Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0301

    Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika - Konnessjoni bejn l-Afrika u l-Ewropa : Lejn tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport

    /* KUMM/2009/0301 finali */

    52009DC0301

    Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika - Konnessjoni bejn l-Afrika u l-Ewropa : Lejn tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport /* KUMM/2009/0301 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel, 24.6.2009

    KUMM(2009) 301 finali

    KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika Konnessjoni bejn l-Afrika u l-Ewropa : Lejn tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport

    KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-AfrikaKonnessjoni bejn l-Afrika u l-Ewropa : Lejn tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport

    1. DAĦLA

    Bħala mezzi ewlenin ta' integrazzjoni soċjoekonomika, l-infrastrutturi u s-servizzi tat-trasport huma essenzjali għall-kummerċ u għall-moviment tal-merkanzija u tan-nies. It-trasport huwa mod ewlieni ta' aċċess fiżiku għall-post tax-xogħol, għall-kura tas-saħħa u għall-edukazzjoni u għalhekk il-qofol tal-iżvilupp u tal-benessri tal-poplazzjoni rurali u urbana.

    Id-densità tat-toroq fl-Afrika tibqa' baxxa (6.48 km għal 100 km2 imqabbla ma' 12 km fl-Amerika Latina u 18 km fl-Ażja), b'netwerk miżmum f’qagħda ħażina. In-netwerk ferrovjarju Afrikan ftit li xejn huwa interkonness, fl-Afrika tal-Punent u f'partijiet ċentrali tal-kontinent u iktar minn ħmistax-il pajjiż fl-Afrika ma għandhomx binarji[1]. Fost il-150 ajruport ewlieni fid-dinja jissemmew tlieta (3) biss li huma Afrikani f'termini ta' passiġġieri. It-trasport marittimu jirrappreżenta 92 sa 97 % tal-kummerċ internazzjonali fl-Afrika u għandu l-appoġġ ta' kważi 80 port importanti li minkejja kollox għandhom problemi ta' tagħmir u ta' sikurezza. Il-flotta Afrikana hija antika bi kważi 80 % tal-bastimenti li għandhom iktar minn 15-il sena meta mqabbla mal-medja ta' 15 % fid-dinja.

    L-Afrika għandha fost l-ogħla spejjeż tat-trasport fid-dinja. Dawn l-ispejjeż jirrappreżentaw medja ta' 15 % ta' dħul mill-esportazzjoni, meta mqabbla ma' 7 % fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw f'kontinenti oħra u 4 % fil-pajjiżi industrijalizzati. U l-pajjiżi Afrikani mingħajr kosti tal-baħar bħalma huma l-Malawi jew iċ-Ċad jinsabu f'sitwazzjoni agħar minħabba l-ispiża tat-trasport li tista' tilħaq il-50 %. Mis-sittinijiet ’il hawn, il-kummerċ dinji fl-Afrika niżel minn 6 għal 2 %. L-ispejjeż tat-trasport marittimu ma waqfux jiżdiedu.

    Id-dgħufijiet tal-infrastrutturi, id-dewmien u l-proċeduri amministrattivi esaġerati fil-fruntieri, in-nuqqas ta' governanza (in-nuqqas ta' manutenzjoni xierqa, il-moviment tat-trakkijiet mgħobbija żżejjed) jew saħansitra regoli ta' sikurezza mhux effettivi huma ftit mill-kawżi prinċipali ta' din is-sitwazzjoni. In-negozjati u l-konklużjoni tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) mal-pajjiżi tal-AKP (l-Afrika, il-Karajbi u l-Paċifiku) għall-appoġġ tal-iżvilupp tal-kummerċ, jenfasizzaw sistematikament il-ħtieġa għall-infrastrutturi sabiex il-provvista u d-domanda jitressqu iktar viċin xulxin.

    Fid-dawl ta' dan, l-Ewropa ma tibqax passiva. Is-sħubija tal-UE mal-Afrika għall-infrastrutturi, adottata fl-2006[2] hija l-qafas ta' referenza għall-Unjoni Ewropea, maħsuba b'mod partikolari għall-iżvilupp tal-interkonnessjoni tan-netwerks fl-Afrika.

    Għalhekk, l-Ewropa, l-ikbar donatur fid-dinja, tipprovdi kważi 30 % mill-finanzjament ddedikat lill-infrastrutturi tat-trasport permezz ta’ programmi indikattivi nazzjonali tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp.

    Finanzjamenti Ewropej li jappoġġjaw it-trasport

    Id-9 FEŻ (2002-2006) | Ammonti allokati (f’EUR eluf) | Kummenti |

    Programmi nazzjonali | 2 700 | Allokati għall-proġetti ta’ trasport fl-Afrika, speċifikament għat-trasport bit-triq |

    Programmi reġjonali | 210 | Allokazzjoni globali. Il-parti tal-infrastrutturi tat-trasport għad trid tiġi kkonfermata |

    Intra AKP | 108 | Allokazzjoni globali tal-Fondi Fiduċjarji tal-Infrastruttura għall-appoġġ tas-Sħubija tal-infrastrutturi. Il-parti allokata għat-trasport għadha mhix deċiża u tiddependi mit-talba. |

    L-10 FEŻ (2007-2013) | Ammonti allokati (f’EUR eluf) | Kummenti |

    Programmi nazzjonali | 2 800 | Allokati għall-proġetti ta’ trasport fl-Afrika, speċifikament għat-trasport bit-triq |

    Programmi reġjonali | 1 523 | Ammonti allokati lil erba’ reġjuni Afrikani |

    Intra AKP | 300 | Allokazzjoni globali tal-Fondi Fiduċjarji tal-Infrastruttura għall-appoġġ tas-Sħubija tal-infrastrutturi. Il-parti allokata għat-trasport għadha mhix deċiża u tiddependi mit-talba. |

    Politika Ewropea tal-viċinat | Ammonti allokati (f’EUR eluf) | Kummenti |

    Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI) | 49,5 | L-ammonti allokati għall-perjodu 2000-2009 lill-pajjiżi MEDA għal proġetti reġjonali tat-trasport |

    Il-Faċilità ta’ investiment tal-viċinat (NIF) | 28,8 | L-ammonti allokati mill-2008 |

    Faċilità Ewro-Mediterranja ta’ Investiment u Sħubija (FEMIP) | 1473 | L-iffinanzjar tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-perjodu 2004-2009 |

    Madankollu l-kooperazzjoni tal-UE mal-Afrika tkopri wkoll l-aspetti leġiżlattivi u regolamentari marbutin mal-infrastruttura u b'hekk tappoġġa t-tkabbir ekonomiku u l-kummerċ kif ukoll ix-xogħol u l-ġlieda kontra l-faqar, skont l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millenju definiti min-Nazzjonijiet Uniti.

