This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009DC0273
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL on Strengthening Chemical, Biological, Radiological and Nuclear Security in the European Union – an EU CBRN Action Plan
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar it-Tisħiħ tas-Sigurtà Kimika, Bijoloġika, Radjoloġika u Nukleari fl-Unjoni Ewropea - Pjan ta’ Azzjoni CBRN tal-UE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar it-Tisħiħ tas-Sigurtà Kimika, Bijoloġika, Radjoloġika u Nukleari fl-Unjoni Ewropea - Pjan ta’ Azzjoni CBRN tal-UE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
/* */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar it-Tisħiħ tas-Sigurtà Kimika, Bijoloġika, Radjoloġika u Nukleari fl-Unjoni Ewropea - Pjan ta’ Azzjoni CBRN tal-UE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) /* */
MT || KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ Brussel 24.6.2009 KUMM(2009) 273 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar it-Tisħiħ tas-Sigurtà
Kimika, Bijoloġika, Radjoloġika u Nukleari fl-Unjoni Ewropea - Pjan
ta’ Azzjoni CBRN tal-UE
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE) {SEG(2009) 790}
{SEG(2009) 791}
{SEG(2009) 874} KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar it-Tisħiħ tas-Sigurtà
Kimika, Bijoloġika, Radjoloġika u Nukleari fl-Unjoni Ewropea - Pjan
ta’ Azzjoni CBRN tal-UE
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE) 1. Introduzzjoni Matul dawn l-aħħar għaxar sa
ħmistax-il sena, it-theddida li grupp terroristiku jakkwista materjali
Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi jew Nukleari (CBRN)
wasslet lill-gvernijiet u organizzazzjonijiet internazzjonali biex jadottaw
regolamenti[1] u programmi b’firxa wiesgħa biex
iħarsu lill-popli mir-riskji assoċjati. Dawn il-programmi qed
jipprovaw jindirizzaw tħassib li ngħata r-riħ permezz ta’
ċirkostanzi dokumentati ta’ interess li wrew ċerti gruppi
terroristiċi biex jakkwistaw materjali bħal dawn. Minkejja li,
b’xorti tajba, in-numru ta’ inċidenti fejn kienu involuti materjali
bħal dawn kien limitat, il-fehma ġenerali hija li r-riskji involuti
huma tali li, azzjoni kkoordinata f'termini ta' prevenzjoni, identifikazzjoni u
rispons hija indispensabbli. Anke jekk bosta esperti jaqblu li hemm
diffikultajiet konsiderevoli li t-terroristi jridu jegħlbu biex ikun
jista’ “jirnexxilhom” jiżviluppaw u jużaw materjali bħal dawn
fl-attakki tagħhom, u li għalhekk il-probabbiltà li dawn l-attakki
jseħħu hija pjuttost baxxa, huwa ċar li l-ebda awtorità pubblika
ma tista' tinjora din it-theddida fid-dawl tal-konsegwenzi potenzjali sinjifikanti
ħafna f’termini ta’ ħajjiet tan-nies, u l-effetti ekonomiċi
tagħhom. Hemm ukoll qbil fost l-esperti li l-każ ta’ xi attakk
kemxejn limitat hemm bżonn li jkun ikkunsidrat bir-reqqa, minħabba li
l-effetti psikoloġiċi, tas-saħħa u dawk ekonomiċi fuq
il-popolazzjoni ta' mqar attakk fuq skala żgħira fejn jintużaw
materjali bħal dawn, ikunu sinjifikanti. It-trattament tal-aċċess
tat-terroristi għal materjal CBRN bħalissa huwa meqjus bħala
prijorità għall-Unjoni Ewropea. Dan huwa rikonoxxut mill-Istrateġija
tal-Unjoni Ewropea ta' Kontra t-Terroriżmu adottata mill-Kunsill fl-1 ta'
Diċembru 2005, u permezz tal-"Istrateġija tal-UE kontra
l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda massiċċa u l-mezz ta' twassil
tagħhom (WMD)” adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta’ Diċembru 2003[2].
Barra minn hekk, il-Kunsill tal-ĠAI adotta Konklużjonijiet
speċifiċi fl-2007 li sejħu għal aktar xogħol
fil-livell tal-UE dwar is-sigurtà marbuta mas-CBRN[3]. 2. Definizzjonijiet M’hemmx definizzjonijiet aċċettati
minn kulħadd ta’ materjali, theddid jew inċidenti tat-tip CBRN -
pereżempju dokumenti ta’ politika aktar bikrija tal-UE f’dan il-qasam kemm
kemm jirreferu għal inċidenti CBRN mingħajr ma jiddefinixxu kif
kapaċi jkunu dawn l-inċidenti. Terminoloġija oħra marbuta
ma’ materjali CBRN tirreferi għal attakki terrotistiċi fejn ġew
użati mezzi mhux konvenzjonali - għall-kuntrarju tal-mezzi aktar
konvenzjonali ta’ splussivi u armi. Fil-kuntest militari, it-terminoloġija
tirreferi l-aktar għall-użu ta’ armi mhux konvenzjonali, jew AQM. Għall-finijiet ta’ din il-komunikazzjoni,
madankollu, huwa l-aktar utli li wieħed juża deskrizzjoni usa’ ta’
theddida terroristika li tikkonċerna l-materjali CBRN: l-użi kollu
ta' sustanzi u materjali kimiċi, bijoloġiċi,
radjoloġiċi jew nukleari għal skopijiet terroristiċi.
