss għall-Awstrija) u meta wieħed jikkunsidra l-fornituri u produtturi tagħha ’l isfel fil-katina tal-produzzjoni dan is-sehem ikun jammonta għal madwar 7,5 %. Dan jagħmel lir-reġjun partikolarment vulnerabbli għall-impatti tal-kriżi globali. L-inħawi ta’ Graz fejn jinsabu ħafna mill-impriżi li qed jagħtu s-sensji se jkun partikolarment milqut. Fl-2008, l-għadd medju ta’ ħaddiema qegħda li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-uffiċċju reġjonali tas-suq tax-xogħol ta’ Graz kien ta’ 11 318. Is-744 ħaddiema mogħtija s-sensja fl-applikazzjoni preżenti jirrappreżentaw żieda ta’ madwar 7 %.

    Wieħed jista’ jikkonkludi, f'dawn iċ-ċirkustanzi, li s-sensji għandhom effett negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija lokali u reġjonali.

    15. L-applikazzjoni tikkonċerna 744 sensja f’9 impriżi, li minnhom 400 huma mmarkati għall-assistenza tal-EGF.

    16. Fir-rigward tat-twettiq tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Awstrijaċi fl-applikazzjoni tagħhom:

    ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tiħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

    urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u m’għandhomx jintużaw għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi;

    ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra.

    Fl-aħħar nett, għar-raġunijiet stipulati hawn fuq, qed jiġi propost li l-applikazzjoni EGF/2009/009 AT/Steiermark li ssottomettiet l-Awstrija rigward is-sensji f’9 impriżi fi Styria jinvolvu attivitajiet tal-manifattura li jaqgħu taħt taqsima 29 (manifattura tal-karrozzi, trailers u semi-trailers) tal-NACE Reviżjoni 2 tiġi aċċettata, minħabba li pprovdiet evidenza ta’ rabta diretta u ċara li dawn is-sensji huma riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. Għaldaqstant ġie propost pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati eliġibbli li minnhom il-kontribuzzjoni mitluba mill-EGF hija ta' EUR 5 705 635 .

    Każ EGF/2009/011 NL/Heijmans N.V.

    17. L-Olanda ppreżentat l-applikazzjoni lill-Kummissjoni fl-4 ta’ Awwissu 2009. Din kienet ibbażata fuq il-kriterji ta' intervent speċifiku tal-Artikolu 2 (a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 u ġiet ippreżentata sal-iskadenza ta' 10 ġimgħat kif stipulat fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

    Minħabba li din l-applikazzjoni waslet wara l-1 ta’ Mejju 2009, ġiet ivvalutata (b’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni) abbażi tar-regoli modifikati stipulati fir-Regolament (KE) Nru 546/2009.

    18. L-Olanda ssottomettiet din l-applikazzjoni taħt il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jeħtieġ mill-inqas 500 sensja fuq perjodu ta’ erba’ xhur f’impriza fi Stt Membru, inklużu ħaddiema mogħtija s-sensja mill-fornituri jew il-produtturi 'l isfel fil-katina tal-produzzjoni.

    19. L-applikazzjoni tikkwota 570 sensja f’impriża waħda Heijmans N.V. matul il-perjodu ta’ erba’ xhur mid-29 ta’ Jannar 2009 sad-29 ta’ Mejju 2009. 474 minn dawn is-sensji kienu kkalkulati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 l-ewwel inċiżjoni tat-tieni paragrafu tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 u 96 kienu kkalkulati skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni inċiż tal-istess dispożizzjoni.

