Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0048

    It-tisħiħ tal-irwol tal-SMEs Ewropej fil-kummerċ internazzjonali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta' Frar 2009 dwar it-tisħiħ tal-irwol tal-SMEs Ewropej fil-kummerċ internazzjonali (2008/2205(INI))

    ĠU C 67E, 18.3.2010, p. 101–111 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.3.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 67/101


    It-tisħiħ tal-irwol tal-SMEs Ewropej fil-kummerċ internazzjonali

    P6_TA(2009)0048

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar it-tisħiħ tal-irwol tal-SMEs Ewropej fil-kummerċ internazzjonali (2008/2205(INI))

    (2010/C 67 E/12)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar, adottata mill-Kunsill Ewropew waqt il-laqgħa f'Santa Maria da Feira tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2000,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza dwar l-Istrateġija ta' Liżbona adottati mill-Kunsill Ewropew f'Liżbona fit-23 u fl-24 ta' Marzu 2000,

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni tal-mikrointrapriżi u tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (1),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Jannar 2003 bit-titolu “Naħsbu fuq skala żgħira f'Ewropa li dejjem qed tikber” (COM(2003)0026),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2005 bit-titolu “L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona – Politika Moderna tal-SMEs għat-tkabbir u l-impjiegi” - (COM(2005)0551),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2006 bit-titolu “L-Ewropa Globali: Kompetizzjoni Dinjija – kontribut lill-istrateġija tal-UE għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi” - (COM(2006) 0567),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2007 dwar l-Ewropa Globali – l-aspetti esterni tal-kompetittività (2),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2007 bit-titolu 'l-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju - Essenzjali għal aktar tkabbir ekonomiku u xogħlijiet. Reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-politika Moderna għall-SMEs (COM(2007)0592),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta' April 2007 bit-titolu “L-Ewropa Globali: Partenarjat aktar b'saħħtu biex itejjeb l-aċċess għas-swieq għall-esportaturi Ewropej” (COM(2007)0183),

    wara li kkunsidra r-rapport dwar il-konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija tal-UE għall-aċċess tas-suq, imressaq mill-Kummissjoni (DG Trade) fit-28 ta' Frar 2007,

    wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Grupp ta' Esperti dwar l-appoġġ għall-Internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, ippubblikat mill-Kummissjoni (DG Intraprizi u Industrija, Promozzjoni tal-kompetittività tal-SMEs) f'Diċembru 2007 (3),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008 bit-titolu - “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” - “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa” (COM(2008)0394),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2006 bit-titolu “Ewropa Globali: Strumenti għad-Difiża tal-Kummerċ tal-UE f'ekonomija dinjija li qed tinbidel - Green Paper għal konsultazzjoni pubblika” (COM(2006)0763),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u ta' kummerċ tal-UE mal-Indja (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2006 dwar ir-rapport annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar attivitajiet ta' anti-dumping, ta' kontra s-sussidji u ta' salvagwardja ta' pajjiżi terzi kontra l-Komunità (2004) (5),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2006 dwar l-evalwazzjoni tar-Round ta' Doha wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Hong Kong (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ottubru 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur għall-konklużjoni ta' Ftehima ta' Assoċjazzjoni Interreġjonali (7),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi translatlantiċi bejn l-UE u l-Istati Uniti (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta Ottubru 2005 dwar il-prospetti għal relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina (9),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2005 dwar it-tessuti u l-ħwejjeġ wara l-2005 (10),

    wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2006 – li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Riformi ekonomiċi u kompetittività: il-messaġġi ewlenin tar-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2006 (SEC(2006)1467),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza adottati mill-Kunsill Ewropew ta' Brussell fit-23 u fl-24 ta' Marzu 2006 (7775/1/2006),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2006 dwar il-kontribut fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2006 fir-rigward tal-Istrateġija ta' Liżbona (11),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni adottata b'kunsens fit-2 ta' Diċembru 2006 fis-sessjoni annwali tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2008 bit-titolu “Lejn Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ riformata” (12),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-6 ta' Lulju 2006 dwar l-immarkar tal-oriġini (13),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat-12 ta' Frar 2007 rigward il-Ftehima tad-WTO dwar l-Appalti Pubbliċi u l-SMEs,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija kif ukoll tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0001/2009),

    A.

    billi l-SMEs fl-UE, definiti bħala intrapriżi b'inqas minn 250 impjegat u fatturat li ma jaqbiżx EUR 50 miljun, jammontaw għal 23 miljun intrapriża (99% tat-total) u 75 miljun impjieg (70%) fl-Unjoni Ewropea,

    B.

    billi aktar minn 96 % tal-SMEs fl-UE għandhom inqas minn 50 impjegat u inqas minn EUR 10 miljun f'fatturat annwali li jillimita l-possibiltajiet tagħhom li jesportaw il-merkanzija u s-servizzi barra mill-fruntieri nazzjonali tagħhom, minħabba l-ispejjeż fissi għoljin marbuta mal-kummerċ internazzjonali;

    C.

