Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0499

    Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar superviżjoni makroprudenzjali Komunitarja tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku {KUMM(2009) 500 finali} {KUMM(2009) 501 finali} {KUMM(2009) 502 finali} {KUMM(2009) 503 finali} {SEG(2009) 1234} {SEG(2009) 1235}

    /* KUMM/2009/0499 finali - COD 2009/0140 */

    52009PC0499




    [pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussell, 23.9.2009

    KUMM(2009) 499 finali

    2009/0140 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar superviżjoni makroprudenzjali Komunitarja tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

    {KUMM(2009) 500 finali}{KUMM(2009) 501 finali}{KUMM(2009) 502 finali}{KUMM(2009) 503 finali}{SEG(2009) 1234}{SEG(2009) 1235}

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. Kuntest tal-proposta

    Il-kriżi finanzjarja attwali kixfet dgħufijiet fil-qafas superviżorju tal-UE, li jibqa’ frammentat tul linji nazzjonali minkejja l-progress sostanzjali miksub fl-integrazzjoni tas-suq finanzjarju u ż-żieda fl-importanza tal-entitajiet transkonfinali. F’dan l-isfond, il-President Barroso talab lil grupp ta’ esperti ta’ livell għoli, ippresedut mill-ex Direttur Maniġerjali tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), is-Sur Jacques de Larosière, biex jagħmel rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li jiġi stabbilit qafas regolatorju aktar effiċjenti, integrat u sostenibbli.

    Ir-rakkomandazzjonijiet prinċipali tal-grupp de Larosière jiffukaw fuq:

    (i) L-istabbiliment ta’ Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) li jkun responsabbli għas-superviżjoni makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja fi ħdan il-Komunità sabiex jimpedixxi jew jimmitiga r-riskji sistemiċi, jevita episodji ta’ taqlib finanzjarju mifrux, jikkontribwixxi għall-funzjonament bla problemi tas-Suq Intern u jiżgura kontribut sostenibbli tas-settur finanzjarju għat-tkabbir ekonomiku.

    (ii) L-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF), li tikkonsisti minn netwerk ta’ superviżuri finanzjarji nazzjonali li jaħdmu flimkien ma’ Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ġodda (ASE), maħluqa bit-trasformazzjoni tal-kumitati superviżorji Ewropej eżistenti[1] f’Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS), u Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (AEAPX). Is-SESF għandha tkun mibnija fuq responsabbiltajiet kondiviżi u ta’ rinforz reċiproku, li jgħaqqdu s-superviżjoni nazzjonali tal-kumpaniji ma’ kompiti speċifiċi fil-livell Ewropew. Is-SEFS għandha tippromwovi wkoll regoli armonizzati u prattika u infurzar superviżorju koerenti.

    F’Marzu 2009, il-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew approvaw b’mod ġenerali r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp de Larosiere. Fis-27 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar is-Superviżjoni Finanzjarja fl-UE, li ddeskriviet fid-dettall kif jistgħu jiddaħħlu fis-seħħ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, billi ffukat b’mod partikolari fuq l-istabbiliment tas-SESF u l-BERS proposti. Il-Kunsill tal-Ecofin tad-9 ta’ Ġunju 2009 adotta konklużjonijiet dettaljati, li fihom qabel mal-miri stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u saħaq li l-istabbiltà, ir-regolazzjoni u s-superviżjoni finanzjarja fl-UE jridu jittejbu b’mod ambizzjuż. Il-Kunsill Ewropew tat-18-19 ta’ Ġunju 2009 suċċessivament ikkonferma li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Mejju u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ecofin stabbilew it-triq ’il quddiem fit-twaqqif ta’ qafas ġdid għas-superviżjoni mikro- u makroprudenzjali. Il-Kunsill Ewropew talab li l-Kummissjoni għandha tippreżenta l-proposti kollha neċessarji sa mhux aktar tard mill-bidu tal-Ħarifa 2009 sabiex il-qafas ġdid ikun implimentat għal kollox matul l-2010.

    2. Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    Il-Kummissjoni wettqet żewġ konsultazzjonijiet miftuħa dwar il-pakkett globali, jiġifieri kemm dwar is-SESF kif ukoll dwar il-BERS. L-ewwel konsultazzjoni saret wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Grupp de Larosiere u kienet mifruxa mill-10 ta’ Marzu sal-10 ta’ April 2009 bħala kontribut għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Superviżjoni Finanzjarja fl-Ewropa li kienet ippubblikata fis-27 ta’ Mejju 2009. Sommarju tal-116-il sottomissjoni pubblika li daħlu jista’ jinstab fuq:

    http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/docs/2009/fin_supervision/summary_en.pdf

    It-tieni konsultazzjoni saret tul il-perjodu mis-27 ta’ Mejju sal-15 ta’ Lulju 2009, fejn l-operaturi kollha fis-settur tas-servizzi finanzjarji u l-korpi rappreżentanti tagħhom, regolaturi, superviżuri u partijiet interessati oħra ġew mistiedna sabiex jikkummentaw dwar ir-riformi iżjed dettaljati ppreżentati fil-Komunikazzjoni ta’ Mejju 2009. Ir-risponsi li daħlu kienu fil-biċċa l-kbira jappoġġjaw ir-riformi proposti, b’kummenti dwar aspetti dettaljati tal-BERS u s-SESF proposti. Sommarju tas-sottomissjonijiet pubbliċi li daħlu jista’ jinstab fuq:

    http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/docs/2009/fin_supervision_may/replies_summary_en.pdf

    3. Valutazzjoni tal-impatt

    Il-Komunikazzjoni ta’ Mejju 2009 kienet akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt li analizzat l-alternattivi prinċipali ta’ politika għall-istabbiliment tas-SESF u l-BERS. It-tieni valutazzjoni tal-impatt saret xorta waħda fir-rigward tal-aspetti iżjed dettaljati tal-proposta u hija disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni:

    4. Elementi ġuridiku tal-proposta

    Huwa biss b’arranġamenti fis-seħħ li jirrikonoxxu sewwa l-interdipendenza bejn ir-riskji mikro- u makroprudenzjali li l-partijiet interessati kollha, eż. l-istituzzjonijiet finanzjarji, l-investituri u l-klijenti, jista’ jkollhom fiduċja biżżejjed biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet finanzjarji transkonfinali. Ħafna drabi fl-imgħoddi, l-attenzjoni tas-superviżjoni prudenzjali kienet esklussivament fuq il-livell mikro, bis-superviżuri jivvalutaw il-karti tal-bilanċ ta’ istituzzjonijiet finanzjarji individwali mingħajr ma jagħtu l-konsiderazzjoni xierqa għall-interazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u bejn l-istituzzjonijiet u s-sistema finanzjarja usa’. Il-provvediment ta’ din il-perspettiva usa’ huwa r-responsabbiltà tas-superviżuri makroprudenzjali. Dawn is-superviżuri għandhom jimmonitorjaw u jivvalutaw ir-riskji potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja li jirriżultaw minn żviluppi li jistgħu jaffettwaw il-livell settorjali jew il-livell tas-sistema finanzjarja b’mod ġenerali. Bl-indirizzar ta’ dawn ir-riskji, il-BERS ikun element essenzjali għal struttura superviżorja tal-UE li hija meħtieġa biex tippromwovi risposti politiċi f’waqthom u konsistenti fost l-Istati Membri li jevitaw approċċi diverġenti u b’hekk jittejjeb l-operat tas-Suq Intern.

