Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0338

    Proposta għal deċiżjoni qafas tal-Kunsill dwar id-dritt ta' interpretazzjoni u ta' traduzzjoni f'proċedimenti kriminali {SEG(2009) 915} {SEG(2009) 916}

    /* KUMM/2009/0338 finali - CNS 2009/0101 */

    52009PC0338

    Proposta għal deċiżjoni qafas tal-Kunsill dwar id-dritt ta' interpretazzjoni u ta' traduzzjoni f'proċedimenti kriminali {SEG(2009) 915} {SEG(2009) 916} /* KUMM/2009/0338 finali - CNS 2009/0101 */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussell, 8.7.2009

    KUMM(2009) 338 finali

    2009/0101 (CNS)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL

    dwar id-dritt ta' interpretazzjoni u ta' traduzzjoni f'proċedimenti kriminali

    {SEG(2009) 915}{SEG(2009) 916}

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. INTRODUZZJONI

    1. Din il-proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill għandha l-għan li tistabilixxi standards komuni minimi fir-rigward tad-dritt ta' interpretazzjoni u tat-traduzzjoni f'proċedimenti kriminali madwar l-Unjoni Ewropea. Il-proposta hija kkunsidrata bħala l-ewwel pass f'serje ta' miżuri maħsuba biex jisostitwixxu l-proposta tal-Kummissjoni 2004 proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar ċerti drittijiet proċedurali f'proċedimenti kriminali madwar l-Unjoni Ewropea COM(2004) 328 tat-28.4.2004), li ġiet irtirata wara d-debita notifika lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Ma setax jintlaħaq ftehim dwar dik il-proposta, minkejja 3 snin ta' diskussjoni fil-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill, u ġiet effettivament abbandunata f'Ġunju 2007, wara diskussjoni bla eżitu fil-Kunsill tal-Ġustizzja. L-adozzjoni ta’ approċċ gradwali li issa qed jitqies bħala li hu ġeneralment aċċettabbli li bih wieħed jipproċedi;dan se jgħin sabiex gradwalment tinbena l-kunfidenza u jikkontribwixxi biex tinħoloq fiduċja reċiproka. Din il-proposta għandha għalhekk tiġi kkunsidrata bħala parti minn pakkett ta' leġiżlazzjoni komprensiv li għandu l-għan li jipprovdi sett minimu ta' drittijiet proċedurali fil-proċedimenti kriminali fl-Unjoni Ewropea. Id-drittijiet koperti fil-proposta tal-2004 kienu minbarra d-dritt ta' interpretazzjoni u traduzzjoni b'xejn, id-dritt għal parir legali, id-dritt għal tagħrif dwar id-drittijiet (Ittra ta’ Drittijiet), id-dritt għal attenzjoni speċifika għal konvenuti vulnerabbli, id-dritt li wieħed jikkomunika mal-awtoritajiet konsulari u d-dritt li wieħed jikkomunika mal-familja. Għal din il-proposta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkonċentra fuq id-dritt ta' interpretazzjoni u t-traduzzjoni peress li kien l-inqas kontroversjali fid-diskussjonjiet tal-proposta tal-2004 u kien hemm tagħrif u riċerka disponibbli dwar dan id-dritt.

    2. Din il-proposta tipprova li ttejjeb id-drittijiet tas-suspettati li ma jifhmux jew jitkellmux il-lingwa tal-proċedimenti. Li jkun hemm standards komuni minimi fir-rigward ta' dawn id-drittijiet għandu jiffċilita l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku.

    3. Fir-rigward tal-bażi legali, il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 31(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 31(1)(c) jipprevedi li l-UE tista' tiżviluppa "azzjoni komuni" sabiex tiżgura l-kompatibilità tar-regoli fejn hu meħtieġ sabiex titjieb il-kooperazzjoni. Fir-rigward tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, b'mod partikolari r-rikonoxximent reċiproku, huwa neċessarju li jkun hemm fiduċja reċiproka. Ċertu livell ta' kompatibilità huwa neċessarju sabiex titjieb il-fiduċja reċiproka u għaldaqstant, il-kooperazzjoni.

    4. Id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni, li jinbet mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), huwa fundamentali għal persuna li qed tiffaċċja imputazzjoni kriminali li ma tifhimx il-lingwa tal-proċedimenti sabiex is-suspettat ikun jaf li l-imputazzjonjiet kontrih u jifhem il-proċedura. Is-suspettat għandu jkun f'pożizzjoni li jifhem biex qed jiġi akkużat. Għandhom jiġu provduti traduzzjonjiet ta' dokumenti proċedurali essenzjali. F'konformità mal-KEDB, l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għandhom jiġu pprovduti bla ħlas.