    billi l-prestazjoni internazzjonali tagħhom hija għalhekk strutturalment dgħajfa, għalkemm 8% tal-SMEs fl-Unjoni Ewropea jesportaw barra mill-fruntieri nazzjonali tagħhom u kważi 3% tal-SMEs iqisu l-esportazzjoni tal-merkanzija barra mill-Unjoni Ewropea bħala prijorità; billi b'kuntrast l-aqwa għaxar intrapriżi tal-UE iwettqu biss 96% tal-esportazzjonijiet u tal-investimenti diretti barranin tal-UE,

    D.

    billi t-tkabbir imbassar fil-pajjiżi terzi mistenni jkun ogħla milli fis-suq intern, u dan se joħloq opportunitajiet ġodda għall-SMEs li jesportaw,

    E.

    billi l-SMEs se jiffaċċjaw kompetizzjoni aktar intensiva fl-Unjoni Ewropea minn kompetituri li ġejjin minn pajjiżi terzi,

    F.

    billi l-aħjar mezzi biex ikunu garantiti opportunitajiet għall-SMEs f'ekonomija globalizzata huma s-swieq miftuħa u l-kompetizzjoni ġusta,

    G.

    billi kumpaniji internazzjonalizzati wrew iktar kapaċità fl-innovazzjoni; billi l-internazzjonalizzazzjoni u l-innovazzjoni jagħtu l-imbuttatura ewlenija lill-kompetittività u t-tkabbir, li huma kruċjali biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija ta' Liżbona fir-rigward tat-tkabbir u l-impjiegi,

    H.

    billi l-internazzjonalizzazzjoni toħloq tkabbir u kompetittività, billi tgħin in-negozji jespandu u b'hekk iżidu l-impjiegi, u billi l-SMEs joħolqu 80% tal-impjiegi ġodda fl-Unjoni Ewropea,

    I.

    billi l-SMEs iridu jiffaċċjaw problemi speċifiċi meta jibdew il-proċess ta' internazzjonalizzazzjoni, bħan-nuqqas ta' esperjenza internazzjonali tagħhom, id-diffikultà li jiksbu aċċess għal finanzi, in-nuqqas ta' ħaddiema b'esperjenza, u qafas ta' liġijiet internazzjonali kumpless ħafna u dawn il-piżijiet jiddiswaduhom milli jagħmlu l-bdil strutturali meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-internazzjonalizzazzjoni,

    J.

    billi l-SMEs li qegħdin fil-kummerċ internazzjonali għandhom irwol fit-tiswir mill-ġdid tal-għamla ekonomika tal-UE b'mod li jsiru l-ġenerazzjoni li jmiss ta' kumpaniji kbar li teħtieġ l-Unjoni Ewropea sabiex tiksib l-objettiv ta' 3% tal-Prodott Gross Domestiku minfuq fir-Riċerka u l-Iżvilupp,

    K.

    billi l-SMEs tal-UE għandhom interess ewlieni fis-swieq l-iktar qrib ġeografikament u kulturalment, jiġifieri fir-reġjuni konfinanti tal-Unjoni Ewropea bħall-Istati tal-Mediterran u tal-Balkani tal-Punent,

    L.

    billi l-kompetittività tiddependi wkoll fuq il-kapaċità li l-SMEs ikollhom il-garanzija ta' protezzjoni xierqa kontra l-prattiki kummerċjali mhux ġusti; billi l-produzzjoni tal-manifattura fl-Unjoni Ewropea hija settur importanti għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi,

    Il-qafas multilaterali u d-WTO

    1.

    Jinsisti fuq il-ħtieġa li s-sistema tad-WTO tiżgura li tqis iktar l-irwol tal-SMEs u l-interessi tagħhom; ifakkar li l-SMEs jeħtieġu qafas normattiv internazzjonali ċar u li jaħdem;

    2.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-ambitu tan-negozjati fid-WTO tfassal regoli speċifiċi simplifikati dwar l-SMEs fiz-zoni ta' kummerċ ħieles, kif ukoll dispożizzjonijiet speċjali marbuta mal-ħtiġijiet tal-SMEs;

    3.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrevedu l-prijoritajiet tagħhom fil-qafas multilaterali filwaqt li jiffavorixxu t-tneħħija tal-ostakli kemm dawk tariffarji u kemm dawk mhux tariffarji, il-promozzjoni tal-kummerċ internazzjonali permezz ta' miżuri xierqa ta' simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-istandards;

    4.

    Iqis li jeħtieġ li s-sistema ta' skambji internazzjonali issir anqas ta' piż għall-SMEs u li jkun ikkunsidrat il-ħolqien ta' sistema ta' qrati arbitrarji internazzjonali li jkollhom proċedura qasira u li tkun titlob inqas sforz biex tippermetti lill-SMEs li jevitaw id-dewmien u d-diffikultajiet li ġġib magħha tilwima mal-awtoritajiet tad-dwana jew kummerċjali f'xi pajjiżi terzi;

    5.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu sforz attiv biex jilħqu ftehima multilaterali globali dwar 'il-faċilitazzjoni tal-kummerċ', inter alia, sabiex l-SMEs tal-UE jibbenefikaw bis-sħiħ mill-globalizzazzjoni u mill-ftuħ ta' swieq ta' pajjiżi terzi;

    6.

