EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0314

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-operat tal-ftehimiet konklużi fil-qafas tal-proċedura tal-Artikolu XXVIII tal-GATT fis-settur tar-ross

/* KUMM/2009/0314 finali */

52009DC0314

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-operat tal-ftehimiet konklużi fil-qafas tal-proċedura tal-Artikolu XXVIII tal-GATT fis-settur tar-ross /* KUMM/2009/0314 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.6.2009

KUMM(2009) 314 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar l-operat tal-ftehimiet konklużi fil-qafas tal-proċedura tal-Artikolu XXVIII tal-GATT fis-settur tar-ross

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar l-operat tal-ftehimiet konklużi fil-qafas tal-proċedura tal-Artikolu XXVIII tal-GATT fis-settur tar-ross

GLOSSARJU

Basmati | Ross indica ta' kwalità għolja li jikber biss fl-indja u l-pakistan |

Imkisser | Ross abjad li saritlu l-ħsara fil-proċess tat-tħin |

Imqaxxar | Ross li tneħħitlu biss l-ħliefa; ross kannella |

Indica | Subspeċi ta' ross, żerriegħa twila |

Japonica | Subspeċi ta' ross, normalment żerriegħa tonda jew ta' daqs medju |

Bil-qoxra | Ross li għadu fil-ħliefa (mhux imqaxxar) |

Mitħun jew nofsu mitħun | Ross li tneħħewlu l-ħliefa, is-saffi u ż-żerriegħa parzjalment jew kompletament; ross abjad |

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar l-operat tal-ftehimiet konklużi fil-qafas tal-proċedura tal-Artikolu XXVIII tal-GATT fis-settur tar-ross

DAħLA

Wara r-riforma tal-Organizzazzjoni tas-Suq Komuni tar-ross fl-2003, il-Kummissjoni nnotifikat lill-ODS li l-Komunità Ewropea kellha l-intenzjoni timmodifika l-konċessjonijiet tal-importazzjoni tar-ross imqaxxar (kodiċi HS 1006 20) u r-ross mitħun jew nofsu mitħun (kodiċi HS 1006 30) inklużi fl-Iskeda CXL tal-Komunità Ewropea annessa mal-GATT 1994.

It-tnaqqis ta' 50 % fil-prezz tal-intervent li ġie introdott bir-riforma fisser li t-tkomplija tal-amministrazzjoni tal-importazzjoni fis-seħħ dak iż-żmien[1] kienet se tirriżulta fi protezzjoni konfinali li tvarja ħafna, li tista' tilħaq ukoll livell ta' bla dazju. Minħabba li din implikat wisq inċertezzi għas-settur tar-ross, il-Komunità ddeċidiet li tneħħi l-konsolidazzjoni amministrattiva u tinnegozja l-iskambju tagħha b'waħda iżjed xierqa, applikabbli għall-imsieħba kummerċjali kollha tal-UE.[2].

Għalhekk, skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT, in-negozjati saru mal-erba' pajjiżi li minnhom joriġinaw l-ikbar importazzjonijiet ta' ross fl-UE:

- l-Indja u l-Pakistan, kull wieħed b'interess sostanzjali fil-provvista tar-ross Basmati imqaxxar,

- l-Istati Uniti tal-Amerika li kellha interess prinċipali fil-provvista tar-ross imqaxxar u interess sostanzjali fil-provvista tar-ross mitħun, u

- it-Tajlandja, li kellha interess prinċipali fil-provvista tar-ross mitħun u interess sostanzjali fil-provvista tar-ross imqaxxar.

Meta ġie ffirmat il-ftehim mat-Tajlandja, il-Kummissjoni ħadet ir-responsabbiltà sabiex tibgħat rapport lill-Kunsill dwar l-operat tal-ftehimiet konklużi, la darba kienet disponibbli d-dejta għall-ewwel snin tat-tqegħid fis-suq. L-iskop ikun biex wieħed jgħin l-valutazzjoni tal-impatt tal-flussi tal-importazzjoni ta' tipi differenti ta' ross fuq is-suq tal-Komunità, f'dak li jikkonċerna kemm il-produzzjoni tal-Komunità u l-kwantitajiet ipproċessati.[3]

Barra minn hekk, ir-rapport jagħmel reviżjoni tal-importazzjonijiet tar-ross mitħun f'pakketti żgħar. Xi Stati Membri esprimew tħassib dwar il-konsekwenzi għas-settur tar-ross tal-UE biż-żieda kbira possibbli f'dawn it-tipi ta' importazzjonijiet wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehimiet. Il-Kummissjoni ħadet ir-responsabbiltà sabiex tidħol f'konsultazzjonijiet ma' kwalunkwe pajjiż tal-esportazzjoni li l-importazzjonijiet mingħandu ġewwa l-UE żdiedu b'iktar minn 25 % f'sena tas-suq partikolari.

