Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0490

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Mobbiltà Urbana {SEG(2009) 1211} {SEG(2009) 1212}

    /* KUMM/2009/0490 finali */

    52009DC0490




    [pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 30.9.2009

    KUMM(2009) 490 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Mobbiltà Urbana

    {SEG(2009) 1211}{SEG(2009) 1212}

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Mobbiltà Urbana

    1. Introduzzjoni

    Fl-2007, 72%[1] tal-popolazzjoni Ewropea kienu jgħixu f'żoni urbani, li huma importanti ħafna għall-iżvilupp u l-impjiegi. L-ibliet jeħtieġu sistemi tat-trasport effiċjenti li jkunu ta' appoġġ għall-ekonomija u l-benessri tal-abitanti. Fl-ibliet, jiġi ġġenerat madwar 85% tal-PGD tal-UE. Attwalment, iż-żoni urbani jiffaċċaw l-isfida li jirnexxilhom jagħmlu t-trasport sostenibbli mil-lat ta' ambjent (CO2, tniġġis tal-arja, storbju) u ta' kompetittività (konġestjoni), waqt li fl-istess ħin jindirizzaw kwistjonijiet soċjali. Dawn ivarjaw mill-ħtieġa li jiġu indirizzati l-problemi tas-saħħa u x-xejriet demografiċi, sal-konsiderazzjoni tal-bżonnijiet ta' persuni b'inqas mobbiltà, familji u tfal, permezz tat-trawwim ta' koeżjoni ekonomika u soċjali.

    Il-mobbiltà urbana qiegħda dejjem aktar tħasseb liċ-ċittadini. Disgħa minn kull għaxar ċittadini tal-UE jaħsbu li s-sitwazzjoni tat-traffiku fiż-żona tagħhom għandha tittejjeb[2]. Il-mezz ta' trasport li n-nies jagħżlu biex jivvjaġġaw bih mhux biss jaffettwa l-iżvilupp urban fil-ġejjieni iżda jaffettwa wkoll is-saħħa ekonomika taċ-ċittadini u tal-kumpaniji. Dan it-titjib se jkun ukoll essenzjali wkoll biex l-istrateġija globali tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tirnexxi, biex jintlaħaq l-għan ta' "20-20-20"[3] u għall-promozzjoni tal-koeżjoni.

    Il-mobbiltà urbana hija wkoll komponent essenzjali tat-trasport fit-tul. Il-biċċa l-kbira tat-trasport, kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija, jibda u jintemm f'żoni urbani, u fi triqtu jgħaddi minn diversi żoni urbani. Iż-żoni urbani għandhom jipprovdu punti ta' interkonnessjoni effiċjenti għan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew u joffru trasport tal-"aħħar mil" li jkun effiċjenti kemm fil-każ tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija. Għalhekk, dawn iż-żoni huma kruċjali għall-kompetittività u s-sostenibbiltà tas-sistema tat-trasport Ewropew fil-ġejjieni.

    Il-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar il-futur sostenibbli għat-trasport[4] identifikat l-urbanizzazzjoni u l-impatti tagħha fuq it-trasport bħala waħda mill-isfidi ewlenin biex is-sistema tat-trasport issir aktar sostenibbli. Din il-Komunikazzjoni tisħaq għat-twettiq ta' azzjoni effettiva u koordinata li tindirizza l-isfida għall-mobbiltà urbana u tipproponi qafas fuq livell tal-UE biex jiffaċilita t-teħid ta' miżuri mill-awtoritajiet lokali.

    Ir-responsabbiltà għall-politiki dwar il-mobbiltà urbana hija l-aktar f'idejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali. Madankollu, id-deċiżjonijiet li jiġu adottati fil-livell lokali ma jittieħdux separatament, iżda fil-qafas provdut mill-politika u l-leġiżlazzjoni nazzjonali, reġjonali u tal-UE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni temmen li hemm ħafna benefiċċji x'jintrebħu permezz tax-xogħol konġunt bħala appoġġ għal azzjonijiet fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, kif ukoll biex jingħata approċċ ta' partenerjat filwaqt li jinżamm kull rispett għall-kompetenzi u r-responsabbiltajiet differenti tal-partijiet kollha involuti.

    Il-konsultazzjoni u d-dibattitu li seħħew wara l-pubblikazzjoni tal-Green Paper dwar il-Mobbiltà Urbana[5] kkonfermaw u ċċaraw il-valur miżjud tal-azzjonijiet fil-livell tal-UE[6]. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni huwa msejjes fuq is-suġġerimenti li ngħataw mill-partijiet interessati, minn ċittadini infushom jew gruppi rappreżentanti tagħhom, u mill-istituzzjonijiet u korpi Ewropej.

    Fid-9 ta' Lulju 2008, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni dwar il-Green Paper[7] u fit-23 ta' April 2009 adotta Rapport fuq inizjattiva tiegħu stess dwar Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana[8]. Fid-29 ta Mejju 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-Opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper[9], filwaqt li l-Kumitat tar-Reġjuni għamel dan fid-9 ta' April 2008[10]. Fid-21 ta’ April 2009, il-Kumitat tar-Reġjuni adotta Opinjoni dwar ir-Rapport tal-Parlament Ewropew[11]. Il-Kunsill iddiskuta dan is-suġġett ukoll[12].