    Il-BERS huwa stabbilit fuq il-bażi tal-Artikolu 95 tat-Trattat tal-KE bħala entità mingħajr personalità ġuridika. Din il-bażi ġuridika tippermetti lill-BERS sabiex ikollu l-elementi ċentrali deskritti hawn fuq u li jkollu mandat li jkopri s-settur finanzjarju kollu mingħajr eċċezzjonijiet. Barra minn hekk huwa jippermetti lill-BERS, flimkien mas-SESF, li jifforma qafas komuni innovattiv għas-superviżjoni finanzjarja, filwaqt li tinżamm distinzjoni ċara tar-responsabbiltajiet bejn il-BERS u l-entitajiet l-oħrajn.

    Ir-Regolament li jistabbilixxi l-BERS huwa kkompletat minn deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonferixxi fuq il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) il-kompitu li jiżgura s-Segretarjat tal-BERS. Għalhekk, il-BĊE sejjer jipprovdi l-appoġġ amministrattiv, loġistiku, statistiku u analitiku lill-BERS. Din id-deċiżjoni se timplimenta għall-ewwel darba l-Artikolu 105(6) tat-Trattat, li jipprevedi l-possibbiltà għall-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-BĊE u jirċievi l-kunsens tal-Parlament Ewropew sabiex jikkonferixxi kompiti speċifiċi relatati mas-superviżjoni prudenzjali fuq il-BĊE.

    5. Implikazzjonijiet baġitarji

    Il-kost baġitarju marbut mal-BERS sejjer jiġġarrab mill-BĊE u ma huwa se jkollu ebda implikazzjoni diretta għall-baġit tal-Komunità. Il-kost ta’ tali appoġġ ser jiddependi fuq kemm il-persunal u r-riżorsi tal-BĊE sejrin ikunu jistgħu jintużaw biex jitwettqu l-kompiti tas-Segretarjat tal-BERS.

    6. Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

    Jinħtieġ Regolament tal-Kunsill sabiex jistabbilixxi l-BERS bħala korp Ewropew ġdid, indipendenti mill-istrutturi eżistenti.

    6.1. Stabbiliment tal-BERS

    Il-BERS huwa entità Ewropea ġdida għal kollox, mingħajr preċedent, li għandha tkun responsabbli għas-superviżjoni makroprudenzjali. L-għan tal-BERS huwa wieħed triplu:

    - Huwa għandu jiżviluppa perspettiva makroprudenzjali Ewropea biex tindirizza l-problema tal-analiżi individwali frammentata tar-riskji fuq livell nazzjonali;

    - Huwa għandu jżid l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta’ twissija bikrija billi jtejjeb l-interazzjoni bejn l-analiżi mikro- u makroprudenzjali. Is-saħħa ta’ kumpaniji individwali ħafna drabi kienet sorveljata f’iżolament b’konċentrazzjoni minima fuq il-livell ta’ interdipendenza fi ħdan is-sistema finanzjarja;

    - Huwa għandu jippermetti li l-valutazzjonijiet tar-riskju jiġu tradotti f’azzjoni mill-awtoritajiet rilevanti.

    Minħabba l-ambitu wiesa’ u minħabba s-sensittività tal-missjonijiet tiegħu, il-BERS m’għandux jitqies bħala entità b’personalità ġuridika u setgħat vinkolanti iżda pjuttost bħala entità li tieħu l-leġittimità tagħha mir-reputazzjoni tagħha għal ġudizzji indipendenti, analiżi ta’ kwalità għolja u akutezza fil-konklużjonijiet tagħha.

    L-entità prinċipali li tieħu d-deċiżjonijiet tal-BERS sejjer ikun il-Bord Ġenerali.

    Il-kompożizzjoni tal-Bord Ġenerali hija kwistjoni ewlenija għall-effikaċja tal-BERS. L-għażla ssir biex tiġi żgurata rappreżentanza sinifikanti ta’ Banek ċentrali. F’ħafna Stati Membri, il-banek ċentrali għandhom xi livell ta’ responsabbiltà għas-superviżjoni makroprudenzjali tas-settur finanzjarju. Minħabba din ir-responsabilità u l-kompetenza akkwiżita, il-banek ċentrali huma f’qagħda tajba sabiex jikkontribwixxu għall-analiżi tal-impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-interkonnessjonijiet bejn is-settur finanzjarju u l-ambjent makroekonomiku usa’.

    Ix-xogħol analitiku u l-appoġġ loġistiku lill-BERS sejjer jiġi pprovdut minn Segretarjat, li sejjer ikun żgurat mill-Bank Ċentrali Ewropew. L-għoti tas-Segretarjat lill-BĊE sejjer jippermetti lill-BERS sabiex jisfrutta l-għarfien makroprudenzjali profond tal-BĊE u r-rwol ċentrali tiegħu fis-sistema monetarja tal-UE. F’kooperazzjoni mal-banek ċentrali nazzjonali, il-Bank Ċentrali Ewropew jikkompila u jqassam firxa wiesgħa ta’ statistiċi u indikaturi monetarji dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji. Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-eurosistema jimmonitorjaw żviluppi ċikliċi u strutturali fiż-żona euro/settur bankarju tal-UE kif ukoll f’setturi finanzjarji oħrajn biex jivvalutaw il-vulnerabbiltajiet possibbli fis-settur finanzjarju u r-reżistenza tiegħu għal xokkijiet potenzjali.

    6.2. Kompiti u setgħat tal-BERS

    Il-BERS mhux se jkollu setgħat vinkolanti sabiex jimponi miżuri fuq l-Istati Membri jew l-awtoritajiet nazzjonali. Huwa ġie kkonċeput bħala entità "ta’ reputazzjoni" b’kompożizzjoni ta’ livell għoli li għandu jinfluwenza lil min ifassal il-politika u lis-superviżuri permezz tal-awtorità morali tiegħu. Għal dan il-għan, huwa mhux biss se jipprovdi valutazzjoni ta’ kwalità għolja tas-sitwazzjoni makroprudenzjali iżda jista’ joħroġ ukoll twissijiet dwar riskji u rakkomandazzjonijiet li jidentifikaw l-iżbilanċi potenzjali fis-sistema finanzjarja li huma probabbli li jżidu r-riskji sistemiċi u l-azzjonijiet xierqa ta’ rimedju. Il-BERS se jkollu firxa wiesa’ ta’ attività, mhux limitata għal tip speċifiku ta’ entità jew suq. It-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet jistgħu jindirizzaw kwalunkwe aspett tas-sistema finanzjarja li jista’ joħloq riskju sistemiku. Se jikkoopera mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali relevanti (IMF, FSB ...) u organi ta' pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet relatati ma' superviżjoni effettiva makroprudenti. Din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 95 tat-Trattat u hija relavanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-modalitajiet ta' kooperazzjoni bejn l-Istati tal-EFTA li jipparteċipaw fiż-Żona Ekonomika Ewropea u l-BERS se jkunu diskussi fil-Kumitat Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea.

