Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0498

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fl-għamla ta' Protokoll li jistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwimiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, fuq in-naħa l-oħra

    /* KUMM/2009/0498 finali - ACC 2009/0135 */

    52009PC0498

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fl-għamla ta' Protokoll li jistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwimiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, fuq in-naħa l-oħra /* KUMM/2009/0498 finali - ACC 2009/0135 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 23.9.2009

    KUMM(2009) 498 finali

    2009/0135 (ACC)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fl-għamla ta' Protokoll li jistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwimiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, fuq in-naħa l-oħra

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. Il-Ftehimiet Ewro-Mediterranji fihom dispożizzjonijiet li jilliberalizzaw il-kummerċ fil-prodotti, iżda r-regoli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għat-tilwimiet li jolqtu lil dawn id-dispożizzjonijiet iserrħu prinċipalment fuq strateġija diplomatika u l-parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment tista' faċilment timblukkahom.

    2. Fil-kuntest tat-twessigħ u l-aġġornament tar-relazzjonijiet kummerċjali Ewro-Mediterranji, inħass opportun li jinħoloq mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għat-tilwimiet kummerċjali msejjes fuq proċeduri effettivi u standardizzati li jitħaddmu fi ħdan limiti ta' żmien ċari, u li jkun imsawwar fuq il-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-aktar ftehimiet riċenti konklużi mill-Komunità u fuq il-Ftehim tad-WTO dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim (WTO DSU). Mekkaniżmu ta' dan it-tip ikabbar is-sigurtà u l-prevedibbiltà tar-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali tagħna.

    3. Fl-24 ta' Frar 2006, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ negozjati mal-imsieħba tagħha mir-reġjun tal-Mediterran biex tistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni ta' tilwim marbut ma’ dispożizzjonijiet kummerċjali (id-dokument 6489/06 MED 4 WTO 37).

    4. Il-Kummissjoni nnegozjat ma' għadd ta' msieħba Mediterranji, fuq bażi reġjonali u bilaterali. Dawn in-negozjati seħħew b’konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tat-Trattat u fi ħdan il-qafas tad-direttivi dwar in-negozjati maħruġa mill-Kunsill.

    5. In-Negozjati mal-Libanu għamlu progress tajjeb, u rriżultaw f’abbozz ta’ Protokoll li nbeda f’Lulju 2009. Il-Protokoll isegwi l-mudell tal-kapitolu dwar is-soluzzjoni tat-tilwim fi ħdan in-negozjati attwali tal-FTA, u huwa msejjes fuq id-WTO dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim, adattat għal kuntest bilaterali. L-ambitu tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim jinkludi t-Titolu II tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Libanu, bl-eċċezzjoni tas-soltu tal-artikoli dwar il-miżuri korrettiva tal-kummerċ. It-test jipprevedi wkoll proċeduri effettivi u standardizzati (inkluż fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-bord u l-proċeduri ta' konformità) b'limiti ta' żmien ċari. Fih ukoll opportunitajiet sabiex jiġu solvuti t-tilwimiet qabel ma jiġi stabbilit bord, permezz ta' konsultazzjonijiet u medjazzjoni. Fl-aħħar nett, it-test jinkorpora fih regoli dwar it-trasparenza u n-nuqqas ta' ħabi (seduti ta' smigħ pubbliċi, komunikazzjonijiet amicus curiae, pubblikazzjonijiet tar-rapport tal-bord), kif ukoll artikolu dwar ir-relazzjoni mas-soluzzjoni tat-tilwim fid-WTO DSU.

    6. Din il-proposta titlob lill-Kunsill biex japprova dan il-Ftehim. Wara l-approvazzjoni min-naħa tal-Kunsill u tal-awtoritajiet Libaniżi, dan il-Protokoll se jiġi anness mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

    2009/0135 (ACC)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fl-għamla ta' Protokoll li jistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwimiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, fuq in-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 flimkien mal-Artikolu 300, it-tieni paragrafu, l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1],

    Billi:

    (1) Fl-24 ta' Frar 2006, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ negozjati mal-imsieħba tagħha mir-reġjun tal-Mediterran biex tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta' tilwim marbut ma’ dispożizzjonijiet kummerċjali.

    (2) In-negozjati tmexxew mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tat-Trattat u fi ħdan il-qafas tad-direttivi dwar in-negozjati maħruġa mill-Kunsill.

    (3) Il-Kummissjoni ffinalizzat in-negozjati għal Ftehim fl-għamla ta' Protokoll li jistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwimiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, fuq in-naħa l-oħra.

    (4) Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim fl-għamla ta' Protokoll li jistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwimiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, fuq in-naħa l-oħra, huwa permezz ta' dan approvat f'isem il-Komunità.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż f'Anness ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill permezz ta' dan huwa awtorizzat jaħtar il-persuna/persuni bis-setgħa li jiffirma(w) il-Ftehim fl-għamla ta' Protokoll kif imsemmi fl-Artikolu 1 sabiex jorbot il-Komunità.

    Magħmula fi Brussell, […]

    Għall-Kunsill

    Il-President […]

    ANNESS

    PROTOKOLL DWAR IS-SOLUZZJONI TAT-TILWIM

    KAPITOLU I

    GĦAN U AMBITU

    Artikolu 1

    Għan

    L-għan ta’ dan il-Protokoll huwa li tkun evitata u tiġi solvuta kwalunkwe tilwima kummerċjali bejn il-Partijiet sabiex, fejn ikun possibbli, tintlaħaq soluzzjoni li jaqblu dwarha ż-żewġ naħat.

    Artikolu 2

    Applikazzjoni tal-Protokoll

    1. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll japplikaw fir-rigward ta' kwalunkwe differenza li tikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II (għajr l-Artikoli 23, 24, 25) tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, fuq in-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni"), ħlief fejn espressivament stipulat mod ieħor[2]. L-Artikolu 82 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni japplika għal tilwimiet marbuta mal-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta' dispożizzjonijiet oħra tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

    KAPITOLU II

    KONSULTAZZJONIJIET U MEDJAZZJONI

    Artikolu 3

    Konsultazzjonijiet

    1. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex isolvu kwalunkwe differenza li tikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiiet imsemmija fl-Artikolu 2 billi jidħlu f’konsultazzjonijiet in bona fede taħt l-awspiċi tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni bil-għan li jilħqu soluzzjoni f'waqtha, ekwitabbli, u li dwarha jkunu jaqblu ż-żewġ naħat.

    2. Parti għandha tfittex konsultazzjonijiet permezz ta’ talba bil-miktub lill-Parti l-oħra, b’kopja mibgħuta lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi, li tidentifika kwalunkwe miżura inkwistjoni u d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li tqis applikabbli.

    3. Konsultazzjonijiet għandhom isiru fi żmien 30 jum minn dakinhar li tkun waslet it-talba u għandhom iseħħu, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, fit-territorju tal-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment. Il-konsultazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala konklużi fi żmien 60 jum minn dakinhar li tkun waslet it-talba, sakemm iż-żewġ Partijiet ma jaqblux li jkomplu bil-konsultazzjonijiet. Il-konsultazzjonijiet, b'mod partikolari l-informazzjoni kollha li tkun ġiet żvelata u l-pożizzjonijiet mittieħda mill-Partijiet matul dawn il-proċedimenti, għandhom ikunu kunfidenzjali, u bla ħsara għall-jeddijiet ta' kwalunkwe Parti fi kwalunkwe proċediment ieħor.

    4. Konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ urġenza, inklużi dawk dwar prodotti li jitħassru biż-żmien jew prodotti staġjonali, għandhom isiru fi żmien 15-il jum minn dakinhar li tasal it-talba, u għandhom jitqiesu bħala konklużi fi żmien 30 jum minn dakinhar li tkun waslet it-talba.

    5. Jekk il-Parti li għaliha tkun saret it-talba ma tirreaġixxix għat-talba sabiex isiru l-konsultazzjonijiet fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn dakinhar li tkun waslet it-talba, jew jekk il-konsultazzjonijiet ma jitwettqux fi ħdan l-oqfsa ta' żmien stabbiliti fil-paragrafu 3 jew fil-paragrafu 4 rispettivament, jew jekk il-konsultazzjonijiet ikunu ġew konklużi u l-ebda ftehim ma jkun intlaħaq dwar soluzzjoni li jaqblu dwarha ż-żewġ naħat, il-Parti li tkun ressqet l-ilment tista' titlob li jitwaqqaf bord ta' arbitraġġ skont l-Artikolu 5.