    Din il-komunikazzjoni tagħlaq il-Komunikazzjonijiet riċenti tal-Kummissjoni[3] fuq ir-reġjuni l-iktar imbiegħda li tisħaq fuq il-ħtieġa li ssaħħaħ il-konnessjonijiet marittimi bejn dawn ir-reġjuni u l-pajjiżi ġirien li ma humiex parti mill-Unjoni Ewropea.

    Fil-kuntest kurrenti tal-kriżi ekonomika fid-dinja, tal-ħsara gradwali lill-ambjent u tat-tibdil fil-klima, hemm il-biża' li l-iktar pajjiżi fqar u vulnerabbli se jintlaqtu l-iktar rapidament u serjament. Dawn il-kriżijiet multipli jaffettwaw il-flussi migratorji kbar nazzjonali u intrareġjonali li jistgħu jiżdiedu u jkabbru l-pressjoni migratorja fl-ekonomiji żviluppati. Sabiex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jaffaċċjaw il-kriżi, il-Kunsill adotta, fit-18 ta' Mejju 2009, serje ta' konklużjonijiet li jinkuraġixxu partikularment l-appoġġ għall-infrastruttura reġjonali u t-twettiq tal-infrastrutturi li huma neqsin fl-Afrika tan-Nofsinhar tas-Saħara. Il-Kunsill inkuraġixxa wkoll l-appoġġ lill-infrastrutturi reġjonali fil-Mediterran fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran.

    Għalhekk huwa importanti li wieħed ifittex li jkompli għaddej bl-isforzi għall-iżvilupp favur l-Afrika li għandha tkun kapaċi tistrieħ fuq sistema effiċjenti tat-trasport, infrastrutturi ta' kwalità u koordinazzjoni bejn il-modi kollha. Dawk kollha li huma involuti, kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Afrika, għandhom ikomplu jfittxu li jimpenjaw ruħhom fl-azzjonijiet tagħhom. F’dan ir-rigward, l-Unjoni Ewropea għandha l-ħsieb li tkompli l-ħidma ta’ kooperazzjoni u ta’ koordinazzjoni tagħha mal-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali, partikularment il-Bank Dinji u l-Bank Afrikan tal-iżvilupp, bil-ħsieb li tiżdied l-effikaċja u d-durabbiltà tal-proġetti mwettqa.

    F'dan il-kuntest, l-għan ta' din il-komunikazzjoni jitqiegħed fil-perspettiva tal-programm ta' implimentazzjoni tas-sħubija strateġika dwar l-infrastruttura adottata mill-Unjoni Ewropea u mill-Unjoni Afrikana fl-2007. Bħala tweġiba għat-talba tal-Unjoni Afrikana, dan jinvolvi :

    - minn naħa, bil-għan li jiġi ffaċilitat il-fluss tat-trasport bejn l-Afrika u l-Ewropa, proċess ta' riflessjoni dwar l-estensjoni tan-netwerks trans-Ewropej lejn l-Afrika;

    - min-naħa l-oħra, li jkun hemm kontribut fix-xogħlijiet ta' sħubija fuq l-infrastrutturi, fil-qasam tas-servizzi tat-trasport, speċjalment billi l-esperjenzi u l-aħjar prattiki tal-politika komuni tat-trasport ikunu disponibbli għas-sħab tagħna.

    Wara din il-komunikazzjoni u abbażi tar-riżultati tad-djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana, pjan ta’ azzjonijiet prijoritarji u l-finanzjament tagħhom se jiġi stabbilit u inkluż fid-dikjarazzjoni konġunta tal-Unjoni Ewropea u tal-Unjoni Afrikana.

    2. IL-KONNESSJONI TAL-AFRIKA MAL-EWROPA

    It-titjib u l-iffaċilitar tal-fluss tat-trasport bejn iż-żewġ kontinenti, li jwieġbu għall-bżonn kemm ekonomiku kif ukoll kummerċjali, jagħmluha possibbli li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport u li jitjiebu s-sostenibbiltà u l-affidabbiltà tas-servizzi tat-trasport. Dan l-iffaċilitar jitlob approċċ ikkoordinat fir-rigward tal-pjanifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-infrastrutturi kif ukoll kooperazzjoni msaħħa fir-rigward tat-trasport bl-ajru u marittimu li huma ż-żewġ mezzi ta' trasport ewlenin li jintużaw.

    2.1. Ħoloq li jridu jiġu żviluppati: lejn mappa komuni tal-infrastrutturi tat-trasport

    Kemm l-Ewropa, permezz ta' netwerks trans-Ewropej kif ukoll l-Afrika, permezz tal-kurituri trans-Afrikani tagħha, identifikaw u żviluppaw in-netwerks tat-trasport tagħhom f'dawn l-aħħar snin.[4] L-Unjoni Afrikana impenjat ruħha partikolarmetn fi proġett importanti ta' konformità bejn il-pjanijiet ta' żvilupp tal-infrastruttura kontinentali u reġjonali permezz ta' tħejjija ta' Programm ta' Żvilupp tal-Infrastruttura fl-Afrika (PIDA).