    5. Valutazzjoni tal-Impatt

    Il-proposta ġiet suġġetta għal Valutazzjoni tal-Impatt li tinstab fid-dokument SEC(2009) 915. L-Istima tal-Impatt ġiet eżaminata, u sussegwentament approvata, mill-Bord tal-Istimi tal-Impatt fis-27 ta' Mejju 2009. Ir-rakkomandazzjonjiet tal-Bord u kif dawn ġew akkomodati jistgħu jinstabu f'paragrafu 25 tal-Istima tal-Impatt (http://ec.europa.eu/governance/impact/practice_en.htm). L-għażliet stabbiliti kienu kif ġej:

    a) Li jinżamm l-istatus quo ma jimplika l-ebda azzjoni tal-UE. Is-sitwazzjoni preżenti fejn l-Istati Membri huma mistennija li jkunu konformi mal-obbligi tagħhom fil-konfront tal-KEDB wisq probbabli se tkompli bl-iżbilanċ perċepit bejn il-prosekuzzjoni u l-akkużat li s'issa fixkel ir-rikonoxximent reċiproku. Dan jista' jkollu konsegwenzi ekonomiċi negliġibbli.

    (b)Miżuri mhux leġiżlattivi bħal rakkomandazzjonjiet jistgħu jinkoraġixxu skambji bejn Stati Membri u jgħinu fl-identifikazzjoni tal-aħjar prattika. Din l-għażla twassal għal sensibilizzazzjoni aħjar tal-istandards tal-KEDB bil-prattiċi ta' disseminazzjoni u ta' rakkomandazzjoni li jgħinu l-konformità. Ma tilħaqx approssimazzjoni ulterjuri tal-istandards legali.

    (c) Strument ġdid li jkopri d-drittijiet kollha inkonformità mal-proposta tal-2004. L-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri, il-moniteraġġ mill-Kummissjoni u finalment li wieħed jirrikorri għall-Qorti tal-Ġustizzja jgħin sabiex jintelbu d-differenzi fil-konformità mal-KEDB u sabiex tiġi promossa l-fiduċja reċiproka. L-impatt ekonomiku huwa doppju, l-ewwelnett l-ispiża tat-tlestija tas-servizzi sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet jiġu rrispettati, u t-tieni nett, il-gwadann li jirriżulta mit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-appelli.

    (d) Miżuri limitata għal każijiet transkonfinali jikkostitwixxu l-ewwel pass. Ikollha bżonn ta' kunsiderazzjoni attenta sabiex kwalunkwe kwistjoni potenzjali ta' diskriminazzjoni bejn kategoriji ta' suspettati involuti f'proċedimenti transkonfinali vis-à-vis proċedimenti domestiċi jiġu indirizzati b'mod xieraq. Bħal fir-rigward tal-għażla preċedenti, l-impatt ekonomiku huwa doppju, l-ewwel nett l-ispiża tat-tlestija tas-servizzi sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet jiġu rrispettati, u t-tieni nett, il-gwadann li jirriżulta mit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-appelli, iżda b'mod inqas wiesa' minn ta' qabel peress li huwa inqas ambizjuż fil-portata.

    (e) L-għażla preferita hija dik ta' approċċ gradwali, li jibda b'miżuri dwar l-aċċess għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni, bl-involviment ta' Deċiżjoni Qafas li tkun tobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprovdu biss standards minimi għall-aċċess għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni. L-impatt ekonomiku huwa doppju, l-ewwelnett l-ispiża tat-tlestija tas-servizzi sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet jiġu rrispettati, u t-tieni nett, il-gwadann li jirriżulta mit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-appelli.

    L-Istima tal-Impatt identifikat il-kombinazzjoni tal-għażliet (b) u (e) bħala l-approċċ preferit peress li jimmassimizza s-sinerġiji bejn l-azzjoni leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva. Għaldaqstant din id-Deċiżjoni Qafas għandha tiġi segwita b'dokument dwar l-aħjar prattika.

    2. KUNTEST

    6. L-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprovdi li l-Unjoni għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Barra minn hekk, f'Diċembru 2000, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni flimkien iffirmaw u solennement iddikjaraw il-Karta ta' Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    7. Il-Konklużjonjiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Tampere[1] stabilixxa li rikonoxximent reċiproku għandu jsir il-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, iżda jsemmi l-punt li rikonoxximent reċiproku "…u l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni meħtieġa tiffaċilita […] il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet individwali"[2].

    8. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tas-26 ta' Lulju 2000 dwar Rikonoxximent Reċiproku ta' Deċiżjonijiet Finali F'Kwistjonijiet Kriminali[3] stipulat li "għandu għaldaqstant jiġi żgurat li t-trattament tas-suspettati u d-drittijiet tad-difiża mhux biss ma jbatux mill-implimentazzjoni tal-principju [ta' rikonoxximent reċiproku] iżda li s-salvagwardji jiġu mtejba permezz tal-proċess”.