    Jappoġġja b'mod partikulari l-adozzjoni ta' pożizzjoni soda fin-negozjati dwar proċeduri li jiffaċilitaw il-kummerċ, sabiex ikun hemm tnaqqis fil-prezz tal-proċeduri tad-dwana, li jistgħu jilħqu sa l-15% tal-valur tal-merkanzija kummerċjalizzata, permezz ta' proċeduri trasparenti u simplifikati, armonizzazzjoni ta' standards internazzjonali, effikaċità tar-reġistru tal-oriġini tal-beni, u modernizzazzjoni tal-kontrolli tad-dwana;

    7.

    Jenfasizza l-importanza li għandha għall-SMEs il-konklużjoni tan-negozjati fil-kapitoli kollha tar-Round ta' Doha għall-Iżvilupp;

    Il-Komunikazzjoni “Ewropa Globali”

    8.

    Jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni biex toffri lill-Unjoni Ewropea strateġija globali li tkopri l-aspetti esterni kollha tal-kompetittività Ewropea u tgħin biex ikun żgurat li l-objettivi tal-Istrateġija tal-Liżbona jintlaħqu kompletament, imma jinnota b'dispjaċir l-assenza ta' inizjattivi speċifiċi favur l-SMEs, li jipprovdu żewġ terzi tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex joffru rimedju għal dan in-nuqqas mingħajr dewmien, u biex jistipulaw objettivi ambizzjużi, imma fl-istess ħin realistiċi, biex ikunu salvagwardati l-interessi tal-SMEs u jagħmlu disponibbli l-mezzi u r-riżorsi meħtieġa; jinnota l-importanza ta' Regolament effettiv dwar l-Ostakli għall-Kummerċ bħala strument komplimentari għal dak il-għan;

    9.

    Iqis li jeħtieġ li jkun hemm liberalizzazzjoni reċiproka tal-kummerċ għall-SMEs u għalhekk iħoss li l-Kummissjoni għandha tfassal soluzzjoni espliċita għad-diffikultajiet marbuta mal-esportazzjoni li jiffaċċjaw l-SMEs fl-UE, billi tispjega liema strumenti nazzjonali jew Ewropej għandha tuża l-Unjoni Ewropea biex tgħin lill-SMEs itejbu l-prestazjoni tagħhom fis-swieq globali;

    Riforma tal-istrumenti ta' difiża kummerċjali (TDIs)

    10.

    Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira l-proposti għal riforma tal-istrumenti ta' difiża kummerċjali li jinsabu fil-Green Paper imsemmija hawn fuq magħmula għall-konsultazzjoni tal-pubbliku;

    11.

    Huwa tal-parir li r-riformi tal-Kummissjoni mhux biss ma kinux se jkunu ta' ġid għall-kompetittività esterna tal-industrija tal-UE, iżda kienu jkunu ta' ħsara gravi ikbar għal dawk is-setturi industrijali tal-UE mqiegħda fil-periklu minn prodotti barranin li jkunu ssussidjati illegalment jew li jkunu ffavoriti b'mod eċċessiv mill-prattika tad-dumping; jinsisti li s-sistema tal-Istrumenti ta' Difiża Kummerċjali (sistema TDI) trid tkompli tkun proċedura kważi ġudizzjarja, ibbażata fuq evalwazzjonijiet oġġettivi u fattwali, sabiex ikun hemm prevedibiltà u ċertezza legali;

    12.

    Iqis li fin-nuqqas ta' regoli dwar il-kompetizzjoni rikonoxxuti b'mod internazzjonali, is-sistema Ewropea ta' TDI hija l-aħjar metodu biex ikunu żgurati kundizzjonijiet indaqs għall-atturi kollha u huwa tal-opinjoni li l-kumpaniji tal-UE, speċjalment l-SMEs, jeħtiġilhom mekkaniżmu effettiv biex jiġġieldu l-prattiki kummerċjali mhux ġusti;

    13.

    Jenfasizza li s-sistema TDI għandha l-għan li tipproteġi l-interessi tal-produtturi u tal-impjegati kontra l-iżvantaġġi maħluqa mid-dumping jew mis-sussidji illegali; minħabba l-importanza tal-Istrument ta' Difiża Kummerċjali, jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid it-trasparenza, il-prevedibilità u l-aċċessibilità tal-investigazzjonijiet, b'mod partikulari għall-SMEs u biex tħaffef u tissimplifka l-proċeduri;

    14.

    Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jintroduċu miżuri ta' informazzjoni u taħriġ għall-SMEs sabiex iħeġġuhom jagħmlu użu mill-Istrumenti ta' Difiża Kummerċjali; iqis li l-Kummissjoni, filwaqt li tieħu pożizzjoni newtrali, għandha tipprovdi għajnuna speċifika għall-SMEs waqt l-istadji kollha differenti ta' investigazzjonijiet dwar id-difiża kummerċjali; iqis, f'dan ir-rigward, li huwa meħtieġ li jittejbu s-servizzi offruti għall-SMEs mill-helpdesk dwar l-Istrument ta' Difiża Kummerċjali;

    15.