    Abbażi tal-konsultazzjoni li saret wara l-preżentazzjoni tal-Green Paper, dan il-Pjan ta' Azzjoni jistabbilixxi qafas koerenti għal inizjattivi tal-UE fil-qasam tal-mobbiltà urbana filwaqt li jibqa' jirrispetta l-prinċipju ta' sussidjarjetà. Għandu jagħmel hekk billi jinkoraġġixxi u jappoġġja l-iżvilupp ta' politiki ta' mobbiltà urbana sostenibbli li jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali tal-UE, pereżempju, billi jrawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki u billi jipprovdi finanzjament. Il-Kummissjoni taf li ż-żoni urbani tal-UE jistgħu jiffaċċaw sfidi differenti, skont il-pożizzjoni ġeografika, id-daqs u l-ġid relattiv tagħhom. Dan il-Pjan ma għandux ħsieb li jipproponi soluzzjonijiet li jgħoddu għal kollox jew li jiġu imposti minn fuq.

    Il-Pjan ta' Azzjoni jipproponi azzjonijiet prattiċi fuq termini ta' żmien qasir jew medju li għandhom jiġu adottati gradwalment minn issa sal-2012, u li jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-mobbiltà urbana b'mod integrat. Il-Kummissjoni toffri partenerjat għall-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali abbażi tal-impenn volontarju tagħhom biex jikkooperaw f'għadd ta' oqsma ta' interess komuni. Il-Pjan jistieden ukoll lil partijiet interessati oħrajn tal-Istati Membri, iċ-ċittadini u l-industrija, biex jikkooperaw mill-qrib, u jagħti attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-mobbiltà ta’ gruppi vulnerabbli bħal tfal, anzjani, gruppi li jaqilgħu inqas u persuni b’diżabbiltà, li għandhom inqas mobbiltà minħabba diżabbiltà jew impediment fiżiku, intellettwali jew tas-sensi, jew minħabba l-età.

    2. Xi rwol għandha l-UE?

    Is-sistemi ta' trasport urban huma elementi integrali tas-sistema ta' trasport Ewropea u għalhekk huma wkoll parti integrali mill-Politika Komuni tat-Trasport skont l-Artikoli 70 sa 80 tat-Trattat tal-KE. Barra minn hekk, politiki oħra tal-UE (il-politika ta' koeżjoni, il-politika dwar l-ambjent, il-politika dwar is-saħħa, eċċ) ma jistgħux jilħqu l-għanijiet tagħhom bla ma jqisu l-ispeċifiċitajiet urbani, fosthom il-mobbiltà urbana.

    Il-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti għall-mobbiltà urbana ġew żviluppati fis-snin reċenti. Finanzjament sinifikanti ngħata permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni. Inizjattivi ffinanzjati mill-UE, ħafna minnhom bl-appoġġ tal-Programmi ta' Qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, għenu biex jiġu żviluppati għadd kbir ta' approċċi innovattivi. It-tixrid u r-replikazzjoni madwar l-UE kollha ta’ dawn l-approċċi jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet biex jilħqu aktar għanijiet u għanijiet awqa, b'inqas spejjeż.

    L-iżvilupp ta' sistemi ta' trasport effiċjenti f'żoni urbani sar sfida dejjem aktar kumplessa minħabba ż-żieda tal-konġestjoni fl-ibliet u l-espansjoni urbana. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom rwol essenzjali xi jwettqu fejn jidħlu l-ippjanar, il-finanzjament u l-qafas regolatorju. L-UE tista' tistimula lill-awtoritajiet lokali fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali biex jadottaw il-politiki integrati fuq medda twila ta' żmien li huma tant meħtieġa f'ambjenti kumplessi.

    L-UE tista’ wkoll tgħin lill-awtoritajiet biex isibu soluzzjonijiet li huma interoperabbli u tiffaċilita l-funzjonament aħjar tas-Suq Uniku. Regoli, skemi u teknoloġiji kompatibbli jiffaċilitaw l-implimentazzjoni u l-infurzar. L-istipular ta’ standards għas-Suq Uniku kollu jippermetti volum akbar ta' produzzjoni, filwaqt li jnaqqas l-ispejjeż għall-klijent.

    Iż-żoni urbani qed isiru laboratorji għall-innovazzjoni teknoloġika u organizzattiva, fejn jinbidlu x-xejriet tal-mobbiltà u jinstabu soluzzjonijiet ta' finanzjament ġodda. L-UE jaqblilha li jseħħ l-iskambju ta' soluzzjonijiet innovattivi tal-politiki lokali favur l-operaturi tat-trasport kif ukoll favur iċ-ċittadini, u li tiżgura l-effiċjenza tas-sistema ta' trasport Ewropea permezz ta' integrazzjoni effikaċi, l-interoperabbiltà u l-interkonnessjoni. F'dan il-kuntest, l-industrija tista' tagħti kontribut importanti biex tinstab soluzzjoni għall-isfidi tal-ġejjieni.

    Fl-aħħarnett, il-mobbiltà urbana sostenibbli hija dejjem aktar importanti għar-relazzjonijiet mal-ġirien tagħna u għas-soċjetà globali tagħna, li dejjem qed issir aktar konċentrata f’agglomerazzjonijiet urbani. Jekk l-azzjonijiet żviluppati fil-qafas ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni jirnexxu, dan għandu jgħin lill-partijiet involuti kollha tal-UE u l-industrija tagħha biex isawru b’mod attiv soċjetà globali għall-ġejjieni li tqis il-ħtiġijiet taċ-ċittadini, l-għixien f'armonija, il-kwalità tal-ħajja u s-sostenibbiltà.

    3. Programm ta' azzjonijiet favur il-mobbiltà urbana sostenibbli

    L-azzjonijiet proposti jiffokaw fuq sitt temi li jikkorispondu mal-aktar messaġġi importanti li ħarġu mill-konsultazzjoni dwar il-Green Paper. Dawn l-azzjonijiet se jiġu implimentati permezz ta' programmi u strumenti eżistenti tal-UE. L-azzjonijiet jikkumplimentaw lil xulxin u lil inizjattivi oħra tal-UE. L-Anness 1 jippreżenta analiżi ġenerali tal-azzjonijiet, inkluż iż-żmien ta' meta għandhom jiġu adottati.

