Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0552

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Il-kunsill ewropew tar-riċerka – Nilħqu l-isfida ta' eċċellenza ta' livell dinji

    /* KUMM/2009/0552 finali */

    52009DC0552




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 22.10.2009

    KUMM(2009) 552 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    IL-KUNSILL EWROPEW TAR-RIĊERKA – NILĦQU L-ISFIDA TA' EĊĊELLENZA TA' LIVELL DINJI

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    IL-KUNSILL EWROPEW TAR-RIĊERKA – NILĦQU L-ISFIDA TA' EĊĊELLENZA TA' LIVELL DINJI

    DAĦLA

    Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (KER) huwa komponent ġdid ambizzjuż tal-politika tar-riċerka tal-UE, li ġie introdott taħt id-dispożizzjonijiet tas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka tal-Komunità Ewropea (FP7)[1]. Huwa l-mezz li bih jista' jiġi implimentat il-Programm Speċifiku "Ideat", li għalih hemm allokat baġit sostanzjali (€ 7.51 biljun tul il-perjodu mill-2007 sal-2013). L-arkitettura tal-KER tikkonsisti minn Kunsill Xjentifiku indipendenti, magħmul minn 22 riċerkatur eminenti, appoġġat bi Struttura ta' Implimentazzjoni għal dan il-Għan (DIS) fis-sura ta' Aġenzija Eżekuttiva tal-Kummissjoni[2].

    Il-ħolqien tal-KER kien pass ġdid għall-Unjoni Ewropea[3]. Stabbilit bħala entità ġdida fjamanta sabiex jiffinanzja riċerka ta' kwalità ta' livell dinji li tmur lil hinn mill-fruntieri u li tkun immexxija mir-riċerkaturi, bil-għan li l-prestazzjoni xjentifika Ewropea tavvanza sal-ogħla livelli ta' eċċellenza, il-KER qiegħed jistabbilixxi parametri ġodda għall-attività tar-riċerka fil-livell Komunitarju. Għall-ewwel darba, programm tar-riċerka Komunitarju qiegħed jopera abbażi tal-kompetizzjoni Ewropea miftuħa bejn timijiet tar-riċerka individwali, governanza xjentifika indipendenti, u l-eżekuzzjoni awtonoma permezz ta' aġenzija eżekuttiva. Il-KER diġà sar komponent viżibbli u influwenti ħafna taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

    Sentejn u nofs wara l-bidu tal-FP7 u l-implimentazzjoni tal-programm "Ideat", issa huwa ż-żmien opportun sabiex naraw fiex wasal il-progress.

    - Mill-bidu formali fl-2007 ġew adottati erba' programmi ta' ħidma annwali "Ideat" u ntemmu erba' sejħiet għall-proposti. Dan ipprovda esperjenza konsiderevoli fl-implimentazzjoni tal-programm "Ideat" bil-karatteristiċi partikolari tal-operazzjoni tiegħu, inkluż il-Kunsill Xjentifiku Indipendenti, il-metodu tal-analiżi minn pari u l-metodu tal-għotja assoċjati mar-riċerka li tmur lil hinn mill-fruntieri.

    - Wara perjodu intensiv ta' ppjanar u żvilupp, u b'segwitu għall-Att tal-Istabbiliment adottat mill-Kummissjoni f'Diċembru 2007[4], l-Istruttura ta' Implimentazzjoni għal dan il-Għan (DIS), fis-sura ta' Aġenzija Eżekuttiva speċifika tal-KER (ERCEA), fil-15 ta' Lulju 2009 ġiet iddikjarata awtonoma mill-Kummissjoni mil-lat amministrattiv.

    - F'dan il-kuntest, l-"Analiżi tal-istrutturi u l-mekkaniżmi tal-KER" li saret b'mod indipendenti u b'mandat mill-FP7 u l-Programm Speċifiku tiegħu "Ideat", issa ntemmet, u tipprovdi konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet dettaljati dwar kif għandna nimxu 'l quddiem.

    Bħal kull struttura innovattiva oħra, pereżempju l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTIs), l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) jew il-Konsorzji tal-Infrastruttura tar-Riċerka Ewropea (ERICs), il-KER joffri mudell ġdid għall-implimentazzjoni tar-riċerka Komunitarja u l-politika tal-iżvilupp teknoloġiku. L-ewwel esperjenzi wrew li jeżistu ċerti ostakli għall-iżvilupp sħiħ tagħhom, li hija xi ħaġa naturali meta jkunu qegħdin jinħolqu strutturi ġodda. Xi wħud mill-problemi li nqalgħu ġew solvuti – jew qegħdin jiġu indirizzati fi ħdan il-qafas legali attwali, iżda xi oħrajn jistgħu jeħtieġu bidliet aktar profondi.