    Jidispjaċih li kien hemm biss għadd limitat ta' investigazzjonijiet li kienu jirrigwardaw setturi industrijali b' konċentrazzjoni għolja ta' SMEs; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu kull pass possibbli, u mingħajr dewmien, biex tirranġa l-prattika attwali bil-għan li ssostni d-drittijiet tal-SMEs b'mod aktar effettiv u tagħtihom garanzija ta' aċċess iktar faċli għas-salvagwardji taħt it-TDIs;

    16.

    Iqis, f'dan ir-rigward, li l-kunċett ta' 'proporzjon ta' produzzjoni totali Komunitarja' fir-Regolament dwar l-Ostakli għall-Kummerċ (14) diġà joffri possibilitajiet lill-SMEs biex iniedu lmenti, imma madankollu jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li jkun possibbli li l-assoċjazzjonijiet professjonali b'rappreżentazzjoni għolja ta' SMEs jkunu jistgħu jirrappreżentawhom quddiem il-Kummissjoni mingħajr ma jinbidel il-limitu attwali;

    17.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tirreaġixxi b'mod xieraq u malajr għall-pajjiżi terzi li jużaw l-istrumenti ta' difiża kummerċjali b'mod illegali, b'mod partikulari meta dawn il-miżuri jolqtu lill-SMEs tal-UE;

    Drittijiet ta' proprjetà intellettwali(IPRs) u l-marki tal-oriġini

    18.

    Jenfasizza li bħala kundizzjoni minn qabel għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda, l-SMEs jeħtiġilhom li l-IPRs jitħarsu b'mod effikaċi sabiex ikunu jistgħu jwettqu attivitajiet internazzjonali; għalhekk jenfasizza li sistema ta' Drittijiet ta' Propjetà Intellettwali (IPR) sempliċi u effiċjenti hija l-għodda ewlenija fil-promozzjoni tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs;

    19.

    Ifakkar fiż-żieda sinifikati fil-ksur tal-liġijiet tal-IPR li jolqtu l-SMEs tal-UE fl-aħħar snin u li l-iffalsifikar ma jikkonċernax biss l-industrija l-kbira iżda wkoll l-SMEs li rnexxielhom joħolqu prodotti ta' kwalità u kompetittivi, u li minħabba l-iffalsifikar dawn jistgħu iġarrbu konsegwenzi serji, li f'ċerti każi, jistgħu jipperikolaw is-sopravivenza tagħhom;

    20.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimpenjaw irwieħhom b'ħeġġa mġedda għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-fenomenu tal-iffalsifikar, kemm permezza ta' politiki interni xierqa kif ukoll permezz ta' inizjattivi internazzjonali, multilaterali (pereżempju l-Ftehima ta' Kontra l-Iffalsifikar tal-Kummerċ) u bilaterali (ftehimiet ġodda ta' koperazzjoni ekonomika ma' pajjiżi terzi), li jkunu jqisu kif jixraq l-impatt li għandu l-iffalsifkar fuq l-SMEs; jenfasizza li għall-SMEs il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-drittijiet tal-brevetti huma importanti bl-istess mod jekk mhux aktar mill-protezzjoni tat-trademarks u tad-drittijiet tal-awtur (copyrights); jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jassiguraw li dawn il-miżuri ma jiksrux l-istandards għoljin tal-protezzjoni tad-dejta fl-UE;

    21.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu lill-SMEs biex jużaw strumenti, bħall-brevetti, biex jiżguraw il-patrimonju tal-għarfien tagħhom u jipproteġu lilhom infushom kontra l-kopji u l-iffalsifikar;

    22.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jissorveljaw u jirreaġixxu fil-każ ta' ksur tal-IPRs u jistiednu l-isħab kummerċjali tagħhom biex isegwu b'mod aktar strett il-ftehima TRIPS u l-istandards nazzjonali tagħhom ta' protezzjoni ta' proprjetà intelletwali;

    23.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-kontroll tal-importazzjonijiet mill-awtoritajiet tad-dwana sabiex ikun żgurat livell iktar effettiv ta' ħarsien kontra prodotti li jiksru l-IPRs miżmuma minn kumpaniji tal-UE;

    24.

    Jiddispjaċih għad-dewmien fl-introduzzjoni ta' sistema Komunitarja ta' mmarkar tal-orġini għal ċertu tip ta' prodotti minn pajjiżi mhux Ewropej (bħat-tessuti u ż-żraben) (15) u juri t-tħassib tiegħu dwar dan il-ksur ċar tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex mingħajr dewmien ineħħu l-ostakli li s'issa xekklu d-dħul fis-seħħ ta' din il-leġiżlazzjoni u biex jippromwovu l-oriġini Ewropea tal-prodotti tagħhom, li spiss hija meqjusa mill-konsumaturi bħala garanzija ta' kwalità, ta' sigurtà u ta' rispett għal standards ta' produzzjoni għolja;

    Strateġija ta' aċċess għas-swieq tal-pajjiżi terzi

    25.