    Tema Nru 1 — Promozzjoni ta' politiki integrati

    Approċċ integrat huwa l-aħjar metodu biex jiġu ttrattati l-kumplessità tas-sistemi ta' trasport urban, il-kwistjonijiet ta' tmexxija u l-konnessjonijiet bejn l-ibliet u ż-żoni jew reġjuni ta' madwarhom, l-interdipendenza bejn il-mezzi ta' trasport, il-limitazzjonijiet fl-ispazju urban u r-rwol tas-sistemi urbani fis-sistema ta' trasport Ewropea. Dan l-approċċ integrat mhux talli huwa meħtieġ għall-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport u s-servizzi, iżda anke għat-tfassil tal-politiki li jorbtu t-trasport mal-ħarsien tal-ambjent[13], l-ambjenti tajbin għas-saħħa, l-ippjanar tal-użu tal-art, aspetti soċjali li għandhom x'jaqsmu mal-aċċessibbiltà u l-mobbiltà, kif ukoll il-politika industrijali. L-ippjanar tat-trasport b'mod strateġiku u integrat, il-ħolqien ta' organizzazzjonijiet adegwati għall-ippjanar tal-mobbiltà u l-iffissar ta' miri realistiċi huma essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-mobbiltà urbana fuq medda twila ta' żmien, filwaqt li jappoġġaw ukoll il-kooperazzjoni ma' u bejn l-operaturi tat-trasport.

    Azzjoni Nru 1 — Aċċelerazzjoni tal-adozzjoni ta' pjanijiet ta' mobbiltà urbana sostenibbli

    Fuq termini ta' żmien qasir, b'segwitu għall-Istrateġija Tematika dwar l-Ambjent Urban[14], il-Kummissjoni se tappoġġa l-awtoratijiet lokali biex jiżviluppaw pjanijiet ta' mobbiltà urbana sostenibbli li jkopru t-trasport ta' merkanzija u passiġġieri f'żoni urbani u periurbani. Il-Kummissjoni se tipprovdi materjal ta' gwida, tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki, tidentifika valuri ta' referenza u tapoġġja attivitajiet edukattivi għal professjonisti fil-qasam tal-mobbiltà urbana. Fuq medda ta' żmien itwal, il-Kummissjoni tista' tieħu miżuri oħra, pereżempju permezz ta' inizjattivi u rakkomandazzjonijiet.

    Meta jkun possibbli, il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jipprovdu pjattaformi għat-tagħlim komuni u għall-iskambju ta' esperjenzi u tal-aħjar prattiki li jistgħu irawmu l-iżvilupp ta' politiki ta' mobbiltà urbana sostenibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tintroduċi dimensjoni ta' mobbiltà urbana fil-Patt tas-Sindki[15] biex tippromwovi approċċ integrat li jorbot l-enerġija u t-tibdil fil-klima mat-trasport. Se tinkoraġġixxi wkoll l-inkorporazzjoni ta' kwistjonijiet relatati mat-trasport u l-mobbiltà fil-Pjanijiet ta' Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli li għandhom jitħejjew mill-ibliet parteċipanti fil-Patt.

    Azzjoni Nru 2 — Mobbiltà urbana sostenibbli u politika reġjonali

    Biex jiżdied l-għarfien dwar il-finanzjament disponibbli mill-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni u tal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Kummissjoni beħsiebha toħroġ informazzjoni dwar ir-rabta bjen il-miżuri ta' mobbiltà urbana sostenibbli u l-għanijiet ta’ politika reġjonali. Se tieħu ħsieb li jkun hemm qafas usa' għall-iżvilupp urban sostenibbli u tindirizza r-relazzjonijiet bejn it-trasport urban u n-netwerk ta' trasport transEuropew. Il-Kummissjoni se telenka wkoll l-opportunitajiet ta' finanzjament u tispjega l-applikazzjoni ta' għajnuna mill-Istat u r-regoli tal-akkwist pubbliku.

    Azzjoni Nru 3 — Transport favur ambjent urban tajjeb għas-saħħa

    It-trasport urban sostenibbli jista' jikkontribwixxi fil-ħolqien ta' ambjenti tajbin għas-saħħa u biex jonqos mard bħal dak respiratorju u kardjovaskulari, kif ukoll fil-prevenzjoni ta' korrimenti. Il-Kummissjoni tappoġġja l-iżvilupp ta' partenarjati favur ambjenti tajbin għas-saħħa u se tanalizza l-possibbiltà ta' aktar sinerġiji bejn is-saħħa pubblika u l-politika tat-trasport, fil-kuntest tax-xogħol li twettaq fil-qasam tas-saħħa pubblika, l-aktar fl-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-alimentazzjoni, piż żejjed u obesità, l-ambjent u s-saħħa, il-prevenzjoni ta' korrimenti u l-kanċer.

    Tema Nru 2 — Enfażi fuq iċ-ċittadini

    It-trasport pubbliku tal-aqwa kwalità u bi prezz raġjonevoli huwa l-qofol ta’ sistema ta’ trasport urban sostenibbli. L-affidabbiltà, l-informazzjoni, is-sikurezza u l-ħeffa tal-aċċess huma kruċjali biex is-servizzi tax-xarabank, metro, tramm, trolleybus, ferroviji u vapuri jkunu attraenti għaċ-ċittadini.. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja diġà tirregola partijiet kbar tal-investiment u t-tħaddim tat-trasport pubbliku[16]. Kuntratti trasparenti għandhom benefiċċji kbar għal kulħadd u jistgħu jixprunaw l-innovazzjoni fis-servizzi u t-teknoloġija. L-iżgurar ta' livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri, inkluż ta' passiġġieri b'inqas mobbiltà, huwa wieħed mill-ogħla prijoritajiet fuq l-aġenda tal-Kummissjoni. Diġà teżisti leġiżlazzjoni għas-servizzi ferrovjarji[17], u reċentament ġiet proposta leġiżlazzjoni simili għas-servizzi ta' trasport bix-xarabank u l-kowċ[18] u għas-servizzi ta' trasport bil-baħar u fuq ilmijiet interni[19].