    Huwa ċar li l-kumpens imur lil hinn mill-KER innifsu. Din il-Komunikazzjoni li tibni fuq l-esperjenza li nkisbet sa issa mill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programm "Ideat" u fuq ir-riżultati tal-Analiżi indipendenti, għandha għalhekk titqies fil-kuntest aktar wiesa' ta' riflessjoni aktar globali fuq l-evoluzzjoni tal-politiki u l-programmi Komunitarji fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni teknoloġiċi. It-tħassib ewlieni tal-Kummissjoni huwa doppju: li żżomm approċċ konsistenti u trasparenti, filwaqt li fl-istess ħin tiżgura li l-inizjattivi jkollhom il-mezzi u l-għodod meħtieġa sabiex jilħqu l-għanijiet speċifiċi tagħhom f'dawn id-dominji politiċi. L-isfida ewlenija għall-Ewropa hija ċara: li tqawwi r-riċerka u l-innovazzjoni għal soċjetà sostenibbli bbażata fuq l-għarfien.

    F'dak li għandu x'jaqsam mal-KER, l-ewwel għan u d-determinazzjoni tal-Kummissjoni jibqgħu l-istess: li l-organizzazzjoni ta' finanzjament għar-riċerka ta' livell dinji li tmur lil hinn mill-fruntieri timmatura, sabiex tutilizza u taħsad l-eċċellenza xjentifika Ewropea, fejn il-komunità xjentifika tmexxi l-aġenda tar-riċerka li tmur lil hinn mill-fruntieri. Il-varar u s-snin inizjali ġew rikonoxxuti b'mod ċar bħala bidu tajjeb. Issa l-Kummissjoni trid tapprofitta ruħha mit-tagħlim ta' din l-ewwel fażi tal-ħajja tal-KER. Għalhekk din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi pakkett ta' miżuri konkreti li jistgħu jiġu implimentati mill-Kummissjoni fuq terminu ta' żmien qasir. Tidentifika wkoll sfidi fuq terminu ta' żmien medju li se jkun meħtieġ li jiġu indirizzati flimkien ma' istituzzjonijiet oħra fil-kuntest aktar wiesa' ta' riflessjoni dwar kif l-istrumenti Komunitarji u l-qafas amministrattiv u tal-kontroll finanzjarju tal-Komunità jistgħu jintużaw bl-aħjar mod sabiex iqawwu sorsi ġodda ta' tkabbir sostenibbli. Dan għandu jiżgura li suċċess dejjiemi tal-KER jkun wieħed mill-aktar komponenti importanti taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, li tirrikonoxxi żewġ karatteristiċi ewlenin: (i) in-natura Komunitarja tal-KER; (ii) l-importanza tal-eċċellenza xjentifika għall-Ewropa.

    L-analiżi tal-KER: Navvanzaw lejn organizzazzjoni tar-riċerka ta' livell dinji li tmur lil hinn mill-fruntieri

    F'konformità mal-Programm Speċifiku "Ideat", u sabiex niddeċiedu mill-aktar fis dwar struttura stabbli u li hemm qbil dwarha għall-KER, l-Analiżi indipendenti tal-Istrutturi u l-Mekkaniżmi tal-KER ġiet stabbilita mill-Kummissjoni fi stadju relattivament bikri tal-operazzjonijiet tal-KER[5]. L-għanijiet tal-Analiżi kienu li:

    - Tanalizza l-istrutturi u l-mekkaniżmi tal-KER meta mqabbla mal-kriterji ta' eċċellenza xjentifika, awtonomija, effiċjenza u trasparenza, u bl-involviment sħiħ tal-Kunsill Xjentifiku;

    - Tqis il-proċess u l-kriterji għall-għażla tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku;

    - Tqis il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' struttura bbażata fuq Aġenzija Eżekuttiva u struttura bbażata fuq l-Artikolu 171 tat-Trattat.

    Il-Panel ta' sitt esperti eminenti mmexxija mill-Professoressa Vaira Vike-Freiberga ppreżenta r-rapport tiegħu lill-Kummissjoni fit-23 ta' Lulju 2009[6]. Il-Kummissjoni toffri l-apprezzament tagħha lill-membri tal-Panel tal-Analiżi tal-KER għall-enerġija u d-diliġenza tagħhom fit-twettiq ta' dan il-kompitu impenjattiv.