    Jenfasizza li l-iffaċilitar tal-aċċess għal swieq internazzjonali għall-SMEs jista' jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda, jipproteġi u jżid il-valur tal-impjiegi eżistenti, iħares u joħloq opportunità ta' skambju tal-għarfien u tal-fatturi speċifiċi tal-industrija tal-UE u jagħti lill-Istati Membri garanzija ta' tkabbir ekonomiku sod u dejjiemi;

    26.

    Jilqa' b'sodisfazzjoni l-isforzi attwali tal-Kummissjoni biex tipprovdi għall-SMEs aċċess għal swieq ta' pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-Gruppi tal-UE speċjalizzati fl-Aċċess għas-Swieq jaħdmu b'suċċess f'pajjżi terzi, speċjalment fl-ekonomiji emerġenti, bl-involviment tal-organizzazzjonijiet professjonali relevanti;

    27.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu t-twassil ta' informazzjoni dwar swieq f'pajjiżi terzi u, fost affarijiet oħrajn, jistabbilixxu taqsimiet dedikati għall-SMEs u jirrazzjonalizzaw il-Bażi ta' Data dwar l-Aċċess għas-Swieq, b'hekk ikun żgurat aċċess aktar faċli b'mod speċjali għall-operaturi tal-SMEs;

    28.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tissimplifika l-Bażi tad-Data dwar l-Aċċess għas-Swieq biex ikun aktar faċli għall-SMEs li jikkonsultawha; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi miżuri li jippubbliċizzaw bażi ta' data bħal dawn;

    29.

    Iqis li t-Timijiet Speċjalizzati fl-Aċċess għas-Swieq imwaqqfa mid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni f'pajjiżi terzi għandhom ikunu imsaħħa u fi ħdanhom għandu jitwaqqaf grupp li jkun responsabbli b'mod speċifiku għall-monitoraġġ ta' kwistjonijiet marbuta mal-SMEs, magħmul minn speċjalisti fi kwistjonijiet ta' kumpaniji;

    30.

    Jappoġġa l-ħolqien taċ-Ċentri Ewropej ta' Kummerċ fis-swieq ewlenin Indjani u Ċiniżi, li jaħdmu flimkien mal-kmamar tal-kummerċ u r-rappreżentanti kummerċjali nazzjonali biex jgħinu lill-SMEs isibu sħab bil-kapaċitajiet meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jippenetraw f'dawn is-swieq lokali;

    31.

    Iqis li s-suċċess tal-istrateġija dwar l-aċċess għas-swieq teħtieġ ukoll appoġġ f'termini ta' informazzjoni u iktar setgħa ta' influwenza għall-kmamar tal-kummerċ nazzjonali barra l-Unjoni Ewropea; jagħti appoġġ lill-programmi bilaterali li jiffavorixxu aċċess speċifiku tal-SMEs għas-swieq ta' pajjiżi terzi, minħabba s-suċċess ta' Al Invest (l-Amerika Latina), Medinvest (il-Mediterran) u Proinvest(il-pajjiżi tal-ACP);

    32.

    Jirrimarka li l-istandardizzazzjoni tista' twassal għal innovazzjoni u kompetittività billi tiffaċilita l-aċċess għas-swieq u billi tippermetti l-interoperabilità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex iżżid il-promozzjoni ta' standards Ewropej internazzjonalment;

    L-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar Ewropew, il-kompetittività u l-kummerċ internazzjonali

    33.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar bħala opportunità importanti biex il-politiki kollha tal-UE jiġu mmirati b'mod effettiv lejn l-SMEs; iqis li, b'rabta ma' dan, hemm il-ħtieġa tal-involviment sħiħ tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-UE bl-iskop li jiġi żgurat li l-prinċipju “Aħseb fiż-żgħir l-ewwel” jiġi applikat;

    34.

    Josserva li hawn SMEs Ewropej li huma kompetittivi ħafna, li huma mexxejja dinjija fi swieq speċjalizzati u speċifiċi ħafna u għalhekk huma l-mutur għall-avvanz tal-Istrateġija ta' Liżbona;

    35.

    Iqis li l-internalizzazzjoni tal-SMEs hija objettiv primarju tal-politika kummerċjali u għandha tikkostitwixxi l-ġebla tax-xewka tal-Att Ewropew dwar in-Negozji ż-Żgħar, li se jikkostitwixxi qafas stabbli, omoġenju, li jorbot u globali għall-politiki tal-Kummissjoni dwar l-SMEs;

    36.

    Iqis li sabiex tiġi promossa l-preżenza tagħhom f'pajjiżi terzi, l-SMEs għandhom ikollhom impjegati dedikati li jittrattaw b'mod speċifiku l-internazzjonalizzazzjoni, li rari ssir; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, biex bil-għan li jingħeleb dan l-ostaklu, jippromwovu t-twaqqif ta' konsorzji ta' servizzi li jappoġġaw l-SMEs fil-proċess ta' internazzjonalizzazzjoni;

    37.