    Azzjoni Nru 4 – Pjattaforma dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport pubbliku urban

    Il-Kummissjoni se twettaq il-parti ta' moderatur fi djalogu mal-partijiet interessati, li jinkludu organizzazzjonijiet rappreżentanti tal-operaturi, awtoritajiet, impjegati u gruppi ta' utenti, sabiex jiġu identifikati l-aħjar prattiki u jiġu stabbiliti kundizzjonijiet li jsaħħu d-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport pubbliku urban. Abbażi ta' inizjattivi settorjali u f'konformità mal-approċċ regolatorju tal-Kummissjoni, l-għan hu li jiġi stabbilit sett ta' impenji volontarji u ambizzjużi, li jinkludu indikaturi komuni ta' kwalità, impenji għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri u ta' persuni b'inqas mobbiltà, kif ukoll proċeduri komuni miftiehma dwar it-tressiq ta' lmenti, u mekkaniżmi ta' rappurtar.

    Azzjoni Nru 5 — Titjib tal-aċċessibbiltà għal persuni b'inqas mobbiltà

    Il-persuni b'diżabbiltajiet għandhom id-dritt ta' aċċess għat-trasport urban daqs il-bqija tal-popolazzjoni, iżda fil-fatt, l-aċċess spiss ma jkunx suffiċjenti, u xi drabi ma jkun ebda aċċess. Sar progress konsiderevoli, pereżempju fil-każ tal-użu ta' xarabanks bi pjattaformi baxxi. Mezzi oħra ta' trasport pubbliku, bħas-subways, għadhom fil-biċċa l-kbira inaċċessibbli. Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà, li fl-2007 ġiet iffirmata mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri kollha, tinkludi obbligi ċari.

    L-Artikolu 9 jiddikjara li "l-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw aċċess lill-persuni b'diżabbiltà, fuq bażi ugwali bħal ħaddieħor, għal trasport (...), kemm f'żoni urbani kif ukoll rurali". Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tilħaq konformità sħiħa ma' dawn l-obbligi billi tinkludi d-dimensjoni tal-mobbiltà urbana fl-Istrateġija tal-UE dwar id-Diżabbiltà 2010-2020 u billi tiżviluppa indikaturi xierqa ta' kwalità u mekkaniżmi ta' rappurtar. Barra minn hekk, se tappoġġja aktar attivitajiet speċifiċi fil-qafas tal-FP7.

    Azzjoni Nru 6 — Titjib tal-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar

    Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-operaturi tat-trasport pubbliku u mal-awtoritajiet sabiex tiffaċilita l-forniment ta' informazzjoni dwar il-vjaġġi permezz ta' mezzi differenti tal-medja, inkluż informazzjoni dwar il-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabbiltà. Barra minn hekk, se tappoġġja l-iżvilupp ta' sistemi ta' ppjanar ta' itinerarji multimodali fil-livell nazzjonali u reġjonali, u konnessjonijiet bejn is-sistemi diġà eżistenti ta' dan it-tip, bl-għan aħħari li tipprovdi lill-utenti b'portal tal-internet fil-livell tal-UE dwar l-ivvjaġġar bit-trasport pubbliku. Għandu jkun hemm fokus partikolari fuq l-interkonnessjonijiet prinċipali tan-netwerk TEN-T u l-konnessjonijiet lokali u reġjonali tagħhom.

    Azzjoni Nru 7 — Aċċess għal żoni ekoloġiċi

    Il-Kummissjoni se tniedi studju dwar ir-regoli differenti ta' aċċess għad-diversi tipi ta' żoni ekoloġiċi fl-UE sabiex iżżid l-għarfien dwar kif id-diversi sistemi jaħdmu fil-prattika. Abbażi tar-riżultati ta' dan l-istudju, il-Kummissjoni se tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki.

    Azzjoni Nru 8 – Kampanji dwar imġiba li tiffavorixxi l-mobbiltà sostenibbli

    Il-kampanji ta' edukazzjoni, ta' informazzjoni u ta' trawwim tal-għarfien pubbliku jwettqu rwol importanti fil-ħolqien ta' kultura ġdida ta' mobbiltà urbana. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-organizzazzjoni ta' kampanji fil-livelli kollha, inkluż il-Ġimgħa Ewropea ta' Mobbiltà. Għall-Ġimgħa Ewropea ta' Mobbiltà, il-Kummissjoni se ttejjeb kemm tista' l-iskema ta' premji attwali u tqis jekk għandhiex tagħti premju speċjali biex tinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' mobbiltà urbana sostenibbli.

    Azzjoni Nru 9 — Sewqan effiċjenti fl-użu tal-enerġija bħala parti mill-edukazzjoni tas-sewqan

    Sewqan effiċjenti fl-użu tal-enerġija huwa diġà parti obbligatorja tat-taħriġ u l-ittestjar tas-sewwieqa professjonali. Il-Kummissjoni se tiddiskuti mal-Istati Membri, fl-ambitu tal-kumitat regolatorju tal-liċenzji tas-sewqan, jekk u kif is-sewqan effiċjenti fl-użu tal-enerġija jista' jiġi inkluż fl-ittestjar tas-sewqan ta' sewwieqa privati, se tqis x'azzjonijiet ta' segwitu tista' tieħu u tagħti l-appoġġ rispettiv. Dan is-suġġett se jiġi indirizzat ukoll fil-Progamm ta’ Azzjoni dwar is-Sikurezza fit-Triq li jmiss.

