Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0500

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tinkariga lill-Bank Ċentrali Ewropew b’kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku {KUMM(2009) 499 finali} {KUMM(2009) 501 finali} {KUMM(2009) 502 finali} {KUMM(2009) 503 finali} {SEG(2009) 1234} {SEG(2009) 1235}

/* KUMM/2009/0500 finali - AVC 2009/0141 */

52009PC0500




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 23.9.2009

KUMM(2009) 500 finali

2009/0141 (AVC)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tinkariga lill-Bank Ċentrali Ewropew b’kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

{KUMM(2009) 499 finali}{KUMM(2009) 501 finali}{KUMM(2009) 502 finali}{KUMM(2009) 503 finali}{SEG(2009) 1234}{SEG(2009) 1235}

2009/0141 (AVC)

Propoosta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tinkariga lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 105(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[2],

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[3],

Billi:

(1) Il-kriżi finanzjarja żvelat nuqqasijiet importanti fis-superviżjoni finanzjarja, li ma rnexxilhiex tevita l-akkumulazzjoni ta’ riskji eċċessivi fis-settur finanzjarju u b’mod partikolari hija enfasizzat id-dgħufijiet tas-sorveljanza makroprudenzjali eżistenti.

(2) F’Novembru 2008, il-Kummissjoni tat mandat lil Grupp ta’ Livell Għoli ppresedut mis-Sur Jacques de Larosière (il-“Grupp de Larosière”) sabiex jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jissaħħu l-arranġamenti superviżorji Ewropej bil-għan li jiġu protetti aħjar iċ-ċittadini tagħha u tinbena mill-ġdid il-fiduċja fis-sistema finanzjarja.

(3) Fir-rapport finali tiegħu li ġie ppreżentat fil-25 ta’ Frar 2009, il-Grupp de Larosière rrakkomanda, fost affarijiet oħrajn, l-istabbiliment ta’ korp fuq livell Komunitarju li jkun inkarigat mill-monitoraġġ tar-riskji fis-sistema finanzjarja inġenerali.

(4) Fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata “Nixprunaw l-Irkupru Ewropew” tal-4 ta’ Marzu 2009[4], il-Kummissjoni laqgħet u appoġġat ħafna r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp de Larosière. Fil-laqgħa tiegħu tad-19 u l-20 ta’ Marzu 2009, il-Kunsill Ewropew qabel mal-ħtieġa li jittejbu kemm ir-regolamentazzjoni kif ukoll is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fi ħdan l-UE u li r-rapport de Larosière jintuża bħala bażi għall-azzjoni.

(5) Fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata “Superviżjoni Finanzjarja Ewropea” tas-27 ta’ Mejju 2009[5], il-Kummissjoni fasslet sensiela ta’ riformi għall-arranġamenti attwali għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja fuq il-livell tal-UE, b’mod partikolari l-inklużjoni ta’ Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) responsabbli għas-superviżjoni makroprudenzjali. Il-Kunsill fid-9 ta’ Ġunju 2009, u l-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Ġunju appoġġaw l-opinjoni tal-Kummissjoni u laqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq proposti leġiżlattivi sabiex il-qafas il-ġdid ikun jista’ jiġi stabbilit kompletament.

(6) Bir-Regolament (KE) Nru …/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[6], ġew stabbiliti s-sorveljanza makroprudenzjali fuq livell Komunitarju tas-sistema finanzjarja u Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS).

(7) Minħabba l-kompetenza tiegħu fuq kwistjonijiet makroprudenzjali, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jista’ joffri kontribut sinifikanti għas-sorveljanza makroprudenzjali effikaċi tas-settur finanzjarju tal-UE.

(8) Fid-9 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill ikkonkluda li l-BĊE għandu jipprovdi appoġġ analitiku, statistiku, amministrattiv u loġistiku lill-BERS. L-għażla prevista mit-Trattat, li kompiti speċifiċi dwar politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali jiġu kkonferiti lill-BĊE, għandha għaldaqstant tiġi applikata, billi l-BĊE jingħata l-inkarigu li jiżgura s-Segretarjat għall-BERS.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Sħubija

Il-President u l-Viċi President tal-Bank Ċentrali Ewropew għandhom ikunu Membri tal-Bord Ġenerali tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, minn hawn aktar ’il quddiem imsejjaħ “l-BERS” kif stabbilit mir-Regolament XXXX.