    6.2.1. Twissijiet u rakkomandazzjonijiet

    Rwol importanti tal-BERS huwa li jidentifika riskji b’dimensjoni sistemika u jipprevjeni jew jimmitiga l-impatt tagħhom fuq is-sistema finanzjarja fi ħdan l-UE. Għal dan il-għan, il-BERS jista’ joħroġ twissijiet ta’ riskju. Dawn it-twissijiet għandhom iwasslu għal risposti bikrija biex jiġi evitat l-akkumulu ta’ problemi usa’ u eventwalment kriżi futura. Jekk ikun meħtieġ, il-BERS jista’ jirrakkomanda wkoll azzjonijiet speċifiċi sabiex jindirizzaw kwalunkwe riskju identifikat.

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-BERS mhux se jkunu vinkolanti. Madankollu, id-destinatarji tar-rakkomandazzjonijiet ma jistgħux jibqgħu passivi lejn riskju li jkun ġie identifikat u huma mistennija li jirreaġixxu b’xi mod. Jekk id-destinatarju jaqbel ma’ rakkomandazzjoni, huwa jrid jikkomunika l-azzjonijiet kollha li jkunu ttieħdu sabiex isegwi dak li jkun preskritt fir-rakkomandazzjoni. Jekk id-destinatarju ma jaqbilx ma’ rakkomandazzjoni u jagħżel li ma jiħux azzjoni, huwa jrid jispjega sewwa r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ azzjoni. Għalhekk, ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-BERS ma jistgħux jiġu sempliċement injorati.

    Il-BERS għandu jiddeċiedi każ b’każ jekk it-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhomx isiru pubbliċi. Minn banda, il-pubblikazzjoni ta’ rakkomandazzjoni tista’ żżid il-pressjoni għall-azzjonijiet korrettivi mitluba. Mill-banda l-oħra, hija tista’ toħloq reazzjonijiet avversi fis-suq finanzjarju. Minħabba l-ġudizzju sensittiv li jrid isir dwar il-pubblikazzjoni tat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet, tali deċiżjonijiet għandhom jittieħdu każ b’każ. Barra minn hekk, jidher xieraq li t-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet m’għandhomx isiru pubbliċi sakemm maġġoranza kwalifikata ta’ żewġ terzi tal-Bord Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor.

    Id-destinatarji tat-twissijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jkunu il-Komunità fit-totalità tagħha, Stat Membru wieħed jew aktar, Awtorità Superviżorja Ewropea waħda jew aktar, u awtorità superviżorja nazzjonali waħda jew aktar. It-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet kollha jrid ikunu trażmessi lill-Kunsill, filwaqt li dawk relatati ma’ kwistjonijiet superviżorji għandhom jiġu trażmessi wkoll lill-ASE rilevanti. It-trażmissjoni tat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill u lill-ASE mhuwiex intenzjonat bħala filtru jew biex jittaffa l-kontenut tagħhom, iżda għall-kuntrarju jfittex li jżid il-pressjoni morali fuq id-destinatarju sabiex jieħu azzjoni jew jagħti spjegazzjoni u tagħti l-possibbiltà lill-Kunsill biex jikkummenta dwarhom.

    6.2.2. Aċċess għall-informazzjoni

    L-interkonnettività tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji timplika li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tar-riskji sistemiċi potenzjali għandhom ikunu bbażati fuq sett wiesa’ ta’ dejta u indikaturi makroekonomiċi u mikrofinanzjarji rilevanti. Għalhekk, il-BERS għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha neċessarja sabiex iwettaq id-dmirijiet tiegħu filwaqt li tinżamm il-kunfidenzjalità ta’ din id-dejta. Il-BERS se jkun jista’ jibbaża fuq is-sett wiesa’ ta’ dejta diġà miġbur permezz tal-eurosistema mill-BĊE dwar l-Istituzzjonijiet Monetarji u Finanzjarji. Barra minn hekk, sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu u jiżgura l-konsistenza neċessarja bejn il-mikrosuperviżuri u l-BERS, dan tal-aħħar, permezz tas-segretarjat tiegħu, sejjer ikun jista’ wkoll jitlob lill-ASE sabiex jipprovdu informazzjoni fil-qosor jew f’għamla kollettiva. Jekk din l-informazzjoni ma tkunx disponibbli (jew ma tingħatax), il-BERS se jkollu l-possibbiltà li jitlob id-dejta direttament mingħand l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, il-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) jew awtoritajiet oħra tal-Istati Membri. Barra minn hekk, ir-regolament joħloq obbligu ġenerali fuq l-ASE, il-BĊN u fuq l-Istati Membri sabiex jipprovdu lill-BERS bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, biex hekk jiggarantixxi aċċess wiesa’ għall-informazzjoni meħtieġa għall-analiżi makroprudenzjali.

    Billi xi istituzzjonijiet individwali jistgħu jkunu sistemiċi fin-natura tagħhom (minħabba d-daqs, l-interkonnettività tagħhom ma’ istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn jew il-profil tar-riskju tagħhom), il-BERS - permezz tas-segretarjat tiegħu - għandu jkollu wkoll aċċess għal dejta individwali fuq talba motivata lill-ASE.

    6.3. Relazzjoni mas-SESF

    Il-qafas propost għas-superviżjoni tal-UE jista’ jaħdem biss jekk il-BERS u s-SESF jikkoperaw b’mod effiċjenti. Fil-fatt, l-għan tar-riforma huwa li tiżgura interazzjoni iżjed effiċjenti tas-superviżjoni fil-livelli makroprudenzjali u mikroprudenzjali. Fit-twettiq tar-rwol tiegħu bħala superviżur makroprudenzjali, il-BERS se jkun jeħtieġ fluss f’waqtu ta’ dejta armonizzata fil-livell mikro, filwaqt li s-superviżjoni mikroprudenzjali mill-awtoritajiet nazzjonali sejra tibbenefika mill-intuwiti tal-BERS fl-ambjent makroprudenzjali. Ir-Regolamenti jispeċifikaw ukoll il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-ASE sabiex jaġixxu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-BERS u kif l-ASE għandhom jużaw il-setgħat tagħhom sabiex jiżguraw segwitu f’waqtu għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil awtorità superviżorja nazzjonali waħda jew aktar.

    6.4. Kunfidenzjalità

    Il-Membri tal-Bord Ġenerali tal-BERS u l-persunal li jaħdem mal-BERS se jkunu soġġetti għall-obbligu tas-segretezza professjonali. Kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali riċevuta mill-Membri tal-Bord Ġenerali jew mill-persuni li jaħdmu b’rabta mal-BERS m’għandhiex tinħareġ ħlief f’għamla fil-qosor jew kollettiva sabiex ma jkunux jistgħu jiġu identifikati istituzzjonijiet individwali. Dawn ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità japplikaw b’mod partikolari għall-persunal tal-BĊE billi l-BĊE sejjer jipprovdi s-Segretarjat lill-BERS. F’dan ir-rigward, l-informazzjoni miksuba mill-BĊE fir-rwol tiegħu ta’ Segretarjat għall-BERS, għandha tintuża biss għat-twettiq tal-kompiti tal-BERS. Bi qbil mal-prattika eżistenti fl-istituzzjonijiet tal-UE, il-persuni li jkunu ħadmu b’rabta mal-BERS xorta sejrin jkunu marbuta bl-obbligu tal-kunfidenzjalità, anki wara li jintemmu d-dmirijiet tagħhom.