    L-analiżi tal-Panel kienet ibbażata fuq kontributi sostanzjali mill-partijiet interessati fil-komunità xjentifika, inkluż smigħ dettaljat tal-Kunsill Xjentifiku tal-KER, stħarriġ estensiv f'forma ta' kwestjonarju tal-applikanti u l-analizzaturi pari, u r-rapporti dwar l-esperjenza operazzjonali kif ukoll pariri legali u baġitarji mis-servizzi tal-Kummissjoni.

    L-Analiżi tal-KER tikkonferma li l-ewwel sentejn tal-operazzjoni tal-KER kienu, b'mod kumplessiv, suċċess konsiderevoli. L-istrateġija xjentifika tiegħu, l-iddiżinnjar tal-iskemi ta' għotja tiegħu u l-kwalità tal-analiżi minn pari ġiet rikonoxxuta b'mod wiesa' mill-komunità tar-riċerka, kif muri bir-riżultati tal-istħarriġ f'forma ta' kwestjonarju mwettaq għall-Analiżi.

    Mill-perspettiva operazzjonali, il-KER kellu l-ħila, mix-"xejn", jiddiżinja u jimplimenta arranġamenti ġodda ta' implimentazzjoni għall-programm "Ideat", jiġbor flimkien malajr il-persunal u r-riżorsi, u joħloq struttura li topera b'mod awtonomu fis-sura ta' aġenzija eżekuttiva, filwaqt li jilħaq livell ta' domanda mill-applikanti li qatt qabel ma kien intlaħaq u li lanqas kien mistenni.

    Meta tqis l-opportunitajiet u r-riskji potenzjali assoċjati maż-żewġ tipi ta' strutturi, l-Analiżi tikkonkludi li filwaqt li l-mudell tal-Aġenzija Eżekuttiva, fis-sura standard tiegħu, jinvolvi għadd ta' restrizzjonijiet, id-diffikultajiet u r-riskji assoċjati mal-bidla għal struttura ġdida bbażata fuq l-Artikolu 171 tat-Tratta, inkluża l-possibbiltà ta' interferenza politika fl-indipendenza xjentifika tal-KER, ma jiġġustifikawx bidla fl-istruttura – tal-anqas sakemm il-prospetti għall-iżvilupp u r-raffinar tal-Aġenzija Eżekuttiva sabiex tilħaq l-ambizzjonijiet tal-KER ma jkunux intużaw kollha. Il-Panel jirrakkomanda analiżi indipendenti oħra fi żmien sentejn (2).

    Madankollu, kif inhu indikat fl-Analiżi, jekk il-KER irid jikkonsolida s-suċċess bikri tiegħu u jsir tassew organizzazzjoni tar-riċerka ta' livell dinji li tmur lil hinn mill-fruntieri – mexxej kontinentali fil-promozzjoni tax-xjenza u t-teknoloġija innovattivi biex isostni l-kreattività tal-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej – għandha tingħata b'mod urġenti aktar attenzjoni għar-raffinar tal-istrutturi tiegħu u l-mod kif jopera. Sabiex is-suċċess tiegħu jkun sostenibbli fuq terminu ta' żmien twil, il-KER jeħtieġ tmexxija dedikata u miftuħa, u konsolidazzjoni rapida tal-attivitajiet tiegħu fil-livelli kollha, u kultura ta' flessibbiltà u fiduċja li tippermetti li r-riċerka li tmur lil hinn mill-fruntieri tirnexxi. Dawn huma l-prinċipji essenzjali li jsejsu l-azzjonijiet tul terminu ta' żmien qasir u medju stabbiliti hawn taħt. L-azzjonijiet kollha proposti f'din il-Komunikazzjoni se jiġu implimentati fil-pakkett finanzjarju tal-FP7 eżistenti u mhuwa previst l-ebda impatt addizzjonali fuq il-baġit.

    L-iżvilupp tal-KER f'organizzazzjoni ta' finanzjament tar-riċerka matura u ta' livell dinji

    Ladarba l-ERCEA hija awtonoma u l-Analiżi twettqet, il-Kummissjoni għandha għanijiet ambizzjużi għal din it-tieni fażi tal-iżvilupp tal-KER. Filwaqt li l-Kunsill Xjentifiku jiddefinixxi l-istrateġija xjentifika tal-programm u l-ERCEA tesegwixxi l-baġit, il-Kummissjoni tiżgura l-awtonomija tal-KER u żżomm responsabbiltà politika u finanzjarja inkluża r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku "Ideat".