    9. Dan ġie approvat fil-Programm ta' Miżuri biex Jimplimenta l-Prinċipju tar-Rikonoxximent Reċiproku ta' Deċiżjonijiet F'Kwistjonijiet Kriminali[4] ("Programm ta' Miżuri"), adottat mill-Kunsill u l-Kummissjoni. Huwa indika li “rikonoxximent reċiproku jiddependi ħafna fuq numru ta' parametri li jiddeterminaw l-effettività tiegħu”.

    10. Dawn il-parametri jinkludu mekkaniżmi għas-salvagwardja tad-drittijiet tas-suspettati (parametru 3) u d-definizzjoni ta' standards minimi komuni meħtieġa sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku (parametru 4). Din il-proposta għal Deċiżjoni Qafas tirrapreżenta l-kristallizzazzjoni tal-għan imsemmi li titjieb il-protezzjoni tad-drittijiet individwali.

    3. ID-DRITT GħAT-TRADUZZJONI U L-INTERPRETAZZJONI KIF STABBILITA TAħT IL-KEDB

    11. L-Arikolu 5 KEDB – Dritt għal-libertà u sigurtà – jistipula li:

    "(1) Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà. Ħadd ma għandu jiġi ipprivat mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet li ġejjin u skont il-proċedura preskritta bil-liġi: (…)

    (f) l-arrest jew id-detenzjoni legali ta' persuna…bl-iskop ta'…estradizzjoni.

    (2)Kull min ikun arrestat għandu jiġi nfurmat minnufih, f'lingwa li jifhem, dwar ir-raġunijiet tal-arrest tiegħu u dwar kull akkuża kontra tiegħu.”

    (…)

    (4) Kull min ikun ipprivat mil-libertà tiegħu b'arrest jew detenzjoni jkollu dritt li jagħmel proċeduri biex il-legalità tad-detenzjoni tiegħu tiġi deċiża malajr minn qorti u l-libertà tiegħu tiġi ordnata jekk id-detenzjoni ma tkunx skont il-liġi."

    U l-Artikolu 6 – Dritt għal proċess ġust – jistipula li:

    "(3) Kull min ikun akkużat b'reat kriminali għandu d-drittijiet minimi li ġejjin:

    (a) li jkun infurmat minnufih, b'lingwa li jifhem u bid-dettall, dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontra tiegħu;

    (…)

    (e) li jkollu assistenza b'xejn ta' interpretu jekk ma jkunx jifhem jew jitkellem il-lingwa użata fil-qorti."

    Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrifletti dawn id-drittijiet fl-Artikoli 6 u 47 sa 50.

    12. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) iddeċidiet dwar l-Artikolu 6 tal-KEDB li l-akkużat għandu dritt għal interpretu bla ħlas, anki fil-każ tal-kundanna tiegħu, huwa għandu d-dritt li jirċievi d-dokumenti tal-imputazzjoni f'lingwa li jifhem, li l-interpretazzjoni għandha tkun biżżejjed sabiex tippermetti lill-persuna imputata li tifhem il-proċedimenti u li l-interpretu għandu jkun kompetenti. Li l-akkużat għandu d-dritt għall-interpretazzjoni bla ħlas, anki fil-każ tal-kundanna tiegħu ġie stabbilit f' Luedicke, Belkacem and Koç v. il-Ġermanja [5] . F' Kamasinski v. Awstrija[6], ġie stabbilit li l-interpretazzjoni provduta għandha tkun ta' standard għoli biżżejjed sabiex tippermetti lill-imputat li jkun jaf bil-każ kontra tiegħu u jkun jista' jiddefendi ruħu. Id-dritt japplika għall-materjal ta' dokumentazzjoni u proċedimenti ta' qabel il-kawża kriminali. Il-QEDB sostniet li l-livell ta’ interpretazzjoni għandu jkun “adegwat” u li d-dettalji tal-akkuża għandhom jingħataw lill-persuna b’lingwa li hi tifhem ( Brozicek v. l-Italja[7]). Huma l-awtoritajiet ġudizzjarji li għandhom jippruvaw li l-imputat jitkellem bil-lingwa tal-qorti b'mod adegwat u mhux l-imputat li jrid jipprova li ma jifhimx[8]. L-interpretu għandu jkun kompetenti u l-imħallef għandu jissalvagwardja għal proċedimenti xierqa ( Cuscani v. r-Renju Unit[9]).