    Id-destinatarji, il-Kunsill u l-ASE għandhom ukoll jieħdu l-miżuri neċessajri għall-protezzjoni tan-natura kunfidenzjali tat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet.

    6.5. L-organizzazzjoni interna tal-BERS

    Il-BERS sejjer ikun magħmul minn: (i) Bord Ġenerali; (ii) Kumitat tat-Tmexxija u (iii) Segretarjat.

    6.5.1. Il-Bord Ġenerali

    Il-Bord Ġenerali huwa l-entità li tieħu d-deċiżjonijiet tal-BERS u bħala tali, se jkun responsabbli għall-adozzjoni tat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet deskritti fis-sezzjoni 6.2.1 ta’ dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni.

    Il-membri tal-Bord Ġenerali li għandhom id-dritt tal-vot huma:

    - il-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali;

    - il-President u l-Viċi President tal-BĊE;

    - Membru tal-Kummissjoni Ewropea;

    - il-Presidenti tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej.

    Il-membri tal-Bord Ġenerali li m’għandhomx id-dritt tal-vot huma:

    - rappreżentant wieħed ta’ livell għoli għal kull Stat Membru tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kompetenti;

    - il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

    Ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jistgħu jalternaw skont il-kwistjonijiet li jkunu qegħdin jiġu diskussi (din ir-rotazzjoni se tkun meħtieġa f’għadd kbir ta’ Stati Membri, fejn hemm entitajiet differenti għas-sorveljanza per eżempju tas-settur finanzjarju u tal-assigurazzjoni).

    Il-membri tal-Bord għandhom jaġixxu b’mod imparzjali. Dan ifisser li meta jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet relatati mal-BERS, huma la għandhom isegwu l-istruzzjonijiet u lanqas ma għandhom iqisu l-interessi individwali ta’ xi Stat Membru. L-imparzjalità hija rekwiżit fundamentali, billi l-interessi ta’ Stat Membru individwali jistgħu ma jaqblux dejjem mal-għan prinċipali tal-BERS, li huwa dak li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.

    Il-membri tal-Bord Ġenerali bi drittijiet tal-vot se jkollhom vot kull wieħed. Id-deċiżjonijiet tal-Bord Ġenerali se jiġu adottati b’maġġoranza sempliċi, (ħlief għad-deċiżjoni li twissija jew rakkomandazzjoni ssir pubblika, li teħtieġ maġġoranza kwalifikata ta’ żewġ terzi tal-voti. Bi qbil mal-prattika komuni, huwa meħtieġ kworum għall-voti.)

    Il-Bord Ġenerali għandu jiltaqa’ mill-inqas erba' darbiet fis-sena. Il-laqgħat għandhom jissejħu fuq inizjattiva tal-President jew fuq talba minn terz tal-membri li għandhom dritt tal-vot.

    6.5.2. Il-President

    Il-President sejjer jiġi elett għal ħames snin minn fost il-Membri tal-Bord Ġenerali tal-BERS li jkunu wkoll Membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE. Il-President se jmexxi l-Bord Ġenerali kif ukoll il-Kumitat tat-Tmexxija u sejjer jagħti struzzjonijiet lis-Segretarjat tal-BERS f’isem il-Bord Ġenerali. Il-President se jkun jista’ jsejjaħ laqgħat straordinarji tal-Bord Ġenerali fuq inizjattiva tiegħu stess. Rigward il-modalitajiet tal-votazzjoni fi ħdan il-Bord Ġenerali, il-President sejjer ikollu l-vot deċiżiv fil-każ ta’ voti ndaqs. Il-President għandu jirrappreżenta lill-BERS esternament.

    6.5.3. Il-Kumitat tat-Tmexxija

    Minħabba d-daqs tal-Bord Ġenerali – li se jinkludi total ta’ 61 membru, Kumitat tat-Tmexxija sejjer jassisti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord Ġenerali. Il-Kumitat tat-Tmexxija sejjer jipprepara l-laqgħat tal-Bord Ġenerali, jeżamina d-dokumenti li għandhom jiġu diskussi u jimmonitorja l-progress tax-xogħol li jkun għaddej tal-BERS.

    Il-Kumitat tat-Tmexxija se jinkludi l-President u l-Viċi President tal-Bord Ġenerali, il-Presidenti tat-tliet ASE, il-President tal-EFC, il-Membru tal-Kummissjoni u ħames membri tal-Bord Ġenerali li jkunu wkoll membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE (12-il membru).

    6.5.4. Is-Segretarjat

    Il-BĊE sejjer jiżgura s-Segretarjat lill-BERS. Is-Segretarjat sejjer jirċievi struzzjonijiet direttament mill-President tal-Bord Ġenerali.

    Il-Kap tas-Segretarjat sejjer jinħatar mill-BĊE, f’konsultazzjoni mal-Bord Ġenerali tal-BERS. Is-Segretarjat sejjer jipprovdi appoġġ analitiku, statistiku, amministrativ u loġistiku lill-BERS, fosthom it-tħejjija tal-laqgħat, il-ġbir u l-ipproċessar ta’ informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva indirizzata lill-BERS, it-twettiq tal-analiżi u l-valutazzjonijiet neċessarji sabiex jitwettqu l-kompiti tal-BERS. Is-Segretarjat sejjer jipprovdi wkoll appoġġ għall-ħidma tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv (ara 6.5.5.).

    6.5.5 Il-Kumitat Tekniku Konsultattiv u sorsi konsultattivi oħrajn

    Ir-rwol tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv (minn hawn ’il quddiem"KTKKTK") huwa li jagħti parir u assistenza lill-Bord Ġenerali dwar il-kwistjonijiet li jkunu fl-ambitu tal-BERS, fuq talba ta’ dan tal-aħħar.

    Il-membri tal-KTK huma:

    - rappreżentant wieħed ta’ kull bank ċentrali nazzjonali

    - rappreżentant wieħed mill-BĊE

    - rappreżentant wieħed tal-awtorità superviżorja nazzjonali għal kull Stat Membru

    - rappreżentant wieħed ta’ kull Awtorità Superviżorja Ewropea

    - żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea

    - rappreżentant wieħed tal-KEF

    Il-President tal-KTK għandu jinħatar mill-Bord Ġenerali fuq proposta mill-President tiegħu. Ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jistgħu jalternaw skont il-kwistjonijiet li jkunu qegħdin jiġu diskussi.

    6.6. Obbligi ta’ rapportar

    Il-BERS se jkun responsabbli għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill u għalhekk għandu jirrapporta lilhom tal-anqas kull sena. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jitolbu lill-BERS sabiex jirrapporta iżjed ta’ spiss.

    2009/0140 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar superviżjoni makroprudenzjali Komunitarja tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[2],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[3],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[4],

    Skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat[5],

    Billi:

    (1) Il-kriżi finanzjarja kixfet nuqqasijiet importanti fis-superviżjoni finanzjarja, li ma rnexxilhiex tevita l-akkumulazzjoni ta’ riskji eċċessivi fis-sistema finanzjarja u b’mod partikolari enfasizzat id-dgħufijiet tas-superviżjoni makroprudenzjali eżistenti.