    Artikolu 4

    Medjazzjoni

    1. Jekk konsultazzjonijiet jonqsu milli jwasslu għal soluzzjoni li jaqblu dwarha ż-żewġ naħat, il-Partijiet jistgħu, bi ftehim reċiproku, jirrikorru għal medjatur. Kull talba għall-medjazzjoni għandha ssir bil-miktub lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi u din għandha tiddikjara kwalunkwe miżura li kienet is-suġġett ta' konsultazzjonijiet, kif ukoll it-termini ta’ referenza għall-medjazzjoni li dwarhom ikun hemm qbil reċiproku. Kull Parti timpenja ruħha li tagħti konsiderazzjoni favorevoli lit-talbiet għal medjazzjoni.

    2. Sakemm il-Partijiet ma jaqblux rigward medjatur fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol min dakinhar li tkun waslet it-talba għall-medjazzjoni, il-presidenti tas-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi, jew id-delegat tal-presidenti, għandhom jagħżlu bix-xorti medjatur mill-grupp ta' individwi li jkunu qegħdin fil-listi msemmija fl-Artikolu 19 u li ma jkunux ċittadini tal-ebda waħda mill-Partijiet. L-għażla għandha ssir fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn dakinhar li tkun waslet it-talba għall-medjazzjoni. Il-medjatur għandu jorganizza laqgħa mal-Partijiet mhux aktar tard minn 30 jum wara li jintgħażel. Il-medjatur għandu jirċievi s-sottomissjonijiet ta' kull Parti sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-laqgħa u jista' jitlob tagħrif addizzjonali mingħand il-Partijiet jew mingħand l-esperti jew il-konsulenti tekniċi skont il-ħtieġa li jħoss/tħoss. . Kwalunkwe informazzjoni miksuba b'dan il-mod għandha tiġi żvelata lil kull waħda mill-Partijet u trid titressaq għall-kummenti tagħhom. Il-medjatur għandu jinnotifika opinjoni sa mhux aktar tard minn 45 jum wara li jintgħażel.

    3. L-opinjoni tal-medjatur tista’ tinkludi rakkomandazzjoni dwar kif tiġi solvuta t-tilwima b'konsistenza mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2. L-opinjoni tal-medjatur mhijiex vinkolanti.

    4. Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jemendaw il-limiti ta’ żmien li jissemmew fil-paragrafu 2. Il-medjatur jista' jiddeċiedi wkoll li jemenda dawn il-limiti ta' żmien fuq it-talba ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, meta jitqiesu d-diffikultajiet partikolari li tgħaddi minnhom il-Parti kkonċernata jew il-komplessitajiet tal-każ.

    5. Il-proċedimenti li jinvolvu medjazzjoni, b'mod partikolari l-opinjoni tal-medjatur u l-informazzjoni kollha li tkun ġiet żvelata u l-pożizzjonijiet mittieħda mill-Partijiet matul dawn il-proċedimenti, għandhom ikunu kunfidenzjali, u bla ħsara għall-jeddijiet ta' kwalunkwe Parti fi kwalunwe proċediment ieħor.

    6. Jekk il-Partijiet jaqblu, il-proċeduri għall-medjazzjoni jistgħu jitkomplew filwaqt li tipproċedi l-proċedura tal-arbitraġġ.

    7. Medjatur jista' jiġi sostitwit biss għar-raġunijiet u skont il-proċeduri mfissra fir-regoli 17 sa 20 tar-Regoli ta' Proċedura.

    KAPITOLU III

    PROĊEDURI GĦAS-SOLUZZJONI TAT-TILWIM

    TAQSIMA I – IL-PROĊEDURA TA' ARBITRAĠĠ

    Artikolu 5

    Il-bidu tal-proċedura ta' arbitraġġ

    1. Meta l-Partijiet ma jirnexxilhomx isolvu t-tilwima billi jirrikorru għall-konsultazzjonijiet, kif jistipula l-Artikolu 3, jew billi jirrikorru għall-medjazzjoni, kif jistipula l-Artikolu 4, il-Parti li tkun għamlet l-ilment tista’ titlob li jiġi stabbilit bord ta' arbitraġġ.

    2. It-talba li jiġi stabbilit bord ta' arbitraġġ għandha ssir bil-miktub lill-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi. Fit-talba tagħha, il-Parti li tressaq l-ilment għandha tidentifika l-miżura speċifika inkwistjoni, u għandha tispjega kif it-tali miżura tikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2. Talba għat-twaqqif ta' bord ta' arbitraġġ għandha ssir mhux aktar tard minn 18-il xahar minn dakinhar li tkun waslet it-talba għal konsultazzjonijiet, bla ħsara għall-jeddijiet tal-Parti li tkun qed tressaq l-ilment li titlob li jsiru konsultazzjonijiet ġodda dwar l-istess suġġett fil-futur.

    Artikolu 6

    It-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ

    1. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jkun magħmul minn tliet arbitri.

    2. Fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn dakinhar li l-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment tkun irċeviet it-talba għat-twaqqif ta' bord tal-arbitraġġ, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw sabiex jaslu għal ftehim dwar il-kompożizzjoni tal-bord tal-arbitraġġ.

    3. Fil-każ li l-Partijiet ma jkunux jistgħu jaqblu dwar il-kompożizzjoni tiegħu fil-perjodu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 2, kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista’ titlob lill-presidenti tas-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi, jew id-delagat tal-presidenti, sabiex jagħżlu t-tliet membri kollha bix-xorti mil-lista stabbilita fl-Artikolu 19, persuna waħda minn fost l-individwi proposti mill-Parti li tkun ressqet l-ilment, persuna waħda minn fost l-individwi proposti mill-Parti li jkun sar l-ilment fil-konfront tagħha u persuna waħda minn fost l-individwi magħżula mill-Partijiet biex tagħmilha ta’ President. Fejn il-Partijiet jaqblu fuq membru wieħed jew aktar tal-bord tal-arbitraġġ, kwalunkwe membri li jkun fadal għandhom jintgħażlu bl-istess proċedura.

    4. Il-presidenti tas-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi, jew id-delegat tal-presidenti, għandhom jagħżlu l-arbitri fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mit-talba msemmija fil-paragrafu 3 minn kwalunkwe Parti.

    5. Id-data meta jitwaqqaf il-bord tal-arbitraġġ għandha tkun id-data meta jintgħażlu t-tliet arbitri.

    6. L-arbitri jistgħu jiġu sostitwiti biss għar-raġunijiet u skont il-proċeduri mfissra fir-regoli 17 sa 20 tar-Regoli ta' Proċedura.

    Artikolu 7

    Rapport interim tal-bord

    Il-bord tal-arbitraġġ għandu jippubblika rapport interim lill-Partijiet li jistabbilixxi s-sejbien ta' fatti, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet relevanti u r-razzjonal bażiku li fuqu jserrħu kwalunkwe sejba u rakkommandazzjoni magħmula minnu, sa mhux aktar tard minn 120 jum minn dakinhar li jkun twaqqaf il-bord tal-arbitraġġ. Kwalunkwe Parti tista' tressaq talba bil-miktub għal analiżi min-naħa tal-bord tal-arbitraġġ ta' aspetti preċiżi tar-rapport interim fi żmien 15-il jum mindu dan ikun ġie nnotifikat. Is-sejbiet tad-deċiżjoni finali tal-bord għandhom jinkludu wkoll diskussjoni tal-argumenti magħmula fl-istadju tar-reviżjoni interim.

    Artikolu 8

    Id-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ

    1. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Partijiet u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi fi żmien 150 jum minn dakinhar li jkun twaqqaf il-bord tal arbitraġġ. Fejn iqis li din l-iskadenza ta' żmien ma tistax tiġi sodisfatta, il-president tal-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika bil-miktub lill-Partijiet u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi, fejn jistqarr ir-raġunijiet għad-dewmien u d-data li fiha l-bord ikun beħsiebu jikkonkludi ħidmietu. Fl-ebda ċirkostanza, id-deċiżjoni m'għandha tiġi nnotifikata aktar tard min 180 jum mid-data li fiha jkun twaqqaf il-bord tal-arbitraġġ.