Approċċ li jħares lejn il-modi kollha possibbli li bihom
it-terroristi jistgħu jużaw dan il-materjal huwa l-uniku wieħed
aċċettabbli mil-lat ta' prevenzjoni u skoperta, minħabba li
r-riskji kollha possibbli marbuta ma' dan il-materjal għandhom ikunu
koperti. Madankollu, meta jitqies kemm wieħed ikun
imħejji u r-rispons f'dan il-kuntest, huwa inevitabbli li wieħed
jibda minn approċċ li jqis il-perikli kollha, għax kemm jekk
inċident tat-tip CBRN ikun aċċidentali jew inkella intenzjonat,
kif ukoll jekk ikun jew ma jkunx ikkaġunat mill-bniedem, ir-rispons
f’termini ta’ protezzjoni ċivili u ta’ saħħa x’aktarx ikun
l-istess. Il-pakkett ta’ politika tas-CBRN huwa għalhekk ġeneralment
ibbażat fuq approċċ li jqis il-perikli kollha, imma b’enfasi
f’saħħtu fuq il-ġlieda kontra t-theddida terroristika, b’mod
partikolari fir-rigward tal-azzjonijiet preventivi. 3. Żviluppi
reċenti tas-CBRN fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE Il-politika tas-CBRN ippreżentata
fil-qosor f’din il-Komunikazzjoni, tibni fuq numru ta’ miżuri differenti
li dan l-aħħar tressqu ’l quddiem kemm mill-Istati Membri kif ukoll
mill-Unjoni Ewropea. 3.1. Miżuri nazzjonali L-Istati Membri huma primarjament responsabbli
minn bosta oqsma ta’ xogħol li huma koperti mill-pakkett ta’ politika
preżenti. Huma responsabbli mill-protezzjoni taċ-ċittadini
tagħhom mit-theddidiet tat-tip CBRN permezz ta’ għadd ta’ miżuri
differenti, u bl-involviment ta’ firxa wiesgħa ta’ awtoritajiet
responsabbli. Se jkunu s-servizzi tagħhom tal-infurzar tal-liġi,
tal-protezzjoni ċivili u dawk mediċi li se jkunu tal-ewwel fuq
ix-xena ta' inċident, u se jkunu l-ambulanzi, l-isptarijiet u
l-ħażniet tagħhom ta' kontromiżuri li se jkun
meħtieġ minnhom li jipprovdu kemm għall-assistenza ta'
emerġenza medika kif ukoll għall-kura ta' wara. Il-kapaċitajiet
nazzjonali tal-forensika wkoll se jkunu msejħa biex jassistu biex
tiġi ddeterminata l-kawża ta’ kwalunkwe inċident, kif ukoll biex
jgħinu fl-identifikazzjoni tal-awturi fil-każ ta' attakk intenzjonat.
B’mod ġenerali, bosta Stati Membri huma relattivament imħejjija kif
jixraq biex jiffaċċjaw theddida tat-tip CBRN, u kollha kemm huma sabu
soluzzjonijiet tagħhom stess għall-isfidi sinjifikanti ta’
koordinazzjoni u oħrajn imposti mill-prevenzjoni, l-intraċċar u
eventwalment il-ġestjoni ta’ inċident tat-tip CBRN fi ħdan
il-kuntest nazzjonali tagħhom. 3.2. Miżuri fil-livell tal-UE Il-Kunsill Ewropew ta’ Ghent tal-2001 xpruna
l-ewwel passi fil-mod kif wieħed jilqa' għal theddida tat-tip CBRN
fil-livell tal-UE[4], u kien segwit mill-adozzjoni tal-“Programm
biex titjieb il-kooperazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-prevenzjoni u
l-limitazzjoni tal-konsegwenzi ta' theddidiet terroristiċi kimiċi,
bijoloġiċi, radjoloġiċi jew nukleari” f’Diċembru
tal-2002[5]. Il-Programm kien sostitwit mill-Programm
tal-UE ta’ Solidarjetà tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Diċembru
tal-2004 dwar il-konsegwenzi ta' theddidiet u attakki terroristiċi, li
wessa’, irreveda u ħa post il-Programm CBRN tal-2002 wara l-attakki
f'Madrid fil-11 ta' Marzu 2004[6]. L-elementi relevanti tal-Programm ta’
Solidarjetà kienu inklużi fl-Istrateġija ġenerali u l-Pjan ta’
Azzjoni dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu stabbilita fl-2005 wara
l-attakki f’Londra[7]. Kif issemma hawn fuq, il-Konklużjoniet
tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (ĠAI) tas-6 ta’
Diċembru 2007 “li jindirizzaw ir-riskji kimiċi, bijoloġiċi,
radjoloġiċi u nukleari u t-tħejjija kontra t-theddid
bijoloġiku” jipprovdu l-ħarsa ġenerali l-aktar reċenti
fil-livell tal-UE tal-attivitajiet li għaddejjin. Fil-konklużjonijiet
tiegħu l-Kunsill tal-ĠAI jiddikjara li: “Jikkunsidra li
linji politiċi effettivi għall-indirizzar tar-riskji tas-CBRN
għandhom jiġu żviluppati aktar (…)”. Barra minn hekk,
il-Konklużjonijiet “Jistiednu lill-Kummissjoni, f'konformità
mal-kompetenzi tagħha, tkompli l-ħidma tagħha fil-qasam tas-CBRN
flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti, filwaqt li
tevita d-duplikazzjoni u tibni fuq il-prattiki tajba fl-Istati Membri (...)”. Fuq in-naħa esterna, dan
l-approċċ operazzjonali u li jappartejni lil aktar minn pilastru
wieħed, li jinvolvi koordinazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati
Membri u l-Kummissjoni, huwa msaħħaħ permezz
tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-AQM u tal-istrumenti
Komunitarji bħall-Istrument għall-Istabbiltà, l-Istrument għas-Sigurtà
u l-Kooperazzjoni Nukleari (INSC) u l-Istrument għal Qabel l-Adeżjoni[8]. 3.3. Il-mekkaniżmi ta’
rispons tal-UE Filwaqt li r-responsabbiltà għar-rispons
għall-inċidenti tat-tip CBRN tibqa’ tal-Istati Membri, ġew
żviluppati fil-livell tal-UE proċeduri u għodod robusti
għall-ġestjoni tal-kriżijiet biex l-Istati Membri jiġu
megħjuna f'każ ta' kriżi b'implikazzjonijiet transkonfinali.
