EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0055

Is-sitwazzjoni tar-refuġjati Burmani fit-Tajlandja Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta' Frar 2009 dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati Burmani fit-Tajlandja

ĠU C 67E, 18.3.2010, p. 144–145 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/144


Is-sitwazzjoni tar-refuġjati Burmani fit-Tajlandja

P6_TA(2009)0055

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati Burmani fit-Tajlandja

(2010/C 67 E/18)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Protokoll tal-1967 tiegħu,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burma,

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi kien rappurtat li madwar 1 000 persuni tar-Rohingya li qasmu bid-dgħajjes kienu interċettati mill-flotta fl-ibħra territorjali Taljandiżi bejn it-18 u t-30 ta' Diċembru 2008 u sussegwentement miġbuda fl-ibħra internazzjonali mingħajr tagħmir ta' navigazzjoni jew ikel u ilma biżżejjed; billi ħafna minn dawk il-persuni li qasmu bid-dgħajjes huma mitlufa u hemm biża' li għerqu waqt li xi wħud minnhom kienu salvati mill-gwardji tal-kosta Indoneżjani jew Indjani,

B.

billi il-persuni tar-Rohingya, komunità etnika prinċipalment Musulmana fil-punent ta' Burma, huma suġġetti għal każi ta' ksur sistematiku, persistenti u numeruż tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim ta' tmexxija militari, li jinkludu r-rifjut tad-drittijiet taċ-ċittadinanza, restrizzjonijiet severi tal-libertà tal-moviment u arresti arbitrarji,

C.

billi fis-snin reċenti eluf ta' Burmani ħarbu minn pajjiżhom minħabba r-ripressjoni u l-ġuħ mifrux u qiegħdu ħajjithom fil-periklu biex jaslu fit-Tajlandja u f'pajjiżi oħra tax-Xlokk tal-Asja; billi t-Tajlandja qed issir dejjem iżjed pajjiż ta' tranżitu għar-refuġjati Burmani,

D.

billi l-awtoritajiet Tajlandiżi ċaħdu dawn l-akkużi u l-Prim Ministru Abhisit Vejjajiva wiegħed investigazzjoni sħiħa dwar dan,

E.

billi l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati uriet it-tħassib tagħha dwar ir-rapporti ta' maltrattament tar-refuġjati Burmani u kisbet aċċess għal xi wħud mill-126 persuni Rohingya li għadhom qed jinżammu taħt kustodja mill-awtoritajiet Tajlandiżi,

F.

billi l-awtoritajiet Tajlandiżi qed jisħqu li l-migranti maqbuda f'ibħra Tajlandiżi kienu migranti ekonomiċi illegali,

1.

Jikkundanna rapporti ta' trattament inuman tar-refuġjati Rohingya u jħeġġeġ lill-Gvern Tajlandiż, bħala membru rispettabbli tal-komunità internazzjonali magħruf sew għall-ospitalità tiegħu mar-refuġjati, biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa ħalli jiżgura li l-ħajjiet tal-persuni tar-Rohingya ma jkunux fil-periklu u li jkunu ttrattati f'konformità mal-istandards umanitarji;

2.

Jikkundanna bil-qawwa l-persekuzzjoni kontinwa tal-persuni tar-Rohingya mill-Gvern Burman li għandu r-responsabilità ewlenija fis-sitwazzjoni serja tar-refuġjati; jitlob lill-persuni tar-Rohingya jingħata lura ċ-ċittadinanza Burmana, li minnufih jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha għal-liberta' ta' moviment tagħhom u d-dritt tagħhom għall-edukazzjoni, id-dritt li jiżżewġu u li jieqfu l-persekuzzjonijiet reliġjużi u l-qerda tal-Moskej u ta' postijiet oħra ta' qima u jieqfu l-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż kif ukoll il-faqar deliberat, it-tassazzjoni arbitrarja u l-konfiska ta' l-art;

3.

Jappella lill-gvern Tajlandiż biex ma jirritornax ir-refuġjati Rohingya u ta' dawk li qed ifittxu l-ażil, inklużi l-persuni li qasmu bid-dgħajjes, lejn Burma fejn il-ħajja tagħhom se tkun fil-periklu jew fejn huma suġġetti għat-tortura;

4.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-istqarrija tal-Prim Ministru Tajlandiż Abhisit Vejjajiva biex jinvestiga l-allegazzjonijiet ta' maltrattament mill-militar fuq ir-Rohingya li qed ifittxu l-ażil u jitlob li ssir inkjesta sew u imparzjali bi trasparenza sħiħa sabiex tistabbilixxi l-fatti u tittieħed azzjoni xierqa kontra dawk responsabbli mill-maltrattament tar-refuġjati Burmani;

5.

Jilqà l-kooperazzjoni tal-Gvern Taljandiż mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u jitlob aċċess immedjat u sħiħ għall-persuni Rohingya li qasmu bid-dgħajjes kollha u li huma taħt kustodja sabiex jiddefinixxi l-livell tal-ħtieġa tagħhom għal protezzjoni; jistieden fl-istess waqt lill-gvern Tajlandiż biex jiffirma l-Konvenzjoni tar-Refuġjati u l-Protokoll tal-1967 tiegħu;

6.

Jisħaq li l-kwistjoni tal-persuni li qasmu bid-dgħajjes u li taffettwa t-Tajlandja u pajjiżi oħra hi essenzjalment kwistjoni reġjonali; iqis b'mod pożittiv l-isforzi tal-gvern Tajlandiż biex iżid il-koperazzjoni fost il-ġirien tar-reġjun biex tkun indirizzata l-kwistjoni tar-Rohingya; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-laqgħa li saret fit-23 ta' Jannar 2009 mis-Segretarju Permanentimis-Segretarju għall-Affarijiet Barranin Virasakdi Futrakul mal-Ambaxxaturi tal-Indja, tal-Indoneżja, tal-Bangladexx, tal-Malażja u ta' Burma; u jappella lill-membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tal-Asja tax-Xlokk (ASEAN), u l-aktar il-presidenza Tajlandiża, u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti biex jaħdmu ħalli tinstab soluzzjoni permanenti għal din il-problema li ilha teżisti;

7.

Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex isaħħu l-Pożizzjoni Komuni tal-UE, li se tkun riveduta f'April 2009, biex tista' tindirizza d-diskriminazzjoni terribbli kontra r-Rohingya;

8.

Iqis bħala importanti ferm li tintbagħat missjoni tal-PE f'Burma minħabba s-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem, li għadha mhix qed turi titjib, u jemmen li l-pressjoni internazzjonali fuq ir-reġim għandha tkun imsaħħa;

9.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-gvern tar-Renju tat-Tajlandja, lill-Gvern ta' Burma, lis-Segretarju Ġenerali tal-Asja tal-Xlokk, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.


Top