    20. Sabiex tistabbilixxi r-rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, l-Olanda targumenta li s-settur tal-kostruzzjoni kien wieħed mill-ewwel setturi ekonomiċi li ġew effettwati mill-kriżi. Minn kmieni fl-2008 l-prezzijiet tal-materja prima bħall-azzar u materjali varji għall-kostruzzjoni tat-toroq żdied b’mod esponenzjali. Dan kellu effett fuq il-marġini tal-profitt tal-impriżi tal-kostruzzjoni u rriżulta f’talba ogħla għall-finanzjament ta’ proġetti permezz ta’ self, li sar suġġett għal regoli iebsin ħafna. Fl-istess waqt, minħabba tnaqqis fil-fiduċja tal-konsumaturi, prezzijiet baxxi tad-djar u spejjeż għolja tal-ipoteki id-domanda għal djar ġodda u uffiċini naqset. Minħabba l-kriżi ekonomika l-investituri ma kinux imħajra jinvolvu ruħhom fi proġetti ġodda ta’ bini. Huwa mistenni li l-kostruzzjoni ta’ djar ġodda tonqos b’10,5 % fl-2009 u bi 11 % fl-2010[6] u proġetti ġodda tal-kostruzzjoni ta’ bini bl-użu ta' tekniki u prodotti ġodda se jonqsu b’6 % fl-2009 u b’10 % fl-2010[7]. Dan it-tnaqqis fit-talba għandu impatt negattiv qawwi fuq l-impjiegi fis-settur tal-kostruzzjoni.

    21. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika wasslet għall-kollass f’daqqa waħda tal-ekonomija dinjija b’impatt enormi fuq diversi setturi. Is-sitwazzjoni ekonomika mill-2008 ’l hawn ma segwietx il-bixriet tas-snin ta’ qabel. Dan ma kienx tnaqqis gradwali, li l-impriżi setgħu iħejju għalih. Qabel il-kriżi, Heijmans N.V. kienet għamlet investimenti sinifikanti biex tiġi ċċertifikata eliġibbli biex tagħmel xogħolijiet ta’ kostruzzjoni ferrovjarja fl-Olanda u biex tespandi l-attivitajiet tagħha fi Stati Membri oħra tal-Komunità. Din l-istrateġija tal-kumpanija u investimenti relatati kienu jitħallew għal iktar tard kieku l-kumpanija setgħet tipprevedi l-kriżi. L-istrateġija tal-kumpanija u investimenti relatati kienu jitħallew għal iktar tard kieku l-kumpanija setgħet tipprevedi l-kriżi.

    22. L-impatt lokali u reġjonali huwa stipulat kif ġej fl-applikazzjoni:

    L-applikant jargumenta li s-sensji se jkollhom impatt fuq kull wieħed mit-tliet livelli. Fil-livell nazzjonali, minħabba li Heijmans N.V. għandha s-sussidjarji madwar l-Olanda, ħaddiema ngħataw is-sensji fil-postijiet li ġejjin: Groningen, Leeuwarden, Assen, Hengelo, Eindhoven, Best, Rosmalen, Tilburg, Breda u Rotterdam. Fil-livell reġjonali, minħabba li madwar 40 % tas-sensji seħħew fil-provinċja ta’ Brabant ta’ Fuq. Fil-livell lokali, minħabba li 15 % tas-sensji seħħew f’Rotterdam. Kemm il-provinċja ta’ Brabant ta’ Fuq kif ukoll il-belt ta’ Rotterdam diġà fl-2008 kellhom tnaqqis fl-attività ekonomika ogħla mill-medja. Wieħed jista’ jikkonkludi, f'dawn iċ-ċirkustanzi, li s-sensji għandhom effett negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija lokali u reġjonali.

    L-awtoritajiet Olandiżi jargumentaw li, minbarra l-570 ħaddiema mogħtija s-sensja matul il-perjodu ta’ referenza, iktar minn 400 telf ta’ impjieg addizzjonali seħħew f’Heijmans N.V., li laqtu l-iktar il-ħaddiema b’kuntratti b’terminu fiss. Barra minn hekk, intilfu diversi mijiet ta’ postijiet tax-xogħol li kienu jinvolvu persuni jaħdmu għal rashom ingaġġati biex jaħdmu fuq diversi proġetti ta’ Heijmans N.V. madwar l-Olanda. It-tnaqqis sinifikanti fl-attività ta’ Heijmans N.V. se jkollha impatt ukoll fuq il-fornituri fl-oqsma tal-ġarr, apparat, konsulenzi u installar.

    Wieħed jista’ jikkonkludi, f'dawn iċ-ċirkustanzi, li s-sensji għandhom effett negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija lokali, reġjonali u nazzjonali.

    23. L-applikazzjoni tikkonċerna 570 sensja f’impriża waħda Heijmans N.V. li minnhom 435 huma mmarkati għall-assistenza mill-EGF.

    24. Fir-rigward tat-twettiq tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Olandiżi fl-applikazzjoni tagħhom:

    ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tiħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

    urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u m’għandhomx jintużaw għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi;

    ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra.