IL-FTEHIMIET

Ħarsa ġenerali

Il-ftehimiet mal-Indja u l-Pakistan ġew approvati mill-Kunsill fil-11 ta' Awwissu 2004[4]. Dawn stabbilixxew li r- ross Basmati mqaxxar jista' jiġi importat fl-UE bla dazju mill-1 ta' Settembru 2004.

Il-ftehim mal-Istati Uniti ġie approvat mill-Kunsill fil-21 ta' Ġunju 2005[5] u japplika b’mod retroattiv, b'effett mill-1 ta' Marzu 2005, jiġifieri f'nofs is-sena tas-suq. Dan jistabbilixxi metodu ta' kalkolu għad-dazju tal-importazzjoni tan-Nazzjon l-Iktar Favorit (MFN) applikabbli għar- ross imqaxxar .

Fl-aħħar, il-ftehim mat-Tajlandja, approvat mill-Kunsill fl-20 ta' Diċembru 2005[6], primarjament jikkonċerna il-mekkaniżmu ta' kalkolu tad-dazju tal-importazzjoni tal-MFN applikabbli għar- ross mitħun jew nofsu mitħun . Dan ġie applikat ukoll retroattiv, mill-1 ta' Settembru 2005.

Għalkemm il-ftehim mal-Istati Uniti ma ffinalizzax in-negozjati dwar l-Artikolu XXVIII, se jkun eżaminat ukoll f'dan ir-rapport għax kien konkluż fl-istess qafas bħall-ftehimiet l-oħrajn.

It-tabella li ġejja turi d-dazji applikabbli issa għall-importazzjonijiet tar-ross, wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehimiet rispettivi.

Tabella 1: Dazji marbuta u applikati għar-ross

Tip ta’ ross: | Dazju marbut (€/t) | Dazju applikat (€/t) |

Bil-qoxra (ma għandux x'jaqsam mal-ftehimiet) | 211 | 211 |

Imqaxxar Li minnu basmati | 65 -- | 30 – 42.5 - 65 0 |

Mitħun jew nofsu mitħun | 175 | 145 - 175 |

Imkisser | 128 | 65 |

Ross Basmati mqaxxar – ftehimiet mal-Indja u l-Pakistan

Il-ftehimiet mal-Indja u l-Pakistan stabbilixxew il-kundizzjonijiet li ġejjin għall-importazzjoni ta' bla dazju u mingħajr kwota tar-ross Basmati mqaxxar:

- 9 varjanti speċifiċi huma eliġibbli (4 Pakistani u 8 Indjani, fejn 3 minnhom huma komuni għaż-żewġ pajjiżi)

- il-Basmati importat irid ikollu ċertifikat ta' awtentiċità maħruġ mill-awtoritajiet relevanti Indjani jew Pakistani.

Ross imqaxxar - il-ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerika

Il-ftehim mal-Istati Uniti stabbilixxa livell ta' referenza annwali ta' 431 678 t għall-importazzjonijiet tar-ross imqaxxar li mhuwiex Basmati. Dan kien ir-riżultat tal-kalkolu li ġej, ibbażat fuq id-dejta medja għall-1999 sal-2002:

- importazzjonijiet ta' ross imqaxxar fl-UE-25 mill-pajjiżi kollha

- bit-tnaqqis tal-importazzjonijiet tal-Basmati fl-UE-25

- miżjuda b'10 %

- u esportazzjonijiet ta' ross mitħun skont l-Ipproċessar Attiv mill-UE-15 lejn 10 Stati Membri li ngħaqdu mal-UE fl-2004.