    Għalhekk il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li timplimenta strateġija doppja sabiex mhux biss tindirizza l-problemi klassiċi tal-bidu assoċjati ma' kwalunkwe organizzazzjoni ġdida iżda wkoll dak kollu li jkun qiegħed jikkawża l-ineffiċjenzi amministrattivi u l-problemi strutturali identifikati fl-ewwel perjodu tal-operazzjonijiet tal-KER:

    (i) Se tieħu azzjonijiet immedjati u oħrajn fuq terminu ta' żmien qasir sabiex timplimenta dawk ir-rakkomandazzjonijiet tal-Analiżi u titjib tekniku ieħor meħtieġ fil-metodi tat-tħaddim tal-KER li jistgħu jinkisbu fi ħdan il-qafas tal-kompetenzi tagħha stess, kemm jekk fil-livell tal-Kummissjoni jew fil-livell tal-Aġenzija.

    (ii) Se tindirizza, fuq perspettiva ta' terminu ta' żmien medju, it-tħassib assoċjat mar-regoli u r-regolamenti bażiċi, billi tressaq proposti quddiem il-Kunsill u l-Parlament sabiex tibdel ir-regoli finanzjarji u amministrattivi u tagħmilhom aktar konsistenti mal-ħtiġijiet tar-riċerka li tmur lil hinn mill-fruntieri.

    Il-fatt li l-KER għandha tkun "organizzazzjoni li dejjem titgħallem" huwa inkapsulat fil-kliem tal-Programm Speċifiku "Ideat": "...L-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-attività se jiġu riveduti u evalwati fuq bażi kontinwa sabiex jiġu vvalutati l-kisbiet tagħha u sabiex jiġu aġġustati u mtejba l-proċeduri abbażi tal-esperjenza" [traduzzjoni mhux uffiċjali] .

    (i) Azzjonijiet immedjati u dawk fuq terminu ta' żmien qasir

    L-azzjonijiet li ġejjin, bi skedi indikattivi għall-implimentazzjoni tagħhom, huma fil-kompetenza tal-Kummissjoni u/jew l-ERCEA. Sabiex tiġi ċċarata u rrinforzata l-bażi legali, se jkunu riflessi, kif xieraq, fl-aġġustamenti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-KER[7], u l-istabbiliment tal-ERCEA[8] u d-Deċiżjonijiet tad-delegazzjoni[9].

    L-integrazzjoni tal-governanza xjentifika u amministrattiva

    Il-Panel tal-Analiżi għaraf li l-Kummissjoni, kif previst fil-Programm Speċifiku "Ideat", kienet "garanti" effikaċi tal-awtonomija u l-integrità tal-KER u rrispettat b'mod sħiħ l-indipendenza tal-Kunsill Xjentifiku fl-istabbiliment tal-istrateġija xjentifika tal-KER. Madankollu, l-Analiżi turi li l-istruttura attwali tal-KER, li tinvolvi s-separazzjoni tar-responsabbiltajiet xjentifiċi u finanzjarji/amministrattivi, toħloq komplessitajiet u frustrazzjonijiet żejda. Il-Panel tal-Analiżi jagħmel rakkomandazzjonijiet għal miżuri ta' rimedju, inkluż li r-rwoli tad-Direttur tal-ERCEA u tas-Segretarju Ġenerali tal-KER isiru kariga waħda, soġġett għall-identifikazzjoni ta' xjenzat distint b'esperjenza amministrattiva robusta. Rakkomandazzjonijiet oħra huma li d-Direttur għandu jirrapporta direttament u regolarment lill-Kummissarju għar-riċerka u li s-sħubija tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-ERCEA għandha tiġi adattata sabiex tinkludi żewġ membri tal-Kunsill Xjentifiku kif ukoll xjenzat distint estern.

