This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009PC0389
Proposal for a Council Decision revoking the agreements between the European Coal and Steel Community and the Swiss Confederation
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-abrogazzjoni tal-ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar u l-Konfederazzjoni Żvizzera
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-abrogazzjoni tal-ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar u l-Konfederazzjoni Żvizzera
/* KUMM/2009/0389 finali - COD 2009/0109 */
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-abrogazzjoni tal-ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar u l-Konfederazzjoni Żvizzera /* KUMM/2009/0389 finali - COD 2009/0109 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 28.7.2009 KUMM(2009) 389 finali 2009/0109 (COD) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-abrogazzjoni tal-ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar u l-Konfederazzjoni Żvizzera MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) waqfet teżisti fit-23 ta’ Lulju 2002 bl-iskadenza tat-Trattat li waqqafha. Il-KEFA kienet ikkonkludiet diversi ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi, fosthom l-Iżvizzera. Dawn il-ftehimiet ma kinux jipprovdu għall-eventwalità tal-iskadenza tal-imsemmi Trattat. Bis-saħħa tal-Artikolu 71(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-KEFA, il-ftehimiet kummerċjali bejn il-KEFA u l-pajjiżi terzi kienu ġew konklużi mill-Istati Membri. Kien għal din ir-raġuni li, meta skada t-Trattat tal-KEFA, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill iddeċidew li, mill-24 ta’ Lulju 2002, jittrażmettu lill-Komunità Ewropea (KE) id-drittijiet u l-obbligi li kienu jirriżultaw mill-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-KEFA mal-pajjiżi terzi; il-Kunsill iddeċieda li l-Komunità Ewropea kellha tidħol għal dawn id-drittijiet u obbligi.[1] Minn hemm 'il quddiem, dawn il-ftehimiet internazzjonali ġew irregolati mit-Trattat tal-KE. Ftit qabel ma saru dawn id-deċiżjonijiet, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill kienu diġà ddeċidew li jtemmu l-ftehim tal-21 ta’ Marzu 1955 dwar l-istabbiliment ta’ tariffi internazzjonali ferrovjarji diretti għat-trasport ta' faħam u azzar[2], u l-Kummissjoni kienet irrevokat il-ftehim tat-28 ta' Lulju 1956 dwar l-istabbiliment ta' tariffi internazzjonali ferrovjarji diretti għat-trasport ta' faħam u azzar li jkun għaddej bi tranżitu mit-territorju Żvizzeru[3]. Fir-rapport tagħhom tat-30 ta’ April 2003, xi esperti Komunitarji u Żvizzeri kkonkludew li ma kienx għad baqa’ skop għall-eżistenza tal-ftehimiet l-oħra bejn il-KEFA u l-Iżvizzera (essenzjalment il-ftehim ta’ kummerċ ħieles konkluż bejn il-KEFA u l-Iżvizzera fit-22 ta' Lulju 1972[4]). Fil-fatt, fir-relazzjonijiet bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Iżvizzera, kienet ġiet stabbilita struttura parallela ta’ ftehimiet għas-setturi tal-faħam u tal-azzar unikament għal raġunijiet ta’ kompetenza. Minkejja li hemm differenzi fid-dettall bejn il-ftehim tal-KEFA u l-Iżvizzera u l-ftehim ta’ kummerċ ħieles konkluż parallelment bejn il-KE u l-Iżvizzera, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ salvagwardja, dawn id-differenzi ma jiġġustifikawx iż-żamma tal-ftehim tal-KEFA. Barra minn dan, id-dispożizzjonijiet kkonċernati ilhom ma jiġu applikati. Iż-żamma ta’ sistema partikolari għall-prodotti tal-faħam u l-azzar ma tirriżulta fl-ebda valur miżjud. Wara l-abrogazzjoni tal-ftehim bejn il-KEFA u l-Iżvizzera, id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn il-KE u l-Iżvizzera japplikaw awtomatikament għall-prodotti kkonċernati, b’mod partikolari l-konċessjonijiet tariffarji u l-miżuri ta’ sorveljanza. Huwa għal din ir-raġuni li l-Iżvizzera pproponiet, permezz ta’ Note Verbale tal-Missjoni Żvizzera għall-Komunitajiet Ewropej tal-10 ta’ Novembru 2004, l-abrogazzjoni bi qbil komuni tal-ftehimiet kollha li kienu għadhom eżistenti bejn il-KEFA u l-Iżvizzera, jiġifieri il-ftehim ta’ konsultazzjoni bejn l-Awtorità Għolja tal-KEFA u l-Konfederazzjoni Żvizzera