Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0515

    Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

    /* KUMM/2009/0515 finali */

    52009PC0515




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 30.09.2009

    KUMM(2009) 515 finali

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006[1] jippermetti li jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibbiltà, sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun, lil hinn mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju. Ir-regoli tal-eliġġibbiltà applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-Fond huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006[2] li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF). Dan ir-Regolament kien emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) 546/2009[3] li jwessa’ l-ambitu għall-applikazzjoni tal-EGF. Ir-Regolament emendat huwa applikabbli għal applikazzjonijiet li waslu sal-1 ta’ Mejju 2009.

    Is-servizzi tal-Kummissjoni flew bir-reqqa l-applikazzjonijiet sottomessi mill-Belġju u l-Irlanda b’konformità mar-Regolament (KE) 1927/2006 u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 5 u 6 tiegħu.

    Fil-qosor, l-aktar elementi importanti tal-valutazzjonijiet huma dawn:

    Każi EGF/2009/004 BE/Oost en West Vlaanderen textiles u EGF/2009/005 BE/Limburg textiles

    1. Iż-żewġ applikazzjonijiet waslu għand il-Kummissjoni mill-awtoritajiet Belġjani fil-5 ta' Mejju 2009, u ġew supplimentati b'informazzjoni addizzjonali mressqa mill-Istat Membru sad-29 ta' Ġunju 2009. L-applikazzjonijiet kienu bbażata fuq il-kriterji ta' intervent speċifiċi tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u ġew ippreżentati sal-għeluq taż-żmien ta' 10 ġimgħat kif stipulat fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament.

    Minħabba li dawn l-applikazzjonijiet waslu wara l-1 ta’ Mejju 2009, ġew ivvalutati (b’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[4] abbażi tar-regoli ġodda stipulati fir-Regolament (KE) Nru 546/2009.

    2. Il-Belġju ssottometta dawn l-applikazzjonijiet taħt il-kriterju tal-intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament EGF, li jirrikjedi 500 sensja fuq perjodu ta' 9 xhur f'settur NACE (klassifikazzjoni tal-istatistika tal-attivitajiet ekonomiċi) Reviżjoni[5] taqsima 13 (‘manifattura tat-tessuti’) f'żewġ reġjuni bi fruntieri komuni fuq livell NUTS II (nomenklatura tal-unitajiet territorjali għall-istatistiċi) reġjuni tal-Fjandri tal-Lvant (BE230) u tal-Punent (BE2250)) u reġjun waħdieni NUTS II, Limburg (BE220), rispettivament. Iż-żewġ applikazzjoinjiet juru li matul il-perjodu ta’ referenza kien hemm 2 199 sensja f'46 impriża li joperaw fis-settur tat-tessuti fil-Belġju.

    3. Għall-applikazzjoni EGF/2009/004 BE/Oost en West Vlaanderen textiles, kien hemm 1 568 sensja matul il-perjodu ta’ disa’ xhur ta’ referenza mill-31 ta’ Mejju sat-28 ta’ Frar 2009, li minnhom 881 kienu fil-Fjandri tal-Lvant u 687 fil-Fjandri tal-Punent.

    Għall-applikazzjoni EGF/2009/005 BE/Limburg textiles, 631 sensja saru matul il-perjodu ta’ tmien xhur ta’ referenza mill-1 ta’ Awwissu 2008 sal-31 ta’ Marzu 2009.

    4. Sabiex tiġi stabbilita rabta bejn is-sensji u t-tibdil importanti strutturali fix-xejra ta’ kummerċ globali, il-Belġju fiż-żewġ applikazzjoinjiet iressaq l-argument[6] li kien hemm żieda ta’ 23% fl-importazzjoni ta’ tessuti fil-Komunità-25 matul il-perjodu 2003-2007. għall-istess perjodu l-esportazzjoni tat-tessuti mill-Komunità-25 lejn il-kumplament tad-dinja żdied bi 3.6% biss. Il-bilanċ tal-kummerċ għat-tessuti għall-Komunità-25 naqas minn bilanċ pożittiv ta’ EUR 2,3 biljun fl-2003 għal defiċit ta’ EUR 744,8 miljun fl-2007. Barra minn hekk l-applikant juża statistika mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) biex juri tnaqqis tal-Komunità-27 mis-sehem fis-suq tat-tessuti minn 37.9% fl-2003 għal 33.9% fl-2007. L-industrija tat-tessuti fil-Belġju ġiet ukoll effettwata b’mod dirett bid-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni għal pajjiżi terzi, partikolarment it-Turkija u ċ-Ċina, minħabba li l-ispejjeż tax-xogħol huma ħafna inqas.