L-Unjoni Ewropea saħħet il-kapaċità tagħha sabiex
tiżgura approċċ u appoġġ ikkoordinat bejn l-Istati
Membri f’każijiet fejn attwalment iseħħ diżastru. Din
il-kooperazzjoni sseħħ permezz tal-Mekkaniżmi tal-Komunità
għall-Protezzjoni Ċivili[9]. Ir-rwol ewlieni ta’ dan il-Mekkaniżmu
huwa li jiffaċilita l-kooperazzjoni fl-interventi ta’ assistenza
tal-protezzjoni ċivili fil-każ ta’ emerġenzi kbar li jista’
jkollhom bżonn ta’ azzjonijiet urġenti ta' rispons. Permezz
taċ-Ċentru tas-Sorveljanza u l-Informazzjoni (MIC), il-Kummissjoni
attivament tappoġġja l-mobilizzazzjoni, t-trasport u l-koordinazzjoni
tal-assistenza tal-protezzjoni ċivili f'pajjiżi milquta minn
emerġenzi kbar. Barra minn hekk, l-Arranġamenti ta’
Koordinament fi Kriżi (CCA) jipprovdu approċċ li jinvolvi aktar
minn pilastru wieħed għall-ġestjoni tal-kriżijiet u huma
relevanti kemm għall-kriżijiet esterni u kemm għall-kriżijiet
fi ħdan l-UE. Il-Kummissjoni tipparteċipa f’dawn l-arraġamenti
permezz tas-sistema tagħha għall-ġestjoni tal-kriżijiet
ARGUS, li fost l-oħrajn tippermetti skambju ta' informazzjoni immedjat
bejn sistemi ta' avviżi rapidi tal-Kummissjoni bħas-sistema ECURIE
għall-emeġenzi radjoloġiċi, is-Sistema ta' Twissija u
Reazzjoni Bikrija (EWRS) għall-mard li jittieħed, l-RAS-BICHAT
għal theddidiet għas-saħħa bijoloġiċi u
kimiċi u ċ-Ċentru tas-Sorveljanza u l-Informazzjoni (MIC)
għal kwistjonijiet tal-protezzjoni ċivili. Barra minn hekk,
il-Kumitat dwar is-Sigurtà tas-Saħħa għandu rwol importanti
fit-tweġiba għal theddidiet għas-saħħa, b’mod notevoli
f’termini ta’ tħejjija għall-kriżijiet, eżerċizzji
dwar avvenimenti ta’ CBRN, kif ukoll fit-tfassil ta’ lista tal-patoġeni u
kimiċi li jġorru magħhom theddida għas-saħħa,
filwaqt li ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll
tal-Mard (ECDC) jipprovdi analiżi tar-riskji għall-mard li
jittieħed u inċidenti bijoloġiċi 4. Il-Pjan
ta’ Azzjoni CBRN tal-UE 4.1. L-iżvilupp tal-Pjan ta’
Azzjoni CBRN tal-UE - it-Task Force CBRN Sabiex titħejja l-politika CBRN
preżenti, il-Kummissjoni fi Frar tal-2008 stabbiliet Task Force tas-CBRN.
Waħda mill-aktar karatteristiċi f’saħħithom tax-xogħol
tat-Task Force kien l-approċċ multidixxiplinarju tagħha, li kien
jinvolvi aktar minn aġenzija waħda. Il-parteċipanti kienu
ġejjin minn firxa wiesgħa ta' awtoritajiet u organizzazzjonijiet
nazzjonali, li jvarjaw minn Ministeri differenti bħall-Affarijiet Interni,
il-Ġustizzja, id-Difiża u s-Saħħa, sa rappreżentanti
ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali ta’ rispons, difiża ċivili,
awtoritajiet għall-ħarsien mir-radjazzjoni u oħrajn li
jaġixxu minn tal-ewwel, kif ukoll istituti forensiċi u awtoritajiet ta'
salvagwardja nukelari. Ipparteċipaw ukoll rappreżentanti ta' korpi
tal-UE, b'mod partikolari l-Europol u l-Eurojust. Dan wera l-interess qawwi
minn bosta partijiet interessati li jkunu involuti fl-iżvilupp ta’
miżuri ulterjuri ta’ politika fil-livell Ewropew. Ir-rapport aħħari tat-Task Force
kien ippubblikat f’Jannar tal-2009 u kien jinkludi 264 rakkomandazzjoni
separata, li jikkonferma mhux biss li kien għad baqa’ ħafna
xogħol xi jsir, imma wkoll li kien hemm kunsens sod fost l-esperti dwar
l-aħjar mod kif wieħed jista' jittratta l-kwistjonijiet li jeżistu.
Il-Pjan ta’ Azzjoni CBRN tal-UE huwa bbażat fuq dan ir-rapport
aħħari. 4.2. L-għan ġenerali u
l-miżuri l-aktar importanti L-għan ġenerali tal-politika CBRN
il-ġdida li qed tiġi proposta huwa li titnaqqas it-theddida u
l-ħsara minn inċidenti tat-tip CBRN liċ-ċittadini
tal-Unjoni Ewropea, permezz ta’ Pjan ta’ Azzjoni CBRN tal-UE prijoritizzat,
koerenti, li jinvolvi l-partijiet interessati relevanti kollha, inklużi
rappreżentanti tal-industrija. Se jkunu mfittxija l-koerenza u l-komplimentarjetà
permezz tal-istrumenti relevanti tal-Komunità u l-PESK, b’mod partikolari
l-Istrument għall-Istabbiltà[10], l-INSC u l-IPA, li jfittxu li jrattbu
r-riskji tas-CBRN u jaħdmu għat-tħejjija għalihom barra
mill-UE, kif ukoll dispożizzjonijiet relevanti tat-trattat tal-Euratom u
leġiżlazzjoni sekondarja. Dan l-għan se jintlaħaq
bil-konċentrazzjoni tal-isforzi u r-riżorsi biex tiġi
mminimizzata l-possibilità li jseħħu inċidenti tat-tip CBRN u li
jiġu mnaqqsa l-konsegwenzi tagħhom jekk fil-fatt iseħħu.