    Fil-qafas finanzjarju u regolatorju attwali, il-Kummisjoni għandha l-ħsieb timplimenta l-azzjonijiet li ġejjin li għandhom l-għan li jallinjaw aktar mill-qrib l-aspetti xjentifiċi u amministrattivi tal-governanza u jissemplifikaw l-istruttura:

    a. Tistabbilixxi l-kariga tad-Direttur tal-ERCEA bil-profil ta' xjenzat distint b'esperjenza amministrattiva u maniġerjali robusta. Il-Kunsill Xjentifiku se jkun involut fil-proċess ta' selezzjoni sussegwenti kif previst fil-qafas legali u regolatorju tal-KER u l-Linji gwida għall-Ħatra tad-Diretturi tal-Aġenziji Eżekuttivi[10]. Skala ta' żmien: Q2/2010

    b. Wara li jinħatar b'suċċess id-Direttur bit-tali profil, u bi qbil minn qabel mill-Kunsill Xjentifiku, huwa antiċipat li l-kariga tas-Segretarju Ġenerali tal-KER ma tinżammx, filwaqt li jitqies it-terminu tal-inkarigat/a. Skala ta' żmien: Q2/2011

    c. Tqis l-aġġustament tal-kompożizzjoni tas-sħubija tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-ERCEA[11] u tal-modalitajiet ta' ħidma tiegħu, bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tkun tista' dejjem teżerċita l-funzjonijiet tagħha ta' kontroll u superviżjoni tal-ERCEA billi żżomm il-maġġoranza tal-voti. Skala ta' żmien: Q1/2010

    d. Tiżviluppa u timplimenta strateġija ta' komunikazzjoni koerenti u integrata, inkluża websajt li ma tkunx frammentata li tipprovdi lill-partijiet interessati esterni b'viżjoni waħda u ċara u kopertura integrali tal-istrateġija u tal-implimentazzjoni operazzjonali tal-KER, li tirrifletti kemm l-attivitajiet tal-ERCEA kif ukoll tal-Kunsill Xjentifiku. Din l-istrateġija ta' komunikazzjoni mtejba se tikkontribwixxi wkoll sabiex tirrinforza t-trasparenza tal-operazzjonijiet tal-KER u ttaffi r-riskji ta' konflitt ta' interess. Skala ta' żmien: Q1/2010

    Il-Kunsill Xjentifiku u d-Direttur tal-ERCEA se jiġu mistiedna jiltaqgħu mal-Kummissarju responsabbli għar-riċerka, kull meta jkun xieraq, sabiex jiddiskutu l-progress fil-kisba tal-għanijiet tal-KER.

    Proċeduri ammininstrattivi mtejba

    Huwa evidenti li l-kwalità tal-iskemi ta' finanzjament tal-KER – u lil hinn minn dan, ir-reputazzjoni tal-KER – tiddependi fuq il-kwalità u l-kapaċitajiet tal-analizzaturi pari tiegħu – il-membri tal-panels u l-arbitri. L-Analiżi tikkonkludi li sabiex tiġi assigurata d-disponibbiltà kontinwa ta' analizzaturi u membri tal-panels ta' kwalità daqshekk għolja li jikkontribwixxu għall-programm, il-proċeduri tal-ġestjoni għall-ħatra u r-rimborż tagħhom għandhom jiġu ssemplifikati b'mod drastiku u jkunu sempliċi kemm jista' jkun għall-utent.

    L-ERCEA, bi ftehim mal-Kummissjoni u fi ħdan il-qafas legali eżistenti, għalhekk, permezz ta' approċċ progressiv se:

    a. Jibda jiżviluppa u jimplimenta proċeduri amministrattivi aktar sempliċi u funzjonali "speċifiċi għall-KER" li jkopru l-proċessi kritiċi tal-ħatra u r-rimborż tal-analizzaturi pari (il-membri tal-panels u l-arbitri) u l-ġestjoni tal-għotjiet. Skala ta' żmien: Q4/2009

    b. Jesperimenta u, jekk dan ikun ta' suċċess, jimmobilizza b'mod sħiħ proċeduri ta' awtentikazzjoni għal esperti li jużaw il-websajt u dejta professjonali oħra, kompatibbli mal-aqwa prassi xjentifika. Skala ta' żmien: Q4/2009

    c. Itejjeb dejjem aktar, bil-għan li jimplimenta, proċeduri effiċjenti għall-ħatra tal-esperti, li jistgħu jkopru l-perjodu kollu tal-FP7, minflok snin individwali. Skala ta' żmien: Q2/2010

    Konsolidazzjoni tal-attivitajiet fil-livelli kollha

    L-operazzjonijiet tal-KER diġà jesiġu livell għoli ta' professjonaliżmu fil-livelli kollha: fis-selezzjoni tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku u l-analizzaturi pari u f'operazzjonijiet ta' ġestjoni assoċjati, pereżempju fir-rigward ta' dispożizzjonijiet ta' konflitt ta' interess, li japplikaw kemm għas-selezzjoni ta' proġetti kif ukoll għall-ħidma tal-esperti nazzjonali ssekondati. Dawn l-operazzjonijiet għandhom jiġu implimentati bir-reqqa iżda b'aktar flessibbiltà.