    2. F’każijiet ta’ urġenza, inklużi dawk li jinvolvu prodotti li jitħassru biż-żmien jew dawk staġjonali, il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel kull sforz sabiex jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 75 jum mid-data tat-twaqqif tiegħu. Fl-ebda ċirkostanza m'għandu jieħu aktar minn 90 jum mit-twaqqif tiegħu . Il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħti deċiżjoni preliminari dwar jekk ikunx jidhirlu li l-każ huwa urġenti fi żmien għaxart ijiem mit-twaqqif tiegħu.

    3. Il-bord tal-arbitraġġ għandu, fuq talba taż-żewġ Partijiet, jissospendi ħidmietu fi kwalunkwe ħin għal perjodu li jkunu qablu dwaru l-Partijiet li ma jistax jiskorri t-12-il xahar u għandu jkompli b'ħidmietu fi tmiem dan il-perjodu miftiehem fuq talba tal-Parti li tkun ressqet l-ilment. Jekk il-Parti li tkun ressqet l-ilment ma titlobx li titkompla l-ħidma tal-bord tal-arbitraġġ qabel ma jiskadi l-perjodu ta' sospensjoni li jkun sar qbil dwaru, il-proċedura għandha tintemm. Is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-ħidma tal-bord tal-arbitraġġ isiru bla ħsara għall-jeddijiet ta' kull waħda mill-Partijiet f'xi proċediment ieħor dwar l-istess suġġett.

    TAQSIMA II – KONFORMITÀ

    Artikolu 9

    Konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ

    Kull Parti għandha tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex tkun konformi mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, u l-Partijiet għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jaqblu dwar il-perjodu ta' żmien meħtieġ biex jikkonformaw mad-deċiżjoni.

    Artikolu 10

    Perjodu ta' żmien raġonevoli għall-konformità

    1. Mhux aktar tard minn 30 jum wara li l-Partijiet ikunu rċevew in-notifika tad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, il-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment għandha tinnotifika lill-Parti li tkun ressqet l-ilment u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi dwar iż-żmien li se tkun teħtieġ biex tikkonforma ruħha (perjodu raġonevoli ta’ żmien), jekk ma jkunx possibbli li tikkonforma ruħha minnufih.

    2. Jekk ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-Partijiet rigward il-perjodu raġonevoli ta’ żmien biex ikun hemm konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, il-Parti li tkun ressqet l-ilment, fi żmien 20 jum minn meta l-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment tkun irċeviet in-notifika li tkun saret skont il-paragrafu 1, għandha titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ sabiex jiddetermina t-tul tal-perjodu raġonevoli ta’ żmien. Talba ta' dan it-tip għandha fl-istess waqt tkun innotifikata lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deżiċjoni tiegħu lill-Partijiet u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi fi żmien 30 jum minn dakinhar li tkun tressqet it-talba.

    3. Il-perjodu raġonevoli ta’ żmien jista’ jiġi estiż permezz ta' qbil reċiproku bejn il-Partijiet.

    Artikolu 11

    Analiżi ta' kwalunkwe miżura li tkun ittieħdet biex ikun hemm konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ

    1. Il-Parti li fil-konfront tagħha jkun tressaq l-ilment għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi dwar kwalunkwe miżura li tkun ħadet sabiex tikkonforma mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ qabel ma jiskadi l-perjodu raġonevoli ta' żmien.

    2. F'każ li ma jkunx hemm qbil bejn il-Partijiet rigward l-eżistenza jew il-konsistenza ta' kwalunkwe miżura nnotifikata skont il-paragrafu 1 mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Parti li tkun qed tressaq l-ilment tista' titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ sabiex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Talba ta' dan it-tip għandha tidentifika l-miżura speċifika inkwistjoni u għandha tispjega kif miżura bħal din mhix konsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 90 jum minn dakinhar li tkun tressqet it-talba. F'każijiet ta' urġenza, inklużi dawk li jinvolvu prodotti li jitħassru biż-żmien jew dawk staġjonali, il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 45 jum minn dakinhar li tkun tressqet it-talba.

    Artikolu 12

    Rimedji temporanji f'każ ta' nuqqas ta' konformità

    1. Jekk il-Parti li fil-konfront tagħha jkun qed isir l-ilment tonqos milli tinnotifika kwalunkwe miżura mittieħda sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ qabel ma jiskadi l-perjodu ta' żmien raġonevoli, jew jekk il-bord tal-arbitraġġ jiddeċiedi li l-miżura nnotifikata skont l-Artikolu 11 paragrafu 1 mhix konsistenti mal-obbligi ta' dik il-Parti skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Parti li fil-konfront tagħha jkun tressaq l-ilment għandha, jekk tkun mitluba tagħmel dan mill-Parti li tkun qed tressaq l-ilment, tagħmel offerta għal kumpens temporanju.

    2. Jekk ma jintlaħaq l-ebda qbil dwar il-kumpens fi żmien 30 jum wara li jintemm il-perjodu raġonevoli ta' żmien jew mid-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 11 li miżura mittieħda għall-konformità tkun inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Parti li tkun ressqet l-ilment tkun intitolata, wara li jiġu nnotifikati l-Parti l-oħra u s-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi, li tissospendi l-obbligi li jirriżultaw minn kwalunkwe dispożizzjoni msemmija fl-Artikolu 2 f'livell ekwivalenti għal dak imxejjen jew imħassar mill-vjolazzjoni. Il-Parti li tkun ressqet l-ilment tista' timplimenta s-sospensjoni għaxart ijiem wara d-data meta tkun irċeviet in-notifika l-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment, sakemm il-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment ma tkunx talbet għal arbitraġġ skont il-paragrafu 3.

    3. Jekk il-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment tqis li l-livell ta' sospensjoni mhux ekwivalenti għat-tixjin jew ħsara kkawżati mill-vjolazzjoni, din tista' titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ sabiex jieħu deċiżjoni dwar il-kwistjoni. Talba ta' dan it-tip għandha tiġi nnotifikata lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi qabel jiskadi l-perjodu ta' għaxart ijiem tax-xogħol imsemmi fil-paragrafu 2. Il-bord tal-arbitraġġ, wara li jkun talabfejn ikun xieraq l-opinjoni tal-esperti, għandu, fi żmien 30 jum minn dakinhar li tkun tressqet it-talba, jinnotifika lill-Partijiet u lill-industrija tas-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi dwar id-deċiżjoni tiegħu rigward il-livell tas-sospensjoni tal-obbligi. L-obbligi m'għandhomx jiġu sospiżi sakemm il-bord tal-arbitraġġ jagħti n-notifika dwar id-deċiżjoni tiegħu, u kull sospensjoni għandha tkun konsistenti mad-deċiżjoni tal-istess bord.

    4. Is-sospensjoni tal-obbligi għandha tkun temporanja u għandha tiġi applikata biss sakemm kwalunkwe miżura li tinstab li tkun inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tkun ġiet irtirata jew emendata sabiex tinġieb f’konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, kif inhu stabbilit skont l-Artikolu 13, jew sakemm il-Partijiet ikunu qablu li jsolvu t-tilwima.

    Artikolu 13

    Analiżi ta' kwalunkwe miżura li tkun ttieħdet sabiex tkun konformi wara s-sospensjoni tal-obbligi

    1. Il-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi b'kull miżura li tkun ħadet sabiex tkun konformi mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ u bit-talba tagħha sabiex tintemm is-sospensjoni tal-obbligi applikati mill-Parti li tkun ressqet l-ilment.

    2. Jekk il-Partijiet ma jilħqux ftehim dwar il-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 fi żmien 30 jum minn dakinhar li tkun waslet in-notifika, il-Parti li ressqet l-ilment għandha titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ sabiex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Din it-talba għandha fl-istess waqt tkun innotifikata lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi. Id-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ għandha tiġi nnotifikata lill-Partijiet u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi fi żmien 45 jum minn dakinhar li tkun tressqet it-talba. Jekk il-bord tal-arbitraġġ jiddeċiedi li kwalunkwe miżura li tkun ittieħdet għal għanijiet ta' konformità tkun konformi mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, is-sospensjoni tal-obbligi għandha tintemm.