    4. DISPOżIZZJONIJIET SPEċIFIċI

    13. Il-proposta għal abbozz tad-Deċiżjoni Qafas jistipula obbligi bażiċi u jissejjes fuq il-KEDB u l-każistika tal-QEDB. Il-Forum ta' Riflessjoni dwar il-Multilingwiżmu u t-Taħriġ tal-Interpreti[10] ħareġ rapport b'rakkomandazzjonijiet dwar il-kwalità tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni. Dan ir-rapport kien ir-riżultat tal-laqgħat tal-Forum tar-Riflessjoni msejjaħ mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Interpretazzjoni matul 2008 sabiex jidentifika jekk hemmx ħtieġa għal azzjoni u jekk hemm, liema azzjoni għandha tittieħed. Il-Forum ikkonkluda li kien hemm ħtieġa u stabilixxa Rakkomandazzjonjiet ta' kif itejjeb il-forniment ta' interpreti kompetenti u kwalifikati fi proċedimenti kriminali. Ir-Rakkomandazzjonjiet kienu jinkludu li jkollhom Kurrikulu fl-Interpretazzjoni Legali u sistema ta' akkreditazzjoni, ċertifikazzjoni u reġistrazzjoni għal interpreti legali.

    Artikolu 1 – Ambitu tal-applikazzjoni

    14. L-ambitu jkopri l-persuni kollha ssuspettati fir-rigward ta' reat kriminali sal-kundanna finali (inkluż kwalunkwe appell). Hawnhekk, it-terminu "suspettat" qed jintuża biex ikopri tali persuni. Dan huwa intiż bħala terminu awtonomu, irrespettivament mill-ħatra ta' tali persuni fil-proċedimenti nazzjonali.

    15. Peress li l-każistika tal-QEDB iċċarat li persuni li jkunu qed jiġu interrogati b'konnessjoni mar-reati, kemm jekk ikunu u anki jekk ma jkunux formalment imputati, għandhom ikunu koperti bl-Artikolu 6 tal-KEDB, persuni li jiġu arrestati jew miżmuma b'konnessjoni ma' imputazzjoni kriminali wkoll jaqgħu fl-ambitu ta' din id-dispożizzjoni. Dawn id-drittijiet jibdew japplikaw minn meta persuna tiġi infurmata li hi ssuspettata li wettqet reat (eż. malli tiġi arrestata jew meta s-suspettat ma jkunx aktar liberu li jitlaq mill-kustodja tal-pulizija).

    Dan l-Artikolu jiċċara li l-proposta tapplika wkoll għal każijiet tal-Mandat ta' Arrest Ewropew. Huwa punt importanti li l-każijiet ta' Mandat ta' Arrest Ewropew huma koperti peress li d-Deċiżjoni Qafas li tikkonċerna l-Mandat ta' Arrest Ewropew tindirizza dawn id-drittijiet biss f'termini ġenerali. F'dan ir-rigward, il-proposta tirrapreżenta żvilupp ulterjuri tal-Artikolu 5 tal-KEDB. L-

    Artikolu 2 - I d-dritt għall-interpretazzjoni

    16. Dan l-Artikolu jistabilixxi l-prinċipju bażiku li l-interpretazzjoni għandha tiġi provduta matul il-fażijiet investigattivi u ġudizzjarji tal-proċedimenti, jiġifieri matul l-investigazzjoni tal-pulizija, waqt il-kawża kriminali u waqt kwalunkwe seduti interim jew appelli. Id-dritt huwa wkoll estiż għal parir legali mogħti lill-persuna susspettatajekk l-avukat tiegħu jitkellem lingwa li hu ma jifhimx.

    Artikolu 3 – Id-Dritt ta' traduzzjoni ta' dokumenti essenzjali

    17. Is-susspettat għandu d-dritt għat-traduzzjoni ta' dokumenti essenzjali sabiex jiġi salvagwardjat id-dritt ta' proċedimenti xierqa. Fil-kawża Kamasinski v. l-Awstrija[11], il-QEDB stabbiliet li d-dritt tal-interpretazzjoni japplika għall-"materjal ta' dokumentazzjoni" u li l-akkużat għandu jkollu tagħrif biżżejjed dwar il-każ li jkun hemm kontra tiegħu sabiex ikun jista' jiddefendi lilu nnifsu[12]. Id-dokumenti essenzjali għall-proċedimenti kriminali għandhom għaldaqstant jinkludu l-avviż tal-imputazzjoni jew l-att tal-akkuża u kwalunkwe materjal ta' dokumentazzjoni relevanti bħal dikjarazzjonijiet ta' xhud ewlieni meħtieġa sabiex tinftiehem "fid-dettall, in-natura u l-kawża tal-akkuża kontrieh" skont l-Artikolu 6(3)(a) tal-KEDB. Għandha tiġi fornita wkoll traduzzjoni ta’ kull ordni ta' detenzjoni jew ordni li jċaħħad lill-persuna mil-libertà tagħha u s-sentenza, li hija meħtieġa sabiex il-persuna teżerċita d-dritt tagħha tal-appell (KEDB Protokoll 7, l-Artikolu 2).