    5. L-awtoritajiet Belġjani jargumentaw li l-impatt tal-liberalizzazzjoni mgħaġġla tal-kwota tal-importazzjoni miċ-Ċina fl-2002 u fl-2005 fis-settur tat-tessuti Ewropew ma kienx previst. Din is-sitwazzjoni kompliet tmur għall-agħar bil-liberalizzazzjoni tal-kwoti ta’ importazzjoni fuq it-tessuti Ċiniżi u pajjiżi terzi oħra bħat-Turkija u b’dazji għoljin fuq l-importazzjoni ta’ tessuti mill-Komunità f’pajjiżi għall-Brażil u l-Indja. Skont l-applikant, is-sitwazzjoni kompliet tmur għall-agħar bil-kollass tas-suq tad-djar fir-Renju Unit minn Novembru 2007 ’l hawn u t-tnaqqis li dan ġab miegħu fl-importazzjoni tat-tessuti mir-Renju Unit, bħal twapet, tapizzerija u drappijiet tat-tagħmir. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika reċenti kompliet iżżid mat-tnaqqis.

    6. L-impatt lokali u reġjonali huwa stipulat kif ġej fl-applikazzjonijiet:

    L-applikant jiddikjara li 86.6% tal-impjiegi fl-industrija tat-tessuti fil-Belġju jinsabu fi tliet reġjuni NUTS II li jikkonċernaw iż-żewġ applikazzjonijiet. Bejn l-2005 u l-2007, kienu diġà intilfu 3 419 impjieg fl-industrija tat-tessuti, jiġifieri tnaqqis ta’ 12.5%, filwaqt li fl-istess perjodu it-tnaqqis fis-settur kollu tal-manifattura kien biss 0.7%. L-għadd kurrenti ta’ telf dirett ta’ impjiegi fl-industrija tat-tessuti, kopert miż-żewġ applikazzjoinjiet, kif ukoll l-għadd ta’ telf ta’ impjiegi indiretti li jirriżulta f’setturi bħat-trasport, il-manutenzjoni u l-forniment tal-ikel se jkollhom impatt sinifikanti fuq l-impjiegi lokali u reġjonali. Is-sitwazzjoni se tkompli teħżien bil-mobbiltà baxxa tal-impjiegi fl-industrija tat-tessuti (il-mobbiltà interna fl-industrija tat-tessuti hija biss 2% kontra 5.5% għas-suq tax-xogħol Fjamming kollu kemm hu). Barra minn hekk, b’riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja kurrenti kien hemm għadd għoli ta’ sensji f'setturi oħra fir-reġjuni kkonċernati.

    Wieħed jista’ jikkonkludi, f'dawn iċ-ċirkustanzi, li s-sensji għandhom effett negattiv sinifikanti fuq is-suq tax-xogħol lokali u reġjonali.

    7. L-applikazzjonijiet jikkonċernaw 2 199 sensja f’BE/Oost en West Vlaanderen textiles, u f’ BE/Limburg textiles. Il-Belġju għalhekk iddeċieda li jimmira l-għajnuna fuq total ta' 2 199 ħaddiem.

    8. Fir-rigward tat-twettiq tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-applikazzjoni pprovdiet l-elementi li ġejjin:

    L-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tiħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi.

    L-awtoritajiet Belġjani wrew li l-azzjonijiet jipprovdu sostenn għal ħaddiema individwali u m’għandhomx jintużaw għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi.

    L-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra.