    Iħeġġeġ it-tisħiħ tal-politiki kollha ta' innovazjzoni u ta' ħolqien tal-SMEs; jappoġġa l-ħolqien ta' ċentri Ewropej għall-kompetittività miftuħa għall-SMEs u li jistgħu jilħqu daqs kritiku biżżejjed sabiex jeżistu minkejja l-kompetizzjoni internazzjonali; jappoġġa wkoll l-estenzjoni u l-aġġornar tal-programmi li jagħtu aċċess lill-SMEs għall-finanzi internazzjonali għall-iżvilupp kif ukoll għall-miżuri kollha li għandhom l-għan li jnaqqsu l-ispejjeż tal-operat tagħhom; ifakkar li jeħtieġ li jintlaħqu malajr il-Brevett Ewropew Uniku u l-Istatut tal-Kumpanija Ewropea, sabiex jiffavorixxu t-tranżizzjoni għal skambji kummerċjali barra mis-suq Komunitarju;

    38.

    Iqis li l-appoġġ politiku u finanzjarju jippromwovi l-innovazzjoni tal-prodott u tal-proċess, billi jtejjeb l-aċċess għall-aspetti finanzjarji u fiskali, kif ukoll għall-koperazzjoni fir-riċerka u t-trasferiment tat-teknoloġija, bħala elementi ewlenin fiż-żieda tal-produttività tal-SMEs, li hija l-bażi ta' kull strateġija ta' suċċess għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs;

    39.

    Jikkunsidra li l-politiki tas-suq intern għandhom jiffokaw fuq it-titjib tal-qagħda tal-SMEs tal-UE billi joħolqu ambjent kummerċjali li jgħin lill-SMEs u billi jiżguraw li l-SMEs ikunu jistgħu jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-opportunitajiet offruti mis-suq intern; jikkunsidra wkoll li, fejn hu rilevanti, dawn il-politiki għandhom ukoll isaħħu l-irwol internazzjonali tal-SMEs;

    40.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra kif is-suq intern jista' jgħin aktar lin-negozji Ewropej biex jikkompetu internazzjonalment;

    41.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-kuntratt mogħti u ffirmat mill-Kummissjoni biex isir studju dwar l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs; huwa tal-fehma li l-istudju se jipprovdi ħarsa ġenerali dettaljata tal-istat tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu miżuri effettivi biex tiffaċilita l-prestazjoni tal-SMEs fid-dinja globalizzata;

    42.

    Jinnota l-importanza ta' intraprendituri tas-sengħa u mħarrġa biex jaffaċċjaw l-isfidi tan-negozju internazzjonali; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-ammont ta' programmi ta' taħriġ għall-intraprendituri dwar l-ambjent globalizzat tan-negozju (bħal ma huma l-iskemi tan-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi u l-“Gateway to China”); jitlob li jkun hemm żieda fil-kooperazzjoni bejn l-SMEs u l-universitajiet sabiex jitjiebu r-riċerka u l-innovazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-ħolqien ta' programm ta' skambju speċjali tal-UE għall-intraprendituri żgħażagħ ibbażat fuq il-programmi Erasmus/Leonardo da Vinci;

    43.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-organizzazzjoni tal-“Ġimgħa Ewropea tal-SMEs” f'Mejju 2009 u jipproponi li dan l-avveniment jintuża biex jipprovdi informazzjoni lill-SMEs dwar kif jiżviluppaw l-attivitajiet ta' esportazzjoni tagħhom barra l-Unjoni Ewropea;

    Ftehimiet ta' kummerċ ħieles

    44.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti aktar attenzjoni lill-evalwazzjoni tal-impatt li jista' jkollhom il-ftehimiet ta' ġenerazzjoni ġdida ta' kummerċ ħieles negozjati ma' pajjiżi terzi fuq l-SMEs tal-UE u biex tqis din l-evalwazzjoni fil-fażi tan-negozjati;

    45.

    Huwa tal-opinjoni li l-Kummissjoni għandha timmira biex tikkonkludi l-ftehimet ta' kummerċ ħieles jew ta' ftehimiet kummerċjali oħra li jkunu vantaġġużi għall-ekonomija Ewropea kollha u b'mod partikulari għall-SMEs jew li jipprovdu konċessjonijiet kummerċjali fuq livell simili, b'mod differenti minn dawk fir-rigward ta' pajjiżi inqas żviluppati;

    46.

    Jenfasizza l-importanza li jiġu promossi relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi li huma membri tal-Ftehima ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikulari lill-SMEs fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha ma' pajjiżi bħal dawn;

    47.

    Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiggarantixxi monitoraġġ permanenti ta' dawn il-ftehimiet u li hija tintervjeni mingħajr dewmien fil-każ ta' nuqqas ta' rispett tal-obbligi li jkunu assumew il-kontrapartijiet;

    48.

    Jenfasizza l-importanza ta' swieq ġeografikament iktar viċin għall-SMEs u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni speċjali lill-SMEs fir-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi bħal dawn; f'dan il-kuntest jilqa' b'sodisfazzjon ir-referenza għall-Inizjattiva Mediterranja tal-Iżvilupp tal-Intrapriżi, li tinsab fid-Dikjarazzjoni tas-Samit ta' Pariġi tat-13 ta' Lulju 2008 dwar l-Unjoni għall-Mediterran;

    49.