Iż-żidiet annwali ta' dan il-livell ta' referenza kienu iffissati għall-6 000 t għal kull sena tas-suq 2005/06, 2006/07 u 2007/08. Għas-snin sussegwenti, il-ftehim jipprovdi li l-partijiet ifittxu qbil sal-31 ta' Awwissu 2008. Madankollu, il-konsultazzjonijiet bejn il-Komunità u l-Istati Uniti għadhom għaddejin.

Skont it-termini tal-ftehim, jekk l-importazzjonijiet tar-ross imqaxxar huma iktar minn 15 % inqas mil-livell ta' referenza f'sena tas-suq partikolari, il-KE se tapplika rata ta' tariffa ta' 30 €/t għall-perjodu tas-6 xhur ta' wara. Jekk l-importazzjonijiet huma iktar minn 15 % 'l fuq mil-livell ta' referenza, id-dazju għall-perjodu sussegwenti jiġi ffissat għal 65 €/t. Jekk l-importazzjonijiet qegħdin fil-medda ta' -15% u +15 %, id-dazju għall-perjodu sussegwenti jkun 42.5 €/t.

Il-Kummissjoni teżamina darbtejn fis-sena l-ħtieġa ta' bidla fid-dazju tal-importazzjoni u, jekk ħemm bżonn, tiffissa dazju ġdid minn Settembru sa Marzu. Il-kalkolu li jsir f'nofs is-sena tas-suq huwa bbażat fuq il-kwantitajiet importati matul l-ewwel 6 xhur tas-sena tas-suq u nofs il-livell annwali ta' referenza.

Ir-raġunament għal dan il-qbil huwa li jkun hemm provediment għal żieda fid-dazju tad-dħul meta l-importazzjonijiet jiżdiedu u vice versa , sabiex tingħata protezzjoni adegwata lis-settur tar-ross Ewropew, filwaqt li, fl-istess ħin, jinfetaħ is-suq għall-pajjiżi terzi.

L-importazzjonijiet tar-ross imqaxxar kollu li mhuwiex Basmati fl-UE mill-pajjiżi kollha, kemm jekk huma preferuti jew le, jitqiesu għall-iskop tal-kalkolu tal-kwantitajiet importati. Id-dejta hija bbażata fuq il-liċenzji tad-dħul matul il-perjodu kkonċernat.

Ross mitħun jew nofsu mitħun - ftehim mat-Tajlandja

Il-ftehim konkluż mat-Tajlandja dwar ross mitħun jew nofsu mitħun jipprovdi mekkaniżmu simili imma iktar sempliċi bħal dak tar-ross imqaxxar. Il-livell ta' referenza tal-importazzjoni annwali qiegħed iffissat għal 337 168 t, li jirrapreżenta l-medja tal-importazzjonijiet tar-ross mitħun jew nofsu mitħun fl-UE-25 mill-pajjiżi kollha fl-2001/2002 u l-2003/2004, miżjud b'10 %. Ma sarx provediment għaż-żidiet annwali f'dan il-livell ta' referenza.

Skont it-termini ta' dan il-ftehim, normalment japplika dazju ta' 145 €/t. Madankollu, jekk l-importazzjonijiet tar-ross mitħun jew nofsu mitħun huma iktar minn 15 % 'l fuq mil-livell ta' referenza annwali f'sena tas-suq partikolari, il-KE tapplika rata ta' tariffa ta' 175 €/t matul il-perjodu ta' 6 xhur sussegwenti. Inkella, id-dazju għall-perjodu sussegwenti jibqa 145 €/t.

Bħal fil-każ tar-ross imqaxxar, dan l-eżerċizzju jiġi repetut f'nofs is-sena tas-suq, abbażi tal-kwantitajiet importati matul l-ewwel 6 xhur tas-sena tas-suq u 47 % tal-livell annwali ta' referenza (158 469 t). L-importazzjonijiet fl-UE mill-pajjiżi kollha, kemm jekk huma preferuti jew le, jitqiesu għall-iskopijiet tal-kalkolu tal-kwantitajiet importati. Id-dazju li jirriżulta huwa MFN, u huwa applikabbli għall-importazzjonijiet kollha tar-ross mitħun jew nofsu mitħun mill-pajjiżi kollha bl-eċċezzjoni ta' dawk li saru taħt arranġamenti preferenzjali jew kwoti tad-dħul.