    Għaldaqstant, minħabba r-raġunijiet imfissra hawn fuq, qed ikun propost li jiġu aċċettati l-applikazzjoinjiet EGF/2009/004 BE/Oost en West Vlaanderen textiles u EGF/2009/005 BE/Limburg textiles sottomessi mill-Belġju, rigward is-sensji f’39 impriża fil-Fjandri tal-Lvant u fil-Fjandri tal-Punent u 7 impriżi f’Limburg involuti f’attivitajiet tal-manifattura li jaqgħu taħt NACE Reviżjoni 2 taqsima 13 (‘manifattura tat-tessuti’) f'żewġ reġjuni bi fruntieri komuni fuq livell NUTS II reġjuni tal-Fjandri tal-Lvant (BE230) u tal-Punent (BE2250) u reġjun waħdieni NUTS II, Limburg (BE220), rispettivament, bħala evidenza ppreżentata li dawn is-sensji jirriżultaw minn tibdiliet kbar strutturali fix-xejriet globali tal-kummerċ li wasslu għal diżordni ekonomika serja, b’effett fuq l-ekonomija reġjonali jew lokali. Ġie porpost pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati eliġibbli li għalihom it-talba għall-kontribuzzjoni mill-EGF hija ta’ EUR 7 519 625 għal applikajoni EGF/2009/004 BE/Oost en West Vlaanderen textiles u ta’ EUR 1 679 249 għal applikazzjoni EGF/2009/005 BE/Limburg textiles, b’total ta’ EUR 9 198 874 .

    Każ EGF/2009/08 IE/Dell

    9. L-applikazzjoni waslet għand il-Kummissjoni mingħand l-awtoritajiet Irlandiżi fid-29 ta' Ġunju 2009, u ġiet supplimentata b'informazzjoni addizzjonali mressqa mill-Istat Membru f’Ġunju u Lulju 2009. Din l-applikazzjoni kienet ibbażata fuq il-kriterji ta' intervent speċifiku tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u ġiet ippreżentata sal-għeluq taż-żmien ta' 10 ġimgħat kif stipulat fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament.

    Minħabba li din l-applikazzjoni waslet wara l-1 ta’ Mejju 2009, ġiet ivvalutata (b’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[7] abbażi tar-regoli ġodda stipulati fir-Regolament (KE) Nru 546/2009.

    10. L-Irlanda ssottomettiet l-applikazzjoni taħt il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li teħtieġ mill-inqas 500 sensja fuq perjodu ta’ erba’ xhur. Dan il-perjodu ta’ erba’ xhur huwa mit-3 ta’ Frar 2009 sat 2 ta’ Ġunju 2009. L-applikazzjoni EGF/2009/09 IE/Dell tikkonċerna total ta’ 2 840 sensja li minnhom 1 135 seħħew matul il-perjodu ta’ referenza u li 1 705 seħħew qabel u wara l-perjodu ta’ referenza. Din l-applikazzjoni tiddikjara li Dell Products (Manufacturing) Limited tinstab fir-Reġjun NUTS 3 tal-Punent Nofsani. Ir-reġjun jikkonsisti fil-kontej ta’ Limerick, Clare u North Tipperary, kif ukoll il-belt ta’ Limerick, li hija r-raba’ l-akbar żona urbana tal-Irlanda.

    11. Sabiex tistabbilixxi rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika, l-Irlanda tippreżenta l-argument li l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali kellha impatt sinifikanti fuq ix-xejriet globali tal-kummerċ fl-industrija tal-manifattura tal-kompjuters. Dan kompla ħarrax l-effetti tal-kambjamenti li diġà kienu qed iseħħu fix-xejriet tal-kummerċ globali, u irriżulta li manifatturi kbar, bħal Dell, kellhom jew ġew inkoraġġiti jfittxu pajjiżi bi spejjeż ta’ produzzjoni u ta’ xogħol iktar baxxi, qabel milli setgħu altrimenti jippjanaw.

    Il-mudell ta’ Dell għall-produzzjoni ta’ desktop kompjuters kien jinkludi ċentru ta’ servizz personalizzat qrib tas-swieq tiegħu. Minħabba d-daqs tad-desktop kompjuters kien iktar ekonomiku li jiġu prodotti b’mod personalizzat bi spejjeż relattivament għoljin f’ċentri ta’ produzzjoni bħall-Irlanda, minħabba li l-ispiża tal-kunsinni għall-klijenti Ewropej kienet ħafan inqas milli kieku ġew ittrasportati mill-Asja. Il-vantaġġ kompetittiv tal-kumpanija minn meta bdiet kien il-‘Mudell Dirett’ li kien jinbiegħ direttament lill-klijenti, bil-mudell aħħari ppersonalizzat skont il-ħtiġiet tal-klijent. Minħabba li l-kunsinni ta’ notebook kompjuters għadda lil dak tad-desktops għall-ewwel darba fit-tielet kwart tal-2008, u minħabba li n-notebooks joffru inqas skop għal prodott personalizzat, il-produzzjoni tista’ iktar faċilment tingħata lil lokalitajiet Asjatiċi u l-prezz tat-trasport bil-baħar huwa inqas.