    L-Analiżi tapprova l-kriterji stabbiliti u l-metodoloġija ta' selezzjoni għas-selezzjoni tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku, u hija favur l-istabbiliment ta' Kumitat ta' Identifikazzjoni permanenti għal dan il-għan. Tissuġġerixxi wkoll li aktar trasparenza hija meħtieġa, pereżempju fis-selezzjoni tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku u l-analizzaturi pari, u fir-rigward tad-diskussjonijiet dwar l-istrateġiji tal-Kunsill Xjentifiku.

    Il-Kummissjoni u l-ERCEA se jieħdu passi sabiex jiksbu standards għoljin ta' professjonaliżmu u trasparenza filwaqt li jiggarantixxu indipendenza u kwalità fl-operazzjonijiet tal-KER.

    a. Jiċċaraw ir-relazzjonijiet u l-modus operandi bejn l-ERCEA u l-Kunsill Xjentifiku fir-rwoli rispettivi tagħhom fl-operazzjonijiet tal-KER u jekk ikun meħtieġ jirrevedu d-Deċiżjoni tal-KER. Skala ta' żmien: Q2/2010

    b. Jistabbilixxu Kumitat ta' Identifikazzjoni permanenti u indipendenti skont ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kumitat ta' Identifikazzjoni tal-Kunsill Xjentifiku tal-KER 2009[12] sabiex jassiguraw it-tiġdid pass pass tal-Kunsill Xjentifiku, li se jaħdem f'konsultazzjoni mal-Kunsill Xjentifiku u abbażi tal-kriterji u l-metodoloġija stabbiliti u approvati diġà mill-Panel. Skala ta' żmien: Q1/2010

    c. Jinkoraġġixxu lill-Kunsill Xjentifiku sabiex iqis il-ħolqien ta' sottokumitat bil-kariga li jwessa' l-bażi għat-tfittxija tal-esperti għall-evalwazzjoni tal-analizzaturi pari. Skala ta' żmien: Q1/2010

    d. Jesploraw il-possibilitajiet sabiex jipprovdu, bħala rikonoxximent tal-impenn personali tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku, u b'mod speċjali l-President u l-Viċi Presidenti, ħlas onorarju għall-attendenza fil-laqgħat plenarji tal-Kunsill Xjentifiku[13], u jkomplu bl-arranġament ta' appoġġ lokali għall-President u l-Viċi Presidenti tal-Kunsill Xjentifiku, bl-użu tal-istrument ta' għotja ta' finanzjament tal-FP7 imsejjaħ "Azzjoni ta' koordinazzjoni u appoġġ". Skala ta' żmien: Q2/2010

    e. Jaħdmu mal-Kunsill Xjentifiku sabiex l-operazzjonijiet tal-KER ikunu aktar trasparenti għall-partijiet interessati esterni, inkluża l-pubblikazzjoni tal-kodiċijiet tal-kondotta u d-dispożizzjonijiet ta' konflitt ta' interess rilevanti, u l-minuti tal-laqgħat tal-Kunsill Xjentifiku. Skala ta' żmien: Q4/2009

    f. Jintroduċu flimkien mal-Kunsill Xjentifiku u taħt l-awtorità tad-Direttur tal-ERCEA kumitat sabiex jipprovdi gwida dwar il-konflitti ta' interess, il-frodi u l-kwistjonijiet etiċi, skont id-dispożizzjonijiet legali u l-prassi tajba internazzjonali sabiex jiżguraw li l-operazzjonijiet tal-KER ma jkunx fihom xi tlum mill-perspettiva ta' kwalità u sens ta' ġustizzja speċjalment matul il-proċess tal-evalwazzjoni mill-analizzaturi pari. Skala ta' żmien: Q2/2010

    (ii) Azzjonijiet fuq terminu ta' żmien medju

    L-implimentazzjoni operazzjonali tal-programm Ideat wasslet għal ħafna tħassib min-naħa ta' riċerkaturi u tal-organizzazzjonijiet li jospitawhom, u dan juri li kwistjonijiet ta' effiċjenza amministrattiva huma kritiċi fl-implimentazzjoni ta' proġetti li jmorru lil hinn mill-fruntieri.