    Jinnota l-irwol importanti li l-SMEs għandhom fit-trasferiment tat-teknoloġija dwar il-bidla fil-klima u l-importanza tal-parteċipazzjoni attiva tal-SMEs fl-għajnuna għall-iżvilupp;

    L-appalti pubbliċi

    50.

    Ifakkar li l-appalti pubbliċi huma wieħed mis-setturi ekonomiċi l-aktar promettenti tal-ekonomija Ewropea u għall-SMEs b'mod partikulari; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet persistenti f'ħafna pajjiżi terzi, li jirrifjutaw li jiggarantixxu lill-kumpaniji Ewropej aċċess simili għall-proċeduri ta' appalt tagħhom jew li japplikaw standards li, f'ħafna każi, mhumiex trasparenti u ġusti;

    51.

    Huwa tal-fehma li l-SMEs tal-UE għandu jkollhom l-istess livell ta' vantaġġi u ta' possibiltajiet fil-qasam tal-appalti pubbliċi fil-pajjiżi industrijalizzati prinċipali (fosthom l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Ġappun) l-istess bħal dawk li jgawdu minnhom fl-UE; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi li l-SMEs Ewropej ikollhom aċċess aħjar għas-swieq tal-appalti pubbliċi fil-pajjiżi terzi u li jgawdu minn kundizzjonijiet indaqs ta' kompetizzjoni fis-setturi marbuta mal-appalti pubbliċi jekk meħtieġ billi jiġi applikat il-prinċipju ta' reċiproċità;

    52.

    Iqis li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tieħu azzjoni infurmata u effettiva biex tiżgura drittijiet ugwali għall-kumpaniji tal-UE, u b'mod partikulari għall-SMEs;

    53.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti realistiċi u kostruttivi bil-għan li fil-futur jerġa' jkun hemm negozjati u tisħiħ tal-Ftehima WTO dwar l-Appalti Pubbliċi;

    54.

    Iqis li l-appalti pubbliċi għandhom ikunu fattur ewlieni fin-negozjati kollha bilaterali u reġjonali li tagħmel l-Unjoni Ewropea, bil-għan li s-swieq tal-appalti pubbliċi jinfetħu b'mod bilanċjat;

    55.

    Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni, li tinsab fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-Ewropa Globali, biex jiġu applikati restrizzjonijiet fuq l-appalti pubbliċi Ewropej fir-rigward tal-pajjiżi li ma joffrux aċċess għas-swieq pubbliċi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament dwar ir-riżultati li nkisbu s'issa u dwar l-inizjattivi li għandha l-ħsieb li tieħu biex itejjeb l-aċċess tal-SMEs tal-UE għall-appalti pubbliċi tal-pajjiżi terzi;

    Prodotti agrikoli u indikazzjonijiet ġeografiċi

    56.

    Ifakkar fl-importanza tal-aċċess għas-swieq agrikoli għall-SMEs Ewropej fis-settur u jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tan-negozjati kummerċjali multilaterali u bilaterali futuri, biex ma tissagrifikax is-salvagwardji tariffarji li għadu jgawdi s-settur biex minflok tiggarantixxi li l-prodotti agrikoli Ewropej l-aktar kompetittivi u l-aktar magħrufa ma jkunux ippenalizzati aktar milli jkun hemm bżonn minn prattiki antikompetittivi li ddaħħlu minn membri oħra tad-WTO; iqis li huwa indispensabbli li jsir progress sostanzjali fl-indikaturi ġeografiċi sabiex ikun hemm riżultati bbilanċjati fil-biedja fil-qafas tan-negozjati tar-Round ta' Doha;

    57.

    Jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li joħolqu qafas internazzjonali ta' referenza aktar ċar u aktar bilanċjat fil-qasam tal-indikazzjonijiet ġeografiċi; iqis li huwa inaċċettabbli li d-denominazzjonijiet u l-indikazzjonijiet ġeografiċi ta' ħafna prodotti tal-ikel agrikoli jintużaw spiss bi ħsara għall-SMEs Ewropej, b'mod partikulari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintervjenu b'mod deċiżiv fir-rigward tal-pajjiżi li jużaw ostakli mhux tariffarji bħal dawn biex iħarsu aktar milli jixraq is-swieq tagħhom;

    58.

    Jappoġġja l-ħolqien ta' reġistru multilaterali internazzjonali tal-indikazzjonijiet ġeografiċi li jkun jippermetti lill-SMEs li jħarsu l-indikazzjonijiet ġeografiċi tagħhom b'mod li jkun sempliċi u ekonomiku; iqis li l-lista tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għandha tkun supplimentata u estiża għall-prodotti kollha tal-UE li, min-natura tagħhom jew mill-post jew metodu ta' produzzjoni tagħhom, jipprovdu lill-SMEs Ewropej b' “vantaġġ kumparattiv” fuq prodotti simili minn pajjiżi terzi;

    59.