Uħud mill-miżuri l-aktar importanti biex dawn l-għanijiet
jintlaħqu huma: · Li jiġi użat approċċ ibbażat fuq ir-riskju
għas-sigurtà CBRN fl-Unjoni Ewropea. Dan iġib miegħu l-użu
ta’ valutazzjonijiet tar-riskju biex imexxu l-prijoritizzazzjoni
tal-miżuri ta’ sigurtà; · Li jiġi żgurat li l-materjali tas-CBRN ikunu protetti kif
jixraq u li jitnaqqas il-potenzjal li jmorru fejn mhux suppost; · Li jissaħħaħ l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati
Membri dwar kwistjonijiet tas-sigurtà relatati mas-CBRN sabiex ikun hemm
reazzjoni aktar bil-ħeffa kontra theddidiet li jixirfu; · Li jittejjeb l-iżvilupp u l-użu tas-sistemi ta’ sejbien
madwar l-UE; u · Li dawk li jirrispondu jiġu pprovduti bl-għodod
meħtieġa biex isalvaw il-ħajjiet u jillimitaw il-ħsara
lill-proprjetà fil-każ ta’ inċidenti tat-tip CBRN. Dawn l-għanijiet se jintlaħqu
permezz tal-implimentazzjoni tal-133 miżura deskritti fil-Pjan ta’ Azzjoni
CBRN tal-UE, li huwa parti mill-pakkett ta’ politika preżenti. Il-Pjan ta’ Azzjoni CBRN tal-UE mhuwiex
strument legali. Għalhekk, konsegwenzi legali u baġetarji immedjati
għall-UE jistgħu jiġu biss minn strumenti legali futuri
possibbli li jimplimentaw il-Pjan ta’ Azzjoni, li jkunu suġġetti
għal valutazzjonijiet separati u minn qabel tal-impatt - li jinkludu
valutazzjoni tal-impatt tagħhom fuq setturi ekonomiċi u ambjenti ta’
riċerka u sorveljanza sistematika u rigoruża biex tiġi
żgurata l-kompatibbilità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni
Ewropea. 4.3. Oqsma Prinċipali ta'
Xogħol Il-Pjan ta’ Azzjoni jipprevedi tliet oqsma
ewlenin tax-xogħol ta’ sigurtà tas-CBRN: · Prevenzjoni - jiżgura li l-aċċess mhux awtorizzat
għall-materjali CBRN li jqanqlu tħassib ikun kemm jista’ jkun
diffiċli; · Sejbien - ikollu l-kapaċità li jintraċċa materjali CBRN
sabiex jippreveni jew jirreaġixxi għal inċidenti CBRN; · Tħejjija u rispons - ikun kapaċi jwieġeb b’mod
effiċjenti għal inċidenti li jinvolvu materjal CBRN u jistejqer
minnhom kemm jista' jkun malajr. Dawn it-tliet oqsma ta’ xogħol huma
mwieżna minn numru ta’ miżuri orizzontali, li huma ġeneralment
applikabbli għax-xogħol kollu tas-CBRN. 4.4. Prevenzjoni Il-miżuri preventivi huma l-punt fokali
ewlieni tal-Pjan ta’ Azzjoni CBRN. Dan ifisser li l-isforzi għandhom ikunu
kkonċentrati fuq numru limitat ta’ vulnerabbiltajiet, li jistgħu
ikunu sfruttati għal għanijiet ħajjiena, fuq il-bażi ta’
proċessi robusti ta’ valutazzjoni tar-riskju. Bħala konsegwenza,
waħda mill-ewwel attivitajiet li trid issir skont il-Pjan ta’ Azzjoni CBRN
għandha tkun il-prijoritizzazzjoni ta’ materjal CBRN b’riskju għoli
bbażata fuq valutazzjoni eżawrijenti tar-riskju. Dan se jkun
prerekwiżit għal bosta miżuri ulterjuri immirati
speċifikament lejn materjali CBRN b’riskju għoli. Azzjonijiet li jiġu wara se
jikkonċentraw fuq is-sigurtà tal-materjali u l-faċilitajiet CBRN.