    Stadju ieħor ikun li l-eżerċizzji ta' ppjanar taż-żewġ kontinenti jitressqu flimkien sabiex jiġi stabbilit netwerk Ewro-Afrikan ġenwin tat-trasport. Dan in-netwerk għandu jidentifika l-punti ta' konnessjoni bejn in-netwerks Ewropej u Afrikani, speċjalment il-portijiet u l-ajruporti. Ir-rapport ta' Novembru 2005 magħmul mill-grupp ta' livell għoli dwar l-estensjoni tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport għall-pajjiżi ġirien[5] jidentifika b'mod partikulari l-awtostradi tal-baħar bħala waħda mill-ħames assi ewlenin transnazzjonali li jridu jiġu żviluppati.

    Fil-qafas tal-kooperazzjoni reġjonali dwar it-trasport fil-Mediterran, il-programm reġjonali EuroMed MEDAMOS jappoġġja l-implimentazzjoni tas-sħubija Ewro-Mediterranja li għandha l-ħsieb tvara proġetti piloti għall-awtostradi tal-baħar. Għaldaqstant ġiet ippubblikata sejħa għall-proposti fl-2007 li rriżultat f'erba' proġetti mill-Marokk, mit-Tuniżija, mill-Alġerija kif ukoll mill-Iżrael.

    L-importanza ta’ din il-konnessjoni għall-portijiet, it-trasport ferrovjarju kif ukoll għat-toroq f’pajjiżi mingħajr żbokk għall-baħar tisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi implimentat approċċ intermodali għall-iżvilupp tat-trasport. Dan jinvolvi qasam fejn ir-rabtiet l-iktar b’saħħithom u l-iskambji tal-esperjenzi bejn l-Ewropa u l-Afrika jkunu possibbli. Il-kuritur ‘Maputo’[6], pereżempju, joffri serje ta’ tagħlimiet li għandhom jintużaw fil-każ ta’ żvilupp ta’ proġetti ta’ kurituri bħal dawn fl-Ewropa.

    Sħubija bħal din tista' tiżviluppa mal-Afrika tan-Nofsinhar tas-Saħara skont il-metodi li għandhom jiġu mistħarrġa mal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana u r-reġjuni ekonomiċi interessati.

    Naturalment, il-proċess ta’ konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Afrika għandu jqis in-negozjati li jkunu għaddejjin fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran u x-xogħlijiet imwettqa fi ħdan il-grupp ta’ ministri għat-trasport fil-Mediterran tal-Punent (GTMO5+5)[7]

    2.2. It-tħeġġiġ tal-iżvilupp fis-settur ferrovjarju

    L-identifikazzjoni tar-rabtiet prijoritarji tal-ferroviji hija essenzjali u hija s-suġġett tad-djalogu konċertat mal-partijiet interessati partikularment l-awtoritajiet tal-portijiet u s-sħab industrijali privati. Fil-fatt, l-iżvilupp tal-binarji ferrovjarji fl-Afrika jingħata sens kompletament ladarba jagħti lok għal flussi tal-kummerċ li jkunu għaddejjin mill-portijiet biex isibu ruħhom ġewwa l-kontinent. Għaldaqstant dan l-iżvilupp huwa essenzjali għall-pajjiżi mingħajr żbokk għall-baħar bħalma huma c-Ċad jew ir-Repubblika Afrikana Ċentrali. Il-fluwidità u l-effikaċja tal-katina loġistika jiddependu wkoll minn użu effikaċji tal-ferrovija. L-integrazzjoni u l-kumplimentarjetà tan-natura tat-trasport jibqgħu l-mufiteħ ta’ sistema tat-trasport affidabbli u effikaċji fit-tul.

    2.3. Tkomplija tal-isforzi ta' kooperazzjoni fis-settur tal-ajru u dak marittimu

    2.3.1. Is-settur tal-ajru

    Meta wieħed iqis li llum l-Afrika tirrappreżenta biss 4 % tat-traffiku fid-dinja, il-potenzjal tal-iżvilupp tat-trasport bl-ajru fl-Afrika huwa importanti ferm. Il-ħtieġa għall-mobilità lejn l-Ewropa, kif ukoll u fuq kollox ġewwa l-Afrika, tagħmel it-titjib sostanzjali tat-trasport bl-ajru dejjem iktar indispensabbli, kemm f'dak li jirrigwarda t-traffiku kif ukoll il-kwalità tas-servizzi.

    L-Unjoni Afrikana hija waħda mis-sħab privileġġati tal-Unjoni Ewropea. B'hekk l-Unjoni Afrikana tiffavorixxi d-djalogu strutturat bejn il-kontinenti kollha iżda wkoll mal-komunitajiet ekonomiċi reġjonali u bejniethom (RECs). Dan id-djalogu għandu jagħmilha possibbli li jsiru azzjonijiet konkreti fuq dawn is-suġġetti ewlenin.

    - Is-sikurezza tal-ajru hija l-ewwel prijorità u teħtieġ approċċ konġunt sabiex jiġu determinati l-għodod prinċipali għat-titjib tal-implimentazzjoni tal-istandards tal-organizzazzjoni għall-avjazzjoni ċivili (ICAO). F'bosta pajjiżi Afrikani, is-sitwazzjoni tas-sikurezza tal-ajru, imsemmija fir-rapporti ta' verifika tal-ICAO, wasslet lill-Kummissjoni biex tidentifika l-lakuni sinifikanti fl-attività ta' monitoraġġ regolamentari u s-superviżjoni tal-operaturi ċċertifikati ta' ċerti pajjiżi. Barra minn hekk, iż-żieda fin-numru ta' inċidenti fil-kontinent Afrikan ifisser li hemm ħtieġa dejjem akbar għat-tisħiħ tal-implimentazzjoni f'termini reali u biex l-istandards internazzjonali fil-qasam tas-sikurezza jiġu ssodisfati. Il-Kummissjoni lesta taħdem mal-pajjiżi Afrikani, jekk huma jridu, sabiex tgħin fit-tisħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili.