    TAQSIMA III – DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

    Artikolu 14

    Soluzzjoni Miftiehma bejn iż-Żewġ Naħat

    F'kull waqt, il-Partijiet jistgħu jilħqu soluzzjoni miftiehma bejn iż-żewġ naħat għal tilwima li taqa' taħt dan il-Protokoll. Huma għandhom jinnotifikaw lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi u lill-bord tal-arbitraġġ dwar kwalunkwe soluzzjoni ta' dan it-tip. Malli jiġi nnotifikat dwar is-soluzzjoni miftiehma bejn iż-żewġ naħat, il-bord għandu jtemm ħidmietu u l-proċedura għandha tintemm.

    Artikolu 15

    Ir-Regoli ta' proċedura

    1. Il-proċeduri intiżi għas-soluzzjoni tat-tilwim skont il-Kapitolu III ta' dan il-Protokoll għandhom jiġu regolarizzati permezz tar-Regoli ta' proċedura annessi ma' dan il-Protokoll.

    2. Kull laqgħa tal-bord tal-arbitraġġ għandha tkun miftuħa għall-pubbliku skont ir-Regoli ta' proċedura, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor.

    Artikolu 16

    Informazzjoni u pariri tekniċi

    1. Fuq it-talba ta' Parti, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, il-bord tal-arbitraġġ jista' jikseb informazzjoni minn kwalunkwe sors, inklużi l-Partijiet involuti fit-tilwima, li jqis li hija xierqa għall-proċedura tal-panel ta' arbitraġġ. B'mod partikolari, il-bord tal-arbitraġġ ikollu wkoll il-jedd li jfittex l-opinjoni relevanti tal-esperti kif iqis li jkun xieraq. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jikkonsulta l-Partijiet qabel jagħżel esperti bħal dawn. Il-Bord m’għandux jintrabat mal-opinjoni tal-Partijiet dwar l-esperti. Kwalunkwe informazzjoni miksuba b'dan il-mod għandha tiġi żvelata lil kull waħda mill-Partijet u trid titressaq għall-kummenti tagħhom.

    2. Il-persuni naturali jew ġuridiċi interessati stabbiliti fi ħdan il-Partijiet huma awtorizzati jressqu sommarji tal-fatti amicus curiae quddiem il-bord tal-arbitraġġ skont ir-Regoli ta' proċedura. Dawn is-sommarji tal-fatti għandhom jiġu limitati għall-aspetti fattwali tat-tilwima u m'għandhomx jindirizzaw punti ġuridiċi.

    Artikolu 17

    Regoli ta' interpretazzjoni

    Kull bord tal-arbitraġġ għandu jinterpreta d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 skont ir-regoli konswetudinali dwar l-interpretazzjoni tad-dritt pubbliku internazzjonali, inklużi dawk stipulati fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati. Id-deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ ma jistgħux iżidu jew inaqqsu d-drittijiet u l-obbligi pprovduti fid-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2.

    Artikolu 18

    Id-deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ

    1. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel kull sforz biex kull deċiżjoni li jieħu tkun b’kunsens. Fejn, madankollu, deċiżjoni ma tistax tintlaħaq b'kunsens, il-kwistjoni kkonċernata għandha tinqata' b'vot maġġoritarju.

    2. Kull deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ għandha tkun ta' natura li torbot lill-Partijiet u m'għandha toħloq l-ebda dritt jew obbligu għal persuni naturali jew ġuridiċi. Id-deċiżjoni għandha tistipula s-sejbiet tal-fatti, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u r-razzjonal bażiku wara s-sejbiet u l-konklużjonijiet li tagħmel. Is-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi għandu jagħmel id-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ disponibbli pubblikament fl-intier tagħha sakemm dan ma jiddeċidix li ma jagħmilx hekk ħalli jiżgura l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.

    KAPITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 19

    Listi ta' arbitri

    1. Is-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi għandu, mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Protokoll, jistabbilixxi lista ta' minn tal-anqas 15-il individwu li jkunu lesti u kapaċi jservu ta' arbitri. Kull waħda mill-Partijiet għandha tipproponi tal-anqas ħames individwi sabiex jagħmluha ta’ arbitri. Iż-żewġ Partijiet għandhom jagħżlu wkoll ta' minn tal-anqas ħames individwi li ma jkunux ċittadini tal-ebda waħda mill-Partijiet u li għandhom jagħmluha ta’ president tal-bord tal-arbitraġġ. Is-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi jiżgura li l-lista tinżamm dejjem fuq dan il-livell.

    2. L-arbitri għandu jkollhom għarfien speċjalizzat jew esperjenza fil-liġi u fil-kummerċ internazzjonali. Dawn għandhom ikunu indipendenti, iservu fil-kapaċijtiaet individwali tagħhom u ma jieħdux struzzjonijiet minn kwalunkwe organizzazzjoni jew gvern, u lanqas ma jkunu affiljati mal-gvern ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet, u għandhom ikunu konformi mal-Kodiċi tal-Kondotta annessa ma' dan il-Protokoll.

    3. Is-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi jista’ jistabbilixxi lista addizzjonali ta’ minn tal-anqas 15-il individwu li jkollhom kompetenza esperta settorjali fi kwistjonijiet speċifiċi koperti minn dan il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, jew esperjenza fil-medjazzjoni. Meta jsir rikors għall-proċedura tal-għażla tal-Artikolu 6 paragrafu 2, il-presidenti tas-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi jistgħu jużaw lista settorjali bi qbil taż-żewġ Partijiet.

    Artikolu 20

    Ir-relazzjoni mal-obbligi tad-WTO

    1. Ir-rikors għad-dispożizzjonijiet dwar is-soluzzjoni tat-tilwim ta’ dan il-Protokoll għandu jkun mingħajr ħsara għal kwalunkwe azzjoni fil-qafas tad-WTO, inkluża azzjoni għal soluzzjoni ta’ tilwima.

    2. Madankollu, meta, rigward xi miżura partikolari, Parti tkun ressqet proċediment dwar is-soluzzjoni tat-tilwim, sew skont dan il-Protokoll jew inkella skont il-Ftehim tad-WTO, hija ma tistax tressaq proċediment dwar ir-riżolviment tat-tilwim rigward l-istess miżura f'forum ieħor sakemm l-ewwel proċediment ma jkunx intemm. Barra minn hekk, Parti ma tistax tfittex rimedju għall-ksur ta' obbligu li jkun identiku skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u skont il-Ftehim tad-WTO permezz taż-żewġ forums. F'każ ta' dan it-tip, ladarba proċediment ta' riżolviment ta' tilwima jkun tnieda, il-Parti ma tkunx tista' tressaq talba biex tfittex rimedju għall-ksur ta' obbligu identiku skont il-ftehim l-ieħor permezz tal-forum l-ieħor, sakemm il-forum magħżul ma jonqosx li jagħmel sejbiet dwar it-talba għal rimedju ta' dak l-obbligu minħabba raġunijiet proċedurali jew ġurisdizzjonali.

    3. Għall-għanijiet tal-paragrafu 2,

    - il-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim skont il-Ftehim tad-WTO jitqiesu li jkunu tnedew permezz ta' talba minn xi Parti għat-twaqqif ta' bord skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li Jirregolarizzaw ir-Riżolviment tat-Tilwim tad-WTO (DSU) u jitqiesu li jkunu ntemmew meta l-Entità inkarigata mis-Soluzzjoni tat-Tilwima tadotta ir-rapport tal-Bord, u r-rapport tal-Entità Appellanti skont il-każ, skont l-Artikoli 16 u 17(14) tad-DSU;

    - il-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim skont dan il-Protokoll jitqiesu li jkunu tnedew permezz ta' talba minn xi Parti għat-twaqqif ta' bord ta' arbitraġġ skont l-Artikolu 5 paragrafu 1 u jitqiesu li jkunu ntemmew meta l-bord tal-arbitraġġ jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Partijiet u lis-sottokumitat tal-kummerċ u servizzi skont l-Artikolu 8.

    4. F'dan il-Protokoll xejn ma jżomm Parti milli timplimenta s-sospenzjoni ta' obbligi awtorizzati mill-Entità tad-WTO għas-Soluzzjoni tat-Tilwim. Il-Ftehim tad-WTO m'għandux jiġi invokat sabiex iżomm lil xi Parti milli tissospendi l-obbligi skont dan il-Protokoll.