il-kontroll fuq il-materjali CBRN , l-iżvilupp ta’ kultura ta’ sigurtà
għolja għall-persunal, it-tisħiħ tal-identifikazzjoni ta’
tranżazzjonijiet u mġibiet suspettużi b'rabta ma' materjali CBRN
b’riskju għoli, it-titjib tas-sigurtà tat-trasport, l-iskambju tal-informazzjoni,
ir-reġimi tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u t-tisħiħ
tal-kooperazzjoni dwar is-sigurtà tal-materjali nukleari. 4.5. Is-sejbien Il-kapaċita tas-sejbien hija suppliment
indispensabbli għall-prevenzjoni. L-intraċċar huwa wkoll
kruċjali biex jiġi żgurat rispons xieraq għal inċident
tat-tip CBRN, għax mingħajr sejbien huwa impossibbli li wieħed
ikun ċert liema materjal kien involut fl-inċident. F’Unjoni Ewropea
mingħajr fruntieri interni, għandhom jiġu installati sistemi ta’
sejbien u jiġu użati kemm fil-fruntieri esterni u kemm fi ħdan
kull Stat Membru. Sejbien xieraq u immedjat jista’ jsalva eluf ta’ ħajjiet
u jipprovdi l-isfond meħtieġ għal rispons kif għandu jkun. Sforzi fil-livell tal-Unjoni Ewropea li
għandhom x’jaqsmu mal-użu tat-tagħmir tas-sejbien
għall-materjali CBRN se jikkonċentraw fuq l-iżvilupp ta’
standards minimi tal-intraċċar biex jiġu applikati madwar l-UE
kollha, biex jiġu stabbiliti skemi ta' provi, ittestjar u
ċertifikazzjoni għall-intraċċar tas-CBRN u jiġi
mtejjeb l-iskambju tal-prattiki tajba dwar l-intraċċar tal-materjali
CBRN. 4.6. Tħejjija u rispons Għandu jsir xogħol ulterjuri sabiex
jissaħħu l-miżuri eżistenti, mod partikolari fir-rigward
ta' inċidenti ħajjenin tat-tip CBRN. Għandha tingħata
attenzjoni speċifika lill-ippjanar ta’ emerġenza tas-CBRN,
it-tisħiħ tal-kapaċità tal-kontromiżuri,
it-tisħiħ tal-flussi ta’ informazzjoni, l-iżvilupp ta’
għodod aħjar ta’ mmudellar u t-titjib tal-kapaċità
tal-investigazzjoni kriminali. 4.7. Azzjonijiet orizzontali L-azzjonijiet orizzontali stabbiliti fil-Pjan
ta’ Azzjoni CBRN jikkonċentraw fuq kooperazzjoni internazzjonali,
komunikazzjoni mal-pubbliku, għodod ta’ informazzjoni, taħriġ,
is-sigurtà tal-persunal, ir-riċerka u l-kriminalizzazzjoni tal-atti CBRN. 5. Implimentazzjoni 5.1. Strutturi Eżistenti L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni
għandha tiġi mbuttata ’l quddiem primarjament permezz tal-istrutturi
eżistenti. Għalkemm il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE jaħseb
fit-twaqqif ta' numru żgħir ta' strutturi ta' xogħol ġodda,
dawn huma primarjament maħsuba bħala arranġamenti temporanji ta’
xogħol, li għandhom għanijiet speċifiċi u limitati
biż-żmien. Fil-qasam tal-protezzjoni ċivili,
ix-xogħol se jsir mill-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili
tal-Komunità u mill-Istrument Finanzjarju tal-Protezzjoni Ċivili biex
tissaħħaħ it-tħejjija għal inċidenti tat-tip
CBRN. Dan jinkludi workshops, taħriġ (mill-anqas darba fis-sena),
skambju ta’ esperti, eżerċizzji ta’ simulazzjoni, żvilupp ta’
xenarji u valutazzjoni tal-kapaċità. Huma meħtieġa passi
ulterjuri biex tiżdied il-kapaċità tar-rispons tal-UE għas-CBRN,
partikolarment billi tiżdied id-disponibbiltà tal-moduli tal-protezzjoni
ċivili u tiġi esplorata l-ħtieġa ta' tipi ta' moduli
ġoda u l-fattibiltà li l-moduli ewlenin jitqiegħu fil-post minn qabel
fil-każ ta’ avvenimenti pubbliċi kbar. It-truf differenti ta’
xogħol taħt il-Mekkaniżmu se jiġu mtejba permezz
tat-tnedija ta' Programm tal-UE ta' Reżistenza għas-CBRN, li
jġib flimkien l-attivitajiet varji tal-protezzjoni ċivili
inklużi fil-Pjan ta' Azzjoni CBRN tal-UE u jiżgura kontribuzzjoni
konsolidata mill-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili
għall-implimentazzjoni ġenerali ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni. Fis-settur tas-Saħħa, diġà
ġie żviluppat qafas estensiv. Il-Kumitat dwar is-Sigurtà
tas-Saħħa u mekkaniżmi eżistenti ta’ skambju ta’
informazzjoni bħall-EWRS, RAS BICHAT u l-RASFF se jkollhom rwol importanti
fl-implimentazzjoni ta’ miżuri relatati mas-saħħa tal-Pjan ta’
Azzjoni. 5.2. Il-Grupp Konsultattiv dwar
is-CBRN Minħabba li t-Task Force tas-CBRN kienet
indispensabbli fit-twaqqif tal-pakkett kurrenti ta’ politika, il-Kummissjoni se
tkompli taħdem mal-membri tat-Task Force ukoll fil-fażi
implimentattiva, permezz tat-twaqqif u l-presidenza tal-Grupp Konsultattiv dwar
is-CBRN. Is-sottogruppi li qed jittrattaw kwistjonijiet marbuta mal-materjali
Kimiċi, Bijoloġiċi u materjali Radjoloġiċi/Nukleari
jistgħu jiltaqgħu darbtejn fis-sena biex jiddiskutu
l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni wara l-adozzjoni tiegħu, u
jinkludu rappurtar mill-ftit sottogruppi imsemmija hawn fuq li jindirizzaw kwistjonijiet
speċifiċi. Dawn is-sottogruppi mbagħad jistgħu jirrappurtaw
lill-Grupp Konsultattiv ġenerali, li jitratta l-kwistjonijiet orizzontali
kollha, li jista' jiltaqa' darbtejn fis-sena, skont il-ħtieġa.