    - Is-sigurtà hija prijorità ġdida u taffettwa lill-pajjiżi Ewropej u Afrikani b'mod konġunt fir-relazzjonjiet bilaterali tagħhom iżda wkoll fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi. Proġetti pilota u seminars ta' taħriġ jikkontribwixxu għall-ksib ta' ċerta kompetenza possibilment abbażi ta' gruppi ta' verifika ad hoc ta' spetturi tas-sigurtà.

    - Il-modernizzazzjoni tar-regolamentazzjoni ekonomika hija meħtieġa. Sabiex jiġi appoġġjat il-proċess li ngħata bidu mid-Deċiżjoni ta' Yamoussoukro[8], huwa essenzjali li jiġu msaħħa l-entitajiet kontinentali u reġjonali tal-avjazzjoni ċivili u li tiġi pprovduta l-assistenza meħtieġa sabiex dan jitwettaq. Għal dan il-għan jista' jitwaqqaf forum regolari ta' diskussjoni fuq il-problemi ta' interess komuni.

    - Il-limitazzjoni tal-effetti tal-bidla fil-klima u l-emissjonijiet li jniġġsu hija sfida għall-avjazzjoni internazzjonali kollha. F’dan il-kuntest, għandha tiġi prevista kooperazzjoni sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-mekkaniżmi tal-iżvilupp stabbilit fil-qafas tal-Protokoll tal-Kyoto.

    Dawn l-azzjonijiet huma ddisinjati biex jikkontribwixxu għall-effikaċja u t-tkabbir fit-tul tas-settur tat-trasport bl-ajru fl-Afrika. Waħda mill-prijoritajiet hi li tinstab soluzzjoni malajr għall-kwistjoni tad-deżinjazzjoni Komunitarja sabiex tintemm l-illegalità tal-ftehimiet bilaterali tal-ajru li hemm bejn l-Istati Afrikani u l-Istati Membri tal-Unjoni. Ikun importanti wkoll li wieħed jiddiskuti l-kwistjoni tad-deżinjazzjoni tal-kumpaniji tal-ajru Afrikani, partikolarment permezz ta' ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Afrikani jew il-Komunitajiet ekonomiċi reġjonali. Il-konferenza tal-Unjoni Ewropea u tal-Afrika fuq it-trasport tal-ajru li saret f'Windhoek nhar it-2 u t-3 ta' April 2009 kienet l-ewwel pass lejn din il-kooperazzjoni sabiex jitwaqqaf pjan ta' azzjoni.

    2.3.2. Is-settur marittimu

    Iktar minn 10 miljun ċittadin jużaw it-trasport marittimu biex jiġu minn jew imorru lejn l-Ewropa u l-Afrika.

    Abbażi tal-esperjenza ewro-Mediterranja, l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana għandhom jagħtu bidu għal kooperazzjoni attiva li tippermetti t-titjib tal-effikaċja tal-portijiet fi tliet direzzjonijiet:

    - Fir-rigward tal-aspett regolamentari, l-għan għandu jkun safejn huwa possibbli s-simplifikazzjoni tal-proċeduri tad-dwana u tad-dokumenti sabiex jitnaqqas il-ħin ta' immobilizzazzjoni tal-merkanzija fit-terminals mingħajr ħsara għar-regoli ta’ sigurtà u ta’ sikurezza Ewropej.

    - Fir-rigward tal-infrastrutturi, ċerti portijiet ewlenin Afrikani jeħtieġu appoġġ ikbar għat-tħammil, minn naħa biex jiġi żgurat biżżejjed fond u mill-oħra biex ikun hemm profitt mill-kapaċità li tinvesti tal-industrija Ewropea tal-manutenzjoni tal-portijiet. Barra minn hekk, l-għadd insuffiċjenti ta' postijiet fil-port huwa r-raġuni għad-dewmien li jkun hemm fl-istennija għall-bastimenti fil-portijiet u dan jostakola t-traffiku bejn l-Ewropa u l-Afrika. Il-finanzjament ta' dawn l-iżviluppi fir-rigward tal-infrastrutturi tal-portijiet għandu jiġi mħeġġeġ meta jiġu implimentati l-programmi indikattivi nazzjonali u reġjonali. It-titjib tal-konnessjonijiet terrestri tal-portijiet Afrikani jirrappreżenta wkoll element importanti li jiżgura l-effikaċja tal-impatt tal-infrastrutturi tal-portijiet fuq l-ekonomiji nazzjonali u reġjonali.

    - Is-sigurtà tal-portijiet trid tiġi żgurata bl-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali (kodiċi ISPS); b'mod partikulari, il-kontrolli u l-infrastrutturi meħtieġa biex jitwaqqaf l-aċċess irregolari għad-dgħajjes tal-passiġġieri, tal-merkanzija jew oġġetti oħra għandhom jiġu implimentati u b'hekk jillimitaw ir-riskji tal-użu tat-trasport marittimu b'finijiet ta' migrazzjoni irregolari, ta' traffiku illegali jew ta' attentati terroristiċi.

    Fir-rigward tal-aspett ambjentali, il-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali, immirati partikularment għall-implimentazzjoni ta' installazzjonijiet effiċjenti fil-portijiet għat-trattament tal-iskart li ġej mid-dgħajjes, għandha tkun iffaċilitata. Barra minn hekk, l-iżvilupp tal-portijiet marittimi għandu, safejn huwa possibbli, jiġi integrat f'qafas iktar globali ta' politiki marittimi integrati li jridu jinkludu l-ippjanar spazjali marittimu kif ukoll l-isturmenti ta’ ġestjoni taż-żoni kostali integrati. Dan huwa partikularment minnu meta jiġu ppjanati l-investimenti fiż-żoni li huma ekoloġikament sensittivi.