Barra minn hekk, il-ftehim tat-Tajlandja ipprovda għall-Kwota ta' Rata Tariffarja (TRQ) ta' 13 500 tunnellata ta' ross mitħun jew nofsu mitħun bla dazju.

Ross imkisser - ftehim mat-Tajlandja

Il-ftehim mat-Tajlandja ikkonkluda wkoll id-dazju tad-dħul applikat għar-ross imkisser, li ġie ffissat għal 65 €/t minn Settembru 2005 (tnaqqis minn 128 €/t matul is-sena preċedenti). Barra minn hekk, it-80 000 tunnellata TRQ ta' qabel żdiedu għall-100 000 tunnellata.

L-IMPATT FUQ IS-SUQ TAL-UE

Id-dejta

Sabiex issir valutazzjoni tal-impatt tal-ftehimiet, dan ir-rapport jeżamina l-implimentazzjoni tagħhom mill-2004/05 sal-2007/08, l-aħħar sena tas-suq kompluta li għaliha d-dejta hija disponibbli.

F'dak li jikkonċerna l-volumi tal-importazzjoni, ir-rapport jikseb it-tagħrif minn żewġ sorsi kumplimentarji:

- il-bażi tad-dejta tal-liċenzji tad-dħul, li tagħti lok li ssir distinzjoni bejn l-importazzjonijiet preferenzjali u dawk li mhumiex preferenzjali.

- Il-bażi tad-dejta Comext, li tagħti l-kwantitajiet attwalment importati, kif innotifikati mill-Istati Membri lill-Eurostat. Filwaqt li l-Comext jagħmel distinzjoni bejn l-importazzjonijiet skont il-pajjiż tal-oriġini tagħhom, ma jagħmilx distinzjoni bejn l-importazzjonijiet preferenzjali u dawk li mhumiex preferenzjali.

Għad-dejta tal-karta tal-bilanċ u sabiex jiġu analizzati t-tendenzi tas-suq, tintuża d-dejta tal-Eurostat u notifikazzjonijiet oħrajn tal-Istati Membri.

Id-dejta li tikkonċerna l-importazzjoni tar-ross mitħun f'pakketi żgħar tinġib mis-sistema ta' sorveljanza tat-TAXUD tal-Kummissjoni, li daħlet fis-seħħ fi Frar tal-2006. Id-dejta hija għalhekk disponibbli biss għal sentejn tas-suq kompluti, 2006/07 u 2007/08, u tirreferi għall-kwantitajiet attwalment importati.

Il-flussi tad-dħul abbażi tal-liċenzji maħruġa

Ross Basmati mqaxxar

Bejn l-2004/05 u l-2005/06 l-importazzjonijiet tal-Basmati baqgħu stabbli għall-270 000 t, u żdiedu għall-324 000 t fl-2006/07 u għall-368 000 t sena wara.

Sar-raba' sena tas-suq tal-applikazzjoni tal-ftehim tal-Basmati, l-importazzjonijiet kienu għalhekk żdiedu b'xi 100 000 t (+36 %).

Tabella 2: Importazzjonijiet tar-ross Basmati mqaxxar - liċenzji maħruġa (f'tunnellati)

Sena tas-suq | l-Indja | il-Pakistan | Total |

2004/05 | 203 896 | 66 933 | 270 829 |

2005/06 | 217 630 | 53 196 | 270 826 |

2006/07 | 285 037 | 38 567 | 323 604 |

2007/08 | 269 087 | 99 073 | 368 160 |

Ross imqaxxar

Mid-dħul fis-seħħ tal-importazzjonijiet, il-kwantità ta' ross imqaxxar apparti l-Basmati li għalih inħarġu l-liċenzji tad-dħul żdiedet minn 398 121 t fl-2004/05 għal 550 741 t fl-2007/08. Parti sostanzjali ta' din iż-żieda ta' 37 % (148 778 t) irriżultat mit-tkabbir għar-Rumanija u l-Bulgarija, li flimkien impurtaw 78 985 t ta' ross imqaxxar fl-2004/05, qabel daħlu fl-UE.

Iż-żieda netta fl-importazzjonijiet tal-UE bejn l-2004/05 u l-2007/08 kienet, għalhekk, mhux iktar minn 70 000 t.