    (2) F’Novembru 2008, il-Kummissjoni inkarigat Grupp ta’ Livell Għoli, ippresedut mis-Sur Jacques de Larosière (il-"Grupp de Larosière") biex jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jissaħħu l-arranġamenti superviżorji Ewropej bil-għan li jitħarsu aħjar iċ-ċittadini tagħha u terġa’ tinbena l-fiduċja fis-sistema finanzjarja.

    (3) Fir-rapport finali tiegħu, ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2009, il-Grupp de Larosière rrakkomanda, fost ħwejjeġ oħra, l-istabbiliment ta’ entità fil-livell Komunitarju li tkun responsabbli mis-superviżjoni tar-riskju fis-sistema finanzjarja kollha kemm hi.

    (4) Fil-Komunikazzjoni tagħha bit-titlu "Nixprunaw l-Irkupru Ewropew" tal-4 ta’ Marzu 2009[6], il-Kummissjoni laqgħet u appoġġat b’mod wiesa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp de Larosière. Fil-laqgħa tiegħu tad-19 u l-20 ta’ Marzu 2009, il-Kunsill Ewropew qabel fuq il-ħtieġa li jitjiebu r-regolazzjoni u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fi ħdan l-UE u li juża r-rapport mill-Grupp de Larosière bħala l-bażi għall-azzjoni.

    (5) Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-27 ta’ Mejju 2009 bit-titolu "Superviżjoni Finanzjarja Ewropea"[7], il-Kummissjoni ppreżentat sensiela ta’ riformi għall-arranġamenti attwali biex titħares l-istabbiltà finanzjarja fil-livell tal-UE, li jinkludu b’mod partikolari l-ħolqien ta’ Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) li jkun responsabbli għas-superviżjoni makroprudenzjali. Il-Kunsill fid-9 ta’ Ġunju 2009 u l-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Ġunju appoġġjaw l-opinjoni tal-Kummissjoni u laqgħu l-ħsieb tal-Kummissjoni li tressaq proposti leġiżlattivi sabiex il-qafas il-ġdid jidħol fis-seħħ matul l-2010. F'konformità mal-fehmiet tal-Kummissjoni, inkludiet inter alia li l-BĊE "għandu jipprovdi appoġġ analitiku, statistiku, amministrattiv u loġistiku lill-BERS filwaqt li jagħmel użu wkoll mill-parir tekniku tal-Banek Ċentrali u superviżuri."

    (6) L-arranġamenti Komunitarji attwali ftit jagħtu importanza lis-superviżjoni makroprudenzjali. Ir-responsabilità għall-analiżi makroprudenzjali tibqa’ frammentata, u ssir minn diversi awtoritajiet f’livelli differenti mingħajr ebda mekkaniżmu li jiżgura li r-riskji makroprudenzjali jiġu identifikati adegwatament u li t-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet jinħarġu b’mod ċar, jiġu segwiti u tradotti f’azzjoni.

    (7) Il-Komunità teħtieġ entità speċifika responsabbli għas-superviżjoni makroprudenzjali tul is-sistema finanzjarja tal-UE, li tidentifika r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja u, fejn ikun meħtieġ, toħroġ twissijiet u rakkomandazzjonijiet għal azzjoni sabiex jiġu indirizzati dawk ir-riskji. Għalhekk, għandu jiġi stabbilit Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) bħala entità indipendenti ġdida, li tkun responsabbli sabiex twettaq superviżjoni makroprudenzjali fil-livell Ewropew.

    (8) Il-BERS għandu, fejn ikun meħtieġ, joħroġ twissijiet u rakkomandazzjonijiet ta’ natura ġenerali dwar il-Komunità b’mod ġenerali, Stati Membri individwali jew gruppi ta’ Stati Membri, b’perjodu taż-żmien speċifikat għar-rispons politiku rilevanti.

    (9) Sabiex jiżdied il-piż u l-leġittimità tagħhom, dawn it-twissijiet u rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu trażmessi mill-Kunsill u, fejn ikun xieraq, mill-Awtorità Bankarja Ewropea stabbilita bir-Regolament (KE) Nru …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[8], mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq stabbilita bir-Regolament (KE) Nru …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[9], u mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni jew tal-Pensjonijiet tax-Xogħol stabbilita bir-Regolament (KE) Nru …/…tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[10].

    (10) Il-BERS għandu jimmonitorja wkoll l-osservanza tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu, fuq il-bażi ta’ rapporti mid-destinatarji, biex jiżgura li t-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-fatt ikunu qegħdin jiġu segwiti. Id-destinatarji tar-rakkomandazzjonijiet għandhom jieħdu azzjoni dwarhom sakemm ma jkunux jistgħu jiġġustifikaw adegwatament in-nuqqas ta’ azzjoni (mekkaniżmu ta’ "aġixxi inkella spjega").

    (11) Il-BERS għandu jiddeċiedi jekk rakkomandazzjoni għandhiex tinżamm kunfidenzjali jew għandhiex issir pubblika, billi jżomm f’moħħu li l-iżvelar pubbliku jista’ jgħin biex jippromwovi l-osservanza tar-rakkomandazzjonijiet f’ċerti ċirkustanzi.

    (12) Il-BERS għandu jirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill-inqas darba kull sena, u aktar ta’ spiss f’każ ta’ taqlib finanzjarju mifrux.

    (13) Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali għandu jkollhom rwol ewlieni fis-superviżjoni makroprudenzjali minħabba l-għarfien u r-responsabbiltajiet eżistenti tagħhom fil-qasam tal-istabbiltà finanzjarja. Il-parteċipazzjoni tas-superviżuri mikroprudenzjali fil-ħidma tal-BERS hija essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-valutazzjoni tar-riskju makroprudenzjali tkun ibbażata fuq informazzjoni sħiħa u korretta dwar l-iżviluppi fis-sistema finanzjarja. Għaldaqstant, il-presidenti tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom ikunu membri bi drittijiet tal-vot, filwaqt li superviżur nazzjonali wieħed għal kull Stat Membru għandu jattendi bħala Membru mingħajr id-dritt li jivvota.

    (14) Il-parteċipazzjoni ta’ Membru tal-Kummissjoni tgħin sabiex tistabbilixxi rabta mas-sorveljanza makroekonomika u finanzjarja tal-Komunità, filwaqt li l-preżenza tal-President tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tirrifletti r-rwol tal-ministeri tal-finanzi fil-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja.

    (15) Huwa essenzjali li l-membri tal-BERS iwettqu d-dmirijiet tagħhom b’mod imparzjali u jqisu biss l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Il-votazzjoni fuq it-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet fi ħdan il-BERS m’għandhiex tkun ippeżata u d-deċiżjonijiet għandhom bħala regola jittieħdu b’maġġoranza sempliċi.

    (16) L-interkonnettività tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji timplika li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tar-riskji sistemiċi potenzjali għandhom ikunu bbażati fuq sett wiesa’ ta’ dejta u indikaturi makroekonomiċi u mikrofinanzjarji rilevanti. Għalhekk, il-BERS għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha neċessarja sabiex iwettaq id-dmirijiet tiegħu filwaqt li tinżamm il-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni kif meħtieġ.