    3. IT-TĦEĠĠIĠ GĦALL-ISKAMBJU TAL-ESPERJENZA SABIEX JIĠI APPOĠĠJAT L-IŻVILUPP TA' SISTEMA TAT-TRASPORT IKTAR EFFIKAĊI

    Fir-rapport tagħha li fasslet fi tmiem l-2008[9], il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li jissaħħaħ l-impenn politiku tal-Unjoni Ewropea u tal-Unjoni Afrikana permezz ta' kontribuzzjonijiet konkreti sabiex jitħaffef il-proċess ta' twettiq tal-azzjonijiet identifikati fl-istrateġija tal-UE u l-Afrika.

    Fil-qasam tat-trasport, għadd ta' programmi ta' skambju, miżuri ta' assistenza teknika jew saħansitra arranġamenti ta' ġemellaġġ jistgħu jiġu mħeġġa u implimentati fil-ġejjieni qrib.

    Il-Kummissjoni Ewropea tista’, b’mod partikulari, tistudja l-fattibiltà ta’ assistenza teknika għal żmien qasir u ta’ skambju ta’ informazzjoni mal-pajjiżi tal-Afrika tan-Nofsinhar tas-Saħara. Fuq bażi volontarja, fi ħdan il-qafas ta’ konfigurazzjonijiet b’ġeometrija varjabbli, bl-involviment tal-amministrazzjonijiet tal-pajjiżi Mediterranji, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tiżviluppa l-iskambji, il-ġemellaġġi kif ukoll l-attivitajiet ta’ taħriġ.

    3.1. Għodod li għandhom jiġu mqassma fil-qasam tal-infrastrutturi

    Barra mill-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-iffinanzjar, l-ippjanar qiegħed fil-qalba tal-iżvilupp tal-infrastrutturi kemm fl-Afrika kif ukoll fl-Ewropa. L-Unjoni Afrikana wriet ix-xewqa tagħha li taqsam mal-oħrajn il-metodoloġija tan-netwerks trans-Ewropej.

    Din il-metodoloġija li tapplika għat-trasport iżda wkoll għan-netwerks enerġetiċi u tal-informatika, ladarba dawn is-setturi għandhom interess komuni biex jaqsmu bejniethom il-ħsibijiet tagħhom dwar il-bżonnijiet tagħhom fl-infrastruttura, se tiġi ppreżentata f'seminar konġunt tal-UE u l-UA fil-qafas tax-xogħol tas-sħubija. F’dan il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni għall-kwistjoni tal-kwalità tal-infrastrutturi u tad-durabbiltà tagħhom. Il-kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport fil-Mediterran[10] tipprovdi l-ewwel stampa ta’ metodu konċertat bil-ħsieb li jgħaqqad in-netwerks Ewropej u dawk tal-Afrika ta' fuq. Hija bbażata fuq qafas istituzzjonali multilaterali li fi ħdanu hemm tliet livelli: il-gruppi tematiċi ta' ħidma li jieħdu ħsieb kwistjonijiet tekniċi, il-Forum Ewromediterranju (EuroMed) li jħejji d-deċiżjonijiet tal-konferenza ministerjali EuroMed, awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet li tinkorpora l-ministri tat-trasport tal-pajjiżi Mediterranji, l-uniċi responsabbli għad-deċiżjonijiet strateġiċi dwar il-kooperazzjoni reġjonali tat-trasport.

    Barra minn hekk, sabiex taffaċċja d-diffikultajiet li nqalgħu matul il-proġetti ewlenin tan-netwerk trans-Ewropew u meta wieħed iqis li n-nuqqas ta' ffinanzjar ma kinitx tkun l-unika raġuni għad-dewmien, l-Unjoni Ewropea bdiet tesperimenta bil-metodu tal-koordinaturi.

    Dawn il-koordinaturi jissieħbu mal-isforzi tal-Istati Membri fit-tħejjija finanzjarja tal-proġetti u jippromwovu metodi komuni ta' evalwazzjoni. L-adegwatezza tal-koordinatur hija evidenti partikularment fejn hemm l-elementi li ġejjin :

    - in-nuqqas ta' governanza;

    - id-dewmien osservat fuq xi sezzjonijiet transkonfinali kruċjali;

    - in-nuqqas ta' ftehim sod dwar l-iskedi u r-rotot bejn il-pajjiżi kkonċernati;

    - in-nuqqas ta' ffinanzjar fuq sezzjonijiet kruċjali;

    - il-ħtieġa li tiġi involuta firxa wiesgħa ta' partijiet interessati bħalma huma l-kumpaniji, l-operaturi jew ir-reġjuni.

    Il-Kummissjoni Ewropea, kif jidher fil-komunikazzjoni tagħha ''Appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ilaħħqu mal-kriżi''[11], għandha l-ħsieb tiftaħ djalogu mal-organizzazzjonijiet reġjonali, b'mod partikulari l-Unjoni Afrikana, sabiex tevalwa r-rilevanza fil-ħatra tal-koordinaturi tal-proġetti għall-ħoloq nieqsa fit-tmien netwerks trans-Afrikani li huma diġà identifikati[12].

    3.2. Il-promozzjoni ta' sistema tat-trasport sigura u effikaċi

    Il-kwistjonijiet ta' sikurezza u sigurtà jgħoddu għall-mezzi kollha ta' trasport u jolqtu liż-żewġ kontinenti. Programmi ta' riċerka tal-Unjoni Ewropea[13] diġà qed jakkompanjaw l-iskambji ta' prattiki tajbin jew saħansitra ta' azzjonijiet ta' taħriġ dwar dawn is-suġġetti partikularment fl-Afrika subsaħarjana jew fil-Magreb. Għalhekk huwa xieraq li dawn il-kwistjonijiet isibu posthom fid-djalogu Ewro-Afrikan. F'dan il-kuntest, minħabba l-lokalità tagħhom f'rotot marittimi jew fi stretti, ir-reġjuni l-iktar imbiegħda jista' jkollhom sehem fil-governanza marittima biex jissorveljaw l-ilmijiet ta' max-xtut (pereżempju, il-ġlieda kontra s-sajd illegali, kontra l-piraterija jew kontra t-traffikar tad-droga) jew biex itejbu s-sikurezza tat-trasport (pereżempju, ġestjoni aħjar tat-trasport taż-żejt mill-Golf ta’ Aden sal-Mediterran).