Naturalment, għandu jkun żgurat l-iskambju tal-informazzjoni u
koordinazzjoni ma’ strutturi li jeżistu diġà, bħal gruppi ta’
xogħol relevanti tal-Kunsill, il-Kumitat dwar is-Sigurtà
tas-Saħħa u gruppi mwaqqfa taħt it-trattat tal-Euratom. 5.3. Is-sostenn finanzjarju
tal-Kummissjoni L-għodod finanzjarji ewlenin li
l-Kummissjoni għandha f’idejha biex tappoġġja l-implimentazzjoni
tal-pakkett kurrenti ta’ politika huma l-Programmi Finanzjarji Eżistenti,
b’mod partikolari l-programm speċifiku ‘Il-Ġestjoni tal-Prevenzjoni,
tat-Tħejjija u tal-Konsegwenzi tat-Terroriżmu u riskji oħra
tas-sigurtà relatati’, kif ukoll il-programm speċifiku “Il-Prevenzjoni
tal-Kriminalità u l-Ġlieda Kontrieha”[11]. Dawn il-programmi speċifiċi se jkopru
l-perjodu sa Diċembru 2013. Il-Programmi
Annwali ta’ Xogħol taż-żewġ programmi finanzjarji se
jispeċifikaw l-ammonti disponibbli għall-implimentazzjoni tal-pakkett
kurrenti ta’ politika. Hu maħsub li sa
100 miljun euro se jkunu disponibbli f’appoġġ
għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni CBRN matul il-perjodu
2010-2013. Finanzjament addizzjonali li joħroġ
mill-programmi u l-istrumenti li ġejjin se jikkontribwixxi wkoll
għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni. L-Istrument Finanzjarju tal-Protezzjoni
Ċivili[12] jipprovdi għal finanzjament għal
“appoġġ u żieda mal-isforzi tal-Istati Membri
għall-protezzjoni, primarjament tan-nies imma wkoll tal-ambjent u
l-proprjetà, li jinkludi l-wirt kulturali, fil-każ ta’ diżastru
naturali jew ikkaġunat mill-bniedem, atti ta’ terroriżmu u
inċidenti teknoloġiċi, radjoloġiċi jew ambjentali u
biex tiġi ffaċilitata kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati
Membri fil-qasam tal-protezzjoni ċivili”[13]. Anki dan l-istrument
jibqa’ għaddej sal-31 ta’ Diċembru 2013. Fil-qasam tar-riċerka, is-Seba’ Programm
Qafas għar-Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta'
Dimostrazzjoni[14], b'mod partikolari l-parti li għandha
x'taqsam mar-riċerka tas-sigurtà, jipprovdi opportunitajiet ta'
finanzjament sinjifikanti fl-oqsma tar-riċerka pprijoritizzati permezz
tal-Pjan ta’ Azzjoni CBRN tal-UE. Ir-riżultati
marbuta mas-CBRN (sejbien, ġestjoni tal-kriżijiet) tal-ewwel
sejħiet għall-proposti progressivament diġà qed isiru
disponibbli. Bħall-programmi finanzjarji
l-oħra msemmija, dan il-Programm Qafas jibqa’ għaddej sal-31 ta’
Diċembru 2013. Prijoritajiet ulterjuri
tar-riċerka fis-sigurtà se jassorbu informazzjoni li toħroġ
mix-xogħol tal-Forum Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni
fis-Sigurtà (ESRIF), li r-rapport tiegħu għandu jinkludi
indikazzjonijiet fuq it-theddidiet futuri tal-materjali CBRN u l-isforzi
tar-riċerka u l-innovazzjoni meqjusa bħala meħtieġa biex jiġġilduhom. Il-Programm tal-UE dwar is-Saħħa
2008-2013 se jibqa’ jappoġġja x-xogħol tal-Kumitat dwar
is-Sigurtà tas-Saħħa u jappoġġja l-azzjonijiet dwar
it-tħejjija u r-rispons għat-theddidiet tat-tip CBRN lis-saħħa
pubblika. Fl-aħħar nett,
għall-każijiet fejn attwalment seħħ inċident tat-tip
CBRN, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet espansjoni fl-amibitu tal-Fond ta'
Solidarjetà eżistenti tal-Unjoni Ewropea sabiex ikun jista' jiġi
użat biex jassisti lill-Istat(i) Membru/i milquta biex
jimmaniġġjaw il-konsegwenzi[15]. Waħda mill-modalitajiet
speċifiċi tal-użu tal-fondi disponibbli biex jiġi
implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni CBRN tista’ tkun li jiġu pprovduti
għotjiet lil Stat Membru waħdu jew lil grupp ta’ Stati Membri biex
jieħdu f'idejhom l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet
partikolari. Naturalment, dan il-kunċett jista’ jiġi implimentat biss
sakemm ikun jirrispetta l-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u
l-Kumissjoni skont ir-regoli finanzjarji applikabbli. 5.4. L-iskeda, ir-rappurtar u
r-reviżjoni Il-pjan ta’ Azzjoni CBRN tal-UE se jkun
rivedut fl-2013. Dan il-perjodu għandu jkun twil biżżejjed biex
jinkiseb progress sinjifikanti, u jidħol komdu fl-iskeda tal-programmi
finanzjarji li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tiegħu. Matul dan
il-perjodu, se jsir rappurtar u sorveljanza regolati tal-implimentazzjoni
permezz tal-involviment kontinwu tal-Grupp Konsultattiv kif deskritt hawn fuq,
inklużi rapporti lill-Grupp(i) ta’ Ħidma rispettivi tal-Kunsill li
jitrattaw kwistjonijiet tas-CBRN. Rapport ta’ nofs it-terminu se jkun ipprovdut
ukoll mill-Kummissjoni. Minħabba n-natura flessibbli tal-Pjan ta’ Azzjoni
jista’ jkun hemm qbil fuq adattazzjonijiet tal-prijoritajiet stabbiliti u
tibdiliet oħra f’kull hin waqt il-kors tal-implimentazzjoni. 6. Pont
bejn is-Sigurtà u s-Saħħa - ħarsa ġenerali lejn
l-aħjar prattiki Waħda mill-konklużjonijiet ta’
xogħol aktar bikri dwar it-tħejjija kontra t-theddid bijoloġiku,
li tressaq ’il quddiem mill-Kummissjoni flimkiem mal-Europol u l-awtoritajiet
nazzjonali responsabbli mill-infurzar tal-liġi u mis-saħħa,
kienet li għandhom jiġu żviluppati aktar kooperazzjoni u
koordinazzjoni bejn il-bosta atturi differenti li huma involuti fil-prevenzjoni
u r-reazzjoni għall-inċidenti tat-tip CBRN. Minkejja li dawn l-atturi
kollha jaħdmu għall-benefiċċju tal-pubbliku, u li l-ewwel
prijorità tagħhom hija dejjem is-salvagwardja tal-ħajjiet
tal-bnedmin, huwa inevitabbli li huma jiffaċċjaw inċident
prinċipalment mill-perspettiva tar-responsabbiltà tagħhom stess.