    (17) Il-parteċipanti tas-suq jistgħu jipprovdu kontribut siewi għall-fehim tal-iżviluppi li jaffettwaw is-sistema finanzjarja. Fejn ikun xieraq, għalhekk, il-BERS għandu jikkonsulta ma’ partijiet interessati mis-settur privat (rappreżentanti tas-settur finanzjarju, assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, gruppi ta’ utenti fil-qasam tas-servizzi finanzjarji stabbiliti bil-leġiżlazzjoni tal-Kummissjoni jew Komunitarja…) u jagħtihom opportunità xierqa sabiex jipprovdu l-kummenti tagħhom.

    (18) Minħabba l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji internazzjonali fil-livell internazzjonali u r-riskju ta’ tixrid ta’ kriżijiet finanzjarji, il-BERS għandu jikkoordina mal-Fond Monetarju Internazzjonali u mal-Bord għall-Istabbilità Finanzjarja li għadu kif ġie stabbilit, li huma mistennija li jagħtu twissijiet bikrija tar-riskji makroprudenzjali fil-livell globali.

    (19) L-istabbiliment tal-BERS għandu jikkontribwixxi direttament sabiex jinkisbu l-għanijiet tas-Suq Intern. Is-sorveljanza makroprudenzjali Komunitarja tas-sistema finanzjarja hija parti integrali tal-arranġamenti superviżorji ġodda fil-Komunità billi l-aspett makroprudenzjali huwa marbut mill-qrib mal-kompiti ta’ superviżjoni mikroprudenzjali attribwiti lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. Huwa biss b’arranġamenti fis-seħħ li jirrikonoxxu sewwa l-interdipendenza bejn ir-riskji mikro- u makroprudenzjali li l-partijiet kollha interessati jista’ jkollhom fiduċja suffiċjenti biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet finanzjarji transkonfinali. Il-BERS għandu jimmonitorja u jivvaluta r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja li jinħolqu minn żviluppi li jista’ jkollhom effett fuq livell settorjali jew fil-livell tas-sistema finanzjarja b’mod ġenerali. Billi jindirizza tali riskji, il-BERS għandu jikkontribwixxi direttament lejn struttura superviżorja integrata tal-Komunità li hija neċessarja sabiex tippromwovi risposti politiċi f’waqthom u konsistenti fost l-Istati Membri, li b’hekk tevita approċċi diverġenti u ttejjeb l-operat tas-Suq Intern.

    (20) Billi superviżjoni makroprudenzjali effikaċi tas-sistema finanzjarja tal-Komunità ma tistax tinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji Ewropej, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjaretà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I DISPOżIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1 Stabbiliment

    Huwa stabbilit Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, minn hawn ’il quddiem issir referenza għalih bħala 'BERS'.

    Artikolu 2 Definizzjoni

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1. 'istituzzjoni finanzjarja' tfisser kwalunkwe impriża li n-negozju prinċipali tagħha huwa li tieħu depożiti, tagħti krediti, tipprovdi servizzi tal-assigurazzjoni jew servizzi finanzjarji oħrajn lill-klijenti jew membri tagħha jew tinvolvi ruħha f’investiment finanzjarju jew f’attivitajiet kummerċjali f’isimha stess.

    2. 'sistema finanzjarja' tfisser l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha, is-swieq u l-infrastrutturi kollha tas-suq.

    Artikolu 3 Missjoni, Għanijiet u Kompiti

    1. Il-BERS se jkun responsabbli għas-superviżjoni makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja fi ħdan il-Komunità sabiex jimpedixxi jew itaffi r-riskji sistemiċi fis-sistema finanzjarja, bil-għan li jevita episodji ta’ taqlib finanzjarju mifrux, jikkontribwixxi għall-funzjonament mingħajr problemi tas-Suq Intern u jiżgura kontribut sostenibbli tas-settur finanzjarju għat-tkabbir ekonomiku.

    2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-BERS għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

    3. jiddetermina u/jew jiġbor, kif xieraq, u janalizza l-informazzjoni kollha rilevanti għall-missjoni deskritta fil-paragrafu 1;

    4. jidentifika u jipprijoritizza dawn ir-riskji;

    5. joħroġ twissijiet meta r-riskji jkunu kkunsidrati li huma sinifikanti;

    6. joħroġ rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ta’ rimedju fejn xieraq;

    7. jimmonitorja s-segwitu għat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet;

    8. jikkoopera mill-qrib mas-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji u, fejn ikun xieraq, jipprovdi lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej bl-informazzjoni dwar ir-riskji sistemiċi li jkollhom bżonn sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom;

    9. jikkoordina ma’ istituzzjonijiet internazzjonali, speċjalment mal-Fond Monetarju Internazzjonali u mal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja kif ukoll l-entitajiet relevanti f’pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet relatati mas-superviżjoni makroprudenzjali;

    10. iwettaq kompiti oħrajn relatati kif speċifikat fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

    KAPITOLU II ORGANIZZAZZJONI

    Artikolu 4 Struttura

    1. Il-BERS se jkollu Bord Ġenerali, Kumitat tat-Tmexxija u Segretarjat.

    2. Il-Bord Ġenerali għandu jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex jiżgura t-twettiq tal-kompiti fdati lill-BERS.

    3. Il-Kumitat tat-Tmexxija għandu jassisti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-BERS billi jappoġġja t-tħejjija tal-laqgħat tal-Bord Ġenerali, jirrevedi d-dokumenti li għandhom jiġu diskussi u jimmonitorja l-progress tax-xogħol kontinwu tal-BERS.

    4. Is-Segretarjat għandu jipprovdi appoġġ analitiku, statistiku, amministrattiv u loġistiku lill-BERS taħt id-direzzjoni tal-President tal-Bord Ġenerali skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill KE/XXXX/2009[11].

    5. Il-BERS se jkun appoġġjat mill-Kumitat Tekniku Konsultattiv li saret referenza għalih fl-Artikolu 12, li għandu jipprovdi parir u assistenza fuq kwistjonijiet relatati mal-ħidma tal-BERS, meta mitlub.

    Artikolu 5 Presidenza

    1. Il-President u l-Viċi President tal-BERS għandhom jiġu eletti għal perjodu ta' 5 snin minn fost u mill-Membri tal-Bord Ġenerali li jkunu wkoll membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE. Huma jistgħu jerġgħu jiġu eletti mill-ġdid.

    2. Il-President għandu jmexxi l-laqgħat tal-Bord Ġenerali u tal-Kumitat tat-Tmexxija.

    3. Il-Viċi President għandu jmexxi l-Bord Ġenerali u/jew il-Kumitat tat-Tmexxija meta l-President ma jkunx jista’ jipparteċipa f’laqgħa.

    4. Jekk il-mandat tal-Membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE eletti bħala President jew Viċi President jintemm qabel ma jispiċċa t-terminu ta’ 5 snin jew jekk għal xi raġuni l-President jew il-Viċi President ma jkunux kapaċi jwettqu d-dmirijiet tagħhom, għandu jiġi elett President jew Viċi President ġdid skont il-paragrafu 1.