    Tema Nru 3 — Trasport urban aktar ekoloġiku

    F’ħafna bliet madwar l-UE ġew introdotti politiki li huma favur l-ambjent. L-azzjoni fil-livell tal-UE tista' tgħin biex jissaħħu s-swieq għal teknoloġiji ġodda ta' vetturi li ma jniġġsux u ta' fjuwils alternattivi. Dan għandu jkun ta' appoġġ dirett għall-industrija tal-UE, jippromwovi l-ambjenti tajbin għas-saħħa u jikkontribwixxi għall-irkupru tal-ekonomija Ewropea. Billi ġġiegħel lill-utenti jħallsu l-ispejjeż esterni li jikkawżaw (ambjentali, tal-konġestjoni u oħrajn), skont il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tista' tinkoraġġixxi lill-utenti tat-trasport biex jibdew jużaw vetturi jew mezzi tat-trasport li jniġġsu inqas, biex jużaw infrastruttura inqas iffullata jew biex jivvjaġġaw f’ħinijiet differenti. Ir-regoli tal-KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqal għall-użu tal-infrastruttura[20] ma timpedixxix l-applikazzjoni mhux diskriminatorja tal-ħlasijiet regolatorji f'żoni urbani biex jitnaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku u l-impatti ambjentali.

    Azzjoni Nru 10 — Proġetti ta' riċerka u dimostrazzjoni dwar vetturi b'livell ta' emissjonijiet baxx jew żero

    Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-proġetti ta' riċerka u dimostrazzjoni ffinanzjati mis-Seba' Programm Kwadru għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (FP7) biex tiffaċilita l-introduzzjoni fis-suq ta' vetturi b'livelli ta' emissjonijiet aktar baxxi jew żero u ta' fjuwils alternattivi, bl-għan li tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. Dan sar, pereżempju, permezz tal-Inizjattiva CIVITAS[21] u permezz ta' proġetti dwar l-użu tal-idroġenu, bijofjuwils u vetturi ibridi fit-trasport urban.

    Fil-qafas tal-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku Ewropew, il-Kummissjoni nediet l-Inizjattiva Ewropea tal-Karozzi Ekoloġiċi[22]. Fl-2009, il-Kummissjoni se tiffinanzja proġetti ġodda relatati ma' vetturi elettriċi, li jkopru l-batteriji, il-gruppi ta' muturi li jaħdmu bl-enerġija elettrika u elementi elettriċi awżiljarji, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u komunikazzjoni u proġett ta' dimostrazzjoni dwar l-"elettromobbiltà". Dan il-proġett se jiffoka fuq il-vetturi elettriċi u l-infrastruttura relatata fiż-żoni urbani u se jintegra inizjattivi fil-livell nazzjonali u jappoġġja l-istandardizzazzjoni tal-infrastruttura ta' ċċarġjar mill-ġdid.

    Azzjoni Nru 11 — Gwida fuq l-internet għal vetturi li ma jniġġsux u effiċjenti fl-użu tal-enerġija

    Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa gwida fuq l-internet għal vetturi li ma jniġġsux u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, li tinkludi analiżi ġenerali tas-suq, tal-leġiżlazzjoni u tal-iskemi ta' appoġġ. Il-websajt se tipprovdi wkoll appoġġ għall-akkwist konġunt ta' vetturi għas-servizzi pubbliċi, filwaqt li tibqa' timmonitorja l-iżviluppi tas-suq biex tinżamm il-kompetittività. Dan is-servizz se jiffaċilita l-implimentazzjoni tad-Direttiva l-ġdida dwar il-vetturi li ma jniġġsux u effiċjenti fl-użu tal-enerġija[23].

    Azzjoni Nru 12 — Studju dwar aspetti urbani tal-internalizzazzjoni ta’ spejjeż esterni

    Hekk kif jiġi stabbilit il-qafas tal-UE għall-internalizzazzjoni ta' spejjeż esterni, u b'qies għall-konklużjonijiet tad-dibattitu mniedi permezz tal-Komunikazzjoni dwar futur sostenibbli għat-trasport, il-Kummissjoni se tniedi studju metodoloġiku dwar l-aspetti urbani tal-internalizzazzjoni. L-istudju se janalizza l-effikaċja u l-effiċjenza ta' diversi alternattivi ta' tariffi, inkluż aspetti tal-implimentazzjoni tagħhom bħal ma huma l-aspetti ta' kif dawn jintlaqgħu mill-pubbliku, il-konsegwenzi soċjali, l-irkupru tal-ispejjeż, id-disponibbiltà ta' għodod tal-ITS (intelligent transport systems) u l-mod kif politiki ta' tariffar f'żoni urbani u dispożizzjonijiet oħra dwar l-aċċess għal żoni ekoloġiċi jistgħu jiġu kkombinati b'mod effikaċi.

    Azzjoni Nru 13 — Skambju ta’ informazzjoni dwar skemi ta’ tariffar f'żoni urbani

    Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-esperti u dawk li jfasslu l-politiki dwar l-iskemi ta' tariffar f'żoni urbani fl-UE. Dan għandu jutilizza t-tagħrif li jirriżulta minn inizjattivi eżistenti[24] u se jinkludi informazzjoni dwar proċessi ta’ konsultazzjoni, disinn ta’ skemi, forniment ta’ informazzjoni lil ċittadini, aċċettazzjoni pubblika, spejjeż tal-operat u dħul, aspetti teknoloġiċi u l-impatt fuq l-ambjent. Il-ħidma tal-Kummissjoni fuq l-internalizzazzjoni ta’ spejjeż esterni se tqis dawn il-konklużjonijiet.