    Il-Panel tal-Analiżi tal-KER, barra minn hekk, iqis li l-effiċjenza operazzjonali ma tistax tiġi sseparata mill-ġestjoni xjentifika b'mod daqshekk ċar kif ġie ssuġġerit bil-mudell attwali tal-KER. Il-kwistjonijiet tal-effiċjenza amministrattiva għandhom jitjiebu, iżda l-Analiżi tirrikonoxxi li l-problemi tal-KER, f'ħafna aspetti, huma marbuta mal-ambjent regolatorju aktar profond u l-"kultura ta' kontroll" li tirriżulta minnu, fis-sistema Komunitarja. Jissuġġerixxi li hemm il-ħtieġa li ngħaddu għal sistema ta' "somom sħaħ" minflok għotjiet ibbażati fuq kuntratti u jqis li l-filosofija tar-Regolament Finanzjarju u l-proċessi ta' kontroll assoċjati għandhom jiġu maħsuba mill-ġdid, sabiex jerġa' jiddaħħal approċċ mibni fuq il-fiduċja, li jkun mgħaqqad ma' sanzjonijiet qawwija f'każ ta' ħtija.

    Jista' jkun li għadd ta' kwistjonijiet ma jissolvewx fil-qafas attwali u jkunu jeħtieġu azzjonijiet jew bidliet fuq terminu ta' żmien itwal. L-analiżi ta' kull tliet snin tar-Regolament Finanzjarju li se ssir dalwaqt tipprovdi opportunità f'waqtha għall-eżaminar ta' dawn il-kwistjonijiet, minħabba li dan ir-regolament għandu ambitu wiesa', li jkopri mhux biss l-operazzjonijiet infushom iżda wkoll il-qafas li joperaw fih l-Aġenziji Eżekuttivi. Fir-rigward tal-politiki tar-riċerka l-element ċentrali se jkun li tiġi ddeterminata n-natura u l-ambitu preċiżi tal-aġġustamenti speċifiċi li għandhom isiru għall-ġid tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni, u b'mod speċifiku r-riċerka li tmur lil hinn mill-fruntieri, sabiex livelli għoljin ta' kreattività jistgħu jiġu appoġġati mingħajr ma jiddaħħal riskju finanzjarju żejjed. Ċertament għandu jinsab il-bilanċ xieraq bejn ir-riskji, li huma inevitabbli fit-twettiq ta' riċerka innovattiva, u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità permezz tar-Regolament Finanzjarju.

    Il-Kummissjoni, permezz tal-opportunità tal-analiżi li jmiss tar-Regolament Finanzjarju, se tivvaluta s-sitwazzjoni, se tuża l-esperjenza li kellha sa issa u se tifformula reazzjonijiet possibbli għan-nuqqasijiet amministrattivi u finanzjarji speċifiċi li jikkonċernaw ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni b'mod partikolari fir-riċerka ġenerali u f'dik li tmur lil hinn mill-fruntieri. Bil-għan aħħari ta' semplifikazzjoni u governanza aħjar, l-objettiv għandu jkun approċċ għal ġestjoni finanzjarja għal riċerka li tenfasizza l-funzjoni ta' għotjiet għar-riċerka li tmur lil hinn mill-fruntieri bħala investiment f'riċerkaturi ta' kwalità għolja, kif inhu mifhum li huwa prassi tajba fis-sistemi tar-riċerka ta' suċċess kollha madwar id-dinja.

    Dawn il-kwistjonijiet għandhom jitqiesu f'kuntest usa' ta' riflessjoni dwar kif il-qafas finanzjarju u amministrattiv tal-Komunità fil-ġejjieni se jkun jista' jintuża bl-aqwa mod sabiex iservi l-politiki bil-għan li jitqawwew sorsi ġodda ta' tkabbir sostenibbli.

    Konklużjonijiet u l-passi li jmiss

    Wara l-"ewwel fażi" ta' suċċess, il-KER issa dieħel b'kunfidenza fit-tieni stadju tal-iżvilupp tiegħu. Abbażi ta' evidenza bikrija, il-KER jidher li se jsir parti importanti u stabbli mill-isfera tar-riċerka Ewropea u sabiex jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu, se jkun jeħtieġ ukoll l-appoġġ ta' istituzzjonijiet oħra u tal-partijiet interessati.