    Artikolu 21

    Il-limiti taż-żmien

    1. Il-limiti kollha ta’ żmien stabbiliti f’dan il-Protokoll, inklużi l-limiti biex il-bordijiet tal-arbitraġġ jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom, għandhom jingħaddu f’jiem kalendarji mill-jum li jsegwi l-att jew il-fatt li jkunu qed jirreferu għalih, sakemm ma jkunx ġie speċifikat mod ieħor.

    2. Kwalunkwe limitu ta'żmien imsemmi f'dan il-Protokoll jista' jkun modifikat bi ftehim reċiproku tal-Partijiet. Il-Partijiet jimpenjaw irwieħhom li jagħtu konsiderazzjoni favorevoli lit-talbiet għall-estenzjonijiet ta' kull limitu ta' żmien li jsiru minħabba diffikultajiet li kwalunkwe Parti taf tħabbat wiċċha magħhom biex tikkonforma mal-proċeduri ta' dan il-Protokoll. Fuq talba ta' xi waħda mill-Partijiet, il-bord tal-arbitraġġ jista' jimmodifika l-limiti ta' żmien applikabbli fil-proċedimenti, filwaqt li jqis il-livell differenti ta' żvilupp tal-Partijiet.

    Artikolu 22

    Reviżjoni u Modifika tal-Protokoll

    1. Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jista’ jirrevedi l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll u l-Annessi tiegħu, bl-għan li jiddeċiedi l-kontinwazzjoni, il-modifika jew it-tmiem tagħhom.

    2. Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jimmodifika dan il-Protokoll u l-annessi tiegħu. Kwalunkwe modifika bħal din tista’ tkun suġġetta għas-sodisfazzjon tar-rekwiżiti legali interni ta’ kull Parti.

    Artikolu 23

    Dħul fis-seħħ

    Dan il-Protokoll se jiġi approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri tagħhom infushom. Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija f'dan l-Artikolu ikunu tlestew.

    ANNESSI

    ANNESS I: IR-REGOLI TA' PROĊEDURA GĦALL-ARBITRAĠĠ

    ANNESS II: IL-KODIĊI TAL-KONDOTTA GĦALL-MEMBRI TAL-BORD TAL-ARBITRAĠĠ

    ANNESS I

    IR-REGOLI TA’ PROĊEDURAGĦALL-ARBITRAĠĠDISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    1. Fil-Protokoll u skont dawn ir-regoli:

    “konsulent” tfisser persuna miżmuma minn Parti biex tagħti pariri jew tassisti lil dik il-Parti b'konnessjoni mal-proċediment tal-bord tal-arbitraġġ;

    “il-Parti li tressaq l-ilment” tfisser kwalunkwe Parti li titlob it-twaqqif ta’ bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 5 ta’ dan il-Protokoll;

    “il-Parti li fil-konfront tagħha sar l-ilment” tfisser il-Parti li qiegħda tkun allegata li qiegħda tikser id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 ta' dan il-Protokoll;

    "il-bord tal-arbitraġġ" tfisser bord imwaqqaf skont l-Artikolu 6 ta' dan il-Protokoll;

    “rappreżentant ta’ Parti” tfisser persuna impjegata jew kwalunkwe persuna appuntata minn dipartiment jew aġenzija jew kwalunkwe entità pubblika oħra ta’ Parti;

    “jum” tfisser jum kalendarju, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    2. Il-Parti li fil-konfront tagħha sar l-ilmentgħandha tkun inkarigata mill-amministrazzjoni loġistika tal-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwima, b’mod partikolari l-organizzazzjoni tas-smigħ tal-każ, sakemm ma jkunx hemm qbil mod ieħor. Madankollu, il-Komunità Ewropea għandha tifdi l-ispejjeż konnessi mal-kwistjonijiet organizzattivi, bl-eċċezzjoni tar-remunerazzjoni u l-ispejjeż li għandhom jitħallsu lill-arbitri, li għandhom jinqasmu.

    NOTIFIKI

    3. Il-Partijiet u l-bord tal-arbitraġġ għandhom jikkomunikaw kwalunkwe talba, avviż, sottomissjoni bil-miktub jew dokument ieħor b'kopja mibgħuta dakinhar stess permezz ta' trażmissjoni bil-faks, kopja rreġistrata mressqa fl-istess jum permezz ta’ posta elettronika. Sakemm ma jiġix pruvat mod ieħor, messaġġ għandu jitqies li jasal fl-istess jum meta jkun intbgħat.

    4. Il-Partijiet għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-punt ta' kuntatt magħżul għan-notifiki kollha mhux aktar tard mid-dħul fis-seħħ ta' dan il-Protokoll.

    5. Żbalji żgħar ta’ natura klerikali li jsiru fi kwalunkwe talba, notifika, sottomissjoni bil-miktub jew dokument ieħor relatat mal-proċeduri tal-bord tal-arbitraġġ jistgħu jitranġaw permezz tal-kunsinna ta’ dokument ġdid li jindika l-bidliet b’mod ċar.

    6. Jekk l-aħħar jum li fih irid isir it-twassil ta' xi dokument jaħbat jum ta’ vakanza uffiċjali jew jum ta' mistrieħ rikonoxxut legalment fil-Libanu jew fil-Komunità, id-dokument jista’ jitwassal fl-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss. Il-Partijiet għandhom jiskambjaw lista ta' dati tal-btajjel uffiċjali tagħhom u l-jiem ta' mistrieħ fl-ewwel Tnejn ta' kull Diċembru għas-sena ta' wara. L-ebda dokumenti, notifiki jew talbiet tal-ebda tip m'għandhom jitqiesu li waslu f'jum ta' btala uffiċjali jew ta' mistrieħ.

    7. Skont l-oġġett tad-dispożizzjonijiet tat-tilwima, it-talbiet u n-notifiki kollha indirizzati lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi b'mod konformi ma' dan il-Ftehim għandha tintbagħat kopja tagħhom lis-sottokumitati l-oħra relevanti mwaqqfa skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

    IL-BIDU TAL-ARBITRAĠĠ

    8. Jekk skont l-Artikolu 6 ta' dan il-Protokoll jew tar-regoli 18, 19 jew 48 ta' dawn ir-Regoli ta' proċedura, il-membri tal-bord tal-arbitraġġ jintgħażlu bix-xorti, rappreżentanti taż-żewġ Partijiet għandhom ikunu preżenti meta tittella' x-xorti.(b) Sakemm il-Partijiet ma jkunux qablu mod ieħor, dawn għandhom jiltaqgħu mal-bord tal-arbitraġġ fi żmien sebat ijiem tax-xogħol mindu dan ikun twaqqaf sabiex ikunu determinati materji ta' dan it-tip li l-Partijiet jew il-bord tal-arbitraġġ jidhrilhom li jkunu xierqa, inklużi r-remunerazzjoni u l-ispejjeż li jridu jitħallsu lill-arbitri, li jkunu konformi mal-istandards tad-WTO. Membri tal-bord tal-arbitraġġ u rappreżentanti tal-Partijiet jistgħu jieħdu sehem f'din il-laqgħa permezz tat-telefon jew ta' vidjokonferenza.

    9. (a) Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, fi żmien ħamest ijiem minn dakinhar li jintgħażlu l-arbitri, it-termini ta' referenza tal-bord tal-arbitraġġ għandhom ikunu:

    "li jeżamina, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, il-kwistjoni msemmija fit-talba għat-twaqqif ta' bord ta' arbitraġġ, li jiddeċiedi dwar il-kompatibilità tal-miżuri inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tal-Protokoll u li jiddeċiedi skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim."

    (b) Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw it-termini ta' referenza maqbula lill-bord tal-arbitraġġ fi żmien tlitt ijiem tax-xogħol minn meta jkunu laħqu qbil bejniethom.

    SOTTOMISSJONIJIET INIZJALI

    10. Il-Parti li tressaq l-ilment għandha tagħti s-sottomissjoni inizjali tagħha bil-miktub mhux aktar tard minn 20 jum wara t-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ. Il-Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment għandha tagħti l-kontrosottomissjoni tagħha bil-mitkub mhux aktar tard minn 20 jum wara d-data tat-twassil tas-sottomissjoni bil-miktub inizjali.