    Tema Nru 4 — Tisħiħ tal-finanzjament

    Sabiex jitgawdew il-benefiċċji kollha tal-mobbiltà urbana sostenibbli, huwa meħtieġ investiment regolari fl-infrastruttura, vetturi, teknoloġiji ġodda, servizzi aqwa, eċċ. Il-biċċa l-kbira tal-ispejjeż jitħallsu minn sorsi lokali, reġjonali jew nazzjonali. Is-sorsi ta' finanzjament lokali huma diversi u jistgħu jinkludu taxxi lokali, ħlasijiet tal-passiġġieri għat-trasport, ħlasijiet għall-ipparkjar, tariffi għal żoni ekoloġiċi u tariffi f'żoni urbani, u finanzjament privat. Il-ħtiġijiet dejjem akbar ta' finanzjament għal sistemi tat-trasport kumplessi u l-probabbiltà ta' inqas disponibbiltà ta' finanzjament pubbliku huma l-akbar sfidi għall-ġejjieni. L-użu ta' finanzjament mill-UE, inkluż l-istrumenti tal-Bank Ewropew tal-Investiment, jistgħu joffru inċentivi sinifikanti u jgħinu fil-ksib ta' fondi privati. Fuq terminu ta' żmien qasir, il-Kummissjoni tista' tgħin lill-awtoritajiet u lill-partijiet interessati jutilizzaw l-opportunitajiet attwali ta' finanzjament u jiżviluppaw skemi innovattivi ta' partenerjati pubbliċi-privati.

    Azzjoni Nru 14 — Titjib tas-sorsi ta' finanzjament attwali

    Il-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni, li għall-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja attwali allokaw aktar minn EUR 8 biljun għat-trasport urban li ma jniġġisx, huma sors ta' finanzjament tal-UE importanti ħafna għall-investiment fl-infrastruttura u l-vetturi ferrovjarji. Taħt it-"Tema tat-Trasport" tal-FP7 hemm, għall-ewwel darba, qasam prijoritarju ddedikat għall-mobbiltà urbana sostenibbli. Flimkien mal-attivitajiet li għaddejja bihom, il-Kummissjoni se tqis it-twettiq ta' attivitajiet ġodda ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni li jkunu rilevanti għall-mobbiltà urbana.

    Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-iSTEER, is-subprogramm tal-Enerġija Intelliġenti tal-Ewropa[25] li jħares lejn aspetti tal-enerġija tat-trasport, u l-URBACT[26]. Il-Programm ta’ Appoġġ għall-Politika tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u Komunikazzjoni jista’ joffri appoġġ għal proġetti pilota relatati mal-mobbiltà urbana. Fl-aħħarnett, wara sejħa għal proposti mnedija fl-2008, ġie allokat finanzjament għal azzjonijiet ta' mobbiltà urbana f'oqsma prijoritarji tal-Green Paper dwar il-mobbiltà urbana.

    Azzjoni Nru 15 — Analiżi tal-ħtiġijiet ta' finanzjament fil-ġejjieni

    Il-Kummissjoni se tkompli tagħti appoġġ finanzjarju għall-inizjattiva CIVITAS, li tant irnexxiet, anke wara t-tielet ġenerazzjoni ta' proġetti li bdiet fl-2008. Nediet studju biex tiddetermina liema jkun l-aktar mod xieraq li bih tista' tasal għall-inizjattiva CIVITAS FUTURA. Il-Kummissjoni, se tanalizza wkoll il-ħtiġijiet ta' finanzjament fil-ġejjieni biex isir titjib fil-mobbiltà urbana bħala parti mill-analiżi globali tagħha tal-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss.

    Tema Nru 5 — Skambju ta' esperjenza u għarfien

    Il-Kummissjoni se tgħin lill-partijiet interessati biex japprofittaw mill-esperjenza attwali u se tappoġġja l-iskambju ta' informazzjoni, b'mod partikolari dwar l-iskemi mudelli li ġew żviluppati permezz ta' programmi tal-Komunità. Azzjoni min-naħa tal-UE tista' tkun deċisiva biex tiżgura li jsir ġbir, skambju u tqabbil ta' dejta, statistika u informazzjoni. Minkejja li attwalment dawn mhumiex disponibbli, huma meħtieġa għat-tfassil tajjeb tal-politiki, pereżempju, l-politiki dwar l-akkwist ta' servizzi tat-trasport pubbliku, l-internalizzazzjoni ta' spejjeż esterni jew it-trasport integrat u l-ippjanar tal-użu tal-art. Tista’ wkoll tgħin bliet b’inqas esperjenza, għarfien u riżorsi finanzjarji biex japprofittaw mill-prattiki żviluppati minn bliet li huma aktar avvanzati fil-qasam tal-mobbiltà urbana sostenibbli, pereżempju f'oqsma bħas-sikurezza taċ-ċiklisti u tan-nies fit-triq fejn l-iskambju tal-aħjar prattiki jista' jtejjeb is-sikurezza f'toroq vulnerabbli li jintużaw f'żoni urbani.

    Azzjoni Nru 16 — Titjib tad-dejta u statistika

    Sabiex tindirizza n-nuqqas ta' dejta u statistika, il-Kummissjoni se tniedi studju dwar kif jista' jittejjeb il-ġbir tad-dejta dwar it-trasport u l-mobbiltà urbani. Se jiġu analizzati wkoll is-sinerġiji ma' attivitajiet attwali tal-Kummissjoni.