L-attivitajiet kollha ta’ dawn l-awtoritajiet x’aktarx li jsiru f’ambjent li
jkun disturbat bil-kbir minn avveniment trawmatiku li jkun għadu kif
seħħ, possibilment bl-involiment ta’ ħafna mwiet.
Sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip għandhom jiġu ġestiti tajjeb u
jsir taħriġ regolari ħafna sabiex ir-rispons ġenerali jkun
ikkoordinat tajjeb u effettiv daqskemm il-pubbliku għandu d-dritt li
jistenna. Sabiex l-Istati Membri jiġu assistiti
biex ix-xogħol tagħhom f’dawn l-oqsma jitressaq ’il quddiem,
il-Kummissjoni ġabret ir-riżultati ta’ tliet workshops reġjonali
separati, fejn ġew diskussi kwistjonijiet bħal dawn bejn
il-prattikanti mill-Istati Membri f'dokument li stabbilixxa dak li kien
ikkonfermat mill-esperti ta' x'kellhom ikunu l-aħjar prattiki, b’mod
partikolari fil-qasam tal-kimika u tal-bijoloġija. Dan id-dokument huwa
maħsub biss biex jappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi
kurrenti tagħhom biex itejbu t-tħejjija tagħhom għas-CBRN. 7. Ir-relazzjonijiet
esterni L-aktar parti importanti tal-politika tal-UE
dwar ir-relazzjonijiet esterni marbuta mat-theddida tas-CBRN hija
l-Istrateġija tal-UE kontra t-Tixrid tal-Armi ta' Qerda Massiva -
magħrufa wkoll bħala l-Istrateġija tal-UE għall-AQM,
adottata f’Diċembru tal-2003. Din l-Istrateġija dan l-aħħar
kienet aġġornata u riveduta, u dan wassal biex il-Kunsill jadotta
“Linji ġodda għal azzjoni mill-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra
t-tixrid tal-armi ta' qerda massiva u s-sistemi ta' twassil tagħhom"
f'Diċembru tal-2008[16]. Dawn il-linji ġodda għal azzjoni
u l-pakkett kurrenti CBRN tal-UE, flimkien mal-Istrumenti relevanti
tal-Komunità, b'mod partikolari l-Istrument ta' Stabbiltà, għandhom effett
ta' tisħiħ reċiproku fuq it-tnaqqis tar-riskji tal-materjali
CBRN. Min-naħa tagħha l-Kummissjoni se tiżgura approċċ
konsistenti u kkoordinat fl-implimentazzjoni tagħhom. F’Marzu tal-2009,
il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni fejn ippreżentat il-fehmiet
tagħha dwar in-nonproliferazzjoni nukleari[17]
u modi possibbli biex issaħħaħha billi tħares min-naħa
tad-dispożizzjonijiet tat-trattat tal-Euratom marbuta mas-sigurtà nukleari. Permezz tal-Istrument għall-Istabbiltà,
il-Kummissjoni tappoġġa lil pajjiżi terzi biex jiżviluppaw
it-taħriġ u l-assistenza fit-tnaqqis tar-riskju u t-tħejjija
għal riskji CBRN. L-assistenza tal-UE qed tespandi progressivament
mill-pajjiżi ta’ dik li kienet l-Unjoni Sovjetika għal reġjuni
oħra ta’ tħassib, li jinkludu x-Xlokk tal-Asja, il-Lvant Nofsani u
partijiet mill-Afrika, b’mod partikolari fl-oqsma nukleari u
bijoloġiċi. L-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 tal-Kunsill
tas-Sigurtà tan-NU se tissaħħaħ ulterjorment bl-appoġġ
lill-IAEA, l-ingaġġ ta’ eks xjenzati tal-AQM, l-indirizzar
tal-kuntrabandu nukleari, inklużi prattiki finanzjarji qarrieqa, u
l-kontribut għal-kontroll aktar effiċjenti ta’ esportazzjoni u ta’
ġestjoni tas-sorveljanza tal-fruntieri. “Ċentri ta’
eċċellenza fis-CBRN” fuq bażi reġjonali se jkunu
strumentali sabiex ikun hemm skambju tal-aħjar prattiki, jiġi
appoġġjat il-bini ta’ kapaċità u jkun hemm skambju
tal-esperjenzi miksuba fil-livell tal-UE ma’ reġjuni ewlenin. L-Istrument
għall-Istabbiltà, b’madwar €300 miljun għall-perjodu 2007-2013, se
jfittex li jiżviluppa kultura ta’ sigurtà u sikurezza b’rabta mas-CBRN
madwar id-dinja. Karatteristika ewlenija tal-Istrument ta’
Stabbiltà huwa l-involviment mill-qrib tal-esperti tal-Istati Membri permezz
ta’ mekkaniżmu ġdid: il-Faċilità ta' Appoġġ
mill-Esperti. L-esperti tal-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, wettqu
serje ta’ missjonijiet u workshops matul l-aħħar sena biex
jidentifikaw oqsma ta’ prijorità. Sfida kbira ġejja mill-iżvilupp ta’
setturi ġodda f’ekonomiji emerġenti u r-riskji assoċjati
mal-proliferazzjoni tas-CBRN, b’mod partikolari fil-kuntest tal-hekk
imsejjaħ “rinaxximent nukleari” u l-bijoteknoloġija. Biex tittratta
riskji bħal dawn il-Kummissjoni qed tappoġġja l-inizjattiva biex
jiġu mwaqqfa banek multilaterali tal-fjuwil nukleari. Il-possibbiltà li
terroristi jippruvaw jisfruttaw il-pandemiji hija wkoll tħassib kbir