    IL-ĦIDMA TAL-BORDIJIET TAL-ARBITRAĠĠ

    11. Il-president tal-bord tal-arbitraġġ għandu jippresjedi fil-laqgħat kollha tiegħu. Bord tal-arbitraġġ jista’ jiddelega l-awtorità lill-president biex jieħu deċiżjonijiet amministrattivi u proċedurali.

    12. Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor f'dan il-Protokoll, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jwettaq l-attivitajiet tiegħu bi kwalunkwe mezz, inkuż b’komunikazzjoni bit-telefown, fax jew kollegamenti bil-kompjuter.

    13. L-arbitri biss jistgħu jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ, iżda l-bord tal-arbitraġġ jista’ jippermetti lill-assistenti tiegħu biex ikunu preżenti waqt id-deliberazzjonijiet tiegħu .

    14. It-tfassil ta’ kwalunkwe deċiżjoni tibqa’ r-responsabbiltà esklussiva tal-bord tal-arbitraġġ u ma tistax tiġi delegata.

    15. Meta tqum xi kwistjoni proċedurali li mhix koperta mid-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll u l-annessi tiegħu, il-bord tal-arbitraġġ, wara li jikkonsulta l-Partijiet, jista' jadotta proċedura xierqa li tkun kompatibbli ma' dawk id-dispożizzjonijiet.

    16. Meta l-bord tal-arbitraġġ jikkunsidra li hemm bżonn li jiġi modifikat kwalunkwe limitu ta’ żmien applikabbli matul il-proċedimenti, jew li jwettaq kwalunkwe aġġustament proċedurali jew amministrattiv ieħor, huwa għandu jinforma lill-Partijiet bil-miktub u jagħti r-raġunijiet għall-bidla jew il-modifika u jindika l-perjodu jew aġġustament meħtieġ. Il-bord tal-arbitraġġ jista' jadotta bidla jew modifika bħal din wara li jkun ikkonsulta lill-Partijiet. Il-limiti ta' żmien fi ħdan l-Artikolu 8 paragrafu 2 ta' dan il-Protokoll ma jistgħux jiġu mmodifikati.

    SOSTITUZZJONI

    17. Jekk arbitru ma jkunx jista' jipparteċipa fil-proċedimenti, jirtira ruħu, jew jeħtieġ li jiġi sostitwit, għandu jintgħażel wieħed ieħor biex jeħodlu postu skont l-Artikolu 6 paragrafu 3.

    18. Meta Parti tqis li xi arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta u għaldaqstant għandu jiġi sostitwit, din il-Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra fi żmien 15-il jum minn meta tkun intebħet biċ-ċirkustanzi tal-vjolazzjoni materjali tal-Kodiċi tal-Kondotta min-naħa tal-arbitru.

    Meta Parti tqis li xi arbitru għajr il-president ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u, jekk jaqblu dwar dan, jibdlu l-arbitru u jagħżlu sostitut b'segwiment tal-proċedura stipulata fl-Artikolu 6 paragrafu 3 ta' dan il-Protokoll.

    Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar il-bżonn li jinbidel arbitru, kwalunkwe Parti tista' titlob li din il-kwistjoni tiġi riferuta lill-president tal-bord tal-arbitraġġ, u d-deċiżjoni tiegħu tkun waħda finali.

    Jekk il-president isib li xi arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, dan jew din għandu/għandha tagħżel/jagħżel arbitru ġdid bix-xorti minn fost il-ġabra ta' individwi msemmija fl-Artikolu 19 paragrafu 1 ta' dan il-Protokoll li tagħha kien Membru l-arbitru oriġinali. Jekk l-arbitru oriġinali kien intgħażel mill-Partijiet skont l-Artikolu 6 paragrafu 2 ta' dan il-Protokoll, is-sostitut għandu jintgħażel bix-xorti minn fost il-ġabriet ta' individwi li jkunu ġew proposti mill-Parti li tressaq l-ilment u minn Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment skont l-Artikolu 19 paragrafu 1 ta' dan il-Protokoll. L-għażla tal-arbitru l-ġdid għandha ssir fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn dakinhar li titressaq it-talba lill-president tal-bord tal-arbitraġġ.

    19. Meta xi Parti tqis li l-president tal-bord tal-arbitraġġ ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u, jekk jaqblu dwar dan, jibdlu l-president u jagħżlu sostitut skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 6 paragrafu 3 ta' dan il-Protokoll.

    Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar il-ħtieġa li jibdlu l-president, kwalunkwe Parti tista' titlob li din il-kwistjoni tingħadda lil xi wieħed mill-membri li jkun għad fadal fost il-ġabra ta' individwi magħżula sabiex jagħmluha ta' presidenti skont l-Artikolu 19 paragrafu 1 ta' dan il-Protokoll. Ismu jew isimha għandu jittella' bix-xorti mill-presidenti tas-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi, jew minn delegat tal-presidenti. Id-deċiżjoni minn din il-persuna dwar il-bżonn li jinbidel il-president għandha tkun finali.

    Jekk din il-persuna tiddeċiedi li l-president oriġinali ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, dan jew din għandu/għandha tagħżel/jagħżel president ġdid bix-xorti minn fost dawk li jkun għad fadal fost il-ġabra ta' individwi msemmija fl-Artikolu 19 paragrafu 1 ta' dan il-Protokoll li jistgħu jagħmluha ta' presidenti. Din l-għażla tal-president il-ġdid għandha ssir fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn dakinhar li titressaq it-talba msemmija f'dan il-paragrafu.

    20. Il-proċedimenti tal-bord tal-arbitraġġ għandhom jiġu sospiżi matul il-perjodu ta' żmien li jittieħed sabiex jitwettqu l-proċeduri previsti fir-regoli 17, 18 u 19.

    IS-SEDUTI TA' SMIGĦ

    21. Il-president għandu jirranġa d-data u l-ħin għas-smigħ f’konsultazzjoni mal-Partijiet u l-membri l-oħra tal-bord tal-arbitraġġ, u jikkonferma dan bil-miktub lill-Partijiet. Din l-informazzjoni għandha tkun ukoll disponibbli pubblikament mill-Parti inkarigata mill-amministrazzjoni loġistika tal-proċedimenti meta s-smigħ ikun miftuħ għall-pubbliku. Sakemm ma jkunx hemm Parti li ma taqbilx, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jiddeċiedi li ma jlaqqax seduta.

    22. Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, is-seduta ta' smigħ għandha tittella' fi Brussell jekk il-Parti li tressaq l-ilment tkun il-Libanu u f'Bejrut jekk il-Parti li tressaq l-ilment tkun il-Komunità.

    23. Il-bord tal-arbitraġġ jista’ jlaqqa' seduta addizzjonali biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali. Ma jistgħux jittellgħu seduti addizzjonali ta' smigħ għall-proċeduri stabbiliti skont l-Artikolu 10(2), 11(2), 12(3) u 13(2) ta' dan il-Protokoll.

    24. L-arbitri kollha jridu jkunu preżenti l-ħin kollu matul kwalunkwe seduta.

    25. Il-persuni li ġejjin jistgħu jkunu preżenti għas-seduta, irrespettivament minn jekk il-proċedimenti jkunux miftuħa għall-pubbliku jew le:

    (a) ir-rappreżentanti tal-Partijiet;

    (b) il-konsulenti tal-Partijiet;

    (c) il-persunal amministrattiv, interpreti, tradutturi u relaturi tal-qorti; kif ukoll

    (d) l-assistenti tal-arbitri.

    Ir-rappreżentanti u l-konsulenti tal-Partijiet biss jistgħu jindirizzaw lill-bord tal-arbitraġġ.

    26. Mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol mid-data ta' seduta tas-smigħ, kull Parti għandha tipprovdi lill-bord tal-arbitraġġ lista tal-ismijiet ta’ dawk il-persuni li jkunu sejrin jitkellmu matul is-seduta ta' smigħ f’isem dik il-Parti u ta’ rappreżentanti jew konsulenti oħra li jkunu sejrin jattendu is-seduta ta' smigħ.