    5. Il-President għandu jirrappreżenta lill-BERS esternament.

    Artikolu 6 Il-Bord Ġenerali

    1. Dawn il-persuni għandhom ikunu Membri tal-Bord Ġenerali bid-dritt tal-vot

    (a) il-President u l-Viċi President tal-BĊE;

    (b) il-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali;

    (c) Membru tal-Kummissjoni Ewropea;

    (d) il-President tal-Awtorità Bankarja Ewropea;

    (e) il-President tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol;

    (f) il-President tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

    2. Il-persuni li ġejjin għandhom ikunu membri tal-Bord Ġenerali mingħajr dritt tal-vot:

    (a) rappreżentant wieħed ta’ livell għoli għal kull Stat Membru tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kompetenti;

    (b) il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

    3. Meta l-aġenda ta’ laqgħa tkun tinkludi punti li jirrigwardaw il-kompetenza ta’ diversi awtoritajiet superviżorji nazzjonali fl-istess Stat Membru, ir-rappreżentant ta’ livell għoli rispettiv għandu jipparteċipa fid-diskussjoni biss dwar l-affarijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu jew tagħha.

    4. Il-Bord Ġenerali għandu jistabbilixxi r-Regoli ta’ Proċedura għall-BERS.

    Artikolu 7 Imparzjalità

    1. Meta jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Bord Ġenerali u tal-Kumitat tat-Tmexxija jew meta jkunu qegħdin iwettqu xi attività oħra relatata mal-BERS, il-Membri tal-BERS għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod imparzjali u ma għandhom ifittxu jew jieħdu l-ebda struzzjoni mill-Istati Membri.

    2. L-Istati Membri m’għandhomx ifittxu li jinfluwenzaw lill-membri tal-BERS fit-twettiq tal-kompiti tagħhom tal-BERS.

    Artikolu 8 Segretezza professjonali

    1. Il-Membri tal-Bord Ġenerali tal-BERS u kwalunkwe persuna oħra li taħdem jew li tkun ħadmet għal jew b’rabta mal-BERS (inkluż il-persunal rilevanti tal-banek ċentrali, il-Kumitat Tekniku Konsultattiv, l-ASE u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri), se jkunu meħtieġa li ma jikxfux informazzjoni koperta bis-segretezza professjonali, anki wara li jintemmu d-dmirijiet tagħhom.

    2. L-informazzjoni li jirċievu l-Membri tal-BERS tista’ tintuża biss matul id-dmirijiet tagħhom u fit-twettiq tal-kompiti stipulati fl-Artikolu 3(2).

    3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16 u l-applikazzjoni tal-liġi kriminali, kull informazzjoni kunfidenzjali riċevuta mill-persuni msemmija fil-paragrafu 1 fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom, ma tista’ tiġi żvelata lill-ebda persuna jew awtorità oħra, ħlief fil-qosor jew b’mod kollettiv, sabiex ma jkunux jistgħu jiġu identifikati istituzzjonijiet finanzjarji individwali.

    4. Il-BERS għandu jiftiehem mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej dwar proċeduri speċifiċi ta’ kunfidenzjalità sabiex titħares l-informazzjoni dwar istituzzjonijiet finanzjarji individwali, jew informazzjoni fejn ikunu jistgħu jiġu identifikati istituzzjonijiet finanzjarji individwali.

    Artikolu 9 Laqgħat tal-Bord Ġenerali

    1. Il-laqgħat plenarji ordinarji tal-Bord Ġenerali għandhom jissejħu mill-President tal-Bord Ġenerali u għandhom isiru mill-inqas erba’ darbiet fis-sena. Jistgħu jissejħu laqgħat straordinarji fuq inizjattiva tal-President tal-Bord Ġenerali jew fuq talba ta’ mill-inqas terz tal-Membri bid-dritt tal-vot.

    2. Kull Membru għandu jkun preżenti personalment fil-laqgħat tal-Bord Ġenerali u ma jistax ikun rappreżentat minn xi ħaddieħor.

    3. B’deroga mill-paragrafu 2, Membru li ma jkunx jista’ jattendi l-laqgħat għal żmien twil jista’ jaħtar sostitut. Dak il-Membru jista’ jiġi sostitwit ukoll minn persuna li tkun inħatret b’mod formali skont ir-regoli li jirregolaw lill-istituzzjoni konċernata fir-rigward tas-sostituzzjoni ta’ rappreżentanti fuq bażi temporanja.

    4. Il-proċedimenti tal-laqgħat għandhom ikunu kunfidenzjali.

    Artikolu 10 Modalitajiet ta’ votazzjoni tal-Bord Ġenerali

    1. Kull Membru tal-Bord Ġenerali li għandu dritt tal-vot għandu jkollu vot wieħed.

    2. Il-Bord Ġenerali għandu jaġixxi b’maġġoranza sempliċi tal-Membri preżenti bi dritt tal-vot. F’każ ta’ voti ndaqs, il-President għandu jkollu l-vot deċiżiv.

    3. Huwa meħtieġ kworum ta’ żewġ terzi tal-Membri bi dritt tal-vot sabiex ikun jista’ jittieħed kwalunkwe vot mill-Bord Ġenerali. Jekk ma jintlaħaqx il-kworum, il-President jista’ jsejjaħ laqgħa straordinarja li fiha d-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu mingħajr ma jitqies il-kworum.

    Artikolu 11 Il-Kumitat tat-Tmexxija

    1. Il-Kumitat tat-Tmexxija għandu jkun iffurmat minn dawn li ġejjin:

    (a) il-President tal-BERS;

    (b) il-Viċi President tal-BERS;

    (c) ħames membri oħra tal-Bord Ġenerali li jkunu wkoll membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE. Huma għandhom jiġu eletti minn fost u mill-Membri tal-Bord Ġenerali li jkunu wkoll membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE għal perjodu ta’ sentejn.

    (d) Membru tal-Kummissjoni Ewropea;

    (e) il-President tal-Awtorità Bankarja Ewropea;

    (f) il-President tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol;

    (g) il-President tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq;

    (h) il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

    Kwalunkwe post battal għal Membru elett tal-Kumitat tat-Tmexxija għandu jimtela bl-elezzjoni ta’ Membru ġdid mill-Bord Ġenerali.

    2. Il-laqgħat tal-Kumitat tat-Tmexxija għandhom jissejħu mill-President għall-inqas darba kull tliet xhur, qabel kull laqgħa tal-Bord Ġenerali. Il-President jista’ jsejjaħ ukoll laqgħat ad hoc.

    Artikolu 12 Il-Kumitat Tekniku Konsultattiv

    1. Il-Kumitat Tekniku Konsultattiv għandu jkun iffurmat minn dawn li ġejjin:

    (a) rappreżentant ta’ kull bank ċentrali nazzjonali u rappreżentant tal-BĊE;

    (b) rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru tal-awtorità superviżorja nazzjonali kompetenti;

    (c) rappreżentant wieħed tal-Awtorità Bankarja Ewropea;

    (d) rappreżentant wieħed tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol;

    (e) rappreżentant wieħed tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq;

    (f) żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni;

    (g) rappreżentant wieħed tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

    L-awtoritajiet superviżorji ta’ kull Stat Membru għandhom jagħżlu rappreżentant wieħed fil-Kumitat. Meta l-aġenda ta’ laqgħa tkun tinkludi punti li jirrigwardaw il-kompetenza ta’ diversi awtoritajiet superviżorji nazzjonali fl-istess Stat Membru, ir-rappreżentant rispettiv għandu jipparteċipa biss għall-punti tal-aġenda li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu.