L-aġġustament għad-dazju tad-dħul ta' nofs is-sena (f'Settembru u Marzu) effetwa r-rata li fiha n-negozjanti applikaw għal-liċenzji tad-dħul matul perjodi differenti tas-sena. Per eżempju, jekk kienet antiċipata żieda fid-dazju wara Marzu, l-applikazzjonijiet żdiedu fi Frar, sabiex jieħdu vantaġġ mir-rata iżjed baxxa tad-dħul, u vice versa .

B'riżultat, fl-ewwel nofs tas-snin tas-suq tal-2005/06 u l-2006/07, meta d-dazju kien baxx, fil-medja inħarġu l-liċenzji għall-67 % tal-kwantitajiet annwali. Għalkemm kienu viċin ta' jew 'il fuq mil-livell ta' referenza ta' nofs is-sena matul l-ewwel nofs ta' kull sena tas-suq, l-importazzjonijiet għas-sena tas-suq kompluta kienu inqas mil-livell ta' referenza fl-2004/05 u l-2005/06[7].

Mill-aħħar tal-2007 l-impożizzjoni fuq ir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni minn uħud mill-esportaturi tar-ross prinċipali tad-dinja influwenzat ukoll iż-żmien tal-importazzjonijiet, għaliex in-negozjanti Ewropej fittxew li jevitaw kwalunkwe disturb possibbli fl-istokkijiet.

Fl-2004/05 u l-2005/06, madwar kwart tal-importazzjonijiet tal-UE tar-ross imqaxxar ġew mill-Istati Uniti. L-importazzjonijiet niżlu f'daqqa wara l-iskoperta tal-LL Rice 601, varjetà modifikata ġenetikament (MĠ) li mhijiex approvata fl-UE[8], fil-kunsinji tar-ross mill-Istati Uniti f'Awwissu tal-2006.

L-importaturi tal-UE sussegwentament qalbu għal pajjiżi oħra, bħat-Tajlandja u l-Urugwaj (rispettivament 22 % u 13 % tat-total fl-2007/08).

Tabella 3: Importazzjonijiet tar-ross mqaxxar - liċenzji maħruġa (f'tunnellati)

Sena tas-suq | L-ewwel nofs tas-sena | It-tieni nofs tas-sena | Total |

2004/05 | 212 335 | 185 787 | 398 121 |

2005/06 | 288 203 | 128 679 | 416 882 |

2006/07 | 352 615 | 171 533 | 524 149 |

2007/08 | 307 448 | 243 293 | 550 741 |

Ross mitħun jew nofsu mitħun

L-importazzjonijiet tar-ross mitħun jew nofsu mitħun żdiedu gradwalment sal-2007/08, meta kien hemm żieda f'daqqa ta' 50% (+150,000 t) fuq is-sena preċedenti. B'riżultat, f'Marzu tal-2008 id-dazju żdied għal 175 €/t minn 145 €/t, li kien il-livell tiegħu mill-ftehim li daħal fis-seħħ f'Settembru tal-2005[9].

Tabella 4: Importazzjonijiet tar-ross mitħun jew nofsu mitħun - liċenzji maħruġa (f'tunnellati)

Sena tas-suq | L-ewwel nofs tas-sena | It-tieni nofs tas-sena | Total |

2004/05 | 94 228 | 99 909 | 194 137 |

2005/06 | 123 923 | 122 081 | 246 005 |

2006/07 | 140 766 | 142 891 | 283 657 |

2007/08 | 203 597 | 227 842 | 431 438 |

Ross imkisser

L-importazzjonijiet tar-ross imkisser żdiedu minn 185 000 t fl-2005/06 għall-ammont stabbli ta' 240 000 t fl-2006/07 u l-2007/08[10]. Minħabba l-kwalità għolja tar-ross prodott fl-UE, hemm defiċit kbir fir-ross imkisser fuq is-suq tal-UE. Barra minn hekk, parti sostanzjali tal-importazzjonijiet tar-ross imkisser (iktar minn 55 % tal-medja) issir bla dazju jew b’dazju mnaqqas taħt ftehimiet preferenzjali u t-TRQs.

Tabella 5: Importazzjonijiet tar-ross imkisser - liċenzji maħruġa (f'tunnellati)

Sena tas-suq | Total |

2004/05 | 123 191 |

2005/06 | 185 701 |

2006/07 | 240 365 |

2007/08 | 236 320 |

Importazzjonijiet f'pakketi żgħar

L-importazzjonijiet tar-ross mitħun jew nofsu mitħun f'pakketti żgħar naqas b'7 %, minn 35 812 t għall-33 275 t, bejn l-2006/07 u l-2007/08.