    27. Is-seduti ta’ smigħ tal-bordijiet tal-arbitraġġ għandhom ikunu miftuħa għall-pubbliku, sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor. Jekk il-Partijiet jiddeċiedu li s-seduta ta' smigħ tkun magħluqa għall-pubbliku, parti mis-seduta ta’ smigħ tista’ xorta tkun miftuħa għall-pubbliku jekk il-bord tal-arbitraġġ, fuq talba mill-Partijiet, jiddeċiedi li jsir hekk. Madankollu, il-bord tal-arbitraġġ għandu jiltaqa’ f’sessjonijiet magħluqa meta s-sottomissjoni u l-argumenti ta’ Parti ikun fihom informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.

    28. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jmexxi s-seduta bil-mod kif ġej:

    Argument

    l-argument tal-Parti li tressaq l-ilment

    l-argument tal-Parti li fil-konfront tagħha sar l-ilment

    Argument ta' Konfutazzjoni

    l-argument tal-Parti li tressaq l-ilment

    il-kontrorisposta tal-Parti li fil-konfront tagħha sar l-ilment

    29. Il-bord tal-arbitraġġ jista’ jindirizza mistoqsijiet liż-żewġ Partijiet fi kwalunkwe ħin matul is-seduta.

    30. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel arranġamenti, mill-aktar fis possibbli, għat-tlestija u l-kunsinna lill-Partijiet tat-traskrizzjoni ta’ kull seduta.

    31. Kull Parti tista' tipprovdi sottomissjoni supplimentari bil-miktub fir-rigward ta' kwalunkwe kwistjoni li tkun qamet matul is-seduta ta' smigħ fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn dakinhar tas-seduta ta' smigħ.

    MISTOQSIJIET BIL-MIKTUB

    32. Il-bord tal-arbitraġġ jista’ fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti jindirizza mistoqsijiet bil-miktub lil wieħed mill-Partijiet jew lit-tnejn li huma. Kull waħda mill-Partijiet għandha tirċievi kopja ta' kwalunkwe mistoqsijiet magħmula mill-bord tal-arbitraġġ.

    33. Il-Parti għandha wkoll tipprovdi kopja tat-tweġiba tagħha bil-miktub għall-mistoqsijiet li l-bord tal-arbitraġġ ikun għamel lill-Parti l-oħra. Kull Parti għandha tingħata l-opportunità li tipprovdi kummenti bil-miktub dwar it-tweġiba mogħtija mill-Parti l-oħra sa ħamest ijiem tax-xogħol minn meta din tkun waslet.

    IL-KUNFIDENZJALITÀ

    34. Il-Partijiet għandhom iżommu l-kunfidenzjalità tas-seduti tas-smigħ tal-bord tal-arbitraġġ meta s-seduti ta' smigħ jittellgħu fil-magħluq, skont ir-regola 27. Kull Parti għandha tittratta bħala kunfidenzjali l-informazzjoni mressqa mill-Parti l-oħra lill-bord tal-arbitraġġ u li dik il-Parti tkun immarkatha bħala kunfidenzjali. Meta Parti tissottometti verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjonijiet bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ, din jeħtieġilha wkoll, fuq talba tal-Parti l-oħra, tipprovdi sommarju mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni misjuba fis-sottomissjonijiet li jista’ jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mhux aktar tard minn 15-il jum wara li tkun saret it-talba jew is-sottomissjoni, skont liema minnhom isseħħ l-aħħar. Ma hemm xejn f’dawn ir-regoli li jipprekludi Parti milli xxandar stqarrijiet milli tiżvela lill-pubbliku stqarrijiet dwar il-pożizzjonijiet tagħha nfisha.

    KUNTATTI EX PARTE

    35. Il-bord tal-arbitraġġ m'għandux jikkuntattja jew jiltaqa’ ma’ Parti fl-assenza tal-Parti l-oħra.

    36. L-ebda membru tal-bord tal-arbitraġġ ma jista' jiddiskuti l-ebda aspett tas-suġġett tal-proċeduimenti ma’ Parti waħda jew maż-żewġ Partijiet fl-assenza tal-arbitri l-oħra.

    SOTTOMISSJONIJIET AMICUS CURIAE

    37. Sakemm il-Partijiet ma jkunux qablu mod ieħor sa ħamest ijiem mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ, l-istess bord jista’ jirċievi sottomissjonijiet mhux mitluba bil-miktub, dejjem jekk dawn isiru fi żmien għaxart ijiem mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ, u li jkunu konċiżi u f'kull każ mhux itwal minn 15-il faċċata ttajpjata, inklużi kwalunkwe annessi, u li jkunu direttament relevanti għall-kwistjoni fattwali li jkun qiegħed jikkunsidra l-bord tal-arbitraġġ.

    38. Is-sottomissjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-persuna li tkun qiegħda tagħmel is-sottomissjoni, sew naturali u sew legali, u tinkludi n-natura tal-attivitajiet tagħha u s-sorsi tal-finanzjament tagħha, u tispeċifika n-natura tal-interess li dik l-istess persuna għandha fil-proċediment tal-arbitraġġ. Din għandha tiġi abbozzata bil-lingwi magħżula mill-Partijiet skont ir-Regoli 41 u 42 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

    39. Fid-deċiżjonijiet tiegħu, il-bord tal-arbitraġġ għandu jelenka s-sottomissjonijiet kollha li jkun irċieva u li jkunu konformi mar-regoli ta' hawn fuq. Il-bord tal-arbitraġġ m'għandux ikun obbligat jindirizza, fid-deċiżjoni tiegħu, l-argumenti li saru f’dawn is-sottomissjonijiet. Kwalunkwe sottomissjoni miksuba mill-bord tal-arbitraġġ skont din ir-regola għandha titressaq lill-Partijiet għall-kummenti tagħhom.

    KAŻIJIET URĠENTI

    40. F'każijiet ta' urġenza msemmija f'dan il-Protokoll, il-bord tal-arbitraġġ, wara li jikkonsulta lill-Partijiet, għandu jaġġusta l-limiti ta' żmien imsemmija f'dawn ir-regoli skont kif ikun jixraq u għandu jinnotifika lill-Partijiet dwar aġġustamenti bħal dawn.

    IT-TRADUZZJONI U L-INTERPRETAZZJONI

    41. Matul il-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6.2 ta' dan il-Protokoll, u mhux aktar tard mil-laqgħa msemmija fir-Regola 8(b) ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura, il-Partijiet għandhom jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jilħqu qbil fuq lingwa ta' ħidma komuni għall-proċedimenti quddiem il-bord tal-arbitraġġ.

    42. Jekk il-Partijiet ma jirnexxielhomx jaqblu dwar lingwa ta' ħidma komuni, kull Parti għandha tagħmel l-arranġamenti u tħallas għall-ispejjeż tat-traduzzjoni tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha għal-lingwa magħżula mill-Parti l-oħra.

    43. Il-Parti konvenuta għandha tagħmel l-arranġamenti għall-interpretazzjoni tas-sottomissjonijiet orali fil-lingwi magħżula mill-Partijiet.

    44. Id-deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ għandhom ikunu nnotifikati bil-lingwa jew lingwi magħżula mill-Partijiet.

    45. Kwalunkwe Parti tista’ tipprovdi kummenti dwar kwalunkwe verżjoni tradotta ta’ dokument imfassal skont dawn ir-regoli.

    KALKOLU TAL-LIMITI TA' ŻMIEN

    46. Meta, minħabba l-applikazzjoni tar-regola 6 ta' dawn ir-Regoli ta' proċedura, xi Parti tirċievi dokument f’data differenti minn dik meta l-Parti l-oħra tkun irċeviet l-istess dokument, kull perjodu ta’ żmien li jinħadem abbażi tat-tali data tal-wasla tad-dokument għandu jiġi kkalkulat mill-aħħar data li fiha jkun wasal dak id-dokument.

    PROĊEDURI OĦRA

    47. Dawn ir-Regoli ta' proċedura huma applikabbli wkoll għall-proċeduri stabbiliti skont l-Artikolu 10(2), 11(2), 12(3) u 13(2) ta' dan il-Protokoll. Madankollu, il-limiti ta' żmien stabbiliti f'dawn ir-Regoli ta' proċedura għandhom jiġu aġġustati skont il-limiti ta' żmien speċjali stipulati għall-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-bord tal-arbitraġġ f'dawk il-proċeduri l-oħra.