    Fir-rigward tal-proċedimenti għall-eżekuzzjoni tal-Mandat tal-Arrest Ewropew, il-Mandat ta' Arrest Ewropew għandu jiġi tradott.

    Artikolu 4 – L-Istati Membri jħallsu l-ispejjeż ta' interpretazzjoni u traduzzjoni

    18. Dan l-Artikolu jipprevedi li l-ispejjeż tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għandhom jitħallsu mill-Istati Membri. L-akkużat għandu dritt għall-interpretazzjoni bla ħlas anke fil-każ li jkun instab ħati. Dan ġie stabbilit f’ Luedicke, Belkacem u Koç v. Germany [13].

    Artikolu 5 – Il-Kwalità tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni

    19. Dan l-Artikolu jistabilixxi r-rekwiżit bażiku li tiġi ssalvagwardjata l-kwalità tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni. Ir-rakkomandazzjonjiet f'dan ir-rigward jinsabu fir-Rapport tal-Forum ta' Riflessjoni dwar il-Multilingwiżmu u t-Taħriġ tal-Interpreti[14].

    Artikolu 6 – Klawżola ta' non-rigressjoni

    20. Il-fini ta' dan l-Artikolu huwa li jiżgura li l-iffissar ta' standards minimi komuni f'konformità mad-Deċiżjoni Qafas ma jkollhiex l-effett li jitbaxxew l-istandards f'ċerti Stati Membri u li l-istandards iffissati fil-KEDB jiġu miżmuma. L-Istati Membri jibqgħu kompletament fil-libertà li jistabilixxu standards iktar għoljin minn dawk mifthiema f'din id-Deċiżjoni Qafas.

    Artikolu 7 – Implimentazzjoni

    21. Dan l-Artikolu jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw d-Deċiżjoni Qafas sa x /xx/ 20xx u, sa l-istess data, jibgħatu t-test tad-dispożizzjonjiet li jitrasponuha fil-liġi nazzjonali lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    Artikolu 8 – ir-Rapportar.

    22. XX xhur wara l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jevalwa sa fejn l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni Qafas, magħha, jekk meħtieġ, il-proposti legiżlattivi.

    Artikolu 9 – Dħul fis-seħħ

    23. Dan l-Artikolu jipprovdi li d-Deċiżjoni Qafas għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    5. IL-PRINċIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ

    24. L-għan tal-proposta ma jistax jiġi milħuq suffiċjentement mill-Istati Membri waħidhom, peress li l-mira tal-proposta hija li tippromwovi l-fiduċja bejniethom u huwa għalhekk importanti li jkun hemm qbil dwar standard minimu komuni li japplika fl-Unjoni Ewropea kollha. Il-proposta għandha tqarreb lejn xulxin ir-regoli proċedurali sostantivi tal-Istati Membri fir-rigward tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fil-proċeduri kriminali sabiex tinbena fiduċja reċiproka. Għaldaqstant il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    6. IL-PRINċIPJU TA' PROPORZJONALITÀ

    25. Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità billi tillimita ruħha għall-minimu rikjest biex tikseb dawk l-għanijiet f'livell Ewropew u ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ għal dak il-għan.

    2009/0101 (CNS)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL

    dwar id-dritt ta' interpretazzjoni u traduzzjoni f'proċedimenti kriminali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(1)(ċ) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1) L-Unjoni Ewropea timmira lejn iż-żamma u l-iżvilupp ta' spażju ta' libertà, sigurtà u ta' ġustizzja. Skont il-konklużjonjiet tal-Kunsill Ewropew f'Tampere fil-15 u 16 ta' Ottubru 1999, u b'mod partikolari punt 33 tiegħu, il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għandu jsir il-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja kemm fil-kwistjonjiet ċivili kif ukoll f'dawk kriminali fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

    (2) Fid-29 ta' Novembru 2000, skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Tampere, il-Kunsill adotta programm ta' miżuri immirati lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' rikonoxximent reċiproku fi kwistjonijiet kriminali[15]. L-introduzzjoni tal-programm ta' miżuri tistabilixxi li r-rikonoxximent reċiproku huwa "imfassal sabiex isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri iżda wkoll biex itejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali".

    (3) L-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonjiet fi kwistjonjiet kriminali jippresupponi li l-Istati Membri għandhom fiduċja fis-sistema ta' ġustizzja kriminali ta' xulxin. Il-portata tal-eżerċizzju tar-rikonoxximent reċiproku jiddependi ħafna fuq numru ta' parametri, li jinkludu "mekkaniżmi għas-salvagwardja tad-drittijiet ta' […] suspettati"[16] u fuq standards minimi komuni meħtieġa biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.