Jekk ma jitqiesux il-kwantitajiet tal-importazzjonijiet li huma inqas minn 500 t fis-sena, l-importazzjonijiet f'pakketti żgħar tal-Pakistan biss żdiedu b'iktar minn 25 %. Mill-2006/07 sal-2007/08 raw żieda ta' 62 %, minn 3 915 t għall-6 326 t. Dan huwa konformi maż-żieda ta' 58 % tal-importazzjonijiet totali tar-ross mitħun jew nofsu mitħun mill-Pakistan fl-istess perjodu: minn 26 235 t fl-2006/07 għall-41 378 t fl-2007/08.

Is-suq tar-ross tal-UE

Il-produzzjoni

Mill-2004/05 sal-2007/08 iż-żoni tar-ross tal-UE kienu relattivament stabbli bejn 413 000 ettaru u 428 000 ettaru. Raw xi tibdil mill-Indica għall-Japonica, minħabba għadd ta' konsiderazzjonijiet strutturali u ta' żmien qasir. Iż-żoni tal-Indica raw tnaqqis temporanju meta uħud ġew effetwati ħażin mill-kundizzjonijiet estremi tat-temp[11].

Fl-2004/05 il-produzzjoni tal-UE-25 tar-ross mitħun ekwivalenti laħqet rekord ta' 1.68 miljun t, li reġgħat naqset għall-1.54 miljun t fl-2005/06, u 1.59 miljun t fl-2006/07. Meta l-UE kellha 27 Stat Membru, il-produzzjoni kienet diġà laħqet 1.68 miljun t fl-2007/08.

Matul il-perjodu tal-2004/05 sal-2007/08 il-produzzjoni tar-ross Indica tal-UE naqset b'178 000 t f'ekwivalenti mitħun. Dan in-nuqqas fil-provvista tal-UE ġie kumpensat bl-importazzjonijiet tal-Indica. Matul l-istess perjodu, il-produzzjoni tal-Japonica żdiedet b'ammont simili, parzjalment minħabba il-kontribuzzjoni taż-żewġ Stati Membri l-ġodda.

L-istokkijiet ta' intervent tar-ross bil-qoxra, li kien 600 000 tunnellata fil-bidu tal-2004/05, kienu spiċċaw sal-2007/08.

Il-konsum

Qabel l-aħħar tkabbir, l-UE-25 ikkunsmat bejn 2.3 u 2.4 miljun tunnellata ross (f'ekwivalenti mitħun) kull sena. Id-dħul tal-Bulgarija u r-Rumanija ġab żieda ta' 100-120 000t. Il-konsum tal-UE-27 issa qiegħed madwar 2.5 miljun tunnellata fis-sena, bħala medja.

Il-kwantitajiet ipproċessati

Il-kwantitajiet ipproċessati mill-industrija Ewropea jistgħu jkunu kkalkulati bħala s-somma tar-ross li għadu fil-ħliefa tal-UE flimkien mal-kummerċ bażiku tar-ross bil-qoxra u dak imqaxxar, aġġustati bl-evoluzzjoni tal-istokkijiet, kollha espressi f'ekwivalenti mitħun.

Il-kwantitajiet ipproċessati baqgħu fil-medda ta' 2.22 sa 2.34 miljun tunnellata u jiddependu l-iktar mir-ross prodott fl-UE.

Dan jissuġerixxi li l-industrija żammet il-livell tagħha u ma kinetx affetwata ħażin ħafna mill-MFN differenti u l-ftehimiet tal-kummerċ preferenzjali. Partikolarment, iż-żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet tar-ross mitħun jew nofsu mitħun fl-2007/08 tidher li ma kelliex impatt negattiv fuq l-industrija.

Il-prezzijiet tas-suq

Il-prezzijiet mondjali

Filwaqt li l-prezz tat-Thai 100 % B, li huwa kkunsidrat bħala l-prezz mondjali uffiċjali għar-ross Indica, evolva f'medda ta' 250 $/t sa 350 $/t mill-2004, f'Novembru tal-2007 beda juri xejra 'l fuq li laħqet il-quċċata b'1050 $/t f'Mejju tal-2008.