    48. F'każ li l-bord oriġinali, jew xi wħud mill-membri tiegħu, ma jkunux jistgħu jiltaqgħu mill-ġdid għall-proċeduri stabbiliti skont l-Artikolu 10(2), 11(2), 12(3) u 13(2) tal-Protokoll, għandhom japplikaw il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 6 ta' dan il-Protokoll. Il-limitu ta' żmien għan-notifika tad-deċiżjoni għandu jiġi estiż għal 15-il jum.

    ANNESS II

    KODIĊI TA' MĠIBA GĦALL-MEMBRI TAL-BORDIJIET TAL-ARBITRAĠĠ U L-MEDJATURI

    Definizzjonijiet

    1. F’dan il-Kodiċi ta' Mġiba:

    (a) "membru" jew "arbitru" tfisser membru ta' bord tal-arbitraġġ imwaqqaf effettivament skont l-Artikolu 6 ta' dan il-Protokoll;

    (b) "medjatur" tfisser persuna li tmexxi medjazzjoni skont l-Artikolu 4 ta' dan il-Protokoll;

    (c) “kandidat” tfisser individwu li ismu jkun fil-lista tal-arbitri msemmija fl-Artikolu 19 ta’ dan il-Protokoll u li jkun ikkunsidrat għall-għażla bħala membru ta' bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 6 ta' dan il-Protokoll;

    (d) “assistent” tfisser persuna li, skont it-termini tal-ħatra ta' xi membru, tiggwida, tirriċerka jew tipprovdi l-assistenza lill-membru;

    (e) “proċediment”, fejn mhux speċifikat mod ieħor, tfisser proċediment ta’ bord tal-arbitraġġ skont dan il-Protokoll;

    (f) “persunal”, fir-rigward ta’ membru, tfisser dawk il-persuni li jaqgħu taħt id-direzzjoni u l-kontroll tal-membru, ħlief l-assistenti.

    Responsabbilitajiet lejn il-proċess

    2. Kull kandidat u membru għandu jevita mġiba mhux xierqa u l-impressjoni ta’ mġiba mhux xierqa, għandu jkun independenti u imparzjali, għandu jevita kunflitti ta’ interess diretti jew indiretti u għandu josserva l-ogħla standards ta’ mġiba sabiex l-integrità u l-imparzjalità tal-mekkaniżmu tas-soluzzjoni għat-tilwim ikun ippreservat. Il-membri tal-imgħoddi jeħtieġilhom josservaw l-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 15, 16, 17 u 18 ta’ din il-Kodiċi tal-Kondotta.

    Obbligi li ma jinħeba xejn

    3. Qabel ma tiġi kkonfermata l-għażla ta' xi membru tal-bord tal-arbitraġġ skont dan il-Protokoll, kandidat għandu jiżvela kwalunkwe interessi, relazzjonijiet jew kwistjonijiet li għandhom imnejn jolqtu l-indipendenza jew l-imparzjalità tiegħu jew tagħha jew li jafu b'mod raġonevoli joħolqu impressjoni ta' kondotta mhux xierqa jew ta' xaqlib lejn xi naħa fil-proċediment. Għalhekk, kandidat għandu jagħmel kull sforz raġonevoli biex isir konxju ta’ kwalunkwe interessi, relazzjonijiet u kwistjonijiet bħal dawn.

    4. Kandidat jew membru għandhom jikkomunikaw biss affarijiet relatati mal-ksur attwali jew il-potenzjal ta’ ksur ta’ din il-Kodiċi tal-Kondotta lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi sabiex dawn jiġu kkunsidrati mill-Partijiet.

    5. Wara li ssir l-għażla tal-membru, dan għandu jibqa' jagħmel kull sforz raġonevoli biex isir konxju ta' kwalunkwe interess, relazzjoni u kwistjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' din il-Kodiċi tal-Kondotta u għandu jiddikjarahom. L-obbligi ta' żvelar huwa dmir permanenti li jitlob li membru jiżvela kwalunkwe interessi, relazzjonijiet jew kwistjonijiet ta' dan it-tip li jistgħu jitfaċċaw fi kwalunkwe stadju tal-proċediment. Membru għandu jiżvela interessi, relazzjonijiet u kwistjonijiet ta' dan it-tip billi jinforma bil-miktub lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi, sabiex dawn jiġu kkunsidrati mill-Partijiet.

    Dmirijiet tal-membri

    6. Malli jintgħażel membru għandu jwettaq dmirijietu b’mod sħiħ u bla dewmien matul il-proċediment, u b’ġustizzja u diliġenza.

    7. Membru għandu jikkunsidra biss dawk il-kwistjonijiet li jkunu tqajmu waqt il-proċediment u li jitqiesu neċessarji biex tittieħed deċiżjoni u dan id-dmir ma jistax jiġi delegat lill-ebda persuna oħra.

    8. Membru jrid jieħu l-passi kollha xierqa sabiex jiżgura li l-assistent u l-persunal tiegħu jkunu konxji mill-paragrafi 2, 3, 4, 5, 16, 17 u 18 ta’ din il-Kodiċi tal-Kondotta u josservawhom.

    9. Membru ma jistax jagħmel kuntatti ex parte rigward il-proċediment.

    Indipendenza u imparzjalità tal-membri

    10. Membru jrid ikun indipendenti u imparzjali u jevita li joħloq dehra ta’ mġiba mhux xierqa jew preġudizzju u m'għandhux ikun influwenzat minn interess personali, pressjoni minn barra, konsiderazzjonijiet politiċi, opinjoni pubbliku, u lealtà lejn Parti jew biża’ ta’ kritika.

    11. Membru ma għandux jidħol, direttament jew indirettament, għal obbligi jew jaċċetta kwalunkwe benefiċċju li jista’ bi kwalunkwe mod jindaħal, jew jidher li jindaħal, fit-twettiq xieraq ta' dmirijietu.

    12. Membru ma għandux juża l-pożizzjoni tiegħu fuq il-bord tal-arbitraġġ għall-aġevolament ta’ kwalunkwe interessi personali jew privati u għandu jevita azzjonijiet li jistgħu jagħtu l-impressjoni li oħrajn huma f’pożizzjoni speċjali biex jinfluwenzawh.

    13. Membru ma jistax iħalli relazzjonijiet jew responsabilitajiet finanzjarji, tan-negozju, familjari jew soċjali jinfluwenzaw il-kondotta jew il-ġudizzju tiegħu.

    14. Membru jrid jevita li jidħol fi kwalunkwe relazzjoni jew li jakkwista kwalunkwe interess finanzjarju, li x'aktarx jaffettwa l-imparzjalità tiegħu jew li jista’ raġonevolment joħloq dehra ta’ mġiba mhux xierqa jew ta' preġudizzju.

    Obbligi ta’ membri ta’ qabel

    15. Il-membri kollha ta’ qabel iridu jevitaw azzjonijiet li jistgħu joħolqu dehra li jkollhom preġudizzji fit-twettiq ta' dmirijiethom jew vantaġġ derivat mid-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ.

    Kunfidenzjalità

    16. L-ebda membru jew membru ta’ qabel ma għandu fl-ebda mument jiżvela jew juża informazzjoni mhux pubblika relatata ma’ proċediment jew akkwistata waqt proċediment ħlief għall-finijiet ta’ dak il-proċediment u ma għandu, fl-ebda każ, jiżvela jew juża l-ebda informazzjoni bħal din biex jikseb vantaġġ personali jew vantaġġ għal oħrajn jew biex jaffettwa ħażin l-interessi ta’ oħrajn.

    17. Membru qatt m'għandu jiżvela deċiżjoni ta' bord tal-arbitraġġ jew partijiet minnha qabel ma din tiġi ppubblikata skont dan il-Protokoll.

    18. Membru jew membru ta’ qabel ma għandu fl-ebda mument jiżvela d-deliberazzjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ, jew il-fehma ta' kwalunkwe membru.

    Infiq

    19. Kull membru għandu jżomm reġistru u jagħti kont finali taż-żmien mgħoddi fil-proċedura u tal-ispejjeż tiegħu.

    Medjaturi

    20. Id-dixxiplini deskritti f'dan il-Kodiċi ta' Mġiba kif japplikaw għall-membri jew għall-membri ta' qabel għandhom japplikaw, mutadis mutandis , għall-medjaturi.

    * *

    *

    [1] ĠU C […], […], p. […].

    [2] Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll huma bla ħsara għall-Artikolu 33 tal-Protokoll li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' «prodotti li joriġinaw» u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva.

    Top