    1.1.1. 3.2.1. It-trasport marittimu: lejn tisħiħ tas-sikurezza fit-trasport marittimu

    L-Unjoni Ewropea tipprovdi assistenza teknika lil għaxar pajjiżi Mediterranji[14] fl-oqsma tas-sikurezza marittima, tas-sikurezza marittima u tal-prevenzjoni tat-tniġġis fil-baħar Mediterranju permezz tal-proġett reġjonali SAFEMED. L-Unjoni tieħu sehem fit-tisħiħ tal-kompetenzi permezz tal-għoti ta' studji għall-kwalifika għall-persunal tal-amministrazzjonijiet marittimi nazzjonali. Il-proġett SAFEMED jagħti appoġġ tekniku wkoll biex jiżgura l-konformità tar-regolament nazzjonali mal-konvenzjonijiet internazzjonali. Għaldaqstant wieħed jista' jara l-possibiltà ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi Mediterranji f'dak li għandu x'jaqsam mas-sistemi Komunitarji ta' ġestjoni tat-traffiku marittimu. Proġetti simili jistgħu jiġu żviluppati mal-Komunitajiet reġjonali fuq bażi volontarja sabiex titjieb is-sikurezza tas-sistema tat-trasport marittimu u biex titkompla l-ġlieda kontra t-tniġġis ikkawżat mill-bastimenti.

    L-Unjoni Ewropea hija wkoll favur il-proġett tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) li twaqqaf ċentri reġjonali ta' koordinazzjoni ta' salvataġġ matul il-kosta Afrikana (MRCC = Maritime Rescue Coordination Centre).

    L-Unjoni Ewropea tista' tipprovdi, partikularment permezz tal-Aġenzija għas-Sikurezza Marittima (EMSA), li l-mandat tagħha għandu l-ewwel jiġi estiż, l-assistenza teknika meħtieġa sabiex tgħin lill-Istati tal-kosta Afrikani jtejbu s-sistemi ta' monitoraġġ tat-traffiku marittimu tagħhom sabiex jiġi żgurat l-iskambju reġjonali tad-dejta.

    Huwa importanti wkoll li l-pajjiżi fil-Majjistral tal-Afrika jimpenjaw ruħhom fil-ġlieda kontra l-użu ta’ dgħajjes u ta’ bastimenti żgħar li ma jikkonformawx mal-istandards u li jitgħabbew iżżejjed għat-trasport tal-passiġġieri. Din il-prassi, immexxija mill-organizzazzjonijiet kriminali meta dawn il-passiġġieri jkunu emigranti klandestini, tipperikola l-ħajja u l-integrità ta’ eluf ta’ nies fil-bżonn.

    Il-ġlieda kontra l-piraterija

    Għalkemm in-numru ta' atti ta' piraterija u ta' attakki bl-armi naqas madwar id-dinja bejn l-2003 u l-2006, fis-sena 2007 kien hemm żieda allarmanti ta' 17 %. Fl-2008, il-fenomenu kompla jiggrava kemm fil-kwantità u kemm fin-natura vjolenti tal-atti, fejn il-qarn tal-Afrika u l-Golf tal-Ginea huma partikularment vulnerabbli.

    Sabiex jitrażżan dan il-fenomenu li llum qed idgħajjef lill-Afrika u jwaqqaf l-iżvilupp tal-kummerċ minħabba n-nuqqas ta' sikurezza fil-portijiet u matul il-kosti, l-Unjoni Ewropea tista' tagħti kontribut fit-tisħiħ u fl-iffurmar tal-kapaċitajiet amministrattivi responsabbli mill-implimentazzjoni tar-regolamenti marittimi. L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali diġà identifikat xi programmi ta' appoġġ.

    Is-sorveljanza marittima għandha rwol ewlieni fil-prevenzjoni tal-attivitajiet illegali fil-baħar. Fil-qafas tal-politika marittima integrata, l-Unjoni Ewropea tixtieq issaħħaħ il-kooperazzjoni mas-sħab Afrikani tagħha u taqsam aħjar l-informazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati.

    3.2.2. It-trasport bl-ajru: lejn tisħiħ meħtieġ tas-sikurezza f’dan il-qasam

    Iż-żieda fit-traffiku tal-ajru għandu jimxi id f'id mad-definizzjoni ta' kunċett ġdid operazzjonali Afrikan. Ladarba jiġi vvalidat, ikun jista' jiġi identifikat il-potenzjal tal-infrastrutturi Ewropej eżistenti fir-rigward tas-sikurezza (bħall-programmi satellitari –EGNOS) jew li għadhom qed jiżviluppaw (SESAR, il-fergħa teknoloġika tal-Ajru Uniku Ewropew), abbażi tal-konklużjonijiet u tal-pjan ta' azzjoni tal-Global Monitoring for Environment and Security (GMES) għall-Afrika. Il-ftuħ għat-traffiku tal-ajru Afrikan għandu jiġi akkumpanjat minn riorganizzazzjoni tal-ispazju tal-ajru u tan-netwerk tar-rotot tal-ajru sabiex jiġu żgurati iktar effikaċja ekonomika (l-iqsar rotot), prestazzjoni ambjentali u sikurezza. Din il-modernizzazzjoni tista' sseħħ reġjun reġjun filwaqt li jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet tal-kumpaniji tal-ajru f'dak li għandu x'jaqsam mar-rabtiet intra-Afrikani u interkontinentali. Approċċ possibbli huwa dak li jiġi estiż il-mudell 'Ajru Uniku' sal-Afrika kkombinat ma' aċċess għall-programm ta' infrastruttura SESAR.