    (4) Ir-rikonoxximent reċiproku jista' jaħdem effettivament biss fi spirtu ta' fiduċja, fejn mhux biss l-awtoritajiet ġudizzjarji, iżda l-atturi kollha fil-proċess kriminali jaraw id-deċiżjonjiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stati Membri oħra bħala ekwivalenti għal tagħhom, dan jimplika "mhux biss fiduċja fl-adegwatezza tar-regoli tas-sieħeb, iżda wkoll fiduċja li dawn ir-regoli huma applikati korrettament"[17].

    (5) Minkejja li l-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u għal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), l-esperjenza uriet li dan waħdu mhux dejjem jipprovdi livell biżżejjed ta' fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra.

    (6) L-Artikolu 31(1) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea jaħseb biex "jiżgura l-kompatibbiltà fir-regoli applikabbli fl-Istati Membri kif jistgħu jkunu neċessarji sabiex itejbu [il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-kwistjonjiet kriminali]" L-istandards minimi komuni għandhom iwasslu għal żieda fil-fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri kollha li bħala riżultat għandu jwassal għal kooperazzjoni ġudizzjarja aktar effiċjenti fi klima ta' fiduċja reċiproka.

    (7) Tali standards komuni għandhom jiġu applikati fl-oqsma tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali. Sabiex tiġi inkoraġġita l-kunfidenza meħtieġa fost l-Istati Membri, din id-Deċiżjoni Qafas tipprovdi għal standards komuni bażiċi fir-rigward tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fil-proċedimenti kriminali fl-Unjoni Ewropea li jirriflettu it-tradizzjonjiet tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonjiet rilevanti tal-KEDB.

    (8) Id-dritt tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni għal dawk li ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti huma minquxa fl-Artikoli 5 u 6 tal-KEDB, kif interpretata mill-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Id-dispożizzjonjiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta' dawk id-drittijiet fil-prattika.

    (9) Id-dispożizzjonjiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas għandhom jiżguraw li d-drittijiet tas-suspettat li ma jitkellimx u ma jifhimx il-lingwa tal-proċedimenti, li jifhem l-akkużi/imputazzjonjiet miġjuba kontrtieh u li jifhem il-proċedimenti sabiex ikun jista' jeżerċita d-drittijiet tiegħu, billi tipprovdi assistenza lingwistika bla ħlas u preċiża. Din l-assistenza għandha testendi, jekk neċessarju, għar-relazzjonijiet bejn is-suspettat u l-avukat difensur tiegħu.

    (10) Assistenza xierqa għandha wkoll tiġi provduta lil suspettati li għandhom diffikultajiet ta' smiegħ jew biex jitkellmu.

    (11) Id-dmir ta' attenzjoni fir-rigward tas-suspettati li ma jistgħux jifhmu jew isegwu l-proċedimenti huma l-bażi ta' amministrazzjoni tal-ġustizzja xierqa. Il-prosekuzzjoni, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji għandhom għalhekk jiżguraw li s-suspettati f'pożizzjoni potenzjalment dgħajfa jkunu jistgħu jeżerċitaw effettivament id-drittijiet tagħhom. Dawk l-awtoritajiet għandhom ikunu konxji ta' kwalunkwe vulnerabilità potenzjali u jieħdu l-passi xierqa sabiex jiżguraw dawk id-drittijiet. Dan għandu jkun dejjem il-każ meta s-suspettat huwa minuri jew ibati minn diżabilitajiet li jtelfuh mill-parteċipazzjoni attiva fil-proċedimenti.

    (12) L-Istati Membri għandhom ikollhom id-dmir li jipprovdu taħriġ għall-imħallfin, l-avukati u impjegati tal-qorti relevanti oħra sabiex jiżguraw il-kwalità tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni.

    (13) Din id-Deċiżjoni Qafas tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Din id-Deċiżjoni Qafas tipprova tippromwovi b'mod partikolari, id-dritt tal-libertà, id-dritt ta' proċess xieraq u d-drittijiet tad-difiża.

    (14) Peress li l-għan li jintlaħqu standards komuni minimi ma jistax jiġi milħuq mill-Istati Membri billi jaġixxu unilateralment u jista' jintlaħaq biss fuq livell Ewropew, il-Kunsill jista' jadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif imsemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u kif definit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif inhu previst minn dan l-aħħar Artikolu, din id-Deċiżjoni Qafas ma tmurx lil’hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS:

    Artikolu 1 Ambitu

    1. Din id-Deċiżjoni Qafas tistabilixxi regoli li jikkonċernaw id-drittijiet għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti għall-eżekuzzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew.

    2. Dawk id-drittijiet japplikaw għal kwalunkwe persuna minn meta dik il-persuna tkun infurmata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li hija suspettata li wetqet reat kriminali sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċedimenti (“is-suspettat”).