Għandu jkun innutat li jsir biss kummerċ internazzjonali ta' xi 6 % sa 8 % tal-produzzjoni dinjija tar-ross. Għal din ir-raġuni l-prezzijiet mondjali jirreaġixxu wisq anke għall-bidliet żgħar fil-bilanċ tas-suq u d-deċiżjonijiet tal-politika. Apparti mill-influwenza tal-prezzijiet dejjem jiżdiedu għall-prodotti oħrajn, it-talba ikbar minħabba d-determinazzjoni ta' xi swieq Asjatiċi sabiex iżommu stokkijiet ikbar ta' ross, flimkien mal-miżuri restrittivi tal-esportazzjoni li ttieħdu minn uħud mill-esportaturi prinċipali (il-Vjetnam, l-Indja, ...) sabiex jevitaw l-inflazzjoni tal-prezz tal-ikel, kienu biżżejjed sabiex jipprovokaw eskalazzjoni tal-prezz. Wara li laħqu l-quċċata f'Mejju tal-2008, il-prezzijiet tat-Thai 100 % B niżlu bil-mod, imma għadhom ma niżlux wisq taħt il-500 $/t. Għall-pajjiżi oħra, bħall-Vjetnam, il-prezzijiet reġgħu lura għal-livelli ta' qabel iż-żieda tagħhom.

Ir-ross Japonica ra żieda simili fl-istess perjodu. Madankollu, minħabba l-assenza riċenti mis-suq ta' uħud mill-parteċipanti prinċipali (ċaħda tal-esportazzjoni fl-Eġittu, nixfa fl-Awstralja) il-kwotazzjonijiet tal-California Japonica baqgħu f'livelli għolja ħafna, madwar 1 150 $/t.

Prezzijiet tal-UE

Mir-riforma tal-2003, il-prezzijiet tar-ross bil-qoxra tal-UE kienu sew 'il fuq mill-prezz tal-intervent (li huwa ffissat għal 150 €/t) u globalment segwew xejra 'l fuq. Matul is-sena tas-suq 2004/05, il-prezzijiet kienu relattivament stabbli f'medda ta' 160 €/t sa 240 €/t, skont il-pajjiż tal-oriġini u t-tip tar-ross. Madankollu, fis-snin sussegwenti wieħed seta’ jara xi żidiet drammatiċi.

Fl-2006, il-prezzijiet medji tal-Japonica Taljan qabżu għal 293 €/t, primarjament minħabba l-produzzjoni iktar baxxa tal-Japonica flimkien mat-talba ikbar tal-UE wara t-tkabbir tal-2004. L-Indica Taljan telgħa wkoll għal 235 €/t, filwaqt li l-prezzijiet Spanjoli baqgħu prattikament l-istess bħas-sena preċedenti.

Fl-2007, filwaqt li l-prezzijiet Taljani raw varjazzjonijiet sostanzjali, il-prezzijiet Spanjoli żdiedu matul is-sena, speċjalment għall-Indica, li għalih l-prezzijiet żdiedu għal 240 €/t, primarjament minħabba l-kundizzjonijiet estremament ħżiena f'Andalusia, li hija waħda mill-produtturi primarji tal-Indica.

L-ikbar qabża fil-prezzijiet tar-ross bil-qoxra tal-UE, madankollu dehret fl-2008, fil-kuntest tal-prezzijiet mondjali esaġerati. F'Mejju tal-2008 l-Indica u l-Japonica Taljani laħqu l-480 €/t, jiġifieri iktar minn 3 darbiet il-prezz tal-intervent[12].

Fi Stati Membri oħra li huma produtturi (il-Greċja, Franza u l-Portugall) għalkemm ma laħqux l-istess livelli għolja, il-prezzijiet tar-ross bil-qoxra kienu sew 'il fuq mill-prezz tal-intervent tal-2004/05. Ilhom ma jinxtraw il-kwantitajiet mill-aġenziji tal-intervent mill-2004.

Il-provvista tar-ross tal-UE

Filwaqt li fuq kollox, il-produzzjoni tar-ross tal-UE baqgħet stabbli mill-2004/05, f'termini relattivi l-importazzjonijiet żdiedu fl-importanza. Iż-żieda fl-importazzjonijiet tar-ross mitħun jew nofsu mitħun hija iżjed (minn 177 000 t fl-2004/05 għall-394 000 t fl-2007/08) minn dik għar-ross li mhux proċessat (minn 537 000 t għall-683 000 t fl-istess perjodu).