    F'ħafna aspetti, permezz tal-ittestjar ta' modi ġodda ta' kif għandha titwettaq ir-riċerka fil-kuntest Komunitarju, il-KER fir-realtà tistimola proċess usa' ta' tagħlim u adattament u tikkostitwixxi "aġent tal-bidla" veru fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

    Kemm jekk dan jikkonċerna l-ġestjoni tar-relazzjoni bejn il-Kunsill Xjentifiku u l-ERCEA, il-proċeduri għall-immaniġġar tal-analiżi minn pari tar-riċerka li tmur lil hinn mill-fruntieri jew tipi ġodda ta' interazzjonijiet bejn attivitajiet ta' finanzjament Komunitarji – dan il-proċess ta' tagħlim qiegħed jinvolvi partijiet interessati minn madwar il-komunità tar-riċerka kollha. Jekk l-istrateġija u l-azzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni għandhom jilħqu l-għanijiet tagħhom, l-appoġġ u l-involviment sħaħ ta' dawn il-partijiet interessati se jkun kritiku wkoll fil-fażi li jmiss.

    Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi serje ta' azzjonijiet li jilħqu l-ambizzjonijiet tal-Ewropa għall-KER, tqis kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet tal-panel tal-Analiżi u takkomoda l-valutazzjoni tal-esperjenza tal-Kummissjoni nnifisha.

    Minn issa stess, il-Kummisjoni u l-ERCEA se jieħdu inizjattivi li huma fil-kompetenzi tagħhom rispettivi sabiex itejbu l-governanza u l-flessibbiltà amministrattiva tal-KER fi ħdan il-qafas regolatorju attwali. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll b'mod attiv mal-partijiet interessati l-oħra, inkluż il-Kunsill Xjentifiku, sabiex tiżgura appoġġ kontinwu fl-avvanz tagħhom u t-titjib u l-"professjonalizzazzjoni" paralleli tal-attivitajiet li huma stess huma responsabbli minnhom.

    Il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha fiż-żmien xieraq, u fi ħdan l-analiżi tar-Regolament Finanzjarju, f'dibattitu usa' u sostanzjali mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-qafas regolatorju għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku. L-għan tagħha se jkun li tiżgura li jinstab il-bilanċ xieraq bejn ir-riskji inerenti għall-attivitajiet tar-riċerka u l-użu effiċjenti tal-fondi tal-UE, u wkoll li strutturi u mekkaniżmi xierqa jistgħu jiġu pprovduti għall-ġestjoni tar-riċerka esternalizzata. L-għan kumplessiv huwa li l-qafas finanzjarju u amministrattiv tal-Komunità jista' jintuża bl-aħjar mod sabiex iservi l-poltiki bil-għan li jqawwu sorsi ġodda ta' tkabbir sostenibbli.

    [1] ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

    [2] L-Aġenzija Eżekuttiva tal-KER hija mmaniġġata minn Direttur u Kumitat tat-Tmexxija, it-tnejn li huma nnominati mill-Kummissjoni.

    [3] ĠU L 57, 24.2.2007, p. 14.

    [4] 2008/37/KE; ĠU L 9, 12.1.2008, p. 15

    [5] COM(2008) 526 finali

    [6] Ir-rapport, u aktar dettalji dwar l-evidenza u l-metodu użat mill-Panel tal-Analiżi tal-KER jistgħu jinstabu fuq il-websajt tal-KER: http://erc.europa.eu/index.cfm?fuseaction=page.display&topicID=158

    [7] 2007/134/KE; ĠU L 57, 24.02.2007, p. 14.

    [8] 2008/37/KE; ĠU L 9, 12.1.2008, p. 15.

    [9] C (2008)5694 finali (mhux ippubblikata).

    [10] SEC(2009)27.

    [11] C(2008) 5132 (mhux ippubblikata). Il-Kumitat tat-Tmexxija tal-ERCEA bħalissa huwa magħmul minn 3 uffiċjali tal-Kummissjoni, 2 xjenzati u s-Segretarju Ġenerali tal-KER bħala osservatur.

    [12] Il-Kumitat ta' Identifikazzjoni tal-Kunsill Xjentifiku tal-KER, ir-Rapport Finali, id-19 ta' Jannar 2009, http://erc.europa.eu/pdf/ERC_Id_Final_Report_2009-01-19.pdf

    [13] Skont dawk stabbiliti għall-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija, ir-Regolament KE/294/2008, ĠU L 97, 09.04.2008, p. 1

    Top