    Artikolu 2 id-dritt għall-informazzjoni;

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li suspettat li ma jifhimx u ma jitkellimx il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernati jiġi provdut b'interpretu, sabiex jiġi salvagwardjat id-dritt ta' proċedimenti kriminali xierqa. L-interpretazzjoni għandha tiġi provduta matul dawk il-proċedimenti quddiem l-awtoritajiet investigattivi u ġudizzjarji, inkluż waqt l-investigazzjoni tal-pulizija, matul il-laqgħat kollha neċessarji bejn is-suspettat u l-avukat tiegħu, matul is-seduti tal-qorti kollha u matul kwalunkwe seduti interim.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jkun meħtieġ, il-parir legali mogħti matul il-proċedimenti kriminali jiġi interpretat għas-suspettat.

    3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura hi avjata sabiex jaċċertaw jekk is-suspettat jifhimx u jitkellimx il-lingwa tal-proċedimenti kriminali.

    4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li hemm id-dritt tal-appell kontra deċiżjoni li tistabilixxi li m’hemmx ħtieġa għall-interpretazzjoni.

    5. Id-dritt għall-interpretazzjoni jinkludi assistenza lil persuni li għandhom diffikultajiet ta' smigħ jew biex jitkellmu.

    6. Fir-rigward tal-proċedimenti tal-eżekuzzjoni tal-Mandat tal-Arrest Ewropew, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe persuna li hi soġġetta għal tali proċedimenti li ma jifhimx u jitkellimx il-lingwa tal-proċedimenti għandha tiġi provduta b'interpretazzjoni ta' dawk il-proċedimenti.

    Artikolu 3 Id-Dritt ta' traduzzjoni ta' dokumenti essenzjali

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li suspettat li ma jifhimx u ma jitkellimx il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernati jiġi provdut bi traduzzjonijiet tad-dokumenti kollha essenzjali sabiex jiġi salvagwardjat id-dritt ta' proċedimenti kriminali xierqa.

    2. Id-dokumenti essenzjali li għandhom jiġu tradotti għandhom jinkludu l-ordni ta' detenzjoni li ċċaħħad lill-persuna mil-libertà, l-imputazzjoni/akkuża, provi dokumentati essenzjali u s-sentenza.

    3. Is-suspettat jew l-avukat tiegħu jista' jippreżenta talba motivata għat-traduzzjoni ta' dokumenti addizjonali inkluż il-parir legali miktub mill-avukat tas-suspettat.

    4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm dritt ta' appell kontra deċiżjoni ta' ċaħda ta' traduzzjoni ta' kwalunkwe dokumenti msemmija f'paragrafu 2.

    5. Fir-rigward tal-proċedimenti tal-eżekuzzjoni tal-Mandat tal-Arrest Ewropew, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe persuna li hi soġġetta għal tali proċedimenti li ma tifhimx il-lingwa li biha huwa redat il-Mandat ta' Arrest Ewropew għandha tiġi provduta b'traduzzjoni ta' dak id-dokument.

    Artikolu 4 L-Istati Membri jħallsu l-ispejjeż ta' interpretazzjoni u traduzzjoni

    L-Istati Membri għandhom ikopru l-ispejjeż tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikoli 2 u 3.

    Artikolu 5 Il-Kwalità tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni

    1. L-Interpretazzjoni u t-traduzzjoni għandhom jiġu provduti b'mod li jiżguraw li s-suspettat huwa kompletament kapaċi jeżerċita d-drittijiet tiegħu.

    2. L-Istati Membri għandhom joffru taħriġ lill-imħallfin, lill-avukati u lill-impjegati oħra relevanti tal-qorti sabiex jiżguraw il-kapaċità tas-suspettat li jifhem il-proċedimenti.

    Artikolu 6 Klawsola ta’ non-rigressjoni

    Xejn f'din id-Deċiżjoni Qafas ma għandu jiġi miftiehem bħala li jillimita lil jew jidderoga minn xi drittijiet u salvagwardi proċedurali li jistgħu jiġu żgurati taħt il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali jew il-liġijiet ta' kwalunkweStat Membru li jipprovdu livell ta' protezzjoni ogħla.

    Artikolu 7 Implimentazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas sa mhux iktar tard minn[18]..........

    Sa l-istess data, l-Istati Membri għandhom jittrasmettu lilll-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet li jittrasponi fil-liġijiet nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom skont din id-Deċiżjoni Qafas.

    Artikolu 8 Rapport

    Il-Kummissjoni għandha, sa...... [19], tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jevalwa sa fejn l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni Qafas, magħha, jekk meħtieġ, il-proposti legiżlattivi.

    Artikolu 9 Id-dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    [1] il-15 us16 ta’ Ottubru 1999.

    [2] Konklużjonijiet 33

    [3] COM(2000) 495, 29.7.2000.

    [4] ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.