    Bħala konklużjoni, għar-raġunijiet stipulati hawn fuq, qed jiġi propost li l-applikazzjoni EGF/2009/011 NL/Heijmans li ssottomettiet l-Olanda rigward is-sensji f’Heijmans N.V. tiġi aċċettata, minħabba li pprovdiet evidenza ta’ rabta diretta u li ċara li dawn is-sensji huma riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. Għaldaqstant ġie propost pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati eliġibbli li minnhom il-kontribuzzjoni mitluba mill-EGF hija ta' EUR 386 114 .

    Finanzjament

    Il-baġit annwali totali disponibbli għall-EGF huwa ta’ EUR 500 miljun. Ammont ta’ EUR 37 107 624 diġà kien immobilizzat għal applikazzjonijiet preċedenti fl-2009 u dan iħalli disponibbli ammont ta’ EUR 462 892 376. L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat mill-applikanti.

    Abbażi tal-applikazzjonijiet għal għajnuna mill-Fond imressqa mill-Isvezja, l-Awstrija u l-Olanda fejn intlaqtu rispettivament is-settur tal-karrozzi u tal-kostruzzjoni, l-istimi totali tal-pakketti koordinati ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati huma kif ġej:

    EGF/2009/007 SE/ Volvo | EUR 9 839 674 |

    EGF/2009/009 AT/ Steiermark | EUR 5 705 635 |

    EGF/2009/011 NL/Heijmans NV | EUR 386 114 |

    Total | EUR 15 931 423 |

    Fid-dawl tal-analiżi ta' dawn l-applikazzjonijiet[8], u wara li qieset l-għotja massima possibli mill-Fond stabbilita skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u kif ukoll il-possibilitajiet tar-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni qed tipproponi li tuża mill-EGF is-somma totali ta' EUR 15 931 423 , li għandha tkun allokata taħt l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

    Dan l-ammont ta' sostenn mitlub jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-EGF jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex jiġi użat il-Fond, il-Kummissjoni qed tagħti bidu għall-proċedura ssimplifikata tat-trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit dwar il-ħtieġa li jiġi użat il-Fond u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-Awtorità tal-Baġit li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta tal-mobilizzazzjoni, fil-livell politiku xieraq, biex tinforma lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħha.

    F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit, tissejjaħ laqgħa formali tat-trijalogu.

    Il-Kummissjoni se tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex iddaħħal fil-baġit għall-2009 approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet speċifiċi, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

    2009/0167 (COD)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba[9], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[10], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni[11],

    Billi:

    (1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) huwa intiż sabiex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema ssensjati li jbatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

    (2) L-għan tal-EGF ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet sottomessi mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.

    (3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

    (4) L-Isvezja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji fis-settur tal-karrozzi, fil-5 ta' Ġunju 2009. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-ammont ta' EUR 9 839 674 .

    (5) L-Awstrija ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji fis-settur tal-karrozzi, fid-9 ta' Lulju 2009. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-ammont ta' EUR 5 705 635.

    (6) L-Olanda ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji fis-settur tat-tessuti, fl-4 ta' Awwissu 2009. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-ammont ta' EUR 386 114.

    (7) L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjonijiet imressqa mill-Isvezja, l-Awstrija u l-Olanda.

    IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 15 931 423 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    [1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    [2] ĠU L 406, tat-30.12.2006, p. 1.

    [3] ĠU L 167 tad- 29.06.2009, p. 26.

    [4] COM(2009) 104 finali.

    [5] Volvo AB hija l-kumpanija ġenitur Svediża f’kumpanija globali li timmanifattura vetturi tqal u prodotti simili. Volvo AB biegħet lil Volvo Cars lil Ford fl-1999.

    [6] BEI – L-Istitut Ekonomiku Olandiż għall-Industrija tal-Kostruzzjoni, Jannar 2009

    [7] Ibid.

    [8] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni mill-Isvezja (SEC(2009)1385) u l-Olanda (SEC(2009)1321) li ppreżentat l-analiżi tal-Kummissjoni.

    [9] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    [10] ĠU L 406, 30.12.2006, p.1

    [11] ĠU C […], […], p. […].

    Top