    2. Il-President tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv għandu jinħatar mill-Bord Ġenerali wara proposta mill-President tal-Bord Ġenerali.

    3. Il-Kumitat għandu jwettaq il-kompiti msemmija fl-Artikolu 4(5) meta jintalab mill-President tal-Bord Ġenerali.

    4. Is-Segretarjat tal-BERS għandu jsostni l-ħidma tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv u l-Kap tas-Segretarjat għandu jipparteċipa fil-laqgħat.

    Artikolu 13 Sorsi oħra ta’ parir

    Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-BERS għandu jfittex, fejn ikun xieraq, il-parir ta’ partijiet interessati rilevanti mis-settur privat.

    Artikolu 14 Aċċess għad-dokumenti

    1. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[12] għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-BERS.

    2. Il-Bord Ġenerali għandu jadotta l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fi żmien sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    3. Id-deċiżjonijiet meħudin mill-BERS skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jiffurmaw is-suġġett ta’ lment lill-Ombudsman jew ta’ azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bil-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat tal-UE rispettivament.

    KAPITOLU III KOMPITI

    Artikolu 15 Ġbir u skambju tal-informazzjoni

    1. Il-BERS għandu jipprovdi lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej bl-informazzjoni li jkollhom bżonn dwar ir-riskji sistemiċi sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom.

    2. L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, il-banek ċentrali nazzjonali u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-BERS u jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tagħhom skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja.

    3. Il-BERS jista’ jitlob informazzjoni mingħand l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej f’għamla fil-qosor jew kollettiva, b’mod li ma jkunux jistgħu jiġu identifikati istituzzjonijiet finanzjarji individwali. Jekk l-informazzjoni mitluba ma tkunx disponibbli għal dawk l-Awtoritajiet jew ma tingħatax fil-ħin, il-BERS jista’ jitlob l-informazzjoni mingħand l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, il-banek ċentrali nazzjonali jew awtoritajiet oħrajn tal-Istati Membri.

    4. Il-BERS jista’ jindirizza talba motivata lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej sabiex jipprovdu informazzjoni li ma tkunx f’għamla fil-qosor jew kollettiva.

    5. Qabel jitlob informazzjoni skont il-paragrafu 3 u 4, il-BERS għandu jikkonsulta sewwa mal-Awtorità Superviżorja Ewropea rilevanti sabiex jiżgura li t-talba tkun proporzjonata.

    Artikolu 16 Twissijiet u rakkomandazzjonijiet

    1. Meta jiġu identifikati riskji sinifikanti għall-ilħuq tal-mira fl-Artikolu 3(1), il-BERS għandu jipprovdi twissijiet u, fejn ikun xieraq, joħroġ rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ta’ rimedju.

    2. It-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-BERS skont il-punti (c) u (d) tal-Artikolu 3(2) jistgħu jkunu ta’ natura ġenerali jew speċifika u għandhom ikunu indirizzati lill-Komunità sħiħa jew lil Stat Membru wieħed jew aktar, jew lil Awtorità Superviżorja Ewropea waħda jew aktar, jew lil awtortià superviżorja nazzjonali waħda jew aktar. Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jinkludu skeda speċifikata għar-rispons politiku. Ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jkunu indirizzati wkoll lill-Kummissjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti.

    3. It-twissijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu trażmessi lill-Kunsill u, meta ikunu indirizzati lil awtorità superviżorja nazzjonali waħda jew aktar, għandhom jiġu trażmessi wkoll lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej.

    4. Kwalunkwe Membru tal-Bord jista’ jitlob vot dwar abbozz ta’ twissija jew abbozz ta’ rakkomandazzjoni meta jrid.

    Artikolu 17 Segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-BERS

    1. Meta rakkomandazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2)(d) tkun indirizzata lil Stat Membru wieħed jew aktar, Awtorità Superviżorja Ewropea waħda jew aktar, jew awtorità superviżorja nazzjonali waħda jew aktar, id-destinatarji għandhom jikkomunikaw lill-BERS l-azzjonijiet li ħadu bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet inkella jispjegaw għaliex ma ħadux azzjoni. Il-Kunsill u, fejn ikun rilevanti, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom jiġu infurmati.

    2. Jekk il-BERS jiddeċiedi li r-rakkomandazzjoni tiegħu ma ġietx segwita u li d-destinatarji ma spjegawx in-nuqqas ta’ azzjoni tagħhom adegwatament, huwa għandu jinforma lill-Kunsill u, fejn ikun rilevanti, lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej rilevanti.

    Artikolu 18 Twissijiet u rakkomandazzjonijiet pubbliċi

    1. Il-Bord Ġenerali tal-BERS għandu jiddeċiedi każ b’każ jekk twissija jew rakkomandazzjoni għandhiex issir pubblika. B’deroga mill-Artikolu 10(2), hija meħtieġa maġġoranza kwalifikata ta’ żewġ terzi tal-voti biex twissija jew rakkomandazzjoni ssir pubblika.

    2. Fejn il-Bord Ġenerali tal-BERS jiddeċiedi li jagħmel pubblika twissija jew rakkomandazzjoni, huwa għandu jinforma lid-destinatarju/i minn qabel.

    3. Meta l-Bord Ġenerali tal-BERS jiddeċiedi li twissija jew rakkomandazzjoni ma jagħmilhomx pubbliċi, id-destinatarju u fejn applikabbli, il-Kunsill u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa għall-protezzjoni tan-natura kunfidenzjali tagħhom. Il-President tal-Kunsill jista' jiddeċiedi li ma jiċċirkolax twissija jew rakkomandazzjoni lill-Membri l-oħra tal-Kunsill.

    KAPITOLU IV DISPOżIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 19 Obbligi ta’ rapportar

    1. Il-BERS għandu jirrapporta mill-anqas darba fis-sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    2. Il-BERS għandu jeżamina wkoll kwistjonijiet speċifiċi meta jintalab mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni.

    Artikolu 20 Klawsola ta’ reviżjoni

    Il-Kunsill għandu jeżamina dan ir-Regolament fuq il-bażi ta’ rapport mill-Kummissjoni tliet snin wara d-dħul tiegħu fis-seħħ u għandu jistabbilixxi jekk il-missjonijiet u l-organizzazzjoni tal-BERS ikollhomx bżonn li jiġu riveduti wara li jkun irċieva opinjoni mill-BĊE.

    Artikolu 21 Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    [1] Dawn huma l-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (CEBS), il-Kumitat tas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej (CEIOPS) u l-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej (KRET).

    [2] ĠU C , , p. .

    [3] Deċiżjoni XXXX

    [4] ĠU C , , p. .

    [5] ĠU C , , p. .

    [6] COM (2009) 114.

    [7] COM (2009) 252.

    [8] ĠU C , , p. .

    [9] ĠU C , , p. .

    [10] ĠU C , , p. .

    [11] ĠU C , , p. .

    [12] ĠU

    Top