    Is-sensji skedati f’Dell, f’Limerick, u l-fornituri tagħha fir-reġjun, ġew ikkawżati mid-deċiżjoni tal-kumpanija li tittrasferixxi l-produzzjoni tal-‘mobile PC’[8] minn Limerick għal manifatturi oriġinali tad-disinn fl-Asja, li huma bbażati l-aktar fiċ-Ċina. Mingħajr il-produzzjoni tal-PC, is-sit ta’ Limerick kien se jibqa’ b’ammont żgħir ta’ manifattura ta’ desktops li ma kienx ikollu ekonomija fil-kobor biżżejjed biex jibqa’ viabbli – id-deċiżjoni għalhekk kienet li titwaqqaf ukoll il-manifattura tad-desktops minn Limerick. Il-produzzjoni tal-PC ta’ Dell fl-Ewropa issa hija limitata għall-fabbrika li hemm f’Łódź, il-Polonja (għal norebooks u desktops). Il-mossa biex ix-xogħol jingħata barra liċ-Ċina kien xprunat minn tliet żviluppi industijali ewlenin: kompetizzjoni ta’ spejjez mill-asja; it-tkabbir fil-bejgħ ta’ mobile PC u l-użu ta’ kanali tal-bejgħ; u t-tkabbir tas-swieq tal-BRIC (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina), li huma tipikament iktar sentsittivi għall-prezz u inqas konxji mill-marka.

    12. L-impatt lokali u reġjonali huwa stipulat kif ġej fl-applikazzjoni:L-iskala tal-importanza ta’ Dell f’Limerick, hija aċċentwata mis-sehem tagħhom tal-impjiegi fil-manifattura u l-impjiegi totali fir-Reġjun tal-Punent Nofsani. Mit-30 700 impjegat fis-settur tal-manifattura, madwar 10.4% kienu impjegati ma’ Dell. Dan jirrappreżenta 1.7% tal-impjiegi totali fir-Reġjun fl-2008. Studji wrew[9] li kien hemm proporzjoni approssimattiv ta’ 170 impjieg dipendenti fuq kull 100 impjegat permanenti ma’ Dell fl-2007.

    L-għadd ta’ persuni fuq il-‘Live Register’, li huwa barometru tal-livelli tal-qgħad fir-Reġjun tal-Punent Nofsani juri żieda ta’ 7 848 persuna bejn it-3 ta’ Jannar 2009 u l-10 ta’ Mejju 2009 (minn 26 272 għal 34 120 persuna rreġistrata).

    It-telf fir-reġjun ta’ 2 800 impjieg minn sensji f’Dell u impriżi anċillari huwa stimat daqslikieku kien hemm tnaqqis ta’ 10% fl-impjiegi fil-manifattura reġjonali u tnaqqis ta’ 1.7% fl-impjiegi totali.

    Wieħed jista’ jikkonkludi, f'dawn iċ-ċirkustanzi, li s-sensji għandhom effett negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija lokali u reġjonali.

    13. L-applikazzjoni tikkonċerna 2 840 sensja f’Dell l-Irlanda, li minnhom 2 400 huma mmarkati għall-assistenza. Mill-2 840 ħaddiem li ngħataw is-sensja, proporzjon sabu impjieg alternattiv, jew qed isegwu taħriġ barra l-pakkett propost għall-finanzjament tal-EGF. L-Irlanda għalhekk iddeċidiet li timmira l-għajnuna fuq total ta' 2 400 ħaddiem.

    14. Fir-rigward tat-twettiq tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-applikazzjoni pprovdiet l-elementi li ġejjin: L-awtoritajiet Irlandiżi kkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tiħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi. L-awtoritajiet Irlandiżi wrew li l-azzjonijiet jipprovdu sostenn għal ħaddiema individwali u m’għandhomx jintużaw għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi. L-awtoritajiet Irlandiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra.