    Azzjoni Nru 17 — Twaqqif ta' osservatorju tal-mobbiltà urbana

    Il-Kummissjoni se tistabbilixxi osservatorju tal-mobbiltà urbana, għall-professjonisti fil-qasam tat-trasport urban, f'għamla ta' pjattaforma virtwali[27], għall-iskambju ta' informazzjoni, dejta u statistika, biex jiġu mmonitorjati l-iżviluppi u biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prattiki. Il-pjattaforma se tinkludi bażi tad-dejta li jkun fiha informazzjoni dwar il-varjetà kbira ta' soluzzjonijiet ippruvati li diġà huma fis-seħħ, materjal ta' taħriġ u materjal edukattiv, programmi ta' skambju ta' persunal, u għodod oħrajn ta' appoġġ. Barra minn hekk, din il-pjattaforma se toffri analiżi ġenerali tal-leġiżlazzjoni u strumenti finanzjarji tal-UE li huma rilevanti għall-mobbiltà urbana.

    Azzjoni Nru 18 — Kontribuzzjoni għad-djalogu u l-iskambju ta' informazzjoni f'livell internazzjonali

    L-awtoritajiet lokali u reġjonali tad-dinja kollha jiffaċċaw sfidi simili fir-rigward tal-mobbiltà. Il-kontroll tat-tibdil fil-klima, l-iffaċilitar tal-kummerċ internazzjonali, it-trattament tas-sigurtà tal-forniment tal-enerġija, l-iżgurar ta' fluss ta' trasport mingħajr interuzzjonijiet u l-iżgurar ta' ekwità soċjali huma kwistjonijiet ta' rilevanza dinjija. Permezz tal-pjattaformi u l-mekkaniżmi ta' finanzjament attwali, il-Kummissjoni se tiffaċilita d-djalogu, il-ġemellaġġ bejn l-ibliet, u l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-mobbiltà urbana ma' reġjuni ġirien u msieħba internazzjonali. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni se tiftaħ il-Fora CIVITAS għal bliet f'pajjiżi ġirien tal-Lvant, fil-Mediterran u f'reġjuni tal-Afrika[28]. Fuq medda ta' żmien itwal, il-Kummissjoni se tinkludi din id-dimensjoni fl-iżvilupp ta' CIVITAS FUTURA u tqis attivitajiet speċifiċi oħrajn fl-ambitu tal-FP7.

    Tema Nru 6 — Titjib tal-mobbiltà urbana

    Integrazzjoni effikaċi, l-interoperabbiltà u l-interkonnessjoni bejn netwerks differenti tat-trasport huma elementi importanti għal sistema tat-trasport effiċjenti. Dan jista' jiffaċilita t-trasferiment modali għal mezzi tat-trasport li huma aktar favur l-ambjent u għal loġistika effikaċi tat-trasport tal-merkanzija. Il-possibbiltà ta' mezzi ta' trasport bi prezz raġjonevoli u li huma mfassla għall-użu ta' familji huma importanti biex iċ-ċittadini jitħajru jsiru inqas dipendenti fuq l-użu tal-karozzi, jutilizzaw it-trasport pubbliku, jimxu u jużaw ir-rota aktar spiss, u jippruvaw forom ġodda ta' mobbiltà, bħall-użu komuni tal-istess karozza jew rota. Jistgħu jintużaw mezzi alternattivi ta' trasport, bħar-rota elettrika, skuter jew mutur, kif ukoll it-taksi. Il-politika ta' mobbiltà ta' kumpanija tista' tħalli effett fuq l-imġiba fl-ivvjaġġar billi tnebbaħ lill-impjegat li jeżistu alternattivi ta' trasport sostenibbli. Il-kumpaniji li jimpjegaw lin-nies u l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom billi joħolqu inċentivi finanzjarji u regolamenti relatati mal-ipparkjar.

    Azzjoni Nru 19 — Trasport urban tal-merkanzija

    Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tipprovdi għajnuna dwar kif l-effiċjenza tal-loġistika urbana tista' tittejjeb bl-akbar mod possibbli, inkluż dwar it-titjib tal-konnessjonijiet bejn it-trasport ta' merkanzija fuq distanzi twal, trasport interurban u trasport urban, bl-għan li jiġu żgurat li t-trasport tal-"aħħar mil" ikun effiċjenti. Din il-gwida se tiffoka fuq kif it-trasport tal-merkanzija jiġi inkorporat aħjar fil-politiki u pjanijiet lokali u fuq kif il-flussi tat-trasport jistgħu jiġu ġestjonati u mmonitorjati aħjar. Bħala parti mit-tħejjijiet tagħha, fl-2010, il-Kummissjoni se torganizza konferenza dwar it-trasport urban tal-merkanzija. F'din il-konferenza, se tiġi analizzata wkoll l-implimentazzjoni tal-inizjattivi urbani fil-Pjan ta' Azzjoni għal-Loġistika tat-Trasport[29].

    Azzjoni 20 – Sistemi tat-trasport intelliġenti (ITS) għall-mobbiltà urbana

    Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li toffri għajnuna dwar l-applikazzjonijiet ta' sistemi intelliġenti tat-trasport favur il-mobbiltà urbana biex tikkumplimenta l-Pjan ta' Azzjoni tal-ITS[30]. Fost dawn l-applikazzjonijiet, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-bejgħ u l-ħlas ta' biljetti b'mod elettroniku, il-ġestjoni tat-traffiku, l-informazzjoni dwar il-vjaġġi, ir-regolamenti dwar l-aċċess u l-ġestjoni tad-domanda, u se tindirizza l-opportunitajiet li saru possibbli permezz tal-Galileo, is-sistema mondjali ta' navigazzjoni bis-satellita Ewropea (GNSS). Biex tibda, il-Kummissjoni se tniedi studju dwar kif tista' tiġi mtejba l-interoperabbiltà tas-sistemi ta' bejgħ u ħlas ta' biljetti fis-servizzi u mezzi tat-trasport, inkluż l-użu ta' kards intelliġenti fit-trasport urban b'enfażi fuq destinazzjonijiet ewlenin Ewropej (ajruporti, stazzjonijiet tal-ferrovija).