tas-7 ta’ Mejju 1956[5], il-ftehim ta’ kummerċ ħieles għall-prodotti KEFA tat-22 ta’ Lulju 1972, il-ftehim addizzjonali fuq il-validità għal-Liechtenstein ta’ dan l-aħħar ftehim[6], kif ukoll l-emendi kollha li saru b’riżultat tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea. Ikun tajjeb jekk dawn il-ftehimiet jiġu abrogati simultanjement, permezz tal-proċedura prevista fin- Note Verbale . L-abrogazzjoni tal-ftehimiet bejn il-KEFA u l-Iżvizzera tagħmel parti mill-miżuri fil-qasam tat-titjib tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Il-proċess u l-istrumenti stabbiliti fil-kuntest tal-pjan ta' azzjoni "regolamentazzjoni aħjar" jinkludu s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u, fost affarijiet oħrajn, jirrikjedu l-evalwazzjoni tal- acquis communautaire kollu sabiex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tkun ċara u aġġornata. It-Trattat li jistabbilixxi l-KE ma fihx dipożizzjoni espliċita għal proċeduri interni għall-abrogazzjoni ta' ftehim internazzjonali. L-abrogazzjoni bi qbil komuni ta’ ftehim internazzjonali tista' għaldaqstant tiġi pparagunata mal-emenda ta’ ftehim. 2009/0109 (COD) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-abrogazzjoni tal-ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar u l-Konfederazzjoni Żvizzera IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133, flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 300(3) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[7], Billi: 1. Bis-saħħa tal-Artikolu 97 tiegħu, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) skada fit-23 ta' Lulju 2002. 2. Bis-saħħa tad-Deċiżjoni 2002/595/KE tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej fi ħdan il-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002[8], id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar ma’ pajjiżi terzi ġew trażmessi lill-Komunità Ewropea. Bid-Deċiżjoni 2002/596/KE tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002[9], il-Komunità daħlet fid-drittijiet u l-obbligi li kienu jirriżultaw minn dawn il-ftehimiet. 3. Mindu skada t-Trattat tal-KEFA ż-żamma ta’ sistema partikolari għall-prodotti tal-faħam u l-azzar m’għadhiex ġustifikata. 4. L-abrogazzjoni tal-ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u l-Konfederazzjoni Żvizzera tagħmel parti mill-miżuri fil-qasam tat-titjib tal-leġiżlazzjoni, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 Il-ftehimiet internazzjonali li ġejjin bejn il-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar u l-Konfederazzjoni Żvizzera qed jiġu abrogati bi qbil komuni: 1. Il-Ftehim ta’ konsultazzjoni tas-7 ta’ Mejju 1956 bejn l-Awtorità Għolja tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar u l-Konfederazzjoni Żvizzera[10], 2. Il-Ftehim tat-22 ta’ Lulju 1972 bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar u l-Konfederazzjoni Żvizzera[11], 3. Il-Ftehim addizzjonali tat-22 ta’ Lulju 1972 fuq il-validità għall-Prinċipalità tal-Liechtenstein tal-ftehim bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u l-Konfederazzjoni Żvizzera[12], u l-ftehimiet u l-protokolli supplementari u addizzjonali relatati kollha. Artikolu 2 Il-Kummissjoni hija awtorizzata li twieġeb għan- Note Verbale tal-Missjoni Żvizzera għall-Komunitajiet Ewropej tal-10 ta’ Novembru 2004 bin- Note Verbale li tinsab fl-Anness. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS Note Verbale Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issellem lill-Missjoni Żvizzera għall-Komunitajiet Ewropej u għandha l-unur tgħarrafha li rċeviet in-nota tagħha tal-10 ta’ Novembru 2004 dwar l-abrogazzjoni ta’ diversi Ftehimiet konklużi bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, li kienet tgħid dan li ġej: "Il-Missjoni Żvizzera għall-Komunitajiet Ewropej issellem lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u, b'riferiment għall-Ftehim ta’ konsultazzjoni tas-7 ta’ Mejju 1956 bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Awtorità Għolja tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar, kif ukoll għall-Ftehim tat-22 ta’ Lulju 1972 bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar u l-ftehimiet u l-protokolli supplementari u addizzjonali relatati kollha, għandha l-unur li tgħarrafha b’dan li ġej: Fid-19 ta’ Lulju 2002, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda li jittrasferixxi lill-Komunità Ewropea d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA). Meta, fit-23 ta’ Lulju 2002, il-KEFA ma baqgħetx teżisti, id-dispożiżżjonijiet tal-Ftehimiet li kienu jorbtuha mal-Konfederazzjoni Żvizzera tilfu kull applikazzjoni prattika. Il-Missjoni għandha l-unur tipproponi lill-Kummissjoni biex il-Ftehimiet li ġejjin jiġu abrogati bi ftehim komuni, skont l-Artikolu 54 b tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati: - il-Ftehim ta’ konsultazzjoni tas-7 ta’ Mejju 1956 bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Awtorità Għolja tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar - il-Ftehim tat-22 ta’ Lulju 1972 bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar - il-Protokoll Addizzjonali tas-17 ta’ Lulju 1980 għall-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar wara l-Adeżjoni tar-Repubblika Ellenika fil-Komunità - il-Ftehim addizzjonali tat-22 ta’ Lulju 1972 fuq il-validità għall-Prinċipalità tal-Liechtenstein tal-ftehim bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (b’att finali u dikjarazzjoni) - il-Protokoll Supplementari tas-17 ta’ Lulju 1980 għall-Ftehim addizzjonali fuq il-validità għall-Prinċipalità tal-Liechtenstein tal-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar wara l-Adeżjoni tar-Repubblika Ellenika fil-Komunità - il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar, wara l-implimentazzjoni tas-Sistema Armonizzata ta' Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija - il-Protokoll Supplementari għall-Ftehim addizzjonali fuq il-validità għall-Prinċipalità tal-Liechtenstein tal-Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u l-Konfederazzjoni Żvizzera wara l-implimentazzjoni tas-Sistema Armonizzata ta' Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija - il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar, wara l-Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża fil-Komunità - it-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar, wara l-Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża fil-Komunità - il-Protokoll Supplementari għall-Ftehim addizzjonali fuq il-validità għall-Prinċipalità tal-Liechtenstein tal-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar wara l-Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża fil-Komunità u l-ftehimiet supplementari u addizzjonali relatati kollha. Jekk il-Kummissjoni taqbel ma’ din il-proposta, il-Missjoni tipproponi li din in-Nota u t-tweġiba tal-Kummissjoni għandhom jikkostitwixxu ftehim li jabroga l-Ftehimiet imsemmija, li għandu jidħol fis-seħħ l-għada tan-notifika tat-tweġiba tal-Komunità. » Il-Kummissjoni għandha l-unur li tavża lill-Missjoni li, bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-[...], hija taċċetta, f’isem il-Komunità Ewropea, il-proposta li l-Ftehimiet hawn fuq imsemmija jiġu abrogati. Il-proposta tal-Missjoni u din in-nota għaldaqstant jikkostitwixxu ftehim fuq l-abrogazzjoni tal-Ftehimiet imsemmijin li għandu jidħol fis-seħħ l-għada tan-notifika ta' din it-tweġiba. Il-Prinċipalità tal-Liechtenstein għandha tiġi informata bl-abrogazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet. Il-Kummissjoni tieħu din l-okkażjoni biex iġġedded l-assigurazzjonijiet tal-ogħla konsiderazzjonijiet tagħha lill-Missjoni. Brussell, [data] [1] Id-Deċiżjonijiet 2002/595/KE u 2002/596/KE tad-19 ta' Lulju 2002 (ĠU L 194, 23.7.2002, p.35 u 36). [2] Deċiżjoni 2001/764/KEFA tat-23 ta’ Ottubru 2001 (ĠU L 288, 1.11.2001, p. 38). [3] Deċiżjoni 2002/275/KEFA tat-12 ta’ April 2002 (ĠU L 96, 13.4.2002, p. 27). [4] ĠU L 350 tat-19.12.1973, p. 13. [5] ĠU Nru 7, 21.2.1957, p. 85. [6] ĠU L 350 tat-19.12.1973, p. 29. [7] ĠU C ,, p. . [8] ĠU L 194 tat-23.7.2002, p. 35. [9] ĠU L 194 tat-23.7.2002, p. 36. [10] ĠU Nru 7, 21.2.1957, p. 85. [11] ĠU L 350, 19 ta’ Diċembru 1973, p.13 [12] ĠU L 350, 19 ta’ Diċembru 1973, p.29