    Għaldaqstant, minħabba r-raġunijiet imfissra hawn fuq, qed ikun propost li tiġi aċċettata l-applikazzjoni EGF/2009/08/IE/Dell , sottomessa mill-Irlanda, dwar is-sensji f’Dell bħala evidenza ppreżentata li dawn is-sensji jirriżultaw minn tibdiliet kbar strutturali fix-xejriet globali tal-kummerċ li wasslu għal diżordni ekonomika serja, b’effett fuq l-ekonomija reġjonali u lokali. Ġie propost pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati eliġibbli li minnhom il-kontribuzzjoni mitluba mill-EGF hija ta' EUR 14 831 050 .

    Finanzjament

    Il-baġit annwali totali disponibbli għall-EGF huwa ta’ EUR 500 miljun. Ammont ta’ EUR 13 077 700 diġà kien immobilizzat għal applikazzjonijiet preċedenti fl-2009 u dan iħalli disponibbli ammont ta’ EUR 486 922 300.

    L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat mill-applikant.

    Abbażi tal-applikazzjonijiet għal għajnuna mill-Fond imressqa mill-Belġju u l-Irlanda fejn intlaqtu s-settur tat-tessuti u l-indistrija tal-manifattura tal-kompjuters, l-istimi totali tal-pakketti koordinati ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati huma kif ġej:

    (f'EUR) |

    EGF/2009/004 BE/Oost en West Vlaanderen textiles u | 7 519 625 |

    EGF/2009/005 BE/Limburg textiles | 1 679 249 |

    EGF/2009/08 IE/Dell | 14 831 050 |

    Totali | 24 029 924 |

    Fid-dawl tal-analiżi ta' dawn l-applikazzjonijiet[10], u wara li qieset l-għotja massima possibli mill-Fond stabbilita skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u kif ukoll il-possibilitajiet tar-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni qed tipproponi li tuża mill-EGF is-somma totali ta' EUR 24 029 924 , li għandha tkun allokata taħt l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

    Dan l-ammont mitlub ta' sostenn jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-EGF jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex jiġi użat il-Fond, il-Kummissjoni qed tagħti bidu għall-proċedura ssimplifikata tat-trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit dwar il-ħtieġa li jiġi użat il-Fond u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-Awtorità tal-Baġit li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta tal-mobilizzazzjoni, fil-livell politiku xieraq, biex tinforma lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħha.

    F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit, tissejjaħ laqgħa formali tat-trijalogu.

    Il-Kummissjoni se tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex iddaħħal fil-baġit għall-2009 approporjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet speċifiċi, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba[11], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[12], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[13],

    Billi:

    (1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) huwa intiż sabiex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema ssensjati li jbatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

    (2) L-għan tal-EGF ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet sottomessi mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.

    (3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

    (4) Il-Belġju ressaq żewġ applikazzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji fis-settur tat-tessuti, fil-5 ta' Mejju 2009. Dawn l-applikazzjonijiet jikkonformaw mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-ammont ta' EUR 9 198 874 .

    (5) L-Irlanda ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji fis-settur tal-indistrija tal-manifattura tal-kompjuters, fid-29 ta' Ġunju 2009. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-ammont ta' EUR 14 831 050 .

    (6) L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjonijiet imressqa mill-Belġju u l-Irlanda.

    IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 24 029 924 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    [1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    [2] ĠU L 406 tat-30.12.2006, p. 1.

    [3] ĠU L 167 tad- 29.06.2009, p. 26.

    [4] ĠU L 167, 29.6.2006, p. 26

    [5] Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006).

    [6] Nomenklatura EURATEX – SITC.

    [7] ĠU L 167, 29.6.2006, p. 26

    [8] Kategorija li tinkludi laptops, notebooks u netbooks.

    [9] Sorsi: Dell - An outline impact evaluation, 23 ta’ Diċembru 2008 (Forfás) and Employment and Value of Dell Operations, 24 ta’ Frar 2009 (Forfás).

    [10] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni mill-Belġju (SEC(2009)1154) u l-Irlanda (SEC(2009)1207) li ppreżentat l-analiżi tal-Kummissjoni.

    [11] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    [12] ĠU L 406, 30.12.2006, p.1

    [13] ĠU C […], […], p. […].

    Top