    3.2.3. EGNOS

    In-navigazzjoni bis-satellita jista’ jkollha rwol essenzjali fis-setturi li ġew diskussi hawn fuq. L-infrastruttura li tagħti lok għall-ippożizzjonar bi preċiżjoni fl-Afrika hija insuffiċjenti ħafna, għalkemm hija essenzjali għat-trasport kif ukoll, f'sens usa', għall-iżvilupp ekonomiku tal-kontinent. Għaldaqstant l-Afrika tirrappreżenta 3 % biss tat-tluq bl-ajru fid-dinja, iżda 19 % tal-inċidenti li ħafna drabi jkunu riżultat ta' żbalji ta' navigazzjoni.

    L-iżvilupp fl-Afrika tal-infrastrutturi fl-art li jikkumplimentaw is-sistema Ewropea ta' navigazzjoni bis-satellita, EGNOS, (jiġifieri sistema EGNOS li tkun speċifika għall-Afrika), jista' jkun soluzzjoni ekonomika li toffri l-vantaġġi kollha tas-sistema lill-Afrika, mhux biss fis-settur tat-trasport bl-ajru, bil-ferrovija jew marittimu kostali, iżda wkoll fis-setturi tal-enerġija, tal-agrikoltura u tal-ippjanar u l-ġestjoni tat-territorju.

    3.2.4. It-trasport bit-triq: l-isfida tas-sikurezza fit-triq

    It-triq tibqa' l-iktar mezz ta' trasport li jintuża fl-Afrika u tirrappreżenta minn 80 sa 'l fuq minn 90 % tat-traffiku interurban u internazzjonali tal-merkanzija. Ħafna drabi t-triq hija l-uniku aċċess għaż-żoni rurali.

    Kull sena jmutu miljun ruħ f'inċidenti tat-triq. 65 % tan-nies maqtula jkunu mixjin u 35 % minnhom ikunu tfal. L-ispiża ta' dawn l-inċidenti tirrappreżenta minn 1 sa 3 % tal-Prodott Gross Domestiku ta' pajjiż u dan huwa partikularment traġiku għal pajjiż li qed jiżviluppa[15]. Meta l-Kummissjoni qed tħejji l-programm Ewropew ta' azzjoni li jmiss (2011-2020), hija għandha l-ħsieb li żżid l-isforzi tagħha sabiex tiżgura li gruppi ta' pajjiżi oħra jibbenefikaw mill-esperjenza miksuba fl-Unjoni Ewropea, f'livelli differenti. F'din il-perspettiva u fil-qafas tad-djalogu settorjali mal-awtoritajiet responsabbli mis-sikurezza fit-triq fi ħdan l-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali kkonċernati, jistgħu jiġu żviluppati l-linji gwida li ġejjin :

    - il-ħolqien ta' mekkaniżmi xierqa biex jiġi mħeġġeġ l-iskambju tal-aqwa prattiki;

    - fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Programmi Indikattivi Nazzjonali u Reġjonali tas-sħubija mal-Afrikani, tiġi mħeġġa l-allokazzjoni tal-fondi Ewropej maħsuba għan-netwerk tat-toroq għal miżuri speċifiċi biex tiġi mtejba s-sikurezza fit-toroq;

    - Tiġi mħeġġa l-inklużjoni ta' aspetti li jirrigwardaw is-sikurezza fit-toroq fl-istudji ta' impatt soċjali għall-investimenti fit-toroq.

    3.2.3. It-trasport urban

    L-Afrika hija l-iktar kontinent li għandu urbanizzazzjoni qawwija. Skont rapport tan-NU-Habitat, iċ-ċentri urbani jikbru b'4.5 % kull sena. Madwar 40 % tal-popolazzjoni Afrikana tgħix fil-belt u din iċ-ċifra hija mistennija tirdoppja sal-2030. Sal-2020 Najrobi, Johannesburg u Abidjan se jkollhom iktar minn 10 miljun ruħ waqt illi 77 belt oħra Afrikana se jkollhom miljun ruħ kull waħda. B'din l-urbanizzazzjoni li dejjem tikber, ikomplu jiżdiedu l-konsegwenzi partikularment f'termini ta' tniġġis tal-arja u l-konġestjoni tat-traffiku.

    Permezz tal-programm CIVITAS[16], l-Unjoni Ewropea tagħti l-appoġġ tagħha lill-ibliet Ewropej li jimplimentaw l-istrateġiji integrati għat-trasport urban. Permezz ta’ pjattaforma jingħata lok għall-iskambju ta’ ideat u ta’ prattiki tajbin bejn l-ibliet, partikularment fir-rigward tal-ġestjoni tat-traffiku jew tal-iżvilupp ta’ alternattivi ferrovjarji.

    Dan il-programm jista' jiġi estiż għall-ibliet Afrikani sabiex jibbenefikaw huma wkoll mill-esperjenzi. Għaldaqstant wieħed jista' jaħseb f'dawn l-attivitajiet:

    - Il-ftuħ tal-Forum Civitas għall-ibliet Afrikani

    - Is-sehem tal-ibliet Afrikani fil-konferenza annwali tal-Forum Civitas

    - Il-ġemellaġġ bejn l-ibliet Afrikani u dawk Ewropej

    4. Konklużjoni

    Il-kooperazzjoni strateġika bejn l-Ewropa u l-Afrika fil-qasam tat-trasport u l-implimentazzjoni fil-qafas tas-sħubija bejn l-UE u l-Afrika fir-rigward tal-infrastrutturi li tipprevedi li n-netwerks reġjonali u nazzjonali tat-trasport, tal-ilma, tal-enerġija u tat-telekommunikazzjoni jkunu interkonnessi fl-Afrika kollha. Hija appoġġjata wkoll mill-politika tal-viċinat fir-rabta iktar speċjali mal-Afrika ta' Fuq. Din il-Kommunikazzjoni taqa' fl-ambitu ta' dawn il-politiki u strumenti eżistenti billi tagħti bidu għal riflessjoni fuq l-aħjar konnessjonijiet transkontinentali u billi tissuġġerixxi assi possibbli ta' kooperazzjoni u ta' taqsim ta' esperjenzai fid-dawl tal-iżvilupp ta' sistema tat-trasport iktar affidabbli u żgura billi wkoll ma tistrieħx biss fuq l-infrastrutturi ġodda iżda wkoll fuq servizzi tat-trasport iktar effikaċji, iktar żguri u iktar ekonomiċi. Il-miżuri identifikati għandhom jiġu implimentati fil-qafas tal-kooperazzjoni u abbażi ta' strumenti eżistenti, b'mod partikulari l-ftehim ta' Cotonou, il-Fondi Ewropew għall-Iżvilupp kif ukoll il-politika tal-viċinat mingħajr ma jitħallew barra l-mezzi eżistenti tal-politika komuni tat-trasport.