    [5] 28 ta' Novembru 1978,Serje A Nru 29. “46.Il-Qorti għalhekk tiddeċiedi li t-tifsira ordinarja tat-terminu […] “bla ħlas" fl-Artikolu 6 para. 3(e) […] huwa kkonfermat mill-għan u l-fini tal-Artikolu 6. Il-Qorti tikkonkludi li d-dritt protett mill-Artikolu 6 para. 3(e) jimplika, għal min ma jistax jitkellem jew jifhem il-lingwa użata fil-qorti , id-dritt li jirċievi l-assistenza bla ħlas ta' interpretu, mingħajr ma sussegwentement jintalab minnu ħlas ta' spejjeż li jkunu ntefqu.”

    [6] 19 ta' Diċembru 1989, Serje A N° 168.

    [7] 19 Diċembru 1989, (10964/84) [1989] KEDB 23

    [8] “41[…] l-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani kellhom jieħdu passi sabiex jikkonformaw ruħhom magħha sabiex jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6 § 3 (a) (art. 6-3-a), sakemm ma kienux f'pożizzjoni li jistabilixxu li r-rikorrent fil-fatt kellu għarfien biżżejjed tat-Taljan sabiex ikun jista' jifhem min-notifika l-iskop tal-ittra li nnotifikatu bl-imputazzjonjiet miġjuba kontrih. L-ebda prova ta' dan it-tip ma tidher mid-dokumenti fil-proċess jew mid-dikjarazzjonjiet tax-xhieda li nstemgħet fit-23 ta' April 1989. Fuq dan il-punt jeżisti għalhekk ksur tal-Artikolu 6 § 3 (a) (art. 6-3-a).”

    [9] l-24 ta’ Settembru 2002 – Nru.3277/96

    [10] http://ec.europa.eu/commission_barroso/orban/docs/FinalL_Reflection_Forum_Report_en.pdf

    [11] 19 ta' Diċembru 1989, Serje A N° 168.

    [12] “74. Id-dritt […] għall-assistenza b'xejn ta' interpretu tapplika mhux biss għal dikjarazzjonijiet orali magħmula f'seduta ta' kawża kriminali iżda wkoll għal materjal ta' dokumentazzjoni u għall-proċedimenti ta' qabel il-kawża kriminali. Paragrafu 3 (art. 6-3-e) ifisser li persuna "imputata b'reat kriminali" li ma tistax tifhem jew titkellem il-lingwa użata fil-qorti għandha dritt għal assistenza bla ħlas ta' interpretu għat-traduzzjoni jew l-interpretazzjoni ta' dawk id-dokumenti jew dikjarazzjonjiet kollha fil-proċedimenti istitwiti kontriha li huma importanti għaliha li tifhem jew li tfiehem fil-lingwa tal-qorti sabiex ikollha l-benefiċċju ta' proċess kriminali xieraq. […]Madanakollu, paragrafu 3 (e) (art. 6-3-e) ma jasalx li jitlob traduzzjoni bil-miktub ta' kull biċċa prova miktuba jew tad-dokumenti kollha uffiċjali fil-proċedura. L-assistenza tal-interpretazzjoni provduta għandha tkun tali li tippermetti lill-imputat li jkollu tagħrif tal-każ kontrih u jkun jista' jiddefendi lilu nnifsu, primarjament billi jkun possibbli għalih li jressaq il-verżjoni tiegħu tal-fatti quddiem il-qorti. Fid-dawl tal-ħtieġa tad-dritt garantit minn paragrafu 3 (e) (art. 6-3-e) li jkun prattiku u effettiv, l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti mhux limitat għall-ħatra ta' interpretu iżda, jekk jiġu mitluba f'ċirkostanzi partikolari, jista jestendi sa ċertu livell ta' kontroll suċċessiv fuq l-adegwatezza tal-interpretazzjoni provduta (ara s-sentenza Artico).”

    [13] “46.Il-Qorti għalhekk tiddeċiedi li t-tifsira ordinarja tat-terminu […] “bla ħlas" fl-Artikolu 6 para. 3(e) […] huwa kkonfermat mill-għan u l-fini tal-Artikolu 6. Il-Qorti tikkonkludi li d-dritt protett mill-Artikolu 6 para. 3(e) jimplika, għal min ma jistax jitkellem jew jifhem il-lingwa użata fil-qorti , id-dritt li jirċievi l-assistenza bla ħlas ta' interpretu, mingħajr ma sussegwentement jintalab minnu ħlas ta' spejjeż li jkunu ntefqu.”

    [14] Ara n-nota tal-qiegħ 10 hawn fuq.

    [15] ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.

    [16] ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.

    [17] COM (2000) 495, 26.7.2000, p. 4.

    [18] 24 xahar wara l-pubblikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Qafas fil- Ġurnal Uffiċjali .

    [19] 36 xahar wara l-pubblikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Qafas fil- Ġurnal Uffiċjali .

    Top