Artikolu 2 Appoġġ għall-BERS

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiżgura s-Segretarjat u għandu għalhekk jipprovdi sostenn analitiku, statistiku, loġistiku u amministrattiv għall-BERS. Il-missjoni tas-Segretarjat kif definita fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament XXXX, għandha tinkludi b’mod partikolari:

1. It-tħejjija tal-laqgħat tal-BERS;

2. B’mod konformi mal-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni, il-ġbir u l-ipproċessar tal-informazzjoni, inkluża l-informazzjoni statistika, f’isem u għall-benefiċċju tat-twettiq tal-kompiti tal-BERS;

3. It-tħejjija ta’ analiżi meħtieġa biex jitwettqu l-kompiti tal-BERS;

4. L-appoġġ għall-BERS fil-kooperazzjoni internazzjonali tiegħu fuq livell amministrattiv ma’ korpi rilevanti oħrajn fuq kwistjonijiet makroprudenzjali;

5. L-appoġġ għax-xogħol tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv.

Artikolu 3 Organizzazzjoni tas-Segretarjat

1. Il-BĊE għandu jiżgura biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji għat-twettiq tal-kompitu tiegħu tal-iżgurar tas-Segretarjat.

2. Il-Kap tas-Segretarjat għandu jinħatar mill-BĊE, b’konsultazzjoni mal-Bord Ġenerali tal-BERS.

Artikolu 4 Ġestjoni

1. Il-President tal-Bord Ġenerali għandu jagħti istruzzjonijiet lill-Kap tas-Segretarjat f’isem il-BERS.

2. Il-Kap tas-Segretarjat jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jkun preżenti għal-laqgħat tal-Bord Ġenerali u tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-BERS.

Artikolu 5 Ġbir ta’ informazzjoni f’isem l-BERS

1. Il-BERS għandu jistabbilixxi l-informazzjoni meħtieġa għall-għanijiet tat-twettiq tal-kompiti tal-BERS. Fid-dawl ta’ dan, is-Segretarjat għandu jiġbor din l-informazzjoni fuq bażi regolari u ad hoc , skont id-dispożizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità tal-Artikolu 6.

2. Is-Segretarjat jista’ jitlob għal informazzjoni, f’forma individwali, fil-qosor jew kollettiva, relatata ma’ istituzzjonijiet jew swieq finanzjarji rilevanti għall-kompiti tal-BERS mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u, fil-każijiet speċifikati fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru …./2009, mill-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali, il-banek ċentrali nazzjonali jew awtoritajiet oħrajn tal-Istati Membri.

3. Dan il-ġbir ta’ informazzjoni f’isem il-BERS jista’ jinkludi dejta tal-Komunità, taż-żona tal-euro u dejta nazzjonali aggregata u individwali din tal-aħħar fuq talba motivata. Qabel ma ssir talba għad-dejta, is-Segretarjat għandu l-ewwel iqis l-istatistika eżistenti prodotta, imxerrda u żviluppata kemm mis-Sistema Ewropea tal-Istatistika kif ukoll mill-ESCB u mbagħad jikkonsulta mal-Awtorità ta’ Superviżjoni Ewropea rilevanti, sabiex jiżgura li t-talba tkun waħda proporzjonata.

4. Is-Segretarjat għandu jagħmel disponibbli lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, l-informazzjoni dwar ir-riskji sistemiċi meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

Artikolu 6 Kunfidenzjalità tad-dejta u tad-dokumenti

1. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali, kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li jirċievi s-Segretarjat waqt li jkun qiegħed iwettaq il-kompiti tiegħu ma tistax tiġi żvelata lil kwalunkwe persuna jew awtorità li tkun barra mill-BERS, ħlief f’forma fil-qosor jew aggregata, b’mod li l-istituzzjonijiet finanzjarji individwali ma jkunux jistgħu jiġu identifikati.

2. Is-Segretarjat għandu jiżgura l-kunfidenzjalità tad-dokumenti sottomessi lill-BERS u lill-Kumitat ta’ Tmexxija tal-BERS, u tal-proċeduri ta’ dawk il-korpi.

3. Il-BĊE għandu jiżgura l-kunfidenzjalità tad-dejta rċevuta għat-twettiq tal-kompiti tiegħu skont din id-Deċiżjoni. Il-BĊE għandu jistabbilixxi mekkaniżmi interni u għandu jadotta regoli interni għall-iżgurar tal-protezzjoni tad-dejta miġbura f’isem l-BERS. Il-persunal tal-BĊE għandu jikkonforma mar-regoli applikabbli relatati mas-segretezza professjonali.

4. L-informazzjoni miksuba mill-BĊE bħala riżultat tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tintuża biss għall-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 2.

Artikolu 7 Klawżola ta’ reviżjoni

Il-Kunsill għandu jeżamina din id-Deċiżjoni tliet snin wara d-data stabbilita fl-Artikolu 8, fuq il-bażi ta’ rapport mill-Kummissjoni u għandu jiddetermina jekk ikunx meħtieġ li din id-Deċiżjoni tiġi riveduta wara li jkun irċieva opinjoni mill-BĊE.

Artikolu 8 Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika minn JJ/XX/SSSS; [l-istess data tar-Regolament].

Artikolu 9 Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Bank Ċentrali Ewropew.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU C , , p. .

[2] ĠU C , , p. .

[3] ĠU C , , p. .

[4] COM(2009) 114.

[5] COM(2009) 252.

[6] ĠU L , , p. .

Top