L-importazzjonijiet totali tar-ross, f'ekwivalenti mitħun, żdiedu minn 715 000 t fl-2004/05 għall-1 077 000 t fl-2007/08. Dan kien parzjalment minħabba t-tkabbir tal-UE bil-Bulgarija u r-Rumanija.

Tabella 6: Tqassim tal-provvista tar-ross fl-UE-27 (f'000 tunnellata tal-ekwivalenti mitħun)

[pic]

(1) L-importazzjonijiet tar-ross mitħun jew nofsu mitħun(2) L-importazzjonijiet tar-ross bil-qoxra u dak imqaxxar(3) Produzzjoni tal-UE

RIMARKI TAL-EGħLUQ

F'termini ġenerali, il-ftehimiet konklużi ssodisfaw l-iskop tagħhom, f'dak li jikkonċerna li l-protezzjoni tas-suq tal-UE żdiedet fejn l-importazzjonijiet kibru u vice versa .

Mill-2004, il-varjazzjonijiet fil-produzzjoni tar-ross tal-UE kienu relatati mat-tibdil fil-klima u l-għażliet tal-produtturi iktar milli mill-flussi tal-importazzjoni. L-importazzjonijiet żdiedu sabiex iwieġbu għall-konsum tal-UE li żdied.

Il-kwantitajiet ipproċessati mill-industrija tar-ross tal-UE baqgħu stabbli. Matul l-istess perjodu li qed jiġi eżaminat, il-ftehimiet ma kellhomx effett ħażin fuq l-industrija tat-tħin tar-ross tal-UE.

Madankollu, fl-2008 il-prezzijiet mondjali tar-ross – flimkien ma' prezzijiet oħra taċ-ċereali – laħqu quċċati li qatt ma ntlaħqu qabel, li ġew riflessi fil-prezzijiet tas-suq intern tal-UE.

[1] Nota ta' fuq 7 tal-Iskeda tal-KE.

[2] Bl-eċċezzjoni tal-importazzjonijijet koperti bi ftehimiet preferenzjali eż. EBA, jew il-kwoti tal-importazzjoni eż. l-Eġittu.

[3] Għal aktar tagħrif dettaljat dwar is-settur tar-ross tal-UE ara: http://ec.europa.eu/agriculture/markets/rice/index_en.htm

[4] Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/617/KE u 2004/618/KE (ĠU L 279, 28.8.2004, p. 17 u 23).

[5] Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/476/KE (ĠU L 170, 1.7.2005, p. 67).

[6] Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/953/KE (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 24).

[7] Is-sitwazzjoni hija differenti fl-2008/09: l-importazzjonijiet fl-ewwel nofs tas-sena (Settembru 2008 sa Frar 2009) kienu tant inqas mill-perjodu preċedenti li d-dazju tnaqqas għal 42.5 €/MT minn Marzu 2009. L-istokkijiet tal-aħħar tal-UE li kienu iktar għoljin fis-sena tas-suq 2007/08 rendew il-flussi tad-dħul iktar bil-mod, li setgħu kienu effetwati wkoll mill-kriżi finanzjarja.

[8] Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2006/578/KE u 2006/601/KE taw struzzjonijiet lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-prodotti li jinstab li fihom ir-ross ġenetikament modifikat LL RICE 601 ma jitqiegħdux fis-suq tal-UE.

[9] Fl-2008/09 l-importazzjonijiet tar-ross naqsu u d-dazju għar-ross mitħun reġa ġie ffissat għal-livell iktar baxx ta' 145 €/t minn Marzu tal-2009.

[10] Fl-2008/09 il-pass tal-importazzjonijiet s'issa kien 33 % 'l fuq mir-rata tas-snin ta' qabel.

[11] Fl-2008/09 iż-żoni tal-Indica żdiedu b'20 %.

[12] Mill-bidu tas-sena tas-suq tal-2008/09, il-prezzijiet kollha tar-ross bil-qoxra fl-Italja u Spanja kienu b'mod stabbli 'l fuq minn 300 €/t, u f'ċerti każijiet laħqu iktar minn 500 €/t.

Top