    F’dan l-istadju, din il-komunikazzjoni hija maħsuba bħala punt tat-tluq fl-Unjoni Afrikana biex tidentifika l-miżuri konkreti li wieħed jista' jibni fuqhom fil-qasam tat-trasport flimkien mas-sħab Afrikani u Ewropej. Il-konferenza ta’ monitoraġġ tal-politika u tal-implimentazzjoni tan-TEN-T, prevista fl-2009, se tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni tas-sħab Mediterranji u Afrikani. Din il-konferenza se tagħti l-opportunità li jiġi implimentat, fi ħdan is-sħubija konġunta bejn l-UE u l-Afrika, forum informali fuq it-trasport li jgħaqqad flimkien mhux biss l-atturi istituzzjonali li huma diġà rappreżentati fis-sħubija, iżda wkoll l-operaturi tat-trasport, l-assoċjazzjonijiet, kemm Ewropej u kemm Afrikani, kif ukoll id-donaturi internazzjonali fuq bażi bjennali. Dan jagħti l-possibiltà għal dibattitu usa’ fuq il-kwistjonijiet speċifiċi ta’ dan is-settur li huwa l-qofol tal-iżvilupp. L-istadju li jmiss għandu jiddeċiedi, permezz tal-iffirmar ta' dikjarazzjoni konġunta, pjan ta' azzjonijiet prijoritarji kif ukoll l-identifikazzjoni tal-iffinanzjar tagħhom. Is-summit li jmiss bejn l-UE u l-Afrika li se jsir fi tmiem l-2010 fl-Afrika, se jagħti l-opprotunità li jiġi eżaminat il-progress irreġistrat fl-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ta' azzjoni.

    ANNESS

    1. Estensjoni tal-prinċipji assi tan-netwerk trans-Ewropew għall-pajjiżi ġirien[pic]

    2. Kurituri tat-trasport bit-triq trans-Afrikan

    [pic]

    3. Netwerk tal-ferrovija Afrikan

    [pic]

    [1] Il-Burundi, il-Kap Verde, il-Komoros, il-Gambja, il-Ginea Bissaw, il-Ginea Ekwatorjali, il-Libja, il-Mawrizju, in-Niġerja, ir-Repubblika Afrikana Ċentrali, ir-Rwanda, is-Sao Tomè u l-Prinċipe, is-Seychelles, is-Sjerra Leone, is-Somalja u ċ-Ċad.

    [2] L-interkonnessjoni tal-Afrika : Sħubija dwar l-Infrastruttura bejn l-UE u l-Afrika - COM (2006) 376 tat-13.7.2006.

    [3] Strateġija għar-Reġjuni l-iktar mbiegħda : Bilanċ u perspettivi (COM(2007)507 finali) kif ukoll : Ir-Reġjjuni l-iktar imbiegħda : ta’ benefiċċju għall-Ewropa (COM(2008)642 finali)

    [4] Ara l-mapep mehmużin

    [5] Netwerks għall-paċi u l-iżvilupp : estensjoni tal-assi tat-trasport trans-Ewropej kbar lejn pajjiżi u reġjuni ġirien. Rapport finali tal-Grupp ta’ Livell Għoli ppresedut minn L.de Palacio

    [6] www.mcli.co.za

    [7] Djalogu informali tal-baċir tal-punent tal-Mediterran li jinvolvi l-Alġerija, Spanja, Franza, l-Italja, il-Libja, Malta, il-Marokk, il-Mawritanja, il-Portugall u t-Tuneżija

    [8] Id-Deċiżjoni ta' Yamassoukro hija bbażata fuq it-Trattat ta' Abuja u daħlet fis-seħħ fit-12 ta' Awwissu 2000. L-għan ewlieni tagħha huwa li ttejjeb l-isfruttar tas-servizzi tal-ajru minn kumpaniji Afrikani u l-ħolqien ta' aġenzija eżekuttiva responsabbli mis-superviżjoni u l-implimentazzjoni tal-proċess ta' liberalizzazzjoni.

    [9] Sena wara Liżbona : Is-sħubija tal-Afrika mal-UE f'ħidma

    [10] 17-il sieħeb: Il-Mawritanja, il-Marokk, l-Alġerija, it-Tuniżija, l-Eġittu, is-Sirja, l-Awtorità Palestinjana, l-Iżrael, il-Ġordanja, il-Libanu, it-Turkija, Montenegro, il-Kroazja, il-Bożnija u Ħerżegovina, Monako.

    [11] COM (2009) 160, 8.4.2009.

    [12] Dakar N'Djamena, Nouakchott-Lagos, Khartoum-Djibouti, Lagos-Mombasa, Le Caire-Gaborone, N'djamena-Windhoek, Beira-Lobito, Dar Es Salam-Kigali.

    [13] TRANSAFRIKA, STADIUM.

    [14] Il-Marokk, l-Alġerija, it-Tuniżija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordanja, il-Libanu, l-Awtorità Palestinjana, is-Sirja, it-Turkija.

    [15] Sors: Il-bank dinji, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (2004, 2007).

    [16] www.civitas.eu

    Top