    Iħeġġeġ lill-membri l-oħra tad-WTO biex jiżguraw aċċess komplet għall-prodotti tal-UE li huma mħarsa minn indikazzjonijiet ġeografiċi u, fejn xieraq, jirtiraw mis-suq kwalunkwe prodott nazzjonali li juża denominazzjoni bħal din mingħajr ma jkunu eliġibbli jew mill-inqas jagħtu aċċess sħiħ għall-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u għad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetta tal-UE li diġà jintużaw jew li nbidlu f'denominazzjonijiet ġeneriċi;

    Appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs

    60.

    Iqis li l-programmi ta' appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs fl-isfera nazzjonali jew reġjonali huma għodda utli ħafna u qegħdin jagħtu riżultati tajbin; jappella biex dawn jibqħu jingħataw kofinanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali kif ukoll iktar riżorsi finanzjarji għal proġetti ta' koperazzjoni f'livell transnazzjonali żviluppati bejn assoċjazzjonijiet settorjali, bl-għan li jappoġġaw il-kapaċità ta' esportazzjoni u ta' internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, jinfetħu b'mod konġunt swieq ġodda u jiġu żviluppati strateġiji komuni ta' kummerċ f'pajjiżi terzi;

    61.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs, speċjalment għall-mikrokrediti; jemmen li l-instrumenti komunitarji bħal Fond Ewropew tal-Investiment, il-Programm Qafas ta' Kompetittività u ta' Innovazzjoni u r-Riżorsi Konġunti Ewropej għal intrapriżi żgħar ħafna sa dawk medji (JEREMIE), jistgħu jikkontribbwixxu għall-ħolqien ta' qafas aħjar għall-aċċess għall-finanzjament tal-SMEs bi proġetti ta' internazzjonalizzazzjoni;

    62.

    Iqis li jridu jkunu promossi proġetti konġunti jew ftehimiet oħra ta' assoċjazzjoni bejn l-SMEs bħala strateġija biex jidħlu fi swieq ġodda, jiżviluppaw proġetti ta' invetsiment dirett f'pajjiżi terzi u jieħdu sehem fis-sejħiet għal offerti; jitlob lill-Kummissjoni biex timmobilizza r-riżorsi, speċjalment permezz tal-objettiv tal-koperazzjoni territorjali Ewropea, biex tippromwovi l-koperazzjoni fuq livell transnazzjonali bejn l-SMEs tal-Unjoni Ewropea;

    Kunsiderazzjonijiet finali

    63.

    Huwa tal-fehma li l-iżvilupp u l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs tal-UE jeħtieġu attenzjoni u appoġġ speċjali fit-tfassil ta' politika kummerċjali tal-UE;

    64.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw bis-sħiħ lill-SMEs fil-kriżi finanzjarja ta' bħalissa billi tiggarandilhom kreditu disponibbli bil-għan li jittejjeb l-iżvilupp tagħhom;

    65.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoperaw bejniethom bil-għan li jiddefinixxu politika koerenti u ambizzjuża li tkun tippermetti lill-SMEs Ewropej li jiżviluppaw b'mod armonjuż u b'rata ta' tkabbir ogħla, li jiksbu aċċess għal swieq ġodda, u b'mod aktar ġenerali, li jkabbru l-attivitajiet tagħhom ta' esportazzjoni u ta' internazzjonalizzazzjoni tagħhom;

    66.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw l-iżvilupp tal-SMEs tal-UE permezz ta' appoġġ politiku u finanzjarju f'dak li jirrigwarda l-modernizzazzjoni tagħhom u t-taħriġ tal-maniġers u l-ħaddiema tagħhom; f'dan ir-rigward jenfasizza l-importanza tat-taħriġ kontinwu għall-operaturi tal-SMEs u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jwasslu biex jiżvolġu attivitajiet bħal dawn; iqis li huwa essenzjali li l-UE tassumi b'mod sħiħ id-difiża ta' dan il-patrimonju ta' għarfien, ta' tradizzjonijiet u ta' sengħa li l-SMEs bnew u għarfu jivvalorizzaw;

    67.

    Iqis li trid tkun iggarantita koordinazzjoni iktar effettiva kemm fi ħdan il-Komunità kif ukoll bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u partijiet interessati oħra; jappella biex fi żmien xieraq ikun infurmat dwar kwalunkwe inizjattiva futura marbuta mal-kompetittività esterna tal-SMEs u biex ikun involut mill-qrib fi kwalunkwe inizjattiva futura li tista' tieħu l-Unjoni Ewropea;

    *

    * *

    68.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-membri tad-WTO u lid-WTO.


    (1)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

    (2)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 128.

    (3)  http://ec.europa.eu/enterprise/entrepreneurship/support_measures/internationalisation/report_internat.pdf

    (4)  ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 400.

    (5)  ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 276.

    (6)  ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.

    (7)  ĠU C 308 E, 16.12.2006, p. 182.

    (8)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 235.

    (9)  ĠU C 233 E, 28.9.2006, p. 103.

    (10)  ĠU C 193 E, 17.8.2006, p. 110.

    (11)  ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 321.

    (12)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0180.

    (13)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 881.

    (14)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 tat-22 ta' Diċembru 1994 li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex ikunu żgurat l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunita skond ir-regoli kummerċjali internazzjonali, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 349, 31.12.1994, p.71).

    (15)  Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini ta' ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi (COM(2005)0661).


    Top