    4. Ħarsa ’l quddiem

    Il-Kummissjoni se tmexxi b'mod attiv l-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta’ Azzjoni. Se tkompli tiddjaloga mal-partijiet interessati u tistabbilixxi l-mekkaniżmi ta' ġestjoni xierqa, bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri wkoll permezz, pereżempju, tal-Grupp Konġunt ta’ Esperti dwar it-Trasport u l-Ambjent[31]. Fl-2012, il-Kummissjoni se tagħmel reviżjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni u se tivvaluta l-ħtieġa għal aktar azzjoni.

    Anness 1 — Analiżi ġenerali tal-azzjonijiet favur il-mobbiltà urbana

    Azzjoni | Nru |

    Tnedija fl-2009 |

    Aċċelerazzjoni tal-adozzjoni ta' pjanijiet ta' mobbiltà urbana sostenibbli | 1 |

    Titjib tal-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar | 6 |

    Aċċess għal żoni ekoloġiċi | 7 |

    Proġetti ta' riċerka u dimostrazzjoni dwar vetturi b'livell ta' emissjonijiet baxx jew żero | 10 |

    Gwida fuq l-internet għal vetturi li ma jniġġsux u effiċjenti fl-enerġija | 11 |

    Skambju ta’ informazzjoni dwar skemi ta’ prezzijiet urbani | 13 |

    Titjib tas-sorsi ta' finanzjament attwali | 14 |

    Twaqqif ta' osservatorju tal-mobbiltà urbana | 17 |

    Tnedija fl-2010 |

    Transport favur ambjent urban tajjeb għas-saħħa | 3 |

    Pjattaforma dwar drittijiet ta’ passiġġieri tat-trasport pubbliku urban | 4 |

    Kampanji dwar imġiba sostenibbli ta’ mobbiltà | 8 |

    Sewqan effiċjenti fl-użu tal-enerġija bħala parti mill-edukazzjoni tas-sewqan | 9 |

    Analiżi tal-ħtiġijiet ta' finanzjament fil-ġejjieni | 15 |

    Titjib tad-dejta u statistika | 16 |

    Kontribuzzjoni għad-djalogu u l-iskambju ta' informazzjoni f'livell internazzjonali | 18 |

    Tnedija fl-2011 |

    Mobbiltà urbana sostenibbli u politika reġjonali | 2 |

    Titjib tal-aċċessibbiltà għal persuni b'inqas mobbiltà | 5 |

    Studju dwar aspetti urbani tal-internalizzazzjoni ta’ spejjeż esterni | 12 |

    Tnedija fl-2012 |

    Trasport urban tal-merkanzija | 19 |

    Sistemi tat-trasport intelliġenti (ITS) għall-mobbiltà urbana | 20 |

    [1] In-Nazzjonijiet Uniti, Prospetti tal-Urbaniżmu tad-Dinja: Ir-Reviżjoni tal-2007.

    [2] Attitudnijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-Politika tat-Trasport tal-UE Flash Eurobarometer 206b, Lulju 2007.

    [3] Ara l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell (8/9 ta' Marzu 2007).

    [4] COM(2009) 279.

    [5] COM(2007) 551.

    [6] Għal sinteżi tar-riżultati tal-konsultazzjoni ara: http://ec.europa.eu/transport/urban/urban_mobility/green_paper/green_paper_en.htm.

    [7] INI/2008/2041.

    [8] INI/2008/2217.

    [9] TEN/320 - CESE 982/2008.

    [10] CdR 236/2007.

    [11] CdR 417/2008.

    [12] http://www.ue2008.fr/PFUE/site/PFUE/lang/en/reunion_informelle_des_ministres_des_transports.html.

    [13] Pereżempju, li jiġi żgurat li jkun hemm koerenza bejn il-pjanijiet ta' mobbiltà urbana sostenibbli u l-pjanijiet għall-kwalità tal-arja li jiġu mfassla fil-qafas tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja.

    [14] COM(2005) 718.

    [15] www.eumayors.eu.

    [16] Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 dwar is-servizz pubbliku u d-Direttivi Nru 2004/17/KE u 2004/18/KE dwar l-akkwist pubbliku.

    [17] Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji.

    [18] COM(2008) 817.

    [19] COM(2008) 816.

    [20] Id-Direttiva 1999/62/KE u l-proposta tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tad-direttiva dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqal għall-użu tal-infrastruttura - COM(2008) 433.

    [21] www.civitas.eu.

    [22] http://ec.europa.eu/research/transport/info/green_cars_initiative_en.html.

    [23] Direttiva 2009/33/EC.

    [24] pereżempju www.curacaoproject.eu.

    [25] http://ec.europa.eu/energy/intelligent/index_en.html.

    [26] http://urbact.eu

    [27] Abbażi ta' inizjattivi attwali, pereżempju www.eltis.org.

    [28] COM(2009) 301.

    [29] COM(2007) 607.

    [30] COM(2008) 886.

    [31] Stabbilit fil-qafas tal-istrateġija tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-ambjent u żvilupp sostenibbli fil-politika tat-trasport; dokument tal-Kunsill 11717/99 TRANS 197 ENV 335, 11 ta’ Ottubru 1999.

    Top