marbut mas-sigurtà u mas-saħħa. Għal dan l-għan,
il-Kummissjoni fi ħsiebha tippromwovi miżuri speċifiċi li
jinkludu sistemi ta’ twissija bikrija u skambju tal-aħjar prattiki li
jinvolvu l-organizzazzjonijiet reġjonali. Iċ-ċentri
reġjonali CBRN għall-eċċellenza se jkunu l-fus ta’ dawn
l-attivitajiet. Kwistjonijiet marbuta mat-theddida tal-materjali CBRN huma
diskussi wkoll f’numru sinjifikanti ta’ fora internazzjonali, u huma ttrattati
minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Aġenzija
Internazzjonali[18] tal-Enerġija Atomika (IAEA),
l-Organizzazzjoni għall-Prevenzjoni tal-Armi Kimiċi (OPCW), il-Konferenza
BTWC, l-Interpol u l-Inizjattiva Gobali għas-Sigurtà tas-Saħħa
(GHSI) B’konformità sħiħa mal-artikolu 19 tat-Trattat dwar l-Unjoni
Ewropea, waħda mir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Pjan ta’ Azzjoni CBRN
tal-UE hija li l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel sforz aktar
f’saħħtu biex tippreżenta fehma kkoordinata f’fora
internazzjonali bħal dawn u fil-laqgħat ta’ dawn
l-organizzazzjonijiet internazzjonali. F’sens aktar ġenerali, sforzi għal
kontra t-terroriżmu jifformaw parti minn bosta arranġamenti ta’ kooperazzjoni
li qed jitħaddmu jew qed jiġu nnegozjati bejn l-UE u Pajjiżi
terzi. Fl-2002 il-Kunsill iddeċieda li klawżola standard kontra
t-terroriżmu għandha tiġi inserita f’kull arranġament ma’
pajjiżi terzi. Barra minn hekk, minn Novembru tal-2003, ġew inseriti
klawżoli AQM fil-ftehimiet imħallta kollha kemm dawk ġodda u
kemm imġedda, li llum ikopru madwar 100 pajjiż. Ix-xogħol fuq
kwistjonijiet CBRN ma’ msieħba strateġiċi bħall-Istati
Uniti jista’ jiġi żviluppat ulterjorment ukoll fuq il-bażi
tal-pakkett ta' politika kurrenti. Mill-perspettiva tas-saħħa pubblika,
il-Kummissjoni se tkompli tipparteċipa u tappoġġja x-xogħol
tal-Inizjattiva Globali tas-Sigurtà tas-Saħħa, u fl-2009 fi
ħsiebha tippreżenta Komunikazzjoni dwar is-sigurtà
tas-saħħa, li fiha se tagħti spjega fuq fuq tal-aspetti interni
u esterni tas-sigurtà dwar is-saħħa. 8. Konklużjonijiet Il-protezzjoni tal-popli tal-Unjoni Ewropea
mit-terroriżmu u minn theddidiet kriminali oħrajn hija prijorità
kbira għall-Kummissjoni. Bħal ma jixhdu avvenimenti madwar id-dinja,
hemm interess kontinwu mit-terroristi li jiksbu materjali kimiċi,
bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN). L-Unjoni Ewropea
hija impenjata li tiżgura li theddidiet nonkonvenzjopnali bħal dawn
ma jsirux realtà. Il-Pjan ta’ Azzjoni CBRN tal-UE se jikkontribwixxi bil-qawwa
biex dan l-impenn jiġi implimentat. [1] Bħar-Riżoluzzjoni 1540 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU . [2] 15708/03
u SN 400/03, nru 68. Ara wkoll infra, paragrafu 7. [3] 16589/07, tas-17 ta' Diċembru 2007. [4] SN
4292/01 REV 2. [5] 14627/02. [6] 15480/04. [7] 14469/4/05,
para 20 u 31. [8] Ara
wkoll il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar “Nindirizzaw l-isfida
internazzjonali tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari”, COM (2008) 312 finali
tat-22.5.2008, u dwar in-nonproliferazzjoni nukleari, COM (2009) 143 finali
tas-26.3.2009. [9] Deċiżjoni
tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001– imfassla mill-ġdid permezz
tad-Deċiżjoni 2007/779/KE (ĠU L 314, 1.12.2007, p.9). [10] Ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 (ĠU L 327, 24.11.2006,
p. 1). [11] ĠU L 58 tal-24.2.2007, pp. 1 u 7. [12] ĠU L 71, 10.3.2007, p. 9. [13] Id-Deċiżjoni
li twaqqaf l-Istrument Finanzjarju tal-Protezzjoni Ċivili (ĠU L71,
10.3.2007, p.9). [14] Deċiżjoni
1982/2006/KE (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1). [15] Proposta
għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi
l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea COM(2005) 108 finali, 6.4.2005. [16] 17172/08,
17 ta’ Diċembru 2008. [17] COM(2009)
143 finali, 26.03.2009. [18] Bħall-Inizjattiva
Globali Kontra t-Terroriżmu Nukleari (GICNT), u reġimi ta’ kontroll
ta’ esportazzjoni ta’ affarijiet għal użu doppju bħall-Grupp
tal-Fornituri Nukleari, l-Arranġament Wassenaar, il-Grupp Australia u
r-Reġim ta’ Kontroll tat-Teknoloġija Missilistika.